Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014H0729(23)

    Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Lulju 2014 dwar il-programm nazzjonali ta’ riforma 2014 tas-Slovakkja u li twassal opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tas-Slovakkja, 2014

    ĠU C 247, 29.7.2014, p. 122–126 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    29.7.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 247/122


    RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

    tat-8 ta’ Lulju 2014

    dwar il-programm nazzjonali ta’ riforma 2014 tas-Slovakkja u li twassal opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tas-Slovakkja, 2014

    2014/C 247/23

    IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ ta’ pożizzjonijiet ta' baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

    Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

    Billi:

    (1)

    Fis-26 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni li tiġi mnedija strateġija ġdida għat-tkabbir u l-impjiegi, Ewropa 2020, ibbażata fuq koordinazzjoni msaħħa tal-politiki tal-ekonomija, li tiffoka fuq l-oqsma ewlenin fejn tinħtieġ azzjoni biex tingħata spinta lill-potenzjal tal-Ewropa għal tkabbir u kompetittività sostenibbli.

    (2)

    Fit-13 ta' Lulju 2010, il-Kunsill, abbażi tal-proposti tal-Kummissjoni, adotta Rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi għall-Istati Membri u l-Unjoni (mill-2010 sal-2014) u, fil-21 ta' Ottubru 2010, huwa adotta deċiżjoni dwar il-linji gwida għall-politiki tal-impjiegi tal-Istati Membri (2), li flimkien jiffurmaw il-“linji gwida integrati”. L-Istati Membri kienu mistiedna sabiex jikkunsidraw il-linji gwida integrati fil-politiki ekonomiċi u tal-impjiegi tagħhom.

    (3)

    Fid-29 ta' Ġunju 2012, il-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern tal-Istati Membri ddeċidew dwar Patt għat-Tkabbir u l-Impjiegi, li jipprovdi qafas koerenti għal azzjoni f'livell nazzjonali, dak tal-UE kif ukoll taż-żona tal-euro permezz bl-użu tal-lievi, l-istrumenti u l-politiki kollha possibbli. Huma ddeċidew dwar azzjoni li għandha tittieħed fil-livell tal-Istati Membri, fejn b'mod partikolari esprimew impenn sħiħ biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 u biex jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi.

    (4)

    Fid-9 ta' Lulju 2013, il-Kunsill adotta Rakkomandazzjoni (3) dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tas-Slovakkja għall-2013 u ta l-opinjoni tiegħu dwar il-Programm ta' Stabbiltà aġġornat tas-Slovakkja għall-perijodu 2012‐2016. Fil-15 ta' Novembru 2013, il-Kummissjoni, f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 473/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), ippreżentat l-opinjoni tagħha dwar l-abbozz ta' pjan baġitarju tas-Slovakkja għall-2014.

    (5)

    Fit-13 ta' Novembru 2013, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li jimmarka l-bidu tas-Semestru Ewropew 2014 għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Barra minn hekk, fit-13 ta' Novembru 2013, il-Kummissjoni, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), adottat ir-Rapport ta' Mekkaniżmu ta' Twissija, li fih is-Slovakkja ma ġietx identifikata bħala wieħed mill-Istati Membri li għalihom ser issir reviżjoni fil-fond.

    (6)

    Fl-20 ta' Diċembru 2013, il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet li jiżguraw stabbiltà finanzjarja, konsolidazzjoni fiskali u azzjoni biex jissaħħaħ it-tkabbir. Il-Kunsill enfasizza l-ħtieġa li jissokta l-konsolidazzjoni fiskali differenzjat u favur it-tkabbir, sabiex il-kundizzjonijiet ta' self għall-ekonomija jerġgħu lura għan-normal, jiġu promossi t-tkabbir u l-kompetittività, jiġu ttrattati l-qgħad u l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi, u biex l-amministrazzjoni pubblika tiġi mmodernizzata.

    (7)

    Fit-23 ta' April 2014, is-Slovakkja ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tagħha għall-2014 kif ukoll il-Programm ta' Stabbiltà għall-2014. Biex jiġu kkunsidrati l-konnessjonijiet ta' bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess żmien.

