This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32014D0280
2014/280/EU: Council Decision of 8 May 2014 on the position to be adopted on behalf of the European Union at the International Maritime Organization during the 93 rd session of the Maritime Safety Committee on the adoption of amendments to SOLAS Regulations II-1/29, II-2/3, 2/9.7, 2/13.4, 2/18, III/20, the Life Saving Appliances Code and the 2011 Enhanced Survey Programme Code
2014/280/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tat- 8 ta' Mejju 2014 dwar il-pożizzjoni li trid tiġi adottata f'isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali matul it-93 sessjoni tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima dwar l-adozzjoni tal-emendi tar-Regolamenti SOLAS II-1/29, II-2/3, 2/9.7, 2/13.4, 2/18, III/20, tal-Kodiċi tat-Tagħmir ta' Salvataġġ u tal-Kodiċi tal-Programm Imtejjeb ta' Kontroll tal-2011
2014/280/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tat- 8 ta' Mejju 2014 dwar il-pożizzjoni li trid tiġi adottata f'isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali matul it-93 sessjoni tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima dwar l-adozzjoni tal-emendi tar-Regolamenti SOLAS II-1/29, II-2/3, 2/9.7, 2/13.4, 2/18, III/20, tal-Kodiċi tat-Tagħmir ta' Salvataġġ u tal-Kodiċi tal-Programm Imtejjeb ta' Kontroll tal-2011
ĠU L 145, 16.5.2014, p. 40–42
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
16.5.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 145/40 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
tat-8 ta' Mejju 2014
dwar il-pożizzjoni li trid tiġi adottata f'isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali matul it-93 sessjoni tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima dwar l-adozzjoni tal-emendi tar-Regolamenti SOLAS II-1/29, II-2/3, 2/9.7, 2/13.4, 2/18, III/20, tal-Kodiċi tat-Tagħmir ta' Salvataġġ u tal-Kodiċi tal-Programm Imtejjeb ta' Kontroll tal-2011
(2014/280/UE)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 100(2) u l-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
L-azzjoni mill-Unjoni Ewropea fis-settur tat-trasport marittimu għandu jkollha l-għan li ttejjeb is-sikurezza marittima. Il-qafas prinċipali ta' referenza għall-istandards ta' sikurezza għandu jkun il-Konvenzjoni Internazzjonali tal-1974 għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar (il-Konvenzjoni tal-1974 ta' SOLAS), kif emendata, li tħaddan standards miftiehma internazzjonalment għall-vapuri tal-passiġġieri u inġenji tal-baħar ta' veloċità kbira għall-passiġġieri li jitħaddmu fuq vjaġġi internazzjonali. |
(2) |
It-92 sessjoni tal-laqgħa tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima (MSC) tal-OMI approvat, fost l-oħrajn, l-emendi għar-Regolamenti SOLAS II-1/29, II-2/3, 2/9.7, 2/13.4, 2/18, III/20, il-Kodiċi tat-Tagħmir ta' Salvataġġ u tal-Kodiċi tal-Programm Imtejjeb ta' Kontroll tal-2011. Dawk l-emendi huma mistennija li jiġu adottati fit-93 sessjoni tal-MSC, li ser issir f'Mejju 2014. |
(3) |
L-emendi għar-regolamenti SOLAS II-2/3 u II-2/9.7 li jikkonċernaw ir-reżistenza għan-nar tal-kanali ta' ventilazzjoni għal vapuri ġodda ser jintroduċu rekwiżiti ġodda għas-sistemi ta' ventilazzjoni fil-vapuri, inklużi dawk il-vapuri tal-passiġġieri li jġorru aktar minn 36 passiġġier. Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament 12, il-Parti A u tar-Regolament 9, il-Parti B tal-Kapitolu II-2 tal-Anness 1 tad-Direttiva 2009/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) dwar dispożizzjonijiet għall-passaġġi tal-kanali ta' ventilazzjoni u dwar is-sistemi ta' ventilazzjoni għal vapuri li jġorru aktar minn 36 passiġġier ikopru dawn il-kwistjonijiet u huma derivati minn dawn id-dispożizzjonijiet SOLAS li issa huma mistennija li jiġu emendati. |
