Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0178

    Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 178/2014 tas- 6 ta’ Novembru 2013 li jissumplimenta r-Regolament (UE) Nru 229/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura favur il-gżejjer minuri fil-baħar Eġew

    ĠU L 63, 4.3.2014, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2014/178/oj

    4.3.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 63/1


    REGOLAMENT TA’ DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 178/2014

    tas-6 ta’ Novembru 2013

    li jissumplimenta r-Regolament (UE) Nru 229/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura favur il-gżejjer minuri fil-baħar Eġew

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 229/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Marzu 2013, li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura favur il-gżejjer minuri tal-Eġew u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1405/2006 (1), u b’mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(2), it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 15(4) u tal-Artikolu 18(4) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 229/2013 ħassar u ssostitwixxa r-Regolament (KE) Nru 1405/2006 (2). Ir-Regolament (UE) Nru 229/2013 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta atti ddelegati u ta’ implimentazzjoni. Sabiex ikun żgurat il-funzjonament bla xkiel tal-iskema fil-qafas legali l-ġdid, ir-regoli rilevanti għandhom jiġu adottati permezz ta’ atti ta’ din ix-xorta. Ir-regoli l-ġodda għandhom jieħdu post ir-regoli ta’ implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1914/2006 (3).

    (2)

    Sabiex ikun żgurat li l-operaturi jeżerċitaw bis-sħiħ id-drittijiet tagħhom biex jieħdu sehem fl-arranġamenti speċifiċi ta’ provvista, il-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni tagħhom fir-reġistru tal-operaturi għandhom jiġu determinati. L-operaturi reġistrati huma intitolati biex jibbenefikaw mill-arranġament, sakemm jissodisfaw l-obbligazzjonijiet stabbiliti fir-regoli tal-Unjoni u dawk nazzjonali. L-applikanti għandhom ikunu intitolati għar-reġistrazzjoni sakemm jilħqu ċertu numru ta' rekwiżiti oġġettivi mfassla biex jiffaċilitaw l-amministrazzjoni tal-iskema.

    (3)

    Sabiex jingħata appoġġ lill-bejgħ tal-prodotti barra mir-reġjun tal-produzzjoni tagħhom, il-kundizzjonijiet għall-istabbiliment tal-ammont tal-għajnuna mogħtija fir-rigward ta’ prodotti bħal dawn u, fejn xieraq, il-kundizzjonijiet biex jiġu stabbiliti l-kwantitajiet ta’ prodotti soġġetti għal dik l-għajnuna għandhom jiġu stabbiliti. Konsegwentement, għandhom jiġu stabbiliti regoli addizzjonali relatati mas-sostenn għat-tqegħid fis-suq ta’ ċertu prodotti lokali li jiddeterminaw il-kundizzjonijiet biex jiġi stabbilit l-ammont massimu ta’ għajnuna li għandu jingħata u l-kwantitajiet massimi ta’ prodotti li jistgħu jiġu soġġetti għal dik l-għajnuna.

    (4)

    Sabiex tiġi żgurata allokazzjoni raġonevoli u proporzjonata għall-miżuri ta’ finanzjament fir-rigward tal-istudji, tal-proġetti dimostrattivi, tat-taħriġ u tal-miżuri ta’ għajnuna teknika, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-ammont massimu annwali li jista’ jiġi allokat għal dawn il-miżuri.

    (5)

    Għal raġunijiet ta’ ċertezza u ċarezza legali, ir-Regolament (KE) Nru 1914/2006 għandu jitħassar,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Reġistru tal-operaturi

    1.   Ċertifikati tal-assistenza għandhom jinħarġu biss lil dawk l-operaturi mniżżla f’reġistru ta’ operaturi li jagħmlu attività ekonomika skont l-arranġamenti speċifiċi tal-provvista miżmuma mill-awtoritajiet kompetenti (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “ir-reġistru”).

