EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R1021

Regolament (UE) Nru 1021/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad- 9 ta’ Ottubru 2013 li jemenda d-Direttivi 1999/4/KE u 2000/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttivi tal-Kunsill 2001/111/KE, 2001/113/KE u 2001/114/KE fir-rigward tas-setgħat li għandhom jiġu mogħtija lill-Kummissjoni Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 287, 29.10.2013, p. 1–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1021/oj

29.10.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 287/1


REGOLAMENT (UE) Nru 1021/2013 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tad-9 ta’ Ottubru 2013

li jemenda d-Direttivi 1999/4/KE u 2000/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttivi tal-Kunsill 2001/111/KE, 2001/113/KE u 2001/114/KE fir-rigward tas-setgħat li għandhom jiġu mogħtija lill-Kummissjoni

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 43(2) u 114(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trasmissjoni tal-abbozz tal-att leġislattiv lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Id-Direttiva 1999/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Frar 1999 li għandha x’taqsam mal-estratti tal-kafè u l-estratti taċ-ċikwejra (3), id-Direttiva 2000/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ġunju 2000 rigward il-prodotti mill-kawkaw u miċ-ċikkulata maħsuba għall-konsum mill-bniedem (4), id-Direttiva tal-Kunsill 2001/111/KE tal-20 ta’ Diċembru 2001 li għandha x’taqsam ma’ ċerti tipi ta’ zokkor maħsuba għall-konsum mill-bniedem (5), id-Direttiva tal-Kunsill 2001/113/KE tal-20 ta’ Diċembru 2001 li għandha x’taqsam mal-ġamm tal-frott, il-ġelatini u l-marmellati u mal-purejiet tal-qastan mogħtija l-ħlewwa maħsuba għal konsum mill-bniedem (6), u d-Direttiva tal-Kunsill 2001/114/KE tal-20 ta’ Diċembru 2001 rigward ċertu ħalib ippriservat disidratat inparti jew kollu għall-konsum tal-bniedem (7) jagħtu s-setgħat lill-Kummissjoni sabiex timplimenta wħud mid-dispożizzjonijiet ta’ dawk id-Direttivi. Dawk is-setgħat ġew eżerċitati skont il-proċeduri stipulati fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (8). Wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, huwa opportun li dak l-għoti ta’ setgħat jiġi allinjat mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

(2)

B’mod partikolari, id-Direttivi 2000/36/KE, 2001/111/KE, 2001/113/KE u 2001/114/KE jagħtu setgħat lill-Kumissjoni biex tadotta miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dawk id-Direttivi marbuta mal-adattament għall-progress tekniku. Tali miżuri bħalissa huma soġġetti għall-proċedura regolatorja bi skrutinju fil-każ tad-Direttiva 2000/36/KE, u għall-proċedura regolatorja fil-każ tad-Direttivi 2001/111/KE, 2001/113/KE u 2001/114/KE. Wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, huwa opportun li dak l-għoti tas-setgħat jiġi allinjat mal-Artikolu 290 TFUE u l-ambitu ta’ dawk is-setgħat għandu jiġi rieżaminat.

(3)

L-Annessi għad-Direttivi 2000/36/KE, 2001/111/KE u 2001/113/KE fihom elementi tekniċi li jistgħu jeħtieġu li jiġu adattati jew aġġornati biex iqisu l-iżviluppi fl-istandards internazzjonali rilevanti. Madankollu, id-Direttivi 2000/36/KE u 2001/111/KE ma jagħtux lill-Kummissjoni setgħat adatti biex temenda l-Annessi tagħhom immedjatament biex jittieħed kont ta’ tali żviluppi. Għalhekk, sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni konsistenti tad-Direttivi 2000/36/KE u 2001/111/KE, għandhom jiġu delegati lill-Kummissjoni setgħat addizzjonali biex temenda t-taqsimiet C u D tal-Anness I għad-Direttiva 2000/36/KE u l-Parti B tal-Anness għad-Direttiva 2001/111/KE biex jittieħed kont tal-iżviluppi fl-istandards internazzjonali rilevanti. Barra minn hekk, id-Direttiva 2001/113/KE tagħti lill-Kummissjoni setgħat biex lil dik id-Direttiva tagħmilha konformi mal-iżviluppi fl-istandards internazzjonali rilevanti f’konformità mal-proċedura regolatorja. Wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, huwa opportun li dak l-għoti tas-setgħat jiġi allinjat mal-Artikolu 290 TFUE u l-ambitu ta’ dawk is-setgħat għandu jiġi rieżaminat.

