EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R1052

Regolament (UE) Nru 1052/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 22 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi s-Sistema Ewropea ta' Sorveljanza tal-Fruntieri (Eurosur)

ĠU L 295, 6.11.2013, p. 11–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 01/05/2021; Imħassar b' 32019R1896 Art. 123 Ara 32021R0581

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1052/oj

6.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 295/11


REGOLAMENT (UE) Nru 1052/2013 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-22 ta' Ottubru 2013

li jistabbilixxi s-Sistema Ewropea ta' Sorveljanza tal-Fruntieri (Eurosur)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 77(2)(d) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

L-istabbiliment tas-Sistema Ewropea ta' Sorveljanza tal-Fruntieri (“EUROSUR”) hija meħtieġa għat-tisħiħ tal-iskambju tal-informazzjoni u tal-kooperazzjoni operazzjonali bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri, kif ukoll mal-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Kooperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea stabbilita bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 (2) (“l-Aġenzija”). L-EUROSUR ser tipprovdi l-infrastruttura u l-għodod meħtieġa lil dawk l-awtoritajiet u lill-Aġenzija biex itejbu l-għarfien tas-sitwazzjoni u l-kapaċità ta’ reazzjoni tagħhom fil-fruntieri esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni (“fruntieri esterni”) għall-fini ta' kxif, prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali u l-kriminalità transkonfinali u tikkontribwixxi għall-iżgurar tal-protezzjoni u s-salvataġġ tal-ħajjiet tal-migranti .

(2)

Il-prassi tal-ivvjaġġar f'dgħajjes żgħar mhux tajbin għat-tbaħħir wassal għal żieda kbira fin-numru ta’ migranti li jegħrqu fil-fruntieri esterni marittimi fin-nofsinhar tal-Istati Membri. L-EUROSUR għandha ttejjeb b'mod konsiderevoli l-kapaċità operazzjonali u teknika tal-Aġenzija u l-Istati Membri li jidentifikaw tali dgħajjes żgħar u li jtejbu l-kapaċità ta' reazzjoni tal-Istati Membri, biex b'hekk tikkontribwixxi għat-tnaqqis fl-imwiet ta' migranti.

(3)

Dan ir-Regolament jirrikonoxxi li r-rotot migratorji jintużaw ukoll minn persuni fil-bżonn ta' protezzjoni internazzjonali.

(4)

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni biex itejbu l-iskambju tal-informazzjoni u l-kooperazzjoni għas-sorveljanza tal-fruntieri bejniethom u mal-Aġenzija. Għall-funzjonament tajjeb tal-EUROSUR huwa essenzjali li l-awtoritajiet nazzjonali kollha b’responsabbiltà għal sorveljanza tal-fruntiera esterna skont il-liġi nazzjonali jikkooperaw permezz taċ-ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni.

(5)

Dan ir-Regolament m’għandux itellef lill-Istati Membri milli jagħmlu ċ-ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni tagħhom responsabbli wkoll mill-koordinazzjoni tal-iskambju tal-informazzjoni u għall-kooperazzjoni fir-rigward tas-sorveljanza tal-fruntieri tal-ajru u għall-kontrolli fil-punti ta’ qsim tal-fruntiera.

(6)

L-Aġenzija għandha ttejjeb l-iskambju ta' informazzjoni u l-kooperazzjoni mal-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji l-oħra tal-Unjoni, bħall-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima u ċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea, sabiex isir l-aħjar użu possibbli mill-informazzjoni, il-kapaċitajiet u s-sistemi li huma diġà disponibbli fil-livell Ewropew, bħall-Programm Ewropew ta' Monitoraġġ tad-Dinja.

(7)

Dan ir-Regolament jagħmel parti mill-mudell Ewropew għall-ġestjoni integrata tal-fruntieri esterni u mill-Istrateġija għas-Sigurtà Interna tal-Unjoni Ewropea. L-EUROSUR ser tikkontribwixxi wkoll għall-iżvilupp tal-Ambjent Komuni għall-Kondiviżjoni tal-Informazzjoni għas-sorveljanza tad-dominju marittimu tal-Unjoni (CISE), li jipprovdi qafas usa’ għall-għarfien tas-sitwazzjoni marittima permezz tal-iskambju tal-informazzjoni fost l-awtoritajiet pubbliċi bejn setturi differenti fl-Unjoni.

(8)

Sabiex jiġi żgurat li l-informazzjoni li tinsab fl-EUROSUR tkun kemm jista' jkun sħiħa u aġġornata, b'mod partikolari fir-rigward tas-sitwazzjoni fil-pajjiżi terzi, l-Aġenzija għandha tikkoopera mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna. Għal dan il-għan, id-delegazzjonijiet u l-uffiċċji tal-Unjoni għandhom jipprovdu l-informazzjoni kollha li tista' tkun rilevanti għall-EUROSUR.

(9)

L-Aġenzija għandha tipprovdi l-għajnuna meħtieġa għall-iżvilupp u l-operazzjoni tal-EUROSUR u, kif xieraq, għall-iżvilupp tas-CISE, inkluża l-interoperabilità tas-sistemi, b'mod partikolari permezz tat-twaqqif, iż-żamma u l-koordinazzjoni tal-qafas tal-EUROSUR.

(10)

L-Aġenzija għandha tingħata r-riżorsi finanzjarji u umani xierqa, sabiex tkun tista' tissodisfa b'mod adegwat il-kompiti addizzjonali li ngħatawlha skont dan ir-Regolament.

(11)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Artikoli 2 u 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari r-rispett għad-dinjità tal-bniedem, id-dritt għall-ħajja, il-projbizzjoni tat-tortura u trattament jew kastig inuman jew degradanti, il-projbizzjoni tat-traffikar tal-bnedmin, id-dritt għal-libertà u s-sigurtà, id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, id-dritt ta' aċċess għad-dokumenti, id-dritt għall-asil, u l-protezzjoni kontra t-tneħħija u t-tkeċċija, in-non-refoulement, in-nondiskriminazzjoni u d-drittijiet tat-tfal. Dan ir-Regolament għandu jiġi applikat mill-Istati Membri u l-Aġenzija skont dawk id-drittijiet u l-prinċipji.

(12)

F'konformità mar-Regolament (KE) Nru 2007/2004, l-Uffiċjal għad-Drittijiet Fundamentali u l-Forum Konsultattiv stabbilit minn dak ir-Regolament għandu jkollhom aċċess għall-informazzjoni kollha li tirrigwarda r-rispett għad-drittijiet fundamentali b'rabta mal-attivitajiet kollha tal-Aġenzija fi ħdan il-qafas tal-EUROSUR.

(13)

Kwalunkwe skambju ta’ data personali fl-istampa tas-sitwazzjoni Ewropea u l-istampa ta’ intelligence prefruntiera komuni għandhom jikkostitwixxu eċċezzjoni. Dan għandu jitwettaq fuq il-bażi tal-liġi eżistenti nazzjonali u tal-Unjoni u għandu jikkonforma mar-rekwiżiti speċifiċi tagħhom dwar il-protezzjoni tad-data. Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (5) huma applikabbli f’każijiet fejn strumenti aktar speċifiċi, bħar-Regolament (KE) Nru 2007/2004, ma jkunux jipprovdu sistema sħiħa tal-protezzjoni tad-data.

(14)

Sabiex tiġi implimentata tnedija gradwali fuq bażi geografika tal-EUROSUR, l-obbligu li jiġu maħtura u li jibdew joperaw iċ-ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni għandu japplika f'żewġ stadji suċċessivi: l-ewwel wieħed għall-Istati Membri li jinsabu fil-fruntieri esterni tan-Nofsinhar u tal-Lvant u, fit-tieni stadju, għall-bqija tal-Istati Membri.

(15)

Dan ir-Regolament jinkludi dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi ġirien, għaliex skambju ta' informazzjoni u kooperazzjoni strutturata sew u permanenti ma' dawk il-pajjiżi, b'mod partikolari fir-reġjun tal-Mediterran, jikkostitwixxu element ewlieni biex jintlaħqu l-objettivi tal-EUROSUR. Huwa essenzjali li kwalunkwe skambju ta' informazzjoni u kwalunkwe kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi ġirien issir f'konformità sħiħa mad-drittijiet fundamentali u b'mod partikolari l-prinċipju ta' non-refoulement.

(16)

Dan ir-Regolament jinkludi dispożizzjonijiet dwar il-possibbiltà ta' kooperazzjoni mill-qrib mal-Irlanda u r-Renju Unit li tista' tgħin biex jinkisbu aħjar l-objettivi tal-EUROSUR.

(17)

L-Aġenzija u l-Istati Membri, meta jimplimentaw dan ir-Regolament, għandhom jisfruttaw bl-aħjar mod possibbli l-kapaċitajiet eżistenti f'termini ta' riżorsi umani kif ukoll ta' tagħmir tekninu, kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll nazzjonali.

(18)

Il-Kummissjoni għandha tivvaluta b'mod regolari r-riżultati tal-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament biex tiddetermina sa fejn ikunu ntlaħqu l-objettivi tal-EUROSUR.

