Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0492

Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 492/2014 tas- 7 ta' Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli għat-tiġdid ta' awtorizzazzjonijiet tal-prodotti bijoċidali soġġetti għal rikonoxximent reċiproku Test b'rilevanza għaż-ŻEE

ĠU L 139, 14.5.2014, p. 1–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2014/492/oj

14.5.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 139/1


REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 492/2014

tas-7 ta' Marzu 2014

li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli għat-tiġdid ta' awtorizzazzjonijiet tal-prodotti bijoċidali soġġetti għal rikonoxximent reċiproku

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (1), u partikolarment l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 40 tiegħu,

Billi:

(1)

Huwa xieraq li jiġu stabbiliti regoli supplementari għat-tiġdid ta' awtorizzazzjonijiet nazzjonali li jkunu ġew soġġetti għal rikonoxximent reċiproku skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jew skont l-Artikoli 33 u 34 tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, kemm fl-Istati Membri li jkunu ħarġu l-ewwel awtorizzazzjoni u f'dawk l-Istati Membri li jkunu taw awtorizzazzjoni permezz ta' rikonoxximent reċiproku tal-ewwel awtorizzazzjonijiet.

(2)

Sabiex tiġi evitata duplikazzjoni tax-xogħol bla bżonn u sabiex tkun żgurata l-konsistenza, it-tiġdid ta' awtorizzazzjonijiet li jkunu ġew soġġetti għal rikonoxximent reċiproku, l-ewwel nett għandu jitmexxa mill-awtorità kompetenti ta' Stat Membru ta' referenza uniku. Sabiex jipprovdi flessibbiltà għall-applikanti u l-awtoritajiet kompetenti, l-applikant għandu jkollu l-opportunità li jagħżel l-Istat Membru ta' referenza soġġett għall-kunsens ta' dan tal-aħħar.

(3)

Sabiex jeħfiefu l-proċedura u l-kompiti li jridu jwettqu l-awtoritajiet kompetenti, il-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament għandu jkun limitat għal dawk l-awtorizzazzjonijiet li, apparti minn eċċezzjonijiet limitati, ikollhom l-istess termini u kundizzjonijiet fl-Istati Membri kollha fi żmien l-applikazzjoni għat-tiġdid. Għal awtorizzazzjonijiet nazzjonali oħra, għandha titressaq applikazzjoni għat-tiġdid lill-Istat Membru kkonċernat skont l-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) Nru 528/2012.

(4)

Il-kontenut ta' applikazzjoni għat-tiġdid ta' awtorizzazzjoni nazzjonali huwa speċifikat skont l-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. Madankollu, għal applikazzjonijiet għat-tiġdid ta' awtorizzazzjonijiet nazzjonali mogħtija abbażi ta' rikonoxximent reċiproku, il-kontenut tal-applikazzjoni għandu jiġi speċifikat aktar, b'mod partikolari biex jeħfief ix-xogħol tal-Istati Membri involuti fit-tiġdid ta' dawn l-awtorizzazzjonijiet.

(5)

Biex jitqies l-ammont ta' xogħol assoċjat mal-valutazzjoni, iż-żmien permess għall-ipproċessar ta' applikazzjoni għandu jiddependi fuq jekk hemmx bżonn issir evalwazzjoni sħiħa.

(6)

Sabiex ikun ipprovdut l-istess livell ta' protezzjoni meta awtorizzazzjoni tiġi mġedda bħal meta tingħata l-ewwel darba, il-validità massima ta' awtorizzazzjonijiet imġedda ma għandhiex taqbeż dik tal-ewwel awtorizzazzjonijiet. Barra minn hekk, għandhom jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet ta' tneħħija gradwali għall-prodotti eżistenti fis-suq ta' Stati Membri għal dawk l-awtorizzazzjonijiet li għalihom applikazzjoni għat-tiġdid mhix sottomessa jew miċħuda.

(7)

Huwa xieraq li wieħed jirreferi kull nuqqas ta' qbil fl-applikazzjonijiet tal-evalwazzjoni ta' tiġdid lill-grupp ta' koordinazzjoni stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 528/2012 sabiex jiġi eżaminat in-nuqqas ta' qbil dwar l-awtorizzazzjoni tal-prodott, u biex ikunu permessi derogi minn rikonoxximent reċiproku, imsejsa fuq raġunijiet ġenerali għal tali derogi stabbiliti fl-Artikolu 37 ta' dak ir-Regolament.