    2.   Kull operatur stabbilit fil-Komunità jista’ japplika biex jiddaħħal fir-reġistru.

    Id-dħul fir-reġistru għandu jkun soġġett għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    l-operaturi għandu jkollhom il-mezzi, l-istrutturi u l-awtorizzazzjonijiet legali meħtieġa biex jagħmlu l-attivitajiet tagħhom u għandhom, b’mod partikolari, ikunu konformi mal-obbligi tagħhom rigward il-kontabilità kummerċjali kif jixraq u t-tassazzjoni;

    (b)

    l-operaturi jridu jkunu jistgħu jiggarantixxu li l-attivitajiet tagħhom jitwettqu fil-gżejjer minuri fil-baħar Eġew;

    (c)

    l-operaturi jibqgħu responsabbli għall-konformità mar-rekwiżiti kollha sottoskritti meta jwettqu operazzjoni tal-arranġamenti tal-provvista sakemm isir il-bejgħ lill-utent aħħari.

    Artikolu 2

    L-ammont ta’ għajnuna għal tqegħid fis-suq barra mir-reġjun tal-produzzjoni

    1.   L-ammont ta’ għajnuna mogħtija skont il-Kapitolu IV tar-Regolament (UE) Nru 229/2013 fir-rigward tal-appoġġ għat-tqegħid fis-suq u t-trasport ta’ materja prima u prodotti pproċessati barra mir-reġjun tal-produzzjoni tagħhom ma għandhiex taqbeż l-10 % tal-valur tal-produzzjoni mqiegħda, u kkunsenjata fiż-żona tad-destinazzjoni, ikkalkulata skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

    Madanakollu, il-limitu stabbilit fl-ewwel subparagrafu ma għandux jaqbeż it-13 % tal-valur tal-produzzjoni mqiegħda fis-suq fejn il-kuntrattur għall-produtturi huwa assoċjazzjoni, unjoni jew organizzazzjoni tal-produtturi.

    2.   Għall-fini tal-kalkolu tal-għajnuna, il-valur tal-produzzjoni mqiegħda fis-suq, u kkunsenjata liż-żona tad-destinazzjoni għandu jiġi evalwat abbażi tal-kuntratt annwali (fejn applikabbli), id-dokumenti tat-trasport partikolari u kwalunkwe dokumenti relatati oħra sottomessi biex jiġġustifikaw l-applikazzjoni għall-ħlas.

    Il-valur tal-produzzjoni mqiegħda fis-suq li jrid jitqies għandu jkun dak tal-kunsinna sal-aħħar port jew ajruport tal-ħatt.

    L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jitolbu kwalunkwe informazzjoni jew dokumentazzjoni addizzjonali bħala sostenn kif xieraq għall-kalkolu tal-għajnuna.

    3.   Il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ assistenza, il-linji tal-produzzjoni agrikola u l-ammonti kkonċernati għandhom jiġu speċifikati fil-programm ta' appoġġ imsemmi fil-Kapitolu II tar-Regolament (UE) Nru 229/2013.

    Artikolu 3

    Finanzjament ta’ studji, proġetti ta’ wiri, taħriġ jew miżuri ta’ assistenza teknika

    L-ammont meħtieġ biex jiffinanzja studji finanzjarji, proġetti ta’ dimostrazzjoni, taħriġ u miżuri ta’ assistenza teknika stipulati fil-programm ta' appoġġ imsemmi fil-Kapitolu II tar-Regolament (UE) Nru 229/2013 għall-implimentazzjoni ta’ dak il-programm ma għandux jaqbeż il-1 % tal-ammont totali tal-finanzjament previst fl-Artikolu 18(2) ta' dak ir-Regolament.

    Artikolu 4

    Revoka

    Ir-Regolament (KE) Nru 1914/2006 huwa rrevokat.

    Artikolu 5

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Novembru 2013.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 78, 20.03.2013, p. 41.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1405/2006 tat-18 ta' Settembru 2006 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura favur il-gżejjer minuri tal-Eġew (ĠU L 265, 26.9.2006, p. 1).

    (3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1914/2006 tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) 1405/2006 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura favur il-gżejjer Eġej iżgħar (ĠU L 365, 21.12.2006, p. 64).


    Top