Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014H0729(26)

    Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta' Lulju 2014 dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma 2014 tar-Renju Unit u li twassal opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Konverġenza tar-Renju Unit, 2014

    ĠU C 247, 29.7.2014, p. 136–140 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    29.7.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 247/136


    RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

    tat-8 ta' Lulju 2014

    dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma 2014 tar-Renju Unit u li twassal opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Konverġenza tar-Renju Unit, 2014

    2014/C 247/26

    IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet baġitarji u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politiki ekonomiċi (1), u partikolarment l-Artikolu 9(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (2), u partikolarment l-Artikolu 6(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

    Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

    Billi:

    (1)

    Fis-26 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni li tiġi mnedija strateġija ġdida għat-tkabbir u l-impjiegi, Ewropa 2020, li tkun imsejsa fuq koordinazzjoni msaħħa tal-politiki ekonomiċi, li tiffoka fuq l-oqsma ewlenin fejn tenħtieġ azzjoni li tagħti spinta lill-potenzjal tal-Ewropa għat-tkabbir u l-kompetittività sostenibbli.

    (2)

    Fit-13 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill, abbazi tal-proposti tal-Kummissjoni, adotta Rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u l-Unjoni (mill-2010 sal-2014) u, fil-21 ta’ Ottubru 2010, hu adotta deċiżjoni dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi (3), li flimkien jagħmlu l-“linji gwida integrati”. L-Istati Membri ġew mistiedna jqisu l-linji gwida integrati fil-politiki ekonomiċi u tal-impjiegi tagħhom.

    (3)

    Fid-29 ta' Ġunju 2012, il-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern tal-Istati Membri ddeċidew dwar Patt għat-Tkabbir u l-Impjiegi, li jipprovdi qafas koerenti għal azzjoni fil-livelli nazzjonali, tal-UE u taż-żona tal-euro bl-użu tal-lievi, l-istrumenti u l-politiki kollha possibbli. Huma ddeċidew fuq azzjoni li għandha tittieħed fuq il-livell tal-Istati Membri, fejn b'mod partikolari esprimew l-impenn sħiħ tagħhom biex jiksbu l-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020 u biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi.

    (4)

    Fid-9 ta’ Lulju 2013, il-Kunsill adotta Rakkomandazzjoni (4) dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tar-Renju Unit għall-2013 u ta l-opinjoni tiegħu dwar il-Programm ta’ Konverġenza aġġornat tar-Renju Unit għall-perijodu bejn l-2012‐13 sal-2017‐18.

    (5)

    Fit-13 ta' Novembru 2013, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li jimmarka l-bidu tas-Semestru Ewropew 2014 għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Barra minn hekk, fit-13 ta' Novembru 2013, il-Kummissjoni, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, adottat ir-Rapport dwar il-Mekkanżmu ta' Twissija, li fih identifikat lir-Renju Unit bħala wieħed mill-Istati Membri li għalihom ser isir rieżami fil-fond.

    (6)

    Fl-20 ta' Diċembru 2013, il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet biex jiġu żgurati l-istabbiltà finanzjarja, il-konsolidazzjoni fiskali u l-azzjoni biex jitrawwem it-tkabbir. Huwa enfasizza l-ħtieġa li tkun segwita konsolidazzjoni fiskali differenzjata li tiffavorixxi t-tkabbir, li jerġgħu jinġiebu l-kundizzjonijiet normali għas-self fl-ekonomija, li jiġu promossi t-tkabbir u l-kompetittività, li jiġu indirizzati l-qgħad u l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi, u li tiġi mmodernizzata l-amministrazzjoni pubblika.

    (7)