(8)

Sabiex ikun hemm aktar prevedibbiltà, il-linji gwida dwar id-dettalji marbuta mat-trattament ta' tiġdid għandhom jiġu żviluppati mill-Aġenzija u jkunu aġġornati b'mod regolari fuq il-bażi ta' esperjenza u progress xjentifiku jew tekniku,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Is-suġġett u l-kamp ta' applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jistipula r-regoli għat-tiġdid ta' awtorizzazzjoni nazzjonali ta' prodott bijoċidali jew familja tal-prodott bijoċidali li ġiet soġġetta għal rikonoxximent reċiproku skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 98/8/KE jew l-Artikoli 33 u 34 tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, jew ta' awtorizzazzjoni nazzjonali mogħtija permezz ta' rikonoxximent reċiproku (minn issa 'l quddiem “awtorizzazzjoni”).

2.   Dan ir-Regolament għandu japplika għal awtorizzazzjonijiet bl-istess termini u kundizzjonijiet waqt l-applikazzjoni għat-tiġdid fl-Istati Membri kollha meta jintalab tiġdid.

3.   Dan ir-Regolament għandu japplika wkoll għal awtorizzazzjonijiet li għandhom termini u kundizzjonijiet rigward wieħed minn dawn l-aspetti jew aktar:

(a)

dwar informazzjoni biss li tista' tkun is-suġġett ta' bidla amministrattiva skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 354/2013 (3);

(b)

derivati minn aġġustament tal-ewwel awtorizzazzjoni bbażat fuq it-tieni u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 98/8/KE;

(c)

stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni adottata skont l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 98/8/KE jew skont l-Artikolu 37(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012;

(d)

derivati minn ftehim mal-applikant skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 37(2) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, jew minn ftehimiet ekwivalenti milħuqa fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 98/8/KE.

Artikolu 2

Il-kontenut tal-applikazzjoni

1.   Applikazzjoni għat-tiġdid ta' awtorizzazzjoni għandha ssir bil-formola tal-applikazzjoni disponibbli fir-Reġistru għall-Prodotti Bijoċidali u għandha tinkludi dan li ġej:

(a)

l-isem tal-Istat Membru li evalwa l-ewwel applikazzjoni għal awtorizzazzjoni jew, fejn ikun rilevanti, l-Istat Membru li għażel l-applikant flimkien ma' konferma bil-miktub li l-Istat Membru jaqbel li jkun responsabbli mill-evalwazzjoni tal-applikazzjoni għal tiġdid (minn hawn 'il quddiem “l-Istat Membru ta' referenza”);

(b)

lista tal-Istati Membri kollha l-oħra fejn it-tiġdid ta' awtorizzazzjoni huwa mfittex (minn hawn 'il quddiem “l-Istati Membri kkonċernati”), li għandha tinkludi wkoll in-numru tal-awtorizzazzjonijiet mogħtija mill-Istat Membru ta' referenza u l-Istati Membri kkonċernati;

(c)

konferma mill-applikant li dawk l-awtorizzazzjonijiet huma fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament kif previst bl-Artikolu 1(2) u (3);

(d)

id-dejta kollha rilevanti meħtieġa skont l-Artikolu 31(3)(a) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 li l-applikant ikun iġġenera mill-ewwel awtorizzazzjoni jew, kif xieraq, it-tiġdid ta' qabel, sakemm dik id-dejta ma tkunx diġà ġiet ippreżentata lill-Aġenzija fil-format mitlub;

(e)

abbozz ta' sommarju tal-karatteristiċi tal-prodott bijoċidali li jkun fih l-informazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 22(2) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, fil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru ta' referenza u tal-Istati Membri kkonċernati li, fejn rilevanti, jistgħu jvarjaw bejn l-Istati Membri skont l-Artikolu 1(3) ta' dan ir-Regolament;

