Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D0443

    2014/443/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tat- 8 ta' Lulju 2014 dwar pożizzjoni li trid tittieħed, f'isem l-Unjoni Ewropea, fi ħdan is-Sottokumitat dwar il-Miżuri Sanitarji u Fitosanitarji stabbilit mill-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Kolombja u l-Perù, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu

    ĠU L 201, 10.7.2014, p. 18–23 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2014/443/oj

    10.7.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 201/18


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    tat-8 ta' Lulju 2014

    dwar pożizzjoni li trid tittieħed, f'isem l-Unjoni Ewropea, fi ħdan is-Sottokumitat dwar il-Miżuri Sanitarji u Fitosanitarji stabbilit mill-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Kolombja u l-Perù, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu

    (2014/443/UE)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Fid-19 ta' Jannar 2009, il-Kunsill awtorizza l-Kummissjoni biex tinnegozja ftehim Kummerċjali multipartit f'isem l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha mal-pajjiżi Membri tal-Komunità Andina.

    (2)

    Dawn in-negozjati ġew konklużi u l-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u l-Kolombja u l-Perù, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”) (1) ġie ffirmat fi Brussell fis-26 ta' Ġunju 2012.

    (3)

    Skont l-Artikolu 330(3) tal-Ftehim, il-Ftehim ġie applikat b'mod provviżorju mal-Perù mill-1 ta' Marzu 2013 u mal-Kolombja mill-1 ta' Awwissu 2013, suġġett għall-konklużjoni tiegħu f'data iktar 'il quddiem.

    (4)

    L-Artikolu 103 tal-Ftehim jistabbilixxi Sottokumitat dwar il-Miżuri Sanitarji u Fitosanitarji (minn hawn' il quddiem imsejjaħ “is-Sottokumitat SPS”) li għandu jiżgura u jimmonitorja l-implimentazzjoni tal-Kapitolu 5 tal-Ftehim, relatat mal-miżuri Sanitarji u Fitosanitarji, u jqis kull kwistjoni li tista' taffettwa l-konformità mad-dispożizzjonijiet ta' dan il-Kapitolu. Is-Sottokumitat SPS għandu jadotta r-regoli ta' proċedura ta' ħidma tiegħu fl-ewwel laqgħa tiegħu.

    (5)

    L-Unjoni għandha tiddetermina l-pożizzjoni li trid tittieħed fir-rigward tal-adozzjoni tar-Regoli ta' Proċedura tas-Sottokumitat SPS,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-pożizzjoni li trid tittieħed f'isem l-Unjoni fis-Sottokumitat dwar il-Miżuri Sanitarji u Fitosanitarji (“is-Sottokumitat SPS”), stabbilit mill-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Kolombja u l-Perù, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni tar-Regoli ta' Proċedura tas-Sottokumitat SPS, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad- deċiżjoni tas-Sottokumitat SPS UE-Kolombja-Perù annessa ma' din id-Deċiżjoni.

    Korrezzjonijiet tekniċi minuri fl-abbozz tad-deċiżjoni tas-Sottokumitat SPS UE-Kolombja-Perù jistgħu jiġu maqbula mir-rappreżentanti tal-Unjoni fis-Sottokumitat SPS, mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell, it-8 ta' Lulju 2014.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    P. C. PADOAN


    (1)  ĠU L 354, 21.12.2013, p. 3.


    ABBOZZ TA'

    ID-DEĊIŻJONI Nru …/2014 TAS-SOTTOKUMITAT UE-KOLOMBJA-PERÙ DWAR IL-MIŻURI SANITARJI U FITOSANITARJI

    ta' …

    dwar l-adozzjoni tar-Regoli ta' Proċedura tas-Sottokumitat dwar il-Miżuri Sanitarji u Fitosanitarji msemmija fl-Artikolu 103 tal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Kolombja u l-Perù, min-naħa l-oħra

    IS-SOTTOKUMITAT DWAR IL-MIŻURI SANITARJI U FITOSANITARJI,

    Wara li kkunsidra l-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Kolombja u l-Perù, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”) (1), iffirmat fi Brussell fis-26 ta' Ġunju 2012, u b'mod partikolari l-Artikolu 103 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Is-Sottokumitat dwar il-Miżuri Sanitarji u Fitosanitarji (“is-Sottokumitat MSF”) għandu jadotta r-Regoli ta' Proċedura fl-ewwel laqgħa tiegħu.