(19)

Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih u lanqas mhi soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu . Peress li dan ir-Regolament jibni fuq l-acquis ta’ Schengen, id-Danimarka, f’konformità mal-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, għandha tiddeċiedi, fi żmien sitt xhur wara li l-Kunsill ikun iddeċieda dwar dan ir-Regolament, jekk hix ser timplimentah fil-liġi nazzjonali tagħha.

(20)

Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp fuq id-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li fih ir-Renju Unit ma jiħux sehem, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE (6) , għalhekk ir-Renju Unit mhuwiex qed jieħu sehem fl-adozzjoni tiegħu u mhuwiex marbut bih jew soġġett għall-applikazzjoni tiegħu.

(21)

Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li l-Irlanda ma tiħux sehem fihom, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (7) , u għalhekk l-Irlanda mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni tiegħu u mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu .

(22)

Fir-rigward tal-Islanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen, fit-tifsira tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn tal-aħħar mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (8) li jaqgħu taħt il-qasam imsemmi fil-punt A tal-Artikolu 1, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (9). In-Norveġja għandha tistabbilixxi ċentru nazzjonali ta' koordinazzjoni skont dan ir-Regolament mit-2 ta' Diċembru 2013.

(23)

Fir-rigward tal-Isvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fit-tifsira tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (10) li jaqa' fl-ambitu msemmi fil-punt A tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 1999/437/KE li jinqara flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (11).

(24)

Fir-rigward tal-Liechtenstein, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fit-tifsira tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein għall-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera fl-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (12) li jaqgħu fl-ambitu msemmi fil-punt A tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 1999/437/KE li jinqara flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE (13).

(25)

L-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament ma taffettwax id-diviżjoni tal-kompetenza bejn l-Unjoni u l-Istati Membri jew l-obbligi tal-Istati Membri skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar, il-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar, il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar it-Tfittxija u s-Salvataġġ Marittimi, il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali u l-Protokoll tagħha kontra t-Traffikar tal-Immigranti bl-Art, bil-Baħar u bl-Ajru, il-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Rifuġjati, il-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali u strumenti internazzjonali oħrajn rilevanti.

(26)

L-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament ma taffettwax ir-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) jew ir-regoli għas-sorveljanza tal-fruntieri esterni tal-baħar fil-kuntest tal-kooperazzjoni operazzjonali kkoordinata mill-Aġenzija .

(27)

Ladarba l-għan ta' dan ir-Regolament, jiġifieri l-istabbiliment tal-EUROSUR ma jistax jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu minħabba l-iskala u l-effett tiegħu, jinkiseb aħjar fuq il-livell tal-Unjoni, din tista' tadotta miżuri, konformement mal-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat.. Konformement mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkiseb dak il-għan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

TITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi qafas komuni għall-iskambju tal-informazzjoni u għall-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Aġenzija sabiex jitjieb l-għarfien tas-sitwazzjoni u biex tiżdied il-kapaċità ta’ reazzjoni fil-fruntieri esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni (“fruntieri esterni”) għall-fini tal-kxif, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali u l-kriminalità transkonfinali u l-kontribuzzjoni għall-iżgurar tal-protezzjoni u s-salvataġġ tal-ħajjiet tal-migranti (“EUROSUR”).

Artikolu 2

Kamp ta' applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għas-sorveljanza tal-fruntieri esterni fuq l-art u fil-baħar, inklużi l-monitoraġġ, il-kxif, l-identifikazzjoni, it-traċċar, il-prevenzjoni u l-interċettazzjoni tal-qsim mhux awtorizzat tal-fruntieri għall-fini tal-kxif, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali u l-kriminalità transkonfinali u l-kontribut għall-iżgurar tal-protezzjoni u s-salvataġġ tal-ħajjiet tal-migranti.

2.   Dan ir-Regolament jista’ japplika wkoll għas-sorveljanza tal-fruntieri tal-ajru kif ukoll għall-kontrolli fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri jekk l-Istati Membri jipprovdu b’mod volontarju tali informazzjoni lill-EUROSUR.

3.   Dan ir-Regolament m'għandux japplika għal kwalunkwe miżura legali jew amministrattiva meħuda ġaladarba l-awtoritajiet responsabbli ta' Stat Membru jkunu kixfu l-movimenti ta' attivitajiet kriminali transkonfinali jew qsim mhux awtorizzat tal-fruntieri esterni minn persuni.

4.   L-Istati Membri u l-Aġenzija għandhom jikkonformaw mad-drittijiet fundamentali, b'mod partikolari l-prinċipji tan-non-refoulement u r-rispett għad-dinjità tal-bniedem u r-rekwiżiti għall-protezzjoni tad-data, meta japplikaw dan ir-Regolament. Huma għandhom jagħtu prijorità lill-ħtiġijiet speċjali tat-tfal, minorenni mhux akkumpanjati, vittmi tat-traffikar tal-bnedmin, persuni li jkunu jeħtieġu assistenza medika urġenti, persuni li jkunu jeħtieġu protezzjoni internazzjonali, persuni fil-periklu fuq il-baħar u persuni oħrajn f’sitwazzjoni partikolarment vulnerabbli.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“Aġenzija” tfisser l-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Kooperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea kif stabbilita mir-Regolament (KE) Nru 2007/2004;

(b)

“għarfien tas-sitwazzjoni” tfisser il-kapaċità tal-monitoraġġ, il-kxif, l-identifikazzjoni, it-traċċar u l-fehim tal-attivitajiet transkonfinali illegali sabiex jinstabu raġunijiet loġiċi għall-miżuri ta’ reazzjoni billi l-informazzjoni l-ġdida tingħaqad flimkien mal-għarfien eżistenti, u biex ikun jista' jitnaqqas it-telf ta' ħajjiet ta' migranti fuq, tul, jew qrib il-fruntieri esterni;

(c)

“kapaċità ta' reazzjoni” tfisser il-kapaċità li jitwettqu azzjonijiet maħsuba sabiex jikkumbattu l-attivitajiet illegali transkonfinali fuq, tul jew qrib il-fruntieri esterni, inklużi l-mezzi u l-iskedi taż-żmien biex wieħed jirreaġixxi b’mod adegwat;

(d)

“stampa tas-sitwazzjoni” tfisser interfaċċja grafika għall-preżentazzjoni ta’ data u informazzjoni kważi f'ħin reali mingħand awtoritajiet, sensuri, pjattaformi differenti, u sorsi oħra, li tiġi kondiviża permezz tal-kanali ta' komunikazzjoni u tal-informazzjoni ma’ awtoritajiet oħrajn sabiex jinkiseb l-għarfien tas-sitwazzjoni u tiġi appoġġjata l-kapaċità ta' reazzjoni mal-fruntieri esterni u ż-żona prefruntiera;

(e)

“kriminalità transkonfinali” tfisser kull kriminalità serja b'dimensjoni transkonfinali li titwettaq fuq, tul, jew fil-qrib, tal-fruntieri esterni;

(f)

“sezzjoni tal-fruntiera esterna” tfisser il-fruntiera kollha jew parti mill-fruntiera ta’ Stat Membru, fuq l-art jew fil-baħar kif definita mil-liġi nazzjonali jew kif ġiet iddeterminata miċ-ċentru nazzjonali ta' koordinazzjoni jew kwalunkwe awtorità nazzjonali oħra responsabbli;

(g)

“żona prefruntiera” tfisser żona ġeografika lil hinn mill-fruntieri esterni ;

(h)

“sitwazzjoni ta' kriżi” tfisser kwalunkwe diżastru naturali jew magħmul mill-bniedem, inċident, kriżi umanitarja jew politika jew kwalunkwe sitwazzjoni serja oħra li tiġri fuq, tul jew qrib il-fruntieri esterni, li jista' jkollha impatt sinifikanti fuq il-kontroll tal-fruntieri esterni;

(i)

“inċident” tfisser sitwazzjoni marbuta ma' immigrazzjoni illegali, kriminalità transkonfinali jew riskju għall-ħajjiet ta' migranti fuq, tul jew qrib il-fruntieri esterni.

TITOLU II

QAFAS

KAPITOLU I

Komponenti

Artikolu 4

Qafas tal-EUROSUR

1.   Għall-iskambju ta’ informazzjoni u għall-kooperazzjoni fil-qasam tas-sorveljanza tal-fruntieri, u filwaqt li jitqies l-iskambju ta' informazzjoni eżistenti u l-mekkaniżmi ta' kooperazzjoni, l-Istati Membri u l-Aġenzija għandhom jużaw il-qafas tal-EUROSUR , li jikkonsisti mill-komponenti li ġejjin:

(a)

ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni;

(b)

stampi tas-sitwazzjoni nazzjonali;

(c)

netwerk ta' komunikazzjoni;

(d)

stampa tas-sitwazzjoni Ewropea;

(e)

stampa ta’ intelligence prefruntiera komuni;

(f)

l-applikazzjoni komuni ta’ għodod ta’ sorveljanza.