    (8)

    L-objettiv tal-istrateġija baġitarja spjegata fil-Programm ta' Stabbiltà għall-2014 huwa li tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv u li jintlaħaq l-objettiv fuq terminu medju ta' defiċit strutturali ta' madwar 0,5 % tal-PDG sal-2017. Dan l-objettiv ta’ terminu medju huwa aktar strett minn dak li jeħtieġ il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Fl-2013, id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika tas-Slovakkja ġie b'mod sostenibbli taħt it-3 % tal-PDG. Il-bidla ppjanata (rikalkulata) fil-bilanċ strutturali tal-2014 timplika li s-Slovakkja ser tiddevja b'mod sinifikanti mill-pjan ta' aġġustament lejn l-objettiv ta’ terminu medju tagħha. Fl-2015, it-titjib ippjanat ta' 0,3 % tal-PDG ikun konformi mar-regoli tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Fis-snin tal-aħħar, il-Programm ta' Stabbiltà ma jiżgurax aġġustament adegwat lejn l-objettiv ta’ terminu medju. In-nefqa tikber b'pass konsistenti mal-parametru referenzjarju tan-nefqa kemm fl-2014 kif ukoll fl-2015. Il-Programm ta' Stabbiltà jipprevedi li l-akbar parti tal-isforz ta' konsolidazzjoni biex jintlaħaq l-objettiv ta’ terminu medju ser isseħħ fl-2016 u 2017. B'mod ġenerali, il-pjan ta' aġġustament lejn l-objettiv ta’ terminu medju jippreżenta riskji fir-rigward tal-konformità mar-rekwiżiti tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Il-Programm ta' Stabbiltà jipprevedi li d-dejn tal-amministrazzjoni pubblika jibqa' taħt il-valur ta' referenza ta' 60 % tal-PDG matul il-perijodu kollu tal-ipprogrammar. Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed il-projezzjonijiet baġitarji fil-Programm ta' Stabbiltà, li ġew approvati minn korp indipendenti (il-Kumitat tat-Tbassir Makroekonomiku), huwa plawsibbli.

    Il-miżuri li diġà huma kwantifikati ma jiżgurawx li l-miri fiskali definiti mill-awtoritajiet ser jintlaħqu. Madankollu, mhux il-miżuri tad-dħul kollha huma speċifikati biżżejjed u riformi ta' ffrankar tal-ispejjeż tal-amministrazzjoni tal-Istat jibqgħu soġġetti għal riskji ta' implimentazzjoni filwaqt li l-kont tal-pagi pubbliċi jista' ma jkunx tal-valuri bbaġitjati, kif ġara fil-passat. Min-naħa l-oħra, iċ-ċifri ppreżentati fil-Programm ta' Stabbiltà għadhom mhux iqisu l-iffrankar li jirriżulta mill-attivazzjoni tat-trażżin tad-dejn domestiku. Skont it-tbassir tar-Rebbiegħa tas-servizzi tal-Kummissjoni tal-2014, li jinkorpora l-impatt tal-iffrankar fin-nefqa minħabba t-trażżin tad-dejn, id-devjazzjoni mill-pjan ta' aġġustament tkun iżgħar fl-2014 milli mbassar fil-Programm ta' Stabbiltà, filwaqt li aġġustament strutturali suffiċjenti huwa pprojettat fl-2015, bil-parametru referenzjarju tan-nefqa jintlaħaq kemm fl-2014 kif ukoll fl-2015.

    (9)

    Filwaqt li kemm il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma u dak ta' Stabbiltà jiddikjaraw intenzjoni li jżidu l-infiq li jsaħħaħ it-tkabbir, dan ma jidhirx li huwa sostnut bis-sħiħ mill-pjanijiet sottostanti. L-infiq fuq l-edukazzjoni mill-baġit tal-Istat jiżdied fl-2014 iżda jonqos fis-snin ta' wara. Abbażi tal-valutazzjoni tal-Programm ta' Stabbiltà u t-tbassir tal-Kummissjoni, skont ir-Regolament (KE) Nru 1466/97, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li jeżisti riskju ta' devjazzjoni mill-pjan ta' aġġustament lejn l-objettiv ta’ terminu medju fl-2014 filwaqt li fl-2015 hija mistennija korrezzjoni xierqa.

