Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014Q0919(01)

Ftehim bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea dwar ir-reġistru tat-trasparenza għal organizzazzjonijiet u individwi li jaħdmu għal rashom involuti fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politika tal-UE

ĠU L 277, 19.9.2014, p. 11–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/06/2021; Mibdul minn 32021Q0611(01)

19.9.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 277/11


Ftehim bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea

dwar ir-reġistru tat-trasparenza għal organizzazzjonijiet u individwi li jaħdmu għal rashom involuti fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politika tal-UE

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUMMISSJONI EWROPEA (il-“partijiet”),

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 11(1) u (2) tiegħu, it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 295 tiegħu, u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (minn issa 'l quddiem flimkien imsejħa t-“Trattati”),

Billi dawk li jfasslu l-politika Ewropea ma joperawx b'mod iżolat mis-soċjetà ċivili, imma jżommu djalogu miftuħ, trasparenti u regolari mal-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi u mas-soċjetà ċivili;

Billi l-partijiet eżaminaw mill-ġdid ir-Reġistru tat-Trasparenza (minn issa 'l quddiem “ir-reġistru”) stabbilit mill-ftehim bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea fit-23 ta' Ġunju 2011 dwar it-twaqqif ta' Reġistru tat-Trasparenza għal organizzazzjonijiet u individwi li jaħdmu għal rashom li huma involuti fil-formulazzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika (1) tal-UE skont il-paragrafu 30 ta' dak il-ftehim,

JIFTIEHMU KIF ĠEJ:

I.   IL-PRINĊIPJI TAR-REĠISTRU

1.   It-twaqqif u l-funzjonament tar-reġistru m'għandhomx jaffettwaw jew jippreġudikaw l-objettivi tal-Parlament Ewropew kif espressi fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Mejju 2008 dwar l-iżvilupp tal-qafas għall-attivitajiet ta' rappreżentanti ta' gruppi ta' interess (“lobbyists”) fl-istituzzjonijiet Ewropej (2) u fid-deċiżjoni tiegħu tal-11 ta' Mejju 2011 dwar il-konklużjoni ta' ftehim interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni dwar Reġistru ta' Trasparenza komuni (3).

2.   Il-funzjonament tar-reġistru għandu josserva l-prinċipji ġenerali tad-Dritt tal-Unjoni, inklużi l-prinċipji tal-proporzjonalità u n-nondiskriminazzjoni.

3.   Il-funzjonament tar-reġistru għandu jirrispetta d-drittijiet tal-Membri tal-Parlament Ewropew li jeżerċitaw il-mandat parlamentari tagħhom mingħajr restrizzjoni.

4.   Il-funzjonament tar-reġistru ma għandux jinfluwenza l-kompetenzi jew il-prerogattivi tal-partijiet u lanqas ma għandu jaffettwalhom il-poteri organizzattivi rispettivi tagħhom.

5.   Il-partijiet għandhom jistinkaw biex jittrattaw l-operaturi kollha involuti f'attivitajiet simili b'mod simili, u biex ikun hemm kundizzjonijiet ugwali fir-reġistrazzjoni tal-organizzazzjonijiet u tal-individwi li jaħdmu għal rashom involuti fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politika tal-UE.

II.   L-ISTRUTTURA TAR-REĠISTRU

6.   L-istruttura tar-reġistru għandha tkun kif ġej:

(a)

id-dispożizzjonijiet dwar il-kamp ta' applikazzjoni tar-reġistru, l-attivitajiet koperti mir-reġistru, id-definizzjonijiet, l-inċentivi u l-eżenzjonijiet;

(b)

it-taqsimiet għar-reġistrazzjoni (Anness I);

(c)

l-informazzjoni mitluba lir-reġistranti, inklużi r-rekwiżiti ta' divulgazzjoni finanzjarja (Anness II);

(d)

il-kodiċi ta' kondotta (Anness III);

(e)

mekkaniżmi ta' twissija u ta' lmenti u miżuri li għandhom jiġu applikati f'każ ta' nuqqas ta' konformità mal-kodiċi ta' kondotta, inkluża l-proċedura għat-twissijiet u għall-investigazzjoni u t-trattament tal-ilmenti (Anness IV).

(f)

linji gwida ta' implimentazzjoni b'informazzjoni prattika għar-reġistranti.

III.   IL-KAMP TA' APPLIKAZZJONI TAR-REĠISTRU

Attivitajiet koperti

7.   Il-kamp ta' applikazzjoni tar-reġistru jkopri l-attivitajiet kollha, għajr dawk imsemmija fil-paragrafi 10 sa 12, imwettqa bl-għan li jinfluwenzaw direttament jew indirettament it-tfassil jew l-implimentazzjoni tal-politika u l-proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet tal-istituzzjonijiet tal-UE, irrispettivament minn fejn jitwettqu u mill-kanal jew mezz ta' komunikazzjoni użat, pereżempju peremzz ta' outsourcing, il-midja, il-kuntratti ma' intermedjarji professjonisti, think-tanks, pjattaformi, fora, kampanji jew inizjattivi fil-livell lokali.

Għall-fini ta' dan il-ftehim, “jinfluwenzaw direttament” tfisser li jinfluwenzaw permezz ta' kuntatt dirett jew komunikazzjoni mal-istituzzjonijiet tal-UE jew permezz ta' azzjoni oħra li ssegwi tali attivitajiet u “jinfluwenzaw indirettament” tfisser jinfluwenzaw permezz tal-użu ta' vetturi intermedji bħall-midja, l-opinjoni pubblika, konferenzi jew avvenimenti soċjali li jkunu immirati lejn l-istituzzjonijiet tal-UE.

B'mod partikolari, dawk l-attivitajiet jinkludu:

il-kuntatt mal-Membri u l-assistenti tagħhom, mal-uffiċjali jew ma' persunal ieħor tal-istituzzjonijiet tal-UE,

it-tħejjija, it-tqassim u l-komunikazzjoni ta' ittri, materjal informattiv jew dokumenti ta' diskussjoni u dokumenti fejn tittieħed pożizzjoni,

l-organizzazzjoni ta' avvenimenti, laqgħat, attivitajiet promozzjonali, konferenzi jew avvenimenti soċjali, stediniet li jkunu ntbagħtu lill-Membri u lill-assistenti tagħhom, lill-uffiċjali jew lil persunal ieħor tal-istituzzjonijiet tal-UE, kif ukoll

il-kontribuzzjonijiet volontarji u l-parteċipazzjoni f'konsultazzjonijiet jew smigħ formali dwar proposti leġiżlattivi ppjanati tal-UE jew atti ġuridiċi oħrajn u konsultazzjonijiet miftuħin oħrajn.

8.   L-organizzazzjonijiet kollha u individwi li jaħdmu għal rashom, irrispettivament mill-istatus legali tagħhom, li jkunu involuti f'attivitajiet, kemm jekk attwali kif ukoll jekk ikunu qed jitħejjew u li jkunu koperti mir-reġistru huma mistennija li jirreġistraw.

Kwalunkwe attività koperta mir-reġistru u li tiġi żviluppata fuq il-bażi ta' kuntratt minn intermedjarju li jagħti konsulenza legali u professjonali oħra, hija eliġibbli biex tiġi rreġistrata kemm għall-intermedjarju kif ukoll għall-klijent tiegħu. Tali intermedjarji għandhom jiddikjaraw il-klijenti kollha li jkollhom dak it-tip ta' kuntratti, kif ukoll id-dħul ta' kull klijent minn attivitajiet ta' rappreżentanza kif stipulat fl-Anness II fil-punt II.C.2.b. Dan ir-rekwiżit ma jeżentax lill-klijenti milli jirreġistraw u jinkludu fl-istimi tal-ispejjeż tagħhom kwalunkwe attività li tkun ġiet subkuntrattata lil xi intermedjarju.