2.   Iċ-ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni, permezz tan-netwerk ta’ komunikazzjoni, għandhom jipprovdu lill-Aġenzija bl-informazzjoni mill-istampi tas-sitwazzjoni nazzjonali tagħhom li tkun meħtieġa għall-istabbiliment u ż-żamma tal-istampa tas-sitwazzjoni Ewropea u tal-istampa ta' intelligence prefruntiera komuni.

3.   L-Aġenzija, permezz tan-netwerk ta’ komunikazzjoni, għandha tagħti liċ-ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni aċċess bla limitu għall-istampa tas-sitwazzjoni Ewropea u għall-istampa ta’ intelligence prefruntiera komuni.

4.   Il-komponenti elenkati fil-paragrafu 1 għandhom jiġu stabbiliti u jinżammu f'konformità mal-prinċipji msemmija fl-Anness.

Artikolu 5

Ċentru nazzjonali ta' koordinazzjoni

1.   Kull Stat Membru għandu jaħtar, jopera u jżomm ċentru nazzjonali ta’ koordinazzjoni, li għandu jikkoordina, u jiskambja l-informazzjoni fost l-awtoritajiet kollha responsabbli għas-sorveljanza tal-fruntiera esterna fuq il-livell nazzjonali, kif ukoll maċ-ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni l-oħrajn u l-Aġenzija. Kull Stat Membru għandu jinnotifika l-istabbiliment taċ-ċentru ta' koordinazzjoni nazzjonali tiegħu lill-Kummissjoni, li għandha tinforma minnufih lill-Istati Membri l-oħra u lill-Aġenzija dwar dan.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 17 u fi ħdan il-qafas tal-EUROSUR, iċ-ċentru nazzjonali ta’ koordinazzjoni għandu jkun il-punt ta’ kuntatt waħdieni għall-iskambju ta’ informazzjoni u għall-kooperazzjoni ma’ ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni oħrajn u mal-Aġenzija.

3.   Iċ-ċentru nazzjonali ta’ koordinazzjoni għandu:

(a)

jiżgura l-iskambju f’waqtu ta’ informazzjoni u kooperazzjoni f'waqtha bejn l-awtoritajiet nazzjonali kollha responsabbli għas-sorveljanza tal-fruntiera esterna kif ukoll ma' ċentri nazzjonali ta' koordinazzjoni oħrajn u mal-Aġenzija;

(b)

jiżgura l-iskambju f'waqtu ta' informazzjoni mal-awtoritajiet ta' tfittxija u salvataġġ, tal-infurzar tal-liġi, tal-asil u tal-immigrazzjoni fil-livell nazzjonali;

(c)

jikkontribwixxi għall-ġestjoni effettiva u effiċjenti tar-riżorsi u l-persunal;

(d)

jistabbilixxi u jżomm l-istampa tas-sitwazzjoni nazzjonali skont l-Artikolu 9;

(e)

jagħti appoġġ għall-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-attivitajiet ta’ sorveljanza tal-fruntiera nazzjonali;

(f)

jikkoordina s-sistema ta’ sorveljanza tal-fruntiera nazzjonali, skont il-liġi nazzjonali;

(g)

jikkontribwixxi biex regolarment ikejjel rl-effetti tal-attivitajiet ta’ sorveljanza tal-fruntiera nazzjonali għall-finijiet ta' dan ir-Regolament;

(h)

jikkoordina miżuri operazzjonali ma’ Stati Membri oħrajn, mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tal-Aġenzija u tal-Istati Membri.

4.   Iċ-ċentru nazzjonali ta’ koordinazzjoni għandu jopera għal erbgħa u għoxrin siegħa kuljum u sebat ijiem fil-ġimgħa.

Artikolu 6

Aġenzija

1.   L-Aġenzija għandha:

(a)

tistabbilixxi u żżomm in-netwerk tal-komunikazzjoni għall-EUROSUR skont l-Artikolu 7;

(b)

tistabbilixxi u żżomm l-istampa tas-sitwazzjoni Ewropea skont l-Artikolu 10;

(c)

tistabbilixxi u żżomm l-istampa ta’ intelligence prefruntiera komuni skont l-Artikolu 11;

(d)

tikkoordina l-applikazzjoni komuni tal-għodod ta’ sorveljanza f’konformità mal-Artikolu 12.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-Aġenzija għandha topera erbgħa u għoxrin siegħa kuljum u sebat ijiem fil-ġimgħa.

Artikolu 7

Netwerk ta' komunikazzjoni

1.   L-Aġenzija għandha tistabbilixxi u żżomm netwerk ta’ komunikazzjoni sabiex tipprovdi għodod ta’ komunikazzjoni u għodod analitiċi u tippermetti l-iskambju tal-informazzjoni sensittiva mhux klassifikata u l-informazzjoni klassifikata b'manjiera sigura u kważi fil-ħin reali ma’, u fost, iċ-ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni. In-netwerk għandu jopera erbgħa u għoxrin siegħa kuljum u sebat ijiem fil-ġimgħa u għandu jippermetti:

(a)

l-iskambju ta’ informazzjoni bilaterali u multilaterali kważi fil-ħin reali;

(b)

konferenzi bl-awdjo u bil-video;

(c)

it-trattament, il-ħżin, it-trażmissjoni u l-ipproċessar b’mod sigur ta’ informazzjoni sensittiva mhux klassifikata;

(d)

it-trattament, il-ħżin, it-trażmissjoni u l-ipproċessar b’mod sigur tal-informazzjoni klassifikata tal-UE sal-livell ta’ RESTREINT UE/EU RESTRICTED jew livelli ta’ klassifikazzjoni nazzjonali ekwivalenti, filwaqt li jiżgura li l-informazzjoni klassifikata tiġi ttrattata, maħżuna, trażmessa u pproċessata f'parti separata u debitament akkreditata tan-netwerk ta’ komunikazzjoni.

2.   L-Aġenzija għandha tipprovdi appoġġ tekniku u tiżgura li n-netwerk ta’ komunikazzjoni jkun interoperabbli ma' kull sistema oħra rilevanti ta' komunikazzjoni u informazzjoni mmexxija mill-Aġenzija.

3.   L-Aġenzija għandha tiskambja, tipproċessa u taħżen informazzjoni sensittiva mhux klassifikata u informazzjoni klassifikata fin-netwerk ta’ komunikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 11d tar-Regolament (KE) Nru 2007/2004.

4.   Iċ-ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni għandhom jiskambjaw, jipproċessaw u jaħżnu informazzjoni sensittiva mhux klassifikata u informazzjoni klassifikata fin-netwerk ta’ komunikazzjoni f’konformità mar-regoli u l-istandards li huma ekwivalenti għal dawk stipulati fir-Regoli ta’ Proċedura tal-Kummissjoni (15) .

5.   L-awtoritajiet tal-Istati Membri, l-aġenziji u korpi oħrajn li jużaw in-netwerk ta’ komunikazzjoni għandhom jiżguraw li jkun hemm konformità mar-regoli u l-istandards ta’ sigurtà ekwivalenti għal dawk applikati mill-Aġenzija għat-trattament ta’ informazzjoni klassifikata.

KAPITOLU II

Għarfien tas-sitwazzjoni

Artikolu 8

Stampi tas-sitwazzjoni

1.   L-istampi tas-sitwazzjoni nazzjonali, l-istampa tas-sitwazzjoni Ewropea u l-istampa ta’ intelligence prefruntiera komuni għandhom jinħolqu permezz tal-ġbir, il-valutazzjoni, ir-relazzjoni, l-analiżi, l-interpretazzjoni, il-ġenerazzjoni, il-viżwalizzazzjoni u t-tixrid tal-informazzjoni.

2.   L-istampi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jikkonsistu fil-livelli li ġejjin:

(a)

livell tal-avvenimenti ;

(b)

livell operazzjonali ;

(c)

livell ta' analiżi .

Artikolu 9

Stampa tas-sitwazzjoni nazzjonali

1.   Iċ-ċentru nazzjonali ta’ koordinazzjoni għandu jistabbilixxi u jżomm stampa tas-sitwazzjoni nazzjonali, sabiex jipprovdi lill-awtoritajiet kollha li għandhom responsabbiltajiet għall-kontroll u, b'mod partikolari, għas-sorveljanza tal-fruntieri esterni fuq livell nazzjonali, b'informazzjoni effettiva, preċiża u f’waqtha.

2.   L-istampa tas-sitwazzjoni nazzjonali għandha tkun magħmula minn informazzjoni miġbura mis-sorsi li ġejjin:

(a)

is-sistema nazzjonali ta’ sorveljanza tal-fruntiera skont il-liġi nazzjonali;

(b)

sensuri stazzjonarji jew mobbli operati mill-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għas-sorveljanza tal-fruntiera esterna;

(c)

pattulji fuq is-sorveljanza tal-fruntieri u missjonijiet oħra ta’ monitoraġġ;

(d)

ċentri ta’ koordinazzjoni lokali, reġjonali u oħrajn;

(e)

sistemi u awtoritajiet nazzjonali rilevanti oħrajn, inklużi uffiċjali ta' kollegament, ċentri operazzjonali u punti ta' kuntatt;

(f)

l-Aġenzija;

(g)

ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni fi Stati Membri oħrajn ;

(h)

awtoritajiet ta' pajjiżi terzi, abbażi ta' ftehimiet bilaterali jew multilaterali u netwerks reġjonali kif imsemmija fl-Artikolu 18;

(i)

sistemi ta’ rappurtar tal-vapuri f'konformità mal-bażijiet legali rispettivi tagħhom;

(j)

organizzazzjonijiet Ewropej u internazzjonali oħrajn rilevanti;

(k)

sorsi oħrajn.

