Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0277

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 277/2014 tad- 19 ta’ Marzu 2014 li jidderoga mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 dwar id-distanza minima mill-kosta u l-fond minimu tal-baħar għall-bastimenti tat-tkarkir “volantina” fl-ibħra territorjali tas-Slovenja

ĠU L 82, 20.3.2014, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 23/03/2017

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2014/277/oj

20.3.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 82/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 277/2014

tad-19 ta’ Marzu 2014

li jidderoga mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 dwar id-distanza minima mill-kosta u l-fond minimu tal-baħar għall-bastimenti tat-tkarkir “volantina” fl-ibħra territorjali tas-Slovenja

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 tal-21 ta’ Diċembru 2006 dwar miżuri ta’ ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 13(5) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 jipprojbixxi l-użu ta’ rkaptu rmunkat fl-inħawi ta’ 3 mili nawtiċi tal-kosta jew fl-isobat ta’ 50 metru fejn jintlaħaq dak il-fond f’distanza iqsar mill-kosta.

(2)

Fuq talba ta’ Stat Membru, il-Kummissjoni tista’ tippermetti deroga mill-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006, sakemm jiġu sodisfati għadd ta’ kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13(5) u (9).

(3)

Fit-8 ta’ Frar 2013, il-Kummissjoni waslitilha talba mingħand is-Slovenja għal deroga mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) ta’ dak ir-Regolament, għall-użu ta’ bastimenti tat-tkarkir “volantina” fl-ilmijiet territorjali tas-Slovenja, f’anqas minn 50 metru fond, fiż-żona bejn 1,5 u 3 mil nawtiku mill-kosta.

(4)

It-talba tkopri l-bastimenti b’esperjenza fis-sajd ta’ aktar minn ħames snin u li joperaw skont pjan ta’ ġestjoni adottat mis-Slovenja fit-13 ta’ Frar 2014 (2) skont l- Artikolu 19(2) tar- Regolament (KE) Nru 1967/2006. Dawk il-bastimenti inklużi f’lista kkomunikata lill-Kummissjoni skont ir-rekwiżiti tal- Artikolu 13(9) tar- Regolament (KE) Nru 1967/2006.

(5)

Il-pjan ta’ ġestjoni ma jagħtix garanzija dwar żieda futura fl-isforz tas-sajd, peress li l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd se jinħarġu biss lil12-il bastiment speċifikat li jinvolvu sforz totali ta’ 178 tunnellata grossa li huma diġà awtorizzati li jistadu mis-Slovenja.

(6)

Is-Slovenja tat ġustifikazzjonijiet xjentifiċi u tekniċi aġġornati għad-deroga.

(7)

Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) ivvaluta d-deroga mitluba mis-Slovenja u l-abbozz relatat mal-abbozz tal-pjan ta’ ġestjoni fis-sessjoni plenarja tiegħu li saret mit-8 sat-12 ta’ April 2013.

(8)

Id-deroga mitluba mis-Slovenja tikkonforma mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13(5) u (9) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006.

(9)

B’mod partikolari, hemm limitazzjonijiet ġeografiċi speċifiċi, peress li l-ibħra territorjali tas-Slovenja fl-ebda punt ma jilħqu l-fond ta’ 50 metru. Għaldaqstant, bastimenti tat-tkarkir tal-qiegħ, inklużi l-bastimenti tat-tkarkir “volantina”, bħalissa joperaw esklussivament lil hinn mit-3 mili nawtiċi, fejn żoni tas-sajd huma limitat b’mod sinifikanti minn żona dedikata għal rotot ta’ navigazzjoni kummerċjali.

(10)

Is-sajd bit-tkarkir “volantina” ma jistax isir b’irkaptu ieħor, m’għandu l-ebda impatt sinifikanti fuq l-ambjent tal-baħar, inklużi ħabitats protetti, u ma tinterferixxix ma’ irkaptu ieħor li mhux tat-tkarkir, mtielaq jew xbieki simili rmunkati.

(11)

Id-deroga mitluba mis-Slovenja taffettwa għadd limitat ta’ 12 il-bastiment. In-numri ta’ reġistrazzjoni ta’ dawn il-bastimenti huma speċifikati fil-pjan ta’ ġestjoni.

(12)

L-attivitajiet tas-sajd ikkonċernati jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 4, l-Artikolu 8(1)(h) u l-Artikolu 9(3) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006. L-attività ta’ bastimenti tat-tkarkir “volantina” hija rregolata fil-pjan ta’ ġestjoni Sloven biex ikun żgurat li l-qabdiet tal-ispeċijiet imsemmija fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 ikunu minimi.

(13)

Bastimenti tat-tkarkir “volantina” ma għandhomx fil-mira tagħhom iċ-ċefalopodi.

(14)

Il-pjan ta’ ġestjoni Sloven jinkludi miżuri għall-monitoraġġ tal-attivitajiet tas-sajd, kif stipulat fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 13(9) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 u fl-Artikolu 14 u 15 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 (3).

(15)

Għaldaqstant, id-derogi mitluba għandhom jingħataw.

(16)

Is-Slovenja għandha tirrapporta lill-Kummissjoni fi żmien xieraq u skont il-pjan ta’ monitoraġġ stipulat fil-pjan ta’ ġestjoni Sloven.

(17)

Għandha tiġi stabbilita limitazzjoni għat-tul ta’ żmien tad-deroga biex ikun permess li jittieħdu miżuri ta’ ġestjoni korrettivi fil-pront f’każ li r-rapport lill-Kummissjoni juri stat ħażin ta’ konservazzjoni tal-istokk sfruttat filwaqt li tipprovdi kamp ta’ applikazzjoni biex tittejjeb il-bażi xjentifika għal pjan ta’ ġestjoni mtejjeb.

(18)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar is-Sajd u l-Akkwakultura,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Deroga

L-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 ma għandux japplika fl-ilmijiet territorjali tas-Slovenja, irrispettivament mill-fond, bejn 1,5 u 3 mil nawtiku mill-kosta, għal bastimenti tat-tkarkir “volantina” li jintużaw minn bastimenti:

(a)

li għandhom in-numru ta’ reġistrazzjoni msemmi fil-pjan ta’ ġestjoni Sloven;

(b)

li għandhom esperjenza ta’ aktar minn ħames snin fis-sajd u li ma jinvolvu l-ebda żieda fil-futur fl-isforz tas-sajd skjerat; u wkoll

(c)

li għandhom awtorizzazzjoni għas-sajd u li joperaw skont il-pjan ta’ ġestjoni adottat mis-Slovenja skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006.

Artikolu 2

Pjan u rapport ta’ monitoraġġ

Is-Slovenja għandha tikkomunika lill-Kummissjoni, fi żmien tliet snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, rapport imfassal skont il-pjan ta’ monitoraġġ stabbilit fil-pjan ta’ ġestjoni msemmi fl-Artikolu 1(c).

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ u perjodu ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu tibqa’ tapplika sat-23 ta’ Marzu 2017.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Marzu 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 36, 8.2.2007, p. 6.

(2)  Deċiżjoni Nru 34200-2/2014/4 tat-13.2.2014.

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1).


Top