EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0032

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 32/2014 tal- 14 ta’ Jannar 2014 li jniedi rieżami ta’ “esportatur ġdid” tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1008/2011 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 372/2013, li jħassar id-dazju għar-rigward tal-importazzjonijiet ta’ esportatur wieħed f’dan il-pajjiż u jagħmel tali importazzjonijiet suġġetti għal reġistrazzjoni

ĠU L 10, 15.1.2014, p. 11–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/32/oj

15.1.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 10/11


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 32/2014

tal-14 ta’ Jannar 2014

li jniedi rieżami ta’ “esportatur ġdid” tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1008/2011 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 372/2013, li jħassar id-dazju għar-rigward tal-importazzjonijiet ta’ esportatur wieħed f’dan il-pajjiż u jagħmel tali importazzjonijiet suġġetti għal reġistrazzjoni

IL-KUMMISSJONI EWROPEA

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (“ir-Regolament bażiku”) (1) u b’mod partikolari l-Artikolu 11(4) tiegħu,

Wara li, b’konformità mal-Artikoli 11(4) u 14(5) tar-Regolament bażiku, ikkonsultat lill-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A.   IT-TALBA

(1)

Il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) rċeviet talba għal rieżami ta’ “ esportatur ġdid” skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku.

(2)

It-talba ġiet ippreżentata fit-3 ta’ Mejju 2013 minn Ningbo Logitrans Handling Equipment Co., Ltd (“l-applikant”), prodottur esportatur ta’ pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“il-pajjiż ikkonċernat”).

B.   IL-PRODOTT

(3)

Il-prodott li qed jiġi eżaminat huwa pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom, jiġifieri x-xażi u l-idrawliċi, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 8427 90 00 (il-kodiċi TARIC 8427900011 u 8427900019) kif ukoll ex 8431 20 00 (il-kodiċi TARIC 8431200011 u 8431200019) u li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina.

C.   IL-MIŻURI EŻISTENTI

(4)

Il-miżuri li bħalissa huma fis-seħħ huma dażju definittiv antidumping impost bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1008/2011 (2) kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 372/2013 (3), skont liema l-importazzjonijiet lejn l-Unjoni tal-prodott li qed jiġi eżaminat, inkluż il-prodott manifatturat mill-applikant, huma soġġetti għal dazju definittiv antidumping ta’ 70,8 %. Il-miżuri huma wkoll applikabbli għal importazzjonijiet ta’ pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom ikkonsenjati mit-Tajlandja, sew jekk iddikjarati bħala li joriġinaw mit-Tajlandja jew le skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 499/2009 (4).

D.   IR-RAĠUNIJIET

(5)

L-applikant isostni li jopera skont il-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq kif definiti fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku.

(6)

L-applikant iżid li hu ma esportax il-prodott eżaminat lill-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni li fuqu kienu bbażati l-miżuri antidumping, jiġifieri l-perjodu mill-1 ta’ April 2003 sal-31 ta’ Marzu 2004 (“il-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali”).

(7)

Barra minn hekk, l-applikant isostni li ma huwa relatat mal-ebda produttur esportatur tal-prodott li qed jiġi eżaminat li huwa suġġett għall-miżuri antidumping imsemmija hawn fuq.

(8)

L-applikant ikompli jsostni li beda jesporta l-prodott li qed jiġi eżaminat lejn l-Unjoni wara t-tmiem tal-perjodu tal-investigazzjoni oriġinali.

E.   IL-PROĊEDURA

(9)

Wara li eżaminat l-evidenza disponibbli, il-Kummissjoni kkonkludiet li hemm biżżejjed evidenza li tiġġustifika l-inizjazzjoni ta’ rieżami ta’ “esporatur ġdid”, skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku, bl-għan li tiddetermina l-marġni individwali ta’ dumping tal-applikant u, jekk jinstab li jkun hemm dumping, il-livell ta’ dazju li japplika għal dawk l-importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi eżaminat lejn l-Unjoni. Mal-irċevuta tat-talba għal trattament skont l-ekonomija tas-suq, jiġi determinat jekk l-applikant joperax f’kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq kif definiti fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku.

(10)

Jekk jiġi determinat li l-applikant jissodisfa r-rekwiżiti biex jiġi stabbilit dazju individwali, jista’ jkun hemm bżonn li ssir emenda fir-rata ta’ dazju applikabbli skont l-Artikolu 1(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1008/2011 kif emendata bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 372/2013.

(a)   Il-Kwestjonarji

(11)

Sabiex tkun tista’ tikseb it-tagħrif li hija tqis meħtieġ għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarju lill-applikant.