    (10)

    B'reazzjoni għar-rekwiżiti tat-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza, is-Slovakkja introduċiet regola ta' baġit bilanċjat f'Novembru 2013. Madankollu, il-qafas baġitarju huwa mdgħajjef bin-nuqqas ta' limiti massimi għan-nefqa vinkolanti u li jistgħu jiġu infurzati. Filwaqt li l-introduzzjoni tagħhom kienet prevista mill-Programm ta' Stabbiltà 2013, l-impenn għadu s'issa ma ġiet implimentat u s-Slovakkja tibqa' pajjiż b'riskju medju fir-rigward tas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi u n-nefqa fil-kura tas-saħħa hija projettata li tibqa' l-mutur ewlieni tal-kostijiet li qed jiżdiedu tat-tixjieħ u tikkontribbwixxi għal 2 % tal-PDG, it-tieni l-akbar żieda projettata fil-kura tas-saħħa fl-Istati Membri kollha. Il-problemi jinħassu l-aktar fil-kura in-patient u l-kura primarja. F'Diċembru 2013, il-Gvern adotta l-Qafas Strateġiku tal-2014‐30 għas-Saħħa biex itejjeb il-kosteffettività. L-Istrateġija issa titlob pjanijiet dettaljati ta' implimentazzjoni.

    (11)

    Is-Slovakkja għamlet progress biex ittejjeb il-konformità tat-taxxa u l-implimentazzjoni tal-pjan ta' Azzjoni biex tiġġieled il-frodi fit-taxxa qiegħda titwettaq b'bejn wieħed u ieħor nofs il-miżuri fis-seħħ. B'riżultat ta' dan, l-effiċjenza tas-sistema tat-taxxa Slovakka tidher li tjiebet fl-2013, speċjalment għall-VAT, għalkemm il-ħtieġa li l-isforzi jiġu konsolidati u li tissaħħaħ il-kapaċità analitika u tal-awditjar tal-amministrazzjoni tat-taxxa u l-unifikazzjoni tal-ġbir tat-taxxi, id-dazji doganali u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali jinsabu lura. Biex tkompli l-konsolidazzjoni fiskali b'mod ġentili, is-Slovakkja tista' tiddependi aktar fuq taxxi li huma ta' inqas ħsara għat-tkabbir, b'mod partikolari t-tassazzjoni rikorrenti fuq il-proprjetà u ambjentali. F'dan ir-rigward, ma kien hemm l-ebda progress fir-riforma tat-tassazzjoni tal-proprjetà u l-irbit tagħha mal-valur fis-suq tal-proprjetà. Id-dħul minn din it-taxxa għadu baxx u ma nbidilx f'termini relattivi mis-sena 2000. Fl-2013, il-Gvern implimenta miżuri biex inaqqas diskrepanza kbira fil-porzjon tat-taxxa bejn l-impjegati u dawk li jaħdmu għal rashom, iżda d-differenza sostanzjali fir-rati tat-taxxa effettivi bejn iż-żewġ gruppi li kien hemm fl-2012 għadha teżisti.

    (12)