(4)

Għalhekk, sabiex jittieħed kont tal-progress tekniku u l-iżviluppi fl-istandards internazzjonali rilevanti, is-setgħa biex tadotta l-atti skont l-Artikolu 290 tat-TFUE għandha tkun iddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward ta’ dan li ġej: l-emendar tat-Taqsimiet C u D tal-Anness I għad-Direttiva 2000/36/KE; l-emendar tal-Parti B tal-Anness għad-Direttiva 2001/111/KE; u l-emendar tal-Anness II u l-Parti B tal-Anness III għad-Direttiva 2001/113/KE. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti. Il-Kummissjoni, meta tħejji u tfassal l-atti ddelegati, għandha tiżgura trasmissjoni simultanja, f’waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(5)

Wara l-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (9), li japplika għall-istadji kollha tal-produzzjoni, l-ipproċessar u d-distribuzzjoni tal-ikel u l-għalf fil-livelli tal-Unjoni u nazzjonali, dispożizzjonijiet ġenerali tal-Unjoni dwar oġġetti tal-ikel japplikaw direttament għall-prodotti koperti mid-Direttivi 1999/4/KE, 2000/36/KE, 2001/111/KE, 2001/113/KE u 2001/114/KE. Għalhekk, ma għadux neċessarju għall-Kummissjoni li jkollha setgħat biex tallinja d-dispożizzjonijiet ta’ dawk id-Direttivi mad-dispożizzjonijiet ġenerali tal-Unjoni dwar oġġetti tal-ikel. Id-dispożizzjonijiet li jagħtu dawn is-setgħat għandhom għalhekk jitħassru.

(6)

Dan ir-Regolament huwa limitat għall-allinjament tal-għoti eżistenti tas-setgħat lill-Kummissjoni taħt id-Direttivi 1999/4/KE, 2000/36/KE, 2001/111/KE, 2001/113/KE u 2001/114/KE mal-Artikolu 290 tat-TFUE u, fejn ikun xieraq, għar-rieżami tal-ambitu ta’ dawk is-setgħat. Peress li għadu l-każ li l-għanijiet ta’ dawk id-Direttivi ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri b’mod konformi mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. B’mod konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stipulat f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu l-objettivi tiegħu.

(7)

Għaldaqstant, id-Direttivi 1999/4/KE, 2000/36/KE, 2001/111/KE, 2001/113/KE u 2001/114/KE għandhom jiġu emendati skont dan.

(8)

Ladarba l-emendi li jsiru fid-Direttivi 1999/4/KE, 2000/36/KE, 2001/111/KE, 2001/113/KE u 2001/114/KE jikkonċernaw is-setgħat tal-Kummissjoni biss, ma hemmx bżonn li jiġu trasposti mill-Istati Membri,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għad-Direttiva 1999/4/KE

L-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 1999/4/KE jitħassru.

Artikolu 2

Emendi għad-Direttiva 2000/36/KE

Id-Direttiva 2000/36/KE hija b’dan emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 5

Għall-fini li jittieħed kont tal-progress tekniku u l-iżviluppi fl-istandards internazzjonali rilevanti, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 6 biex temenda t-taqsimiet C u D tal-Anness I.”;

(2)

L-Artikolu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 6

1.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġetta għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 5 hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ ħames snin mit-18 ta' Novembru 2013. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħa mhux iktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ ħames snin. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perijodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni sa mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perijodu.

3.   Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikolu 5 tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Hija ma għandha taffettwa l-validità ta’ ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 5 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perijodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.”.

Artikolu 3

Emendi għad-Direttiva 2001/111/KE

Id-Direttiva 2001/111/KE hija b’dan emendata kif ġej:

(1)

L-Artikoli 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 4

Għall-fini li jittieħed kont tal-progress tekniku u l-iżviluppi fl-istandards internazzjonali rilevanti, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 5 biex temenda l-Parti B tal-Anness.”;

(2)

L-Artikolu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 5

1.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġetta għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 4 hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ ħames snin mit-18 ta' Novembru 2013. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħa mhux iktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ ħames snin. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perijodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni sa mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perijodu.

3.   Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikolu 4 tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Hija ma għandha taffettwa l-validità ta’ ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 4 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perijodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.”.

Artikolu 4

Emendi għad-Direttiva 2001/113/KE

Id-Direttiva 2001/113/KE hija b’dan emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 5

Għall-fini li jittieħed kont tal-progress tekniku u l-iżviluppi fl-istandards internazzjonali rilevanti, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 6 biex temenda l-Anness II u l-Parti B tal-Anness III.”;

(2)

L-Artikolu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 6

1.   Is-segħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġetta għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 5 hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ ħames snin mit-18 ta' Novembru 2013. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħa mhux iktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ ħames snin. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perijodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni sa mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perijodu.

3.   Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikolu 5 tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Hija ma għandha taffettwa l-validità ta’ ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 5 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perijodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.”.

Artikolu 5

Emendi għad-Direttiva 2001/114/KE

L-Artikoli 5 u 6 tad-Direttiva 2001/114/KE jitħassru.

Artikolu 6

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, id-9 ta’ Ottubru 2013.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

V. LEŠKEVIČIUS


(1)  ĠU C 229, 31.7.2012, p. 143.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Settembru 2013 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-26 ta’ Settembru 2013.

(3)  ĠU L 66, 13.3.1999, p. 26.

(4)  ĠU L 197, 3.8.2000, p. 19.

(5)  ĠU L 10, 12.1.2002, p. 53.

(6)  ĠU L 10, 12.1.2002, p. 67.

(7)  ĠU L 15, 17.1.2002, p. 19.

(8)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

(9)  ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.


Top