Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D0834

2014/834/UE: Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal- 25 ta' Novembru 2014 dwar ċertu miżuri protettivi fir-rigward ta' influwenza avjarja b'patoġeniċità għolja tas-sottotip H5N8 fir-Renju Unit (notifikata bid-dokument C(2014) 9127) Test b'rilevanza għaż-ŻEE

ĠU L 341, 27.11.2014, p. 28–30 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2014/834/oj

27.11.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 341/28


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-25 ta' Novembru 2014

dwar ċertu miżuri protettivi fir-rigward ta' influwenza avjarja b'patoġeniċità għolja tas-sottotip H5N8 fir-Renju Unit

(notifikata bid-dokument C(2014) 9127)

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2014/834/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KEE tal-11 ta' Diċembru 1989 dwar spezzjonijiet veterinarji fil-kummerċ intra-Komunitarju bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(4) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas-26 ta' Ġunju 1990 dwar l-iċċekkjar veterinarju u żootekniku applikabbli għall-kummerċ intra-Komunitarju ta' ċertu annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 10(4) tagħha,

Billi:

(1)

L-influwenza avjarja hi marda virali infettiva fl-għasafar, inklużi t-tjur. L-infezzjonijiet bil-viruses tal-influwenza avjarja fit-tjur jikkawżaw żewġ forom ta' dik il-marda, u dawn jingħarfu mill-virulenza tagħhom. Ġeneralment il-forma b'patoġeniċità baxxa tikkawża biss sintomi ħfief filwaqt li l-forma b'patoġeniċità għolja għandha rati tal-imwiet għoljin ferm f'ħafna mill-ispeċijiet tat-tjur. Din il-marda jaf tħalli impatt qawwi fuq il-profitabbiltà tat-trobbija tat-tjur.

(2)

L-influwenza avjarja tinstab l-aktar fl-għasafar, iżda xi drabi jaf ikun hemm infezzjonijiet ukoll fil-bnedmin minkejja li r-riskju hu ġeneralment baxx ħafna.

(3)

Jekk tfaqqa' l-influwenza avjarja, hemm riskju li l-aġent tal-marda jixtered fi stabbilimenti oħra fejn jinżammu t-tjur jew għasafar oħra mrobbijin. Minħabba f'hekk, din tista' tinfirex minn Stat Membru għal Stati Membri oħra jew għal pajjiżi terzi permezz tal-kummerċ tat-tjur ħajjin jew il-prodotti tagħhom.

(4)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2005/94/KE (3) tistabbilixxi ċertu miżuri preventivi relatati mas-sorveljanza u s-sejbien kmieni tal-influwenza avjarja u l-miżuri minimi tal-kontroll li jridu jiġu applikati jekk tfaqqa' din il-marda fit-tjur jew f'għasafar oħra mrobbijin. Dik id-Direttiva tistipula li jekk tfaqqa' influwenza avjarja b'patoġeniċità għolja għandhom jitwaqqfu żoni ta' protezzjoni u sorveljanza.

(5)

Wara li fis-16 ta' Novembru 2014 ir-Renju Unit għarraf b'tifqigħa tal-influwenza avjarja b'patoġenità għolja tas-sottotip H5 fi stabbiliment li jrabbi l-papri f'East Riding of Yorkshire, l-Ingilterra, ġiet adottata d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/807/UE. (4)

(6)

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/807/UE tipprevedi li l-fruntieri taż-żoni ta' protezzjoni u sorveljanza stabbiliti mir-Renju Unit skont id-Direttiva 2005/94KE, jiġbru għallinqas iż-żoni ta' protezzjoni u sorveljanza msemmija fl-Anness ta' dik id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/807/UE u jibqgħu japplikaw sat-22 ta' Diċembru 2014.

(7)

Il-miżuri protettivi interim li daħlu fis-seħħ wara t-tifqigħa fir-Renju Unit ġew riveduti fi ħdan il-qafas tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf.

(8)

Sabiex issir prevenzjoni minn kull tfixkil bla bżonn fil-kummerċ tal-Unjoni u sabiex jiġu evitati ostakli mhux ġustifikati fil-kummerċ li jimponu pajjiżi terzi, jeħtieġ li ż-żoni ta' protezzjoni u sorveljanza stabbiliti fir-Renju Unit jiġu stabbiliti fil-livell tal-Unjoni f'kollaborazzjoni ma' dak l-Istat Membru, u li jiġi ffissat it-tul taż-żmien ta' dik ir-reġjonalizzazzjoni.

(9)

Għaċ-ċarezza għandha titħassar id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/807/UE.

(10)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-Renju Unit għandu jiżgura li ż-żoni ta' protezzjoni u sorveljanza stabbiliti skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2005/94/KE ikunu jinkludu mill-inqas iż-żoni elenkati bħala żoni ta' protezzjoni u sorveljanza fil-Parti A u fil-Parti B tal-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/807/UE tħassret.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta' Novembru 2014.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 395, 30.12.1989, p. 13.

(2)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 29.

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2005/94/KE tal-20 ta' Diċembru 2005 dwar miżuri Komunitarji għall-kontroll tal-influwenza tat-tjur u li tħassar id-Direttiva 92/40/KEE (ĠU L 10, 14.1.2006, p. 16).

(4)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/807/UE tas-17 ta' Novembru 2014 dwar ċertu miżuri protettivi interim fir-rigward ta' influwenza avjarja b'patoġeniċità għolja tas-sottotip H5 fir-Renju Unit (ĠU L 332, 19.11.2014, p. 41).


ANNESS

PARTI A

Iż-żona ta' protezzjoni kif jissemma fl-Artikolu 1:

Kodiċi ISO tal-pajjiż

Stat Membru

Kodiċi

(jekk disponibbli)

Isem

Id-data sa meta applikabbli skont l-Artikolu 29 tad-Direttiva 2005/94/KE

UK

Ir-Renju Unit

Kodiċi ADNS

Żona li tinkludi:

12.12.2014

 

 

00053

Din il-parti f'East Riding of Yorkshire li tinsab fiċ-ċirku b'raġġ ta' 3 kilometri biċ-ċentru fuq ir-referenza TA0654959548. Il-koordinati ta' referenza huma għall-Istħarriġ ta' Ordinanza Landranger serje 1:100,000.

 

PARTI B

Iż-żona ta' sorveljanza kif jissemma fl-Artikolu 1:

Kodiċi ISO tal-pajjiż

Stat Membru

Kodiċi

(jekk disponibbli)

Isem

Id-data sa meta applikabbli skont l-Artikolu 31 tad-Direttiva 2005/94/KE

UK

Ir-Renju Unit

Kodiċi ADNS

Żona li tinkludi:

21.12.2014

 

 

00053

Iż-żona f'dik il-parti f'East Riding of Yorkshire lil hinn miż-żona msemmija fiż-żona ta' protezzjoni li tinsab fiċ-ċirku b'raġġ ta' 10 kilometri biċ-ċentru fuq ir-referenza TA0654959548. Il-koordinati ta' referenza huma għall-Istħarriġ ta' Ordinanza Landranger serje 1:100,000.

 


Top