(4) |
L-emendi tar-Regolament SOLAS II-2/13.4 ser jintroduċu mezzi addizzjonali ta' evakwazzjoni minn spazji tal-makkinarju għal vapuri ġodda tal-passiġġieri u tal-merkanzija. Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament 6, il-Parti B, il-Kapitolu II-2 tal-Anness 1 tad-Direttiva 2009/45/KE (Mezzi ta' evakwazzjoni) ikopru dawn il-kwistjonijiet u huma derivati mid-dispożizzjonijiet SOLAS li issa huma mistennija li jiġu emendati. |
(5) |
L-emendi tar-Regolament SOLAS II-2/18 li jikkonċernaw żoni għall-inżul ta' ħelikopter fuq vapuri tal-passiġġieri ro-ro għal vapuri ġodda ser jinkludu rekwiżit għal sistemi ta' applikazzjoni tat-tifi tan-nar bir-ragħwa li jkunu konformi maċ-Ċirkolari tal-OMI MSC.1/Circ.1431 tal-31 ta' Mejju 2012 dwar Linji Gwida għall-approvazzjoni ta' tagħmir għat-tifi tan-nar bir-ragħwa għall-ħelikopters. Ir-Regolament 18, il-Parti B, il-Kapitolu II-2 tal-Anness 1 tad-Direttiva 2009/45/KE jistipula li vapuri mgħammra bil-pjattaforma għall-ħelikopters għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti tar-regolament SOLAS kif rivedut mill-1 ta' Jannar 2003 li issa huma mistennija li jiġu emendati. |
(6) |
L-emendi tal-kapitolu III ta' SOLAS, ir-Regolament 20 u r-rekwiżiti assoċjati għall-kontroll u l-manutenzjoni perjodiċi tad-dgħajjes tas-salvataġġ u d-dgħajjes ta' emerġenza għall-vapuri kollha għandhom l-għan li jagħmlu dawn ir-rekwiżiti ddettaljati obbligatorji. Il-Kapitolu III tal-Anness 1 tad-Direttiva 2009/45/KE jistipula li l-manutenzjoni u l-ispezzjonijiet tat-tagħmir ta' salvataġġ għandhom isiru b'mod konformi mal-istess rekwiżiti tar-Regolament III/20 SOLAS, li issa huma mistennija li jiġu emendati. |
(7) |
L-emendi għall-Kodiċi tat-Tagħmir ta' Salvataġġ (LSA) li jikkonċernaw l-Apparat tal-Ittestjar ta' Referenza (RTDs) tal-ġkieket ta' salvataġġ ser jintroduċu rekwiżiti ġodda għall-RTDs. Ir-Regolament 2.2, tal-Kapitolu III tad-Direttiva 2009/45/KE jindika li tagħmir personali ta' salvataġġ bħal dan jikkonforma mal-Kodiċi LSA. Barra minn hekk, l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 96/98/KE (2) jistipula li t-tagħmir imniżżel fl-Anness A.1 tiegħu li jitqiegħed abbord bastiment tal-Komunità għandu jħares ir-rekwiżiti applikabbli tal-istrumenti internazzjonali msemmija f'dak l-Anness. Fit-tabella tal-Anness A.1, l-annotazzjoni A.1.1.4, l-istandard applikabbli għall-ġgieget tas-salvataġġ huwa r-Riżoluzzjoni tal-OMI MSC 48(66) — il-Kodiċi LSA, li issa huwa mistenni li jiġi emendat. |
(8) |
L-emendi għar-regolament SOLAS II-1/29 jikkonċernaw ir-rekwiżiti għall-provi tal-apparat ta' tmexxija ser jintroduċu aktar rekwiżiti biex juru konformità matul il-provi fil-baħar. Ir-Regolamenti 6 u 7, il-Parti C, il-Kapitolu II-1 tal-Anness 1 tad-Direttiva 2009/45/KE huma derivati minn u huma replika tal-istess dispożizzjonijiet ta' SOLAS fil-Kapitolu II-1, il-Parti C tar-Regolament 29 dwar ir-rekwiżiti għall-apparat ta' tmexxija prinċipali u awżiljarju li issa huma mistennija li jiġu emendati. |
(9) |
