This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32013R1295
Regulation (EU) No 1295/2013 of the European Parliament and of the Council of 11 December 2013 establishing the Creative Europe Programme (2014 to 2020) and repealing Decisions No 1718/2006/EC, No 1855/2006/EC and No 1041/2009/EC Text with EEA relevance
Regolament (UE) Nru 1295/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Kreattiva (2014 sa 2020) u li jirrevoka d-Deċiżjonijiet Nru 1718/2006/KE, Nru 1855/2006/KE u Nru 1041/2009/KE Test b’relevanza għaż-ŻEE
Regolament (UE) Nru 1295/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Kreattiva (2014 sa 2020) u li jirrevoka d-Deċiżjonijiet Nru 1718/2006/KE, Nru 1855/2006/KE u Nru 1041/2009/KE Test b’relevanza għaż-ŻEE
ĠU L 347, 20.12.2013, p. 221–237
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2020; Imħassar b' 32021R0818
Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
---|---|---|---|---|---|
Repeal | 32006D1718 | ||||
Repeal | 32006D1855 | ||||
Repeal | 32008D1352 | ||||
Repeal | 32009D1041 |
Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
---|---|---|---|---|---|
Corrected by | 32013R1295R(01) | (HR, BG, CS, DA, DE, EL, EN, ES, ET, FI, FR, HU, IT, LT, LV, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, SV) | |||
Modified by | 32018R0596 | Żieda | artikolu 13 paragrafu 1 punt (f) | 01/01/2018 | |
Modified by | 32018R0596 | Żieda | artikolu 15 paragrafu 1 punt (g) | 01/01/2018 | |
Completed by | 32019R1974 | 19/12/2019 | |||
Repealed by | 32021R0818 | 01/01/2021 |
20.12.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 347/221 |
REGOLAMENT (UE) Nru 1295/2013 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tal-11 ta' Diċembru 2013
li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Kreattiva (2014 sa 2020) u li jirrevoka d-Deċiżjonijiet Nru 1718/2006/KE, Nru 1855/2006/KE u Nru 1041/2009/KE
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 166(4), l-ewwel inċiż tal-Artikolu 167(5) u l-Artikolu 173(3) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara t-trażmissjoni tal-abbozz ta' att leġiżlattiv lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),
Billi:
(1) |
It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) għandu l-għan li jġib unjoni eqreb fost il-popli tal-Ewropa u jikkonferixxi lill-Unjoni l-kompitu, fost l-oħrajn, li tikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-kulturi tal-Istati Membri, filwaqt li tirrispetta d-diversità nazzjonali u reġjonali tagħhom u fl-istess ħin tiżgura li jeżistu l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-kompetittività tal-industrija tal-Unjoni. F'dak ir-rigward, l-Unjoni, fejn meħtieġ, tappoġġja u tissupplimenta l-azzjonijiet tal-Istati Membri li jkollhom il-għan li jirrispettaw id-diversità kulturali u lingwistika, skont l-Artikolu 167 TFUE u l-Konvenzjoni tal-Unesco tal-2005 dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali (il-"Konvenzjoni tal-Unesco tal-2005"), biex isaħħu l-kompetittività tas-setturi kulturali u kreattivi u biex jiffaċilitaw l-adattament għat-tibdil industrijali. |
(2) |
L-appoġġ tal-Unjoni għas-setturi kulturali u kreattivi huwa bbażat primarjament fuq l-esperjenza miksuba mill-programmi tal-Unjoni spjegati f': Id-Deċiżjoni Nru 1718/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) (il-"programm MEDIA"), id-Deċiżjoni Nru 1855/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) (il-"programm Kultura"), u d-Deċiżjoni Nru 1041/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) (il-"programm MEDIA Mundus"). Id-Deċiżjoni Nru 1622/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) (l-"azzjoni Kapitali Ewropea tal-Kultura") u d-Deċiżjoni Nru 1194/2011/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) jikkontribwixxu wkoll għall-appoġġ mill-Unjoni għas-setturi kulturali u kreattivi. |
(3) |
Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar aġenda Ewropea għal kultura f'dinja li qed tiġi gglobalizzata, approvata mill-Kunsill f'riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Novembru 2007 (9) u mill-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' April 2008 (10), tistabbilixxi l-objettivi għall-attivitajiet tal-ġejjieni tal-Unjoni għas-setturi kulturali u kreattivi. Din għandha l-għan li tippromwovi d-diversità kulturali u d-djalogu interkulturali, il-kultura bħala katalist għall-kreattività fil-qafas għat-tkabbir u l-impjiegi u l-kultura bħala element vitali fir-relazzjonijiet internazzjonali tal-Unjoni. |
(4) |
Fir-rigward tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u b'mod partikolari l-Artikoli 11, 21 u 22 tagħha, is-setturi kulturali u kreattivi jagħtu kontribuzzjoni importanti għall-ġlieda kontra l-forom kollha ta' diskriminazzjoni inklużi r-razziżmu u l-ksenofobija, u huma pjattaforma importanti għal-libertà tal-espressjoni u għall-promozzjoni tar-rispett għad-diversità kulturali u lingwistika. |
(5) |
Il-Konvenzjoni tal-Unesco tal-2005, li daħlet fis-seħħ fit-18 ta' Marzu 2007, u li l-Unjoni tagħmel parti minnha, tissottolinja li l-attivitajiet, l-oġġetti u s-servizzi kulturali għandhom kemm natura ekonomika kif ukoll kulturali, peress li jittrasmettu identitajiet, valuri u tifsiriet, u m'għandhomx, għalhekk, jitqiesu li għandhom biss valur kummerċjali. Dik il-konvenzjoni għandha l-għan li ssaħħaħ il-kooperazzjoni internazzjonali, inkluż il-ftehimiet internazzjonali ta' koproduzzjoni u kodistribuzzjoni, u s-solidarjetà sabiex tiffavorixxi l-espressjoni kulturali tal-pajjiżi u l-individwi kollha. Hija tiddikjara wkoll li għandha tingħata l-attenzjoni dovuta liċ-ċirkostanzi u l-ħtiġijiet speċjali ta' diversi gruppi soċjali, inklużi persuni li jagħmlu parti minn minoranzi. Għalhekk programm ta' appoġġ għas-setturi kulturali u kreattivi għandu jrawwem id-diversità kulturali fil-livell internazzjonali f'konformità ma' dik il-Konvenzjoni. |
(6) |
Il-promozzjoni tal-wirt kulturali tanġibbli u intanġibbli, fid-dawl, inter alia, tal-Konvenzjoni tal-Unesco tal-2003 għas-Salvagwardja tal-Wirt Kulturali Intanġibbli u l-Konvenzjoni tal-Unesco tal-1972 Rigward il-Protezzjoni tal-Wirt Kulturali u Nturali Dinji, għandha wkoll tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-valur tas-siti relevanti, filwaqt li tagħti lill-popli sens ta' sjieda, tal-valur kulturali u storiku ta' tali siti. |
(7) |
Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni ntitolata "Ewropa 2020 - Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv"(l-"Istrateġija Ewropa 2020") tiddefinixxi strateġija li għandha l-għan li tbiddel l-Unjoni f'ekonomija intelliġenti, sostenibbli u inklussiva li tagħti livelli għoljin ta' impjieg, produttività u koeżjoni soċjali. F'dik il-komunikazzjoni, il-Kummissjoni nnotat li l-Unjoni teħtieġ tipprovdi kundizzjonijiet qafas aktar attraenti għall-innovazzjoni u l-kreattività.F'dak ir-rigward, is-setturi kulturali u kreattivi huma għajn ta' ideat innovattivi li jistgħu jinbidlu fi prodotti u servizzi li joħolqu t-tkabbir u l-impjiegi u jgħinu biex jiġu indirizzati t-tibdiliet tas-soċjetà. Barra minn hekk, l-eċċellenza u l-kompetittività f'dawk is-setturi huma primarjament riżultat tal-isforzi li jsiru min-naħa tal-artisti, dawk li jikkreaw u l-professjonisti, li jeħtieġ li jiġu promossi. Għal dak il-għan, l-aċċess għall-finanzi għas-setturi kulturali u kreattivi għandu jittejjeb. |
(8) |
Fil-konklużjonijiet tiegħu dwar is-servizzi ta' informazzjoni dwar il-mobilità għall-artisti u l-professjonisti tal-kultura (11) l-Kunsill ikkonferma l-importanza tal-mobilità tal-artisti u l-professjonisti tal-kultura għall-Unjoni u għall-kisba tal-objettivi tagħha fl-Istrateġija Ewropa 2020, u talab lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni, fl-isferi ta' kompetenza rispettivi tagħhom u b'kunsiderazzjoni kif mistħoqq għall-prinċipju tas-sussidjarjetà, biex jiffaċilitaw l-għoti ta' informazzjoni komprensiva u eżatta lill-artisti u l-professjonisti tal-kultura li qed ifittxu li jkunu mobbli ġewwa l-Unjoni. |
(9) |
Sabiex isir kontribut għat-tisħiħ ta' żona kulturali kondiviża, huwa importanti li jiġu promossi l-mobbiltà transnazzjonali tal-atturi kulturali u kreattivi u ċ-ċirkolazzjoni transnazzjonali ta' xogħlijiet kulturali u kreattivi, inklużi xogħlijiet u prodotti awdjoviżivi, biex b'hekk jiġu promossi l-iskambji kulturali u d-djalogu interkulturali. |
(10) |