(b)   Il-ġbir ta’ tagħrif u s-seduti ta’ smigħ

(12)

Il-partijiet kollha interessati huma b’dan mistiedna jagħtu l-fehmiet tagħhom bil-miktub u jagħtu evidenza ta’ sostenn.

(13)

Il-produtturi tal-Unjoni magħrufa li huma kkonċernati ġew mgħarrfa bit-talba għal rieżami u ngħataw l-opportunità biex jikkummentaw.

(14)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista’ tisma’ lill-partijiet interessati, dejjem jekk jagħmlu talba bil-miktub li turi li hemm raġunijiet partikolari għalfejn għandhom jinstemgħu.

(c)   Trattament ta’ ekonomija tas-suq

(15)

Jekk l-applikant jipprovdi evidenza suffiċjenti li hu jopera f’kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq, jiġifieri, li jissodisfa l-kriterji stipulati fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku, il-valur normali jkun iddeterminat skont l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku. Għal dan il-għan, għandhom jintbagħtu talbiet sostanzjati kif xieraq fil-limitu taż-żmien speċifiku stabbilit fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni se tibgħat formoli għat-talbiet lill-applikant, kif ukoll lill-awtoritajiet tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina.

(d)   Għażla tal-pajjiż b’ekonomija tas-suq

(16)

Jekk l-applikant ma jingħatax trattament ta’ ekonomija tas-suq, jintuża pajjiż b’ekonomija tas-suq xierqa biex jiġi stabbilit il-valur normali fir-rigward tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku. Il-Kummissjoni beħsiebha tuża lill-Brażil għal dan il-għan kif kien sar fl-investigazzjoni li wasslet għall-impożizzjoni ta’ miżuri fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina. Il-partijiet interessati qed jiġu mistiedna jikkummentaw dwar kemm hi xierqa din l-għażla, fil-limitu taż-żmien speċifiku stabbilit fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament.

(17)

Jekk l-applikant jingħata trattament ta’ ekonomija tas-suq iżda ma jkunx hemm disponibbli d-dejta meħtieġa kredibbli fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, il-Kummissjoni tista’, jekk meħtieġ, tuża wkoll ir-riżultati dwar il-valur normali stabbilit f’pajjiż b’ekonomija tas-suq xieraq, pereż. sabiex jiġu sostitwiti kwalunkwe spiża jew elementi tal-prezz mhux kredibbli fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina li jkunu meħtieġa biex jiġi stabbilit il-valur normali. Il-Kummissjoni tikkunsidra li tuża lill-Brażil ukoll għal dan il-għan.

F.   REVOKA TAD-DAZJU FIS-SEĦĦ U REĠISTRAZZJONI TAL-IMPORTAZZJONIJIET

(18)

Skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku, id-dazju antidumping fis-seħħ għandu jiġi revokat fir-rigward tal-importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi eżaminat li huma manifatturati u mibjugħa għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni mill-applikant. Fl-istess waqt, tali importazzjonijiet għandhom isiru suġġetti għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, sabiex jiġi żgurat li, jekk ir-rieżami juri li jeżisti dumping fir-rigward tal-applikant, id-dazji antidumping ikunu jistgħu jiġu imposti mid-data tar-reġistrazzjoni ta’ dawn l-importazzjonijiet. L-ammont tar-responsabilitajiet futuri possibbli tal-applikant ma jistax jiġi stmat f’dan l-istadju tal-investigazzjoni.

G.   IL-LIMITI TAŻ-ŻMIEN

(19)

Fl-interess ta’ amministrazzjoni soda, għandhom jiġu stabbiliti limiti taż-żmien li fihom:

il-partijiet interessati jistgħu jagħmlu lilhom infushom magħrufa lill-Kummissjoni, jippreżentaw l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u jippreżentaw kwalunkwe tagħrif li għandu jiġi kkunsidrat matul l-investigazzjoni,

il-partijiet interessati jistgħu jagħmlu talba bil-miktub biex jinstemgħu mill-Kummissjoni,

il-partijiet interessati jistgħu jikkummentaw dwar l-adegwatezza tal-użu tal-Brażil kif spjegat fil-premessi (16) u (17) aktar ‘il fuq,

l-applikant jista’ jressaq talba sostanzjata kif xieraq għal trattament ta’ ekonomija tas-suq.

(20)

Qed tinġibed l-attenzjoni lejn il-fatt li l-eżerċizzju ta’ ħafna mid-drittijiet ta’ proċedura stabbiliti fir-Regolament bażiku jiddependu fuq li l-parti tagħmel lilha nnifisha magħrufa fil-limiti taż-żmien imsemmija fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament.