(f)

il-valutazzjoni tal-applikant dwar jekk il-konklużjonijiet tal-valutazzjoni preċedenti jew inizjali tal-prodott bijoċidali jew tal-familja tal-prodott bijoċidali jibqgħux validi, inkluż reviżjoni kritika ta' kull informazzjoni notifikata skont l-Artikolu 47 tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, inkluż kull informazzjoni ta' sostenn għal dik il-valutazzjoni fejn mhux diġà disponibbli fir-Reġistru għall-Prodotti Bijoċidali.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1(d), fejn applikabbli, l-applikazzjoni għat-tiġdid ta' awtorizzazzjoni għandha tinkludi wkoll:

(a)

lista tal-azzjonijiet li għandhom jimtlew mid-detentur tal-awtorizzazzjoni skont il-kundizzjonijiet għall-validità tal-awtorizzazzjoni fi Stat Membru u konferma li dawn l-azzjonijiet ikunu tlestew;

(b)

lista bid-deċiżjonijiet dwar bidliet maqbula minn xi Stat Membru qabel l-1 ta' Settembru 2013;

(c)

lista tad-deċiżjonijiet dwar bidliet maqbula minn xi Stat Membru skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 354/2013;

(d)

lista ta' notifiki jew applikazzjonijiet għal bidliet sottomessi għal kwalunkwe Stat Membru skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 354/2013, li jkunu pendenti fiż-żmien tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni għal tiġdid.

Għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-applikazzjoni, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' referenza tista' titlob is-sottomissjoni ta' kopja tad-deċiżjonijiet imsemmijin fil-punti (b) u (c).

Artikolu 3

Is-sottomissjoni u l-validazzjoni tal-applikazzjoni

1.   Applikant li jixtieq jitlob tiġdid ta' awtorizzazzjoni mid-detentur ta' awtorizzazzjoni jew f'ismu (minn hawn 'il quddiem “l-applikant”) għandu jressaq applikazzjoni lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' referenza mill-inqas 550 jum qabel id-data ta' skadenza tal-awtorizzazzjoni.

2.   Fl-istess ħin meta jippreżenta l-applikazzjoni lill-Istat Membru ta' referenza, l-applikant għandu jibgħat lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati applikazzjoni għat-tiġdid tal-awtorizzazzjonijiet mogħtija f'dawk l-Istati Membri.

3.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' referenza u tal-Istati Membri kkonċernati għandhom jinformaw lill-applikant bid-drittijiet pagabbli skont l-Artikolu 80 tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 u għandhom jirrifjutaw l-applikazzjoni jekk l-applikant jonqos milli jħallas id-drittijiet fi żmien 30 jum. Huma għandhom jinformaw lill-applikant u lill-awtoritajiet kompetenti l-oħrajn b'dan.

4.   Meta jirċievu d-drittijiet pagabbli, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' referenza u tal-Istati Membri kkonċernati għandhom jaċċettaw l-applikazzjoni u jinformaw lill-applikant waqt li jindikaw id-dati tal-aċċettazzjoni.

5.   Fi żmien 30 jum mill-aċċettazzjoni fl-Istat Membru ta' referenza, dak l-Istat Membru għandu jivvalida l-applikazzjoni jekk ikun fiha l-informazzjoni rilevanti kollha msemmija fl-Artikolu 2. L-Istat Membru ta' referenza għandu jinforma lill-applikant u lill-Istati Membri kkonċernati dwar dan.

Fil-kuntest tal-validazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu, l-Istat Membru ta' referenza ma għandux jagħmel valutazzjoni tal-kwalità jew tal-adegwatezza tad-dejta jew tal-ġustifikazzjonijiet mogħtija.

6.   Fi żmien 30 jum mill-aċċettazzjoni minn Stat Membru kkonċernat, dak l-Istat Membru għandu jivverifika jekk l-awtorizzazzjoni taqax fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament kif stipulat fl-Artikolu 1(2) u (3).

Fejn l-awtorizzazzjoni ma tkunx fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, l-awtorità kompetenti fl-Istat Membru kkonċernat għandha tipproċessal-applikazzjoni bħala applikazzjoni sottomessa skont l-Artikolu 31(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 u għandha tinforma lill-applikant u lill-awtoritajiet kompetenti fi Stati Membri oħra skont dan.