Il-programmi MEDIA, Kultura u MEDIA Mundus kienu s-suġġett ta' monitoraġġ regolari u evalwazzjonijiet esterni, u ġew organizzati konsultazzjonijiet pubbliċi dwar il-ġejjieni tagħhom, u minn dawn jirriżulta li dawk il-programmi għandhom rwol verament importanti fil-protezzjoni u l-promozzjoni tad-diversità kulturali u lingwistika tal-Ewropa u li huma rilevanti g all- tiîjiet tas-setturi kulturali u kreattivi. Jidher ukoll minn dawk l-attivitajiet ta' monitoraġġ, evalwazzjoni u konsultazzjoni, kif ukoll minn studji indipendenti differenti, b'mod partikolari l-istudju dwar id-dimensjoni intraprenditorjali tal-industriji kulturali u kreattivi, li s-setturi kulturali u kreattivi qed jaffaċċjaw sfidi komuni, jiġifieri t-tibdil rapidu kkawżat mill-bidla diġitali u l-globalizzazzjoni, il-frammentazzjoni tas-suq relatat mad-diversità lingwistika, diffikultajiet ta' aċċess għall-finanzi, proċeduri amministrattivi kumplessi u nuqqas ta' dejta paragunabbli, li kollha jeħtieġu azzjoni fil-livell tal-Unjoni. |
(11) |
Is-setturi kulturali u kreattivi Ewropej huma diversifikati b'mod inerenti f'termini nazzjonali u lingwistiċi, ħaġa li tirriżulta f'xenarju kulturali li hu kulturalment għani u indipendenti ħafna, li jagħti vuċi lit-tradizzjonijiet kulturali differenti tal-wirt tal-Ewropa. Madankollu, tali diversifikazzjoni tagħti lok ukoll għal serje ta' ostakli li jimpedixxu ċ- ċirkolazzjoni transnazzjonali bla xkiel ta' xogħlijiet kulturali u kreattivi u jxekklu l-mobilità tal-parteċipanti kulturali u kreattivi ġewwa u barra l-Unjoni Ewropea, li jistgħu jwasslu għal żbilanċi ġeografiċi u, sussegwentement, għal għażla limitata għall-konsumatur. |
(12) |
Minħabba l-fatt li s-setturi kulturali u kreattivi Ewropej huma karatterizzati mid-diversità lingwistika li f'xi setturi twassal għall-frammentazzjoni f'termini lingwistiċi, is-sottotitolar, id-dubbing u d-deskrizzjoni awdjo huma essenzjali għaċ-ċirkolazzjoni ta' xogħlijiet kulturali u kreattivi, inklużi xogħlijiet awdjoviżivi. |
(13) |
Il-bidla diġitali qed ikollha impatt massiv fuq kif il-prodotti u s-servizzi kulturali u kreattivi jsiru, jiġu disseminati, aċċessati, ikkunsmati u msarrfa monetizzati. Filwaqt li l-ħtieġa li jinstab bilanċ ġdid bejn l-aċċessibilità dejjem akbar ta' xogħlijiet kulturali u kreattivi, rimunerazzjoni ġusta tal-artisti u dawk li jikkreaw u t-tfaċċar ta' mudelli ġodda ta' negozju hija rikonoxxuta, il-bidliet li jirriżultaw mill-bidla diġitali joffru opportunitajiet wiesgħa għas-setturi kulturali u kreattivi Ewropej u għas-soċjetà Ewropea b'mod ġenerali. Spejjeż aktar baxxi għad-distribuzzjoni, kanali ġodda ta' distribuzzjoni, il-potenzjal għal udjenzi ġodda u għal udjenzi akbar, u opportunitajiet ġodda għal prodotti speċjalizzati jistgħu jiffaċilitaw l-aċċess u jżidu ċ-ċirkolazzjoni ta' xogħlijiet kulturali u kreattivi fid-dinja. Sabiex jużaw dawk l-opportunitajiet b'mod sħiħ u jadattaw għall-kuntest tal-bidla diġitali u l-globalizzazzjoni, is-setturi kulturali u kreattivi jeħtieġu jiżviluppaw ħiliet ġodda u jeħtieġu aċċess akbar għall-finanzi sabiex itejbu t-tagħmir, jiżviluppaw metodi ġodda ta' produzzjoni u distribuzzjoni u jadattaw il-mudelli tan-negozju tagħhom. |
(14) |
Il-prattiki attwali ta' distribuzzjoni huma fil-bażi tas-sistema ta' finanzjament taċ-ċinema. Madankollu, qed tinħass dejjem aktar il-ħtieġa li jiġi promoss il-ħolqien ta' offerti legali onlajn attraenti u li titħeġġeġ l-innovazzjoni. Għaldaqstant, huwa essenzjali li jiġu promossi modalitajiet ġodda ta' distribuzzjoni biex ikunu jistgħu jinħolqu mudelli ġodda tan-negozju. |
(15) |
Id-diġitalizzazzjoni tat-teatri taċ-ċinema hija kwistjoni li ilha għaddejja għal ħafna operaturi żgħar taċ-ċinema, b'mod partikolari operaturi ta' teatri taċ-ċinema bi skrin wieħed, minħabba l-ispejjeż għolja tat-tagħmir diġitali. Filwaqt li l-Istati Membri għandhom il-kompetenza primarja għall-kultura u għandhom għalhekk ikomplu jindirizzaw dik il-kwistjoni fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali, kif xieraq, hemm il-potenzjal għall-finanzjament mill-programmi u l-fondi tal-Unjoni, b'mod partikolari dawk immirati għall-iżvilupp lokali u reġjonali. |
(16) |
L-iżvilupp tal-udjenza, b'mod speċjali fir-rigward taż-żgħażagħ, jeħtieġ impenn speċifiku min-naħa tal-Unjoni, biex tiġi appoġġjata, b'mod partikolari, l-alfabetizzazzjoni fil-qasam tal-midja u tal-films. |
(17) |
Waħda mill-akbar sfidi għas-setturi kulturali u kreattivi, speċjalment għall-impriżi mikro, żgħar u medji ("SMEs") u l-organizzazzjonijiet mikro, żgħar u medji, inklużi organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ u organizzazzjonijiet mhux governattivi, hija d-diffikultà li huma jiffaċċjaw biex jaċċessaw il-fondi li jeħtieġu biex jiffinanzjaw l-attivitajiet tagħhom, biex jikbru, biex iżommu u biex iżidu l-kompetittività tagħhom jew jinternazzjonalizzaw l-attivitajiet tagħhom. Filwaqt li dik hija sfida komuni għall-SMEs b'mod ġenerali, is-sitwazzjoni hija ferm aktar diffiċli fis-setturi kulturali u kreattivi minħabba n-natura intanġibbli ta' ħafna mill-assi tagħhom, il-profil tal-prototip tal-attivitajiet tagħhom, u l-ħtieġa intrinsika tagħhom li jieħdu r-riskji u jesperimentaw bil-għan li jinnovaw. Tali teħid ta' riskji jeħtieġ li jeħtieġ li jiġu mifhuma u appoġġjati wkoll mis-settur finanzjarju. |
(18) |
Bħala proġett pilota, l-Alleanza tal-Industriji Kreattivi Ewropej hija inizjattiva transettorjali li primarjament issostni l-industriji kreattivi fil-livell ta' politika. L-għan tagħha huwa li tiġbor fondi addizzjonali għall-industriji kreattivi u li tistimola d-domanda għas-servizzi tal-industriji kreattivi minn industriji u setturi oħra. Se jiġu ttestjati għodod ġodda biex isostnu aħjar l-innovazzjoni fl-industriji kreattivi u se jiġu msaħħa biex jikkontribwixxu għal pjattaforma ta' tagħlim dwar il-politiki li tkun komposta mill- partijiet interessati Ewropej, nazzjonali u reġjonali. |
(19) |
Jekk jinġabru flimkien il-programmi MEDIA, Kultura u MEDIA Mundus attwali għas-setturi kulturali u kreattivi fi programm komprensiv uniku (il-"Programm") dan ikun jappoġġja b'mod aktar effettiv lill-SMEs u lill-organizzazzjonijiet mikro, żgħar u ta' daqs medju fl-isforzi tagħhom biex jieħdu vantaġġ mill-opportunitajiet offruti mill- bidla diġitali u l-globalizzazzjoni u jkun jgħinhom jindirizzaw il-kwistjonijiet li fil-preżent qed iwasslu għall-frammentazzjoni tas-suq. Sabiex ikun effettiv, il-Programm għandu jikkunsidra n-natura tas-setturi differenti, il-gruppi differenti fil-mira tagħhom u l-ħtiġijiet partikolari tagħhom permezz ta' approċċi mfassla apposta fi ħdan żewġ sottoprogrammi indipendenti u taqsima transettorjali. B'mod partikolari, huwa importanti li jiġu żgurati s-sinerġiji fil-livell tal-implimentazzjoni bejn il-Programm u l-istrateġiji nazzjonali u reġjonali għall-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti. Għal dak il-għan, il-Programm għandu jistabbilixxi struttura koerenti ta' appoġġ għas-setturi kulturali u kreattivi differenti, li tkun tikkonsisti f'sistema ta' għotjiet ikkomplementata bi strument finanzjarju. |
(20) |
Il-Programm għandu jqis in-natura doppja tal-kultura u l-attivitajiet kulturali filwaqt li jirrikonoxxi minn naħa waħda, il-valur intrinsiku u artistiku tal-kultura u, min-naħa l-oħra, il-valur ekonomiku ta' dawk is-setturi, inkluż il-kontribut soċjetali usa' tagħhom għall-kreattività, l-innovazzjoni u l-inklużjoni soċjali. |
(21) |
Fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Programm, għandhom jiġu kkunsidrati l-valur intrinsiku tal-kultura u n-natura speċifika tas-setturi kulturali u kreattivi, inkluż l-importanza ta' organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ u l-proġetti taħt Sottoprogramm Kultura. |
(22) |
Strument finanzjarju awtonomu, il-Faċilità ta' Garanzija tas-Setturi Kulturali u Kreattivi (il-"Faċilità ta' Garanzija"), għandu jippermetti t-tkabbir tas-setturi kulturali u kreattivi ġenerali, u b'mod partikolari għandu jagħti spinta suffiċjenti għal azzjonijiet u opportunitajiet ġodda. Intermedjarji finanazjarji magħżula għandhom jaġixxu favur proġetti kulturali u kreattivi biex jiġi żgurat li l-portafoll tas-self ikun wieħed ibbilanċjat f'dawk li huma kopertura ġeografika u rappreżentanza tas-setturi. Barra minn hekk, l-organizzazzjonijiet pubbliċi u privati għandhom rwol importanti, f'dak il-kuntest, sabiex jintlaħaq approċċ wiesa' taħt il-Faċilità ta' Garanzija. |