H.   IN-NUQQAS TA’ KOOPERAZZJONI

(21)

F’każijiet fejn xi parti interessata tiċħad l-aċċess jew ma tagħtix it-tagħrif meħtieġ fil-limiti taż-żmien, jew tfixkel l-investigazzjoni b’mod sinifikanti, jistgħu jsiru konklużjonijiet, pożittivi jew negattivi, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, abbażi tal-fatti disponibbli.

(22)

F’każ li xi parti interessata tkun ipprovdiet tagħrif falz jew qarrieqi, dan it-tagħrif jiġi injorat u jista’ jsir użu mill-fatti disponibbli.

(23)

Jekk xi parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera biss parzjalment u għalhekk il-konklużjonijiet ikunu bbażati fuq il-fatti disponibbli b’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun anqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku din tkun ikkoperat.

(24)

In-nuqqas li tingħata tweġiba komputerizzata ma jiġix ikkunsidrat bħala nuqqas ta’ kooperazzjoni, sakemm il-parti interessata turi li biex tippreżenta t-tweġiba kif mitlub ikun ifisser piż żejjed mhux raġonevoli jew spiża addizzjonali mhux raġonevoli. Il-parti interessata għandha tagħmel kuntatt mal-Kummissjoni immedjatament.

I.   L-ISKEDA TAL-INVESTIGAZZJONI

(25)

L-investigazzjoni tiġi konkluża, skont l-Artikolu 11(5) tar-Regolament bażiku, fi żmien disa’ xhur mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan ir-Regolament f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

J.   L-IPPROĊESSAR TAD-DEJTA PERSONALI

(26)

Huwa nnutat li kwalunkwe dejta personali miġbura f’din l-investigazzjoni se tiġi trattata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta (5).

K.   L-UFFIĊJAL TAS-SEDUTA

(27)

Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ. L-Uffiċjal tas-Seduta jagħmilha ta’ medjatur bejn il-partijiet interessati u s-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. L-Uffiċjal tas-Seduta jirrevedi t-talbiet għall-aċċess tal-fajl, it-tilwim dwar il-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għall-estensjoni tal-limiti taż-żmien u t-talbiet minn partijiet terzi għal smigħ. L-Uffiċjal tas-Seduta jista’ jorganizza seduta ta’ smigħ ma’ parti interessata individwali u jagħmilha ta’ medjatur sabiex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-parti interessata jkunu qed jitħaddmu b’mod sħiħ. L-Uffiċjal tas-Seduta se jagħti l-opportunitajiet biex isir smigħ li jinvolvi lill-partijiet u li jippermetti li jitressqu fehmiet differenti u argumenti kuntrarji.

(28)

Talba għal smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta tkun trid issir bil-miktub fil-limiti ta’ skadenza speċifiċi stipulati mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet. Il-parti għandha tispeċifika r-raġunijiet għat-talba.

(29)

Għal aktar informazzjoni u d-dettalji ta’ kuntatt il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni web tal-Uffiċjal tas-Seduta fuq is-sit elettroniku tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/degucht/contact/hearing-officer/

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

B’dan qiegħed jingħata bidu għal rieżami tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1008/2011, kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 372/2013, skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 sabiex jiġi determinat jekk u sa liema livell l-importazzjonijiet ta’ pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 8427 90 00 (il-kodiċi TARIC 8427900011 u 8427900019) kif ukoll ex 8431 20 00 (il-kodiċi TARIC 8431200011 u 8431200019) u li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, prodotti u mibjugħa għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni minn Ningbo Logitrans Handling Equipment Co., Ltd, (il-kodiċi TARIC addizzjonali A070) għandhomx ikunu suġġetti għal dażju antidumping imposti bir-Regolament ta’ Implimentazjzoni (UE) Nru 1008/2011 kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 372/2013 jew inkella jekk għandux jiġi impost dazju antidumping individwali.

Għall-għan ta’ dan ir-regolament, il-pallet trucks tal-idejn huma trakkijiet b’roti li jirfdu l-lifting fork arms għat-tqandil tal-pallets, iddisinjati biex jiġu mbuttati, miġbuda u mmexxija bl-idejn, fuq wiċċ lixx, invell u iebes, minn operatur pedonali bl-użu ta’ laċċ artikulat. Il-pallet trucks tal-idejn huma ddisinjati biss biex jgħollu t-tagħbija, billi jippompjaw il-laċċ, sa għoli biżżejjed għall-ġarr u ma għandhom l-ebda funzjoni jew użu addizzjonali ieħor bħal, pereżempju, (i) biex iġorru u jerfgħu t-tagħbija biex ipoġġuha aktar fl-għoli jew jgħinu fil-ħżin tat-tagħbija (highlifters), (ii) biex jistivaw pallet wieħed fuq l-ieħor (stackers), (iii) biex jerfgħu t-tagħbija għal livell fejn isir ix-xogħol (scissorlifts) jew (iv) biex jerfgħu u jiżnu t-tagħbija (weighing trucks).’

