EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D0829

Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/829/PESK tal- 25 ta' Novembru 2014 li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran

ĠU L 338, 25.11.2014, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2014/829/oj

25.11.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 338/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2014/829/PESK

tal-25 ta' Novembru 2014

li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Billi:

(1)

Fis-26 ta' Lulju 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/413/PESK (1) dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran.

(2)

Fl-24 ta' Novembru 2013, iċ-Ċina, Franza. il-Ġermanja, il-Federazzjoni Russa, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti, appoġġati mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, laħqu ftehim mal-Iran dwar Pjan ta' Azzjoni Konġunt li jistabbilixxi approċċ għall-kisba ta' soluzzjoni komprensiva fit-tul tal-kwistjoni nukleari Iranjana. Ġie miftiehem li l-proċess li jwassal għal din is-soluzzjoni komprensiva għandu jinkludi, bħala l-ewwel pass, miżuri inizjali maqbula b'mod reċiproku li għandhom jittieħdu miż-żewġ naħat għal perijodu ta' sitt xhur u rinnovabbli b'kunsens reċiproku.

(3)

Bħala parti minn dan l-ewwel pass, l-Iran iwettaq għadd ta' miżuri volontarji kif speċifikat fil-Pjan ta' Azzjoni Konġunt. Bħala kumpens għal dan, jitwettqu għadd ta' miżuri volontarji li jinkludu, għall-Unjoni, is-sospensjoni tal-miżuri restrittivi li jirrigwardaw il-projbizzjoni fuq il-forniment tal-assigurazzjoni u l-assigurazzjoni mill-ġdid u t-trasport għaż-żejt mhux maħdum Iranjan, il-projbizzjoni fuq l-importazzjoni, ix-xiri jew it-trasport ta' prodotti petrokimiċi Iranjani u fuq il-forniment ta' servizzi relatati u l-projbizzjoni fuq il-kummerċ fid-deheb u metalli prezzjużi mal-Gvern tal-Iran, il-korpi pubbliċi tiegħu u l-Bank Ċentrali tal-Iran, jew persuni u entitajiet li jaġixxu f'isimhom. Is-sospensjoni ta' dawn il-miżuri restrittivi għandha durata ta' sitt xhur u matul dan il-perijodu l-kuntratti rilevanti għandhom jiġu eżegwiti.

(4)

Barra minn hekk, il-Pjan ta' Azzjoni Konġunt jipprevedi wkoll iż-żieda b'għaxar darbiet tal-limiti stabbiliti ta' awtorizzazzjoni b'rabta mat-trasferimenti ta' fondi lill-Iran u minn għandu.

(5)

Fl-20 ta' Jannar 2014, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2014/21/PESK (2) li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK sabiex jiġu implimentati d-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-miżuri restrittivi tal-Unjoni li jinsabu fil-Pjan ta' Azzjoni Konġunt.

(6)

Fid-19 ta' Lulju 2014, iċ-Ċina, Franza, il-Ġermanja, il-Federazzjoni Russa, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti, appoġġati mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, ftehmu mal-Iran biex tiġi estiża l-implimentazzjoni tal-miżuri tal-Pjan ta' Azzjoni Konġunt sal-24 ta' Novembru 2014.

(7)

Fil-21 ta' Lulju 2014, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2014/480/PESK (3) li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK sabiex jiġu estiżi d-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-miżuri restrittivi tal-Unjoni li jinsabu fil-Pjan ta' Azzjoni Konġunt.

(8)

Fl-24 ta' Novembru 2014, iċ-Ċina, Franza, il-Ġermanja, il-Federazzjoni Russa, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti, appoġġati mill-koordinatur u n-negozjatur tal-UE għall-grupp E3/UE+3 fin-negozjati nukleari mal-Iran, qablu mal-Iran sabiex tiġi estiża l-implimentazzjoni tal-miżuri tal-Pjan ta' Azzjoni Konġunt sat-30 ta' Ġunju 2015.

(9)

Is-sospensjoni tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni speċifikati fil-Pjan ta' Azzjoni Konġunt għandha għalhekk tiġi estiża sat-30 ta' Ġunju 2015. Il-kuntratti rilevanti għandhom jiġu eżegwiti sa dik id-data.