7.   Fejn l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' referenza tqis li l-applikazzjoni mhix kompluta, din għandha titlob informazzjoni addizzjonali għall-validazzjoni tal-applikazzjoni mingħand l-applikant u għandha tiffissa limitu ta' żmien raġonevoli għas-sottomissjoni ta' dik l-informazzjoni. Dan il-limitu ta' żmien ma għandux normalment jaqbeż id-90 jum.

Fi żmien 30 jum minn meta tirċievi l-informazzjoni addizzjonali, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' referenza għandha tivvalida l-applikazzjoni jekk l-informazzjoni addizzjonali li tkun ġiet sottomessa tkun suffiċjenti biex tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 2.

L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' referenza għandha tirrifjuta l-applikazzjoni jekk l-applikant jonqos milli jissottometti l-informazzjoni mitluba fi żmien l-iskadenza u għandu jinforma lill-applikant u lill-Istati Membri kkonċernati dwar dan.

Artikolu 4

Evalwazzjoni tal-applikazzjoni

1.   Abbażi ta' valutazzjoni tal-informazzjoni disponibbli u fid-dawl tal-għarfien xjentifiku attwali, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' referenza għandha, fi żmien 90 jum mill-validazzjoni tal-applikazzjoni, tiddeċiedi dwar jekk hix meħtieġa evalwazzjoni sħiħa tal-applikazzjoni għat-tiġdid.

2.   Fejn evalwazzjoni sħiħa hija meħtieġa, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' referenza għandha tabbozza rapport ta' valutazzjoni, skont il-proċedura u l-iskedi ta' żmien stabbiliti fl-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. Ir-rapport ta' valutazzjoni għandu jikkonkludi jekk il-kundizzjonijiet għall-għoti ta' awtorizzazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 19 ta' dak ir-Regolament intlaħqux, u jqis ir-riżultati tal-valutazzjoni komparattiva mwettqa skont l-Artikolu 23 ta' dak ir-Regolament, fejn xieraq.

Mingħajr preġudizzju għall-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 30(2) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, ir-rapport ta' valutazzjoni u l-abbozz ta' sommarju tal-karatteristiċi tal-prodott bijoċidali għandhom jintbagħtu lill-Istati Membri kkonċernati u lill-applikant fi żmien 365 jum mill-validazzjoni tal-applikazzjoni.

3.   Fejn evalwazzjoni sħiħa ma tkunx meħtieġa, l-Istat Membru ta' referenza għandu jabbozza rapport ta' evalwazzjoni, skont il-proċedura stabbilita fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 30(3) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. Dan ir-rapport għandu jikkonkludi jekk ikunux intlaħqu l-kundizzjonijiet għall-għoti ta' awtorizzazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 19 ta' dak ir-Regolament, u jqis ir-riżultati tal-valutazzjoni komparattiva mwettqa skont l-Artikolu 23 ta' dak ir-Regolament, fejn xieraq.

Ir-rapport ta' valutazzjoni u l-abbozz ta' sommarju tal-karatteristiċi tal-prodott bijoċidali għandhom jintbagħtu lill-Istati Membri kkonċernati u lill-applikant fi żmien 180 jum mill-validazzjoni tal-applikazzjoni.

Artikolu 5

Id-deċiżjoni dwar it-tiġdid

1.   Fi żmien 90 jum mill-wasla tar-rapport ta' evalwazzjoni u l-abbozz tas-sommarju tal-karatteristiċi tal-prodott bijoċidali, u soġġetti għall-Artikolu 6, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jaqblu dwar is-sommarju tal-karatteristiċi tal-prodotti bijoċidali, bl-eċċezzjoni, fejn rilevanti, tad-differenzi msemmija fl-Artikolu 1(3)(a), u għandhom jirreġistraw il-ftehim tagħhom fir-Reġistru għall-Prodotti Bijoċidali.

L-Istat Membru ta' referenza għandu jdaħħal is-sommarju maqbul tal-karatteristiċi tal-prodotti bijoċidali u r-rapport finali ta' valutazzjoni fir-Reġistru għall-Prodotti Bijoċidali, flimkien ma' kwalunkwe terminu jew kundizzjoni maqbula imposti fuq it-tqegħid fis-suq jew l-użu tal-prodott bijoċidali jew tal-familja tal-prodott bijoċidali.