    (2)

    Is-Sottokumitat MSF għandu jiżgura u jimmonitorja l-implimentazzjoni tal-Kapitolu 5 tal-Ftehim, b'referenza għall-miżuri Sanitarji u Fitosanitarji, u jqis kull kwistjoni li tista' taffettwa l-konformità mad-dispożizzjonijiet ta' dak il-Kapitolu.

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    1.

    Ir-Regoli ta' Proċedura tas-Sottokumitat MSF huma adottati kif stipulat fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

    2.

    Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fi …

    Magħmul fi … nhar il-…

    Għas-Sottokumitat dwar il-Miżuri Sanitarji u Fitosanitarji

    Ministru għal …

    Kummissarju għal

    Ministru għal …


    (1)  ĠU L 354, 21.12.2012, p. 3.

    ANNESS

    REGOLI TA' PROĊEDURA TAS-SOTTOKUMITAT DWAR IL-MIŻURI SANITARJI U FITOSANITARJI STABBILITI FIL-KAPITOLU 5 TAL-FTEHIM KUMMERĊJALI BEJN L-UNJONI EWROPEA U L-ISTATI MEMBRI TAGĦHA, MINN NAĦA WAĦDA, U L-KOLOMBJA U L-PERÙ, MIN-NAĦA L-OĦRA

    Artikolu 1

    Kompożizzjoni u Presidenza

    1.   Is-Sottokumitat dwar il-Miżuri Sanitarji u Fitosanitarji ( is-“Sottokumitat MSF”) li huwa stabbilit skont l-Artikolu 103 tal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Kolombja u l-Perù, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”) (1), għandu jwettaq id-dmirijiet tiegħu kif ipprovdut fl-Artikolu 103 tal-Ftehim u għandu r-responsabbiltà li jiżgura u jimmonitorja l-implimentazzjoni tal-Kapitolu 5 dwar il-Miżuri Sanitarji u Fitosanitarji.

    2.   Kif stipulat fl-Artikolu 103(2) tal-Ftehim, is-Sottokumitat MSF għandu jkun magħmul mir-rappreżentanti appuntati minn kull Parti bir-responsabbiltajiet għal kwistjonijiet sanitarji u fitosanitarji.

    3.   Is-Sottokumitat MSF li għandu jiġi ppresedut, fuq bażi ta' rotazzjoni, għal perjodu ta' sena minn uffiċjal għoli tal-Kummissjoni Ewropea, f'isem l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, u minn uffiċjal għoli tal-Gvern Kolombjan, jew minn uffiċjal għoli tal-Gvern Peruvjan. L-ewwel perjodu ta' presidenza għandu jibda fid-data tal-ewwel laqgħa tal-Kumitat Kummerċjali u jispiċċa fil-31 ta' Diċembru tal-istess sena. Is-Sottokumitat MSF għandu jkun ippresdut mill-Parti li jkollha l-presidenza tal-Kumitat Kummerċjali.

    4.   Is-Sottokumitat MSF jista' jiltaqa' f'sessjonijiet fejn biss il-parti tal-UE u Pajjiż Andin firmatarju wieħed jipparteċipa, dwar kwistjonijiet li jirrelataw esklussivament ma' relazzjoni bilaterali tagħhom. Dawn is-sessjonijiet għandhom ikunu preseduti b'mod konġunt miż-żewġ Partijiet. Il-Pajjiżi Andini firmatarji l-oħra jistgħu jipparteċipaw f'dawn is-sessjonijiet soġġett għall-ftehim minn qabel tal-Partijiet kkonċernati.