(23) |
Għandu wkoll jingħata finanzjament għall-azzjoni tal-Kapitali Ewropej tal-Kultura u għall-amministrazzjoni tal-azzjoni taċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew, minħabba li dawn jikkontribwixxu għas-sensazzjoni ta' appartenenza għal żona kulturali komuni, għall-istimulazzjoni tad-djalogu interkulturali u l-fehim reċiproku u għat-tisħiħ tal-valur tal-wirt kulturali. |
(24) |
Flimkien mal-Istati Membri, u l-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej li huma eliġibbli biex jipparteċipaw fil-Programm, skont l-Artikolu 58 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/822/KE (12), il-Programm għandu jkun miftuħ ukoll, soġġett għal ċerti kundizzjonijiet, għall-parteċipazzjoni tal-pajjiżi tal-Assoċjazzjoni Ewropewa tal-Kummerċ Ħieles ("EFTA") li huma partijiet għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea ("ŻEE") u tal-Konfederazzjoni Svizzera. Il-pajjiżi aderenti, il-pajjiżi kandidati u l-kandidati potenzjali li jibbenefikaw minn strateġija ta' preadeżjoni kif ukoll pajjiżi koperti mill-Politika ta' Viċinat u Sħubija, għandhom ikunu jistgħu jipparteċipaw ukoll fil-Programm, ħlief fir-rigward tal-Faċilità ta' Garanzija. |
(25) |
Il-Programm għandu jkun miftuħ ukoll għal azzjonijiet ta' kooperazzjoni bilaterali jew multilaterali ma' pajjiżi terzi abbażi ta' approprjazzjonijiet supplimentari li għandhom jiġu definiti u arranġamenti speċifiċi li għandu jsir qbil dwarhom, mal-partijiet ikkonċernati. |
(26) |
Għandha titrawwem kooperazzjoni fl-oqsma kulturali u awdjoviżivi bejn il-Programm u l-organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-Unesco, il-Kunsill tal-Ewropa, l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (l-"OECD") u l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali ("WIPO"). |
(27) |
Huwa meħtieġ li jiġi żgurat il-valur miżjud Ewropew tal-azzjonijiet u l-attivitajiet kollha mwettqa fi ħdan il-Programm, il-kumplimentarjetà tagħhom għall-attivitajiet tal-Istati Membri u l-konformità tagħhom mal-Artikolu 167(4) tat-TFUE u l-konsistenza tagħhom ma' attivitajiet oħra tal-Unjoni, b'mod partikolari fil-qasam tal-edukazzjoni, l-impjiegi, is-suq inter, l-intraprenditorija, iż-żgħażagħ, is-saħħa, iċ-ċittadinanza u l-ġustizzja, ir-riċerka u l-innovazzjoni, il-politika industrijali u ta' koeżjoni, it-turiżmu u r-relazzjonijiet esterni, il-kummerċ u l-iżvilupp, u l-aġenda diġitali. |
(28) |
F'konformità mal-prinċipji għall-valutazzjoni marbuta mal-prestazzjoni, il-proċeduri għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-Programm għandhom jinkludu rapporti annwali dettaljati u għandhom jirreferu għal miri u indikaturi speċifiċi, miżurabbli, li jistgħu jintlaħqu, rilevanti u marbuta biż-żmien, inklużi dawk kwalitattivi. Il-proċeduri għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni għandhom iqisu x-xogħol tal-atturi rilevanti, bħalma huma l-Eurostat u s-sejbiet tal-proġett 'ESS-net Culture', u tal-Istitut għall-Istatistika tal-Unesco. F'dak il-kuntest, fir-rigward tas-settur awdjoviżiv, il-parteċipazzjoni tal-Unjoni fl-Osservatorju Awdjoviżiv Ewropew (l-"Osservatorju") għandha tkompli. |
(29) |
Sabiex jiġu żgurati l-aħjar monitoraġġ u valutazzjoni tal-Programm tul id-durata sħiħa tiegħu, is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti taħt l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandha tingħata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-adozzjoni ta' indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi addizzjonali. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta' tħejjija, anke fil-livell ta' esperti. Il-Kummissjoni, meta tħejji u tfassal atti delegati, għandha tiżgura t-trasmissjoni simultanja, f'waqtha u xierqa ta' dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. |
(30) |
Kif imsemmi fir-rapport tal-Kummissjoni tat-30 ta' Lulju 2010 dwar l-impatt tad-Deċiżjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jimmodifikaw il-bażijiet legali tal-Programmi Ewropej fl-oqsma tat-Tagħlim Tul il-Ħajja, il-Kultura, iż-Żgħażagħ u ċ-Ċittadinanza, it-tnaqqis sostanzjali tad-dewmien fil-proċeduri ta' ġestjoni żied l-effiċjenza tal-programmi. Għandha tingħata attenzjoni partikolari biex jiġi żgurat li l-proċeduri amministrattivi u finanzjarji jkomplu jiġu ssimplifikati, inkluż permezz tal-użu ta' sistemi sodi, oġġettivi u regolarment aġġornati biex jiġu determinati s-somom f'daqqa, l-spejjeż għal kull unità u l-finanzjament b'rata fissa. |
(31) |
Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, għandhom jiġu kkonferiti setgħat ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Dawk is-setgħat għandhom ikunu eżerċitati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13). |
(32) |
Skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003 (14), il-Kummissjoni ilha tafda lill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura bil-kompiti ta' implimentazzjoni għall-immaniġġar tal-azzjoni tal-Unjoni fl-oqsma tal-edukazzjoni, l-awdjoviżiv u l-kultura sa mill-2009. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tista' tuża, fuq il-bażi ta' analiżi tal-ispejjeż meta mqabbla mal-benefiċċji, aġenzija eżekuttiva eżistenti għall-implimentazzjoni tal-Programm, kif provdut f'dak ir-Regolament. |
(33) |
Dan ir-Regolament jistabbilixxi pakkett finanzjarju għat-tul sħiħ tal-Programm, li għandu jikkostitwixxi r-referenza primarja, skont it-tifsira tal-punt 17 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar kooperazzjoni f'materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (15), għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill matul il-proċedura baġitarja annwali. |
(34) |
L-interessi finanzjarji tal-Unjoni għandhom jitħarsu permezz ta' miżuri proporzjonati fiċ-ċiklu kollu tal-infiq, li jinkludu miżuri għall-prevenzjoni, is-sejbien u l-investigazzjoni ta' irregolaritajiet, l-irkupru tal-fondi li ntilfu, li tħallsu indebitament jew li ntużaw b'mod ħażin u, fejn ikun il-każ, permezz ta' pieni amministrattivi u finanzjarji f'konformità mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16) (ir-"Regolament Finanzjarju"). |
(35) |
Fir-rigward tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi ("OLAF") u skont ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 (17) u r-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18), għandhom jitfasslu u jiġu implimentati miżuri xierqa għall-prevenzjoni tal-frodi u għall-irkupru ta' fondi li ntilfu jew ġew trasferiti jew użati ħażin. |
(36) |
Peress li l-objettivi ta' dan ir-Regolament, jiġifieri s-salvagwardja, l-iżvilupp u l-promozzjoni tad-diversità kulturali u lingwistika Ewropea, u l-promozzjoni tal-wirt kulturali Ewropew u t-tisħiħ tal-kompetittività tas-setturi kulturali u kreattivi Ewropej, b'mod partikolari tas-settur awdjoviżiv, ma jistgħux jintlaħqu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri, minħabba l-karattru transnazzjonali u internazzjonali tal-Programm, iżda jkunu jistgħu, għar-raġunijiet tal-iskala u l-effetti mistennija tiegħu jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif spjegat f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex jinkisbu dawk l-għanijiet. |
(37) |
Id-Deċiżjonijiet Nru 1718/2006/KE, Nru 1855/2006/KE u Nru 1041/2009/KE għandhom għalhekk jitħassru, |
(38) |
Għandhom isiru provvedimenti għal miżuri li jikkontrollaw it-tranżizzjoni mill-programmi MEDIA, Kultura u MEDIA Mundus għall-Programm. |
(39) |
Sabiex tiġi żgurata l-kontinwità fl-appoġġ finanzjarju previst skont il-Programm, il-Kummissjoni għandha, tkun tista 'tikkunsidra l-ispejjeż marbuta direttament mal-implimentazzjoni tal-azzjonijiet u l-attivitajiet appoġġati bħala eliġibbli għall-finanzjament, anki jekk huma appoġġjati mill-benefiċjarju qabel jintbgħat l-applikazzjoni għall-għotja. |
(40) |
Sabiex tiġi żgurata l-kontinwità fl-appoġġ finanzjarju previst skont il-Programm, dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2014. Għal raġunijiet ta' urġenza, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ kemm jista' jkun malajr wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. |
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU I
Dispożizzjonijiet ġenerali
Artikolu 1
Stabbiliment u tul ta' żmien
1. Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-Programm Ewropa Kreattiva għall-appoġġ lis-setturi kulturali u kreattivi Ewropej (il-"Programm").