2.   Fi żmien 30 jum minn meta jintlaħaq ftehim, l-Istat Membru ta' referenza u kull wieħed mill-Istati Membri kkonċernati għandhom iġeddu l-awtorizzazzjonijiet ta' konformità mas-sommarju maqbul tal-karatteristiċi tal-prodott bijoċidali.

Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 23(6) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, l-awtorizzazzjoni għandha tiġġedded għal perjodu massimu ta' 10 snin.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7, meta ma jintlaħaq l-ebda ftehim fi żmien 90 jum, kull Stat Membru li jaqbel mas-sommarju tal-karatteristiċi tal-prodott bijoċidali msemmija fil-paragrafu 1 jista' jġedded l-awtorizzazzjoni skont dan.

4.   Fejn, għal raġunijiet lil hinn mill-kontroll tad-detentur ta' awtorizzazzjoni, ma tittieħed l-ebda deċiżjoni dwar it-tiġdid ta' dik l-awtorizzazzjoni qabel l-iskadenza tagħha, l-awtorità kompetenti rispettiva għandha tikkonċedi tiġdid għall-perjodu meħtieġ sabiex tlesti l-evalwazzjoni.

Artikolu 6

Il-perjodu ta' grazzja

L-Artikolu 52 tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 għandu japplika għal stokkijiet eżistenti tal-prodott bijoċidali disponibbli fis-swieq li ġejjin:

(a)

fis-suq ta' Stat Membru li fih ma ġiet sottomessal-ebda applikazzjoni għal tiġdid jew li jkun irrifjuta applikazzjoni skont l-Artikolu 3(3) ta' dan ir-Regolament;

(b)

Fis-suq tal-Istat Membru ta' referenza u tal-Istati Membri kkonċernati, fejn l-Istat Membru ta' referenza rrifjuta l-applikazzjoni għal tiġdid skont l-Artikolu 3(3) jew it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(7) ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 7

Il-grupp tal-koordinazzjoni, l-arbitraġġ u d-derogi mir-rikonoxximent reċiproku

1.   Stat Membru kkonċernat jista' jipproponi li jirrifjuta li jagħti awtorizzazzjoni jew li jemenda t-termini u l-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 528/2012.

2.   F'każ li, rigward kwistjonijiet oħra minbarra dawk imsemmija fil-paragrafu 1, l-Istati Membri kkonċernati ma jiftehmux dwar il-konklużjonijiet tar-rapport ta' valutazzjoni, jew, fejn rilevanti, dwar is-sommarju tal-karatteristiċi tal-prodott bijoċidali proposti mill-Istat Membru ta' referenza skont l-Artikolu 5(1), l-Istat Membru ta' referenza għandu jirreferi l-kwistjoni lill-grupp tal-koordinazzjoni msemmi fl-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) Nru 528/2012.

Fejn Stat Membru kkonċernat ma jaqbilx mal-Istat Membru ta' referenza, l-ewwel Stat Membru għandu jagħti spjegazzjoni dettaljata lill-Istati Membri kkonċernati kollha u lill-applikant tar-raġunijiet għaliex qed jieħu din il-pożizzjoni.

3.   L-Artikoli 35 u 36 tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 għandhom japplikaw għall-kwistjonijiet ta' nuqqas ta' qbil imsemmija fil-paragrafu 2.

Artikolu 8

Gwida dwar it-trattament ta' tiġdid fil-proċeduri ta' rikonoxximent reċiproku

1.   Wara li tikkonsulta mal-Istati Membri, mal-Kummissjoni u mal-partijiet interessati, l-Aġenzija għandha tfassal il-linji gwida dwar id-dettalji relatati mat-trattament tat-tiġdid tal-awtorizzazzjonijiet koperti minn dan ir-Regolament.

2.   Dawk il-linji gwida għandhom jiġu aġġornati b'mod regolari, filwaqt li jitqiesu l-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri u l-partijiet interessati dwar l-implimentazzjoni kif ukoll il-progress xjentifiku u tekniku tagħha.

Artikolu 9

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta' Marzu 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1.

(2)  Id-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 1998 dwar it-tqegħid fis-suq tal-prodotti bijoċidali (ĠU L 123, 24.4.1998, p. 1).

(3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 354/2013 tat-18 ta' April 2013 dwar bidliet tal-prodotti bijoċidali awtorizzati skont ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 109, 19.4.2013, p. 4).


Top