    Is-suq tax-xogħol jkompli jaffaċċa għadd ta' sfidi. Ħafna mill-qgħad, li għadu madwar 14 %, huwa fit-tul, u jindika li l-problema tal-qgħad fis-Slovakkja hija ta' natura strutturali. Is-Slovakkja għamlet xi progress lejn li tnaqqas il-proporzjon tat-taxxa għall-ħaddiema bi dħul baxx li jidħlu fis-suq tax-xogħol wara li jkun ilhom qiegħda fit-tul, iżda l-effettività tal-miżuri teħtieġ tiġi mmonitorjata u vvalutata. Sar biss progress limitat f'oqsma oħra, speċjalment it-tisħiħ tal-kapaċità tas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi biex jipprovdu servizzi personalizzati u jsaħħu r-rabta bejn il-miżuri tal-attivazzjoni u l-għajnuna soċjali. Fir-rigward tal-qgħad fost iż-żgħażagħ, is-servizz pubbliku tal-impjiegi għandu kapaċità limitata ta' intervent bikri u għal servizzi individwalizzati għall-profili ta' min ikun qed ifittex xogħol u biex jilħaq liż-żgħażagħ mhux reġistrati. Għalhekk, hemm il-bżonn ta' azzjoni f'dawn l-oqsma, f'konformità mal-objettivi ta' garanzija għaż-żgħażagħ. Huma meħtieġa miżuri aktar immirati fost dawk li qed ifittxu xogħol u li huma żvantaġġati, fosthom ir-Rom, li r-rati tal-impjiegi tagħhom għadha baxxa ħafna. In-nuqqas ta' faċilitajiet xierqa għall-indukrar tat-tfal partikolarment għat-tfal taħt it-tliet snin tagħmilha diffiċli biex l-ommijiet jirritornaw fis-suq tax-xogħol.

    (13)

    Ir-rilevanza limitata tal-edukazzjoni għas-suq tax-xogħol tfixkel il-provvista ta' ħaddiema b'ħiliet. Il-prestazzjoni tal-istudenti fl-edukazzjoni obbligatorja hija taħt il-medja tal-UE u naqset b'mod sinifikanti. In-nefqa pubblika fl-edukazzjoni tibqa' baxxa minkejja ż-żidiet reċenti fis-salarji tal-għalliema; taħriġ inizjali lill-għalliema qed jissaħħaħ u l-esperjenza prattika qed titjieb, iżda jeħtieġ li dawn l-isforzi jkomplu. Minkejja l-isforzi tal-gvern biex jirriforma l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u jagħti sussidji għall-impjiegi għaż-żgħażagħ, ir-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ għadha l-ogħla fl-Unjoni u t-transizzjoni mill-iskola għad-dinja tax-xogħol għadha problematika. Il-perċentwali relattivament baxx ta' programmi fil-livell ta' baċellerat orjentati lejn ix-xogħol u kooperazzjoni insuffiċjenti ma' min iħaddem inaqqsu r-rilevanza tal-edukazzjoni terzjarja għas-suq tax-xogħol. It-titjib tal-kwalità tal-edukazzjoni għolja u l-kooperazzjoni bejn in-negozji u l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni tgħin ukoll biex titjieb il-kapaċità tal-innovazzjoni tal-ekonomija. Il-pjanijiet fl-Istrateġija Intelliġenti tal-Ispeċjalizzazzjoni tmur fid-direzzjoni t-tajba, iżda jeħtieġ li tiġi implimentata b'mod effettiv. Il-forniment ta' kwalità ħażina persistenti tal-edukazzjoni u l-indukrar bikrija tat-tfal iħallu impatt fuq il-kisbiet edukattivi, partikolarment għar-Rom. Sa issa, l-inizjattivi mmirati lejn it-titjib tal-eżiti edukattivi għall-istudenti Rom jiddependu wisq fuq il-proġetti kofinanzjati mal-UE.

    (14)

    Fl-enerġija, is-Slovakkja għamlet progress fil-ħidma għal aktar interkonnessjonijiet tal-elettriku u l-gass mal-pajjiżi ġirien; madankollu, għadhom meħtieġa miżuri biex is-suq tal-enerġija Slovakk jaħdem aħjar, u partikolarment biex titjieb it-trasparenza tal-mekkaniżmu tal-issettjar tat-tariffi. Pakkett ta' miżuri biex titjieb l-effiċjenza enerġetika kien propost biex jiġi ffinanzjat mill-UE fil-perijodu il-ġdid tal-ipprogrammar.