2. Il-Programm għandu jiġi implimentat għall-perijodu mill-1 ta' Jannar 2014 sal-31 ta' Diċembru 2020.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-fini ta' dan ir-Regolament, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:
(1) |
'setturi kulturali u kreattivi' tfisser is-setturi kollha li l-attivitajiet tagħhom huma bbażati fuq valuri kulturali u/jew espressjonijiet artistiċi u espressjonijiet kreattivi oħra, kemm jekk dawn l-attivitajiet huma orjentati lejn is-suq u kemm jekk mhumiex, hu xinhu t-tip ta' struttura li twettaqhom u irrispettivament minn kif dik l-istruttura tiġi ffinanzjata. Dawk l-attivitajiet jinkludu l-iżvilupp, il-ħolqien, il-produzzjoni, id-disseminazzjoni u l-preservazzjoni ta' prodotti u servizzi li jinkorporaw espressjonijiet kulturali, artistiċi jew espressjonijiet kreattivi oħra, kif ukoll il-funzjonijiet relatati bħall-edukazzjoni jew il-ġestjoni. Is-setturi kulturali u kreattivi jinkludu inter alia l-arkitettura, l-arkivji, il-libreriji u l-mużewijiet, is-snajja' artistiċi, l-awdjoviżiv (inkluż il-film, it-televiżjoni, il-logħob tal-vidjo u l-multimedja), il-wirt kulturali tanġibbli u intanġibbli, id-disinn, il-festivals, il-mużika, il-letteratura, l-arti tal-ispettaklu, il-pubblikazzjoni, ir-radju u l-arti viżiva; |
(2) |
'SMEs' tfisser intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju, kif definiti fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE (19); |
(3) |
'intermedjarji finanzjarji parteċipanti' tfisser intermedjarji finanzjarji fit-tifsira tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 139(4) tar-Regolament Finanzjarju, magħżula taħt il-Faċilità ta' Garanzija skont ir-Regolament Finanzjarju u skont l-Anness I ta' dan ir-Regolament, li jipprovdu jew jippjanaw li jipprovdu:
|
(4) |
'fornituri involuti fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet' tfisser entitajiet b'kapaċità li jipprovdu ħila esperta f'konformità mal-Anness I sabiex l-intermedjarji finanzjarji parteċipanti jkunu jistgħu jivvalutaw b'mod effettiv l-ispeċifiċitajiet u r-riskji assoċjati mal-SMEs u l-organizzazzjonijiet mikro, żgħar u ta' daqs medju fis-setturi kulturali u kreattivi u mal-proġetti tagħhom. |
Artikolu 3
Objettivi ġenerali
L-objettivi ġenerali tal-Programm għandhom ikunu:
(a) |
li jsalvagwardja, jiżviluppa u jippromwovi d-diversità kulturali u lingwistika Ewropea u li jippromwovi l-wirt kultruali tal-Ewropa; |
(b) |
li jsaħħaħ il-kompetittività tas-setturi kulturali u kreattivi Ewropej, b'mod partikolari tas-settur awdjoviżiv, bil-ħsieb li jiġi promoss it-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv. |
Artikolu 4
Objettivi speċifiċi
L-objettivi speċifiċi tal-Programm għandhom ikunu:
(a) |
li jappoġġa l-kapaċità tas-setturi kulturali u kreattivi Ewropej sabiex joperaw b'mod transnazzjonali u b'mod internazzjonali; |
(b) |
li jippromwovi ċ-ċirkolazzjoni transnazzjonali ta' xogħlijiet kulturali u kreattivi u l-mobbiltà transnazzjonali tal-atturi kulturali u kreattivi,b'mod partikolari l-artisti, kif ukoll li jilħaq udjenzi ġodda u akbar u li jtejjeb l-aċċess għax-xogħlijiet kulturali u kreattivi fl-Unjoni u lil hinn minnha b'konċentrazzjoni partikolari fuq it-tfal, iż-żgħażagħ, il-persuni b'diżabilità u l-gruppi sottorappreżentati; |
(c) |
li jsaħħaħ il-kapaċità finanzjarja tal-SMEs u l-organizzazzjonijiet mikro, żgħar u ta' daqs medju fis-setturi kulturali u kreattivi b'mod sostenibbli, filwaqt li jsiru sforzi biex tiġi żgurata kopertura ġeografika u rappreżentanza settorjali bbilanċjati; |
(d) |
li jrawwem l-iżvilupp tal-politika, l-innovazzjoni, il-kreattività, l-iżvilupp tal-udjenzi u mudelli ġodda ta' negozju u ta' ġestjoni permezz tal-appoġġ għall-kooperazzjoni transnazzjonali fil-politika. |
Artikolu 5
Valur miżjud Ewropew
1. Filwaqt li jirrikonoxxi l-valur intrinsiku u ekonomiku tal-kultura, il-Programm għandu jappoġġa l-azzjonijiet u attivitajiet b'valur miżjud Ewropew fis-setturi kulturali u kreattivi. Huwa għandhu jikkontribwixxi għall-ilħuq tal-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020 u l-inizjattivi ewlenin tagħha.
2. Il-valur miżjud Ewropew għandu jiġi żgurat permezz ta' waħda jew aktar minn dawn li ġejjin:
(a) |
il-karattru transnazzjonali tal-azzjonijiet u tal-attivitajiet li jikkumplementaw il-programmi u l-politiki reġjonali, nazzjonali, internazzjonali u oħrajn tal-Unjoni, u l-impatt ta' tali azzjonijiet u attivitajiet fuq is-setturi kulturali u kreattivi kif ukoll fuq iċ-ċittadini u fuq l-għarfien tagħhom dwar kulturi oħra li mhumiex tagħhom; |
(b) |
l-iżvilupp u l-promozzjoni tal-kooperazzjoni transnazzjonali bejn l-atturi kulturali u kreattivi inklużi l-artisit, il-professjonisti awdjoviżivi, l-organizzazzjonijiet kulturali u kreattivi u l-operaturi awdjoviżivi, iffukati fuq l-istimular ta' risponsi aktar komprensivi, rapidi, effettiv u fit-tul għall-isfidi globali; |
(c) |
l-ekonomiji ta' skala u l-massa kritika li l-appoġġ tal-Unjoni jrawwem, filwaqt li joħloq effett ta' ingranaġġ għal fondi addizzjonali; |
(d) |
l-iżgurar ta' kundizzjonijiet indaqs fis-setturi kulturali u kreattivi Ewropej billi jkunu kkunsidrati l-pajjiżi b'kapaċità ta' produzzjoni baxxa u/jew pajjiżi jew reġjuni b'żona ġeografika u/jew lingwistika ristretta. |
Artikolu 6
Struttura tal-Programm
Il-Programm għandu jikkonsisti f':
(a) |
Sottoprogramm MEDIA; |
(b) |
Sottoprogramm Kultura; |
(c) |
Taqsima Transettorjali; |
Artikolu 7
Logos tas-Sottoprogrammi
1. Il-Kummissjoni għandha tiżgura l-viżibbiltà tal-Programm permezz tal-użu ta' logos, li għandhom ikunu speċifiċi għal kull wieħed mis-Sottoprogrammi.
2. Il-benefiċjarji tas-Sottoprogramm MEDIA għandhom jużaw il-logo indikat fl-Anness II. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi dettalji għall-użu ta' dak il-logo u għandha tikkomunikahom lill-benefiċjarji.
3. Il-benefiċjarji tas-Sottoprogramm Kultura għandhom jużaw, li għandu jiġi stabbilit mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi dettalji għall-użu ta' dak il-logo u għandha tikkomunikahom lill-benefiċjarji.
4. Il-Kummissjoni u l-Uffiċċji tal-Ewropa Kreattiva msemmija fl-Artikolu 16 għandhom ukoll ikunu intitolati li jużaw il-logos tas-Sottoprogrammi.
Artikolu 8
Aċċess għall-Programm
1. Il-Programm għandu jrawwem id-diversità kulturali fil-livell internazzjonali skont il-Konvenzjoni tal-Unesco tal-2005.
2. Il-Programm għandu jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni tal-Istati Membri.
3. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 4, il-Programm għandu jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni tal-pajjiżi li ġejjin sakemm iħallsu approprjazzjoniiet addizzjonali u li, għas-Sottoprogramm MEDIA, huma jissodisfaw il-kondizzjonijiet spjegati fid-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20):
(a) |
il-pajjiżi aderenti, il-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi kandidati potenzjali li jibbenefikaw minn strateġija ta' qabel l-adeżjoni, skont il-prinċipji ġenerali u t-termini u l-kondizzjonijiet ġenerali għall-parteċipazzjoni ta' dawn il-pajjiżi fil-programmi tal-Unjoni stabbiliti fil-ftehimiet qafas rispettivi, fid-deċiżjonijiet tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jew ftehimiet simili; |
(b) |
il-pajjiżi tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles li huma partijiet għal-Ftehim taż-ŻEE, skont dak il-Ftehim; |
(c) |
il-Konfederazzjoni Svizzera, abbażi ta' ftehim bilaterali ma' dak il-pajjiż; |
(d) |
il-pajjiżi koperti mill-Politika ta' Viċinat u Sħubija, skont il-proċeduri stabbiliti f'dawk il-pajjiżi li jsegwu l-ftehimiet ta' qafas li jipprovdu għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-programmi tal-Unjoni. |
4. Il-pajjiżi msemmija fil-punti (a) u (d) tal-paragrafu 3 għandhom jiġu preklużi milli jipparteċipaw fil-Faċilità ta' Garanzija.
5. Il-Programm għandu jkun miftuħ għal azzjonijiet ta' kooperazzjoni bilaterali jew multilaterali mmirati lejn pajjiżi jew reġjuni magħżula abbażi ta' approprjazzjonijiet addizzjonali mħallsa minn, u arranġamenti speċifiċi li għandhom jiġu miftiehma ma', dawk il-pajjiżi jew reġjuni.
6. Il-Programm għandu jippermetti kooperazzjoni u azzjonijiet konġunti ma' pajjiżi li mhumiex qed jipparteċipaw fil-Programm u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali li huma attivi fis-setturi kulturali u kreattivi bħall-Unesco, il-Kunsill tal-Ewropa, l-OECD jew il-WIPO abbażi tal-kontribuzzjonijiet konġunti għar-realizzazzjoni tal-objettivi tal-Programm.