Attivitajiet mhux koperti

9.   Organizzazzjoni għandha tkun eliġibbli biex tirreġistra biss jekk twettaq attivitajiet, koperti mir-reġistru, li jkunu rriżultaw f'komunikazzjoni diretta jew indiretta mal-istituzzjonijiet tal-UE. Organizzazzjoni meqjusa mhux eliġibbli tista' titneħħa mir-reġistru.

10.   Attivitajiet li jikkonċernawl-għoti ta' konsulenza ġuridika jew konsulenza professjonali oħra mhumiex koperti mir-reġistru sakemm dawn:

jikkonsistu f'attivitajiet ta' konsulenza u ta' kuntatti ma' korpi pubbliċi sabiex jinfurmaw lill-klijenti aħjar dwar sitwazzjoni ġuridika ġenerali jew dwar il-pożizzjoni ġuridika speċifika tagħhom, jew biex jagħtuhom parir dwar jekk pass legali jew amministrattiv partikolari jkunx xieraq jew ammissibbli skont l-ambjent ġuridiku u regolatorju eżistenti,

jikkonsistu f'konsulenza mogħtija lil klijenti biex dawn jiżguraw li l-attivitajiet tagħhom jikkonformaw mal-liġi rilevanti,

jikkonsistu f'analiżijiet u studji mħejjija għall-klijenti dwar l-impatt potenzjali ta' kwalunkwe bidla leġiżlattiva jew regolatorja rigward il-pożizzjoni ġuridika tagħhom jew il-qasam ta' attività tagħhom,

jikkonsistu f'rappreżentanza fil-kuntest ta' proċedura ta' konċiljazzjoni jew medjazzjoni li jkollha l-għan li tevita t-tressiq ta' tilwima quddiem korp ġudizzjarju jew amministrattiv, jew

jirrigwardaw l-eżerċizzju tad-dritt fundamentali ta' klijent għal proċess ġust, inkluż id-dritt għad-difiża fi proċedimenti amministrattivi, bħal attivitajiet imwettqa mill-avukati jew minn kwalunque professjonist ieħor involut fihom.

Jekk kumpanija u l-konsulenti tagħha jkunu involuti bħala parti f'każ jew fi proċedura speċifika ġuridika jew amministrattiva, kwalunkwe attività marbuta direttament magħhom li ma tippruvax tbiddel il-qafas legali eżistenti mhijiex koperta mir-reġistru. Dan is-subparagrafu japplika għas-setturi tan-negozju kollha fl-Unjoni Ewropea.

Madankollu, l-attivitajiet li ġejjin rigward l-għoti ta' konsulenza legali jew professjonali oħra huma koperti mir-reġistru sakemm ikollhom l-għan li jinfluwenzaw l-istituzzjonijiet tal-UE, il-Membri u l-assistenti tagħhom jew l-uffiċjali jew il-persunal tagħhom:

l-għoti ta' appoġġ, permezz ta' rappreżentanza jew medjazzjoni, jew il-forniment ta' materjal promozzjonali, inkluż argumentazzjoni u abbozzar, u

l-għoti ta' konsulenza tattika jew strateġika, inkluż li jitqajmu kwistjonijiet li l-iskop u ż-żmien ta' komunikazzjoni tagħhom ikollhom l-għan li jinfluwenzaw l-istituzzjonijiet tal-UE, il-Membri u l-assistenti jew l-uffiċjali tagħhom jew persunal ieħor.

11.   Attivitajiet tal-imsieħba soċjali bħala parteċipanti fid-djalogu soċjali (trade unions, assoċjazzjonijiet ta' min iħaddem, eċċ.) mhumiex koperti mir-reġistru meta dawk il-imsieħba soċjali jwettqu r-rwol assenjat lilhom mit-Trattati. Dan il-paragrafu japplika mutatis mutandis għal kull entità li fit-Trattati hija speċifikament indikata biex tiżvolġi rwol istituzzjonali;

12.   Attivitajiet b'risposta għal talbiet diretti u individwali minn istituzzjonijiet tal-UE jew minn Membri tal-Parlament Ewropew, bħalma huma talbiet ad hoc jew regolari għal informazzjoni fattwali, data jew għarfien espert, mhumiex koperti mir-reġistru.

Dispożizzjonijiet speċifiċi

13.   Ir-reġistru ma japplikax għal knejjes u komunitajiet reliġjużi. Madankollu, l-uffiċċji rappreżentattivi jew entitajiet ġuridiċi, l-uffiċċji u n-netwerks maħluqa biex jirrappreżentaw il-knejjes u l-komunitajiet reliġjużi fir-relazzjonijiet tagħhom mal-istituzzjonijiet tal-UE, kif ukoll l-assoċjazzjonijiet tagħhom, huma mistennija jirreġistraw.

14.   Ir-reġistru ma japplikax għal partiti politiċi. Madankollu, kwalunkwe organizzazzjoni maħluqa jew appoġġata minnhom li hija involuta f'attivitajiet li huma koperti mir-reġistru hija mistennija tirreġistra.

15.   Ir-reġistru ma japplikax għas-servizzi governattivi tal-Istati Membri, għall-gvernijiet ta' pajjiżi terzi, għall-organizzazzjonijiet intergovernattivi internazzjonali u l-missjonijiet diplomatiċi tagħhom.

16.   L-awtoritajiet pubbliċi reġjonali u l-uffiċċji rappreżentattivi tagħhom mhumiex mistennija jirreġistraw, iżda jistgħu jirreġistraw jekk ikun jixtiequ. Kwalunkwe assoċjazzjoni jew netwerk maħluqa biex tirrappreżenta r-reġjuni b'mod kollettiv hi mistennija tirreġistra.

17.   L-awtoritajiet pubbliċi subnazzjonali kollha minbarra dawk imsemmija fil-paragrafu 16, bħal awtoritajiet lokali u muniċipali jew bliet jew l-uffiċċji ta' rappreżentanza tagħhom, l-assoċjazzjonijiet jew in-netwerks tagħhom, huma mistennija jirreġistraw.

18.   Netwerks, pjattaformi jew forom oħrajn ta' attività kollettiva mingħajr status legali jew personalità ġuridika imma li de facto huma għajn ta' influwenza organizzata u li huma impenjati f'attivitajiet li huma koperti mir-reġistru, huma mistennija jirreġistraw. Il-membri ta' taliforom ta' attività kollettiva għandhom jaħtru rappreżentant biex jaġixxi bħala l-persuna ta' kuntatt tagħhom responsabbli mir-relazzjonijiet mas-“Segretarjat Konġunt tar-Reġistru tat-Trasparenza” (JTRS).

19.   L-attivitajiet li għandhom jitqiesu għall-valutazzjoni tal-eliġibbiltà għar-reġistrazzjoni huma dawk immirati (direttament jew indirettament) lejn l-istituzzjonijiet, l-aġenziji u l-korpi kollha tal-UE, kif ukoll lejn il-membri u l-assistenti, l-uffiċjali u persunal ieħor tagħhom. Tali attivitajiet ma jinkludux l-attivitajiet diretti lejn l-Istati Membri, b'mod partikolari dawk diretti lejn ir-rappreżentanzi permanenti tagħhom għall-Unjoni Ewropea.

20.   In-netwerks, federazzjonijiet, assoċjazzjonijiet jew pjattaformi Ewropej huma mħeġġin jipproduċu linji gwida komuni u trasparenti biex il-membri tagħhom jidentifikaw l-attivitajiet li huma koperti mir-reġistru. Huma mistennija jagħmlu dawk il-linji gwida pubbliċi.