    5.   Ir-referenza għall-Partijiet fir-Regoli ta' Proċedura hija skont id-definizzjoni stipulata fl-Artikolu 6 tal-Ftehim.

    Artikolu 2

    Laqgħat

    1.   Is-Sottokumitat MSF għandu jiltaqa' għallanqas darba fis-sena u jlaqqa' sessjonijiet speċjali fuq talba ta' xi Parti, kif stipulat fl-Artikolu 103(2) tal-Ftehim. Il-laqgħat għandu jinżammu fuq sistema ta' rotazzjoni, f'Bogota, fi Brussell u f'Lima, sakemm il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor.

    2.   Kull laqgħa tas-Sottokumitat MSF għandha titlaqqgħa mill-Parti li għandha l-Presidenza f'data u f'post maqbul mill-Partijiet.

    3.   Is-Sottokumitat MSF jista' jiltaqa' wkoll permezz ta' konferenza vidjo u awdjo.

    Artikolu 3

    Delegazzjonijiet

    Qabel kull laqgħa, il-Partijiet għandhom jiġu informati bil-kompożizzjoni intiża tad-delegazzjonijiet li jkunu se jattendu l-laqgħa.

    Artikolu 4

    Osservaturi

    Is-Sottokumitat MSF jista' jiddeċiedi li jistieden osservaturi fuq bażi ad hoc.

    Artikolu 5

    Korrispondenza

    1.   Id-dokumenti tas-Sottokumitat MSF previsti fl-Artikoli 6, 7 u 8 tar-Regoli ta' Proċedura għandhom jintbagħtu lill-Presidenti tas-Sottokumitat MSF u lis-Segretarjat tal-Kumitat Kummerċjali.

    2.   Għal kwistjonijiet li jirrelataw esklussivament ma' relazzjoni bilaterali bejn l-UE u Pajjiż Andin firmatarju wieħed, il-korrispondenza ssir bejn dawn iż-żewġ Partijiet, filwaqt li l-pajjiżi Andini firmatarji l-oħra jinżammu informati bis-sħiħ, kif xieraq.

    Artikolu 6

    Aġenda għal-Laqgħat

    1.   Għandha titħejja aġenda provviżorja għal kull laqgħa b'mod konġunt mill-Partijiet. Din tintbagħat, flimkien mad-dokumenti rilevanti, lill-Partijiet kollha mhux aktar tard minn 14-il jum qabel il-bidu tal-laqgħa.

    2.   L-aġenda għandha tkun adottata mis-Sottokumitat MSF fil-bidu ta' kull laqgħa. Punti barra dawk li jidhru fl-aġenda provviżorja jistgħu jiddaħħlu fl-aġenda jekk il-Partijiet jaqblu li jsir hekk.

    3.   Il-President tas-Sottokumitat MSF jista', bi ftehim mal-Partijiet l-oħra, jistieden lill-esperti biex jattendu l-laqgħat tiegħu biex jipprovdu informazzjoni fuq suġġetti speċifiċi.

    Artikolu 7

    Minuti

    1.   Għandu jitħejja abbozz tal-minuti ta' kull laqgħa b'mod konġunt miż-żewġ Partijiet. L-ewwel abbozz jitħejja mill-Parti li taġixxi bħala President fi żmien wieħed u għoxrin jum wara l-għeluq tal-laqgħa.

    2.   Il-minuti, bħala regola ġenerali, jagħtu sommarju ta' kull punt fl-aġenda, u jispeċifikaw fejn hu applikabbli:

    (a)

    id-dokumenti ppreżentati lis-Sottokumitat MSF;

    (b)

    kull dikjarazzjoni li membru tal-Kumitat Kummerċjali jitlob li tiddaħħal; u

    (c)

    id-deċiżjonijiet proposti, ir-rakkomandazzjonijiet magħmula, l-istqarrijiet mifthiema u l-konklużjonijiet adottati dwar punti speċifiċi.