KAPITOLU II
Sottoprogramm MEDIA
Artikolu 9
Prijoritajiet tas-Sottoprogramm MEDIA
1. Il-prijoritajiet fil-qasam tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tas-settur awdjoviżiv Ewropew li jopera b'mod transnazzjonali għandhom ikunu dawn li ġejjin:
(a) |
l-iffaċilitar tal-akkwiżizzjoni u t-titjib ta' ħiliet u kompetenzi ta' professjonisti awdjoviżivi u l-iżvilupp ta' netwerks inklużi l-użu ta' teknoloġiji diġitali biex jiġi żgurat l-adattament għall-iżvilupp tas-suq, l-ittestjar ta' approċċi ġodda għall-iżvilupp tal-udjenzi u l-ittestjar ta' mudelli ġodda ta' negozju; |
(b) |
iż-żieda fil-kapaċità tal-operaturi awdjoviżivi Ewropej li jiżviluppaw xogħlijiet awdjoviżivi b'potenzjal li jiċċirkolaw fl-Unjoni u lil hinn minnha u biex jiffaċilitaw il-koproduzzjoni Ewropea u internazzjonali, inkluż ma' xandara tat-televiżjoni; |
(c) |
l-inkoraġġiment ta' skambji bejn in-negozji permezz tal-iffaċilitar tal-aċċess għas-swieq u l-għodod tan-negozju biex jippermettu lill-operaturi awdjoviżivi biex iżidu l-viżibilità tal-proġetti tagħhom fis-swieq tal-Unjoni u dawk internazzjonali. |
2. Il-prijoritajiet fil-qasam tal-promozzjoni taċ-ċirkolazzjoni transnazzjonali għandhom ikunu dawn li ġejjin:
(a) |
l-appoġġ għad-distribuzzjoni teatrali permezz tal-kummerċjalizzazzjoni, l-immarkar korporattiv, id-distribuzzjoni u l-wiri transnazzjonali ta' xogħlijiet awdjoviżivi; |
(b) |
il-promozzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni, l-immarkar korporattiv u d-distribuzzjoni transnazzjonali ta' xogħlijiet awdjoviżivi fuq il-pjattaformi nonteatrali l-oħra kollha; |
(c) |
l-appoġġ għall-iżvilupp tal-udjenzi bħala mezz biex jiġi stimulat l-interess fix-xogħlijiet awdjoviżivi Ewropej u jittejjeb l-aċċess għalihom b'mod partikolari permezz ta' promozzjoni, avvenimenti, litteriżmu tal-films u festivals; |
(d) |
il-promozzjoni ta' modalitajiet ġodda ta' distribuzzjoni biex ikunu jistgħu jitfaċċaw mudelli ġodda ta' negozju. |
Artikolu 10
Miżuri ta' appoġġ tas-sottoprogramm MEDIA
Sabiex jiġu implimentati l-prijoritajiet spjegati fl-Artikolu 9, is-Sottoprogramm MEDIA għandu jagħti appoġġ għal:
(a) |
l-iżvilupp ta' firxa komprensiva ta' miżuri ta' taħriġ li jippromwovu l-akkwiżizzjoni u t-titjib ta' ħiliet u kompetenzital-professjonisti awdjoviżivi, kondiviżjoni ta' għarfien u inizjattivi ta' netwerking, inkluża l-integrazzjoni tat-teknoloġiji diġitali; |
(b) |
l-iżvilupp ta' xogħlijiet awdjoviżivi Ewropej b'mod partikolari films u xogħlijiet tat-televiżjoni bħalma huma l-finzjoni, dokumentarji, films tat-tfal u films animati, kif ukoll xogħlijiet interattivi bħalma huma l-logħob tal-vidjo u l-multimidja b'potenzjal imtejjeb għaċ-ċirkolazzjoni transkonfinali; |
(c) |
attivitajiet li għandhom il-għan li jappoġġjaw lill-kumpaniji tal-produzzjoni awdjoviżiva Ewropej, b'mod partikolari l-kumpaniji tal-produzzjoni indipendenti, bil-ħsieb li jiffaċilitaw il-koproduzzjonijiet Ewropej u internazzjonali ta' xogħlijiet awdjoviżivi, inklużi xogħlijiet televiżivi; |
(d) |
l-attivitajiet li jgħinu lis-sħab tal-koproduzzjonijiet Ewropej u internazzjonali jiġu flimkien u/jew li jipprovdu appoġġ indirett għax-xogħlijiet awdjoviżivi koprodotti minn fondi għall-koproduzzjonijiet internazzjonali liema fondi jkunu bbażati f'pajjiż li jkun qed jipparteċipa fil-Programm; |
(e) |
l-iffaċilitar tal-aċċess għal avvenimenti u swieq tal-kummerċ awdjoviżivi professjonali u l-użu ta' għodda tan-negozju onlajn ġewwa u barra mill-Unjoni; |
(f) |
l-istabbiliment ta' sistemi ta' appoġġ għad-distribuzzjoni ta' films Ewropej mhux nazzjonali permezz tad-distribuzzjoni teatrali u fuq pjattaformi oħra kif ukoll għall-attivitajiet internazzjonali ta' bejgħ, b'mod partikolari s-sottotitolar, id-dubbing u l-awdjodeskrizzjoni ta' xogħlijiet awdjoviżivi; |
(g) |
l-iffaċilitar taċ-ċirkolazzjoni ta' films Ewropej mad-dinja kollha u ta' films internazzjonali fl-Unjoni fuq il-pjattaformi kollha tad-distribuzzjoni, permezz ta' proġetti ta' kooperazzjoni internazzjonali fis-settur awdjoviżiv; |
(h) |
netwerk tal-operaturi taċ-ċinema Ewropej li juru proporzjon sinifikanti ta' films Ewropej mhux nazzjonali; |
(i) |
inizjattivi li jippreżentaw u jippromwovu diversità ta' xogħlijiet awdjoviżivi Ewropej, inklużi films qosra, bħalma huma l-festivals u avvenimenti promozzjonali oħra; |
(j) |
attivitajiet immirati biex jippromwovu l-litteriżmu tal-films u biex iżidu l-għarfien tal-udjenzi bix-xogħlijiet awdjoviżivi Ewropej u l-interess tal-istess udjenzi f'dawn ix-xogħlijiet, inkluż il-wirt awdjoviżiv u ċinematografiku, b'mod partikolari fost l-udjenzi żgħażagħ; |
(k) |
azzjonijiet innovattivi li jittestjaw mudelli u għodod ta' negozju ġodda fl-oqsma li x'aktarx jiġu influwenzati mill-introduzzjoni u l-użu tat-teknoloġiji diġitali. |
Artikolu 11
Osservatorju Awdjoviżiv Ewropew
1. L-Unjoni għandha tkun membru tal-Osservatorju tul il-Programm.
2. Il-parteċipazzjoni tal-Unjoni fl-Osservatorju għandha tikkontribwixxi għall-ilħuq tal-prijoritajiet tas-Sottoprogramm MEDIA billi:
(a) |
tħeġġeġ it-trasparenza u l-istabbiliment ta' kundizzjonijiet indaqs fir-rigward tal-aċċessibbiltà għall-informazzjoni legali u finanzjarja/tas-swieq u tikkontribwixxi għall-paragunabbiltà tal-informazzjoni legali u statistika; |
(b) |
tipprovdi analiżi tad-dejta u tas-swieq li tkun utli għall-elaborazzjoni tal-linji ta' azzjoni tas-Sottoprogramm MEDIA u għall-valutazzjoni tal-impatt tagħhom fuq is-suq. |
3. Il-Kummissjoni għandha tirrappreżenta lill-Unjoni fit-trattamenti tagħha mal-Osservatorju.
KAPITOLU III
Sottoprogramm Kultura
Artikolu 12
Prijoritajiet tas-sottoprogramm Kultura
1. Il-prijoritajiet fil-qasam tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tas-setturi kulturali u kreattivi biex joperaw b'mod transnazzjonali għandhom ikunu dawn li ġejjin:
(a) |
l-appoġġ ta' azzjonijiet li jipprovdu lill- atturi kulturali u kreattivi bil-ħiliet, kompetenzi u know-how li jikkontribwixxu għat-tisħiħ tas-setturi kulturali u kreattivi, inklużi l-inkoraġġiment tal-adattament għat-teknoloġiji diġitali, l-ittestjar ta' approċċi innovattivi għall-iżvilupp tal-udjenzi u l-ittestjar ta' mudelli ġodda ta' negozju u ġestjoni; |
(b) |
l-appoġġ ta' azzjonijiet li jippermettu lill-atturi kulturali u kreattivi jikkooperaw fuq livell internazzjonali u jinternazzjonalizzaw il-karrieri u l-attivitajiet tagħhom fl-Unjoni u lil hinn minnha, fejn possibbli abbażi ta' strateġiji fit-tul; |
(c) |
il-għoti ta' appoġġ għat-tisħiħ tal-organizzazzjonijiet kulturali u kreattivi Ewropej u n-netwerking internazzjonali sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għal opportunitajiet professjonali. |
2. Il-prijoritajiet fil-qasam tal-promozzjoni taċ-ċirkolazzjoni u l-mobbiltà transnazzjonali għandhom ikunu dawn li ġejjin:
(a) |
l-appoġġ għal turs, avvenimenti, wirjiet u festivals internazzjonali; |
(b) |
l- appoġġ għaċ-ċirkolazzjoni tal-letteratura Ewropea bil-ħsieb li tiġi żgurata l-aċċessabbiltà l-aktar wiesgħa possibbli tagħha; |
(c) |
l-appoġġ għall-iżvilupp tal-udjenzi bħala mezz biex jiġi stimulat l-interess fix-xogħlijiet kulturali u kreattivi u l-wirt kulturali tanġibbli u intanġibbli Ewropej u jittejjeb l-aċċess għalihom. |
Artikolu 13
Miżuri ta' appoġġ tas-Sottoprogramm Kultura
1. Sabiex jiġu implimentati l-prijoritajiet spjegati fl-Artikolu 12, is-Sottoprogramm Kultura għandu jagħti appoġġ għal:
(a) |
proġetti ta' kooperazzjoni transnazzjonali li jġibu flimkien organizzazzjonijiet kulturali u kreattivi minn pajjiżi differenti biex iwettqu attivitajiet settorjali jew transettorjali; |
(b) |
attivitajiet minn netwerks Ewropej ta' organizzazzjonijiet kulturali u kreattivi minn pajjiżi differenti; |
(c) |
attivitajiet minn organizzazzjonijiet b'vokazzjoni Ewropea li jrawmu l-iżvilupp ta' talent emerġenti u jistimulaw il-mobilità transnazzjonali tal-atturi kulturali u kreattivi u ċ-ċirkolazzjoni ta' xogħlijiet, bil-potenzjal li jeżerċitaw influwenza wiesa' fuq is-setturi kulturali u kreattivi, u li jipprovdu għal effetti dejjiema; |
(d) |
it-traduzzjoni letterarja u l-promozzjoni ulterjuri tagħha; |
(e) |
azzjonijiet speċjali mfassla biex jirrendu r-rikkezza u d-diversità tal-kulturi Ewropej iżjed viżibbli, u li jistimulaw djalogu interkulturali u fehim reċiproku, inklużi premjijiet kulturali tal-Unjoni, l-azzjoni dwar il-Kapitali Ewropej tal-Kultura u l-azzjoni dwar iċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew. |
2. Il-miżuri stipulati fil-paragrafu 1 għandhom jappoġġjaw, b'mod partikolari, proġetti li ma jkollhomx skop ta' qligħ.
KAPITOLU IV
It-Taqsima Transettorjali
Artikolu 14
Faċilità ta' Garanzija tas-Setturi Kulturali u Kreattivi
1. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi Faċilità ta' Garanzija immirata għas-setturi kulturali u kreattivi.