Artikolu 2

Id-dazju antidumping impost bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1008/2011 kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 372/2013 huwa b’dan revokat fir-rigward tal-importazzjonijiet identifikati fl-Artikolu 1 tar-Regolament preżenti.

Artikolu 3

L-awtoritajiet Doganali, skont l-Artikolu 11(4) u l-Artikolu 14(5) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009, jieħdu l-passi xierqa biex jirreġistraw l-importazzjonijiet lejn l-Unjoni identifikati fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament.

Ir-reġistrazzjoni tiskadi disa’ xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 4

1.   Il-partijiet interessati, jekk iridu li l-ilmenti tagħhom jitqiesu matul l-investigazzjoni, iridu jagħmlu lilhom infushom magħrufa billi jikkuntattjaw lill-Kummissjoni, jippreżentaw l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u jippreżentaw tweġiba għall-kwestjonarju indikat fil-premessa (12) ta’ dan ir-Regolament jew kwalunkwe tagħrif li għandu jiġi kkunsidrat fi żmien 37 jum mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

2.   Il-partijiet interessati jistgħu wkoll japplikaw sabiex jinstemgħu mill-Kummissjoni fl-istess limitu ta’ żmien ta’ 37 jum.

3.   Talba ssostanzjata kif xieraq għal trattament ta’ ekonomija tas-suq trid tasal għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

4.   Il-partijiet involuti fl-investigazzjoni li jkunu jridu jikkummentaw dwar l-adegwatezza tal-Brażil li huwa kkunsidrat bħala pajjiż terz b’ekonomija tas-suq, għandhom iressqu l-kummenti tagħhom fi żmien għaxart ijiem mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

5.   Is-sottomissjonijiet kollha bil-miktub, inkluża l-informazzjoni mitluba f’dan ir-Regolament, il-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li għalihom ikun intalab trattament kunfidenzjali jintbagħtu mmarkati “Ristrett” (6).

6.   Il-partijiet interessati li jipprovdu informazzjoni “Ristretta” huma mitluba jipprovdu sommarji tagħha mhux kunfidenzjali skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, li jiġi mmarkat bil-kliem “Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati”. Dawn is-sommarji għandhom ikunu dettaljati biżżejjed biex jippermettu fehim raġonevoli tas-sustanza tal-informazzjoni mressqa b’mod kunfidenzjali. Jekk parti interessata li tipprovdi informazzjoni kunfidenzjali ma tipprovdix sommarju mhux kunfidenzjali ta’ din l-informazzjoni fil-format u l-kwalità mitluba, din l-informazzjoni kunfidenzjali tista’ ma titqiesx.

7.   Il-partijiet interessati jeħtieġ li jagħmlu s-sottomissjonijiet u t-talbiet kollha f’format elettroniku (sottomissjonijiet li mhumiex kunfidenzjali permezz tal-posta elettronika, dawk kunfidenzjali fuq CD-R/DVD), u jridu jindikaw l-isem, l-indirizz, l-indirizz elettroniku, in-numri tat-telefown u tal-faks tagħhom. Madankollu, kull Prokura, ċertifikazzjoni ffirmata u l-aġġornamenti tagħhom li jakkumpanjaw il-formoli ta’ talba għal TES jew ir-risposti tal-kwestjonarju, għandhom jitressqu b’mod fiżiku, jiġifieri bil-posta jew bl-idejn, fl-indirizz ta’ hawn taħt. Għal aktar tagħrif dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġna web rilevanti fuq is-sit elettroniku tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/tackling-unfair-trade/trade-defence

L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

European Commission

Directorate-General for Trade

Directorate H

Office: N105 08/020

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

Posta elettronika: TRADE-HPT-DUMPING@ec.europa.eu

Artikolu 5

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Jannar 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)  ĠU L 268, 13.10.2011, p. 1.

(3)  ĠU L 112, 24.4.2013, p. 1.

(4)  ĠU L 151, 16.6.2009, p. 1.

(5)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(6)  Dokument “Ristrett” huwa dokument meqjus kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51) u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (il-Ftehim tal-Antidumping). Huwa wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).


Top