    3.   Il-minuti għandhom jinkludu wkoll lista tal-parteċipanti fil-laqgħa tas-Sottokumitat tal-SPS.

    4.   Il-minuti għandhom jiġu approvati bil-miktub mill-Partijiet fi żmien xahrejn mid-data tal-laqgħa. Ladarba approvati, għandhom jiġu ffirmati kopji mill-President u l-kontropartijiet tiegħu/tagħha tal-Partijiet l-oħra. Kull Parti għandha tirċievi kopja oriġinali ta' dawn id-dokumenti awtentiċi. Għandhom jintbagħtu kopji tal-minuti ffirmati lill-membri tal-Kumitat Kummerċjali.

    Artikolu 8

    Pjan ta' Azzjoni

    1.   Is-Sottokumitat MSF għandu jadotta pjan ta' azzjoni li jirrifletti l-azzjonijiet miftiehma mill-Partijiet waqt il-laqgħa.

    2.   L-implimentazzjoni mill-Partijiet tal-pjan ta' azzjoni tkun riveduta mis-Sottokumitat MSF waqt il-laqgħa tiegħu li jmiss.

    Artikolu 9

    Lingwi

    1.   Il-lingwi uffiċjali tas-Sottokumitat MSF ikunu l-lingwi uffiċjali tal-Partijiet.

    2.   Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor, is-Sottokumitat MSF għandu normalment jibbaża d-deliberazzjonijiet tiegħu fuq dokumentazzjoni u proposti mħejjija fil-lingwi msemmija fil-paragrafu 1.

    Artikolu 10

    Pubbliċità u Kunfidenzjalità

    1.   Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor, il-laqgħat tas-Sottokumitat MSF ma għandhomx ikunu pubbliċi.

    2.   Meta Parti tressaq informazzjoni meqjusa bħala kunfidenzjali skont il-liġijiet u r-regolamenti tagħha quddiem is-Sottokumitat MSF, kumitati speċjalizzati, gruppi ta' ħidma jew xi organi oħra, il-Partijiet l-oħra jittrattaw dik l-informazzjoni bħala kunfidenzjali skont ir-regoli deskritti fl-Artikolu 290(2) tal-Ftehim.

    Artikolu 11

    Spejjeż

    1.   Kull Parti għandha tieħu ħsieb kwalunkwe spejjeż li ġġarrab bħala riżultat tal-parteċipazzjoni fil-laqgħat tas-Sottokumitat MSF kemm fir-rigward tal-ispejjeż tal-istaff, tal-ivvjaġġar u tal-għajxien kif ukoll fir-rigward tal-ispejjeż tal-posta u tat-telekomunikazzjonijiet.

    2.   L-ispejjeż marbuta mal-organizzazzjoni tal-laqgħat u mar-riproduzzjoni tad-dokumenti, għandhom jitħallsu mill-Parti li tkun qed tospita l-laqgħa.

    3.   L-ispejjeż marbuta mal-interpretazzjoni fil-laqgħat u mat-traduzzjoni ta' dokumenti għall-Ispanjol jew mill-Ispanjol u għall-Ingliż jew mill-Ingliż jitħallsu mill-Parti li tkun qed tospita l-laqgħa. Interpretazzjoni u traduzzjoni għal-lingwi l-oħra jew mil-lingwi l-oħra jitħallsu mill-Parti li titlobhom.

    Artikolu 12

    Emenda tar-Regoli ta' Proċedura

    Ir-Regoli ta' Proċedura, kif ukoll kwalunkwe emenda sussegwenti, għandhom ikunu adottati mis-Sottokumitat MSF skont l-Artikolu 103(2) tal-Ftehim.


    (1)  ĠU L 354, 21.12.2012, p. 3.


    Top