Il-Faċilità ta' Garanzija għandha topera bħala strument awtonomu u għandha tiġi stabbilita u ġestita skont it-Titolu VIII tar-Regolament Finanzjarju.
2. Il-Faċilità ta' Garanzija għandu jkollha l-prijoritajiet li ġejjin:
(a) |
li tiffaċilita l-aċċess għall-finanzjament għall-SMEs u l-organizzazzjonijiet mikro, żgħar u ta' daqs medju fis-setturi kulturali u kreattivi; |
(b) |
li ttejjeb il-kapaċità tal-intermedjarji finanzjarji parteċipanti biex jiġu vvalutati r-riskji assoċjati mal-SMEs u l-organizzazzjonijiet mikro, żgħar u ta' daqs medju fis-setturi kulturali u kreattivi u mal-proġetti tagħhom, inkluż permezz ta' għajnuna teknika, bini tal-għarfien u miżuri ta' netwerking. |
Il-prijoritajiet għandhom jiġu implimentati skont l-Anness I.
3. Skont l-Artikolu139(4) tar-Regolament Finanzjarju, il-Kummissjoni għandha timplimenta l-Faċilità ta' Garanzija permezz ta' mod ta' ġestjoni indiretta billi tafda kompiti lill-FEI kif imsemmi fil-punt (iii) tal-Artikolu 58(1)(c) ta' dak ir-Regolament, soġġett għat-termini ta' ftehim bejn il-Kummissjoni u l-FEI.
Artikolu 15
Kooperazzjoni tal-politika transnazzjonali
1. Sabiex tippromwovi l-kooperazzjoni tal-politika transnazzjonali, it-Taqsima Transettorjali għandha tappoġġja:
(a) |
l-iskambju transnazzjonali ta' esperjenzi u know-how fir-rigward tal-mudelli ġodda ta' negozju u ġestjoni, attivitajiet ta' tagħlim bejn il-pari u netwerking fost organizzazzjonijiet kulturali u kreattivi u persuni li jfasslu l-politika relatata mal-iżvilupp tas-setturi kulturali u kreattivi, filwaqt li jippromwovu n-netwerking diġitali fejn adatt; |
(b) |
il-ġbir ta' dejta tas-suq, l-istudji, l-analiżi tal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u tal-ħiliet, l-analiżi tal-politiki kulturali Ewropej u nazzjonali u l-appoġġ għall-istħarriġ statistiku abbażi ta' strumenti u kriterji speċifiċi għal kull settur u valutazzjonijiet inkluż il-kejl tal-aspetti kollha tal-impatt tal-Programm; |
(c) |
ħlas tat-tariffa ta' kontribuzzjoni għas-sħubija tal-Unjoni fl-Osservatorju biex jitrawmu l-ġbir u l-analiżi tad-dejta fis-settur awdjoviżiv; |
(d) |
l-ittestjar ta' approċċi ta' negozju ġodda u transettorjali għall-finanzjament, id-distribuzzjoni u l-immonetizzar tal-kreazzjoni; |
(e) |
konferenzi, seminars u djalogu dwar politiki inkluż fil-qasam tal-litteriżmu kulturali u medjatiku li jippromwovu n-netwerking diġitali fejn adatt; |
(f) |
l-Uffiċċji tal-Ewropa Kreattiva msemmija fl-Artikolu 16 u t-twettiq tal-kompiti tagħhom. |
2. Sat-30 ta' Ġunju 2014, il-Kummissjoni għandha twettaq studju tal-fattibbiltà li jesplora l-possibbiltà tal-ġbir u l-analiżi tad-dejta fis-setturi kulturali u kreattivi għajr is-settur awdjoviżiv, u għandha tippreżenta r-riżultati ta' dak l-istudju lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
Skont ir-riżultati tal-istudju tal-fattibbiltà, il-Kummissjoni tista' tressaq proposta biex jiġi emendat dan ir-Regolament kif adatt.
Artikolu 16
Uffiċċji tal-Ewropa Kreattiva
1. Il-pajjiżi li jipparteċipaw fil-Programm, filwaqt li jaġixxu flimkien mal-Kummissjoni, għandhom jistabbilixxu l-Uffiċċji tal-Ewropa Kreattiva skont il-liġi u l-prattika nazzjonali tagħhom (l-"Uffiċċji tal-Ewropa Kreattiva").
2. Il-Kummissjoni għandha tappoġġja netwerk tal-Uffiċċji tal-Ewropa Kreattiva.
3. L-Uffiċċji tal-Ewropa Kreattiva għandhom iwettqu l-kompiti li ġejjin, filwaqt li jqisu l-karatteristiċi speċifiċi ta' kull settur:
(a) |
jipprovdu informazzjoni dwar il-Programm u jippromwovu l-Programm fil-pajjiż tagħhom; |
(b) |
jassistu lis-setturi kulturali u kreattivi fir-rigward il-Programm u jipprovdu tagħrif bażiku dwar opportunitajiet oħra rilevanti ta' appoġġ disponibbli skont il-politika tal-Unjoni; |
(c) |
jistimulaw il-kooperazzjoni transkonfinali fi ħdan is-setturi kulturali u kreattivi; |
(d) |
jappoġġaw lill-Kummissjoni billi jipprovdu assistenza rigward is-setturi kulturali u kreattivi fil-pajjiżi li jipparteċipaw fil-Programm, pereżempju permezz tal-forniment ta' dejta disponibbli dwar dawn is-setturi; |
(e) |
jappoġġaw lill-Kummissjoni fl-iżgurar ta' komunikazzjoni u disseminazzjoni xierqa tar-riżultati u l-impatti tal-Programm. |
(f) |
jiżguraw il-komunikazzjoni u d-disseminazzjoni tal-informazzjoni dwar il-finanzjament tal-Unjoni mogħti u r-riżultati miksuba għal pajjiżhom. |
4. Il-Kummissjoni, filwaqt li taġixxi flimkien mal-Istati Membri, għandha tiżgura l-kwalità u r-riżultati tas-servizz provdut mill-Uffiċċji tal-Ewropa Kreattiva permezz ta' monitoraġġ u valutazzjoni regolari u indipendenti.
KAPITOLU V
Riżultati tal-prestazzjoni u disseminazzjoni
Artikolu 17
Konsistenza u kumplementarjetà
1. Il-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, għandha tiżgura l-konsistenza globali u l-komplementarjetà tal-Programm ma' dan li ġej:
(a) |
il-politiki rilevanti tal-Unjoni, bħalma huma dawk fil-qasam tal-edukazzjoni, tal-impjiegi, tas-saħħa, tas-suq intern, tal-aġenda diġitali, taż-żgħażagħ, taċ-ċittadinanza, tar-relazzjonijiet esterni, tal-kummerċ, tar-riċerka u l-innovazzjoni, tal-intrapriża, tat-turiżmu, tal-ġustizzja, tat-tkabbir u tal-iżvilupp; |
(b) |
sorsi oħra rilevanti ta' finanzjament tal-Unjoni fil-qasam tal-politiki tal-kultura u l-midja, b'mod partikolari l-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-programmi ta' riċerka u innovazzjoni, kif ukoll l-istrumenti finanzjarji marbuta mal-ġustizzja u ċ-ċittadinanza, il-programmi ta' kooperazzjoni esterna u l-istrumenti ta' qabel l-adeżjoni. |
2. Dan ir-Regolament għandu japplika u jiġi implimentat mingħajr ħsara għall-impenji internazzjonali tal-Unjoni.
Artikolu 18
Monitoraġġ u valutazzjoni
1. Il-Kummissjoni għandha tiżgura monitoraġġ u valutazzjoni esterna regolari tal-Programm skont l-indikaturi kwalitattivi u kwantitattivi tal-prestazzjoni spjegati hawn taħt:
(a) |
indikaturi għall-objettivi ġenerali msemmija fl-Artikolu 3:
|
(b) |
indikaturi għall-objettiv speċifiku msemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 5:
|
(c) |
indikaturi għall-objettiv speċifiku msemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 5 fir-rigward is-Sottoprogramm MEDIA:
|
(d) |
indikaturi għall-objettiv speċifiku msemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 5 fir-rigward is-Sottoprogramm Kultura:
|
(e) |
indikaturi għall-objettiv speċifiku msemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 5:
|
(f) |
indikaturi għall-objettiv speċifiku msemmi fil-punt (d) tal-Artikolu 5:
|
2. Ir-riżultati tal-proċess ta' monitoraġġ u valutazzjoni għandhom jitqiesu fl-implimentazzjoni tal-Programm.
3. Minbarra l-monitoraġġ regolari tal-Programm il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi rapport ta' evalwazzjoni ta' nofs il-perijodu, ibbażat fuq valutazzjoni esterna u indipendenti, li:
(a) |
jinkludi elementi kwalitattivi u kwantitattivi, sabiex tivvaluta l-effikaċja tal-Programm fil-kisba tal-objettivi tiegħu, l-effiċjenza tal-Programm u l-valur miżjud Ewropew tiegħu; |
(b) |
jindirizza kemm hemm lok għas-simplifikazzjoni tal-Programm, il-koerenza interna u esterna tal-Programm, l-issoktar tar-rilevanza tal-objettivi kollha tiegħu u l-kontribuzzjoni tal-miżuri għall-prijoritajiet tal-Unjoni ta' tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv; |
(c) |
jieħu kont tar-riżultati ta' evalwazzjoni rigward l-impatt fit-tul tad-Deċiżjonijiet Nru1718/2006/KE, Nru 1855/2006/KE u Nru 1041/2009/KE. |
4. Il-Kummissjoni għandha tressaq rapport ta' valutazzjoni ta' nofs it-term imsemmi fil-paragrafu 3 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sal-31 ta' Diċembru 2017.