IV.   REGOLI APPLIKABBLI GĦAR-REĠISTRANTI

21.   Meta jirreġistraw, l-organizzazzjonijiet u l-individwi kkonċernati:

jaqblu li l-informazzjoni li huma jipprovdu biex tkun inkluża fir-reġistru għandha tkun fid-dominju pubbliku,

jaqblu li jaġixxu f'konformità mal-kodiċi ta' kondotta stipulat fl-Anness III u, fejn rilevanti, li jipprovdu t-test ta' kwalunkwe kodiċi ta' kondotta professjonali li jkunu marbutin bih (4),

jiggarantixxu li l-informazzjoni mogħtija biex tiġi inkluża fir-reġistru tkun korretta u jaqblu li jikkooperaw mat-talbiet amministrattivi għal informazzjoni kumplementari u aġġornamenti,

jaċċettaw li kull twissija jew ilment li jikkonċernawhom jiġu ttrattati abbażi tar-regoli tal-kodiċi ta' kondotta stipulat fl-Anness III,

jaqblu li jkunu soġġetti għal kwalunkwe miżura applikabbli f'każ ta' nuqqas ta' konformità mal-kodiċi ta' kondotta stipulat fl-Anness III u jirrikonoxxu li l-miżuri previsti fl-Anness IV jistgħu jiġu applikati lilhom f'każ ta' nuqqas ta' konformità mal-kodiċi,

jinnotaw li l-partijiet jistgħu, fuq talba, u soġġett għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), jiżvelaw il-korrispondenza u dokumenti oħrajn li jikkonċernaw l-attivitajiet tar-reġistranti.

V.   IMPLIMENTAZZJONI

22.   Is-Segretarji Ġenerali tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni Ewropea għandhom ikunu responsabbli għas-superviżjoni tas-sistema u għall-aspetti operattivi kollha ewlenin, u għandhom bi qbil komuni jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiġi implimentat dan il-ftehim.

23.   Għalkemm is-sistema tiġi operata b'mod konġunt, il-partijiet jibqgħu ħielsa li jużaw ir-reġistru b'mod indipendenti għall-finijiet speċifiċi proprji tagħhom.

24.   Sabiex jimplimentaw is-sistema, is-servizzi tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni Ewropea jżommu struttura operattiva konġunta magħrufa bħala JTRS. Il-JTRS hu magħmul minn grupp ta' uffiċjali mill-Parlament Ewropew u mill-Kummissjoni Ewropea skont arranġament miftiehem mis-servizzi kompetenti. Il-JTRS jopera taħtil-koordinazzjoni ta' Kap ta' Unità fis-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea. Il-kompiti tal-JTRS jinkludu t-tfassil ta' linji gwida dwar l-implimentazzjoni, fi ħdan il-limiti ta' dan il-ftehim, biex tiġi ffaċilitata interpretazzjoni konsistenti tar-regoli mir-reġistranti kif ukoll biex isir monitoraġġ tal-kwalità tal-kontenut tar-reġistru. Il-JTRS għandu juża r-riżorsi amministrattivi disponibbli biex iwettaq verifiki tal-kwalità tal-kontenut tar-reġistru, bil-fehim, madankollu, li r-reġistranti huma fl-aħħar mill-aħħar responsabbli għall-informazzjoni li jkunu pprovdew.

25.   Il-partijiet għandhom jorganizzaw taħriġ u proġetti ta' komunikazzjoni interna xierqa biex titqajjem kuxjenza dwar ir-reġistru u l-proċeduri ta' twissija u ta' lment fost il-Membri u l-persunal tagħhom.

26.   Il-partijiet għandhom jieħdu miżuri xierqa biex esternament titqajjem kuxjenza dwar ir-reġistru u jiġi promoss l-użu tiegħu.

27.   Fuq il-websajt tar-Reġistru ta' Trasparenza Europa għandha tiġi ppubblikata b'mod regolari sensiela ta' statistika bażika meħuda mill-bażi ta' data tar-reġistru, u għandha tkun aċċessibbli permezz ta' għodda għat-tiftix li hija faċli biex tintuża mill-utent. Il-kontenut pubbliku ta' dik il-bażi ta' data għandu jkun disponibbli f'formati elettroniċi li jinqraw b'mod elettroniku.

28.   Is-Segretarjati Ġenerali tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni Ewropea għandhom jippreżentaw rapport annwali dwar il-ħidma tar-reġistru rispettivament lill-Viċi President rilevanti tal-Parlament Ewropew u lill-Viċi President rilevanti tal-Kummissjoni Ewropea. Ir-rapport annwali għandu jipprovdi informazzjoni fattwali dwar ir-reġistru, il-kontenut u l-evoluzzjoni tiegħu u għandu jiġi ppubblikat kull sena għas-sena kalendarja preċedenti.

VI.   MIŻURI APPLIKABBLI GĦAL REĠISTRANTI LI JKUNU KONFORMI

29.   Il-permessi ta' aċċess għall-bini tal-Parlament jinħarġu biss lil individwi li jirrappreżentaw, jew li jaħdmu għal, organizzazzjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tar-reġistru, sakemm dawk l-organizzazzjonijiet jew individwi jkunu rreġistraw. Madankollu, ir-reġistrazzjoni ma tagħtix dritt awtomatiku għal tali permess ta' aċċess. Il-ħruġ u l-kontroll ta' permessi li jippermettu aċċess għal perjodu fit-tul għall-bini tal-Parlament Ewropew għandhom jibqgħu proċedura interna tal-Parlament taħt ir-responsabilità tiegħu stess.

30.   Il-partijiet għandhom joffru inċentivi, fil-qafas tal-awtorità amministrattiva tagħhom, sabiex iħeġġu biex issir ir-reġistrazzjoni fi ħdan il-qafas maħluq minn dan il-ftehim.

L-inċentivi offruti mill-Parlament Ewropew lir-reġistranti jistgħu jinkludu:

aċċess aktar aġevolat għall-bini tal-Parlament Ewropew, għall-Membri tiegħu u għall-assistenti tagħhom, għall-uffiċjali u persunal ieħor tiegħu,

awtorizzazzjoni biex jiġu organizzati jew ospitati b'mod konġunt avvenimenti fil-bini tiegħu,

trażmissjoni faċilitatata ta' informazzjoni, inklużi listi ta' indirizzi speċifiċi,

parteċipazzjoni bħala kelliema fis-seduti tal-kumitat,

il-patroċinju tal-Parlament Ewropew.

L-inċentivi offruti mill-Kummissjoni Ewropea lir-reġistranti jistgħu jinkludu:

miżuri rigward it-trażmissjoni ta' informazzjoni lir-reġistranti meta jitniedu konsultazzjonijiet pubbliċi,

miżuri rigward gruppi esperti u korpi konsultattivi oħra,

listi tal-indirizzi speċifiċi,

il-patroċinju tal-Kummissjoni Ewropea.

L-inċentivi speċifiċi disponibbli għar-reġistranti għandhom jiġu kkomunikati lilhom mill-partijiet.

VII.   MIŻURI F'KAŻ TA' NUQQAS TA' KONFORMITÀ MAL-KODIĊI TA' KONDOTTA

31.   Kwalunkwe persuna tista' tressaq twissijiet u ilmenti, bl-użu tal-formola ta' kuntatt standard disponibbli fuq il-websajt tar-reġistru, rigward il-possibilità ta' nuqqas ta' konformità mal-kodiċi ta' kondotta stipulat fl-Anness III. It-twissijiet u l-ilmenti għandhom jiġu mmaniġġjati skont il-proċeduri stipulati fl-Anness IV.