3.   Il-livell tal-avvenimenti tal-istampa tas-sitwazzjoni nazzjonali għandu jikkonsisti fis-sottolivelli li ġejjin:

(a)

sottolivell dwar qsim mhux awtorizzat tal-fruntieri inkluża informazzjoni disponibbli għaċ-ċentru nazzjonali ta' koordinazzjoni dwar inċidenti relatati ma' riskju għall-ħajjiet tal-migranti;

(b)

sottolivell dwar il-kriminalità transkonfinali ;

(c)

sottolivell dwar sitwazzjonijiet ta' kriżi ;

(d)

sottolivell dwar avvenimenti oħrajn, li jkun fih informazzjoni dwar vetturi, bastimenti u mezzi oħra u persuni mhux identifikati u suspettużi li jkunu preżenti fuq, tul jew qrib il-fruntieri esterni tal-Istat Membru kkonċernat, kif ukoll kull avveniment ieħor li jista’ jkollu impatt sinifikanti fuq il-kontroll tal-fruntieri esterni.

4.   Iċ-ċentru ta' koordinazzjoni nazzjonali għandu jattribwixxi livell ta' impatt indikattiv waħdieni, li jvarja minn impatt “baxx” u “medju” sa wieħed “għoli”, għal kull inċident fil-livell tal-avvenimenti tal-istampa tas-sitwazzjoni nazzjonali. L-inċidenti kollha għandhom ikunu kondiviżi mal-Aġenzija.

5.   Il-livell operazzjonali tal-istampa tas-sitwazzjoni nazzjonali għandu jkun fih is-sottolivelli li ġejjin:

(a)

sottolivell dwar ir-riżorsi proprji, inklużi riżorsi militari li jassistu missjoni ta' infurzar tal-liġi, u żoni operazzjonali, li jkun fih informazzjoni dwar il-pożizzjoni, l-istatus u t-tip ta’ riżorsi proprji u dwar l-awtoritajiet involuti. Fir-rigward ta' riżorsi militari li jassistu missjoni ta' infurzar tal-liġi, iċ-ċentru nazzjonali ta' koordinazzjoni jista' jiddeċiedi, fuq talba tal-awtorità nazzjonali responsabbli għal dawk ir-riżorsi, li jirrestrinġi l-aċċess għal dik l-informazzjoni fuq il-bażi tal-ħtieġa li wieħed ikun jaf;

(b)

sottolivell dwar informazzjoni ambjentali, li jkun fih jew jipprovdi aċċess għal informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tat-territorju u tat-temp fil-fruntieri esterni tal-Istat Membru kkonċernat.

6.   L-informazzjoni dwar ir-riżorsi proprji fil-livell operazzjonali għandha tkun klassifikata bħala RESTREINT UE/EU RESTRICTED.

7.   Il-livell ta’ analiżi tal-istampa tas-sitwazzjoni nazzjonali għandu jkun jikkonsisti mis-sottolivelli li ġejjin:

(a)

sottolivell ta' informazzjoni, li jkun fih żviluppi ewlenin u indikaturi li huma rilevanti għall-finijiet ta' dan ir-Regolament;

(b)

sottolivell analitiku, li jinkludi rapporti analitiċi, xejriet ta' klassifikazzjoni tar-riskju, monitoraġġi reġjonali u noti ta’ informazzjoni li huma rilevanti għall-finijiet ta' dan ir-Regolament;

(c)

sottolivell ta' intelligence, li jinkludi informazzjoni analizzata li hija rilevanti għall-finijiet ta' dan ir-Regolament u, b'mod partikolari, għall-attribuzzjoni tal-livelli ta' impatt għat-taqsimiet tal-fruntieri esterni;

(d)

sottolivell dwar l-użu ta’ xbihat u d-data ġeografika, li jinkludi xbihat ta’ referenza, mapep tal-isfond, validazzjoni ta' informazzjoni analizzata u analiżi tal-bidliet (xbihat ta' osservazzjoni tad-dinja), kif ukoll l-identifikazzjoni ta' bidliet, data ġeoreferenzjata u mapep esterni li juru l-permeabilità tal-fruntieri.

8.   L-informazzjoni li tinsab fil-livell ta’ analiżi u dwar l-informazzjoni ambjentali fil-livell operazzjonali tal-istampa tas-sitwazzjoni nazzjonali tista’ tkun ibbażata fuq l-informazzjoni pprovduta fl-istampa tas-sitwazzjoni Ewropea u fl-istampa ta' intelligence prefruntiera komuni.

9.   Iċ-ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni tal-Istati Membri ġirien għandhom jaqsmu ma’ xulxin, direttament u kważi fil-ħin reali, l-istampa tas-sitwazzjoni tas-sezzjonijiet ġirien tal-fruntiera esterna, li hija relatata ma’:

(a)

inċidenti u avvenimenti sinifikanti oħrajn li jinsabu fil-livell tal-avvenimenti;

(b)

ir-rapporti dwar l-analiżi tattika tar-riskji kif jinsabu fil-livell ta’ analiżi.

10.   Iċ-ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni tal-Istati Membri ġirien jistgħu jaqsmu ma’ xulxin, direttament u kważi fil-ħin reali, l-istampa tas-sitwazzjoni tas-sezzjonijiet tal-fruntieri esterni ġirien, li hija relatata mal-pożizzjonijiet, l-istatus u t-tip ta' riżorsi proprji li qed joperaw fis-sezzjonijiet tal-fruntieri esterni ġirien kif tinsab fil-livell operazzjonali.

Artikolu 10

Stampa tas-sitwazzjoni Ewropea

1.   L-Aġenzija għandha tistabbilixxi u żżomm stampa tas-sitwazzjoni Ewropea sabiex tipprovdi liċ-ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni b'informazzjoni u analiżi effettiva, preċiża u f'waqtha .

2.   L-istampa tas-sitwazzjoni Ewropea għandha tkun magħmula minn informazzjoni miġbura mis-sorsi li ġejjin:

(a)

stampi tas-sitwazzjoni nazzjonali, sa fejn mitlub minn dan l-Artikolu ;

(b)

l-Aġenzija;

(c)

il-Kummissjoni, li tipprovdi informazzjoni strateġika dwar kontroll fuq il-fruntieri, inklużi n-nuqqasijiet fit-twettiq tal-kontrolli fuq il-fruntieri esterni;

(d)

delegazzjonijiet u uffiċċji tal-Unjoni;

(e)

korpi, uffiċċji u aġenziji rilevanti oħra tal-Unjoni u organizzazzjonijiet internazzjonali kif imsemmija fl-Artikolu 18;

(f)

sorsi oħrajn.

3.   Il-livell tal-avvenimenti tal-istampa tas-sitwazzjoni Ewropea għandu jinkludi informazzjoni relatata ma’:

(a)

inċidenti u avvenimenti oħra li jinsabu fil-livell tal-avvenimenti tal-istampa tas-sitwazzjoni nazzjonali ;

(b)

inċidenti u avvenimenti oħra li jkunu jinsabu fl-istampa ta' intelligence prefruntiera komuni;

(c)

inċidenti fiż-żona operazzjonali ta' operazzjoni konġunta, proġetti pilota jew intervent rapidu kkoordinat mill-Aġenzija.

4.   Fl-istampa tas-sitwazzjoni Ewropea, l-Aġenzija għandha tieħu kont tal-livell tal-impatt li kien ġie assenjat miċ-ċentru nazzjonali ta’ koordinazzjoni għal inċident speċifiku fl-istampa tas-sitwazzjoni nazzjonali.

5.   Il-livell operazzjonali tal-istampa tas-sitwazzjoni Ewropea għandu jikkonsisti mis-sottolivelli li ġejjin:

(a)

sottolivell dwar ir-riżorsi proprji, li jkun fih informazzjoni dwar il-pożizzjoni, il-ħin, l-istatus u t-tip ta’ riżorsi li jkunu qed jieħdu sehem fl-operazzjonijiet konġunti, proġetti pilota u interventi rapidi tal-Aġenzija jew għad-dispożizzjoni tal-Aġenzija, u l-pjan ta’ skjerament, inkluża ż-żona tal-operazzjoni, l-iskedi tal-viġilanzi u l-kodiċijiet tal-komunikazzjoni;

(b)

sottolivell dwar operazzjonijiet, li jkun fih informazzjoni dwar l-operazzjonijiet konġunti, il-proġetti pilota u l-interventi rapidi kkoordinati mill-Aġenzija, inkluża l-istqarrija tal-missjoni, il-pożizzjoni, l-istatus, it-tul taż-żmien, l-informazzjoni dwar l-Istati Membri u atturi oħrajn involuti, rapporti tas-sitwazzjoni ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa, data statistika u pakketti ta’ informazzjoni għall-mezzi tal-informazzjoni;

(c)

sottolivell dwar l-informazzjoni ambjentali, li jinkludi informazzjoni dwar it-territorju u l-kundizzjonijiet tat-temp fil-fruntieri esterni.