    Fil-5 ta' Marzu 2014, il-Kummissjoni ppubblikat ir-riżultati tar-rieżami fil-fond tagħha għar-Renju Unit, skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011. L-analiżi tal-Kummissjoni twassalha biex tikkonkludi li r-Renju Unit ikompli jesperjenza żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi, li jeħtieġu monitoraġġ u azzjoni politika. Partikolarment, żviluppi fl-oqsma ta' dejn tal-unitajiet domestiki, marbuta mal-livelli għoljin ta' dejn fuq self ipotekarju u karatteristiċi strutturali tas-suq tal-akkomodazzjoni, kif ukoll żvilupp mhux favorevoli fl-ishma tas-suq tal-esportazzjoni, ikomplu jeħtieġu l-attenzjoni. Ir-riskji fis-settur tal-akkomodazzjoni huma relatati man-nuqqas strutturali ta' disponibbiltà ta' akkomodazzjoni; limitazzjonijiet intrinsiċi ta' provvista, partikolarment f'Londra, u r-reazzjoni relattivament bil-mod mill-provvista għaż-żieda fid-domanda qed tkompli tgħolli l-prezzijiet tal-akkomodazzjoni, partikolarment f'Londra u fix-xlokk, u anki twassal lix-xerrejja biex jieħdu self ipotekarju għoli. Waqt li s-suq li qed jonqos tal-esportazzjoni mhux probabbli li joħloq riskju fiż-żmien qasir, meta kkunsidrat mad-defiċit fil-kont kurrenti, xorta għadu jindika sfidi strutturali. Dawn huma relatati ma' skarsezza ta' ħiliet u defiċjenzi fl-infrastruttura. Rigward il-finanzi pubbliċi, ir-Renju Unit mhuwiex previst li jikkonforma mal-iskadenza għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv stabbilita mill-Kunsill u l-isforz fiskali annwali medju ma jissodisfax ir-rakkomandazzjoni.

    (8)

    Fit-30 ta' April 2014, ir-Renju Unit ippreżenta l-Programm Nazzjonali ta' Riforma tiegħu għall-2014 u l-Programm ta' Konverġenza tiegħu għall-2014. Sabiex jitqiesu l-konnessjonijiet ta' bejniethom, iż-żewġ programmi kienu vvalutati fl-istess waqt.

    (9)

    Skont l-Artikolu 4 tal-Protokoll (Nru 15) dwar ċerti dispożizzjonijiet relatati mar-Renju Unit tal-Gran Brittannja u l-Irlanda ta' Fuq, l-obbligu tal-Artikolu 126(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea biex ikunu evitati defiċits ġenerali eċċessivi tal-gvern ma japplikax għar-Renju Unit. L-Artikolu 5 tal-Protokoll jipprovdi li r-Renju Unit għandu jfittex li jevita defiċit eċċessiv tal-gvern. Fit-8 ta' Lulju 2008, il-Kunsill iddeċieda, skont l-Artikolu 104(6) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jeżisti defiċit eċċessiv fir-Renju Unit.

    (10)

    L-objettiv tal-istrateġija baġitarja spjegata fil-Programm ta' Konverġenza tal-2014 huwa li tibbilanċja l-baġit kurrenti li huwa ċiklikament aġġustat sa tmiem il-perijodu kontinwu ta' ħames snin, li fil-preżent jintemm fl-2018‐19. Il-Programm ta' Konverġenza ma jinkludix objettiv fuq żmiem medju kif previst mill-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Id-defiċit ġenerali tal-gvern huwa stmat għal 5,0 % tal-PDG fl-2014‐15, wara li niżel minn quċċata ta' 11,4 % tal-PDG fl-2009‐10. Dan mhux konformi mal-iskadenza għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv stabbilit mill-Kunsill. Skont il-Programm ta' Konverġenza, id-defiċit eċċessiv ser ikun ikkoreġut fl-2016‐17 għal 2,4 % tal-PDG, sentejn wara l-iskadenza stabbilita mill-Kunsill. Il-Programm ta' Konverġenza jimplika li d-defiċit strutturali ġenerali tal-gvern (rikalkolat) ser jitjieb b'0,3 punti perċentwali għal 4,4 % tal-PDG matul is-sena sal-2014‐15. Il-pjanijiet baġitarji mhumiex biżżejjed biex jinkiseb l-isforz fiskali medju annwali rrakkomandat biex ikun ikkoreġut id-defiċit eċċessiv. Wara dan, il-Programm ta' Konverġenza jipprevedi titjib annwali tal-bilanċ strutturali (rikalkolat) ta' 0,8 punti perċentwali fl-2015‐16 u 1,3 punti perċentwali fl-2016‐17. Kumplessivament, il-Programm ta' Konverġenza huwa biss parzjalment konformi mar-rekwiżiti tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir.