32.   Mekkaniżmu ta' twissija huwa għodda li tikkomplementa l-verifiki tal-kwalità mwettqa mill-JTRS skont il-paragrafu 24. Kwalunkwe persuna tista' tressaq twissija rigward żbalji fattwali li jikkonċernaw l-informazzjoni pprovduta mir-reġistranti. It-twissijiet jistgħu jitressqu wkoll rigward reġistrazzjonijiet mhux eliġibbli.

33.   Kwalunkwe persuna tista' tressaq ilment formali fejn ikun hemm suspett ta' nuqqas ta' konformità mal-kodiċi ta' kondotta mir-reġistrant, minbarra żbalji fattwali. L-ilmenti għandhom jiġu ssostanzjati minn fatti materjali fir-rigward tas-suspett ta' nuqqas ta' konformità mal-kodiċi.

Il-JTRS għandu jinvestiga dwar is-suspett ta' nuqqas ta' konformità filwaqt li jitqiesu kif xieraq il-prinċipji tal-proporzjonalità u l-amministrazzjoni tajba. In-nuqqas ta' konformità intenzjonali mal-kodiċi ta' kondotta mir-reġistranti jew mir-rappreżentanti tagħhom għandha twassal biex jiġu applikati l-miżuri stipulati fl-Anness IV.

34.   Fejn nuqqas ta' kooperazzjoni ripetuta, imġiba inadegwata ripetuta jew nuqqas ta' konformità serja mal-kodiċi ta' kondotta jkunu ġew identifikati mill-JTRS taħt il-proċeduri msemmija fil-paragrafi 31 sa 33, ir-reġistrant ikkonċernat għandu jitneħħa mir-reġistru għal perjodu ta' żmien ta' sena jew sentejn u l-miżura tissemma pubblikament fir-reġistru, kif stipulat fl-Anness IV.

VIII.   INVOLVIMENT TA' ISTITUZZJONIJIET U KORPI OĦRAJN

35.   Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill huma mistednin jissieħbu f'dan ir-reġistru. Istituzzjonijiet, korpi u aġenziji oħrajn tal-UE huma mħeġġa sabiex huma wkoll jużaw il-qafas maħluq minn dan il-ftehim bħala strument ta' riferenza għall-interazzjonijiet tagħhom mal-organizzazzjonijiet u ma' individwi li jaħdmu għal rashom involuti fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politika tal-UE.

IX.   DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

36.   Dan il-ftehim għandu jissostitwixxi l-ftehim bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea tat-23 ta' Ġunju 2011 li l-effetti tiegħu ma jibqgħux japplikaw wara d-data ta' applikazzjoni ta' dan il-ftehim.

37.   Ir-reġistru għandu jiġi eżaminat mill-ġdid fl-2017.

38.   Dan il-ftehim għandujidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-publikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2015.

Entitajiet li jkunu diġà rreġistrati fid-data ta' applikazzjoni ta' dan il-ftehim għandhom jemendaw ir-reġistrazzjoni tagħhom biex jissodisfaw ir-rekwiżiti l-ġodda li jirriżultaw minn dan il-ftehim fi żmien tliet xhur minn dik id-data.

Magħmul fi Strasburgu, is-16 ta' April 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kummissjoni Ewropea

Il-Viċi President

M. ŠEFČOVIČ


(1)  ĠU L 191, 22.7.2011, p. 29.

(2)  ĠU C 271 E, 12.11.2009, p. 48.

(3)  ĠU C 377 E, 7.12.2012, p. 176.

(4)  Il-kodiċi ta' kondotta professjonali li reġistrant huwa marbut bih jista' jimponi obbligi li huma aktar stretti mir-rekwiżiti tal-kodiċi ta' kondotta stipulat fl-Anness III.

(5)  Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).


ANNESS I

“Ir-Reġistru tat-Trasparenza”

Organizzazzjonijiet u individwi li jaħdmu għal rashom involuti fit-tfassil u fl-implimentazzjoni tal-politika tal-UE

Taqsimiet

Karatteristiċi/rimarki

I —

Konsulenzi professjonali/ditti legali/konsulenti indipendenti

 

Subtaqsima

Konsulenzi professjonali

Ditti li jwettqu, f'isem il-klijenti, attivitajiet li jinvolvu appoġġ, lobbying, promozzjoni, interessi pubbliċi u relazzjonijiet ma' awtoritajiet pubbliċi.

Subtaqsima

Ditti legali

Ditti legali li jwettqu, f'isem il-klijenti, attivitajiet li jinvolvu appoġġ, lobbying, promozzjoni, interessi pubbliċi u relazzjonijiet ma' awtoritajiet pubbliċi.

Subtaqsima

Konsulenti li jaħdmu għal rashom

Konsulenti li jaħdmu għal rashom li jwettqu, f'isem il-klijenti, attivitajiet li jinvolvu appoġġ, lobbying, promozzjoni, interessi pubbliċi u relazzjonijiet ma' awtoritajiet pubbliċi. Din is-subtaqsima hija għar-reġistrazzjoni tal-entitajiet li jinvolvu biss persuna waħda.

II —

Lobbyists interni u assoċjazzjonijiet tal-kummerċ/tan-negozju/professjonali

 

Subtaqsima

Kumpaniji u gruppi

Kumpaniji jew gruppi ta' kumpaniji (bi status ġuridiku jew mingħajru) li jwettqu internament, f'isimhom stess, attivitajiet li jinvolvu appoġġ, lobbying, promozzjoni, interessi pubbliċi u relazzjonijiet ma' awtoritajiet pubbliċi.

Subtaqsima

Assoċjazzjonijiet tal-kummerċ u tan-negozju

Organizzazzjonijiet (bi skop jew mingħajr skop ta' profitt) li jirrappreżentaw kumpaniji li jagħmlu profitt jew gruppi u pjattaformi mħalltin.

Subtaqsima

Trade unions u assoċjazzjonijiet professjonali

Rappreżentanza ta' gruppi ta' interess ta' ħaddiema, impjegati, negozji jew professjonijiet.

Subtaqsima

Organizzazzjonijiet oħrajn inklużi:

entitajiet li jorganizzaw avvenimenti (li jagħmlu jew ma jagħmlux profitt),

midja relatata mal-interessi jew entitajiet orjentati lejn ir-riċerka marbuta ma' interessi privati li jagħmlu profitt,

koalizzjonijiet ad hoc u strutturi temporanji (bi sħubija għall-profitt).

 

III —

Organizzazzjonijiet mhux governattivi

 

Subtaqsima

Organizzazzjonijiet mhux governattivi, pjattaformi, netwerks, koalizzjonijiet ad hoc, strutturi temporanji u organizzazzjonijiet oħrajn simili.

Organizzazzjoni mingħajr skop ta' profitt (bi status ġuridiku jew mingħajru), li huma indipendenti minn awtoritajiet pubbliċijew organizzazzjonijiet kummerċjali. Inklużi l-fondazzjonijiet, l-entijiet tal-karità, eċċ.

Kwalunkwe tip ta' entità li tinkludi elementi bi skop ta' profitt fis-sħubija tagħha għandha tirreġistra fit-Taqsima II.

IV —

Think tanks, istituzzjonijiet ta' riċerka u akkademiċi

 

Subtaqsima

Think tanks u istituzzjonijiet ta' riċerka

Think tanks u istituzzjonijiet ta' riċerka speċjalizzati li huma involuti fl-attivitajiet u l-politiki tal-Unjoni Ewropea.