6.   L-informazzjoni dwar ir-riżorsi proprji fil-livell operazzjonali tal-istampa tas-sitwazzjoni Ewropea għandha tiġi kklassifikata bħala RESTREINT UE/EU RESTRICTED.

7.   Il-livell ta’ analiżi tal-istampa tas-sitwazzjoni Ewropea għandu jkun strutturat bl-istess mod bħal fl-istampa tas-sitwazzjoni nazzjonali mniżżla fl-Artikolu 9(6).

Artikolu 11

Stampa ta’ intelligence prefruntiera komuni

1.   L-Aġenzija għandha tistabbilixxi u żżomm stampa ta’ intelligence prefruntiera komuni sabiex liċ-ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni tipprovdilhom informazzjoni u analiżi effettivi, preċiżi u f'waqthom dwar iż-żona prefruntiera .

2.   L-istampa ta' intelligence prefruntiera komuni għandha tkun magħmula minn informazzjoni miġbura mis-sorsi li ġejjin:

(a)

ċentri nazzjonali ta' koordinazzjoni, inkluż informazzjoni u rapporti li waslu mill-uffiċjali ta' kollegament tal-Istati Membri permezz tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti;

(b)

delegazzjonijiet u uffiċċji tal-Unjoni;

(c)

l-Aġenzija, inkluż informazzjoni u rapporti pprovduti mill-uffiċjali ta' kollegament tagħha;

(d)

korpi, uffiċċji u aġenziji rilevanti oħra tal-Unjoni u organizzazzjonijiet internazzjonali kif imsemmija fl-Artikolu 18;

(e)

awtoritajiet ta' pajjiżi terzi, abbażi ta' ftehimiet bilaterali jew multilaterali u netwerks reġjonali kif imsemmija fl-Artikolu 20, permezz taċ-ċentri nazzjonali ta' koordinazzjoni;

(f)

sorsi oħrajn.

3.   L-istampa ta’ intelligence prefruntiera komuni tista' tinkludi informazzjoni li tkun rilevanti għas-sorveljanza tal-fruntiera tal-ajru u l-kontrolli fil-punti esterni ta' qsim tal-fruntieri.

4.   Il-livelli tal-avvenimenti, dawk operazzjonali u tal-analiżi tal-istampa ta’ intelligence prefruntiera komuni għandhom ikunu strutturati fl-istess manjiera bħal dawk tal-istampa tas-sitwazzjoni Ewropea mniżżla fl-Artikolu 10.

5.   L-Aġenzija għandha tassenja livell ta' impatt indikattiv uniku lil kull inċident fil-livell tal-avvenimenti tal-istampa ta' intelligence prefruntiera komuni. L-Aġenzija għandha tinforma liċ-ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni dwar kull inċident fiż-żona prefruntiera .

Artikolu 12

Applikazzjoni komuni tal-għodod ta’ sorveljanza

1.   L-Aġenzija għandha tikkoordina l-applikazzjoni komuni tal-għodod ta’ sorveljanza sabiex tforni liċ-ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni u lilha nnifisha informazzjoni ta' sorveljanza fir-rigward tal-fruntieri esterni u dwar iż-żona prefruntiera fuq bażi regolari, affidabbli u kosteffettiva.

2.   L-Aġenzija, fuq talba tagħha, għandha tipprovdi lil ċentru nazzjonali ta’ koordinazzjoni informazzjoni dwar il-fruntieri esterni tal-Istat Membru li jkun għamel it-talba u dwar iż-żona prefruntiera li tista' tittieħed minn:

(a)

monitoraġġ selettiv ta’ portijiet u kosti ta’ pajjiż terz magħżula li jkunu ġew identifikati permezz tal-analiżi tar-riskju u informazzjoni bħala punti ta’ imbarkazzjoni jew ta’ transitu għal bastimenti jew mezzi oħra li jintużaw għal immigrazzjoni illegali jew il-kriminalità transkonfinali;

(b)

traċċar ta’ bastimenti jew mezzi oħra fl-ibħra miftuħa li jkunu ssuspettati jew li jkunu ġew identifikati bħala li jkunu qed jintużaw għall-immigrazzjoni illegali jew kriminalità transkonfinali;

(c)

monitoraġġ ta’ żoni magħżula fil-qasam marittimu sabiex jiġu skoperti, identifikati u traċċati bastimenti u mezzi oħra li jkunu qed jintużaw jew li jkunu ssuspettati li jkunu qed jintużaw għall-immigrazzjoni illegali jew kriminalità transkonfinali;

(d)

valutazzjoni ambjentali ta’ żoni magħżula fil-qasam marittimu u fil-fruntieri esterni fuq l-art sabiex jitjiebu kemm jista’ jkun l-attivitajiet ta’ monitoraġġ u viġilanzi;

(e)

monitoraġġ selettiv ta’ żoni prefruntiera magħżula fil-fruntieri esterni, li jkunu ġew identifikati permezz tal-analiżi tar-riskju u informazzjoni bħala żoni ta’ tluq jew ta’ transitu potenzjali għall-immigrazzjoni illegali jew il-kriminalità transkonfinali.

3.   L-Aġenzija għandha tipprovdi l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 billi tgħaqqad u tanalizza data li tista' tinġabar mis-sistemi, is-sensuri u l-pjattaformi li ġejjin:

(a)

sistemi ta’ rappurtar tal-vapuri f'konformità mal-bażijiet legali rispettivi tagħhom;

(b)

xbihat bis-satellita;

(c)

sensuri li jitpoġġew fuq kwalunkwevettura, bastiment jew mezz ieħor.

4.   L-Aġenzija tista’ tirrifjuta talba minn ċentru nazzjonali ta’ koordinazzjoni għal raġunijiet tekniċi, finanzjarji jew operazzjonali. L-Aġenzija għandha tinnotifika fi żmien debitu liċ-ċentru nazzjonali ta' koordinazzjoni bir-raġunijiet għal tali rifjut.

5.   L-Aġenzija tista' tagħmel użu mill-għodod ta' sorveljanza msemmija fil-paragrafu 2 fuq l-inizjattiva tagħha stess, biex tiġbor informazzjoni li tkun rilevanti għall-istampa ta' intelligence prefruntiera komuni.

Artikolu 13

Proċessar ta' data personali

1.   Meta l-istampa tas-sitwazzjoni nazzjonali tintuża għall-ipproċessar ta' data personali, dik id-data għandha tiġi pproċessata f'konformità mad-Direttiva 95/46/KE, id-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI u d-dispożizzjonijiet rilevanti nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-data.

2.   L-istampa tas-sitwazzjoni Ewropea u l-istampa ta’ intelligence prefruntiera komuni jistgħu jintużaw biss għall-ipproċessar ta' data personali dwar numri ta' identifikazzjoni tal-vapuri.

Dik id-data għandha tiġi pproċessata f'konformità mal-Artikolu 11ca tar-Regolament (KE) Nru 2007/2004. Din għandha tiġi pproċessata biss għall-fini tal-kxif, l-identifikazzjoni u t-traċċar tal-bastimenti kif ukoll għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 11c(3) ta' dak ir-Regolament. Din għandha titħassar awtomatikament fi żmien sebat ijiem minn meta tkun waslet għand l-Aġenzija jew, fejn ikun meħtieġ aktar ħin sabiex bastiment jiġi ttraċċat, fi żmien xahrejn minn meta tkun waslet għand l-Aġenzija.

KAPITOLU III

Kapaċità ta' reazzjoni

Artikolu 14

Determinazzjoni tas-sezzjonijiet tal-fruntiera esterna

Għall-fini ta' dan ir-Regolament, kull Stat Membru għandu jaqsam il-fruntieri esterni tiegħu fuq l-art u fil-baħar f’sezzjonijiet tal-fruntiera, u għandu jagħti notifika dwarhom lill-Aġenzija.

Artikolu 15

Attribuzzjoni tal-livelli tal-impatt għal sezzjonijiet tal-fruntiera esterna

1.   Fuq il-bażi tal-analiżi tar-riskju tal-Aġenzija u fi qbil mal-Istat Membru kkonċernat, l-Aġenzija għandha tattribwixxi l-livelli tal-impatt li ġejjin għal kull waħda mis-sezzjonijiet tal-fruntiera esterna fuq l-art u fil-baħar tal-Istati Membri jew tbiddel tali livelli:

(a)

livell tal-impatt baxx fejn l-inċidenti relatati mal-immigrazzjoni illegali jew il-kriminalità transkonfinali li jseħħu fis-sezzjoni tal-fruntiera rilevanti jkollhom impatt mhux sinifikanti fuq is-sigurtà tal-fruntiera;

(b)

livell tal-impatt medju fejn l-inċidenti relatati mal-immigrazzjoni illegali jew il-kriminalità transkonfinali li jseħħu fis-sezzjoni tal-fruntiera rilevanti jkollhom impatt moderat fuq is-sigurtà tal-fruntiera;

(c)

livell tal-impatt għoli fejn l-inċidenti relatati mal-immigrazzjoni illegali jew il-kriminalità transkonfinali li jseħħu fis-sezzjoni tal-fruntiera rilevanti jkollhom impatt sinifikanti fuq is-sigurtà tal-fruntiera.