    (15)

    Ir-riforma fis-seħħ fl-amministrazzjoni pubblika ser ittejjeb l-orjentazzjoni lejn il-klijenti, madankollu l-amministrazzjoni pubblika għadha mhix trendi la f'termini ta' kwalità u lanqas ta' effiċjenza. Ir-rata tal-bidla tal-persunal li hija għolja b'mod persistenti marbuta maċ-ċiklu politiku flimkien ma' mmaniġġar dgħajjef tar-riżorsi umani u kapaċità analitika dgħajfa jxekklu t-twettiq ta' politika bbażata fuq l-evidenza. Is-Slovakkja għadha tiġi kklassifikata ħażin fl-indikaturi internazzjonali tal-korruzzjoni u ftit għamlet progress fit-titjib tal-effiċjenza u t-trasparenza tas-sistema ġudizzjarja tagħha. Il-kwalità tal-ambjent kummerċjali fis-Slovakkja mar għall-agħar u l-appoġġ għal kumpanniji li qed jikbru b'rata mgħaġġla huwa staġnat. Is-Slovakkja reċentament irriformat ir-regoli tal-akkwist pubbliku tagħha bil-għan li ttejjeb it-trasparenza u l-effiċjenza iżda l-applikazzjoni ta' dawn ir-regoli għadha diffiċli u l-impatt tar-riforma tal-2013 fl-akkwist pubbliku kien limitat.

    (16)

    Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni għamlet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tas-Slovakkja. Hija vvalutat il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma u l-Programm ta’ Stabbiltà. Hija qieset mhux biss ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fis-Slovakkja iżda anki l-konformità tagħhom mar-regoli u l-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika ġenerali tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri. Ir-rakkomandazzjonijiet tagħha skont is-Semestru Ewropew huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet minn (1) sa (6) hawn taħt.

    (17)

    Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta' Stabbiltà tas-Slovakkja, u l-opinjoni tiegħu (6) hija riflessa b’mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) hawn taħt.

    (18)

    Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet ukoll analiżi tal-politika ekonomika taż-zona tal-euro inġenerali. Abbażi ta' dan, il-Kunsill ħareġ rakkomandazzjonijiet speċifiċi indirizzati lill-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (7). Bħala pajjiż li l-munita tiegħu hija l-euro, is-Slovakkja għandha wkoll tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa u f'waqtha ta' dawk ir-rakkomandazzjonijiet,

    B’DAN JIRRAKKOMANDA li s-Slovakkja tieħu azzjoni fil-perijodu 2014‐2015 sabiex:

    1.

    Wara l-korezzjoni tad-defiċit eċċessiv, issaħħaħ il-miżuri baġitarji għall-2014 fid-dawl tad-differenza emerġenti ta' 0,3 % tal-PDG relattiva għall-parti preventiva tar-rekwiżiti tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir abbażi tat-tbassir tar-Rebbiegħa 2014 tas-servizzi tal-Kummissjoni. Fl-2015, tiżgura l-aġġustament meħtieġ ta' 0,1 % tal-PDG lejn l-objettiv ta’ terminu medju filwaqt li tqis il-kundizzjonijiet ekonomiċi dgħajfa mistennija. Minn hemm 'il quddiem, sakemm jintlaħaq l-objettiv ta’ terminu medju, twettaq aġġustament strutturali annwali ta' 0,5 % tal-PDG bħala parametru referenzjarju. Issaħħaħ aktar il-qafas fiskali, anki billi tiżgura limiti massimi vinkolanti u li jistgħu jiġu infurzati fuq in-nefqa. Ittejjeb is-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi billi żżid il-kosteffettività tas-settur tal-kura tas-saħħa, partikolarment billi tirrazzjonalizza l-kura u l-immaniġġjar fl-isptarijiet u ssaħħaħ il-kura primarja.

    2.

    Ittejjeb l-effiċjenza tal-amministrazzjoni tat-taxxa billi ssaħħaħ il-kapaċità tagħha tal-awditjar, il-valutazzjoni tar-riskji u l-ġbir tad-dejn. Torbot il-bażi tat-tassazzjoni tal-proprjetà immobbli mal-valur tas-suq tal-proprjetà.

    3.