Subtaqsima

Istituzzjonijiet akkademiċi

Istituzzjonijiet li l-iskop primarju tagħhom huwa l-edukazzjoni imma li huma involuti fl-attivitajiet u l-politiki tal-Unjoni Ewropea

V —

Organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw knejjes u komunitajiet reliġjużi

 

Subtaqsima

Organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw knejjes u komunitajiet reliġjużi

Entitajiet ġuridiċi, uffiċċji, netwerks jew assoċjazzjonijiet imwaqqfin għal attivitajiet ta' rappreżentanza.

VI —

Organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw awtoritajiet lokali, reġjonali u muniċipali, entitajiet pubbliċi jew imħalltin oħrajn, eċċ.

 

Subtaqsima

Strutturi reġjonali

Ir-reġjuni infushom u l-uffiċċji rappreżentattivi tagħhom mhumiex mistennija jirreġistraw, iżda jistgħu jirreġistraw jekk ikunu jixtiequ. Assoċjazzjonijiet jew netwerks nazzjonali maħluqa biex jirrappreżentaw ir-reġjuni b'mod kollettiv huma mistennija jirreġistraw.

Subtaqsima

Awtoritajiet pubbliċi subnazzjonali oħrajn

L-awtoritajiet pubbliċi subnazzjonali oħrajn kollha, bħal bliet, awtoritajiet lokali u muniċipali, jew l-uffiċċji ta' rappreżentanza tagħhom, u l-assoċjazzjonijiet jew in-netwerks nazzjonali, huma mistennija jirreġistraw.

Subtaqsima

Assoċjazzjonijiet transnazzjonali u netwerks ta' awtoritajiet pubbliċi reġjonali jew subnazzjonali oħrajn

 

Subtaqsima

Entitajiet pubbliċi jew imħalltin oħrajn, maħluqa mil-liġi li l-għan tagħhom huwa li jaġixxu fl-interess pubbliku

Inklużi organizzazzjonijiet oħrajn bi status pubbliku jew imħallat (pubbliċi/privati).


ANNESS II

INFORMAZZJONI LI GĦANDHA TINGĦATA MIR-REĠISTRANTI

I.   INFORMAZZJONI ĠENERALI U BAŻIKA

(a)

l-isem jew l-ismijiet tal-organizzazzjoni, l-indirizz tal-uffiċċju prinċipali u l-indirizz ta' Brussell, il-Lussemburgu jew Strasburgu meta rilevanti, in-numru tat-telefon, l-indirizz tal-posta elettronika, il-websajt tal-organizzazzjoni;

(b)

id-dettalji tal-persuna legalment responsabbli mill-organizzazzjoni u l-isem tad-direttur jew soċju responsabbli għall-ġestjoni tal-organizzazzjoni jew, jekk applikabbli, il-punt ta' kuntatt prinċipali tal-organizzazzjoni f'dak li għandu x'jaqsam mal-attivitajiet koperti mir-reġistru (jiġifieri l-kap tal-affarijiet tal-UE); l-ismijiet tal-persuni b'awtorizzazzjoni ta' aċċess għall-bini tal-Parlament Ewropew (1);

(c)

l-għadd ta' persuni (membri, persunal, eċċ.) involuti fl-attivitajiet koperti mir-reġistru u ta' persuni li jibbenefikaw minn permess ta' aċċess għall-bini tal-Parlament Ewropew u l-ammont ta' ħin li tqatta' kull persuna f' dawk l-attivitajiet skont il-perċentwali li ġejjin ta' attività full-time: 25 %, 50 %, 75 % jew 100 %;

(d)

l-objettivi/il-mandat — l-oqsma ta' interess — l-attivitajiet — il-pajjiżi fejn issir il-ħidma — l-affiljazzjonijiet ma' netwerks — it-tagħrif ġenerali li jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tar-reġistru;

(e)

is-sħubija u, jekk applikabbli, l-għadd ta' membri (individwi u organizzazzjonijiet).

II.   INFORMAZZJONI SPEĊIFIKA

A.   Attivitajiet koperti mir-reġistru

Għandhom jiġu pprovduti dettalji speċifiċi dwar il-proposti leġiżlattivi jew il-politiki ewlenin li jkunu fil-mira tal-attivitajiet tar-reġistrant, u li huma koperti mir-reġistru. Tista' ssir referenza għal attivitajiet speċifiċi oħrajn, bħal avvenimenti jew pubblikazzjonijiet.

B.   Konnessjonijiet ma' istituzzjonijiet tal-UE

(a)

Sħubija fi gruppi ta' livell għoli, kumitati konsultattivi, gruppi ta' esperti, strutturi u pjattaformi oħrajn appoġġjati mill-UE, eċċ.

(b)

Sħubija jew parteċipazzjoni f'intergruppi tal-Parlament Ewropew jew f'fora tal-industrija, eċċ.

C.   Informazzjoni finanzjarja relatata mal-attivitajiet koperti mir-reġistru

1.

Ir-reġistranti kollha għandhom jipprovdu:

(a)

Stima tal-ispejjeż annwali marbuta mal-attivitajiet koperti mir-reġistru. Iċ-ċifri finanzjarji għandhom ikopru sena sħiħa ta' ħidma u jirreferu għall-aħħar sena finanzjarja magħluqa, mid-data tar-reġistrazzjoni jew tal-aġġornament annwali tar-reġistrazzjoni.

(b)

L-ammont u s-sors ta' finanzjament riċevut mill-istituzzjonijiet tal-UE fl-iktarsena finanzjarja riċenti magħluqa, mid-data tar-reġistrazzjoni jew tal-aġġornament annwali tad-dettalji ta' reġistrazzjoni. Dik l-informazzjoni għandha tikkorrispondi mal-informazzjoni pprovduta mis-Sistema ta' Trasparenza Finanzjarja Ewropea (2).

2.

Konsulenzi professjonali/ditti legali/konsulenti li jaħdmu għal rashom (Taqsima I tal-Anness I) għandhom addizzjonalment jipprovdu:

(a)

Il-fatturat attribwit għall-attivitajiet koperti mir-reġistru skont it-tabella li ġejja:

Il-fatturat annwali għall-attivitajiet ta' rappreżentanza f'euro

0 – 99 999

100 000 – 499 999

500 000 – 1 000 000

> 1 000 000

(b)

Lista tal-klijenti kollha, li f'isimhom twettqu l-attivitajiet koperti mir-reġistru. Id-dħul mill-klijenti għal attivitajiet ta' rappreżentanza għandhom jitniżżlu skont it-tabella li ġejja:'

Id-daqs tal-kategorija ta' attivitajiet ta' rappreżentanza għal kull klijent fis-sena f'euro

0 – 9 999

10 000 – 24 999

25 000 – 49 999

50 000 – 99 999

100 000 – 199 999

200 000 – 299 999

300 000 – 399 999

400 000 – 499 999

500 000 – 599 999

600 000 – 699 999

700 000 – 799 999

800 000 – 899 999

900 000 – 1 000 000

> 1 000 000

(c)

Il-klijenti huma wkoll mistennija jirreġistraw. Id-dikjarazzjoni finanzjarja magħmula minn ditti ta' konsulenza professjonali/ditti legali/konsulenti li jaħdmu għal rashom dwar klijenti tagħhom (lista u tabella) ma teżentax lil dawk il-klijenti mill-obbligu tagħhom li jinkludu dawk l-attivitajiet kuntrattwali fid-dikjarazzjonijiet tagħhom stess, sabiex jevitaw sottovalutazzjoni tan-nefqa finanzjarja ddikjarata tagħhom.

3.

Lobbyists interni u assoċjazzjonijiet tan-negozju/tal-kummerċ/professjonali (Taqsima II tal-Anness I) għandhom addizzjonalment jipprovdu:

il-fatturat attribwibbli għall-attivitajiet koperti mir-reġistru, inkluż għal ammonti inqas minn EUR 10 000.

4.

Organizzazzjonijiet mhux governattivi, think tanks, istituzzjonijiet ta' riċerka u akkademiċi — organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw knejjes u komunitajiet reliġjużi — organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw awtoritajiet lokali, reġjonali u muniċipali, entitajiet pubbliċi jew imħalltin oħrajn, eċċ. (Taqsimiet III sa VI tal-Anness I) għandhom addizzjonalmentjipprovdu:

(a)

il-baġit totali tal-organizzazzjoni

(b)

rendikont dettaljat tal-ammonti u tas-sorsi ewlenin ta' finanzjament.


(1)  Ir-reġistranti jistgħu jitolbu awtorizzazzjoni ta' access għall-bini tal-Parlament Ewropew fi tmiem il-proċess ta' reġistrazzjoni. L-ismijiet tal-individwi li jirċievu l-permessi ta' aċċess għall-bini tal-Parlament għandhom jiddaħħlu fir-reġistru. Ir-reġistrazzjoni ma tagħtix dritt awtomatiku għal talipermess ta' aċċess.

(2)  http://ec.europa.eu/budget/fts/index_en.htm


ANNESS III

KODIĊI TA' KONDOTTA

Il-partijiet jikkunsidraw li r-rappreżentanti kollha ta' gruppi ta' interess li jinteraġġixxu magħhom, kemm f'okkażjoni waħda jew b'mod aktar frekwenti, irreġistrati jew mhumiex, għandhom jaġixxu f'konformità ma' dan il-kodiċi ta' kondotta.

Fir-relazzjonijiet tagħhom mal-istituzzjonijiet tal-UE u mal-Membri, mal-uffiċjali u persunal ieħor tagħhom, ir-rappreżentanti ta' gruppi ta' interess:

(a)

għandhom dejjem jidentifikaw ruħhom bl-isem u bin-numru ta' reġistrazzjoni, jekk applikabbli, u bl-isem tal-entità jew entitajiet li jaħdmu għalihom jew li jkunu qed jirrappreżentaw; jiddikjaraw l-interessi, l-objettivi jew l-għanijiet li jippromwovu u, fejn applikabbli, jispeċifikaw il-klijenti jew il-membri li jirrappreżentaw;

(b)

m'għandhomx jiksbu jew jipprovaw jiksbu informazzjoni jew deċiżjonijiet b'mod diżonest jew bl-użu ta' pressjoni indebita jew imġiba mhux xierqa;

(c)

m'għandhomx jippretendu li għandhom relazzjoni formali mal-Unjoni Ewropea jew ma' xi waħda mill-istituzzjonijiet tagħha fit-tranżazzjonijiet tagħhom ma' terzi, jew jirrappreżentaw b'mod qarrieqi l-effett tar-reġistrazzjoni b'mod li jiżgwida lill-partijiet terzi jew lill-uffiċjali jew persunal ieħor tal-Unjoni Ewropea, jew jużaw il-logos tal-istituzzjonijiet tal-UE mingħajr awtorizzazzjoni espressa;

(d)

għandhom jiżguraw li, sa fejn jafu huma, it-tagħrif li jagħtu meta jirreġistraw u sussegwentement fil-qafas tal-attivitajiet tagħhom koperti mir-reġistru, ikun komplet, aġġornat u ma jiżgwidax; jaċċettaw li t-tagħrif kollu provdut ikun soġġett għal eżami mill-ġdid u jaqblu li jikkooperaw mat-talbiet amministrattivi għal informazzjoni u aġġornamenti kumplementari;

(e)

m'għandhomx ibiegħu lil terzi kopji ta' dokumenti miksuba minn istituzzjonijiet tal-UE;

(f)

b'mod ġenerali għandhom jirrispettaw u jevitaw kwalunkwe xkiel għall-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tar-regoli, il-kodiċijiet u l-prattiki ta' governanza tajba kollha stabbiliti mill-istituzzjonijiet tal-UE;

(g)

m'għandhomx iwasslu biex Membri tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, uffiċjali jew persunal ieħor tal-Unjoni Ewropea, jew assistenti jew apprendisti ta' dawk il-Membri, jiksru r-regoli jew l-istandards ta' kondotta applikabbli għalihom;

(h)

għandhom, jekk jimpjegaw persuni li qabel kienu uffiċjali jew persunal ieħor tal-Unjoni Ewropea jew assistenti jew apprendisti tal-Membri tal-istituzzjonijiet tal-UE, jirrispettaw l-obbligu ta' dawk il-persuni li jirrispettaw ir-regoli u r-rekwiżiti ta' kunfidenzjalità applikabbli għalihom;

(i)

għandhom jiksbu l-kunsens minn qabel tal-Membru jew tal-Membri tal-Parlament Ewropew ikkonċernat rigward kwalunkwe relazzjoni kuntrattwali ma', jew impjieg ta', kwalunkwe individwu fi ħdan l-entourage maħtur ta' Membru;

(j)

għandhom josservaw kwalunkwe regola dwar id-drittijiet u r-responsabbiltajiet ta' Membri preċedenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni Ewropea;

(k)

għandhom jinfurmaw lil kulmin jirrappreżentaw dwar l-obbligi tagħhom lejn l-istituzzjonijiet tal-UE.

L-individwi li jkunu rreġistraw mal-Parlament Ewropew bil-ħsieb li jinħarġilhom permess personali u mhux trasferibbli li jagħti aċċess għall-bini tal-Parlament Ewropew għandhom:

(l)

jiżguraw li jġorru fuqhom b'mod viżibbli l-permess ta' aċċess f'kull ħin fil-bini tal-Parlament Ewropew;

(m)

josservaw strettament ir-Regoli ta' Proċedura relevanti tal-Parlament Ewropew;

(n)

jaċċettaw li kwalunkwe deċiżjoni dwar talba għal aċċess għall-bini tal-Parlament Ewropew tkun il-prerogativa esklużiva tal-Parlament u li r-reġistrazzjoni ma tagħtix dritt awtomatiku għal permess ta' aċċess.


ANNESS IV

PROĊEDURA GĦAT-TWISSIJIET U GĦALL-INVESTIGAZZJONI U T-TRATTAMENT TAL-ILMENTI

I.   Twissijiet

Kwalunkwe persuna tista' tressaq twissija quddiem il-JTRS, billi timla l-formola ta' kuntatt standard disponibbli fuq il-websajt tar-reġistru, fir-rigward ta' tagħrif inkluż fir-reġistru u reġistrazzjonijiet mhux eliġibbli.

Fejn isiru twissijiet dwar it-tagħrif li jinsab fir-reġistru, dawn jiġu ttrattati bħala allegazzjonijiet ta' nuqqas ta' konformità mal-punt (d) tal-kodiċi ta' kondotta stabbilit fl-Anness III (1). Ir-reġistrant ikkonċernat jintalab jaġġorna l-informazzjoni jew jispjega lill-JTRS ir-raġuni li minħabba fiha l-informazzjoni ma għandhiex bżonn tiġi aġġornata. Meta r-reġistrant ikkonċernat ma jikkooperax, jistgħu jiġu applikati l-miżuri mniżżla fit-tabella tal-miżuri ta' hawn taħt (ringieli 2 sa 4).

II.   Ilmenti

Stadju 1: Il-preżentazzjoni ta' lment

1.   Kwalunkwe persuna tista' tippreżenta lment lill-JTRS billi timla formola standard disponibbli fuq il-websajt tar-reġistru. Dik il-formola għandu jkun fiha l-informazzjoni li ġejja:

(a)

ir-reġistrant li hu s-suġġett tal-ilment;

(b)

l-isem u d-dettalji ta' kuntatt ta' min jagħmel l-ilment;

(c)

id-dettalji tan-nuqqas ta' konformità allegata mal-kodiċi ta' kondotta, inkluż dokumenti possibbli jew materjal ieħor li jappoġġa l-ilment, indikazzjoni dwar jekk kenitx ikkawżata xi ħsara lil min jagħmel l-ilment u r-raġunijiet li jwasslu biex ikun hemm suspett ta' nuqqas ta' konformità intenzjonata.

L-ilmenti anonimi m'għandhomx jiġu kkunsidrati.

2.   L-ilment għandu jispeċifika l-klawsoli tal-kodiċi ta' kondotta li fir-rigward tagħhom min jagħmel l-ilment jallega li kien hemm nuqqas ta' konformità. Kull ilment, fejn, mill-bidu nett, il-JTRS tqis b'mod ċar li jkun każ ta' nuqqas ta' konformità mhux intenzjonata, jista' jiġi meqjus mill-ġdid bħala “twissija” mill-JTRS.

3.   Il-Kodiċi ta' kondotta japplika b'mod esklużiv għar-relazzjonijiet bejn ir-rappreżentanti ta' gruppi ta' interess u l-istituzzjonijiet tal-UE u ma jistax jintuża biex jirregola relazzjonijiet bejn partijiet terzi jew bejn reġistranti.

Stadju 2: Ammissibiltà

4.   Mal-wasla tal-ilment il-JTRS għandu:

(a)

jagħti konferma li rċieva l-ilment lil min jagħmel l-ilment fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol;

(b)

jiddetermina jekk l-ilment jaqax fil-kamp ta' applikazzjoni tar-reġistru, kif deskritt fil-kodiċi ta' kondotta stabbilit fl-Anness III u fl-istadju 1 imsemmi hawn fuq;

(c)

jivverifika kwalunkwe prova mressqa bħala appoġġ tal-ilment, sew jekk din tieħu l-forma ta' dokumenti, materjal ieħor jew dikjarazzjonijiet personali; fil-prinċipju, kwalunkwe prova konkreta għandha tittieħed mir-reġistrant ikkonċernat, minn dokument maħruġ minn parti terza jew minn sorsi disponibbli għall-pubbliku. Sempliċi valutazzjonijiet ta' ġudizzju ippreżentati minn min jagħmel l-ilment m'għandhomx jitqiesu bħala prova;

(d)

abbażi tal-analiżi msemmija fil-punti (b) u (c), jiddeċiedi dwar l-ammissibilità tal-ilment.

5.   Jekk l-ilment jitqies inammissibli, il-JTRS għandu jgħarraf bil-miktub lil min ikun għamel l-ilment, filwaqt li jiddikjara r-raġunijiet għad-deċiżjoni.

6.   Jekk l-ilment jitqies ammissibbli, kemm min jagħmel l-ilment kif ukoll ir-reġistrant ikkonċernat għandhomjiġu infurmati mill-JTRS dwar id-deċiżjoni u l-proċedura li għandha tiġi segwita, kif stabbilit hawn taħt.

Stadju 3: L-immaniġġjar ta' lment ammissibbli — eżaminar u miżuri proviżorji

7.   Ir-reġistrant ikkonċernat għandu jiġi notifikat mill-JTRS dwar il-kontenut tal-ilment u tal-klawsola jew klawsoli li allegatament inkisru u fl-istess ħin għandujiġi mistieden jippreżenta pożizzjoni b'risposta għal dak l-ilment fi żmien 20 jum tax-xogħol. Bħala appoġġ għal dik il-pożizzjoni, u fl-istess skadenza, ir-reġistrant jista' jippreżenta ukoll memorandum magħmul minn organizzazzjoni professjonali rappreżentattiva, b'mod partikolari għall-professjonijiet jew l-organizzazzjonijiet regolati soġġetti għal kodiċi ta' kondotta professjonali.

8.   In-nuqqas ta' konformità mal-iskadenza indikata fil-paragrafu 7 għandhatwassal għal sospensjoni temporanja tar-reġistrant ikkonċernat mir-reġistru sakemm jerġa' jkun hemm kooperazzjoni.

9.   L-informazzjoni kollha miġbura waqt l-investigazzjoni għandha tiġi eżaminata mill-JTRS, li jista' jiddeċiedi li jisma' lir-reġistrant ikkonċernat jew lil min ikun għamel l-ilment, jew lit-tnejn li huma.

10.   Jekk wara li jiġi eżaminat il-materjal ipprovdut jidher li l-ilment ikun infondat, il-JTRS għandujinforma kemm lir-reġistrant kif ukoll lil min ikun għamel l-ilment bid-deċiżjoni dwar dan, u jiddikjara r-raġunijiet għad-deċiżjoni.

11.   Jekk l-ilment jintlaqa', ir-reġistrant ikkonċernat jiġi sospiż b'mod temporanju mir-reġistru sakemm jittieħdu l-passi biex tiġi indirizzata l-problema (ara l-Istadju 4 hawn taħt) u jista' jkun soġġett għal għadd ta' miżuri addizzjonali inkluż it-tneħħija mir-reġistru u l-irtirar, fejn applikabbli, ta' kwalunkwe awtorizzazzjoni ta' aċċess għall-bini tal-Parlament Ewropew skont il-proċeduri interni ta' dik l-istituzzjoni (ara l-Istadju 5 u r-ringieli 2-4 fit-tabella tal-miżuri ta' hawn taħt), prinċipalment f'każijiet ta' nuqqas ta' kooperazzjoni.

Stadju 4: L-immaniġġjar ta' lment ammissibbli — risoluzzjoni

12.   Meta ilment jiġi milqugħ u jiġu identifikati kwistjonijiet problematiċi, il-JTRS jieħu l-passi kollha meħtieġa f'kooperazzjoni mar-reġistrant ikkonċernat biex tiġi indirizzata l-kwistjoni u tinstab risoluzzjoni.

13.   Jekk ir-reġistrant ikkonċernat jikkoopera il-JTRS għandu jiġi alloka perjodu raġjonevoli ta' żmien, fuq il-bażi ta' każ b'każ, biex tinsab risoluzzjoni.

14.   Fejn tiġi identifikata risoluzzjoni possibbli għall-kwistjoni, u r-reġistrant ikkonċernat jikkoopera biex tiġi applikata dik ir-risoluzzjoni, terġa' tiġi riattivata r-reġistrazzjoni ta' dak ir-reġistrant u l-ilment jingħalaq. Il-JTRS għandu jinforma kemm lir-reġistrant ikkonċernat kif ukoll lil min ikun għamel l-ilment bid-deċiżjoni kkonċernata, filwaqt li jagħti r-raġunijiet għal dik id-deċiżjoni.

15.   Fejn tiġi identifikata risoluzzjoni possibbli għall-kwistjoni, u r-reġistrant ikkonċernat ma jikkooperax biex dik ir-risoluzzjoni tingħata effett, ir-reġistrazzjoni tar-reġistrant ikkonċernat għandha titħassar (ara r-ringieli 2 u 3 tat-tabella tal-miżuri ta' hawn taħt). Il-JTRS għandu jinforma kemm lir-reġistrant ikkonċernat kif ukoll lil min jagħmel l-ilment bid-deċiżjoni kkonċernata, filwaqt li jagħti r-raġunijiet għal dik id-deċiżjoni.

16.   Fejn il-possibilità ta' risoluzzjoni tal-kwistjoni titlob deċiżjoni minn parti terza, inkluża awtorità fi Stat Membru, id-deċiżjoni finali tal-JTRS għandhatkun sospiża sakemm tittieħed dik id-deċiżjoni.

17.   Jekk ir-reġistrant ma jikkooperax fi żmien 40 jum tax-xogħol min-notifika tal-ilment skont il-paragrafu 7, għandhom japplikaw il-miżuri ta' nuqqas ta' konformità (ara l-paragrafi 19 sa 22 tal-Istadju 5 u r-ringieli 2 sa 4 tat-tabella tal-miżuri li tinsab iktar 'l isfel).

Stadju 5: L-immaniġġjar ta' lment ammissibbli — il-miżuri li għandhom jiġu applikati fl-eventwalità ta' nuqqas ta' konformità mal-Kodiċi ta' Kondotta

18.   Fejn ir-reġistrant ikkonċernat iwettaq korrezzjonijiet immedjati, kemm min jagħmel l-ilment kif ukoll ir-reġistrant ikkonċernat jirċievu konferma bil-miktub tal-fatti u l-korrezzjonijiet tagħhom mill-JTRS (ara r-ringiela 1 tat-tabella tal-miżuri ta' hawn taħt).

19.   Jekk ir-reġistrant ikkonċernat ma jiħux azzjoni fl-iskadenza ta' 40 jum stabbiliti fil-paragrafu 17, għandu jitneħħa mir-reġistru (ara r-ringiela 2 tat-tabella tal-miżuri ta' hawn taħt) u jitlef l-aċċess għal kwalunkwe inċentiv marbut mar-reġistrazzjoni.

20.   Fejn tiġi identifikata imġiba mhux xierqa, ir-reġistrant ikkonċernat għandu jitneħħa mir-reġistru (ara r-ringiela 3 tat-tabella tal-miżuri ta' hawn taħt) u jitlef kwalunkwe inċentiv marbut mar-reġistrazzjoni.

21.   Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafi 19 u 20, ir-reġistrant ikkonċernat jista' jerġa' jirreġistra, jekk ikun instab rimedju għar-raġunijiet li jkunu wasslu biex jitneħħa.

22.   Fejn jidher li jkun hemm nuqqas ta' kooperazzjoni jew imġiba mhux xierqa b'mod repetut u deliberat, jew fejn tiġi identifikata nuqqas ta' konformità serja (ara r-ringiela 4 tat-tabella tal-miżuri ta' hawn taħt), il-JTRS għandu jadottata deċiżjoni li tipprojbixxi reġistrazzjoni mill-ġdid għal perjodu ta' sena jew sentejn (skont il-gravità tal-każ).

23.   Il-JTRS għandu jinnotika lir-reġistrant ikkonċernat u lil min jagħmel l-ilment bi kwalunkwe miżura adottata skont il-paragrafi 18 sa 22 jew ir-ringieli 1 sa 4 fit-tabella tal-miżuri ta' hawn taħt.

24.   Fil-każijiet fejn miżura adottata mill-JTRS tirriżulta fit-tneħħija mir-reġistru għal perjodu fit-tul (ara r-ringiela 4 tat-tabella tal-miżuri ta' hawn taħt), ir-reġistrant ikkonċernat jista', fi żmien 20 jum tax-xogħol min-notifika tal-miżura, iressaq talba motivata lis-Segretarji Ġenerali tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni Ewropea biex dik il-miżura tkun eżaminata mill-ġdid.

25.   Malli tiskadi l-iskadenza ta' 20 jum jew wara li s-Segretarji Ġenerali jkunu ħadu d-deċiżjoni finali, il-Viċi President rilevanti tal-Parlament Ewropew u l-Viċi President rilevanti tal-Kummissjoni Ewropea għandhom jiġu infurmati u l-miżura tiġi ppubblikata fir-reġistru.

26.   Meta deċiżjoni dwar il-projbizzjoni ta' reġistrazzjoni mill-ġdid għal ċertu perjodu ta' żmien timplika l-irtirar tal-possibbiltà li tintalab awtorizzazzjoni għal aċċess għall-bini tal-Parlament Ewropew bħala rappreżentant ta' grupp ta' interess, is-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew għandu jippreżenta proposta lill-Kulleġġ tal-Kwesturi, li għandu jiġi mistieden jawtorizza l-irtirar tal-awtorizzazzjoni għal aċċess relatata tal-individwu jew individwi kkonċernati għal dak il-perjodu ta' żmien.

27.   Fid-deċiżjonijiet tiegħu dwar il-miżuri applikabbli skont dan l-Anness, il-JTRS għandu jikkunsidra kif xieraq il-prinċipji ta' proporzjonalità u ta' amministrazzjoni tajba. Il-JTRS għandu jopera taħt il-koordinazzjoni tal-Kap ta' Unità fis-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea, u taħt l-awtorità tas-Segretarji Ġenerali tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni Ewropea, li għandhom jinżammu dejjem infurmati kif xieraq.

Tabella ta' miżuri disponibbli f'każ ta' nuqqas ta' konformità mal-Kodiċi ta' Kondotta

 

Tip ta' nuqqas ta' konformità (in-numri jirreferu għall-paragrafi ta' hawn fuq)

Miżura

Pubblikazzjoni tal-miżura fir-reġistru

Deċiżjoni formali biex ikun irtirat l-aċċess għall-bini tal-Parlament Ewropew

1

Nuqqas ta' konformità, li tiġi korretta minnufih (18)

Notifika bil-miktub li tirrikonoxxi l-fatti u l-korrezzjoni tagħhom.

Le

Le

2

Nuqqas ta' kooperazzjoni mal-JTRS (19 u 21)

Tneħħija mir-reġistru, deattivazzjoni tal-awtorizzazzjoni għal aċċess għall-bini tal-Parlament Ewropew u telf ta' inċentivi oħrajn.

Le

Le

3

Imġiba mhux xierqa (20 u 21)

Tneħħija mir-reġistru, deattivazzjoni tal-awtorizzazzjoni għal aċċess għall-bini tal-Parlament Ewropew u telf ta' inċentivi oħrajn.

Le

Le

4

Nuqqas ta' kooperazzjoni ripetuta u deliberata jew imġiba mhux xierqa ripetuta (22) u/jew nuqqas ta' konformità serja.

(a)

Tneħħija mir-reġistru għal sena, u rtirar formali tal-awtorizzazzjoni għal aċċess għall-bini tal-Parlament Ewropew (bħala rappreżentant akkreditat ta' grupp ta' interess);

(b)

Tneħħija mir-reġistru għal sentejn, u rtirar formali tal-awtorizzazzjoni għal aċċess għall-bini tal-Parlament Ewropew (bħala rappreżentant akkreditat ta' grupp ta' interess).

Iva, b'deċiżjoni tas-Segretarji Ġenerali tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni Ewropea.

Iva, b'deċiżjoni tal-Kulleġġ tal-Kwesturi


(1)  Il-punt (d) jirrikjedi li r-rappreżentanti ta' gruppi ta' interess, fir-relazzjonijiet tagħhom mal-istituzzjonijiet tal-UE u mal-Membri, mal-uffiċjali u persunal ieħor tagħhom, “jiżguraw li, sa fejn jafu huma, it-tagħrif li jagħtu meta jirreġistraw u sussegwentement fil-qafas tal-attivitajiet tagħhom koperti mir-reġistru, ikun komplet, aġġornat u ma jiżgwidax” u “jaċċettaw li t-tagħrif kollu provdut ikun soġġett għal eżami mill-ġdid u jaqblu li jikkooperaw mat-talbiet amministrattivi għal informazzjoni u aġġornamenti kumplementari;”.


Top