2.   Iċ-ċentru nazzjonali ta’ koordinazzjoni għandu jwettaq valutazzjoni regolari biex jara jkunx hemm ħtieġa li jinbidel il-livell tal-impatt ta’ kwalunkwe sezzjoni tal-fruntiera billi jittieħed kont tal-informazzjoni li tinsab fl-istampa tas-sitwazzjoni nazzjonali.

3.   L-Aġenzija għandha tivviżwalizza l-livelli tal-impatt attribwiti lill-fruntieri esterni fl-istampa tas-sitwazzjoni Ewropea.

Artikolu 16

Reazzjoni li tikkorrispondi għal-livelli tal-impatt

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-attivitajiet ta’ sorveljanza li jitwettqu fis-sezzjonijiet tal-fruntieri esterni jkunu jikkorrispondu mal-livelli tal-impatt attribwiti bil-mod segwenti:

(a)

meta jiġi attribwit livell tal-impatt baxx lil sezzjoni tal-fruntiera esterna, l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għas-sorveljanza fuq il-fruntiera esterna għandhom jorganizzaw sorveljanza regolari fuq il-bażi tal-analiżi tar-riskju u jiżguraw li jkunu qed jinżammu biżżejjed persunal u riżorsi fiż-żona tal-fruntiera lesti għat-traċċar, l-identifikazzjoni u l-interċettazzjoni;

(b)

meta jiġi attribwit livell tal-impatt medju lil sezzjoni tal-fruntiera esterna, l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għas-sorveljanza fuq il-fruntiera esterna għandhom, flimkien mal-miżuri meħuda taħt punt (a), jiżguraw li qed jittieħdu miżuri adatti ta' sorveljanza f'dik is-sezzjoni tal-fruntiera. Meta jittieħdu tali miżuri ta' sorveljanza, iċ-ċentru nazzjonali ta' koordinazzjoni għandu jiġi notifikat kif adatt. Iċ-ċentru nazzjonali ta' koordinazzjoni għandu jikkoordina kwalunkwe appoġġ mogħti f'konformità mal-Artikolu 5(3);

(c)

meta jiġi attribwit livell tal-impatt għoli lil sezzjoni tal-fruntiera esterna, l-Istat Membru kkonċernat għandu, flimkien mal-miżuri meħuda taħt punt (b), jiżgura, permezz taċ-ċentru nazzjonali ta' koordinazzjoni, li l-awtoritajiet nazzjonali li joperaw f'dik is-sezzjoni tal-fruntiera jingħataw l-appoġġ meħtieġ u li jittieħdu miżuri rinforzati ta' sorveljanza. Dak l-Istat Membru jista' jitlob appoġġ mill-Aġenzija soġġett għall-kundizzjonijiet għall-bidu ta' operazzjonijiet konġunti jew interventi rapidi, kif stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 2007/2004.

2.   Iċ-ċentru nazzjonali ta’ koordinazzjoni għandu jinforma regolarment lill-Aġenzija dwar il-miżuri meħuda fuq il-livell nazzjonali skont il-punt (c) tal-paragrafu 1 .

3.   Meta jiġi attribwit livell tal-impatt medju jew għoli lil sezzjoni tal-fruntiera esterna li tkun tinsab maġenb is-sezzjoni tal-fruntiera ta’ Stat Membru ieħor jew ta’ pajjiż li miegħu hemm ftehimiet jew netwerks reġjonali, kif imsemmi fl-Artikoli 19 u 20, iċ-ċentru nazzjonali ta’ koordinazzjoni għandu jikkuntattja liċ-ċentru nazzjonali ta’ koordinazzjoni tal-Istat Membru jew l-awtorità kompetenti ġara tal-pajjiż ġar u għandu jipprova jikkoordina l-miżuri transkonfinali neċessarji.

4.   Meta Stat Membru jissottometti talba skont il-punt (c) tal-paragrafu 1, l-Aġenzija tista', meta tkun qed twieġeb għal dik it-talba, tagħti appoġġ lil dak l-Istat Membru partikolarment billi:

(a)

tagħti trattament prijoritarju għall-applikazzjoni komuni tal-għodod ta’ sorveljanza;

(b)

tikkoordina l-użu ta' Timijiet ta' Gwardji tal-Fruntiera Ewropej f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 2007/2004;

(c)

tiżgura l-użu ta' tagħmir tekniku għad-dispożizzjoni tal-Aġenzija skont ir-Regolament (KE) Nru 2007/2004;

(d)

tikkoordina kwalunkwe appoġġ addizzjonali offrut minn Stati Membri oħrajn.

5.   L-Aġenzija għandha tevalwa, flimkien mal-Istati Membri kkonċernati, l-attribuzzjoni tal-livelli tal-impatt u l-miżuri korrispondenti meħuda fuq il-livell nazzjonali u tal-Unjoni fir-rapporti tal-analiżi tar-riskju tagħha.

TITOLU III

DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊIFIĊI U FINALI

Artikolu 17

Allokazzjoni ta’ kompiti lil awtoritajiet oħrajn fl-Istati Membri

1.   L-Istati Membri jistgħu jinkarigaw lil ċentri reġjonali, lokali, funzjonali jew lil awtoritajiet oħrajn, li jkunu f'pożizzjoni li jieħdu deċiżjonijiet operazzjonali, li jiżguraw l-għarfien tas-sitwazzjoni u l-kapaċità ta' reazzjoni fiż-żoni rispettivi ta’ kompetenza tagħhom, inklużi l-kompiti u l-kompetenzi msemmija fil-punti (c), (e) u (f) tal-Artikolu 5(3) .

2.   Id-deċiżjoni tal-Istati Membri li jallokaw il-kompiti skont il-paragrafu 1 ma taffettwax liċ-ċentru ta’ koordinazzjoni nazzjonali fil-kapaċità tiegħu li jikkoopera u jiskambja informazzjoni ma’ ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni oħrajn u mal-Aġenzija.

3.   F’każijiet predefiniti, kif determinati fil-livell nazzjonali, iċ-ċentru nazzjonali ta’ koordinazzjoni jista’ jawtorizza lil awtorità msemmija fil-paragrafu 1 biex tikkomunika u tiskambja informazzjoni mal-awtoritajiet reġjonali jew iċ-ċentru ta’ koordinazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru ieħor jew l-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiż terz bil-kondizzjoni li tali awtorità tinforma liċ-ċentru nazzjonali ta’ koordinazzjoni tiegħu stess regolarment dwar tali komunikazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni.

Artikolu 18

Kooperazzjoni tal-Aġenzija ma’ partijiet terzi

1.   L-Aġenzija għandha tagħmel użu mill-informazzjoni, kapaċitajiet u sistemi eżistenti disponibbli f’istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni, u organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn, fl-oqfsa legali rispettivi tagħhom.

2.   F'konformità mal-paragrafu 1, l-Aġenzija għandha tikkoopera b'mod partikolari mal-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni, u l-organizzazzjonijiet internazzjonali li ġejjin:

(a)

L-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol) biex tiġi skambjata informazzjoni dwar il-kriminalità transkonfinali li għandha tiġi inkluża fl-istampa tas-sitwazzjoni Ewropea;

(b)

Iċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea, l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima u l-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd fil-provvediment tal-applikazzjoni komuni tal-għodod ta’ sorveljanza;

(c)

il-Kummissjoni, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u l-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil, li jistgħu jipprovdu lill-Aġenzija informazzjoni li hija rilevanti għaż-żamma tal-istampa tas-sitwazzjoni Ewropea u l-istampa ta’ intelligence prefruntiera komuni;

(d)

organizzazzjonijiet internazzjonali li jistgħu jipprovdu lill-Aġenzija informazzjoni rilevanti għaż-żamma tal-istampa tas-sitwazzjoni Ewropea u l-istampa ta’ intelligence prefruntiera komuni.

3.   F'konformità mal-paragrafu 1, l-Aġenzija tista' tikkoopera maċ-Ċentru għall-Analiżi u l-Operazzjonijiet Marittimi - Narkotiċi (MAOC-N) u s-Centre de Coordination pour la lutte antidrogue en Méditerranée (CeCLAD-M) (iċ-Ċentru ta' Koordinazzjoni għall-ġlieda kontra d-drogi fil-Mediterran) biex tiġi skambjata informazzjoni dwar il-kriminalità transkonfinali li għandha tiġi inkluża fl-istampa tas-sitwazzjoni Ewropea.