(10)

Id-Deċiżjoni 2010/413/PESK għandha għalhekk tiġi emendata kif adatt,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikolu 26a tad-Deċiżjoni 2010/413/PESK huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 26a

1.   Il-projbizzjoni stipulata fl-Artikolu 3a(1) għandha tiġi sospiża sat-30 ta' Ġunju 2015 sa fejn tirrigwarda t-trasport taż-żejt mhux maħdum Iranjan.

2.   Il-projbizzjoni stipulata fl-Artikolu 3a(2) għandha tiġi sospiża sat-30 ta' Ġunju 2015 sa fejn tirrigwarda l-forniment tal-assigurazzjoni u r-riassigurazzjoni, relatati mal-importazzjoni, ix-xiri, jew it-trasport taż-żejt mhux maħdum Iranjan.

3.   Il-projbizzjoni stipulata fl-Artikolu 3b għandha tiġi sospiża sat-30 ta' Ġunju 2015.

4.   Il-projbizzjoni stipulata fl-Artikolu 4c għandha tiġi sospiża sat-30 ta' Ġunju 2015 sa fejn tirrigwarda d-deheb u l-metalli prezzjużi.

5.   L-Artikolu 10(3)(a), (b) u (c) huwa sostitwit bil-punti li ġejjin sat-30 ta' Ġunju 2015:

‘(a)

trasferimenti dovuti għal transazzjonijiet fir-rigward ta' oġġetti tal-ikel, il-kura tas-saħħa, it-tagħmir mediku, jew għal finijiet agrikoli jew umanitarji ta' inqas minn EUR 1 000 000, kif ukoll trasferimenti fir-rigward ta' rimessi personali, ta' inqas minn EUR 400 000, għandhom jitwettqu mingħajr ebda awtorizzazzjoni minn qabel. It-trasferiment għandu jiġi nnotifikat lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat jekk ikun ta' aktar minn EUR 10 000;

(b)

trasferimenti dovuti għal transazzjonijiet fir-rigward ta' oġġetti tal-ikel, il-kura tas-saħħa, it-tagħmir mediku, jew għal finijiet agrikoli jew umanitarji ta' aktar minn EUR 1 000 000, kif ukoll trasferimenti fir-rigward ta' rimessi personali, ta' aktar minn EUR 400 000, għandu jkollhom l-awtorizzazzjoni minn qabel mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat. L-Istat Membru rilevanti għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra dwar kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija;

(c)

kwalunkwe trasferiment ieħor ta' aktar minn EUR 100 000 għandu jkollu l-awtorizzazzjoni minn qabel mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat. L-Istat Membru rilevanti għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra dwar kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija.’

.

6.   L-Artikolu 10(4)(b) u (c) huwa sostitwit bil-punti li ġejjin sat-30 ta' Ġunju 2015:

‘(b)

kwalunkwe trasferiment ieħor ta' inqas minn EUR 400 000 għandu jitwettaq mingħajr ebda awtorizzazzjoni minn qabel. It-trasferiment għandu jiġi nnotifikat lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat jekk ikun ta' aktar minn EUR 10 000;

(c)

kwalunkwe trasferiment ieħor ta' aktar minn EUR 400 000 għandu jkollu l-awtorizzazzjoni minn qabel mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat. L-awtorizzazzjoni għandha titqies li tkun mogħtija fi żmien erba' ġimgħat dment li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat ma tkunx oġġezzjonat f'dak il-perijodu ta' żmien. L-Istat Membru rilevanti għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra dwar kwalunkwe awtorizzazzjoni miċħuda.’

.

7.   Il-projbizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 18b għandhom jiġu sospiżi sat-30 ta' Ġunju 2015.

8.   Il-projbizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 20(1)(b) u (c) u fl-Artikolu 20(2) fir-rigward tal-Ministeru taż-Żejt, elenkati fl-Anness II, għandhom jiġu sospiżi sat-30 ta' Ġunju 2015, sa fejn ikun neċessarju għall-eżekuzzjoni, sat-30 ta' Ġunju 2015, ta' kuntratti għall-importazzjoni jew ix-xiri ta' prodotti petrokimiċi Iranjani.”

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Brussell, il-25 ta' Novembru 2014.

Għall-Kunsill

Il-President

S. GOZI


(1)  ĠU L 195, 27.7.2010, p. 39.

(2)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/21/PESK tal-20 ta' Jannar 2014 li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 15, 20.1.2014, p. 22).

(3)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/480/PESK tal-21 ta' Lulju 2014 li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 215, 21.7.2014, p. 4).


Top