L-emendi msemmija hawn fuq għar-Regolamenti SOLAS II-1/29, II-2/3, 2/9.7, 2/13.4, 2/18, III/20 u l-Kodiċi tat-Tagħmir ta' Salvataġġ, ser japplikaw għall-vapuri tal-passiġġieri u l-inġenji tal-baħar ta' veloċità kbira li jaħdmu fuq vjaġġi domestiċi, skont l-Artikoli 1 u 3 tad-Direttiva 2009/45/KE. Għalhekk, sa fejn jolqtu l-vapuri tal-passiġġieri u l-inġenji tal-baħar ta' veloċità kbira li jaħdmu fuq vjaġġi domestiċi, dawn l-emendi jaqgħu taħt il-kompetenza esklussiva tal-Unjoni. |
(10) |
L-emendi tal-Kodiċi tal-Programm Imtejjeb ta' Kontroll tal-2011 (ESP) jikkonformaw mal-prattiki tas-soċjetajiet ta' klassifikazzjoni. L-Artikoli 5 u 6 tar-Regolament (UE) Nru 530/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jagħmlu obbligatorja l-applikazzjoni tal-Iskema ta' Valutazzjoni tal-Kondizzjoni tal-OMI (CAS) għat-tankers taż-żejt b'buq wieħed li jkollhom aktar minn ħmistax-il sena. Il-Programm Imtejjeb ta' Spezzjonijiet matul kontrolli ta' Bastimenti ta' Tagħbija bl-Ingrossa u ta' Tankers taż-Żejt jew il-Programm Imtejjeb ta' Kontroll (ESP) jispeċifika kif issir din il-valutazzjoni intensifikata. Peress li l-CAS tuża l-ESP bħala għodda biex tikseb l-għan tagħha, kwalunkwe bidla fl-ispezzjonijiet ESP se tkun applikabbli awtomatikament permezz tar-Regolament (UE) Nru 530/2012. |
(11) |
L-Unjoni la hija Membru tal-OMI u lanqas hija parti kontraenti għall-konvenzjonijiet u l-kodiċijiet ikkonċernati. Huwa għalhekk meħtieġ li l-Kunsill jawtorizza lill-Istati Membri biex jesprimu l-pożizzjoni tal-Unjoni u jesprimu l-kunsens tagħhom li jintrabtu b'dawn l-emendi, sa fejn dawn jaqgħu taħt il-kompetenza esklussiva tal-Unjoni, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. Il-pożizzjoni tal-Unjoni fit-93 sessjoni tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima tal-OMI għandha tkun li taqbel mal-adozzjoni tal-emendi tar-Regolamenti SOLAS II-2/3, 2/9.7, 2/13.4 u 2/18 kif stabbiliti fl-Anness 13 tad-dokument tal-OMI MSC 92/26.Add.1 u mal-adozzjoni tal-emendi tar-Regolamenti SOLAS II-1/29uIII/20, il-Kodiċi tat-Tagħmir ta' Salvataġġ u l-Kodiċi tal-Programm Imtejjeb ta' Kontroll tal-2011 kif stabbiliti fl-Annessi 31, 32, 33, 34, 35 u 36 rispettivament tad-dokument tal-OMI MSC 92/26/Add.2.
2. Il-pożizzjoni tal-Unjoni kif tinsab fil-paragrafu 1 għandha tiġi espressa mill-Istati Membri, li huma membri tal-OMI, billi jaġixxu b'mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.
3. Jista' jsir qbil dwar bidliet formali u żgħar għal din il-pożizzjoni mingħajr ma jkun hemm bżonn li tiġi emendata dik il-pożizzjoni.
Artikolu 2
L-Istati Membri huma b'dan awtorizzati li jagħtu l-kunsens tagħhom li jintrabtu, fl-interess tal-Unjoni, bl-emendi msemmija fl-Artikolu 1(1) sa fejn huma jaqgħu taħt il-kompetenza esklussiva tal-Unjoni.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, it-8 ta' Mejju 2014.
Għall-Kunsill
Il-President
P. MITARACHI
(1) Id-Direttiva 2009/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Mejju 2009 dwar regoli u standards ta' sigurtà għal vapuri tal-passiġġieri (ĠU L 163, 25.6.2009, p. 1).
(2) Id-Direttiva tal-Kunsill 96/98/KE tal-20 ta' Diċembru 1996 dwar it-tagħmir marittimu (ĠU L 46, 17.2.1997, p. 25).
(3) Ir-Regolament (UE) Nru 530/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ġunju 2012 dwar l-introduzzjoni aċċellerata ta' rekwiżiti ta' buq doppju jew ta' disinn ekwivalenti għal tankers taż-żejt b'buq wieħed (ĠU L 172, 30.6.2012, p. 3).