4.   Informazzjoni bejn l-Aġenzija u l-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni u l-organizzazzjonijiet internazzjonali msemmija fil-paragrafu 2 u 3, għandha tiġi skambjata permezz tan-netwerk ta' komunikazzjoni msemmi fl-Artikolu 7 jew netwerks ta’ komunikazzjoni oħrajn li jissodisfaw il-kriterji ta’ disponibbiltà, kunfidenzjalità u integrità.

5.   Il-kooperazzjoni bejn l-Aġenzija u l-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni u l-organizzazzjonijiet internazzjonali msemmija fil-paragrafi 2 u 3, għandha tiġi rregolata bħala parti minn arranġamenti ta’ ħidma skont ir-Regolament (KE) Nru 2007/2004 u l-bażi legali rispettiva tal-korp, l-uffiċċju jew l-aġenzija tal-Unjoni, jew l-organizzazzjoni internazzjonali kkonċernata. Fir-rigward tal-immaniġġjar ta’ informazzjoni klassifikata, dawk l-arranġamenti għandhom jipprevedu li l-korp, l-uffiċċju jew l-aġenzija tal-Unjoni jew l-organizzazzjoni internazzjonali kkonċernati jkunu jikkonformaw mar-regoli u l-istandards tas-sigurtà ekwivalenti għal dawk applikati mill-Aġenzija.

6.   Il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni u l-organizzazzjonijiet internazzjonali msemmija fil-paragrafi 2 u 3, għandhom jużaw l-informazzjoni li jirċievu fil-kuntest tal-EUROSUR biss fil-limiti tal-qafas legali tagħhom u b’mod konformi mad-drittijiet fundamentali, inklużi r-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data.

Artikolu 19

Kooperazzjoni mal-Irlanda u mar-Renju Unit

1.   Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, l-iskambju ta’ informazzjoni u l-kooperazzjoni mal-Irlanda u mar-Renju Unit jistgħu jseħħu abbażi ta’ ftehimiet bilaterali jew multilaterali bejn l-Irlanda jew ir-Renju Unit rispettivament u Stat Membru ġar wieħed jew iktar jew permezz ta' netwerks reġjonali bbażati fuq dawk il-ftehimiet. Iċ-ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni tal-Istati Membri għandhom ikunu l-punti ta’ kuntatt għall-iskambju tal-informazzjoni mal-awtoritajiet korrispondenti tal-Irlanda u tar-Renju Unit fil-EUROSUR. Meta dawn il-ftehimiet jiġu konklużi, għandhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni.

2.   Il-ftehimiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu limitati għall-iskambju tal-informazzjoni sussegwenti bejn iċ-ċentru nazzjonali ta' koordinazzjoni ta' Stat Membru u l-awtorità korrispondenti tal-Irlanda jew tar-Renju Unit:

(a)

informazzjoni li tinsab fl-istampa tas-sitwazzjoni nazzjonali ta' Stat Membru sa fejn din tkun trażmessa lill-Aġenzija għall-iskopijiet tal-istampa tas-sitwazzjoni Ewropea u l-istampa ta’ intelligence prefruntiera komuni;

(b)

informazzjoni miġbura mill-Irlanda u mir-Renju Unit li tkun rilevanti għall-iskopijiet tal-istampa tas-sitwazzjoni ewropea u l-istampa ta’ intelligence prefruntiera komuni;

(c)

informazzjoni kif imsemmija fl-Artikolu 9(9).

3.   L-informazzjoni pprovduta fil-kuntest tal-EUROSUR mill-Aġenzija jew minn Stat Membru li mhuwiex parti għal ftehim kif imsemmi fil-paragrafu 1 m'għandhiex tiġi kondiviża mal-Irlanda jew ir-Renju Unit mingħajr l-approvazzjoni minn qabel tal-Aġenzija jew ta' dak l-Istat Membru. L-Istati Membri u l-Aġenzija għandhom ikunu marbutin miċ-ċaħda li jikkondividu dik l-informazzjoni mal-Irlanda u r-Renju Unit.

4.   Kwalunkwe trażmissjoni suċċessiva jew komunikazzjoni oħra ta' informazzjoni skambjata taħt dan l-Artikolu lil pajjiżi terzi jew lil partijiet terzi għandha tkun ipprojbita.

5.   Il-ftehimiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu dispożizzjonijiet dwar l-ispejjeż finanzjarji li jirriżultaw mill-parteċipazzjoni tal-Irlanda u tar-Renju Unit fl-implimentazzjoni ta' dawk il-ftehimiet.

Artikolu 20

Kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi ġirien

1.   Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, l-Istati Membri jistgħu jiskambjaw informazzjoni u jikkooperaw ma' pajjiż terz wieħed ġar jew diversi pajjiżi terzi ġirien. Tali iskambju ta' informazzjoni u tali kooperazzjoni għandhom iseħħu fuq il-bażi ta' ftehimiet bilaterali jew multilaterali jew permezz ta' netwerks reġjonali stabbiliti fuq il-bażi ta' dawk il-ftehimiet. Iċ-ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni tal-Istati Membri għandhom ikunu l-punt ta’ kuntatt għall-iskambju ta' informazzjoni ma’ pajjiżi terzi ġirien.

2.   Qabel ma jiġi konkluż kwalunkwe ftehim imsemmi fil-paragrafu 1, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jagħtu notifika dwar il-ftehim lill-Kummissjoni, li għandha tivverifika li d-dispożizzjonijiet tagħha li huma rilevanti għall-EUROSUR jikkonformaw ma' dan ir-Regolament. Ladarba l-Ftehim jiġi konkluż, l-Istat Membru kkonċernat għandu jinnotifikah lill-Kummissjoni li għandha tgħarraf lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Aġenzija dwar dan.

3.   Il-ftehimiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jikkonformaw mal-Liġi tal-Unjoni u l-liġi internazzjonali rilevanti dwar id-drittijiet fundamentali u dwar il-protezzjoni internazzjonali, inkluż il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Rifuġjati, b'mod partikolari l-prinċipju ta' non-refoulement.

4.   Kwalunkwe skambju ta' data personali ma' pajjiżi terzi fil-qafas tal-EUROSUR għandu jkun strettament limitat għal dak li huwa assolutament meħtieġ għall-finijiet ta' dan ir-Regolament. Għandu jsir f'konformità mad-Direttiva 95/46/KE, id-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI u d-dispożizzjonijiet rilevanti nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-data.

5.   Kull skambju ta’ informazzjoni skont il-paragrafu 1, li jipprovdi pajjiż terz b'informazzjoni li tista' tintuża biex tidentifika persuni jew gruppi ta’ persuni li t-talba tagħhom għal aċċess għall-protezzjoni internazzjonali qed tiġi ezaminata jew li qegħdin f’riskju serju li jkunu soġġetti għal tortura, trattament inuman u degradanti jew kastig jew kull ksur ieħor ta’ drittijiet fundamentali, għandu jkun ipprojbit.

6.   Kull skambju ta’ informazzjoni taħt il-paragrafu 1 għandu jkun konformi mal-kundizzjonijiet tal-ftehimiet bilaterali u multilaterali konklużi mal-pajjiżi terzi ġirien..

7.   L-informazzjoni pprovduta fil-kuntest tal-EUROSUR mill-Aġenzija jew minn Stat Membru li mhux parti għal ftehim kif imsemmi fil-paragrafu 1 m'għandhiex tiġi kondiviża ma' pajjiż terz taħt dak il-ftehim mingħajr l-approvazzjoni minn qabel tal-Aġenzija jew ta' dak l-Istat Membru. L-Istati Membri u l-Aġenzija għandhom ikunu marbuta bir-rifjut li jikkondividu dik l-informazzjoni mal-pajjiż terz ikkonċernat..

8.   Kwalunkwe trażmissjoni suċċessiva jew komunikazzjoni oħra ta' informazzjoni skambjata taħt dan l-Artikolu lil pajjiżi terzi oħra jew lil partijiet terzi għandha tkun ipprojbita..

9.   Kull skambju ta' informazzjoni ma' pajjiżi terzi miksuba permezz tal-applikazzjoni komuni tal-għodod ta' sorveljanza għandu jkun soġġett għal-liġijiet u r-regoli li jirregolaw dawk l-għodod kif ukoll għad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 95/46/KE, ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI.

Artikolu 21

Manwal

1.   Il-Kummissjoni għandha, b’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, mal-Aġenzija u ma' kwalunkwe korp, uffiċċju jew aġenzija oħra rilevanti tal-Unjoni, tagħmel disponibbli manwal prattiku għall-implimentazzjoni u l-ġestjoni tal-EUROSUR (il-“Manwal”). Il-Manwal għandu jipprovdi linji gwida tekniċi u operazzjonali, rakkomandazzjonijiet u l-aħjar prattiki inkluż dwar il-kooperazzjoni ma' pajjiżi terżi. Il-Kummissjoni għandha tadotta l-Manwal fil-forma ta’ rakkomandazzjoni.

2.   Il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi, wara konsultazzjoni mal-Istati Membri u l-Aġenzija, li tikklassifika partijiet mill-Manwal bħala RESTREINT UE/EU RESTRICTED f'konformità mar-regoli mniżżla fir-Regoli ta' Proċedura tal-Kummissjoni.

Artikolu 22

Monitoraġġ u evalwazzjoni

1.   Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, l-Aġenzija u l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri jkunu stabbiliti għall-monitoraġġ tal-funzjonament tekniku u operazzjonali tal-EUROSUR meta mqabbel mal-objettivi li jinkisbu għarfien tas-sitwazzjoni u kapaċità ta' reazzjoni adegwati fil-fruntieri esterni u tar-rispett tad-drittijiet fundamentali inkluż il-prinċipju ta' non-refoulement.

2.   L-Aġenzija għandha tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-funzjonament tal-EUROSUR sal-1 ta’ Diċembru 2015 u kull sentejn minn dakinhar.

3.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi evalwazzjoni ġenerali tal-EUROSUR lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sal-1 ta’ Diċembru 2016 u kull erba’ snin minn dakinhar. Dik l-evalwazzjoni għandha tinkludi valutazzjoni tar-riżultati miksuba meta mqabbla mal-objettivi stabbiliti, tal-validità kontinwa tar-raġunijiet sottostanti, tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament fl-Istati Membri u mill-Aġenzija u tal-konformità ma' u l-impatt fuq id-drittijiet fundamentali. Din għandha tinkludi wkoll evalwazzjoni tal-ispejjeż u l-benefiċċji. Fejn meħtieġ, dik l-evalwazzjoni għandha tkun akkumpanjata minn proposti adegwati biex jiġi emendat dan ir-Regolament.

4.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Aġenzija bl-informazzjoni meħtieġa biex jiġi abbozzat ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 2.

L-Aġenzija għandha tipprovdi lill-Kummissjoni bl-informazzjoni meħtieġa biex twettaq l-evalwazzjoni msemmija fil-paragrafu 3.

Artikolu 23

Emendi għar-Regolament (KE) Nru 2007/2004

Ir-Regolament (KE) Nru 2007/2004 huwa b'dan emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 2(1), il-punt (i) għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“(i)

tipprovdi l-għajnuna neċessarja għall-iżvilupp u l-operazzjoni ta' sistema Ewropea ta' sorveljanza tal-fruntieri u, kif adatt, għall-iżvilupp ta' ambjent komuni għall-kondiviżjoni ta' informazzjoni, inkluża l-interoperabbiltà ta' sistemi, b'mod partikolari permezz tal-istabbiliment, iż-żamma u l-koordinazzjoni tal-qafas tal-EUROSUR f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 1052/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*)

(*)  Ir-Regolament (UE) Nru 1052/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 22 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi s-Sistema Ewropea ta’ Sorveljanza tal-Fruntieri (EUROSUR) (ĠU L 295, 6.11.2013, p. 11).”;"

(2)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 11ca

L-ipproċessar ta' data personali fil-qafas tal-EUROSUR

L-Aġenzija tista' tipproċessa data personali kif stabbilit fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 1052/2013, li għandu jiġi applikat f’konformità mal-miżuri msemmija fl-Artikolu 11a ta' dan ir-Regolament. B'mod partikolari, l-ipproċessar ta' tali data għandu jirrispetta l-prinċipji tan-neċessità u l-proporzjonalità u t-trasmissjoni suċċessiva jew komunikazzjoni oħra ta' tali data personali pproċessata mill-Aġenzija lil pajjiżi terzi għandhom ikunu pprojbiti.”.

Artikolu 24

Dħul fis-seħħ u applikabbiltà

1.   Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   Dan ir-Regolament għandu japplika mit-2 ta' Diċembru 2013.

3.   Il-Bulgarija, l-Estonja, il-Greċja, Spanja, Franza, il-Kroazja, l-Italja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja, is-Slovakkja u l-Finlandja għandhom jistabbilixxu ċentru nazzjonali ta' koordinazzjoni skont l-Artikolu 5 mit-2 ta' Diċembru 2013.

Il-bqija tal-Istati Membri għandhom jistabbilixxu ċentru nazzjonali ta' koordinazzjoni skont l-Artikolu 5 mill-1 ta' Diċembru 2014.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Strasburgu, it-22 ta’ Ottubru 2013.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

V. LEŠKEVIČIUS


(1)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ottubru 2013 (għadha mhix ppublikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2013.

(2)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 tas-26 ta' Ottubru 2004 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 349, 25.11.2004, p. 1).

(3)  Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE tal-24 ta’ Ottubru, 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).

(4)  Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dak id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

(5)  Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI tas-27 ta’ Novembru 2008 dwar il-protezzjoni ta’ data personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali (ĠU L 350, 30.12.2008, p. 60).

(6)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq biex jieħdu parti f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43).

(7)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta' Frar 2002 dwar it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f'xi wħud mid-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).

(8)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

(9)  Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta' Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31).

(10)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

(11)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta' Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f'isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-Acquis ta' Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1).

(12)  ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.

(13)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19).

(14)  Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen) (ĠU L 105, 13.4.2006, p. 1).

(15)  ĠU L 308, 8.12.2000, p. 26.


ANNESS

Il-prinċipji li ġejjin għandhom jiġu kkunsidrati meta jiġu stabbiliti, operati u miżmuma l-komponenti differenti tal-qafas tal-EUROSUR:

(a)

Il-prinċipju ta’ komunitajiet ta’ interess: Iċ-ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni u l-Aġenzija għandhom jiffurmaw komunitajiet ta’ interess partikolari għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni u l-kooperazzjoni fil-qafas tal-EUROSUR. Il-komunitajiet ta’ interess jintużaw biex jiġu organizzati ċ-ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni differenti u l-Aġenzija biex jiskambjaw informazzjoni fit-tfittxija ta’ għanijiet, rekwiżiti u interessi komuni.

(b)

Il-prinċipji ta’ ġestjoni konsistenti u tal-użu ta’ strutturi eżistenti: L-Aġenzija għandha tiżgura l-konsistenza bejn il-komponenti differenti tal-qafas tal-EUROSUR, inklużi l-provvediment ta’ gwida u ta’ appoġġ liċ-ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni u l-promozzjoni tal-interoperabbiltà tal-informazzjoni u t-teknoloġija. Sa fejn ikun possibbli, il-qafas tal-EUROSUR għandu jagħmel użu minn sistemi u kapaċitajiet eżistenti, sabiex il-baġit ġenerali tal-Unjoni jintuża bl-aħjar mod possibbli u tiġi evitata d-duplikazzjoni. F’dan il-kuntest, l-EUROSUR għandha tiġi stabbilita b’mod kompatibbli għal kollox mas-CISE, u għalhekk tkun tikkontribwixxi għal approċċ ikkoordinat u kosteffiċjenti u tibbenefika minnu għall-iskambju tal-informazzjoni transsettorjali fl-Unjoni.

(c)

Il-prinċipji tal-kondiviżjoni tal-informazzjoni u tal-assigurazzjoni tal-informazzjoni: L-informazzjoni magħmula disponibbli fil-qafas tal-EUROSUR għandha tkun disponibbli għaċ-ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni kollha u għall-Aġenzija, sakemm ma jkunux ġew stabbiliti restrizzjonijiet speċifiċi jew sakemm ma jkunx sar ftehim dwarhom. Iċ-ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni għandhom jiżguraw id-disponibbiltà, il-kunfidenzjalità u l-integrità tal-informazzjoni li tkun ser tiġi skambjata fuq il-livell nazzjonali, Ewropew u internazzjonali. L-Aġenzija għandha tiżgura d-disponibbiltà, il-kunfidenzjalità u l-integrità tal-informazzjoni li tkun ser tiġi skambjata fuq il-livell Ewropew u internazzjonali.

(d)

Il-prinċipji tal-orjentament lejn is-servizzi u tal-istandardizzazzjoni: Il-kapaċitajiet differenti tal-EUROSUR għandhom jiġu implimentati permezz ta’ approċċ orjentat lejn is-servizz. L-Aġenzija għandha tiżgura li, sa fejn ikun possibbli, il-qafas tal-EURSUR ikun ibbażat fuq standards miftiehma internazzjonalment.

(e)

Il-prinċipju tal-flessibbiltà: l-organizzazzjoni, l-informazzjoni u t-teknoloġija għandhom ikunu mfassla sabiex il-partijiet interessati tal-EUROSUR ikunu jistgħu jirreaġixxu għas-sitwazzjonijiet li jkunu qed jinbidlu b’mod flessibbli u strutturat.


Dikjarazzjoni mill-Kunsill

Il-EUROSUR ser tikkontribwixxi għat-titjib tal-protezzjoni u s-salvataġġ tal-ħajjiet tal-migranti. Il-Kunsill ifakkar li t-tfittix u s-salvataġġ tal-ħajja umana fil-baħar huma kompetenza tal-Istati Membri li huma jeżerċitaw fil-qafas tal-konvenzjonijiet internazzjonali.


Top