5. Abbażi ta' valutazzjoni esterna u indipendenti finali, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi rapport ta' evalwazzjoni finali li jivvaluta l-impatti aktar fit-tul u s-sostenibbiltà tal-Programm abbażi tal-indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi magħżula. Fir-rigward tal-objettiv speċifiku msemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 5, il-Kummissjoni għandha tivvaluta wkoll l-effetti tal-Faċilità ta' Garanzija fuq l-aċċess għas-self bankarju u l-ispejjeż assoċjati għall-SMEs u l-organizzazzjonijiet mikro, żgħar u ta' daqs medju fis-setturi kulturali u kreattivi.
6. Il-Kummissjoni għandha tressaq ir-rapport ta' valutazzjoni finali, imsemmi fil-paragrafu 3b lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sat-30 ta' Ġunju 2022.
Artikolu 19
Komunikazzjoni u disseminazzjoni
1. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-pajjiżi li jipparteċipaw fil-Programm informazzjoni rigward il-proġetti li jkunu rċevew finanzjament mill-Unjoni, billi tittrasmetti d-deċiżjonijiet dwar l-għażliet fi żmien ġimagħtejn mill-adozzjoni tagħhom.
2. Il-benefiċjarji tal-proġetti appoġġati mill-Programm għandhom jiżguraw il-komunikazzjoni u d-disseminazzjoni tal-informazzjoni dwar il-finanzjament tal-Unjoni li jkunu rċevew u r-riżultati miksuba.
3. Il-Kummissjoni għandha tiżgura d-disseminazzjoni l-informazzjoni rilevanti lill-Uffiċċji tal-Ewropa Kreattiva.
KAPITOLU VI
Atti delegati
Artikolu 20
Delega ta' setgħat lill-Kummissjoni
Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 21 bil-għan li tissupplementa l-indikaturi tal-prestazzjoni kwalitattiva u kwantitattiva stabbiliti fl-Artikolu 18(1).
Artikolu 21
Eżerċizzju tad-delega
1. Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.
2. Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikolu 20 hija mogħtija lill-Kummissjoni għat-tul tal-Programm.
3. Id-delega ta' setgħat msemmija fl-Artikolu 20 tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta' setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.
4. Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
5. Att delegat adottat skont l-Artikolu 20 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perijodu ta' [xahrejn] min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.
KAPITOLU VII
Dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni
Artikolu 22
Implimentazzjoni tal-Programm
1. Il-Kummissjoni għandha timplimenta l-Programm skont ir-Regolament Finanzjarju.
2. Il-Kummissjoni għandha tadotta permezz ta' atti ta' implimentazzjoni programm ta' ħidma annwali rigward is-Sottoprogrammi u t-Taqsima Transettorjali. Il-Kummissjoni għandha tiżgura fil-programmi ta' ħidma annwali li l-objettivi ġenerali u speċifiċi spjegati fl-Artikoli 3 u 4 kif ukoll il-prijoritajiet spjegati fl-Artikoli 9 u 12 jiġu implimentati annwalment b'mod konsistenti u għandha tagħti deskrizzjoni ħafifa tar- riżultati mistennija, il-metodu ta' implimentazzjoni u l-ammont totali tal-pjan ta' finanzjament. Il-programm ta' ħidma annwali għandu jkun fih ukoll deskrizzjoni tal-miżuri li għandhom jiġu ffinanzjati, indikazzjoni tal-ammont allokat għal kull miżura u skeda indikattiva tal-implimentazzjoni.
Għall-għotjiet, il-programm ta' ħidma annwali għandu jinkludi l-prijoritajiet, il-kriterji tal-eliġibbiltà, l-għażla u l-għoti, u r-rata massima ta' kofinanzjament. Il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Programm għandha tkun ta' massimu ta' 80 % tal-ispejjeż tal-operazzjonijiet appoġġjati.
Għall-Faċilità ta' Garanzija, il-programm ta' ħidma annwali għandu jinkludi l-kriterji ta' eliġibbiltà u għażla għall-intermedjarji finanzjarji, il-kriterji ta' esklużjoni fir-rigward tal-kontenut tal-proġetti mressqa lill-intermedjarji finanzjarji parteċipanti, l-allokazzjoni annwali għall-FEI u l-kriterji tal-eliġibbiltà, l-għażla u l-għoti għall-fornituri involuti fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet.
Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 23(4).
3. Il-Kummissjoni għandha tadotta l-linji gwida ġenerali għall-implimentazzjoni tal-Programm skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 23(3).
Artikolu 23
Proċedura ta' kumitat
1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat (il-"Kumitat tal- Ewropa Kreattiva"). Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
2. Il-Kumitat tal- Ewropa Kreattiva jista' jiltaqa' f'konfigurazzjonijiet speċifiċi biex jitratta kwistjonijiet konkreti relatati mas-Sottoprogrammi u t-Taqsima Transettorjali.
3. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
4. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
Artikolu 24
Dispożizzjonijiet finanzjarji
1. Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-Programm għall-perijodu mill-1 ta' Jannar 2014 sal-31 ta' Diċembru 2020 huwa ffissat fl-ammont ta' EUR 1 462 724 000 fil-prezzijiet attwali.
L-approprjazzjonijiet annwali għandhom jiġu awtorizzati mill-Parlament Ewropew u l-Kunsillfil-limiti tal-qafas finanzjarju pluriennali.
2. Il-pakkett finanzjarju msemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun allokat kif ġej:
(a) |
tal-anqas 56 % għas-Sottoprogramm MEDIA; |
(b) |
tal-anqas 31 % għas-Sottoprogramm Kultura; |
(c) |
massimu ta' 13 % għat-Taqsima Transettorjali, b'tal-anqas 4 % allokati għall-miżuri ta' kooperazzjoni transnazzjonali elenkati fl-Artikolu 15 u għall-Uffiċċji tal-Ewropa Kreattiva. |
3. L-ispejjeż amministrattivi fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-programm għandhom jiffurmaw parti mill-allokazzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2 u l-ammont totali ta' dawk l-ispejjeż m'għandux, jeċċedi 7 % tal-baġit tal-Programm li minnhom 5 % għandhom jiġu allokati għall-implimentazzjoni tas-Sottoprogramm MEDIA u 2 % għall-implimentazzjoni tas-Sottoprogramm Kultura.
4. Il-pakkett finanzjarju msemmi fil-paragrafu 1 jista' jkopri l-ispejjeż marbuta mal-attivitajiet ta' preparazzjoni, monitoraġġ, kontroll, awditjar u valutazzjoni li huma meħtieġa direttament għall-immaniġġjar tal-Programm u l-ilħuq tal-objettivi tiegħu; b'mod partikolari, l-istudji, il-laqgħat tal-esperti, l-azzjonijiet ta' informazzjoni u komunikazzjoni, inkluża l-komunikazzjoni istituzzjonali tal-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni sa fejn dawn huma relatati mal-objettivi ġenerali tal-Programm, u l-ispejjeż marbuta man-netwerks tal-IT li jiffokaw fuq l-ipproċessar u l-iskambju tal-informazzjoni, flimkien mal-ispejjeż l-oħra kollha ta' għajnuna teknika u amministrattiva mġarrba mill-Kummissjoni għall-immaniġġjar tal-Programm.
5. Il-pakkett finanzjarju msemmi fil-paragrafu 1 jista' tkopri l-ispejjeż ta' għajnuna teknika u amministrattiva meħtieġa biex tiġi żgurata t-transizzjoni bejn il-miżuri adottati skont id-Deċiżjonijiet Nru 1718/2006/KE, Nru 1855/2006/KE u Nru 1041/2009/KE u dan ir-Regolament.
Jekk meħtieġ, l-approprjazzjonijiet jistgħu jiddaħħlu fil-baġit lil hinn mill-2020 biex ikopru spejjeż simili, sabiex jippermettu l-immaniġġjar tal-azzjonijiet li jkunu għadhom ma ġewx konklużi sal-31 ta' Diċembru 2020.
6. B'deroga mill-Artikolu 130(2) tar-Regolament Finanzjarju, u f'każijiet debitament ġustifikati l-Kummissjoni tista' tqis l-ispejjeż marbuta direttament mal-implimentazzjoni tal-azzjonijiet u attivitajiet appoġġati bħala eliġibbli anke jekk huma jiġġarrbu mill-benefiċjarju qabel ma titressaq l-applikazzjoni għall-għotja.
Artikolu 25
Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni
1. Il-Kummissjoni għandha tieħu miżuri xierqa biex tiżgura li, meta l-azzjonijiet finanzjati skont dan ir-Regolament jiġu implimentati, l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jiġu protetti bl-applikazzjoni ta' miżuri preventivi kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attivitajiet illegali oħra, permezz ta' kontrolli u spezzjonijiet effettivi u, jekk jiġu skoperti irregolaritajiet, permezz tal-irkupru tal-ammonti mħallsa indebitament u, fejn xieraq, permezz ta' pieni amministrattivi u finanzjarji effettivi, proporzjonati u dissważivi.
2. Il-Kummissjoni jew ir-rappreżentanti tagħha u l-Qorti tal-Awdituri għandu jkollhom is-setgħa ta' awditjar, abbażi ta' dokumenti u kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post, fuq il-benefiċjarji tal-għotjiet, il-kuntratturi u s-sottokuntratturi kollha li jkunu rċevew fondi tal-Unjoni taħt il-Programm.