    (11)

    Il-konsolidazzjoni sa issa saret prinċipalment permezz ta' tnaqqis fin-nefqa, għalhekk il-kontributi potenzjali għad-dħul minn twessigħ tal-bażi tat-taxxa jista' jkun ikkunsidrat. Ir-Renju Unit għandu livell għoli ta' taxxi mitlufa, partikolarment fir-rigward tat-tassazzjoni indiretta. Skont il-Programm ta' Konverġenza, il-proporzjon tad-dejn għall-PDG huwa projettat li jiżdied għal 93,1 % fl-2015‐16, qabel jaqa' lura għal 86,6 % fl-2018‐19. Ix-xenarju makroekonomiku tar-Renju Unit li jirfed il-projezzjonijiet baġitarji fil-Programm ta' Konverġenza huwa plawsibbli. Riskji potenzjali għall-projezzjonijiet baġitarji joħorġu minn tkabbir inqas minn dak mistenni minħabba pagi limitati li jnaqqsu l-konsum privat u l-inċertezza li qed tfixkel l-investiment. Madankollu, il-projezzjonijiet huma konsistenti mal-previżjonijiet tar-rebbiegħa tas-servizzi tal-Kummissjoni għall-2014, li wkoll ma jipprevedux li d-defiċit eċċessiv ser ikun ikkoreġut sal-iskadenza stabbilità mill-Kunsill. Barra minn hekk abbażi tal-previżjoni tal-Kummissjoni, il-bidla (kkoreġuta) fil-bilanċ strutturali matul l-2010‐2014 hija inqas b'medja ta' 0,6 % tal-PDG kull sena meta mqabbla mar-rakkomandazzjoni u hija projettata li tkun inqas fl-2015 ukoll. Abbażi tal-valutazzjoni tiegħu tal-Programm ta' Konverġenza u tal-previżjoni tal-Kummissjoni, skont ir-Regolament (KE) Nru 1466/97, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li huma meħtieġa miżuri addizzjonali biex jiżguraw konformità mar-rakkomandazzjoni fil-proċedura ta' defiċit eċċessiv.

    (12)

    Ir-Renju Unit ħa miżuri kemm fuq in-naħa tad-domanda kif ukoll tal-provvista fil-qasam tal-akkomodazzjoni. Minkejja li l-provvista ta' propjetajiet ġodda żdiedet, għadha baxxa u naqset milli tissodisfa d-domanda b'marġni konsiderevoli. Dan ingħaqad flimkien ma' rati tal-imgħax baxxi u kuntratti iktar faċli għal self ipotekarju (bħal multipli għola bejn is-self u l-introjtu) biex jgħollu l-prezzijiet tad-djar f'ċerti partijiet tar-Renju Unit, partikolarment Londra. Nuqqas ta' provvista ilu żmien fenomenu strutturali u x'aktarx li jestendi għaż-żmien medju. Hija meħtieġa azzjoni biex tagħti aktar spinta lill-provvista tad-djar - billi toħloq inċentivi xierqa biex tkabbar il-provvista fil-livell lokali. L-awtoritajiet għandhom ikomplu jimmonitorjaw il-prezzijiet tad-djar u d-dejn relatat mas-self ipotekarju u jkunu lesti li jniedu miżuri xierqa, inkluż l-aġġustament tal-iskema Help to Buy 2 (garanzija għas-self), jekk ikun ikkunsidrat neċessarju. Hemm ħtieġa li tiżdied it-trasparenza fl-użu u l-impatt tar-regolament makroprudenzjali tas-settur tal-akkomodazzjoni mill-Kumitat tal-Politika Finanzjarja li tista' tkun imnedija biex tindirizza żidiet eċċessivi fil-prezzijiet u żidiet fid-dejn fis-self ipotekarju. Riformi fit-tassazzjoni tal-art u tal-proprjetà għandhom ikunu kkunsidrati biex jallevjaw id-distorsjonijiet fis-suq tal-akkomodazzjoni.

    (13)

    Ir-Renju Unit qed ikompli jindirizza l-isfidi tal-qgħad u n-nuqqas ta' impjieg kif ukoll il-kwistjonijiet speċifiċi relatati mal-qgħad fost iż-żagħżagħ. Hemm sfidi importanti biex iż-żgħażagħ ikunu mgħammra bil-ħiliet u l-esperjenza ta' xogħol meħtieġa mis-suq tax-xogħol u biex jiżdied il-forniment tal-apprentistati. Dan jgħin biex jispjega l-fatt li l-użu ta' sussidji tal-pagi pprovdut mill-Kuntratt għaż-Żagħżagħ jibqa' inqas milli previst. Is-suq tax-xogħol isofri minn nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet u l-awtoritajiet qed jipprovaw iġeddu l-ħiliet tal-forza tax-xogħol biex jindirizzaw kemm il-qgħad u n-nuqqas ta' ħiliet vokazzjonali u tekniċi ta' kwalità għolja. Waqt li kien hemm sforzi biex titjieb il-kwalità tal-programmi ta' apprentistat, huma meħtieġa sforzi ulterjuri. Barra minn hekk, is-sistemi tal-kwalifiki tibqa' kumplessa u teħtieġ li tkun simplifikata biex tiffaċilita r-rikonoxximent universali u livell għoli ta' ingaġġ mill-impjegaturi.

    (14)

    L-awtoritajiet qed jindirizzaw il-problema ta' inċentivi għax-xogħol dgħajfa, speċjalment għar-riċevituri tal-benefiċċji soċjali bl-introduzzjoni tal-Kreditu Universali, li ser jippermetti lill-individwi biex iżommu iktar mill-introjtu tagħhom mill-benefiċċji hekk kif jidħlu għax-xogħol. Waqt li l-Kreditu Universali jista' jkollu impatt pożittiv fuq l-imjiegi, ħafna ser jiddependi fuq implimentazzjoni effettiva u servizzi ta' appoġġ, inkluż l-interazzjoni ma' benefiċċji oħra. L-iffukar fuq ir-ritorn għax-xogħol kien rifless ukoll fil-limitazzjoni tal-aġġustament annwali għal ħafna benefiċċji u krediti ta' taxxa relatati mal-età tax-xogħol għal 1 % fis-sena sal-2016.

    (15)

    Ir-Renju Unit qed ikompli jindirizza l-isfidi biex iżid l-impjieg parentali billi jżid l-aċċess għal indukrar tat-tfal ta' kwalità għolja u bi prezz raġonevoli. Huwa jkompli jintroduċi skemi li jagħmlu l-indukrar affordabbli kemm għall-ġenituri impjegati part-time u wkoll għal dawk impjegati full-time, waqt li jikkunsidra livelli differenti ta' introjtu. Madankollu, il-kostijiet għall-indukrar tat-tfal, għadhom fost l-ogħla fl-Unjoni u jibqgħu joħolqu problemi għat-tieni sors ta' dħul u għall-ġenituri singoli.

    (16)

    F'termini ta' aċċess għal finanzjament, waqt li kundizzjonijiet fis-swieq tal-kreditu tjiebu fl-2013, it-tkabbir tal-kreditu jibqa' dgħajjef u politiki eżistenti jeħtieġu aktar żmien biex juru li kienu ta' suċċess. Sfidi partikolari rigward l-aċċess għall-kreditu jibqgħu għall-SMEs. Waqt li kumpanniji kbar jistgħu jiffinanzjaw lilhom nfushom direttament fis-swieq tal-ingrossa u japprofittaw mill-offerta ta-servizzi finanzjarji żviluppati sew fir-Renju Unit, l-SMEs jiddependu bi kbir fuq il-banek biex jiksbu l-finanzjament estern tagħhom. Sar progress tajjeb biex tkun indirizzata r-rakkomandazzjoni tas-sena li għaddiet dwar il-kompetizzjoni fis-settur bankarju bil-ħolqien ta' banek ġodda, imsejħa banek li jipprovdu kompetizzjoni lill-banek tradizzjonali (eżempju ta' dan huwa TSB, li, madankollu, għadu mhux kompletament indipendenti).

    (17)

    F'Diċembru 2013, ir-Renju Unit ippubblika pjan aġġornat tal-infrastruttura nazzjonali: approċċ fit-tul u strateġiku għall-ippjanar, il-fondi, il-finanzjament u l-provvediment tal-infrastruttura. Il-pjan jistipula “mezz” ta' investiment kapitali li jħares lejn l-2020 u lil hinn għal total ta' GBP 375 biljun (madwar EUR 460 biljun). Proporzjon kbir tal-“mezz” (GBP 340 biljun, jiġifieri madwar EUR 420 biljun) jirrigwarda investiment fis-setturi tal-enerġija u t-trasport. Madwar tliet kwarti tal-finanzjament huwa projettat li jkun minn sors privat, waqt li l-bqija hwa projettat li jkun iffinanzjat pubblikament. Minkejja li l-pjan huwa inizzjattiva xierqa, għad hemm tħassib dwar l-element tas-settur privat tal-finanzjament, iċ-ċertezza regolatora u l-permess f'waqtu tal-ippjanar. Ma hemm l-ebda bżonn ta' mekkaniżmi strinġenti biex itaffu ir-riskji tal-finanzjament u l-eżekuzzjoni waqt li tkun żgurata t-trasparenza fuq in-nefqa projettata u dik reali fuq l-infrastruttura.

    (18)

    Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tar-Renju Unit. Hija vvalutat il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma u l-Programm ta’ Konverġenza. Mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fir-Renju Unit imma qieset ukoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri. Ir-rakkomandazzjonijiet tagħha skont is-Semestru Ewropew huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet (1) sa (6) hawn taħt.

    (19)

    Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Konverġenza tar-Renju Unit, u l-opinjoni tiegħu (5) hija riflessa b’mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) ta' hawn taħt.

    (20)

    Fid-dawl tar-rieżami bir-reqqa tal-Kummissjoni u ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma u l-Programm ta’ Konverġenza. Ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet (2), (3), (5) u (6) ta' hawn taħt,

    B’DAN JIRRAKKOMANDA li r-Renju Unit jieħu azzjoni fil-perijodu 2014‐2015 biex:

    1.

    Isaħħaħ l-istrateġija baġitarja, bil-għan li jikkoreġi d-defiċit eċċessiv b'mod sostenibbli f'konformità mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont il-Proċedura ta' Defiċit Eċċessiv. Ifittex li jikseb approċċ differenzjat, li jiffavorixxi t-tkabbir għall-issikkar fiskali billi jipprijoritizza n-nefqa kapitali. Jassisti fil-konsolidazzjoni fiskali, waqt li jikkunsidra li jżid id-dħul permezz tat-twessigħ tal-bażi tat-taxxa. Jindirizza l-effett lembut strutturali relatat mal-infrastruttura, in-nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet u l-aċċess għal finanzjament għall-SMEs biss jixpruna tkabbir fl-esportazzjoni tal-oġġetti u tas-servizzi.

    2.

    Iżid it-trasparenza dwar l-użu u l-impatt tar-regolamentazzjoni makroprudenzjali fir-rigward tas-settur tal-akkomodazzjoni mill-Kumitat tal-Politika Finanzjarja tal-Bank of England. Juża miżuri xierqa b'reazzjoni għaż-żidiet rapidi fil-prezzijiet tal-proprjetà f'żoni li huma responsabbli għal sehem sostanzjali tat-tkabbir ekonomiku fir-Renju Unit partikolarment Londra, u jtaffi r-riskji relatati mad-dejn għoli fuq self ipotekarju. Jissorvelja l-iskema Help to Buy 2 u jaġġustaha jekk jitqies meħtieġ. Jikkunsidra riformi fit-tassazzjoni tal-art u tal-proprjetà inkluż miżuri dwar il-valutazzjoni mill-ġdid tal-propjetà biex jittaffew id-distorsjonijiet fis-suq tad-djar. Ikompli bl-isforzi biex iżid il-provvista tad-djar.

    3.

    Iżomm l-impenn għall-Kuntratt għaż-Żagħżagħ, speċjalment billi jtejjeb il-ħiliet li jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-impjegatur. Jiżgura l-ingaġġ tal-impjegatur billi jitfa' enfasi fuq l-indirizzar tan-nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet permezz ta' dispożizzjoni aktar avvanzata u ta' livell ogħla tal-ħiliet u jippromwovi offerti ta' apprentistat. Inaqqas l-għadd ta' żagħżagħ b'ħiliet bażiċi baxxi.

    4.

    Ikompli l-isforzi biex inaqqas il-faqar fost it-tfal f'unitajiet domestiċi bi dħul baxx, billi jiżgura li l-Kreditu Universali u riformi oħra tal-assistenza soċjali iwasslu għal benefiċċji adegwati b'inċentivi ċari għax-xogħol u servizzi ta' appoġġ. Itejjeb id-disponibbiltà ta' servizzi tal-indukrar tat-tfal ta' kwalità u affordabbli.

    5.

    Ikompli l-isforzi biex itejjeb id-disponibbiltà tal-finanzjament bankarju u mhux bankarju lill-SMEs. Jiżgura l-funzjonament effettiv tal-Bank tan-Negozju u jappoġġa preżenza ikbar tal-banek li joffru kompetizzjoni lill-banek tradizzjonali.

    6.

    Ikompli fuq il-Pjan Nazzjonali ta-Infrastruttura billi jżid il-prevedibbiltà tal-proċessi tal-ippjanar kif ukoll billi jipprovdi ċarezza dwar l-impenji ta' finanzjament. Jiżgura trasparenza u obbligu ta' rendikont billi jipprovdi informazzjoni konsistenti u f'waqtha fuq l-implimentazzjoni tal-Pjan.

    Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Lulju 2014.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    P. C. PADOAN


    (1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

    (2)  ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.

    (3)  Miżmuma għall-2014 permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/322/UE tas-6 ta' Mejju 2014 dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi għall-2014 (ĠU L 165, 4.6.2014, p. 49).

    (4)  ĠU C 217, 30.7.2013, p. 93.

    (5)  Taħt l-Artikolu 9(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.


    Top