    Tindirizza b'mod aktar effettiv il-qgħad fit-tul permezz ta' miżuri ta' attivazzjoni, possibbiltajiet ripetuti għal edukazzjoni u taħriġ ta' kwalità individwalizzat. Issaħħaħ il-kapaċità tas-servizzi pubbliċi tal-impjieg għall-immaniġġar tal-każijiet, il-konsulenza personalizzata u l-attivazzjoni ta' min ikun qed ifittex xogħol, u ssaħħaħ r-rabta bejn l-attivazzjoni u l-għajnuna soċjali. Tindirizza b'mod effettiv il-qgħad fost iż-żgħażagħ billi ttejjeb l-intervent bikri, f'konformità mal-objettivi tal-garanzija għaż-żgħażagħ. Ittejjeb l-inċentivi għall-impjiegi tan-nisa, billi ssaħħaħ il-provvediment tal-faċilitajiet tal-indukrar tat-tfal, partikolarment għat-tfal taħt it-tliet snin.

    4.

    Tieħu miżuri biex iżżid il-kwalità tat-tagħlim sabiex ittejjeb l-eżiti edukattivi. Issaħħaħ il-provvediment tat-tagħlim abbażi tax-xogħol f'kumpanniji fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali. Tadatta l-akkredizzazzjoni, il-finanzjament u l-miżuri ta' governanza biex tħeġġeġ il-ħolqien ta' programmi fil-livell ta' baċelorat orjentati lejn ix-xogħol. Ittejjeb il-kwalità u r-rilevanza tal-bażi tax-xjenza u timplimenta pjanijiet biex trawwem it-trasferiment effettiv tal-għarfien u l-kooperazzjoni bejn l-akkademja, ir-riċerka u n-negozju. Tadotta miżuri sistemiċi biex ittejjeb l-aċċess għal edukazzjoni preskolastika u skolastika ta' kwalità għolja u inklużiva għall-komunitajiet emarġinati, fosthom ir-Rom u tieħu passi biex iżżid il-parteċipazzjoni usa' tagħhom fit-taħriġ vokazzjonali u l-edukazzjoni għolja.

    5.

    Iżżid l-isforzi biex is-suq tal-enerġija jaħdem aħjar, partikolarment billi żżid it-trasparenza pubblika tal-qafas regolatorju u billi tesplora x'qed jikkawża t-tariffi għolja tan-netwerk tal-elettriku b'mod partikolari tal-konsumaturi industrijali. Tibni fuq il-progress li sar sa issa, tiżviluppa aktar l-interkonnessjonijiet mal-pajjiżi ġirien, fosthom l-Ukraina, skont il-Memorandum ta’ Qbil iffirmat f'April.

    6.

    Tieħu miżuri, fosthom billi temenda l-Att dwar is-Servizz Ċivili, biex iżżid l-indipendenza tas-servizz pubbliku. Tadottat strateġija biex ittejjeb l-immaniġġar tar-riżorsi umani fl-amministrazzjoni pubblika. Iżżid l-isforzi biex issaħħaħ il-kapaċità analitika fil-ministeri ewlenin bil-għan li tadottat politiki bbażati fuq l-evidenza u ttejjeb il-kwalità tal-valutazzjoni tal-impatt tal-politika. Tieħu passi biex tiġġieled il-korruzzjoni u tħaffef l-isforzi biex ittejjeb l-effeċjenza u l-kwalità tas-sistema ġudizzjarja. Tintroduċi miżuri biex ittejjeb l-ambjent kummerċjali inkluż għall-SMEs. Iżżid l-isforzi biex ittejjeb l-effiċjenza tal-akkwist pubbliku.

    Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Lulju 2014.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    P.C. PADOAN


    (1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

    (2)  Miżmuma għall-2014 permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/322/UE tat- 6 ta' Mejju 2014 dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi (ĠU L 165, 4.6.2014, p. 49).

    (3)  ĠU C 217, 30.7.2013, p. 71.

    (4)  Ir-Regolament (UE) Nru 473/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar dispożizzjonijiet komuni għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-abbozzi tal-pjani baġitarji u l-iżgurar tal-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro (ĠU L 140, 27.5.2013, p. 11).

    (5)  Ir-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni ta' żbilanċi makroekonomiċi (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25).

    (6)  Taħt l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.

    (7)  Ara l-paġna 141 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.


    Top