3. L-OLAF jista' jwettaq investigazzjonijiet, inklużi verifiki u spezzjonijiet fuq il-post skont id-dispożizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (Euratom, KE) Nru 2185/96 u r-Regolament (UE, Euratom,) Nru 883/2013 bil-għan li jiġi stabbilit jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni b'rabta ma' xi ftehim ta' għotja jew xi deċiżjoni ta' għotja jew xi kuntratt iffinanzjat taħt il-Programm.
4. Bla preġudizzju għall-paragrafi 1, 2 u 3, il-ftehimiet ta' kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali, kuntratti, ftehimiet ta' għotja u deċiżjonijiet ta' għotja, li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandu jkun fihom dispożizzjonijiet li b'mod espliċitu jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri u lill-OLAF biex iwettqu awditi u investigazzjonijiet, skont il-kompetenzi rispettivi tagħhom.
KAPITOLU VIII
Dispożizzjonijiet finali
Artikolu 26
Revoka u dispożizzjonijiet transizzjonali
1. Id-Deċiżjonijiet Nru 1718/2006/KE, Nru 1855/2006/KE, u Nru 1041/2009/KE huma b'dan revokati b'effett mill-1 ta' Jannar 2014.
2. L-attivitajiet imwettqa sal-31 ta' Diċembru 2013 abbażi tad-Deċiżjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom, sakemm jiġu tterminati, ikomplu jiġu ġestiti f'konformità ma' dawk id-Deċiżjonijiet.
Artikolu 27
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Huwa għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2014.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Strasburgu, tal-11 ta’ Diċembru 2013.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
M. SCHULZ
Għall-Kunsill
Il-President
V. LEŠKEVIČIUS
(1) ĠU C 181, 21.6.2012, p. 35.
(2) ĠU C 277, 13.9.2012, p. 156.
(3) Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Novembru 2013 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali)] u Deċiżjoni tal-Kunsill tal-5 ta' Diċembru 2013
(4) Deċiżjoni Nru 1718/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Novembru 2006 dwar l-implimentazzjoni ta' programm ta' appoġġ lis-settur awdjoviżiv Ewropew (MEDIA 2007) (ĠU L 327, 24.11.2006, p. 12).
(5) Deċiżjoni Nru 1855/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Dicembru 2006 li tistabbilixxi l-Programm Kultura (2007-2013) (ĠU L 372, 27.12.2006, p. 1.).
(6) Deċiżjoni Nru 1041/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 li tistabbilixxi programm ta' koperazzjoni fis-settur awdjoviżiv ma' professjonisti minn pajjiżi terzi (MEDIA Mundus) (ĠU L 288, 4.11.2009, p. 10.)
(7) Deċiżjoni Nru 1622/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 2006 li tistabbilixxi azzjoni Komunitarja għall-avveniment tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura għas-snin mill-2007 sa l-2019 (ĠU L 304, 3.11.2006, p. 1).
(8) Deċiżjoni Nru 1194/2011/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 li tistabbilixxi azzjoni tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew (ĠU L 303, 22.11.2011, p. 1.).
(9) ĠU C 287, 29.11.2007, p. 6.
(10) ĠU C 247 E, 15.10.2009, p. 32.
(11) ĠU C 175, 15.6.2011, p. 5.
(12) Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/822/KE tas-27 ta' Novembru 2001 dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji lil hinn mill-baħar mal-Komunità Ewropea ("Deċiżjoni dwar Assoċjazzjoni lil hinn mill-baħar") (ĠU L 314, 30.11.2001, p. 1).
(13) Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).
(14) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003 tad-19 ta' Diċembru 2002 li jistabbilixxi l-istatut għall-aġenziji eżekuttivi li jridu jiġu fdati b'ċerti kompiti fit-tmexxija tal-programmi tal-Komunità (ĠU L 11, 16.1.2003, p. 1).
(15) ĠU C 420, 20.12.2013, p. 1
(16) Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).
(17) Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).
(18) Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).
(19) Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta' Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta' intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36).
(20) Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta' servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva) (ĠU L 95, 15.4.2010, p. 1).
ANNESS I
ARRANĠAMENTI TA' IMPLIMENTAZZJONI GĦALL-FAĊILITÀ TA' GARANZIJA TAS-SETTURI KULTURALI U KREATTIVI
L-appoġġ finanzjarju pprovdut mill-Faċilità ta' Garanzija għandu jiġi allokat għall-SMEs u l-organizzazzjonijiet mikro, żgħar u ta' daqs medju fis-setturi kulturali u kreattivi, adattat għall-ħtiġijiet speċifiċi tas-setturi u promoss bħala tali.
1. Kompiti
Il-Faċilita ta' Garanzija għandha tipprovdi:
(a) |
garanziji lill-intermedjarji finanzjarji parteċipanti minn kwalunkwe pajjiż li jipparteċipa fil-Faċilità ta' Garanzija; |
(b) |
lill-intermedjarji finanzjarji parteċipanti ħila esperta addizzjonali għall-valutazzjoni tar-riskji assoċjati mal-SMEs u l-organizzazzjonijiet mikro, żgħar u ta' daqs medju u mal-proġetti kulturali u kreattivi tagħhom. |
2. Għażla tal-intermedjarji finanzjarji parteċipanti
Il-FEI għandu jagħżel l-intermedjarji finanzjarji parteċipanti f'konformità mal-aqwa prattika tas-suq u mal-objettivi speċifiċi msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 4. Il-kriterji tal-għażla għandhom jinkludu, b'mod partikolari:
(a) |
il-volum tal-finanzjament tad-dejn li jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-SMEs u tal-organizzazzjonijiet mikro, żgħar u ta' daqs medju; |
(b) |
il-politika ta' ġestjoni tar-riskju għal operazzjonijiet ta' self, b'mod partikolari fir-rigward ta' proġetti kulturali u kreattivi; |
(c) |
il-kapaċità li jinbena portafoll diversifikat ta' self u li ssir proposta ta' pjan ta' kummerjalizzazzjoni u promozzjoni lill-SMEs u lill-organizzazzjonijiet mikro, żgħar u ta' daqs medju madwar ir-reġjuni u s-setturi. |
3. Tul ta' żmien tal-Faċilità ta' Garanzija
Il-garanziji individwali jista' jkollhom maturità ta' sa 10 snin.
Skont il-punt (i) tal-Artikolu 21(3) tar-Regolament Finanzjarju, ir-ripagamenti ġġenerati mill-garanziji għandhom jiġu assenjati lill-Faċilità ta' Garanzija għal perijodu li ma jaqbiżx il-perijodu ta' impenn miżjud b'10 snin. Ir-ripagamenti ġġenerati skont id-dispożizzjonijiet ta' ftehimiet ta' delega rilventi mill-operazzjonijiet tal-Fond ta' Garanzija tal-Produzzjoni MEDIA stabbiliti qabel l-2014 għandhom jiġu assenjati lill-Faċilità ta' Garanzija fil-perijodu 2014-2020. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri b'tali assenjamenti permezz tal-Kumitat tal- Ewropa Kreattiva.
4. Tisħiħ tal-kapaċitajiet
It-tisħiħ tal-kapaċitajiet taħt il-Faċilità ta' Garanzija huwa l-forniment ta' ħila esperta lill-intermedjarji finanzjarji parteċipanti bil-għan li jifhmu aktar is-setturi kulturali u kreattivi (f'aspetti bħalma huma n-natura intanġibbli ta' assi kollaterali, id-daqs tas-suq li m'għandux massa kritika, u n-natura ta' prototip tal-prodotti u s-servizzi) u l-forniment lil kull intermedjarju finanzjarju parteċipanti ta' ħila esperta addizzjonali fil-bini ta' portafolli u fil-valutazzjoni tar-riskji assoċjati ma' proġetti kulturali u kreattivi.
Ir-riżorsi allokati għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet għandhom ikunu limitati għal 10 %,tal-baġit għall-Faċilità ta' Garanzija.
Il-FEI għandu jagħżel il-fornituri involuti fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet f'isem il-Faċilità ta' Garanzija u taħt is-superviżjoni tal-Kummissjoni permezz ta' proċedura ta' akkwist pubblika u miftuħa, abbażi ta' kriterji bħalma huma l-esperjenza fil-finanzjament tas-setturi kulturali u kreattivi, il-ħila esperta, il-firxa ġeografika, il-kapaċità ta' realizzazzjoni u l-għarfien tas-suq.
5. Baġit
L-allokazzjoni baġitarja għandha tkopri l-ispejjeż kollha tal-Faċilità ta' Garanzija, inklużi l-obbligi tal-pagament lejn l-intermedjarji finanzjarji parteċipanti bħalma huma t-telf mill-garanziji, it-tariffi tal-ġestjoni għall-FEI li jiġġestixxi r-riżorsi tal-Unjoni, u kwalunkwe spejjeż oħra eliġibbli.
6. Viżibbiltà u sensibilizzazzjoni
Il-FEI għandu jikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-Faċilità ta' Garanzija vis-à-vis is-settur bankarju Ewropew. Barra minn hekk, kull intermedjarju finanzjarju parteċipanti u l-FEI għandhom jiżguraw li jingħata livell xieraq ta' viżibilità u trasparenza għall-appoġġ taħt il-Faċilità ta' Garanzija, billi jagħtu informazzjoni dwar l-opportunitajiet finanzjarji lill-SMEs u lill-organizzazzjonijiet mikro, żgħar u ta' daqs medju speċifikati.
Għal dak il-għan, il-Kummissjoni għandha, inter alia, tipprovdi lin-netwerk tal-Uffiċċji tal-Ewropa Kreattiva l-informazzjoni meħtieġa biex ikunu jistgħu jwettqu l-kompiti tagħhom.
7. Tipi ta' self
Tipi ta' self kopert mill-Facilità ta' Garanzija għandhom jinkludu, b'mod partikolari:
(a) |
investiment f'assi tanġibbli jew intanġibbli; |
(b) |
trasferimenti ta' negozju; |
(c) |
kapital li jdur (bħalma huma finanzi interim, finanzi ta' distakk (gap finance), fluss tal-flus, linji ta' kreditu). |
ANNESS II
LOGO TAS-SOTTOPROGRAMM MEDIA
Il-logo tas-Sottoprogramm MEDIA għandu jkun kif ġej: