EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013L0055

Direttiva 2013/55/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 20 ta' Novembru 2013 li temenda d-Direttiva 2005/36/KE dwar ir-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali u r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern ("ir-Regolament tal-IMI") Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 354, 28.12.2013, p. 132–170 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2013/55/oj

28.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 354/132


DIRETTIVA 2013/55/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-20 ta' Novembru 2013

li temenda d-Direttiva 2005/36/KE dwar ir-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali u r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern ("ir-Regolament tal-IMI")

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 46, 53(1) u 62 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2005 dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali (3) kkonsolidat sistema ta’ rikonoxximent reċiproku li inizjalment kienet ibbażata fuq 15-il Direttiva. Tipprovdi għal rikonoxximent awtomatiku għal għadd limitat ta’ professjonijiet abbażi ta’ rekwiżiti minimi ta’ taħriġ (professjonijiet settorjali) armonizzati, sistema ġenerali għar-rikonoxximent ta’ provi ta’ taħriġ u rikonoxximent awtomatiku tal-esperjenza professjonali. Id-Direttiva 2005/36/KE waqqfet ukoll sistema ġdida għall-forniment liberu ta’ servizzi. Għandu jiġi mfakkar li membri tal-familja minn pajjiżi terzi ta’ ċittadini tal-Unjoni jibbenefikaw minn trattament ugwali f’konformità mad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri (4). Ċittadini ta’ pajjiżi terzi jistgħu jibbenefikaw ukoll minn trattament ugwali fir-rigward tar-rikonoxximent ta’ diplomi, ċertifikati u kwalifiki professjonali oħra, taħt atti legali speċifiċi tal-Unjoni bħal dawk dwar residenza fit-tul, refuġjati, "detenturi tal-karti blu" u riċerkaturi xjentifiċi.

(2)

Fil-Komunikazzjoni tagħha tas-27 ta' Ottubru 2010 intitolata 'L-Att dwar is-Suq Uniku, Tnax-il xprun sabiex jiġi stimulat it-tkabbir u għar-rinfurzar tal-fiduċja, “Flimkien għal tkabbir ġdid” ', il-Kummissjoni identifikat il-ħtieġa ta’ modernizzazzjoni tal-liġi tal-Unjoni f’dan il-qasam. Fil-konklużjonijiet tiegħu fit-23 ta’ Ottubru 2011, il-Kunsill Ewropew appoġġa din il-modernizzazzjoni u ħeġġeġ lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jilħqu ftehim politiku dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva 2005/36/KE sa tmiem l-2012. Fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Novembru 2011 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali (2005/36/KE) (5), il-Parlament Ewropew stieden ukoll lill-Kummissjoni sabiex tressaq proposta. Ir-rapport tal-2010 dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE tas-27 ta' Ottubru 2010 intitolat “Inżarmaw l-ostakoli għad-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE” jemfażizza l-ħtieġa li jitnaqqas il-piż amministrattiv marbut mar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali.

(3)

In-nutara li jinħatru b'att uffiċjali tal-gvern għandhom jiġu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2005/36/KE minħabba r-reġimi speċifiċi u li jvarjaw li japplikaw għalihom fl-Istati Membri individwali għall-aċċess għall-professjoni u l-eżerċitar tagħha.

(4)

Għall-finijiet tat-tisħiħ tas-suq intern u tal-promozzjoni tal-moviment liberu tal-professjonisti filwaqt li jiġi żgurat rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali aktar effiċjenti u trasparenti, Karta Professjonali Ewropea tkun valur miżjud. B’mod partikolari, din il-Karta tkun utli sabiex tiffaċilita l-mobilità temporanja u r-rikonoxximent taħt is-sistema ta’ rikonoxximent awtomatiku, kif ukoll sabiex jiġi promoss proċess ta’ rikonoxximent simplifikat taħt is-sistema ġenerali. L-iskop tal-Karta Professjonali Ewropea huwa li tissimplifika l-proċess ta' rikonoxximent u li tintroduċi effiċjenzi operattivi u fl-ispejjeż li jkunu ta' benefiċċju għall-professjonisti u l-awtoritajiet kompetenti. L-introduzzjoni ta' Karta Professjonali Ewropea għandha tqis il-fehmiet tal-professjoni konċernata u għandha tkun preċeduta minn valutazzjoni tal-adegwatezza tagħha għall-professjoni konċernata u tal-impatt tagħha fuq l-Istati Membri. Dik il-valutazzjoni għandha titwettaq flimkien mal-Istati Membri, fejn ikun meħtieġ. Il-Karta Professjonali Ewropea għandha tinħareġ fuq talba minn professjonist u wara li l-awtoritajiet kompetenti jippreżentaw id-dokumenti meħtieġa u jlestu l-proċeduri ta’ verifika relatati. Fejn il-Karta Professjonali Ewropea tinħareġ għall-iskop ta' stabbiliment, għandha tikkostitwixxi deċiżjoni ta' rikonoxximent u tiġi ttrattata bħal kull deċiżjoni ta' rikonoxximent oħra skont id-Direttiva 2005/36/KE. Għandha tikkomplementa pjuttost milli tissostitwixxi xi rekwiżiti oħra ta' reġistrazzjoni assoċjati mal-aċċess għal professjoni partikolari. M'hemmx bżonn li tiġi introdotta Karta Professjonali Ewropea għall-professjonijiet legali li għalihom diġà huma implimentati karti professjonali skont is-sistema prevista fid-Direttiva tal-Kunsill 77/249/KEE tat-22 ta' Marzu 1977 biex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju effettiv tal-libertà biex jiġu pprovduti servizzi minn avukati (6) u fid-Direttiva 98/5/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 1998 sabiex tkun iffaċilitata l-prattika tal-professjoni ta’ avukat fuq bażi permanenti fl-Istati Membri minbarra dak fejn kienet miksuba l-kwalifikazzjoni (7).

(5)

Il-funzjonament tal-Karta Professjonali Ewropea għandu jiġi appoġġat mis-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI) stabbilita mir-Regolament (UE) Nru 1024/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8). Il-Karta u l-IMI għandhom isaħħu s-sinerġiji u l-fiduċja bejn l-awtoritajiet kompetenti, filwaqt li fl-istess ħin jeliminaw ix-xogħol amministrattiv doppju u l-proċeduri ta' rikonoxximent għall-awtoritajiet kompetenti, u joħolqu trasparenza u ċertezza akbar għall-professjonisti.

(6)

Il-proċess għall-applikazzjoni u l-ħruġ tal-Karta Professjonali Ewropea għandu jiġi strutturat b’mod ċar u għandu jinkorpora salvagwardji u d-drittijiet ta’ appell korrispondenti għall-applikant. L-atti ta' implimentazzjoni għandhom jispeċifikaw ir-rekwiżiti ta' traduzzjoni u l-metodi ta' pagament ta' kwalunkwe tariffa li għandhom jiġu provduti minn applikant sabiex il-fluss tax-xogħol fl-IMI ma jitħarbatx jew ma jixxekkilx u biex ma jkunx hemm dewmien fl-ipproċessar tal-applikazzjoni. L-iffissar tal-livell tal-miżati huwa responsabbiltà tal-Istati Membri. Madankollu, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar il-livell ta' miżati ffissat. Il-Karta Professjonali Ewropea u fluss tax-xogħol relatat magħha fi ħdan l-IMI għandhom jiżguraw l-integrità, l-awtentiċità u l-kunfidenzjalità tad-dejta maħżuna u għandhom jevitaw aċċess illegali u mhux awtorizzat għall-informazzjoni li tinsab fihom.

(7)

Id-Direttiva 2005/36/KE tapplika biss għal professjonisti li jixtiequ jeżerċitaw l-istess professjoni fi Stat Membru ieħor. Hemm każijiet fejn, fl-Istat Membru ospitanti, l-attivitajiet ikkonċernati jkunu parti minn professjoni b’ambitu ta’ attivitajiet akbar milli fl-Istat Membru ta' oriġini. Jekk id-differenzi bejn l-oqsma ta’ attività tant ikunu kbar tant li jkun meħtieġ li l-professjonist jagħmel programm sħiħ ta’ edukazzjoni u taħriġ sabiex jikkumpensa għan-nuqqasijiet u jekk il-professjonist jitlob dan, f’dawn iċ-ċirkustanzi partikolari Stat Membru ospitanti għandu jawtorizza aċċess parzjali. Madankollu, fejn ikun hemm raġunijiet prevalenti ta’ interess ġenerali, kif definiti mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-ġurisprudenza tagħha relatata mal-Artikoli 49 u 56 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u li tista' tkompli tevolvi, Stat Membru għandu jkun jista’ jiċħad talba għal aċċess parzjali. Dan jista', b'mod partikolari, ikun il-każ għall-professjonisti tas-saħħa jekk ikollhom implikazzjonijiet marbuta mas-saħħa pubblika jew mas-sikurezza tal-pazjenti. L-għoti ta' aċċess parzjali għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dritt tas-sieħba soċjali li jorganizzaw irwieħhom.

(8)

Fl-interess li jiġu protetti konsumaturi lokali fl-Istat Membru ospitanti, il-forniment temporanju jew okkażjonali ta' servizzi fl-Istati Membri għandu jkun soġġett għal salvagwardji, b'mod partikolari għal rekwiżit ta' esperjenza professjonali minima ta' sena matul l-aħħar għaxar snin qabel il-forniment ta' servizzi, f'każijiet fejn il-professjoni mhijiex regolata fl-Istat Membru ta' oriġini. Fil-każ ta' attivitajiet staġonali, l-Istati Membri għandu jkollhom il-possibbiltà li jwettqu kontrolli sabiex jivverifikaw in-natura temporanja u okkażjonali tas-servizzi fornuti fit-territorju tagħhom. Għal dak il-għan, l-Istat Membru ospitanti għandu jkun jista' jitlob, darba fis-sena, informazzjoni dwar is-servizzi attwalment fornuti fit-territorju tiegħu, f'każijiet fejn tali informazzjoni ma tkunx diġà ġiet ikkomunikata fuq bażi volontarja mill-fornitur tas-servizzi.

(9)

Id-Direttiva 2005/36/KE tippermetti lill-Istati Membri jivverifikaw il-kwalifiki professjonali tal-fornitur tas-servizz qabel l-ewwel forniment ta’ servizz fil-każ ta’ professjonijiet regolati li għandhom implikazzjonijiet marbuta mas-saħħa jew mas-sikurezza pubblika. Dan wassal għal inċertezza legali billi tħalla kollox għad-diskrezzjoni tal-awtorità kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar il-ħtieġa għal verifika minn qabel bħal din. Sabiex tiġi żgurata ċertezza legali, il-professjonisti għandhom ikunu mgħarrfa mill-bidu dwar jekk verifika minn qabel tal-kwalifiki professjonali hijiex se tkun neċessarja u meta għandhom jistennew li tittieħed id-deċiżjoni. F'kull każ, il-kondizzjonijiet ta' tali verifiki minn qabel tal-kwalifiki professjonali taħt il-forniment liberu ta' servizzi m'għandhomx ikunu iktar stretti minn taħt ir-regoli ta' stabbiliment. Fil-każ tal-professjonijiet regolati li għandhom implikazzjonijiet marbuta mas-saħħa jew mas-sikurezza pubblika, id-Direttiva 2005/36/KE għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà għall-Istati Membri li jimponu obbligu ta' polza tal-assigurazzjoni b'rabta mal-atti professjonali skont ir-regoli applikabbli fid-Direttiva 2011/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2011 dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali (9) u fid-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (10).

(10)

Is-sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali wrew li huma għodda utli għall-iżgurar tal-impjieg taż-żgħażagħ u biex jippermettu tranżizzjoni bla xkiel mit-taħriġ għall-ħajja tax-xogħol. Ir-rieżami tad-Direttiva 2005/36/KE għandu għalhekk iqis għalkollox l-ispeċifiċitajiet tagħhom.

(11)

Sabiex jiġi applikat il-mekkaniżmu ta’ rikonoxximent fis-sistema ġenerali, huwa neċessarju li l-iskemi nazzjonali varji ta’ edukazzjoni u taħriġ jitqiegħdu fi gruppi ta’ livelli differenti. Dawk il-livelli, li huma stabbiliti biss għall-finijiet ta’ tħaddim tas-sistema ġenerali, ma għandu jkollhom ebda effett fuq l-istrutturi nazzjonali ta’ edukazzjoni u taħriġ jew fuq il-kompetenza tal-Istati Membri f’dak il-qasam, inkluża politika nazzjonali għall-implimentazzjoni tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (QEK). Il-QEK huwa għodda mfassla għall-promozzjoni tat-trasparenza u l-komparabilità ta’ kwalifiki professjonali u tista’ tkun sors addizzjonali ta’ informazzjoni utli għall-awtoritajiet kompetenti li jeżaminaw kwalifiki professjonali maħruġa fi Stati Membri oħrajn. Wara l-proċess ta' Bolonja, l-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni superjuri adattaw l-istruttura tal-programmi tagħhom għal sistema biċiklika ta' grad ta' Baċellerat u Master's. Sabiex ikun żgurat li l-ħames livelli deskritti fid-Direttiva 2005/36/KE huma konsistenti ma' din l-istruttura l-ġdida ta' lawrji, il-grad ta' Baċellerat għandu jkun klassifikat taħt il-livell d u l-grad ta' Master's taħt il-livell e. Il-ħames livelli stabbiliti għat-tħaddim tas-sistema ġenerali ma għandhomx jibqgħu jintużaw bħala kriterju għall-esklużjoni ta’ ċittadini tal-Unjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2005/36/KE meta dan imur kontra l-prinċipju ta’ tagħlim tul il-ħajja.

(12)

L-applikazzjonijiet għar-rikonoxximent minn professjonisti li ġejjin minn Stati Membri li ma jirregolawx u li għandhom sena esperjenza professjonali għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod bħal dawk ta’ professjonisti li ġejjin minn Stat Membru li jirregola. Il-kwalifiki professjonali tagħhom għandhom jitqabblu mal-kwalifiki professjonali meħtieġa fl-Istat Membru ospitanti abbażi tal-livelli ta’ kwalifiki professjonali stabbiliti fid-Direttiva 2005/36/KE. F’każ li jkunu jeżistu differenzi sostanzjali, l-awtorità kompetenti għandha tkun tista’ timponi miżuri ta’ kumpens. Kwalunkwe mekkaniżmu għall-valutazzjoni tal-għarfien teoretiku u l-ħiliet prattiċi, li jista' jintalab għall-aċċess għall-professjoni bħala miżura ta' kumpens, għandu jiggarantixxi u jirrispetta l-prinċipji tat-trasparenza u l-imparzjalità.

(13)

Fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni tal-kondizzjonijiet minimi ta’ taħriġ għal aċċess għall-professjonijiet regolati mis-sistema ġenerali, għandu jibqa’ jkun possibbli li l-Istat Membru ospitanti jimponi miżura ta’ kumpens. Kwalunkwe miżura bħal din għandha tkun proporzjonata u, b’mod partikolari, għandha tqis l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi miksuba mill-applikant matul l-esperjenza professjonali tiegħu jew permezz tat-tagħlim tul il-ħajja, ivvalidati formalment għal dak il-għan minn korp rilevanti. Id-deċiżjoni li timponi miżura ta’ kumpens għandha tiġi debitament ġustifikata sabiex l-applikant ikun jista' jifhem aħjar is-sitwazzjoni tiegħu u sabiex ifittex li jikseb stħarriġ ġudizzjarju quddiem il-qrati nazzjonali taħt id-Direttiva 2005/36/KE.

(14)

Ir-rieżami tad-Direttiva 2005/36/KE wera ħtieġa li jiġu aġġornati u ċċarati bi flessibilità akbar il-listi ta’ attivitajiet industrijali, kummerċjali u tal-artiġjanat fl-Anness IV, filwaqt li tinżamm sistema ta’ rikonoxximent awtomatiku għal dawk l-attivitajiet ibbażati fuq esperjenza professjonali. Bħalissa, l-Anness IV huwa bbażat fuq il-Klassifika Industrijali Internazzjonali Standard għall-Attivitajiet Ekonomiċi kollha (ISIC) datata fl-1958 u ma għadhiex tirrefletti l-istruttura attwali tal-attivitajiet ekonomiċi. Il-klassifika tal-ISIC ġiet rieżaminata diversi drabi mill-1958. Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha tkun tista’ tadatta l-Anness IV sabiex iżżomm is-sistema ta’ rikonoxximent awtomatiku intatta.

(15)

L-iżvilupp professjonali kontinwu jikkontribwixxi għall-prestazzjoni sikura u effikaċi tal-professjonisti li jibbenefikaw mir-rikonoxximent awtomatiku tal-kwalifiki professjonali tagħhom. Huwa importanti li jitħeġġeġ it-tisħiħ ulterjuri tal-iżvilupp professjonali kontinwu għal dawk il-professjonijiet. L-Istati Membri, b'mod partikolari, għandhom iħeġġu l-iżvilupp professjonali kontinwu għat-tobba, l-ispeċjalisti mediċi, it-tobba mhux speċjalisti, l-infermiera responsabbli għall-kura ġenerali, id-dentisti, id-dentisti speċjalizzati, il-veterinarji, il-qwiebel, l-ispiżjara u l-periti. Il-miżuri meħuda mill-Istati Membri biex jippromwovu l-iżvilupp professjonali kontinwu għal dawk il-professjonijiet għandhom jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni, u l-Istati Membri għandhom jiskambjaw l-aħjar prassi f'dak il-qasam. L-iżvilupp professjonali kontinwu għandu jkopri żviluppi tekniċi, xjentifiċi, regolatorji u etiċi u jimmotiva lill-professjonisti biex jipparteċipaw fit-tagħlim tul il-ħajja rilevanti għall-professjoni tagħhom.

(16)

Is-sistema ta’ rikonoxximent awtomatiku fuq il-bażi ta’ rekwiżiti minimi ta’ taħriġ armonizzati tiddependi fuq in-notifika f’waqtha ta’ provi ġodda jew mibdula ta’ kwalifiki formali mill-Istati Membri u l-pubblikazzjoni tagħhom mill-Kummissjoni. Inkella, id-detenturi ta’ dawn il-kwalifiki ma jkollhom l-ebda garanzija li jistgħu jibbenefikaw mir-rikonoxximent awtomatiku. Sabiex tiżdied it-trasparenza u tiġi faċilitata l-eżaminazzjoni ta’ titli notifikati ġodda, l-Istati Membri għandhom jipprovdu informazzjoni dwar it-tul ta' żmien u l-kontenut tal-programmi ta' taħriġ, li jeħtieġ li jkunu konformi mar-rekwiżiti minimi ta' taħriġ stabbiliti fid-Direttiva 2005/36/KE.

(17)

Il-krediti tas-Sistema Ewropea għall-Akkumulazzjoni u t-Trasferiment ta’ Krediti (ECTS) diġà huma użati fil-maġġoranza tal-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja fl-Unjoni u l-użu tagħhom qed isir aktar komuni anki f’korsijiet li jwasslu għall-kwalifiki meħtieġa għall-eżerċizzju ta’ professjoni regolata. Għaldaqstant, huwa neċessarju li tiġi introdotta l-possibbiltà li fl-ECTS jiġi espress anke it-tul ta' żmien ta' programm. Dik il-possibilita' ma għandhiex taffettwa r-rekwiżiti l-oħra għar-rikonoxximent awtomatiku. Kreditu tal-ECTS wieħed jikkorrispondi għal 25-30 siegħa ta’ studju filwaqt li normalment ikunu meħtieġa 60 kreditu għat-tlestija ta’ sena akkademika waħda.

(18)

Fl-interess li jiġi żgurat livell għoli ta' saħħa pubblika u ta' sikurezza tal-pazjenti fl-Unjoni u li tiġi modernizzata d-Direttiva 2005/36/KE, jeħtieġ li jiġu modifikati l-kriterji użati biex jiġi definit it-taħriġ mediku bażiku sabiex il-kondizzjonijiet relatati man-numru minimu ta' snin u sigħat isiru kumulattivi. L-objettiv ta' din il-modifika mhuwiex li jitnaqqsu r-rekwiżiti ta' taħriġ għall-edukazzjoni medika bażika.

(19)

Fl-interess tat-titjib tal-mobilità ta’ speċjalisti tal-mediċina li diġà kisbu kwalifika ta’ speċjalizzazzjoni medika u li wara segwew taħriġ ta’ speċjalizzazzjoni ieħor, l-Istati Membri għandhom jitħallew jagħtu eżenzjonijiet għal xi partijiet tat-taħriġ jekk dawn l-elementi tat-taħriġ li sar wara diġà tlestew matul il-programm ta’ taħriġ ta’ speċjalizzazzjoni medika preċedenti fi Stat Membru kopert mir-reġim ta’ rikonoxximent awtomatiku. L-Istati Membri għandhom jitħallew jagħtu, fi ħdan ċerti limiti, tali eżenzjonijiet għal speċjalizzazzjonijiet mediċi li huma koperti mis-sistema ta' rikonoxximent awtomatiku.

(20)

Il-professjoni ta’ infermiera evolviet b’mod sinifikanti f’dawn l-aħħar tliet deċennji: kura tas-saħħa bbażata fuq il-komunità, l-użu ta’ terapiji aktar kumplessi u żvilupp kostanti tat-teknoloġiji jippresupponu kapaċità għal responsabbiltajiet akbar għall-infermiera. It-taħriġ tal-infermiera, li l-organizzazzjoni tiegħu għadha tvarja skont it-tradizzjonijiet nazzjonali, għandu jipprovdi assigurazzjoni aktar robusta u aktar orjentata lejn l-output li l-professjonist kiseb ċertu għarfien u ċerti ħiliet matul it-taħriġ, u li kapaċi japplika tal-anqas ċerti kompetenzi sabiex jeżerċita l-attivitajiet rilevanti għall-professjoni.

(21)

Sabiex il-qwiebel ikunu ppreparati biex jissodisfaw ħtiġijiet kumplessi tal-kura tas-saħħa relatati mal-attivitajiet tagħhom, l-apprendisti qwiebel għandu jkollhom edukazzjoni ġenerali soda qabel ma jibdew it-taħriġ ta' qwiebel. Għalhekk, l-ammissjoni għat-taħriġ tal-qwiebel għandha tiżdied għal 12-il sena ta' edukazzjoni ġenerali jew eżami b'suċċess ta' livell ekwivalenti, ħlief fil-każ ta' professjonisti li diġà huma kwalifikati bħala infermier responsabbli għall-kura ġenerali. It-taħriġ tal-qwiebel għandu jipprovdi assigurazzjoni aħjar li l-professjonist ikun kiseb ċertu għarfien u ċerti ħiliet meħtieġa biex jeżerċita l-attivitajiet ta' qabla msemmija fid-Direttiva 2005/36/KE.

(22)

Sabiex tiġi simplifikata s-sistema ta’ rikonoxximent awtomatiku ta’ speċjalizzazzjonijiet mediċi u dentali, dawn l-ispeċjalizzazzjonijiet għandhom ikunu koperti mid-Direttiva 2005/36/KE jekk huma komuni għal tal-inqas żewġ kwinti mill-Istati Membri.

(23)

Numru sinifikanti ta' Stati Membri ddeċidew li jippermettu l-aċċess għall-attivitajiet kollha fil-qasam tal-farmaċija u t-twettiq ta' dawn l-attivitajiet abbażi tar-rikonoxximent tal-kwalifiki tal-ispiżjara miksuba fi Stat Membru ieħor mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2005/36/KE. Tali rikonoxximent ta' kwalifika professjonali miksuba fi Stat Membru ieħor m'għandux, madankolllu, iwaqqaf lil Stat Membru milli jżomm regoli mhux diskriminatorji li jirregolaw kull distribuzzjoni ġeografika tal-ispiżeriji fit-territorju tagħhom għaliex id-Direttiva 2005/36/KE ma tikkoordinax tali regoli. Madankollu, kwalunkwe deroga mir-rikonoxximent awtomatiku ta' kwalifiki li għadha meħtieġa għal Stat Membru m'għandhiex tibqa' teskludi lil spiżjara li diġà huma rikonoxxuti mill-Istat Membru li juża tali deroga u li diġà ilhom jipprattikaw legalment u effettivament bħala spiżjar għal ċertu perjodu fit-territorju ta' dak l-Istat Membru.

(24)

Il-funzjonament tas-sistema ta’ rikonoxximent awtomatiku jiddependi fuq il-kunfidenza fil-kondizzjonijiet ta’ taħriġ li huma l-bażi tal-kwalifiki tal-professjonisti. Għaldaqstant, huwa importanti li l-kondizzjonijiet minimi ta’ taħriġ ta’ periti jirreflettu l-iżviluppi l-ġodda fl-edukazzjoni tal-periti, b'mod partikolari fir-rigward tal-ħtieġa rikonoxxuta ta’ suppliment tat-taħriġ akkademiku b’esperjenza professjonali bis-superviżjoni ta’ periti kwalifikati. Fl-istess ħin, il-kondizzjonijiet minimi ta’ taħriġ għandhom ikunu flessibbli biżżejjed sabiex jevitaw limitazzjoni żejda tal-abilità tal-Istati Membri sabiex jorganizzaw is-sistemi edukattivi tagħhom.

(25)

Id-Direttiva 2005/36/KE għandha, permezz tal-introduzzjoni ta' prinċipji ta' taħriġ komuni, tippromwovi karattru aktar awtomatiku ta’ rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali għal dawk il-professjonijiet li bħalissa ma jibbenefikawx direttament minnu. Dan għandu jqis il-kompetenza tal-Istati Membri sabiex jiddeċiedu dwar il-kwalifiki professjonali meħtieġa għall-eżerċitar tal-professjonijiet fit-territorju tagħhom kif ukoll il-kontenuti u l-organizzazzjoni tas-sistemi edukattivi u ta’ taħriġ tagħhom. Il-prinċipji ta' taħriġ komuni għandhom jieħdu l-għamla ta' oqsfa ta' taħriġ komuni bbażati fuq sett komuni ta' għarfien, ħiliet u kompetenzi jew testijiet komuni ta' taħriġ. Għandu jkun possibbli li oqsfa ta' taħrig komuni jkopru wkoll speċjalizzazzjonijiet, li attwalment ma jibbenefikawx minn dispożizzjonijiet ta' rikonoxximent awtomatiku skont id-Direttiva 2005/36/KE u li jirrelataw mal-professjonijiet inklużi fil-Kapitolu III tat-Titolu II u li għandhom attivitajiet speċifiċi definiti b'mod ċar riżervati għalihom. Oqfsa ta' taħriġ komuni dwar tali speċjalizzazzjonijiet, b'mod partikolari speċjalizzazzjonijiet mediċi, għandhom joffru livell għoli ta' saħħa pubblika u sikurezza tal-pazjenti. Il-kwalifiki professjonali miksuba taħt l-oqsfa ta’ taħriġ komuni għandhom jiġu rikonoxxuti b’mod awtomatiku mill-Istati Membri. L-organizzazzjonijiet professjonali li huma rappreżentattivi fil-livell tal-Unjoni u, taħt ċerti ċirkustanzi, l-organizzazzjonijiet professjonali nazzjonali jew l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu jistgħu jressqu suġġerimenti għal prinċipji ta' taħriġ komuni lill-Kummissjoni, sabiex tkun tista' ssir valutazzjoni mal-koordinaturi nazzjonali tal-konsegwenzi possibbli ta' tali prinċipji għas-sistemi nazzjonali ta' edukazzjoni u taħriġ, kif ukoll għar-regoli nazzjonali li jirregolaw l-aċċess għall-professjonijiet regolati.

(26)

Id-Direttiva 2005/36/KE diġà tipprovdi għal obbligi għall-professjonisti sabiex dawn ikollhom il-ħiliet lingwistiċi meħtieġa. Ir-rieżami tal-applikazzjoni ta’ dak l-obbligu wera ħtieġa li jiġi ċċarat ir-rwol tal-awtoritajiet kompetenti u l-impjegaturi, l-aktar fl-interess tal-iżgurar aħjar tas-sikurezza tal-pazjenti. L-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu jistgħu japplikaw kontrolli tal-lingwa wara r-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali. Huwa importanti, b'mod partikolari għall-professjonijiet li għandhom implikazzjonijiet marbuta mas-sikurezza tal-pazjenti, li jiġu applikati kontrolli tal-lingwa skont id-Direttiva 2005/36/KE qabel ma l-professjonist jibda jeżerċita l-professjoni fl-Istat Membru ospitanti. Madankollu, il-kontrolli tal-lingwa għandhom ikunu raġonevoli u neċessarji għall-professjonijiet inkwistjoni u ma għandux ikollhom l-għan li jeskludu professjonisti minn Stati Membri oħra mis-suq tax-xogħol fl-Istat Membru ospitanti. Sabiex ikun żgurat ir-rispett tal-prinċipju ta' proporzjonalità, u fl-interess tat-titjib tal-mobbiltà tal-professjonisti fl-Unjoni, il-kontrolli mwettqa minn, jew taħt is-superviżjoni ta', awtorità kompetenti għandhom ikunu limitati għall-għarfien ta' lingwa uffiċjali waħda tal-Istat Membri ospitanti jew lingwa amministrattiva waħda tal-Istat Membru ospitanti sakemm tkun ukoll lingwa uffiċjali tal-Unjoni. Dan m'għandux jipprekludi lill-Istati Membri ospitanti milli jinkuraġġixxu lill-professjonisti jitgħallmu lingwa oħra fi stadju aktar tard jekk tkun meħtieġa biex titwettaq l-attività professjonali. L-impjegaturi għandhom ukoll ikomplu jiżvolġu rwol importanti fl-aċċertament tal-għarfien tal-lingwi meħtieġa biex jitwettqu l-attivitajiet professjonali fil-postijiet tax-xogħol tagħhom.

(27)

Ir-regoli nazzjonali li jorganizzaw l-aċċess għall-professjonijiet regolati m'għandhomx jikkostitwixxu ostaklu għall-mobbiltà tal-gradwati żgħażagħ. Għalhekk, meta gradwat jikkompleta taħriġ prattiku professjonali fi Stat Membru ieħor, it-taħriġ prattiku inkwistjoni għandu jiġi rikonoxxut meta l-gradwat japplika biex ikollu aċċess għal professjoni regolata fl-Istat Membru ta' oriġini. Ir-rikonoxximent ta' taħriġ prattiku professjonali kkompletat fi Stat Membru ieħor għandu jkun ibbażat fuq deskrizzjoni bil-miktub ċara tal-objettivi ta' tagħlim u tal-kompiti assenjati, li għandhom jiġu determinati mis-superviżur tal-apprendist fl-Istat Membru ospitanti. It-taħriġ prattiku professjonali kkompletat f'pajjiżi terzi għandu jitqies mill-Istati Membri meta jikkunsidraw talba għal aċċess għal professjoni regolata.

(28)

Id-Direttiva 2005/36/KE tipprovdi għal sistema ta’ punti ta’ kuntatt nazzjonali. Minħabba d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2006/123/KE u t-twaqqif ta’ punti uniċi ta’ servizz taħt dik id-Direttiva, hemm riskju ta’ sovrapożizzjoni. Għaldaqstant, il-punti uniċi ta’ kuntatt imwaqqfa mid-Direttiva 2005/36/KE għandhom isiru ċentri ta’ assistenza li għandhom jikkonċentraw l-attivitajiet tagħhom fuq il-forniment ta’ pariri u assistenza liċ-ċittadini, inklużi pariri wiċċ imbwiċċ, sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni ta’ kuljum tar-regoli tas-suq intern f’każijiet individwali kumplessi ta’ ċittadini tkun segwita fil-livell nazzjonali. Fejn ikun meħtieġ, iċ-ċentri ta' assistenza jikkomunikaw ma' awtoritajiet kompetenti u ċentri ta' assistenza ta' Stati Membri oħrajn. Fir-rigward tal-Karta Professjonali Ewropea, l-Istati Membri għandhom ikunu liberi jiddeċiedu jekk iċ-ċentri ta' assistenza għandhomx jaġixxu bħala awtorità kompetenti fl-Istat Membru ta' oriġini jew għandhomx jappoġġaw l-awtorità kompetenti rilevanti fil-ġestjoni tal-applikazzjonijiet għal Karta Professjonali Ewropea u fl-ipproċessar tad-dossier individwali tal-applikant maħluq fl-IMI (dossier tal-IMI). Fil-kuntest tal-forniment liberu ta' servizzi, jekk il-professjoni konċernata ma tkunx regolata fl-Istat Membru ta' oriġini, iċ-ċentri ta' assistenza jistgħu jipparteċipaw ukoll fl-iskambju ta' informazzjoni previst għall-fini tal-kooperazzjoni amministrattiva.

(29)

Din id-Direttiva tikkontribwixxi beix ikun żgurat livell għoli ta' saħħa u ħarsien tal-konsumatur. Id-Direttiva 2005/36/KE diġà tipprovdi għal obbligi dettaljati għall-Istati Membri sabiex jiskambjaw informazzjoni. Dawk l-obbligi għandhom jissaħħu. Fil-futur, l-Istati Membri ma għandhomx biss jirreaġixxu għal talbiet għal informazzjoni, iżda l-awtoritajiet kompetenti tagħhom għandu jkollhom ukoll is-setgħa, fil-limiti tal-kompetenzi tagħhom, li jwissu b'mod proattiv lill-awtoritajiet kompetenti ta' Stati Membri oħra dwar professjonisti li m'għadhomx intitolati li jeżerċitaw il-professjoni tagħhom. Mekkaniżmu ta’ twissija speċifiku huwa meħtieġ għall-professjonisti fil-qasam tas-saħħa taħt id-Direttiva 2005/36/KE. Dan għandu japplika wkoll għall-kirurgi veterinarji kif ukoll għall-professjonisti li jeżerċitaw attivitajiet relatati mal-edukazzjoni ta' minorenni, inklużi professjonisti li jaħdmu fil-qasam tal-kura tat-tfal u fl-edukazzjoni tal-infanzja. L-obbligu li tintbagħat twissija għandu japplika biss għall-Istati Membri li fihom tali professjonijiet huma regolati. L-Istati Membri kollha għandhom jiġu mwissija jekk professjonist ma jkunx għadu intitolat, minħabba azzjoni dixxiplinarja jew kundanna penali, li jeżerċita, anke temporanjament, l-attivitajiet professjonali fi Stat Membru. It-twissija għandu jkun fiha kwalunkwe dettall disponibbli tal-perjodu definit jew indefinit li r-restrizzjoni jew il-projbizzjoni tapplika għalih. Din it-twissija għandha tiġi attivata permezz tal-IMI irrispettivament minn jekk il-professjonist eżerċitax kwalunkwe dritt skont id-Direttiva 2005/36/KE jew jekk applikax għar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali tiegħu permezz tal-ħruġ ta' Karta Professjonali Ewropea jew permezz ta' kwalunkwe metodu ieħor previst f'din id-Direttiva. Il-proċedura ta’ twissija għandha tikkonforma mal-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-dejta personali u d-drittijiet fundamentali. Il-proċedura ta' twissija m'għandhiex tkun imfassla biex tissostitwixxi jew tadatta xi arranġamenti bejn l-Istati Membri dwar kooperazzjoni fil-qasam tal-ġustizzja u tal-affarijiet interni. L-awtoritajiet kompetenti taħt id-Direttiva 2005/36/KE lanqas m'għandhom ikunu meħtieġa jikkontribwixxu għal tali kooperazzjoni permezz ta' twissijiet previsti f'dik id-Direttiva.

(30)

Waħda mid-diffikultajiet ewlenin li jiltaqa’ magħha ċittadin li huwa interessat li jaħdem fi Stat Membru hija l-kumplessità u l-inċertezza tal-proċeduri amministrattivi li jridu jikkonformaw magħhom. Id-Direttiva 2006/123/KE diġà tobbliga lill-Istati Membri sabiex jipprovdu aċċess faċli għall-informazzjoni u jagħmlu possibbli t-tlestija tal-proċeduri permezz tal-punti uniċi ta’ servizz. Iċ-ċittadini li jfittxu li jiksbu l-kwalifiki professjonali tagħhom taħt id-Direttiva 2005/36/KE diġà jistgħu jużaw il-punti uniċi ta’ servizz jekk huma koperti mid-Direttiva 2006/123/KE. Madankollu, persuni li qed ifittxu xogħol u professjonisti fil-qasam tas-saħħa mhumiex koperti mid-Direttiva 2006/123/KE u l-informazzjoni disponibbli għadha skarsa. Għaldaqstant, hemm bżonn, mill-perspettiva tal-utent, li tiġi speċifikata dik l-informazzjoni u li jiġi żgurat li din l-informazzjoni hija faċilment disponibbli. Huwa importanti wkoll li l-Istati Membri mhux biss ikunu responsabbli fil-livell nazzjonali iżda anke jikkooperaw flimkien u mal-Kummissjoni sabiex jiżguraw li l-professjonisti madwar l-Unjoni jkollhom aċċess faċli għal informazzjoni li hija faċli għall-utent u f'iktar minn lingwa waħda u jkunu jistgħu jikkompletaw il-proċeduri faċilment permezz ta’ punti uniċi ta’ kuntatt jew tal-awtoritajiet kompetenti rilevanti. Għandhom jitqiegħdu referenzi konnettivi (links) għad-dispożizzjoni tal-utenti permezz ta’ siti elettroniċi oħrajn, bħall-portal Your Europe.

(31)

Sabiex jiġu supplimentati jew emendati ċerti elementi mhux essenzjali tad-Direttiva 2005/36/KE, għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 TFUE fir-rigward tal-aġġornament tal-għarfien u l-ħiliet imsemmija fl-Artikolu 21(6), l-aġġornament tal-Anness I, l-aġġornament u l-kjarifika tal-attivitajiet elenkati fl-Anness IV, l-adattament tal-punti 5.1.1 sa 5.1.4, 5.2.2, 5.3.2, 5.3.3, 5.4.2, 5.5.2, 5.6.2 u 5.7.1 tal-Anness V, l-adattament tal-perjodi minimi ta’ taħriġ tal-ispeċjalisti mediċi u dentali, l-inklużjoni ta’ speċjalizzazzjonijiet mediċi ġodda fil-punt 5.1.3 tal-Anness V, l-emendi għal-lista stabbilita fil-punti 5.2.1, 5.3.1, 5.4.1, 5.5.1 u 5.6.1 tal-Anness V, l-inklużjoni ta’ speċjalizzazzjonijiet dentali ġodda fil-punt 5.3.3 tal-Anness V, bl-ispeċifikazzjoni tal-kondizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ oqfsa ta’ taħriġ komuni, u bl-ispeċifikazzjoni tal-kondizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ testijiet ta’ taħriġ komuni. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq il-konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma preparatorja tagħha, anki fil-livell tal-esperti. Il-Kummissjoni, meta tħejji u tfassal l-atti ddelegati, għandha tiżgura trażmissjoni simultanja, f’waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(32)

Sabiex jiġu żgurati l-istess kondizzjonijiet għall-implimentazzjoni tad-Direttiva 2005/36/KE, il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (11).

(33)

Minħabba n-natura teknika ta' dawk l-atti ta' implimentazzjoni, il-proċedura ta' eżami għandha tintuża sabiex jiġu adottati l-atti ta’ implimentazzjoni li jikkonċernaw l-introduzzjoni ta' Karti Professjonali Ewropej għal professjonijiet partikolari, il-format tal-Karta Professjonali Ewropea, l-ipproċessar ta' applikazzjonijiet bil-miktub, it-traduzzjonijiet li għandhom jiġu pprovduti mill-applikant sabiex jappoġġaw kwalunkwe applikazzjoni għal Karta Professjonali Ewropea, id-dettalji tad-dokumenti meħtieġa taħt id-Direttiva 2005/36/KE biex tiġi ppreżentata applikazzjoni kompleta, il-proċeduri biex isiru u jiġu pproċessati pagamenti għal dik il-Karta, ir-regoli għal meta u għal liema dokumenti l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jitolbu kopji ċertifikati għall-professjoni konċernata, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u l-miżuri meħtieġa sabiex jiġu żgurati l-integrità, il-kunfidenzjalità u l-preċiżjoni tal-informazzjoni li tinsab fil-Karta Professjonali Ewropea u fid-dossier tal-IMI, il-kondizzjonijiet u l-proċeduri għall-ħruġ ta’ Karta Professjonali Ewropea, ir-regoli li jikkonċernaw il-kondizzjonijiet ta’ aċċess għad-dossier tal-IMI, il-mezzi tekniċi u l-proċeduri għall-verifika tal-awtentiċità u l-validità ta’ Karta Professjonali Ewropea, u l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ twissija.

(34)

Il-Kummissjoni, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni u, minħabba l-karatteristiċi speċifiċi tagħhom, filwaqt li taġixxi mingħajr l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, għandha tiddeċiedi li tirrifjuta aġġornament mitlub tal-Anness I fejn il-kondizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva 2005/36/KE ma jkunux sodisfatti, titlob lill-Istati Membri rilevanti biex ma japplikawx id-deroga fir-rigward tal-għażla bejn il-perjodu ta' adattament u t-test ta' kapaċità fejn dik id-deroga ma tkunx xierqa jew ma tkunx konformi mal-liġi tal-Unjoni, tirrifjuta emendi mitluba tal-punti 5.1.1 sa 5.1.4, 5.2.2, 5.3.2, 5.3.3, 5.4.2, 5.5.2, 5.6.2 jew 5.7.1 tal-Anness V fejn il-kondizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva 2005/36/KE ma jkunux sodisfatti, telenka l-kwalifiki professjonali nazzjonali u t-titli professjonali nazzjonali li jibbenefikaw minn rikonoxximent awtomatiku taħt il-qafas ta' taħriġ komuni, telenka l-Istati Membri li fihom it-testijiet ta' taħriġ komuni għandhom jiġu organizzati, il-frekwenza matul sena kalendarja u arranġamenti oħra meħtieġa għall-organizzazzjoni ta' testijiet ta' taħriġ komuni, u tippermetti lill-Istat Membru konċernat jidderoga mid-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2005/36/KE għal perjodu limitat ta' żmien.

(35)

Wara l-esperjenza pożittiva bl-evalwazzjoni reċiproka tad-Direttiva 2006/123/KE, sistema ta’ evalwazzjoni simili għandha tiġi inkluża fid-Direttiva 2005/36/KE. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw liema professjonijiet iridu jirregolaw, ir-raġunijiet għal dan, u jiddiskutu l-konklużjonijiet tagħhom bejniethom. Sistema bħal din tkun qed tikkontribwixxi għal trasparenza akbar fis-suq tas-servizzi professjonali.

(36)

Il-Kummissjoni, fi żmien debitu, għandha tivvaluta r-reġim ta' rikonoxximent applikabbli għall-evidenza ta' kwalifiki professjonali bħala infermier responsabbli għall-kura ġenerali maħruġa fir-Rumanija. Tali valutazzjoni għandha tkun ibbażata fuq ir-riżultati ta' programm ta' aġġornament speċjali, li r-Rumanija għandha tistabbilixxi skont il-liġijiet jew ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali tagħha li dwarhom għandha tikkomunika ma' Stati Membri oħra u mal-Kummissjoni. L-iskop ta' tali programm ta' aġġornament speċjali għandu jkun li jippermetti lill-parteċipanti f'dak il-programm jaġġornaw il-kwalifiki professjonali tagħhom biex jissodisfaw b'suċċess ir-rekwiżiti minimi kollha ta' taħriġ stabbiliti fid-Direttiva 2005/36/KE.

(37)

Ladarba l-objettivi ta' din id-Direttiva, b’mod partikolari r-razzjonalizzazzjoni, is-simplifikazzjoni u t-titjib tar-regoli għar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri billi dan jirriżulta b’mod inevitabbli f’rekwiżiti diverġenti u reġimi proċedurali li jżidu l-kumplessità regolatorja u jikkawżaw xkiel żejjed għall-mobilità ta’ professjonisti u saħansitra, minħabba l-koerenza, it-trasparenza u l-kompatibilità, jistgħu jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jinkisbu dawk l-objettivi.

(38)

B'konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tal-Istati Membri u l-Kummissjoni tat-28 ta' Settembru 2011 dwar id-dokumenti ta' spjegazzjoni (12), l-Istati Membri ħadu l-impenn li, f'każijiet ġustifikati, jakkumpanjaw in-notifika tal-miżuri ta' traspożizzjoni tagħhom b'dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta' direttiva u l-partijiet korrispondenti ta' strumenti nazzjonali ta' traspożizzjoni. Fir-rigward ta’ din id-Direttiva, il-leġiżlatur iqis it-trażmissjoni ta’ dawn id-dokumenti bħala waħda ġustifikata.

(39)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat skont l-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dak id-data (13) u ta opinjoni fit-8 ta' Marzu 2012 (14).

(40)

Għaldaqstant, id-Direttiva 2005/36/KE u r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 għandhom jiġu emendati kif meħtieġ,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi għad-Direttiva 2005/36/KE

Id-Direttiva 2005/36/KE hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 1, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi wkoll ir-regoli li jikkonċernaw l-aċċess parzjali għal professjoni regolata u r-rikonoxximent ta’ dan it-taħriġ prattiku professjonali li jsir fi Stat Membru ieħor.”.

(2)

l-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

"Din id-Direttiva għandha tapplika wkoll għaċ-ċittadini ta' Stat Membru li wettqu taħriġ prattiku professjonali barra l-Istat Membru ta' oriġini.";

(b)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

"4.   Din id-Direttiva m'għandhiex tapplika għan-nutara li jinħatru b'att uffiċjali tal-gvern.".

(3)

l-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-punti (f) u (h) huma sostitwiti b'dan li ġej:

“(f)   ‘esperjenza professjonali’: it-twettiq attwali u legali full-time jew part-time ekwivalenti tal-professjoni kkonċernata fi Stat Membru;

(h)   'test ta' kapaċità': test tal-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi professjonali tal-applikant, mwettaq jew rikonoxxut mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti bl-għan li jivvaluta l-abilità tal-applikant li jeżerċita professjoni regolata f’dak l-Istat Membru.

Sabiex ikun jista' jsir dan it-test, l-awtoritajiet kompetenti għandhom ifasslu lista ta' suġġetti li, abbażi ta' paragun tal-edukazzjoni u t-taħriġ meħtieġ fl-Istat Membru ospitanti u dak miksub mill-applikant, mhumiex koperti minn diploma jew prova oħra ta' kwalifiki formali li għandu l-applikant.

It-test ta' kapaċità għandu jieħu kont tal-fatt li l-applikant huwa professjonist kwalifikat fl-Istat Membru tal-oriġini jew fl-Istat Membru minn fejn jiġi l-applikant. Għandu jkopri suġġetti li għandhom jintgħażlu minn dawk fuq il-lista, li l-għarfien tagħhom huwa essenzjali sabiex wieħed ikun jista' jeżerċita l-professjoni in kwistjoni fl-Istat Membru ospitanti. It-test jista' jkopri wkoll għarfien tar-regoli professjonali applikabbli għall-attivitajiet inkwistjoni fl-Istat Membru ospitanti.

L-applikazzjoni dettaljata tat-test ta' kapaċità kif ukoll l-istatus, fl-Istat Membru ospitanti, tal-applikant li jkun jixtieq jipprepara ruħu għat-test ta' kapaċità f’dak l-Istat Membru għandhom jiġu determinati mill-awtoritajiet kompetenti f'dak l-Istat Membru;”;

(ii)

jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(j)   ‘taħriġ prattiku professjonali’: mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 46(4), perjodu ta' prattika professjonali mwettqa taħt superviżjoni sakemm jikkostitwixxi kondizzjoni għall-aċċess għal professjoni regolata, u li jista' jseħħ jew matul jew wara t-tlestija ta' kors li jwassal għal diploma;

(k)   'Karta Professjonali Ewropea': ċertifikat elettroniku li juri li l-professjonist issodisfa l-kondizzjonijiet meħtieġa kollha sabiex jipprovdi s-servizzi fi Stat Membru ospitanti fuq bażi temporanja u okkażjonali jew ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali għall-istabbiliment fi Stat Membru ospitanti;

(l)   ‘tagħlim tul il-ħajja’: l-edukazzjoni ġenerali, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, l-edukazzjoni mhux formali u t-tagħlim informali kollha li ttieħdu tul il-ħajja, li jirriżultaw f’titjib fl-għarfien, fil-ħiliet u l-kompetenzi, li jista' jinkludi l-etika professjonali;

(m)   'raġunijiet prevalenti ta' interess ġenerali': raġunijiet rikonoxxuti bħala tali fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea;

(n)   ‘Sistema Ewropea għall-Akkumulazzjoni u t-Trasferiment ta' Krediti’ jew ‘krediti ECTS’: is-sistema ta' krediti għall-edukazzjoni għolja użata fiż-Żona Ewropea ta' Edukazzjoni Għolja.”;

(b)

fil-paragrafu 2, it-tielet subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“F’kull okkażjoni fejn Stat Membru jagħti rikonoxximent lil assoċjazzjoni jew organizzazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu, dan għandu jgħarraf lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha teżamina jekk dik l-assoċjazzjoni jew organizzazzjoni tissodisfax il-kondizzjonijiet previsti fit-tieni subparagrafu. Sabiex jitqiesu debitament l-iżviluppi fl-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 57c sabiex taġġorna l-Anness I fejn il-kondizzjonijiet previsti fit-tieni subparagrafu jiġu sodisfatti.

Fejn il-kondizzjonijiet previsti fit-tieni subparagrafu ma jiġux sodisfatti, il-Kummissjoni għandha tadotta att ta' implimentazzjoni sabiex tirrifjuta l-aġġornament mitlub tal-Anness I.”.

(4)

l-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali mill-Istat Membru ospitanti għandu jippermetti lill-benefiċjarji sabiex, f’dak l-Istat Membru, jaċċedu għall-istess professjoni bħal dik li huma kkwalifikati għaliha fl-Istat Membru ta’ oriġini u sabiex jeżerċitaw din il-professjoni fl-Istat Membru ospitanti bl-istess kondizzjonijiet bħaċ-ċittadini tiegħu.”;

(b)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“3.   B'deroga mill-paragrafu 1, aċċess parzjali għal professjoni fl-Istat Membru ospitanti għandu jingħata skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4f.”.

(5)

jiddaħħlu l-artikoli li ġejjin:

“Artikolu 4a

Karta Professjonali Ewropea

1.   L-Istati Membri għandhom joħorġu għad-detenturi ta’ kwalifika professjonali Karta Professjonali Ewropea fuq talba tagħhom u bil-kondizzjoni li l-Kummissjoni tkun adottat l-atti ta’ implimentazzjoni rilevanti speċifikati fil-paragrafu 7.

2.   Meta Karta Professjonali Ewropea tkun ġiet introdotta għal professjoni partikolari permezz tal-atti ta' implimentazzjoni rilevanti adottati skont il-paragrafu 7, id-detentur ta' kwalifika professjonali konċernata jista' jagħżel li japplika għal tali Karta jew li juża l-proċeduri previsti fit-Titoli II u III.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-detentur ta’ Karta Professjonali Ewropea jibbenefika mid-drittijiet kollha mogħtija mill-Artikoli 4b sa 4e.

4.   Fejn id-detentur ta’ kwalifika professjonali jkun beħsiebu jipprovdi servizzi taħt it-Titolu II għajr dawk koperti mill-Artikolu 7(4), l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' oriġini għandha toħroġ il-Karta Professjonali Ewropea skont l-Artikoli 4b u 4c. Il-Karta Professjonali Ewropea, fejn applikabbli, għandha tikkostitwixxi d-dikjarazzjoni taħt l-Artikolu 7.

5.   Fejn id-detentur ta’ kwalifika professjonali jkun beħsiebu jistabbilixxi ruħu fi Stat Membru ieħor skont il-Kapitoli I sa IIIa tat-Titolu III jew li jipprovdi servizzi skont l-Artikolu 7(4), l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini għandha tikkompleta l-passi preparatorji kollha fir-rigward tad-dossier individwali tal-applikant maħluq fi ħdan is-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI) (dossier tal-IMI) kif previst fl-Artikoli 4b u 4d. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti għandha toħroġ l-Karta Professjonali Ewropea skont l-Artikoli 4b u 4d.

Għall-fini tal-istabbiliment, il-ħruġ ta' Karta Professjonali Ewropea m'għandux jipprovdi dritt awtomatiku li tiġi eżerċitata professjoni partikolari jekk ikun hemm rekwiżiti ta' reġistrazzjoni jew proċeduri oħra ta' kontroll diġà fis-seħħ fl-Istat Membru ospitanti qabel ma tiġi introdotta Karta Professjonali Ewropea għal dik il-professjoni.

6.   L-Istati Membri jagħżlu l-awtoritajiet kompetenti għall-ġestjoni tad-dossiers tal-IMI u għall-ħruġ ta' Karti Professjonali Ewropej. Dawk l-awtoritajiet għandhom jiżguraw ipproċessar imparzjali, oġġettiv u tempestiv tal-applikazzjonijiet għal Karti Professjonali Ewropej. Iċ-ċentri ta’ assistenza msemmija fl-Artikolu 57b jistgħu jaġixxu wkoll fil-kapaċità ta’ awtorità kompetenti. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti u ċ-ċentri ta' assistenza jgħarrfu liċ-ċittadini, inklużi lill-applikanti prospettivi, dwar il-funzjonament u l-valur miżjud ta’ Karta Professjonali Ewropea għall-professjonijiet li għalihom tkun disponibbli.

7.   Il-Kummissjoni għandha, permezz ta' atti ta’ implimentazzjoni, tadotta miżuri meħtieġa biex tiżgura l-applikazzjoni uniformi tad-dispożizzjonijiet dwar il-Karti Professjonali Ewropej għal dawk il-professjonijiet li jissodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti fit-tieni subparagrafu ta' dan il-paragrafu, inklużi miżuri li jikkonċernaw il-format tal-Karta Professjonali Ewropea, l-ipproċessar ta' applikazzjonijiet bil-miktub, it-traduzzjonijiet li għandhom jiġu pprovduti mill-applikant sabiex jappoġġaw kull applikazzjoni għal Karta Professjonali Ewropea, id-dettalji tad-dokumenti meħtieġa skont l-Artikolu 7(2) jew l-Anness VII biex tiġi ppreżentata applikazzjoni kompleta u l-proċeduri biex isiru u jiġu pproċessati pagamenti għal Karta Professjonali Ewropea, filwaqt li jittieħdu f’kunsiderazzjoni l-partikolaritajiet tal-professjoni kkonċernata. Il-Kummissjoni għandha tispeċifika wkoll, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, kif, meta u għal liema dokumenti l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jitolbu kopji ċertifikati skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4b(3), l-Artikoli 4d(2) u 4d(3) għall-professjoni kkonċernata.

L-introduzzjoni ta' Karta Professjonali Ewropea għal professjoni partikolari permezz tal-adozzjoni tal-atti ta' implimentazzjoni rilevanti msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tkun soġġetta għall-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

ikun hemm mobbiltà sinifikanti jew potenzjal għal mobbiltà sinifikanti fil-professjoni kkonċernata;

(b)

ikun hemm interess suffiċjenti espress mill-partijiet interessati rilevanti;

(c)

il-professjoni jew l-edukazzjoni u t-taħriġ orjentati lejn l-eżerċitar tal-professjoni jkunu regolati f'għadd sinifikanti ta' Stati Membri.

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 58(2).

8.   Kull tariffa li l-applikanti jistgħu jġarrbu fir-rigward tal-proċeduri amministrattivi għall-ħruġ ta’ Karta Professjonali Ewropea għandha tkun raġonevoli u proporzjonata meta mqabbla mal-ispejjeż imġarrba mill-Istati Membri ta' oriġini u dawk ospitanti u ma għandhiex taġixxi bħala disinċentiv għal min irid japplika għal Karta Professjonali Ewropea.

Artikolu 4b

Applikazzjoni għal Karta Professjonali Ewropea u l-ħolqien ta’ dossier tal-IMI

1.   L-Istat Membru ta' oriġini għandu jippermetti lil detentur ta’ kwalifika professjonali japplika għal Karta Professjonali Ewropea permezz ta’ għodda online, ipprovduta mill-Kummissjoni, li toħloq awtomatikament dossier tal-IMI għall-applikant partikolari. Fejn Stat Membru ta' oriġini jippermetti wkoll applikazzjonijiet bil-miktub, għandu jdaħħal fis-seħħ l-arranġamenti meħtieġa kollha għall-ħolqien tad-dossier tal-IMI, kwalunkwe informazzjoni li għandha tintbagħat lill-applikant u l-ħruġ tal-Karta Professjonali Ewropea.

2.   L-applikazzjonijiet għandhom jiġu appoġġati mid-dokumenti meħtieġa fl-atti ta' implimentazzjoni li għandu jiġi adottat skont l-Artikolu 4a(7).

3.   Fi żmien ġimgħa mir-riċezzjoni tal-applikazzjoni, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini għandha tikkonferma li rċiviet l-applikazzjoni u tgħarraf lill-applikant dwar kwalunkwe dokument nieqes.

Fejn applikabbli, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' oriġini għandha toħroġ kwalunkwe ċertifikat ta' prova meħtieġ taħt din id-Direttiva. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' oriġini għandha tivverifika jekk l-applikant huwiex stabbilit legalment fl-Istat Membru ta' oriġini u jekk id-dokumenti meħtieġa kollha li nħarġu fl-Istat Membru ta' oriġini humiex validi u awtentiċi. Fil-każ ta' dubji debitament ġustifikati, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' oriġini għandu jikkonsulta lil korp rilevanti u jista' jitlob mill-applikant kopji ċertifikati tad-dokumenti. Fil-każ ta’ applikazzjonijiet sussegwenti mill-istess applikant, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini u tal-Istat Membru ospitanti jistgħu ma jitolbux il-preżentazzjoni mill-ġdid tad-dokumenti li diġà jinstabu fid-dossier tal-IMI u li jkunu għadhom validi.

4.   Il-Kummissjoni tista’, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tadotta l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, il-miżuri meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-integrità, il-kunfidenzjalità u l-preċiżjoni tal-informazzjoni li tinstab fil-Karta Professjonali Ewropea u fid-dossier tal-IMI, u l-kondizzjonijiet u l-proċeduri għall-ħruġ ta’ Karta Professjonali Ewropea lid-detentur tagħha, inkluża l-possibbiltà tad-downloading tagħha jew tal-preżentazzjoni tal-aġġornamenti għad-dossier tal-IMI. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 58(2).

Artikolu 4c

Karta Professjonali Ewropea għall-forniment temporanju u okkażjonali ta’ servizzi ħlief dawk koperti mill-Artikolu 7(4)

1.   L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini għandha tivverifika l-applikazzjoni u d-dokumenti ta' prova fid-dossier tal-IMI u toħroġ il-Karta Professjonali Ewropea għall-forniment temporanju u okkażjonali ta' servizzi għajr dawk koperti bl-Artikolu 7(4) fi żmien tliet ġimgħat. Dak il-perjodu ta' żmien għandu jibda malli jaslu d-dokumenti li kienu neqsin imsemmijin fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4b(3) jew, jekk ma ntalbux dokumenti oħra, malli jiskadi l-perjodu ta' żmien ta' ġimgħa msemmi f'dak is-subparagrafu. Konsegwentement hija għandha tittrażmetti l-Karta Professjonali Ewropea minnufih lill-awtorità kompetenti ta' kull Stat Membru ospitanti kkonċernat u għandha tgħarraf lill-applikant kif xieraq. L-Istat Membru ospitanti jista’ ma jkunx jeħtieġ dikjarazzjoni oħra skont l-Artikolu 7 għat-18-il xahar ta’ wara.

2.   Id-deċiżjoni tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini, jew in-nuqqas ta’ deċiżjoni fi żmien il-perjodu ta’ tliet ġimgħat imsemmi fil-paragrafu 1, għandhom ikunu soġġetti għal appell skont il-liġi nazzjonali.

3.   Jekk detentur ta’ Karta Professjonali Ewropea jixtieq jipprovdi servizzi fi Stati Membri għajr dawk imsemmija inizjalment fl-applikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, dak id-detentur jista' japplika għal tali estensjoni. Jekk id-detentur jixtieq ikompli jipprovdi s-servizzi wara l-perjodu ta' 18-il xahar imsemmi fil-paragrafu 1, dak id-detentur għandu jinforma lill-awtorità kompetenti kif xieraq. Fi kwalunkwe każ, dak id-detentur għandu jipprovdi wkoll kwalunkwe informazzjoni dwar bidliet materjali fis-sitwazzjoni ssostanzjata fid-dossier tal-IMI li tista' tkun meħtieġa mill-awtorità kompetenti fl-Istat Membru ta' oriġini skont l-atti ta' implimentazzjoni li għandhom jiġu adottati skont l-Artikolu 4a(7). L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' oriġini għandha tittrażmetti l-Karta Professjonali Ewropea aġġornata lill-Istati Membri ospitanti kkonċernati.

4.   Il-Karta Professjonali Ewropea għandha tkun valida fit-territorju sħiħ tal-Istati Membri ospitanti kollha kkonċernati sakemm id-detentur jibqa’ jkollu d-dritt li jipprattika fuq il-bażi tad-dokumenti u l-informazzjoni li tinstab fid-dossier tal-IMI.

Artikolu 4d

Karta Professjonali Ewropea għall-istabbiliment u għall-forniment temporanju u okkażjonali tas-servizzi taħt l-Artikolu 7(4)

1.   L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini għandha, fi żmien xahar, tivverifika l-awtentiċità u l-validità tad-dokumenti ta’ prova fid-dossier tal-IMI għall-fini tal-ħruġ ta' Karta Professjonali Ewropea għall-istabbiliment jew għall-forniment temporanju u okkażjonali tas-servizzi taħt l-Artikolu 7(4). Dak il-perjodu ta' żmien għandu jibda mar-riċezzjoni tad-dokumenti li kienu neqsin imsemmijin fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4b(3) jew, jekk ma ntalbux dokumenti oħra, malli jiskadi l-perjodu ta' żmien ta' ġimgħa msemmi f'dak is-subparagrafu. Imbagħad, għandha tittrażmetti l-applikazzjoni minnufih lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti. L-Istat Membru ta' oriġini għandu jinforma lill-applikant dwar l-istatus tal-applikazzjoni fl-istess ħin li jittrażmetti l-applikazzjoni lill-Istat Membru ospitanti.

2.   Fil-każijiet imsemmija fl-Artikoli 16, 21, 49a u 49b, Stat Membru ospitanti għandu jiddeċiedi jekk joħroġx Karta Professjonali Ewropea skont il-paragrafu 1 fi żmien xahar mir-riċezzjoni tal-applikazzjoni trażmessa mill-Istat Membru ta’ oriġini. F’każ ta’ dubji debitament ġustifikati, l-Istat Membru ospitanti jista’ jitlob informazzjoni addizzjonali, jew l-inklużjoni ta' kopja ċertifikata ta' dokument, mill-Istat Membru ta’ oriġini, li dan tal-aħħar għandu jipprovdi mhux aktar tard minn ġimagħtejn wara l-preżentazzjoni tat-talba. Soġġett għat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 5, il-perijodu ta' xahar għandu japplika minkejja kwalunkwe tali talba.

3.   Fil-każijiet imsemmija fl-Artikoli 7(4) u 14, Stat Membru ospitanti għandu jiddeċiedi jekk joħroġx Karta Professjonali Ewropea jew jekk id-detentur ta' kwalifika professjonali għandux jiġi soġġett għal miżuri ta’ kumpens fi żmien xahrejn mir-riċezzjonital-applikazzjoni trażmessa mill-Istat Membru ta’ oriġini. F’każ ta’ dubji debitament ġustifikati, l-Istat Membru ospitanti jista’ jitlob informazzjoni addizzjonali, jew l-inklużjoni ta' kopja ċertifikata ta' dokument, mill-Istat Membru ta’ oriġini, li dan tal-aħħar għandu jipprovdi mhux aktar tard minn ġimagħtejn wara li tiġi ppreżentata t-talba. Soġġett għat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 5, il-perijodu ta’ xahrejn għandu japplika, minkejja kwalunkwe tali talba.

4.   F'każ li l-Istat Membru ospitanti ma jirċevix l-informazzjoni neċessarja li jista' jeħtieġ skont din id-Direttiva biex jieħu deċiżjoni dwar il-ħruġ tal-Karta Professjonali Ewropea jew mill-Istat Membru ta' oriġini jew mill-applikant, jista' jirrifjuta li joħroġ il-Karta. Tali rifjut għandu jkun debitament ġustifikat.

5.   Fejn l-Istat Membru ospitanti jonqos milli jieħu deċiżjoni fil-limiti ta’ żmien stabbiliti fil-paragrafi 2 u 3 ta' dan l-Artikolu jew jonqos milli jorganizza test ta' kapaċità skont l-Artikolu 7(4), il-Karta Professjonali Ewropea għandha titqies li nħarġet u għandha tintbagħat awtomatikament, permezz ta' IMI, lid-detentur ta' kwalifika professjonali.

L-Istat Membru ospitanti għandu jkollu l-possibblità li jestendi b'ġimagħtejn l-iskadenzi stabbiliti fil-paragrafi 2 u 3 għall-ħruġ awtomatiku tal-Karta Professjonali Ewropea. Għandu jispjega r-raġuni għall-estensjoni u jinforma lill-applikant kif xieraq. Tali estensjoni tista' tiġi ripetuta darba u biss fejn tkun strettament meħtieġa, b'mod partikolari għal raġunijiet relatati mas-saħħa pubblika jew mas-sikurezza tar-riċevituri tas-servizz.

6.   L-azzjonijiet meħuda mill-Istat Membru ta’ oriġini skont il-paragrafu 1 għandhom jieħdu post kull applikazzjoni għar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali skont il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru ospitanti.

7.   Id-deċiżjonijiet tal-Istat Membru ta’ oriġini u ta’ dak ospitanti adottati taħt il-paragrafi 1 sa 5 jew in-nuqqas ta’ deċiżjoni tal-Istat Membru ta' oriġini skont il-paragrafi 1 sa 5 għandhom ikunu soġġetti għal appell skont il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat.

Artikolu 4e

Ipproċessar u aċċess għad-dejta li tikkonċerna l-Karta Professjonali Ewropea

1.   Mingħajr preġudizzju għall-preżunzjoni ta’ innoċenza, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini u ta’ dak ospitanti għandhom jaġġornaw fil-ħin id-dossier tal-IMI korrispondenti bl-informazzjoni li tikkonċerna l-azzjonijiet dixxiplinari jew is-sanzjonijiet penali li jikkonċernaw projbizzjoni jew restrizzjoni u li għandhom konsegwenzi għat-twettiq tal-attivitajiet mid-detentur ta' Karta Professjonali Ewropea skont din id-Direttiva. Meta jagħmlu dan, huma għandhom jirrispettaw ir-regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta personali previsti fid-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (*) u fid-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (**). Dawn l-aġġornamenti għandhom jinkludu t-tħassir ta’ informazzjoni li ma tkunx għadha meħtieġa. Id-detentur tal-Karta Professjonali Ewropea u l-awtoritajiet kompetenti li għandhom aċċess għad-dossier tal-IMI korrispondenti għandhom jiġu mgħarrfa minnufih bi kwalunkwe aġġornament. Dak l-obbligu għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-obbligi tat-twissija għall-Istati Membri skont l-Artikolu 56a.

2.   Il-kontenut tal-aġġornamenti tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandu jkun limitat għal dan li ġej:

(a)

l-identità tal-professjonist;

(b)

il-professjoni kkonċernata;

(c)

informazzjoni dwar l-awtorità nazzjonali jew il-qorti li adottat id-deċiżjoni dwar ir-restrizzjoni jew il-projbizzjoni;

(d)

l-iskop tar-restrizzjoni jew tal-projbizzjoni; kif ukoll

(e)

il-perjodu li għalih tapplika r-restrizzjoni jew il-projbizzjoni.

3.   L-aċċess għall-informazzjoni fid-dossier tal-IMI għandu jkun limitat għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini u ta’ dak ospitanti, skont id-Direttiva 95/46/KE. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinfurmaw lid-detentur tal-Karta Professjonali Ewropea dwar il-kontenut tad-dossier tal-IMI fuq talba ta' dak id-detentur.

4.   L-informazzjoni inkluża fil-Karta Professjonali Ewropea għandha tkun limitata għall-informazzjoni meħtieġa biex jiġi aċċertat id-dritt tad-detentur li jeżerċita l-professjoni li nħarġet għaliha, jiġifieri l-isem, il-kunjom, id-data u l-post tat-twelid, il-professjoni, il-kwalifiki formali tad-detentur u r-reġim applikabbli, l-awtoritajiet kompetenti involuti, in-numru tal-karta, il-karatteristiċi marbuta mas-sigurtà u r-referenza għal prova valida ta' identità. L-informazzjoni relatata mal-esperjenza professjonali miksuba, jew il-miżuri ta' kumpens li ġew sodisfatti, mid-detentur tal-Karta Professjonali Ewropea għandha tiġi inkluża fid-dossier tal-IMI.

5.   Id-dejta personali inkluża fid-dossier tal-IMI tista' tiġi pproċessata għal kemm tkun meħtieġa għall-fini tal-proċedura ta' rikonoxximent bħala tali u bħala evidenza tar-rikonoxximent jew tat-trażmissjoni tad-dikjarazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 7. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, f’kull mument, u bl-ebda spiża għalih, id-detentur ta’ Karta Professjonali Ewropea jkollu d-dritt li jitlob ir-rettifika ta' dejta ineżatta jew inkompleta, jew it-tħassir jew l-imblukkar tad-dossier tal-IMI kkonċernat. Id-detentur għandu jiġi infurmat dwar dan id-dritt meta tinħareġ il-Karta Professjonali Ewropea, u għandu jġi mfakkar dwaru kull sentejn wara. It-tfakkira għandha tintbagħat awtomatikament permezz ta' IMI fejn l-applikazzjoni inizjali għall-Karta Professjonali Ewropea tkun tressqet online.

F'każ ta' talba għat-tħassir ta' dossier tal-IMI marbut ma' Karta Professjonali Ewropea maħruġa għall-fini tal-istabbiliment jew tal-forniment temporanju u okkażjonali tas-servizzi skont l-Artikolu 7(4), l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat għandhom jagħtu lid-detentur tal-kwalifiki professjonali evidenza li tafferma r-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali tiegħu.

6.   Fir-rigward tal-ipproċessar tad-dejta personali fil-Karta Professjonali Ewropea u d-dossiers kollha tal-IMI, l-awtoritajiet kompetenti rilevanti tal-Istati Membri għandhom jitqiesu bħala kontrolluri fit-tifsira tal-punt (d) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 95/46/KE. Fir-rigward tar-responsabbiltajiet tagħha skont il-paragrafi 1 sa 4 ta' dan l-Artikolu u l-ipproċessar tad-dejta personali involut fihom, il-Kummissjoni għandha titqies bħala kontrollur fit-tifsira tal-punt (d) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (***).

7.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3, l-Istati Membri ospitanti għandhom jispeċifikaw li l-impjegaturi, il-klijenti, il-pazjenti, l-awtoritajiet pubbliċi u partijiet interessati oħrajn jistgħu jivverifikaw l-awtentiċità u l-validità ta’ Karta Professjonali Ewropea ppreżentata lilhom mid-detentur tal-karta.

Il-Kummissjoni għandha, permezz ta' atti ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi regoli li jikkonċernaw l-aċċess għad-dossier tal-IMI, u l-mezzi tekniċi u l-proċeduri għall-verifika msemmija fl-ewwel subparagrafu. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 58(2).

Artikiolu 4f

Aċċess parzjali

1.   L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti għandha tagħti aċċess parzjali, abbażi ta’ kull każ għalih, għal attività professjonali fit-territorju tagħha biss fejn jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

il-professjonist ikun kompletament ikkwalifikat biex jeżerċita fl-Istat Membru ta’ oriġini l-attività professjonali li għaliha jitlob aċċess parzjali fl-Istat Membru ospitanti;

(b)

id-differenzi bejn l-attività professjonali mwettqa fl-Istat Membru ta’ oriġini u l-professjoni regolata fl-Istat Membru ospitanti tant huma kbar li l-applikazzjoni tal-miżuri ta’ kumpens ikunu jirriżultaw fi ħtieġa li l-applikant ilesti l-programm sħiħ ta’ edukazzjoni u taħriġ meħtieġ fl-Istat Membru ospitanti sabiex ikollu aċċess għall-professjoni regolata sħiħa fl-Istat Membru ospitanti;

(c)

l-attività professjonali tista’ tiġi separata b’mod oġġettiv minn attivitajiet oħra li jaqgħu taħt il-professjoni regolata fl-Istat Membru ospitanti.

Għall-fini tal-punt (c), l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti għandha tqis jekk l-attività professjonali tistax issir b'mod awtonomu fl-Istat Membru ta' oriġini.

2.   L-aċċess parzjali jista’ jiġi rifjutat jekk tali rifjut ikun ġustifikat minn raġunijiet prevalenti ta’ interess ġenerali, xierqa biex jiġi żgurat li jiintlaħaq l-objettiv mixtieq u ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq dak l-objettiv.

3.   L-applikazzjonijiet għall-fini tal-istabbiliment fi Stat Membru ospitanti għandhom jiġu eżaminati skont il-Kapitoli I u IV tat-Titolu III fil-każ ta’ stabbiliment fl-Istat Membru ospitanti.

4.   L-applikazzjonijiet għall-fini tal-forniment ta’ servizzi temporanji u okkażjonali fl-Istat Membru ospitanti li jikkonċernaw attivitajiet professjonali b’implikazzjonijiet marbuta mas-s-saħħa u s-sikurezza pubblika għandhom jiġu eżaminati skont it-Titolu II.

5.   B'deroga mis-sitt subparagrafu tal-Artikolu 7(4) u l-Artikolu 52(1), l-attività professjonali għandha titwettaq bit-titlu professjonali tal-Istat Membru ta’ oriġini ladarba jingħata aċċess parzjali. L-Istat Membru ospitanti jista' jeżiġi l-użu ta' dak it-titlu professjonali fil-lingwi tal-Istat Membru ospitanti. Il-professjonisti li jibbenefikaw minn aċċess parzjali għandhom jindikaw b'mod ċar lir-riċevituri tas-servizzi l-ambitu tal-attivitajiet professjonali tagħhom.

6.   Dan l-Artikolu m'għandux japplika għall-professjonisti li jibbenefikaw minn rikonoxximent awtomatiku tal-kwalifiki professjonali tagħhom skont il-Kapitoli II, III u IIIa tat-Titolu III.

(*)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31."

(**)  ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37."

(***)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.”."

(6)

fl-Artikolu 5(1), il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

fejn il-fornitur tas-servizzi jittrasferixxi ruħu, jekk huwa eżerċita dik il-professjoni fi Stat Membru wieħed jew aktar għal minimu ta’ sena matul l-aħħar għaxar snin qabel il-forniment tas-servizzi meta l-professjoni ma tkunx regolata fl-Istat Membru ta’ stabbiliment. Il-kondizzjoni li tesiġi twettiq ta’ attività għal sena ma għandhiex tapplika jekk il-professjoni jew l-edukazzjoni u t-taħriġ li jwasslu għall-professjoni jkunu regolati.”.

(7)

l-Artikolu 7 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-punti (d) u (e) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(d)

għall-każijiet imsemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 5(1), kull mezz ta' prova li l-fornitur ta' servizz eżerċita l-attività konċernata għal tal-anqas sena matul l-għaxar snin preċedenti;

(e)

għal professjonijiet fis-settur tas-sigurtà, fis-settur tas-saħħa u l-professjonijiet relatati mal-edukazzjoni tal-minorenni, anke fil-kura tat-tfal u fl-edukazzjoni tal-infanzja, fejn l-Istat Membru jkun jeħtieġ dan għaċ-ċittadini tiegħu, attestazzjoni li tikkonferma l-assenza ta’ sospensjoni temporanja jew finali mit-twettiq tal-professjoni jew ta' kundanna penali;”;

(ii)

jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(f)

għall-professjonijiet li għandhom implikazzjonijiet marbuta mas-sikurezza tal-pazjenti, dikjarazzjoni dwar l-għarfien tal-lingwa neċessarja għall-eżerċitar tal-professjoni fl-Istat Membru ospitanti;

(g)

għall-professjonijiet li jkopru l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 16 u li ġew notifikati minn Stat Membru skont l-Artikolu 59(2), ċertifikat li jikkonċerna n-natura u t-tul ta' żmien tal-attività maħruġ mill-awtorità kompetenti jew mill-korp tal-Istat Membru li fih ikun stabbilit il-fornitur tas-servizzi.”;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“2a.   Il-preżentazzjoni ta' dikjarazzjoni meħtieġa mill-fornitur ta' servizz skont il-paragrafu 1 għandha tintitola lil dak il-fornitur ta' servizz biex ikollu aċċess għall-attività tas-servizz jew li jeżerċita dik l-attività fit-territorju kollu tal-Istat Membru kkonċernat. Stat Membru jista' jitlob informazzjoni addizzjonali elenkata fil-paragrafu 2 li tikkonċerna l-kwalifiki professjonali tal-fornitur ta' servizz jekk:

(a)

il-professjoni tkun regolata f'partijiet mit-territorju ta' dak l-Istat Membru f'manjiera differenti;

(b)

tali regolament ikun japplika wkoll għaċ-ċittadini kollha ta' dak l-Istat Membru;

(c)

id-differenzi f'tali regolament ikunu ġustifikati minn raġunijiet prevalenti ta' interess ġenerali marbuta mas-saħħa pubblika jew mas-sikurezza tar-riċevituri tas-servizzi; u

(d)

l-Istat Membru ma jkollu ebda mezz ieħor biex jikseb tali informazzjoni.”;

(c)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Għall-ewwel forniment ta’ servizzi, fil-każ ta’ professjonijiet regolati li għandhom implikazzjonijiet marbuta mas-saħħa jew mas-sikurezza pubblika li ma jibbenefikawx minn rikonoxximent awtomatiku taħt il-Kapitolu II, III jew IIIa tat-Titolu III, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tista’ tivverifika l-kwalifiki professjonali tal-fornitur ta’ servizz qabel l-ewwel forniment ta’ servizzi. Verifika minn qabel bħal din għandha tkun possibbli biss fejn l-iskop tal-verifika jkun li tevita dannu serju għas-saħħa jew għas-sikurezza tar-riċevitur tas-servizz minħabba nuqqas ta’ kwalifika professjonali tal-fornitur tas-servizz u fejn il-verifika ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju għal dak l-iskop.

Mhux aktar tard minn xahar wara r-riċezzjoni tad-dikjarazzjoni u d-dokumenti li jakkumpanjawha, imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, l-awtorità kompetenti għandha tgħarraf lill-fornitur tas-servizz bid-deċiżjoni tagħha:

(a)

li ma tivverifikax il-kwalifiki professjonali tiegħu;

(b)

wara li tkun ivverifikat il-kwalifiki professjonali tiegħu:

(i)

li titlob lill-fornitur tas-servizz jagħmel test ta' kapaċità; jew

(ii)

li tippermetti l-forniment tas-servizzi.

Fejn ikun hemm diffikultà li tkun se tirriżulta f’dewmien fit-teħid ta' deċiżjoni taħt it-tieni subparagrafu, l-awtorità kompetenti għandha tinnotifika lill-fornitur tas-servizz bir-raġuni għad-dewmien sa l-istess skadenza. Id-diffikultà għandha tiġi solvuta fi żmien xahar minn dik in-notifika u d-deċiżjoni tiġi finalizzata fi żmien xahrejn mir-riżoluzzjoni tad-diffikultà.

Fejn ikun hemm differenza sostanzjali bejn il-kwalifiki professjonali tal-fornitur tas-servizz u t-taħriġ meħtieġ fl-Istat Membru ospitanti, tant li d-differenza tkun ta’ dannu għas-saħħa jew is-sikurezza pubblika, u ma tistax tiġi kkumpensata minn esperjenza professjonali jew mill-għarfien, ħiliet u kompetenzi miksuba permezz tat-tagħlim tul il-ħajja tal-fornitur tas-servizz, ivvalidati formalment għal dak il-għan minn korp rilevanti, l-Istat Membru ospitanti għandu jagħti lil dak il-fornitur tas-servizz l-opportunità li juri, permezz ta’ test ta' kapaċità, kif imsemmi fil-punt (b) tat-tieni subparagrafu, li jkun kiseb l-għarfien, il-ħiliet jew il-kompetenza li kienu neqsin. L-Istat Membru ospitanti għandu jieħu deċiżjoni abbażi ta' dak dwar jekk jippermettix il-forniment ta' servizzi. Fi kwalunkwe każ, għandu jkun possibbli li jiġi pprovdut is-serivizz fi żmien xahar mid-deċiżjoni meħuda skont it-tieni subparagrafu.

Fin-nuqqas ta’ komunikazzjoni mill-awtorità kompetenti fi ħdan id-dati ta’ skadenza stabbiliti fit-tieni u t-tielet subparagrafi, jista’ jiġi pprovdut is-servizz.

Fil-każijiet fejn il-kwalifiki professjonali jkunu ġew verifikati skont dan il-paragrafu, is-servizz għandu jiġi pprovdut bit-titlu professjonali tal-Istat Membru ospitanti.”.

(8)

fl-Artikolu 8, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

"1.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti jistgħu jitolbu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ stabbiliment, f’każ li jkun hemm dubji ġustifikati, sabiex jipprovdu kull informazzjoni rilevanti għal-legalità tal-istabbiliment tal-fornitur tas-servizz u tal-kondotta tajba tiegħu, kif ukoll għan-nuqqas ta’ kull sanzjoni dixxiplinarja jew penali ta’ natura professjonali. Fil-każ li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti jiddeċiedu li jivverifikaw il-kwalifiki professjonali tal-fornitur tas-servizz, jistgħu jitolbu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ stabbiliment informazzjoni dwar il-korsijiet ta’ taħriġ tal-fornitur tas-servizz sa fejn dan ikun meħtieġ sabiex jiġu valutati d-differenzi sostanzjali li x’aktarx ikunu ta’ dannu għas-saħħa jew is-sikurezza pubblika. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ stabbiliment għandhom jipprovdu dik l-informazzjoni skont l-Artikolu 56. Fil-każ ta' professjonijiet mhux regolati fl-Istat Membru ta' oriġini, iċ-ċentri ta' assistenza msemmija fl-Artikolu 57b jistgħu jipprovdu wkoll tali informazzjoni.".

(9)

l-Artikolu 11 huwa emendat kif ġej:

(a)

l-ewwel paragrafu huwa emendat kif ġej:

(i)

il-parti introduttorja hija sostitwita b'dan li ġej:

“Għall-finijiet tal-Artikolu 13 u l-Artikolu 14(6), il-kwalifiki professjonali għandhom jinġabru skont il-livelli li ġejjin:”;

(ii)

fil-punt (c), il-punt (ii) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(ii)

l-edukazzjoni u t-taħriġ regolati jew, fil-każ ta’ professjonijiet regolati, taħriġ vokazzjonali bi struttura speċjali, b’kompetenzi li jmorru lil hinn minn dak li huwa speċifikat fil-livell b, ekwivalenti għal-livell ta’ taħriġ speċifikat fil-punt (i), jekk dan it-taħriġ jipprovdi standard professjonali komparabbli u jipprepara lill-apprendist għal livell komparabbli ta’ responsabbiltajiet u funzjonijiet, dejjem jekk id-diploma tkun akkumpanjata minn ċertifikat mill-Istat Membru ta’ oriġini;”;

(iii)

il-punti (d) u (e) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(d)

diploma li tiċċertifika tlestija b’suċċess tat-taħriġ fil-livell postsekondarju ta’ mill-inqas tliet snin u mhux aktar minn erbgħa’, jew tul ta' żmien ekwivalenti fuq bażi part-time, li, barra minn hekk tista' tiġi espressa b'numru ekwivalenti ta’ krediti ECTS, f’università jew stabbiliment ta’ edukazzjoni għolja jew stabbiliment ieħor ta’ livell ekwivalenti u, fejn dan ikun xieraq, li hu lesta b’suċċess it-taħriġ professjonali flimkien mal-kors postsekondarju;

(e)

diploma li tiċċertifika li d-detentur lesta b’suċċess kors post-sekondarju ta’ mill-anqas erba’ snin, jew ta’ dewmien ekwivalenti fuq bażi part-time, li barra minn hekk tista' tiġi espressa b'għadd ekwivalenti ta’ krediti ECTS, f’università jew stabbiliment ta’ edukazzjoni ogħla jew stabbiliment ieħor ta’ livell ekwivalenti u, fejn dan ikun xieraq, li hu lesta b’suċċess it-taħriġ professjonali meħtieġ flimkien ma l-kors post-sekondarju.”;

(b)

it-tieni paragrafu huwa mħassar.

(10)

fl-Artikolu 12, l-ewwel paragrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Kull prova ta’ kwalifika formali jew sett ta’ provi ta’ kwalifiki formali maħruġa minn awtorità kompetenti fi Stat Membru, li jiċċertifikaw it-tlestija b’suċċess ta’ taħriġ fl-Unjoni, fuq bażi full-time jew part-time, fi ħdan jew barra l-programmi formali, li jkun rikonoxxut minn dak l-Istat Membru bħala ta’ livell ekwivalenti u li jagħti lid-detentur l-istess drittijiet ta’ aċċess jew għat-twettiq ta’ professjoni jew li jippreparah għat-twettiq ta’ dik il-professjoni, għandhom jiġu ttrattati bħala prova ta’ kwalifiki formali msemmija fl-Artikolu 11, inkluż il-livell inkwistjoni.”.

(11)

l-Artikolu 13 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 13

Kondizzjonijiet għar-rikonoxximent

1.   Jekk l-aċċess għal professjoni regolata jew it-twettiq tagħha fi Stat Membru ospitanti jkunu kontinġenti fuq il-pussess ta’ kwalifiki professjonali speċifiċi, l-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru għandha tippermetti lill-applikanti jkollhom aċċess għal dik il-professjoni u jwettquha, bl-istess kondizzjonijiet li japplikaw għaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru, jekk għandhom attestazzjoni ta’ livell ta’ kompetenza jew prova ta’ kwalifiki formali msemmija fl-Artikolu 11, meħtieġa minn Stat Membru ieħor sabiex jiksbu aċċess għal dik il-professjoni jew għat-twettiq tagħha fit-territorju tiegħu.

L-attestazzjonijiet ta’ livell ta’ kompetenza jew il-provi ta’ kwalifiki formali għandhom jinħarġu minn awtorità kompetenti fi Stat Membru, magħżula skont il-liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ dak l-Istat Membru.

2.   L-aċċess għal u l-eżerċitar tal-professjoni kif deskritt fil-paragrafu 1 għandhom jiġu awtorizzati wkoll għal applikanti li eżerċitaw il-professjoni inkwistjoni fuq bażi full-time għal sena jew għal perjodu globali ekwivalenti fuq bażi part-time matul l-għaxar snin preċedenti fi Stat Membru ieħor li ma jirregolax dik il-professjoni, u li jippossjedu attestazzjoni waħda jew aktar ta’ kompetenza jew prova ta’ kwalifiki formali maħruġa minn Stat Membru ieħor li ma jirregolax dik il-professjoni.

L-attestazzjonijiet ta’ livell ta’ kompetenza u l-prova ta’ kwalifiki formali għandhom jissodisfaw il-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

inħarġu minn awtorità kompetenti fi Stat Membru, magħżula il-liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ dak l-Istat Membru;

(b)

jikkonfermaw li d-detentur ġie ppreparat għall-eżerċitar tal-professjoni kkonċerata.

Is-sena ta' esperjenza professjonali msemmija fl-ewwel subparagrafu ma tistax, madankollu, tkun meħtieġa jekk il-prova ta' kwalifiki formali li jippossjedi l-applikant tiċċertifika edukazzjoni u taħriġ regolati.

3.   L-Istat Membru ospitanti għandu jaċċetta l-livell attestat skont l-Artikolu 11 mill-Istat Membru ta’ oriġini, kif ukoll iċ-ċertifikat li permezz tiegħu l-Istat Membru ta' oriġini jiċċertifika li l-edukazzjoni jew it-taħriġ vokazzjonali bi struttura speċjali msemmi fil-punt (c)(ii) tal-Artikolu 11 huwa ekwivalenti għal-livell previst fil-punt (c)(i) tal-Artikolu 11.

4.   B'deroga mill-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu u mill-Artikolu 14, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tista’ tirrifjuta l-aċċess għal u l-eżerċitar tal-professjoni għal detenturi ta’ attestazzjoni ta’ livell ta’ kompetenza klassifikata taħt il-punt (a) tal-Artikolu 11 fejn il-kwalifika professjonali nazzjonali meħtieġa għat-twettiq tal-professjoni fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru tkun klassifikata fil-punt (e) tal-Artikolu 11.”.

(12)

l-Artikolu 14 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-Artikolu 13 ma għandux jipprekludi l-Istat Membru ospitanti milli jitlob lill-applikant sabiex jagħmel perjodu ta’ adattament sa tliet snin jew sabiex jagħmel test ta' kapaċità jekk:

(a)

it-taħriġ li l-applikant ikun irċieva jkopri suġġetti sostanzjalment differenti fir-rigward tal-attivitajiet professjonali differenti minn dawk koperti mit-taħriġ fl-Istat Membru ospitanti;

(b)

il-professjoni regolata fl-Istat Membru ospitanti tinkludi attività professjonali waħda jew aktar regolata li ma jeżistux fil-professjoni korrispondenti fl-Istat Membru ta' oriġini tal-applikant, u t-taħriġ meħtieġ fl-Istat Membru ospitanti jkopri suġġetti sostanzjalment differenti minn dawk koperti mill-attestazzjoni ta’ kompetenza jew il-provi ta’ kwalifiki formali tal-applikant.”;

(b)

fil-paragrafu 2, it-tielet subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Fejn il-Kummissjoni tqis li d-deroga msemmija fit-tieni subparagrafu ma tkunx xierqa jew li mhijiex konformi mal-liġi tal-Unjoni, din għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni, fi żmien tliet xhur mir-riċezzjoni tal-informazzjoni neċessarja kollha, sabiex titlob lill-Istat Membru rilevanti biex joqgħod lura milli jieħu l-miżuri prevista. Fin-nuqqas ta’ tweġiba mill-Kummissjoni sa dik l-iskadenza, id-deroga tista’ tiġi applikata.”;

(c)

fil-paragrafu 3, jiżdiedu s-subparagrafi li ġejjin:

“B'deroga mill-prinċipju tad-dritt tal-applikant li jagħżel, kif stabbilit fil-paragrafu 2, l-Istat Membru ospitanti jista' jistipula jew perjodu ta' adattament jew test ta' kapaċità fil-każ ta':

(a)

detentur ta' kwalifika professjonali msemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 11, li japplika għal rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali tiegħu fejn il-kwalifika professjonali nazzjonali meħtieġa tkun klassifikata taħt il-punt (c) tal-Artikolu 11; jew

(b)

detentur ta' kwalifika professjonali msemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 11, li japplika għal rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali tiegħu fejn il-kwalifika professjonali nazzjonali meħtieġa tkun klassifikata taħt il-punt (d) jew (e) tal-Artikolu 11.

Fil-każ ta' detentur ta' kwalifika professjonali msemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 11 li japplika għal rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali tiegħu fejn il-kwalifika professjonali nazzjonali meħtieġa tkun klassifikata taħt il-punt (d) tal-Artikolu 11, l-Istat Membru ospitanti jista' jimponi kemm perjodu ta' adattament kif ukoll test ta' kapaċità.”;

(d)

il-paragrafi 4 u 5 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“4.   Għall-finijiet tal-paragrafi 1 u 5, “suġġetti sostanzjalment differenti” tfisser suġġetti li fir-rigward tagħhom l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi miksuba huma essenzjali għall-eżerċitar tal-professjoni u li fir-rigward tagħhom it-taħriġ irċivut mill-immigrant juri differenzi sinifikanti f’termini ta’ kontenut mit-taħriġ meħtieġ mill-Istat Membru ospitanti.

5.   Il-paragrafu 1 għandu jiġi applikat fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. B’mod partikolari, jekk l-Istat Membru ospitanti jkun beħsiebu jitlob lill-applikant sabiex jagħmel perjodu ta’ adattament jew jagħmel test ta' kapaċità, l-ewwel irid jaċċerta ruħu jekk l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi miksuba mill-applikant matul l-esperjenza professjonali tiegħu jew waqt it-tagħlim tul il-ħajja, u vvalidati formalment għal dak il-għan minn korp rilevanti, fi kwalunkwe Stat Membru jew f’pajjiż terz humiex tat-tip li jkopru bis-sħiħ jew f’parti minnhom, dawk is-suġġetti sostanzjalment differenti definit fil-paragrafu 4.”;

(e)

jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“6.   Id-deċiżjoni li timponi perjodu ta’ adattament jew test ta' kapaċità għandha tkun ġustifikata kif xieraq. B'mod partikolari, l-applikant għandu jingħata l-informazzjoni li ġejja:

(a)

il-livell tal-kwalifika professjonali meħtieġa fl-Istat Membru ospitanti u l-livell ta’ kwalifika professjonali miżmum mill-applikant skont il-klassifika stabbilita fl-Artikolu 11; u

(b)

id-differenzi sostanzjali msemmija fil-paragrafu 4 u r-raġunijiet li għalihom dawk id-differenzi ma jistgħux jiġu kkumpensati bl-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi miksuba matul l-esperjenza professjonali jew matul it-tagħlim tul il-ħajja, ivvalidati formalment għal dak il-għan minn korp rilevanti.

7.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti jkollhom il-possibbiltà li jagħmlu t-test ta' kapaċità msemmi fil-paragrafu 1 sa mhux aktar tard minn sitt xhur wara d-deċiżjoni inizjali li timponi test ta' kapaċità fuq l-applikant.”.

(13)

L-Artikolu 15 huwa mħassar.

(14)

L-Artikolu 20 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 20

Adattament tal-listi ta’ attivitajiet fl-Anness IV

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 57c rigward l-adattament tal-listi ta’ attivitajiet stabbiliti fl-Anness IV li huma s-suġġett ta’ rikonoxximent tal-esperjenza professjonali skont l-Artikolu 16, bil-għan li jiġu aġġornati jew iċċarati l-attivitajiet elenkati fl-Anness IV b'mod partikolari sabiex jiġi speċifikat aktar l-ambitu tagħhom u biex jitqiesu kif xieraq l-aħħar żviluppi fil-qasam tan-nomenklaturi bbażati fuq l-attivitajiet, dejjem jekk dan ma jinvolvi l-ebda tnaqqis tal-ambitu tal-attivitajiet relatati mal-kategoriji individwali u li ma jkun hemm l-ebda ċaqliq tal-attivitajiet bejn il-listi eżistenti I, II u III tal-Anness IV.”.

(15)

L-Artikolu 21 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Fir-rigward tal-operazzjoni tal-ispiżeriji li mhumiex soġġetti għal restrizzjonijiet territorjali, Stat Membru jista', b'deroga, jiddeċiedi li ma jikkunsidrax il-prova ta' kwalifiki professjonali msemmija fil-punt 5.6.2. tal-Anness V, għall-istabbiliment ta' spiżeriji ġodda miftuħa għall-pubbliku. Għall-finijiet ta' dan il-paragrafu, l-ispiżeriji li jkunu miftuħa għal inqas minn tliet snin għandhom ikunu kkunsidrati wkoll bħala spiżeriji ġodda.

Dik id-deroga ma tistax tiġi applikata fir-rigward tal-ispiżjara li l-kwalifiki formali tagħhom diġà ġew rikonoxxuti mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti għal skopijiet oħra u li kienu qed iwettqu effettivament u legalment l-attivitajiet ta' spiżjar għal tal-anqas tliet snin konsekuttivi f'dak l-Istat Membru.”;

(b)

il-paragrafu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“6.   Kull Stat Membru għandu jissoġġetta l-aċċess għal u l-eżerċizzju tal-attivitajiet professjonali ta' tobba, infermiera responsabbli mill-kura ġenerali, professjonist tad-dentistrija, kirurgi veterinarji, qwiebel u spiżjara għall-pussess ta' provi ta’ kwalifiki formali msemmija fil-punti 5.1.1, 5.1.2, 5.1.4, 5.2.2, 5.3.2, 5.3.3, 5.4.2, 5.5.2 u 5.6.2 tal-Anness V rispettivament, li jagħtu prova li l-professjonist ikonċernat kiseb, matul it-taħriġ tiegħu, kif xieraq, l-għarfien, il-ħiliet u l-kompertenzi msemmija fl-Artikoli 24(3), 31(6), 31(7), 34(3), 38(3), 40(3) u 44(3).

Sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-progress xjentifiku u tekniku ġeneralment rikonoxxut, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa tadotta atti delegati fis-sens tal-Artikolu 57e sabiex jiġu aġġornati l-għarfien u l-ħiliet imsemmija fl-Artikoli 24(3), 31(6), 34(3), 38(3), 40(3), 44(3) u 46(4) biex b’hekk jiġi rifless l-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni li jaffettwa direttament il-professjonalisti kkonċernati.

Dawn l-aġġornamenti ma għandhomx jeħtiġu emenda tal-prinċipji leġislattivi fis-seħħ fl-Istati Membri relatati mal-istruttura ta' professjonijiet għal dak li jikkonċerna t-taħriġ u l-kondizzjonijiet għal aċċess minn persuni fiżiċi. Dawn l-aġġornamenti għandhom jirrispettaw ir-responsabbiltà tal-Istati Membri għall-organizzazzjoni tas-sistemi ta’ edukazzjoni, kif stabbilit fl-Artikolu 165(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).”;

(c)

il-paragrafu 7 huwa mħassar.

(16)

Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 21a

Proċedura ta’ notifika

1.   Kull Stat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni dwar il-liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi li jadotta fir-rigward tal-ħruġ ta’ provi ta’ kwalifiki formali fil-professjonijiet koperti minn dan il-Kapitolu.

Fil-każ tal-provi ta’ kwalifiki formali msemmija fit-Taqsima 8, notifika skont l-ewwel subparagrafu għandha tiġi indirizzata lill-Istati Membri l-oħra wkoll.

2.   In-notifika msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi informazzjoni dwar it-tul u l-kontenut tal-programmi ta’ taħriġ.

3.   In-notifika msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi trażmessa permezz tal-IMI.

4.   Sabiex jittieħed kont xieraq tal-iżviluppi leġiżlattivi u amministrattivi fl-Istati Membri u sakemm il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministratitivi notifikati skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu huma konformi mal-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan il-Kapitolu, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 57c sabiex temenda l-punti 5.1.1 sa 5.1.4, 5.2.2, 5.3.2, 5.3.3, 5.4.2, 5.5.2, 5.6.2 u 5.7.1 tal-Anness V, fir-rigward tal-aġġornament tat-titli adottati mill-Istati Membri bħala prova ta’ kwalifiki formali u, fejn dan ikun xieraq, il-korp li joħroġ il-provi ta’ kwalifiki formali, iċ-ċertifikat li jakkumpanjahom u t-titlu professjonali korrispondenti.

5.   Fejn id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji jew amministrattivi notifikati skont il-paragrafu 1 ma jkunux konformi mal-kondizzjonijiet stabbilit f’dan il-Kapitolu, il-Kummissjoni għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni sabiex tirrifjuta l-emendi rikjesti tal-punti 5.1.1 sa 5.1.4, 5.2.2, 5.3.2, 5.3.3, 5.4.2, 5.5.2, 5.6.2 jew 5.7.1 tal-Anness V.”

(17)

L-Artikolu 22 huwa emendat kif ġej:

(a)

fl-ewwel paragrafu, il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

L-Istati Membri għandhom, b’mod konformi mal-proċeduri speċifiċi għal kull Stat Membru, jiżguraw, billi jinkoraġġixxu żvilupp professjonali kontinwu, li l-professjonisti li l-kwalifika professjonali tagħhom hija koperta mill-Kapitolu III ta' dan it-Titolu jkunu jistgħu jaġġornaw l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi tagħhom ħalli jiddisponu minn prattika sikura u effikaċi u jinżammu aġġornati fir-rigward tal-iżviluppi professjonali.”;

(b)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni dwar il-miżuri meħuda skont il-punt(b) tal-ewwel paragrafu sat-18 ta’ Jannar 2016.”

(18)

fl-Artikolu 24, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   It-taħriġ mediku bażiku għandu jinkludi total ta’ tal-inqas ħames snin ta’ studju, li jistgħu jingħataw ukoll f’termini ta' krediti tal-ECTS ekwivalenti, u għandu jikkonsisti f’tal-inqas 5 500 siegħa ta’ taħriġ teoretiku u prattiku pprovdut minn, jew inkella taħt is-superviżjoni ta’ università.

Għall-professjonisti li bdew l-istudji tagħhom qabel l-1 ta’ Jannar 1972, il-kors ta’ taħriġ imsemmi fl-ewwel subparagrafu jista’ jinkludi sitt xhur ta’ taħriġ prattiku full-time f’livell universitarju taħt is-superviżjoni tal-awtoritajiet kompetenti.”.

(19)

L-Artikolu 25 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-ammissjoni għal taħriġ mediku ta’ speċjalizzazzjoni għandu jkun kontinġenti fuq it-tlestija u l-validazzjoni ta’ programm ta’ taħriġ mediku bażiku kif imsemmi fl-Artikolu 24(2) li matulu l-apprentist ikun kiseb l-għarfien meħtieġ ta’ mediċina bażika.”

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“3a.   Fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu eżenzjonijiet parzjali minn partijiet tat-taħriġ mediku ta’ speċjalizzazzjoni elenkati fil-punt 5.1.3 tal-Anness V, li għandhom jingħataw fuq bażi ta’ każ b’każ, jekk dik il-parti tkun diġà ġiet segwita matul it-tlestija ta’ programm ta’ taħriġ ta’ speċjalizzazzjoni ieħor li huwa elenkat fil-punt 5.1.3 tal-Anness V, li għaliha l-professjonist ikun diġà kiseb il-kwalifika professjonali fi Stat Membru. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-eżenzjoni mogħtija mhijiex ta’ aktar minn nofs it-tul ta' żmien minimu tal-kors ta’ taħriġ mediku speċjalizzat inkwistjoni.

Kull Stat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bil-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata għal dawn l-eżenzjonijiet parzjali.”

(c)

Il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 57c rigward l-adattamenti tal-perjodi minimi ta’ taħriġ imsemmija fil-punt 5.1.3 tal-Anness V għall-progress xjentifiku u tekniku.”;

(20)

Fl-Artikolu 26, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Sabiex jittieħed kont xieraq tal-bidliet fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u bl-għan li tiġi aġġornata din id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 57c rigward l-inklużjoni fil-punt 5.1.3 tal-Anness V ta’ speċjalizzazzjonijiet mediċi ġodda komuni għal tal-inqas żewġ kwinti mill-Istati Membri.”.

(21)

fl-Artikolu 27, jiddaħħal il-paragrafu li gej:

“2a.   L-istati Membri għandhom jirrikonoxxu l-kwalifiki ta’ tobba speċjalizzati miksuba fl-Italja, u elenkati fil-punti 5.1.2 u 5.1.3 tal-Anness V, lil tobba li bdew it-taħriġ speċjalizzat tagħhom wara l-31 ta’ Diċembru 1983 u qabel l-1 ta’ Jannar 1991, minkejja li t-taħriġ ikkonċernat ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta' taħriġ kollha stabbiliti fl-Artikolu 25, jekk il-kwalifika tkun akkompanjata minn ċertifikat maħruġ mill-awtoritajiet kompetenti Taljani li jiddikjara li t-tabib ikkonċernat kien effettivament u legalment qed jeżerċita, fl-Italja, attiviatjiet ta’ speċjalista mediku fl-istess qasam speċjalizzat ikkonċernat, għal tal-anqas seba’ snin konsekuttivi matul l-għaxar snin li jippreċedu l-għoti taċ-ċertifikat.”.

(22)

Fl-Artikolu 28, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

"1.   Ammissjoni għal taħriġ speċifiku fil-prattika medika ġenerali għandha tkun kontinġenti fuq it-tlestija u l-validazzjoni ta' programm bażiku ta' taħriġ mediku kif imsemmi fl-Artikolu 24(2) li matulu t-trainee jkun kiseb l-għarfien rilevanti tal-mediċina bażika."

(23)

L-Artikolu 31 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

"1.   Ammissjoni għat-taħriġ għal infirmiera responsabbli mill-kura ġenerali għandha tkun kontinġenti ma’ jew:

(a)

it-tlestija tal-edukazzjoni ġenerali ta’ 12-il sena, kif għandu jkun muri permezz ta' diploma, ċertifikat jew prova oħra maħruġa mill-awtoritajiet jew il-korpi kompetenti fi Stat Membru jew ċertifikat li jagħti prova ta' suċċess f'eżami, ta' livell ekwivalenti u li jagħti aċċess għall-universitajiet jew għal istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla ta’ livell rikonoxxut bħala ekwivalenti; jew

(b)

it-tlestija tal-edukazzjoni ġenerali ta’ mill-inqas 10 snin, kif għandu jkun muri permezz ta' diploma, ċertifikat jew prova oħra maħruġa mill-awtoritajiet jew il-korpi kompetenti fi Stat Membru jew ċertifikat li jagħti prova ta' suċċess f'eżami, ta' livell ekwivalenti u li jagħti aċċess għal skola vokazzjonali jew programm ta’ taħriġ vokazzjonali għall-infirmiera."

(b)

Fil-paragrafu 2, it-tieni u t-tielet subparagrafi huma sostitwiti b’dan li ġej:

“Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 57c rigward l-emendi għal-listi stabbiliti fil-punt 5.2.1 tal-Anness V bil-għan li tadattaha għal progress, xjentifiku u tekniku.

L-emendi msemmija fit-tieni subparagrafu ma għandhomx jeħtiġu emenda tal-prinċipji leġislattivi fis-seħħ fl-Istati Membri relatati mal-istruttura ta' professjonijiet għal dak li jikkonċerna t-taħriġ u l-kondizzjonijiet għal aċċess minn persuni fiżiċi. Dawn l-emendi għandhom jirrispettaw ir-responsabbiltà tal-Istati Membri għall-organizzazzjoni tas-sistemi ta’ edukazzjoni, kif stabbilit fl-Artikolu 165(1) TFUE.”;

(c)

Fil-paragrafu 3, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

"It-taħriġ tal-infirmiera responsabbli mill-kura ġenerali għandu jinvolvi tal-inqas total ta’ tliet snin ta’ studju, li jistgħu jiġu espressi wkoll bil-krediti tal-ECTS ekwivalenti, u għandu jikkonsisti f’tal-inqas 4 600 siegħa ta’ taħriġ teoretiku u kliniku, fejn it-tul ta' żmien tat-taħriġ teoretiku jirrappreżenta tal-inqas terz u t-tul ta' żmien tat-taħriġ kliniku tal-inqas nofs it-tul minimu tat-taħriġ. L-Istati Membri jistgħu jagħtu eżenzjonijiet parzjali lil professjonisti li diġà rċivew parti mit-taħriġ tagħhom f’korsijiet li huma tal-inqas ta’ livell ekwivalenti."

(d)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

"4.   L-edukazzjoni teoretika hija dik il-parti tat-taħriġ għall-infirmiera li minnha l-infirmiera trainee jakkwistaw l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi professjonali tagħhom kif meħtieġ skont il-paragrafi 6 u 7. It-taħriġ għandu jingħata minn għalliema tal-kura mill-infermiera u minn persuni kompetenti oħra, f’universitajiet, f’istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla ta’ livell rikonoxxut bħala ekwivalenti jew fi skejjel vokazzjonali jew programm ta’ taħriġ vokazzjonali għall-infirmiera.";

(e)

Fil-paragrafu 5, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.   It-taħriġ fi klinika huwa dik il-parti tat-taħriġ għall-infirmiera li fih infirmiera trainees jitgħallmu, bħala parti minn tim u b'kuntatt dirett ma' individwu f'saħħtu jew marid u/jew komunità, jorganizzaw, jagħtu u jevalwaw il-kura komprensiva tal-infirmiera meħtieġa, abbażi tal-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi li huma jkunu kisbu. L-infirmier trainee għandu jitgħallem mhux biss kif jaħdem fi grupp, imma wkoll kif imexxi grupp u jorganizza l-kura ġenerali tal-infirmiera, inkluża l-edukazzjoni dwar is-saħħa għal individwi u gruppi żgħar, fl-istituti għas-saħħa jew fil-komunità.”;

(f)

il-paragrafu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:.

“6.   Taħriġ għall-infermiera responsabbli mill-kura ġenerali għandu jipprovdi assigurazzjoni li l-professjonist ikkonċernat kiseb l-għarfien u l-ħiliet li ġejjin:

(a)

għarfien globali tax-xjenzi li fuqhom hi bbażata l-infirmerija ġenerali, inkluż fehma suffiċjenti tal-istruttura, il-funzjonijiet fiżjoloġiċi u l-imġieba ta' persuni b'saħħithom u morda, u tar-relazzjoni bejn l-istat tas-saħħa u l-ambjent fiżiku u soċjali tal-bniedem;

(b)

għarfien dwar in-natura u l-etika tal-professjoni u tal-prinċipji ġenerali tas-saħħa u s-sengħa tal-kura;

(c)

esperjenza klinika adegwata; din l-esperjenza, li għandha tintgħażel għall-valur ta' taħriġ tagħha, għandha tkun miksuba taħt is-sorveljanza ta' persunal ta' infermiera kwalifikat u f'postijiet fejn in-numru ta' persunal kwalifikat u t-tagħmir huma xierqa għall-kura tal-pazjenti mill-infermiera;

(d)

l-abbiltà li wieħed jipparteċipa fit-taħriġ prattiku ta' persunal tas-saħħa u l-esperjenza ta’ xogħol ma' dan il-persunal;

(e)

l-esperjenza li wieħed jaħdem ma' membri ta' professjonijiet oħrajn fis-settur tas-saħħa.”;

(g)

Jiżdied il-paragrafu li ġej:

“7.   Kwalifiki formali bħala infermier responsabbli għall-kura ġenerali għandhom jipprovdu prova li l-professjonist inkwistjoni huwa kapaċi japplika tal-inqas l-kompetenzi li ġejjin, irrispettivament minn jekk it-taħriġ seħħx f’universitajiet, f’istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla f’livell rikonoxxut bħala ekwivalenti jew fi skola vokazzjonali jew permezz ta' programm ta’ taħriġ vokazzjonali tal-infermiera:

(a)

il-kompetenza li jagħmel dijanjosi indipendenti tal-kura tal-infermiera bl-użu ta’ għarfien teoretiku u kliniku attwali u li jippjana, jorganizza u jimplementa l-kura tal-infermiera meta l-pazjenti jiġu ttrattati abbażi tal-għarfien u l-ħiliet akkwistati skont il-punti (a), (b) u (c) tal-paragrafu 6 sabiex titjieb il-prattika professjonali;

(b)

il-kompetenza li jaħdem flimkien ma’ atturi oħra fis-settur tas-saħħa b’mod effikaċi, inkluża l-parteċipazzjoni fit-taħriġ prattiku tal-persunal tas-saħħa fuq il-bażi tal-għarfien u l-ħiliet akkwistati skont il-punti (d) u (e) tal-paragrafu 6;

(c)

il-kompetenza li jaġevola lil individwi, familji u gruppi biex igawdu minn stil ta’ ħajja b'saħħitha u jieħdu kura tagħhom stess fuq il-bażi tal-għarfien u l-ħiliet miksuba skont il-punti (a) u (b) tal-paragrafu 6;

(d)

il-kompetenza li jibda’ miżuri immedjati li jippreservaw il-ħajja u li jieħu miżuri fi kriżijiet u sitwazzjonijiet ta’ diżastri;

(e)

il-kompetenza li jagħti parir indipendenti, jistruwixxi u jappoġġa persuni li jeħtieġu l-kura u l-persuni marbuta magħhom;

(f)

il-kompetenza li jiżgura b’mod indipendenti l-kwalità u l-valutazzjoni tal-kura tal-infermiera;

(g)

il-kompetenza li jikkomunika b’mod komprensiv u professjonali u jikkoopera ma’ membri ta’ professjonijiet oħra fis-settur tas-saħħa;

(h)

il-kompetenza li janalizza l-kwalità tal-kura sabiex itejjeb il-prattika professjonali tiegħu stess bħal infermier responsabbli għall-kura ġenerali.”.

(24)

L-Artikolu 33 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 huwa mħassar;

(b)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   L-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu provi ta’ kwalifiki formali ta’ infirmiera li:

(a)

ngħataw fil-Polonja, lil infirmiera li lestew it-taħriġ qabel l-1 ta’ Mejju 2004, li ma kkonformawx mar-rekwiżiti minimi ta’ taħriġ stabbiliti fl-Artikolu 31, u

(b)

li ġew attestati mid-diploma ta’ ‘baċċelerat’ li kienet nkisbet fuq il-bażi ta’ programm speċjali ta’ titjib li jinstab:

(i)

fl-Artikolu 11 tal-Att tal-20 ta’ April 2004 dwar l-emenda tal-Att dwar il-professjonijiet ta’ infirmiera u qwiebel u dwar xi atti legali oħrajn (Il-Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika tal-Polonja tat-30 ta’ April 2004 Nru 92, pos. 885 u tal-2007, Nru 176, pos. 1237), u r-Regolament tal-Ministru tas-Saħħa tal-11 ta’ Mejju 2004 dwar il-kondizzjonijiet dettaljati tal-għoti ta’ studji għal infirmiera u qwiebel, li għandhom ċertifikat ta’ skola sekondarja (eżami finali — imsejjaħ “matura”) u li ggradwaw minn liċeo mediku u skejjel vokazzjonali mediċi li jgħallmu dwar il-professjoni ta’ infirmiera u qwiebel (Il-Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika tal-Polonja tal-2004 Nru 110, pos 1170 u tal-2010 Nru 65, pos. 420), jew;

(ii)

fl-Artikolu 52.3 punt 2 tal-Att tal-15 ta’ Lulju 2011 dwar il-professjonijiet ta’ infermiera u qwiebel (Il-Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika tal-Polonja tat-23 ta’ April 2011 No 174, pos. 1039); u r-Regolament tal-Ministru tas-saħħa tal-14 ta’ Gunju 2012 dwar il-kondizzjonijiet dettaljati tal-għoti ta’ studji għal infirmiera u qwiebel, li għandhom ċertifikat ta’ skola sekondarja (eżami finali — imsejjaħ “matura”) u li ggradwaw minn skola sekondarja medika jew post-sekondarja medika li jgħallmu dwar il-professjoni ta’ infirmiera u qwiebel (Il-Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika tal-Polonja tal-2012, pos. 770),

bil-għan li jiġi verifikat li l-infermier ikkonċernat għandu livell ta’ għarfien u kompetenza komparabbli għal dak tal-infirmiera li għandhom kwalifiki elenkati għall-Polonja, huma definiti fil-punt 5.2.2. tal-Anness V.”.

(25)

L-Artikolu 33a huwa sostitwit b’dan li ġej:

"Fir-rigward tal-kwalifika Rumena ta’ infermiera responsabbli għall-kura ġenerali, id-dispożizzjonijiet tad-drittijiet miksubin li ġejjin biss għandhom japplikaw:

Fil-każ ta' ċittadini ta’ Stati Membri li kienu mħarrġa bħala infermiera responsabbli għall-kura ġenerali fir-Rumanija u li t-taħriġ tagħhom ma jissodisfax ir-rekwiżiti minimi ta’ taħriġ stabbiliti fl-Artikolu 31, l-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu l-evidenza li ġejja ta' kwalifiki professjonali bħala infermier responsabbli għall-kura ġenerali bħala prova suffiċjenti, bil-kondizzjoni li l-evidenza hija akkumpanjata minn ċertifikat li jiddikjara li dawn iċ-ċittadini tal-Istat Membru kienu effettivament u legalment qed jeżerċitaw attiviatjiet ta’ infermier responsabbli għall-kura ġenerali fir-Rumanija, inkluż it-teħid ta’ responsabbiltà sħiħa għall-ippjanar, l-organizzazzjoni u l-għoti ta’ kura ta’ infermier lill-pazjenti, għal perjodu ta’ tal-anqas tliet snin konsekuttivi matul il-ħames snin li jiġu qabel il-ħruġ taċ-ċertifikat:

(a)

Certificat de competenþe profesionale de asistent medical generalist b’edukazzjoni post-sekondarja miksuba minn școală postliceală, li jattesta taħriġ li beda qabel l-1 ta’ Jannar 2007;

(b)

Diplomã de absolvire de asistent medical generalist bi studji ta’ edukazzjoni ogħla fi żmien qasir, li tattesta taħriġ li beda qabel l-1 ta’ Ottubru 2003;

(c)

Diplomã de licenþã de asistent medical generalist bi studji ta’ edukazzjoni ogħla fi żmien twil, li tattesta taħriġ li beda qabel l-1 ta’ Ottubru 2003.".

(26)

fl-Artikolu 34, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   It-taħriġ dentali bażiku għandu jinkludi total ta’ mill-inqas ħames snin, li jista’ jingħata wkoll f’termini ta’ krediti tal-ECTS ekwivalenti, u għandu jikkonsisti f’tal-anqas 5 000 siegħa ta’ studju teoretiku u taħriġ prattiku li jinkludi tal-inqas il-programm deskritt fil-punt 5.3.1 tal-Anness V u pprovdut f’università, f’istitut ogħla li jipprovdi taħriġ rikonoxxut bħala ta’ livell ekwivalenti jew taħt is-superviżjoni ta’ università.

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 57c rigward l-emenda tal-lista stabbilita fil-punt 5.3.1. tal-Anness V bil-għan li tadattaha għall-progress xjentifiku u tekniku.

L-emendi msemmija fit-tieni subparagrafu ma għandhomx jeħtiġu emenda tal-prinċipji leġislattivi fis-seħħ fl-Istati Membri relatati mal-istruttura ta' professjonijiet għal dak li jikkonċerna t-taħriġ u l-kondizzjonijiet għal aċċess minn persuni fiżiċi. Dawn l-emendi għandhom jirrispettaw ir-responsabbiltà tal-Istati Membri għall-organizzazzjoni tas-sistemi ta’ edukazzjoni, kif stabbilit fl-Artikolu 165(1) TFUE.”.

(27)

L-Artikolu 35 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-ammissjoni għal taħriġ dentali speċjalizzat għandu jkun kontinġenti fuq it-tlestija u l-validazzjoni ta’ programm ta’ taħriġ dentali bażiku kif imsemmi fl-Artikolu 34 jew il-pussess tad-dokumenti msemmija fl-Artikoli 23 u 37.”;

(b)

il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

(i)

it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Korsijiet full-time ta’ speċjalizzazzjoni dentali għandhom idumu tal-anqas tliet snin, u għandhom jiġu sorveljati mill-awtoritajiet jew mill-korpi kompetenti. Għandhom jinvolvu l-parteċipazzjoni personali tal-professjonist tad-dentistrija li qed jitħarreġ sabiex isir speċjalist fl-attività u fir-responsabbiltajiet tal-istabbiliment ikkonċernat.”.

(ii)

it-tielet subparagrafu huwa mħassar;

(c)

Jizdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“4.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 57c rigward l-adattamenti tal-perjodu minimu ta’ taħriġ imsemmi fil-paragrafu 2 għall-progress xjentifiku u tekniku.

5.   Sabiex jittieħed kont xieraq tal-bidliet fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u bl-għan li tiġi aġġornata din id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 57c sabiex fil-punt 5.3.3. tal-Anness V tinkludi l-ispeċjalizzazzjonijiet il-ġodda fid-dentistrija komuni għal tal-inqas żewġ kwinti mill-Istati Membri.”.

(28)

fl-Artikolu 37, jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“3.   Fir-rigward tal-evidenza ta’ kwalifiki formali tal-professjonisti tad-dentistrija, l-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu tali evidenza b’mod konformi mal-Artikolu 21 fil-każijiet fejn l-applikanti jkunu bdew it-taħriġ tagħhom fit-18 ta’ Jannar 2016 jew qabel din id-data.

4.   Kull Stat Membru għandu jirrikonoxxi l-provi ta' kwalifiki formali bħala tabib maħruġa fi Spanja lil professjonisti li bdew it-taħriġ mediku universitarju tagħhom bejn l-1 ta' Jannar 1986 sal-31 ta' Diċembru 1997, akkumpanjati minn ċertifikat maħruġ mill-awtoritajiet kompetenti Spanjoli.

Iċ-ċertifikat għandu jikkonforma li l-kondizzjonijiet li ġejjin huma sodisfatti:

(a)

il-professjonist inkwistjoni kkompleta b’suċċess tal-anqas tliet snin ta’ studju, ċertifikati mill-awtoritajiet kompetenti Spanjoli bħala ekwivalenti għat-taħriġ imsemmi fl-Artikolu 34;

(b)

il-professjonist inkwistjoni kien jeżerċita l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 36 effettivament, legalment u prinċipalment fi Spanja għal mhux inqas minn tliet snin konsekuttivi matul il-ħames snin li jippreċedu l-għoti taċ-ċertifikat,

(c)

il-professjonist inkwistjoni huwa awtorizzat li jeżerċita jew li effettivament, legalment u prinċipalment jeżerċita l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 36, taħt l-istess kondizzjonijiet bħad-detenturi ta' provi ta' kwalifiki formali elenkati għall-Spanja fil-punt 5.3.2 tal-Anness V.”

(29)

L-Artikolu 38 huwa emendat kif ġej:

(a)

Il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   “It-taħriġ ta’ kirurgi veterinarji għandu jinkludi total ta’ mill-inqas ħames snin ta’ studju teoretiku u prattiku full-time, li jista’ jingħata wkoll f’termini ta’ krediti tal-ECTS ekwivalenti, f’università jew istitut ta’ edukazzjoni ogħla li jipprovdi taħriġ rikonoxxut bħala ta’ livell ekwivalenti, jew taħt is-superviżjoni ta’ università, li tal-inqas ikopri l-programm ta’ studju msemmi fil-punt 5.4.1 tal-Anness V.

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 57c rigward l-emendar tal-lista mniżżla fil-punt 5.4.1 tal-Anness V bil-għan li tadattaha għall-progress xjentifiku u tekniku.

L-emendi msemmija fit-tieni subparagrafu ma għandhomx jeħtiġu emenda tal-prinċipji leġislattivi fis-seħħ fl-Istati Membri relatati mal-istruttura ta' professjonijiet għal dak li jikkonċerna t-taħriġ u l-kondizzjonijiet għal aċċess minn persuni fiżiċi. Dawn l-emendi għandhom jirrispettaw ir-responsabbiltà tal-Istati Membri għall-organizzazzjoni tas-sistemi ta’ edukazzjoni, kif stabbilit fl-Artikolu 165(1) TFUE.”;

(b)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   It-taħriġ tal-kirurgi veterinarji għandu jagħti l-garanzija li l-professjonist inkwistjoni jkun kiseb l-għarfien u l-kompetenzi li ġejjin:

(a)

għarfien adegwat tax-xjenzi li fuqhom huma bbażati l-attivitajiet tal-kirurgu veterinarju u tad-dritt tal-Unjoni relatat ma' dawk l-attivitajiet;

(b)

għarfien adegwat tal-istruttura, il-funzjonijiet, l-imġiba u l-bżonnijiet fiżjoloġiċi tal-annimali, kif ukoll il-ħiliet u l-kompetenzi meħtieġa għat-trobbija, l-għalf, il-benessri, ir-riproduzzjoni u l-iġjene inġenerali tagħhom;

(c)

il-ħiliet u l-kompetenzi kliniċi, epidemjoloġiċi u analitiċi meħtieġa għall-prevenzjoni, id-dijanjosi u t-trattament tal-mard tal-annimali, inklużi l-anestesija, il-kirurġija mhux settika, u l-mewt mingħajr uġiegħ, kemm meqjusa flimkien kemm fi gruppi, inkluż għarfien speċifiku tal-mardiet li jistgħu jiġu trażmessi lill-bnedmin;

(d)

għarfien, ħiliet u kompetenzi adegwati għall-mediċina preventiva, inklużi kompetenzi fir-rigward ta’ mistoqsijiet u ċertifikazzjoni;

(e)

għarfien adegwat tal-iġjene u t-teknoloġija involuti fil-produzzjoni, fabbrikazzjoni u tqegħid fiċ-ċirkolazzjoni tal-ikel tal-annimali jew l-ikel li joriġina mill-annimali maħsuba għall-konsum mill-bniedem, inklużi l-ħiliet u l-kompetenzi meħtieġa għall-fehim u l-ispjegazzjoni tal-prattiki tajba f’dan ir-rigward;

(f)

l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi meħtieġa għall-użu responsabbli u raġjonevoli ta’ prodotti mediċinali veterinarji, sabiex jiġu trattati l-annimali u tiġi żgurata s-sikurezza tal-katina tal-ikel u l-protezzjoni tal-ambjent.”.

(30)

L-Artikolu 40 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, it-t-tielet u r-raba' subparagrafi huma sostitwiti b’dan li ġej:

“Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 57c rigward l-emendar tal-lista mniżżla fil-punt 5.5.1 tal-Anness V bil-għan li tadattaha għall-progress xjentifiku u tekniku.

L-emendi msemmija fit-tielet subparagrafu ma għandhomx jeħtiġu emenda tal-prinċipji leġislattivi fis-seħħ fl-Istati Membri relatati mal-istruttura ta' professjonijiet għal dak li jikkonċerna t-taħriġ u l-kondizzjonijiet għal aċċess minn persuni fiżiċi. Dawn l-emendi għandhom jirrispettaw ir-responsabbiltà tal-Istati Membri għall-organizzazzjoni tas-sistemi ta’ edukazzjoni, kif stabbilit fl-Artikolu 165(1) TFUE.”;

(b)

Il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   L-ammissjoni għat-taħriġ bħala qabla għandu jiġi kontinġenti fuq waħda mill-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

it-tlestija ta’ mill-inqas 12-il sena ta’ edukazzjoni ta’ skola ġenerali jew il-pussess ta' ċertifikat li jikkonferma suċċess f’eżami, ta’ livell ekwivalenti, għall-ammissjoni għall-iskola għall-qwiebel għar-rotta I;

(b)

il-pussess ta’ prova ta’ kwalifiki formali bħala infermiera responsabbli mill-kura ġenerali msemmija fil-punt 5.2.2. tal-Anness V għar-rotta II.”;

(c)

Il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   It-taħriġ bħala qabla għandu jipprovdi assigurazzjoni li l-professjonist inkwistjoni kiseb l-għarfien u l-ħiliet li ġejjin:

(a)

għarfien dettaljat tax-xjenzi li fuqhom huma bbażati l-attivitajiet tal-qwiebel, b'mod partikolari għal dak li għandu x’jaqsam mal-qwiebel, l-ostetrija u l-ġinekoloġija;

(b)

għarfien adegwat dwar l-etika tal-professjoni u dwar il-leġiżlazzjoni rilevanti għall-prattika tal-professjoni;

(c)

għarfien adegwat ta’ għarfien mediku ġenerali (il-funzjonijiet bijoloġiċi, l-anatomija u l-fiżjoloġija) u ta’ farmakoloġija fil-qasam tal-ostetrija u tat-trabi li għadhom kemm twieldu, kif ukoll għarfien dwar ir-relazzjoni bejn l-istat tas-saħħa u l-ambjent fiżiku u soċjali tal-bniedem, u dwar l-imġiba tiegħu;

(d)

esperjenza klinika adegwata miksuba f'istituzzjonijiet approvati li jippermettu l-qabla tkun tista’, b’mod indipendenti u taħt ir-reponsabbiltà tagħha, safejn neċessarju, u bl-eċċezzjoni ta' sitwazzjonijiet patoloġiċi, tiġġestixxi l-kura ta' qabel it-twelid, issegwi t-twelid u l-konsegwenzi ta' dan f'istituzzjonijiet approvati, u tissorvelja l-ħlas u t-twelid, il-kura ta’ wara t-twelid u risuxxitazzjoni ta’ tarbija sakemm jiġi tabib;

(e)

fehma adegwata tat-taħriġ tal-persunal tas-saħħa u esperjenza ta' xogħol ma' tali persunal.”.

(31)

Fl-Artikolu 41, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Il-provi ta’ kwalifiki formali bħala qabla msemmija fil-punt 5.5.2 tal-Anness V għandhom ikunu soġġetti għal rikonoxximent awtomatiku skont l-Artikolu 21 sa fejn ikunu jissodisfaw wieħed mill-kriterji li ġejjin:

(a)

taħriġ full-time ta’ mill-inqas tliet snin bħala qabla, li jista’ wkoll jiġi espress fi krediti ekwivalenti tal-ECTS, li jinkludu mill-inqas 4 600 siegħa ta' edukazzjoni teoretika u prattika, li terz tal-perjodu minimu ikun taħriġ kliniku;

(b)

taħriġ full-time bħala qabla ta’ mill-inqas sentejn li jista’ wkoll jiġi espress fi krediti ekwivalenti tal-ECTS, li jikkonsistu f’tal-inqas 3 600 siegħa, li jkun kontinġenti fuq il-pussess ta’ provi ta’ kwalifiki formali bħala infirmiera responsabbli mill-kura ġenerali msemmija fil-punt 5.2.2 tal-Anness V;

(c)

taħriġ full-time bħala qabla ta’ mill-inqas 18-il xahar, li jista’ wkoll jiġi espress fi krediti ekwivalenti tal-ECTS, li jikkonsisti f’tal-inqas 3 000 siegħa li jkun kontinġenti fuq il-pussess ta’ provi ta’ kwalifiki formali bħala infirmiera responsabbli mill-kura ġenerali msemmija fil-punt 5.2.2 tal-Anness V u segwit minn sena ta’ prattika professjonali li għaliha jkun inħareġ ċertifikat skont il-paragrafu 2.”.

(32)

L-Artikolu 43 huwa emendat kif ġej:

(a)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“1a.   Fir-rigward ta’ provi ta’ kwalifiki formali ta’ qwiebel, l-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu dawk il-kwalifiki b’mod awtomatiku fejn l-applikant ikun beda t-taħriġ qabel it-18 ta’ Jannar 2016 u r-rekwiżit ta’ ammissjoni għal dan it-taħriġ ikun ta’ 10 snin ta’ edukazzjoni ġenerali jew ta’ livell ekwivalenti għar-rotta I, jew taħriġ komplet bħala infirmiera responsabbli għal kura ġenerali kif attestat mill-evidenza ta’ kwalifika formali msemmija fil-punt 5.2.2 tal-Anness V qabel ma jibda t-taħriġ għall-qwiebel li jaqa’ taħt ir-rotta II.”;

(b)

il-paragrafu 3 huwa mħassar;

(c)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   L-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu l-provi ta’ kwalifiki formali bħala qabla li:

(a)

ngħataw lill-Polonja, lil infirmiera li temmew it-taħriġ tagħhom qabel l-1 ta’ Mejju 2004, imma ma jikkonformawx mar-rekwiżiti minimi tat-taħriġ stabbiliti fl-Artikolu 40, u

(b)

huma attestati b’diploma baċċelerat li kienet inkisbet abbażi ta’ programm ta’ aġġornament speċjali li jinsab:

(i)

fl-Artikolu 11 tal-Att tal-20 ta’ April 2004 dwar l-emendi għall-Att dwar il-professjonijiet ta’ infermiera u qwiebel u dwar xi atti legali oħra (Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika Pollakka tat-30 ta’ April 2004 Nru 92, pos. 885 u tal-2007 Nru 176, pos. 1237); u r-Regolament tal-Ministru tas-Saħħa tal-11 ta’ Mejju 2004 dwar il-kondizzjonijiet dettaljati għal taħriġ lill-infermiera u qwiebel, li għandhom ċertifikat ta’ skola sekondarja (eżami finali — matura) u huma gradwati minn liċeo mediku u skejjel mediċi vokazzjonali li jipprovdu tagħlim fil-professjoni ta’ infermiera u qabla (Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika Pollakka tat-13 ta’ Mejju 2004 Nru. 110, pos. 1170 u tal-2010 Nru 65, pos. 420); jew

(ii)

fl-Artikolu 53.3 punt 3 tal-Att tal-15 ta’ Lulju 2011 dwar il-professjonijiet tal-infermiera u l-qwiebel (il-Ġurnali Uffiċjali tar-Repubblika tal-Polonja tat-23 ta’ Awwissu 2011 Nru 174, pos. 1039), u r-Regolament tal-Ministru tas-Saħħa tal-14 ta’ Ġunju 2012 dwar il-kondizzjonijiet dettaljati tal-għoti ta' korsijiet ta’ edukazzjoni ogħla għall-infirmiera u l-qwiebel li għandhom ċertifikat ta’ skola sekondarja (eżami finali — imsejjaħ matura) u li ggradwaw minn skola sekondarja medika jew skola post-sekondarja li jgħallmu dwar il-professjoni ta’ infirmiera u qwiebel (Ġurnal Uffiċjali tal-Polonja tal-2012, pos. 770),

bil-għan li jkun verifikat li l-professjonist ikkonċernat għandu livell ta’ għarfien u kompetenza komparabbli ma’ dik tal-qwiebel li għandhom il-kwalifiki li, fil-każ tal-Polonja, huma stabbiliti fil-punt 5.5.2 tal-Anness V.”.

(33)

fl-Artikolu 44, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Il-provi ta’ kwalifiki formali bħala spiżjar għandhom jikkonfermaw taħriġ ta’ mill-inqas ħames snin, li jista’ jingħata wkoll f’termini ta’ krediti tal-ECTS ekwivalenti, inklużi tal-inqas:

(a)

erba’ snin ta’ taħriġ teoretiku u prattiku full-time f’università jew istitut ta’ edukazzjoni ogħla ta’ livell rikonoxxut bħala ekwivalenti, jew taħt is-superviżjoni ta’ università;

(b)

matul jew fi tmiem it-taħriġ teoretiku u prattiku, taħriġ prattiku għal sitt xhur fi spiżerija li hija miftuħa għall-pubbliku jew fi sptar taħt is-superviżjoni ta’ dak id-dipartiment farmaċewtiku tal-isptar.

Iċ-ċiklu ta’ taħriġ imsemmi f’dan il-paragrafu għandu jinkludi tal-inqas il-programm deskritt fil-punt 5.6.1 tal-Anness V. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 57c rigward l-emendar tal-lista mniżżla fil-punt 5.64.1 tal-Anness V bil-għan li tadattaha għall-progress xjentifiku u tekniku, inkluż l-iżvilupp tal-prattika farmakoloġika.

L-emendi msemmija fit-tieni subparagrafu ma għandhomx jinvolvu xi emenda tal-prinċipji leġiżlattivi essenzjali eżistenti fl-Istati Membri relatati mal-istruttura tal-professjonijiet fir-rigward tat-taħriġ u l-kondizzjonijiet ta’ aċċess minn persuni fiżiċi. Dawn l-emendi għandhom jirrispettaw ir-responsabbiltà tal-Istati Membri għall-organizzazzjoni tas-sistemi ta’ edukazzjoni, kif stabbilit fl-Artikolu 165(1) TFUE.”.

(34)

Fil-Artikolu 45, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   L-Istati Membri għandhom jassiguraw li d-detenturi ta' provi ta’ kwalifiki formali fil-farmaċija f’livell universitarju jew f’livell rikonoxxut bħala ekwivalenti, li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 44 jistgħu jgawdu aċċess għal u jeżerċitaw tal-inqas minn l-attivitajiet li ġejjin, soġġetti għar-rekwiżit, fejn xieraq, ta' esperjenza professjonali supplimentari:

(a)

il-preparazzjoni tal-forma farmaċewtika ta' prodotti mediċinali;

(b)

il-fabrikazzjoni u l-ittestjar ta’ prodotti mediċinali;

(c)

l-ittestjar ta' prodotti mediċinali f'laboratorju għall-kontroll tal-prodotti mediċinali,

(d)

il-ħażna, il-preservazzjoni u d-distribuzzjoni ta’ prodotti mediċinali fl-istadju tal-bejgħ bl-ingrossa;

(e)

il-provvista, il-preparazzjoni, l-ittestjar, il-ħażna u t-tqassim u l-għoti ta' prodotti mediċinali sikuri u effikaċi tal-kwalità meħtieġa fl-ispiżeriji miftuħa għall-pubbliku;

(f)

il-preparazzjoni, l-ittestjar, il-ħażna u l-għoti ta’ prodotti mediċinali sikuri u effikaċi tal-kwalità meħtieġa fl-isptarijiet;

(g)

l-għoti ta’ informazzjoni u pariri dwar prodotti mediċinali bħala tali, inkluż dwar l-użu xieraq tagħhom;

(h)

ir-rappurtar tar-reazzjonijiet avversi tal-prodotti farmaċewtiċi lill-awtoritajiet kompetenti;

(i)

appoġġ personalizzat lill-pazjenti li jimmedikaw lilhom infushom;

(j)

kontribut għall-kampanji ta' saħħa pubblika lokali jew nazzjonali.”.

(35)

L-Artikolu 46 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 46

Taħriġ ta’ periti

1.   It-taħriġ bħala perit għandu jinkludi:

(a)

total ta’ tal-inqas ħames snin ta’ studju full-time f’università jew istituzzjoni ta’ tagħlim komparabbli li jwassal għat-tlestija b’suċċess ta’ eżami ta’ livell universitarju; jew

(b)

mhux inqas minn erba’ snin ta’ studju full-time f’università jew istituzzjoni ta’ tagħlim komparabbli li jwassal għat-tlestija b’suċċess ta’ eżami ta’ livell universitarju akkumpanjat b’ċertifikat li juri li tlestew sentejn ta’ taħriġ prattiku skont il-paragrafu 4.

2.   L-arkitettura għandha tkun l-element prinċipali tal-istudju msemmi fil-paragrafu 1. L-istudju għandu jżomm bilanċ bejn l-aspetti teoretiċi u prattiċi tat-taħriġ fl-istudju tal-arkitettura u għandu jiggarantixxi l-kisba tal-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi li ġejjin:

(a)

il-ħila li wieħed joħloq disinji arkitettoniċi li jissodisfaw kemm ir-rekwiżiti estetiċi kif ukoll dawk tekniċi;

(b)

għarfien adegwat tal-istorja u t-teoriji tal-arkitettura u l-arti, it-teknoloġiji u x-xjenzi umani relatati;

(c)

għarfien tal-arti fina bħala influwenza fuq il-kwalità tad-disinn arkitettoniku;

(d)

għarfien adegwat tad-disinjar u l-ippjanar urban u l-ħiliet involuti fil-proċess ta’ ppjanar;

(e)

il-fehim tar-relazzjoni bejn il-persuni u l-bini, u bejn il-bini u l-ambjent tiegħu, u l-ħtieġa li l-bini u l-ispazji jiġu relatati flimkien għall-ħtiġijiet tal-bniedem u l-iskala;

(f)

il-fehim tal-professjoni ta’ perit u r-rwol tal-perit fis-soċjetà, b’mod partikolari fit-tħejjija ta’ struzzjonijiet li jieħdu f’kunsiderazzjoni l-fatturi soċjali;

(g)

il-fehim tal-metodi ta’ investigazzjoni u t-tħejjija tal-istruzzjonijiet għal proġett ta’ disinjar;

(h)

il-fehim tad-disinn strutturali u l-problemi ta’ bini u ta’ inġenerija assoċjati mad-disinn tal-bini;

(i)

għarfien adegwat tal-problemi fiżiċi u t-teknoloġiji u tal-funzjoni tal-bini sabiex dawn jiġi pprovduti b’kondizzjonijiet interni għall-kumdità u protezzjoni kontra l-klima, fil-qafas ta’ żvilupp sostenibbli;

(j)

il-ħiliet ta’ disinjar meħtieġa sabiex jintlaħqu r-rekwiżiti tal-utenti tal-bini fi ħdan il-limiti imposti minn fatturi ta’ spejjeż u regolamenti ta’ bini;

(k)

għarfien adegwat tal-industriji, l-organizzazzjonijiet, ir-regolamenti u l-proċeduri involuti fit-trasformazzjoni ta’ kunċetti ta’ disinn f’bini u l-integrazzjoni ta’ pjanijiet fil-pjan ġenerali.

3.   In-numru ta’ snin ta’ studju akkademiku msemmi fil-paragrafi 1 u 2 jistgħu wkoll jiġu espressi bil-krediti tal-ECTS ekwivalenti.

4.   It-taħriġ prattiku professjonali'msemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 1 għandu jseħħ biss wara t-tlestija tal-ewwel tliet snin tal-istudju. Tal-anqas sena tat-taħriġ prattiku professjonali għandu jkun ibbażat fuq l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi miksuba matul l-istudju msemmi fil-paragrafu 2. Għal dak l-għan, it-taħriġ prattiku professjonali għandu jitwettaq taħt is-superviżjoni ta’ persuna jew entità li ġiet awtorizzata mill-awtorità kompetenti fl-Istat Membru ta’ oriġini. Tali taħriġ prattiku sorveljat jista’ jseħħ f’kwalunkwe pajjiż. It-taħriġ prattiku professjonali għandu jiġi evalwat mill-awtorità kompetenti fl-Istat Membru ta’ oriġini.”.

(36)

L-Artikolu 47 huwa sostitwit b’dan li ġej:

"Artikolu 47

Derogi mill-kondizzjonijiet għat-taħriġ ta’ periti

Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 46, anki dawn li ġejjin għandhom jitqiesu bħala li jikkonformaw mal-Artikolu 21: it-taħriġ bħala parti minn skemi ta’ titjib soċjali jew studji universitarji part-time li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 46(2), kif ikkonfermati minn eżami fl-arkitettura li tkun għaddiet minnu l-professjonist li ilu jaħdem għal seba’ snin jew aktar fil-qasam tal-arkitettura taħt is-superviżjoni ta’ perit jew uffiċċju ta’ periti. L-eżami jrid ikun ta’ livell universitarju u għandu jkun ekwivalenti għall-eżami finali msemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 46(1).".

(37)

L-Artikolu 49 huwa emendat kif ġej:

(a)

Jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“1a.   Il-paragrafu 1 għandu japplika anki għal provi ta’ kwalifiki formali bħala perit elenkat fl-Anness V, fejn it-taħriġ ikun beda qabel it-18 ta’ Jannar 2016.”;

(b)

Jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“3.   Kull Stat Membru għandu jagħti l-evidenza li ġejja l-istess effett fit-territorju tiegħu ta’ evidenza ta’ kwalifiki formali li huwa stess joħroġ għall-finijiet ta’ aċċess għal u l-eżerċizzju tal-attivitajiet professjonali ta' perit; evidenza ta’ tlestija ta’ taħriġ mill-5 ta’ Awwissu 1985 u li beda mhux aktar tard mis-17 ta’ Jannar 2014, provdut minn 'Fachhochschulen' fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja matul perjodu ta’ tliet snin, li jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 46(2) u li jagħti aċċess għall-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 48 f’dak l-Istat Membru taħt it-titlu professjonali ta’ “perit”, safejn it-taħriġ kien segwit minn perjodu ta’ erba’ snin ta’ esperjenza professjonali fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, kif attestat minn ċertifikat maħruġ mill-awtorità kompetenti li fir-reġistru tagħha jidher l-isem tal-perit li jixtieq jibbenefika mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.”.

(38)

fit-Titolu III, jiddaħħal il-Kapitolu li ġej:

“Kapitolu IIIA

Rikonoxximent awtomatiku abbażi ta’ prinċipji ta’ taħriġ komuni

Artikolu 49a

Qafas ta’ taħriġ komuni

1.   Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, "qafas ta’ taħriġ komuni" tfisser sett komuni ta’ għarfien, ħiliet u kompetenzi minimi meħtieġa għall-eżerċitar ta’ professjoni speċifika. Qafas ta’ taħriġ komuni ma għandux jissostitwixxi programmi ta’ taħriġ nazzjonali sakemm Stat Membru ma jiddeċidix mod ieħor taħt il-liġi nazzjonali. Għall-finijiet ta’ aċċess għal professjoni u l-eżerċitar tagħha fl-istati Membri li jirregolaw dik il-professjoni, Stat Membru għandu jagħti l-prova tal-kwalifiki professjonali miksuba abbażi ta’ qafas bħal dan l-istess effett fit-territorju tiegħu bħall-prova ta’ kwalifiki formali li joħroġ huwa stess, bil-kondizzjoni li tali qafas jissodisfa il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2.

2.   Qafas ta’ taħriġ komuni għandu jikkonforma mal-kondizzjonijiet li ġejjin

(a)

il-qafas ta’ taħriġ komuni jippermetti iktar professjonisti jiċċaqilqu lejn Stati Membri oħra;

(b)

il-professjoni li l-qafas ta' taħriġ komuni japplika għaliha hija regolata, jew l-edukazzjoni u t-taħriġ li jwassal għall-professjoni huma regolati, f’tal-inqas terz mill-Istati Membri kollha;

(c)

is-sett komuni ta’ għarfien, ħiliet u kompetenzi jikkombina l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi meħtieġa fis-sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ applikabbli f’tal-inqas terz mill-Istati Membri; f'dan ir-rigward mhuwiex rilevanti jekk l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi nkisbu bħala parti minn edukazzjoni ġenerali f'università jew f'istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla jew bħala parti minn taħriġ vokazzjonali;

(d)

il-qafas ta’ taħriġ komuni għandhom jiġu bbażati fuq il-livelli tal-Qafas tal-Kwalifiki Ewropej, kif definit fl-Anness II tar-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar l-istabbiliment tal-Qafas ta’ Kwalifiki Ewropej għat-tagħlim tul il-ħajja (****);

(e)

il-professjoni kkonċernata ma hija la koperta minn qafas ta’ taħriġ komuni ieħor u lanqas suġġetta għal rikonoxximent awtomatiku taħt il-Kapitolu III tat-Titolu III

(f)

il-qafas ta’ taħriġ komuni tħejja wara proċess korrett trasparenti, inkluż ma’ partijiet ikkonċernati rilevanti mill-Istati Membri fejn il-professjoni mhijiex regolata;

(g)

il-qafas ta’ taħriġ komuni jippermetti liċ-ċittadini minn kwalunkwe Stat Membru sabiex ikunu eliġibbli li jiksbu l-kwalifika professjonali taħt dan il-qafas mingħajr ma qabel ikunu meħtieġa jkunu membri ta’ organizzazzjoni professjonali jew li jkunu rreġistrati ma’ organizzazzjoni bħal din.

3.   L-organizzazzjonijiet professjonali rappreżentattivi fil-livell tal-Unjoni, kif ukoll l-organizzazzjonijiet professjonali nazzjonali jew l-awtoritajiet kompetenti minn tal-anqas terz tal-Istati Membri, jistgħu jippreżentaw lill-Kummissjoni suġġerimenti għall-oqsfa ta’ taħriġ komuni li jissodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2.

4.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 57c sabiex tistabbilixxi qafas komuni ta' taħriġ għal professjoni partikolari bbażat fuq il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu.

5.   Stat Membru għandu jkun eżenti mill-obbligu li jintroduċi l-qafas ta’ taħriġ komuni msemmi fil-paragrafu 4 fit-territorju tiegħu u mill-obbligu li jagħti rikonoxximent awtomatiku lill-kwalifiki professjonali miksuba taħt dak il-qafas ta’ taħriġ komuni jekk waħda minn dawn il-kondizzjonijiet hija sodisfatta:

(a)

ma hemmx istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni jew ta’ taħriġ disponibbli fit-territorju tiegħu biex joffri tali taħriġ għall-professjoni kkonċernata;

(b)

l-introduzzjoni ta’ qafas ta’ taħriġ komuni se taffettwa b’mod negattiv l-organizzazzjoni tas-sistema ta’ edukazzjoni u taħriġ professsjonali tiegħu;

(c)

hemm differenzi sostanzjali bejn il-qafas ta’ taħriġ komuni u t-taħriġ rikjest fit-territorju tiegħu, li jinvolvi riskji serji għall-politika pubblika tiegħu, is-sigurtà pubblika, is-saħħa pubblika jew għas-sikurezza ta’ dawk li jirċievu s-servizz jew għall-protezzjoni tal-ambjent.

6.   L-Istati Membri għandhom, fi żmien sitt xhur mid-dħul fis-seħħ tal-att delegat imsemmi fil-paragrafu 4, jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar:

(a)

il-kwalifiki nazzjonali, u fejn applikabbli t-titli professjonali nazzjonali li jikkonformaw mal-qafas ta’ taħriġ komuni; jew

(b)

kwalunkwe użu tal-eċċezzjoni msemmija fil-paragrafu 5, flimkien ma' ġustifikazzjoni li l-kondizzjonijiet tagħha taħt dak il-paragrafu ġew sodisfatti. Il-Kummissjoni tista, fi żmien tliet xhur, tirrikjedi kjarifika ulterjuri jekk tikkunsidra li Stat Membru ma ta l-ebda ġustifikazzjoni jew ta ġustifikazzjoni insuffiċjenti li xi waħda minn dawn il-kondizzjonijiet ġiet sodisfatta. L-Istat Membru għandu jirrispondi fi żmien tliet xhur minn tali rikjesta.

Il-Kummissjoni tista' tadotta att ta’ implimetazzjoni sabiex telenka l-kwalifiki professjonali nazzjonali u t-titli professjonali nazzjonali li jibbenefikaw minn rikonoxximent reċiproku taħt il-qafas ta’ taħriġ komuni adottat fis-sens tal-paragrafu 4.

7.   Dan l-Artikolu japplika wkoll għall-ispeċjalizzazzjonijiet ta’ professjoni, sakemm dawk l-ispeċjalizzazzjonijiet jikkonċernaw attivitajiet professjonali li l-aċċess għalihom u l-eżerċitar tagħhom huma regolati fl-Istati Membri, fejn il-professjoni hija diġà suġġetta għal rikonoxximent awtomatiku taħt il-Kapitolu III tat-Titolu III, iżda mhux l-ispeċjalizzazzjoni kkonċernata.

Artikolu 49b

Testijiet ta’ taħriġ komuni

1.   Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, “test ta’ taħriġ komuni” tfisser test ta’ kapaċità standarizzat disponibbli fl-Istati Membri parteċipanti u riservat għad-detenturi ta’ kwalifika professjonali partikolari. Li wieħed jgħaddi minn test bħal dan fi Stat Membru għandu jagħti d-dritt lil detentur ta’ kwalifika professjonali partikolari li jeżerċita l-professsjoni fi kwalunkwe Stat Membri ospitanti kkonċernat bl-istess kondizzjonijiet bħal dawk tad-detenturi ta’ kwalifiki professjonali miksuba f’dak l-Istat Membru.

2.   It-test ta' taħriġ komuni għandu jikkonforma mal-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

it-test ta’ taħriġ komuni jippermetti iktar professjonisti jiċċaqilqu lejn Stati Membri oħra;

(b)

il-professjoni li għaliha japplika t-test ta’ taħriġ komuni hija regolata, jew l-edukazzjoni u t-taħriġ li jwassal għall-professjoni kkonċernata huma regolati’tal-inqas terz mill-Istati Membri;

(c)

test ta’ taħriġ komuni tħejja wara proċess trasparenti b'mod xieraq, inklużi l-partijiet interessati rilevanti mill-Istati Membri fejn il-professjoni mhijiex regolata;

(d)

it-test ta’ taħriġ komuni jippermetti liċ-ċittadini minn kwalunkwe Stat Membru li jipparteċipaw f'tali test u fl-organizzazzjoni prattika ta' tali testijiet fl-Istati Membri mingħajr ma qabel ikunu meħtieġa li jkunu membri ta’ xi organizzazzjoni professjonali jew li jkunu rreġistrati ma’ organizzazzjoni bħal din.

3.   L-organizzazzjonijiet professjonali rappreżentattivi fil-livell tal-Unjoni, kif ukoll l-organizzazzjonijiet professjonali nazzjonali jew l-awtoritajiet kompetenti minn tal-anqas terz tal-Istati Membri, jistgħu jippreżentaw lill-Kummissjoni suġġerimenti għat-testijiet ta’ taħriġ komuni li jissodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2.

4.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 57c ħalli tistabbilixxi l-kontenut ta’ test ta’ taħriġ komuni, u l-kondizzjonijiet meħtieġa sabiex wieħed jipparteċipa u jgħaddi mit-test.

5.   Stat Membru għandu jkun eżenti mill-obbligu li jorganizza t-test ta’ taħriġ komuni msemmi fil-paragrafu 4 fit-territorju tiegħu u mill-obbligu li jagħti rikonoxximent awtomatiku lill-professjonisti li għaddew it-test ta’ taħriġ komuni jekk waħda minn dawn il-kondizzjonijiet hija sodisfatta:

(a)

il-professjoni kkonċernata mhijiex regolata fit-territorju tiegħu;

(b)

il-kontenut tat-test ta’ taħriġ komuni mhux se jimmitiga biżżejjed ir-riskji serji għas-saħħa pubblika jew is-sikurezza ta’ dawn li jirċievu s-servizz, li huma rilevanti fit-territorju tiegħu;

(c)

il-kontenut tat-test ta’ taħriġ komuni se jrendi l-aċċess għall-professjoni ferm anqas attraenti apparagun mar-rekwiżiti nazzjonali.

6.   L-Istati Membri għandhom, fi żmien sitt xhur mid-dħul fis-seħħ tal-att delegat imsemmi fil-paragrafu 4, jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar:

(a)

il-kapaċità disponibbli għall-organizzazzjoni ta’ testijiet bħal dawn; jew

(b)

kwalunkwe użu tal-eċċezzjoni msemmija fil-paragrafu 5, flimkien mal-ġustifikazzjoni li l-kondizzjonijiet tagħha taħt dak il-paragrafu ntlaħqu. Il-Kummissjoni tista, fi żmien tliet xhur, tirrikjedi kjarifika ulterjuri jekk tikkunsidra li Stat Membru ma ta l-ebda ġustifikazzjoni jew ta ġustifikazzjoni insuffiċjenti li xi waħda minn dawn il-kondizzjonijiet giet sodisfatta. L-Istat Membru għandu jirrispondi fi żmien tliet xhur minn tali rikjesta.

Il-Kummissjoni tista' tadotta att ta’ implimetazzjoni sabiex telenka l-Istati Membri li fihom it-testijiet ta’ taħriġ komuni adottati fis-sens tal-paragrafu 4 se jiġu organizzati, il-frekwenza matul sena kalendarja u arranġamenti oħra neċessarji għall-organizzazzjoni ta’ testijiet ta’ taħriġ komuni madwar l-istati Membri.

(****)  ĠU C 111, 6.5.2008, p. 1.”."

(39)

fl-Artikolu 50, jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:

“3a.   Fil-każ ta’ dubji ġustifikati, l-Istat Membru ospitanti jista’ jitlob lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru konferma dwar il-fatt li l-applikant mhuwiex sospiż jew projbit milli jwettaq il-professjoni minħabba kondotta professjonali ħażina u serja jew ikkundannat għal reati relatati mat-twettiq ta’ waħda mill-attivitajiet tiegħu/tagħha.

3b.   Skambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri differenti skont dan l-Artikolu għandu jsir permezz tal-IMI.”.

(40)

Fl-Artikolu 52, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“3.   Stat Membru ma jistax jirriżerva l-użu tat-titlu professjonali għad-detenturi ta’ kwalifiki professjonali jekk ma jkunx innotifika l-assoċjazzjoni u l-organizzazzjoni lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra skont l-Artikolu 3(2).”.

(41)

l-Artikolu 53 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 53

Għarfien ta' lingwi

1.   Il-professjonisti li jibbenefikaw mir-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali għandu jkollhom għarfien ta' lingwi neċessarju għall-ipprattikar tal-professjoni fl-Istat Membru ospitanti.

2.   Stat Membru għandu jiżgura li kwalunkwe verifika mwettqa minn, jew taħt is-sorveljanza ta’ awtorità kompetenti sabiex tiġi kontrollata l-konformità mal-obbligu taħt il-paragrafu 1 tkun limitata għall-għarfien ta’ lingwa uffiċjali waħda tal-Istat Membru ospitanti, jew lingwa amministrattiva waħda tal-Istat Membru ospitanti, sakemm tkun wkoll lingwa uffiċjali tal-Unjoni.

3.   Il-verifiki mwettqa fis-sens tal-paragrafu 2 jistgħu jiġu imposti jekk il-professjoni li se tiġi eżerċitata għandha implikazzjonijiet ta’ sikurezza għall-pazjent. Il-verifiki jistgħu jiġu imposti fir-rigward ta’ professjonijiet oħra f’każijiet fejn ikun hemm dubju serju u konkret dwar is-suffiċjenza tal-għarfien tal-lingwa professjonali fir-rigward tal-attivitajiet professjonali li dak il-professjonist għandu l-ħsieb iwettaq.

Il-verifiki jistgħu jitwettqu biss wara l-ħruġ ta’ Karta Professjonali Ewropea b’mod konformi mal-Artikolu 4d jew wara r-rikonoxximent ta’ kwalifika professjonali, skont il-każ.

4.   Kull verifika tal-għarfien lingwistiku għandha tkun proporzjonata mal-attività li għandha titwettaq. Il-persuna kkonċernata għandha titħalla tappella dawn il-verifiki taħt id-dritt nazzjonali.”.

(42)

fit-Titolu IV, jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 55a

Rikonoxximent tat-taħriġ prattiku professjonali

1.   Jekk l-aċċess għal professjoni regolata fl-Istat Membru ta’ oriġini jiddependi fuq it-tlestija ta’ taħriġ prattiku professjonali, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini għandha, meta tkun qed tikkunsidra rikjesta għal awtorizzazzjoni sabiex tiġi eżerċitata l-professjoni regolata, tirrikonoxxi t-taħriġ prattiku mwettaq fi Stat Membru ieħor sakemm it-taħriġ prattiku huwa konformi mal-linji gwida ppubblikati msemmija fil-paragrafu 2, u għandha tieħu inkunsiderazzjoni t-taħriġ prattiku mwettaq f’pajjiż terz. Madankollu, l-Istati membri jistgħu, fil-leġislazzjoni nazzjonali, jistabbilixxu limitu raġonevoli fuq it-tul ta’ żmien ta’ parti mit-taħriġ prattiku professjonali li jista’ jitwettaq barra mill-pajjiż.

2.   Ir-rikonoxximent ta’ taħriġ prattiku professjonist ma għandux jissostitwixxi xi rekwiżiti fis-seħħ sabiex wieħed jgħaddi minn eżami ħalli jgawdi minn aċċess għall-professjoni inkwistjoni. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jippubblikaw linji gwida dwar l-organizzazzjoni u r-rikonoxximent ta’ taħriġ prattiku professjonali mwettaq fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz, b’mod partikolari dwar ir-rwol ta’ superviżur tat-taħriġ prattiku professjonali.”.

(43)

it-titlu tat-Titolu V huwa sostitwit b’dan li ġej:

“TITOLU V

KOOPERAZZJONI AMMINISTRATTIVA U RESPONSABBILTÀ LEJN IĊ-ĊITTADINI GĦALL-IMPLIMENTAZZJONI”.

(44)

L-Artikolu 56 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 2, l-ewwel subparagrafu huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ta’ oriġini u ospitanti għandhom jiskambjaw informazzjoni rigward l-azzjoni dixxiplinarja jew is-sanzjonijiet penali meħuda jew kwalunkwe ċirkustanza serja u speċifika oħra li x’aktarx ikollha konsegwenzi fuq it-twettiq tal-attivitajiet taħt din id-Direttiva. Meta jagħmlu dan, huma għandhom jirrispettaw ir-regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta personali stipulata fid-Direttiva 95/46/KE u fid-Direttiva 2002/58/KE.”;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“2a.   Għall-finijiet tal-paragrafi 1 u 2, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jużaw l-IMI.”;

(c)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Kull Stat Membru għandu jagħżel koordinatur għall-attivitajiet tal-awtoritajiet kompetenti msemmija fil-paragrafu 1 u għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni b'dan.

Il-kompiti tal-koordinaturi għandhom ikunu:

(a)

li jippromwovu l-applikazzjoni uniformi ta' din id-Direttiva;

(b)

li jiġbru l-informazzjoni kollha li hija relevanti għall-applikazzjoni ta' din id-Direttiva, pereżempju l-kondizzjonijiet għal aċċess għal professjonijiet regolati fl-Istati Membri;

(c)

li jeżaminaw suġġerimenti għall-oqsfa ta’ taħriġ komuni u testijiet ta’ taħriġ komuni;

(d)

li jiskambjaw informazzjoni u l-aħjar prattika sabiex jottimizzaw l-iżvilupp professjonali kontinwu fl-Istati Membri;

(e)

li jiskambjaw informazzjoni u l-aħjar prattika dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ kumpens imsemmija fl-Artikolu 14.

Għall-iskop tat-twettiq tal-kompitu stabbilit fil-punt (b) ta' dan il-paragrafu, il-koordinaturi jistgħu jitolbu l-assistenza taċ-ċentri ta' assistenza msemmija fl-Artikolu 57b.”.

(45)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

"Artikolu 56a

Mekkaniżmu ta’ twissija

1.   L-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru għandhom jgħarrfu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra kollha dwar professjonist li t-twettiq tiegħu fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru tal-attivitajiet professjonali li ġejjin fit-totalità tagħhom jew parti minnhom ikun ġie ristrett jew projbit, anki b’mod temporanju, mill-awtoritajiet nazzjonali jew mill-qrati:

(a)

tabib tal-familja u ġenerali li jkollu l-provi tal-kwalifika formali msemmija fil-punti 5.1.1 u 5.1.4 tal-Anness V;

(b)

tabib speċjalist li jkollu t-titlu msemmi fil-punt 5.1.3 tal-Anness V;

(c)

infirmier responsabbli mill-kura ġenerali li jkollu l-prova ta’ kwalifika formali msemmija fil-punt 5.2.2 tal-Anness V;

(d)

dentist li jkollu l-prova ta’ kwalifika formali msemmija fil-punt 5.3.2 tal-Anness V;

(e)

dentisti speċjalizzati li għandhom il-prova ta’ kwalifika formali msemmija fil-punt 5.3.3 tal-Anness V;

(f)

kirurgu veterinarju li jkollu l-prova ta’ kwalifiki formali msemmija fil-punt 5.4.2 tal-Anness V;

(g)

qabla li jkollha l-prova ta’ kwalifika formali msemmija fil-punt 5.5.2 tal-Anness V;

(h)

spiżjar li jkollu l-prova ta’ kwalifika formali elenkata fil-punt 5.6.2 tal-Anness V;

(i)

detenturi ta’ ċertifikati msemmija fil-punt 2 tal-Anness VII li jikkonfermaw li d-detentur lesta taħriġ li jissodisfa r-rekwiżiti minimi elenkati fl-Artikoli 24, 25, 31, 34, 35, 38, 40, jew 44 rispettivament, iżda li bdew aktar kmieni mid-dati ta’ referenza tal-kwalifiki elenkati fil-punti 5.1.3, 5.1.4, 5.2.2, 5.3.2, 5.3.3, 5.4.2, 5.5.2, 5.6.2 tal-Anness V;

(j)

id-detenturi ta’ ċertifikati ta’ drittijiet miksuba kif stipulat fl-Artikoli 23, 27, 29, 33, 33a, 37, 43 u 43a;

(k)

professjonisti oħra li jeżerċitaw attivitajiet li għandhom implikazzjonijiet ta’ sikurezza għall-pazjent, fejn il-professjonist qed jeżerċita professjoni regolata f’dak l-Istat Membru;

(l)

professjonisti li jeżerċitaw attivitajiet relatati mal-edukazzjoni ta’ minorenni, inklużi l-kura tat-tfal u l-edukazzjoni tat-tfulija bikrija, fejn il-professjonist qed jeżerċita professjoni regolata f’dak l-Istat Membru.

2.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jibagħtu l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 permezz ta' twissija fuq is-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern sa mhux aktar tard minn tliet ijiem mid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li tirrestrinġi jew tipprojbixxi l-professjonist ikkonċernat milli jwettaq attività professjonali fit-totalità tagħha jew parzjalment permezz tal-IMI. Dik l-informazzjoni għandha tkun limitata għal li ġej:

(a)

l-identità tal-professjonist;

(b)

il-professjoni kkonċernata;

(c)

informazzjoni dwar l-awtorità nazzjonali jew il-qorti li adottat id-deċiżjoni dwar ir-restrizzjoni jew il-projbizzjoni;

(d)

l-iskop tar-restrizzjoni jew tal-projbizzjoni; u

(e)

il-perjodu li matulu tapplika r-restrizzjoni jew il-projbizzjoni.

3.   L-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru kkonċernat għandhom, sa mhux aktar tard minn tliet ijiem mid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-qorti, jinformaw lill-awtoritajiet tal-Istati Membri l-oħra kollha, permezz ta' twissija fuq is-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern, dwar l-identità tal-professjonisti li applikaw għar-rikonoxximent ta’ kwalifika taħt din id-Direttiva u li sussegwentement instabu ħatja mill-qrati li użaw evidenza falsifikata tal-kwalifiki professjonali f’dan il-kuntest.

4.   L-ipproċessar ta’ dejta personali bil-għan ta’ skambju ta’ informazzjoni msemmi fil-paragrafi 1 u 3 għandu jitwettaq skont id-Direttivi 95/46/KE u 2002/58/KE. L-ipproċessar ta’ dejta personali mill-Kummissjoni għandu jitwettaq skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001.

5.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kollha għandhom jiġu infurmati mingħajr dewmien meta projbizzjoni jew restrizzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tiskadi. Għal dak l-għan, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li jipprovdi l-informazzjoni b’mod konformi mal-paragrafu 1 għandha tiġi wkoll rikjesta li tipprovdi d-data ta’ skadenza kif ukoll kwalunkwe bidla sussegwenti għal dik id-data.

6.   L-Istati Membri għandhom jispeċifikaw li l-professjonisti li fir-rigward tagħhom jintbagħtu twissijiet lill-Istati Membri l-oħra jiġu mgħarrfa bil-miktub bid-deċiżjonijiet fuq it-twissijiet fl-istess ħin tat-twissija, ikunu jistgħu jappellaw taħt id-dritt nazzjonali kontra d-deċiżjoni jew japplikaw għal rettifika ta’ dawn id-deċiżjonijiet u għandu jkollhom aċċess għar-rimedji fir-rigward ta’ kwalunkwe dannu kkaġunat minn twissijiet foloz trażmessi lil Stati Membri oħrajn u f’dawn li-każijiet, id-deċiżjoni fuq it-twissija għandha tiġi kkwalifikata sabiex tindika li din hija soġġetta għal proċeduri mill-professjonist.

7.   Dejta dwar twissijiet tista’ tibqa’ biss fl-IMI sakemm tkun valida. It-twissijiet għandhom jitħassru fi żmien tliet ijiem mid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ revoka jew mill-iskadenza tal-projbizzjoni jew tar-restrizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1.

8.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni għall-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ twissija. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jinkludu dispożizzjonijiet dwar l-awtoritajiet intitolati li jibagħtu jew jirċievu t-twissijiet u dwar l-irtirar u l-għeluq ta’ twissijiet u dwar il-miżuri li jiżguraw is-sigurtà tal-ipproċessar. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 58(2).".

(46)

L-Artikolu 57 huwa sostitwit b’dan li ġej:

"Artikolu 57

Aċċess ċentrali online għall-informazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni li ġejja tkun disponibbli online permezz tal-punti ta’ kuntatt waħdieni, imsemmi fl-Artikolu tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (*****), u aġġornata b’mod regolari:

(a)

lista tal-professjonijiet regolati kollha fl-Istat Membru inklużi d-dettalji ta’ kuntatt tal-awtoritajiet kompetenti għal kull professjoni regolata u ċ-ċentri ta’ assistenza msemmija fl-Artikolu 57b;

(b)

lista tal-professjonijiet li għalihom hija disponibbli Karta Professjonali Ewropea, il-funzjonament ta’ dik il-Karta, inklużi t-tariffi relatati kollha li għandhom jitħallsu mill-professjonisti, u l-awtoritajiet kompetenti għall-ħruġ tal-karta;

(c)

lista tal-professjonijiet kollha li għalihom l-Istat Membru japplika l-Artikolu 7(4) taħt il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali;

(d)

lista ta’ edukazzjoni u taħriġ regolati u taħriġ bi struttura speċjali, imsemmija fil-punt (c)(ii) tal-Artikolu 11;

(e)

ir-rekwiżiti u l-proċeduri msemmija fl-Artikoli 7, 50, 51 u 53 għall-professjonijiet regolati fl-Istat Membru, inklużi t-tariffi relatati kollha li għandhom jitħallsu miċ-ċittadini u d-dokumenti li għandhom jiġu preżentati miċ-ċittadini lill-awtoritajiet kompetenti;

(f)

dettalji dwar isir appell, taħt il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonjijiet amministrattivi nazzjonali, deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kompetenti adottati taħt din id-Direttiva.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 hija pprovduta b’mod ċar u komprensiv għall-utenti, li tkun faċilment aċċessibbli mill-bogħod u b’mezzi elettroniċi u li din tinżamm aġġornata.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe talba ta’ informazzjoni indirizzata lill-punt ta’ kuntatt waħdieni titwieġeb kemm jista’ jkun malajr.

4.   L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jieħdu miżuri kumplimentarji sabiex jinkoraġġixxu l-punti ta’ kuntatt waħdieni jqiegħdu l-informazzjoni prevista fil-paragrafu 1 għad-dispożizzjoni f’lingwi uffiċjali oħra tal-Unjoni. Dan ma għandux jaffettwa l-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri dwar l-użu tal-lingwi fit-territorju tagħhom.

5.   L-Istati Membri għandhom jikkooperaw ma’ xulxin u mal-Kummissjoni bil-għan li jimplimentaw il-paragrafi 1, 2 u 4.

(*****)  ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36."."

(47)

jiddaħħlu l-artikoli li ġejjin:

“Artikolu 57a

Proċeduri b’mezzi elettroniċi

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-rekwiżiti, il-proċeduri u l-formalitajiet kollha relatati ma’ kwistjonijiet koperti minn din id-Direttiva jkunu jistgħu jiġu faċilment kompletati, mill-bogħod u b’mezzi elettroniċi, mill-punt ta’ kuntatt waħdieni rilevanti jew l-awtoritajiet kompetenti rilevanti. Dan ma għandux jimpedixxi l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri milli jirrikjedu kopji awtentikati fi stadju ulterjuri f’każ ta’ dubji ġustifikati u fejn strettament neċessarju.

2.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għat-twettiq ta’ perjodu ta’ adattament jew test tal-kapaċità.

3.   Fejn ikun ġustifikat li l-Istati Membri jitolbu għal firem elettroniċi avvanzati, kif definit fil-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 1999/93/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 1999 dwar kwadru tal-Komunità għall-firem elettroniċi (******), għat-tlestija tal-proċeduri msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom jaċċettaw firem elettroniċi b’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/767/KE tas-16 ta’ Ottubru 2009 li tistipula miżuri li jiffaċilitaw l-użu ta’ proċeduri b’mezzi elettroniċi permezz tal-punti ta’ kuntatt waħdieni skont id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-servizzi fis-suq intern (*******) u jipprovdu għal miżuri tekniċi sabiex jipproċessaw dokumenti b’firem elettroniċi avvanzati f’formati definiti mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/130/UE tal-25 ta' Frar 2011 li tistabbilixxi rekwiżiti minimi għall-ipproċessar transkonfinali ta' dokumenti ffirmati elettronikament minn awtoritajiet kompetenti skont id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-servizzi fis-suq intern (********).

4.   Il-proċeduri kollha għandhom jitwettqu skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2006/123/KE rigward il-punti ta’ kuntatt waħdieni. L-iskadenzi proċedurali stabbiliti fl-Artikolu 7(4) u l-Artikolu 51 ta’ din id-Direttiva għandhom jibdew jiddekorru minn meta applikazzjoni jew kwalunkwe dokument nieqes ikunu ġew preżentati minn ċittadin lil punt ta’ kuntatt waħdieni jew direttament lill-awtorità kompetenti rilevanti. Kwalunkwe talba għal kopji awtentikati msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ma għandhiex tiġi kkunsidrata talba għal dokumenti nieqsa.

Artikolu 57b

Ċentri ta’ assistenza

1.   Sa mhux aktar tard mit-18 ta’ Jannar 2016, kull Stat Membru għandu jagħżel ċentru ta’ assistenza li l-mandat tiegħu jkun li jipprovdi liċ-ċittadini kif ukoll liċ-ċentri tal-Istati Membri l-oħra bl-assistenza rigward ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali speċifikati f’din id-Direttiva, inkluża informazzjoni dwar il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola l-professjonijiet u t-twettiq ta’ dawk il-professjonijiet, il-leġiżlazzjoni soċjali, u fejn dawn ikunu applikabbli, ir-regoli tal-etika.

2.   Iċ-ċentri ta’ assistenza fi Stati Membri ospitanti għandhom jassistu liċ-ċittadini fl-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija lilhom minn din id-Direttiva, f’kooperazzjoni, fejn dan ikun xieraq, maċ-ċentru ta’ assistenza fl-Istat Membru ta’ oriġini u l-awtoritajiet kompetenti u l-punti ta’kuntatt waħdieni fl-Istat Membru ospitanti.

3.   Kull awtorità kompetenti fl-Istat Membru ta’ oriġini jew ospitanti għandha tkun meħtieġa tikkoopera bis-sħiħ maċ-ċentru ta’ assistenza fl-Istat Membru ospitanti u fejn xieraq l-Istat Membru ta’ oriġini u tipprovdi l-informazzjoni rilevanti kollha dwar każijiet individwali lil dawn iċ-ċentri ta’ assistenza fuq talba tagħhom, u dan fir-rispett tar-regoli ta’ protezzjoni ta’ dejta b’mod konformi mad-Direttivi 95/46/KE u 2002/58/KE.

4.   Fuq talba tal-Kummissjoni, iċ-ċentri ta’ assistenza għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bir-riżultat tal-kwistjonijiet li huma jkunu qed jittrattaw fi żmien xahrejn wara r-riċezzjoni ta' tali talba.

Artikolu 57c

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa li tadotta atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġetta għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa li tadotta atti delegati msemmija fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(2), l-Artikolu 20, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 21(6), l-Artikolu 21a(4), l-Artikolu 25(5), it-tieni paragrafu tal-Artikolu 26, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 31(2), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 34(2), l-Artikolu 35(4) u (5), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 38(1), it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 40(1), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 44(2), l-Artikoku 49a(4) u l-Artikolu 49b(4) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta' ħames snin mis-17 ta’ Jannar 2014. Il-Kummisjoni għandha tħejji rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħa mhux iktar tard minn disa' xhur qabel tmiem il-perjodu ta' ħames snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi prorogata b'mod taċitu għal perjodi tal-istess tul, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponux tali proroga mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perjodu.

3.   Is-setgħa li tadotta atti delegati msemmija fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(2), l-Artikolu 20, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 21(6), l-Artikolu 21a(4), l-Artikolu 25(5), it-tieni paragrafu tal-Artikolu 26, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 31(2), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 34(2), l-Artikolu 35(4) u (5), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 38(1), it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 40(1), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 44(2), l-Artikoku 49a(4) u l-Artikolu 49b(4) tista’ tiġi revokata f’kull waqt mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ xi atti delegati diġà fis-seħħ.

4.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah b’mod simultanju lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   Att delegat adottat fis-sena tat-t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(2), l-Artikolu 20, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 21(6), l-Artikolu 21a(4), l-Artikolu 25(5), it-tieni paragrafu tal-Artikolu 26, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 31(2), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 34(2), l-Artikolu 35(4) u (5), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 38(1), it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 40(1), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 44(2), l-Artikoku 49a(4) u l-Artikolu 49b(4) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perijodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

(******)  ĠU L 13, 19.1.2000, p. 12."

(*******)  ĠU L 274, 20.10.2009, p. 36."

(********)  ĠU L 53, 26.2.2011, p. 66.”."

(48)

L-Artikolu 58 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 58

Proċedura tal-kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn Kumitat dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fit-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.”.

(49)

L-Artikolu 59 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 59

Trasparenza

1.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni lista ta’ professjonijiet regolati eżistenti, u jispeċifikaw l-attivitajiet koperti minn kull professjoni, u lista ta’ edukazzjoni u taħriġ regolat, u taħriġ bi struttura speċjali, imsemmija fil-punt (c)(ii) tal-Artikolu 11, fit-territorju tagħhom sat-18 ta’ Jannar 2016. Kull bidla għal dawk il-listi għandha tiġi nnotifikata wkoll lill-Kummissjoni mingħajr dewmien mhux xieraq. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi u żżomm bażi ta’ dejta pubblikament disponibbli ta’ professjonijiet regolati, inkluża deskrizzjoni ġenerali ta’ attivitajiet koperti minn kull professjoni.

2.   Sat-18 ta’ Jannar 2016, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni l-lista ta’ professjonijiet li għalihom huwa neċessarju kontroll minn qabel tal-kwalifiki taħt l-Artikolu 7(4). L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni b’ġustifikazzjoni speċifika għall-inklużjoni ta’ kull waħda minn dawn il-professjonijiet fil-lista.

3.   L-Istati Membri għandhom jeżaminaw jekk ir-rekwiżiti taħt is-sistema legali tagħhom li jillimitaw l-aċċess għal professjoni jew għat-twettiq tagħha għad-detenturi ta’ kwalifika professjonali speċifika, inkluż l-użu ta’ titli professjonali u l-attivitajiet professjonali permessi għal titlu bħal dan, imsemmija f’dan l-Artikolu bħala “rekwiżiti”, humiex kompatibbli mal-prinċipji li ġejjin:

(a)

ir-rekwiżiti ma jistgħux ikunu la direttament u lanqas indirettament diskriminatorji abbażi tan-nazzjonalità jew ir-residenza;

(b)

ir-rekwiżiti jridu jkunu ġustifikati minn raġunijiet imperattivi ta' interess,ġenerali;

(c)

ir-rekwiżiti għandhom ikunu xierqa biex jiżguraw il-kisba tal-objettivi fil-mira u ma jridux imorru lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jiksbu dak l-objettiv.

4.   Il-paragrafu 1 għandu japplika anki għal professjonijiet regolati fi Stat Membru minn assoċjazzjoni jew organizzazzjoni fit-tifsira tal-Artikolu 3(2) u kwalunkwe rekwiżit ta’ sħubija ma’ dawk l-assoċjazzjonijiet jew organizzazzjonijiet.

5.   Sat-18 ta’ Jannar 2016, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni l-informazzjoni dwar ir-rekwiżiti li beħsiebhom iżommu u r-raġunijiet għalfejn jikkunsidraw li dawk ir-rekwiżiti jikkonformaw mal-paragrafu 3. L-Istati Membri għandhom jipprovdu informazzjoni dwar ir-rekwiżiti li introduċew sussegwentement u r-raġunijiet għalfejn iqisu dawk ir-rekwiżiti bħala konformi mal-paragrafu 3, fi żmien sitt xhur mill-adozzjoni tal-miżura.

6.   Sat-18 ta’ Jannar 2016, u kull sentejn minn din id-data l-Istati Membri għandhom jippreżentaw ukoll rapport dwar ir-rekwiżiti li tneħħew jew li saru inqas stretti.

7.   Il-Kummissjoni għandha tgħaddi r-rapporti msemmija fil-paragrafu 6 lill-Istati Membri l-oħra li għandhom jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fi żmien sitt xhur. Fi ħdan l-istess perjodu ta’ sitt xhur, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-partijiet interessati, inklużi l-professjonisti kkonċernati.

8.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi rapport ta’ sinteżi bbażat fuq l-informazzjoni speċifikata mill-Istati Membri lill-Grupp ta’ Koordinaturi mwaqqaf bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/172/KE tad-19 ta’ Marzu 2007 għall-ħolqien ta' grupp ta' koordinaturi għar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali (*********), li jista’ jagħmel xi osservazzjonijiet.

9.   Fid-dawl tal-osservazzjonijiet stipulati fil-paragrafu 7 u 8, il-Kummissjoni għandha sat-18 ta’ Jannar 2017 tippreżenta l-konklużjonijiet finali tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill u, flimkien mal-proposti għal inizjattivi ulterjuri, fejn dawn ikunu xierqa.

(*********)  ĠU L 79, 20.3.2007, p. 38.”."

(50)

l-Artikolu 60 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Sa mit-18 ta’ Jannar 2016, is-sommarju statisku tad-deċiżjonijiet meħuda msemmija fl-ewwel subparagrafu għandu jkun fih informazzjoni dettaljata dwar in-numru u t-tipi ta’ deċiżjonijiet meħuda b’mod konformi ma’ din id-Direttiva, inklużi t-tipi ta’ deċiżjonijiet dwar l-aċċess parzjali meħuda mill-awtoritajiet kompetenti skont l-Artikolu 4f, u deskrizzjoni tal-problemi prinċipali li qed jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.”;

(b)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Sat-18 ta’ Jannar 2019, u kull ħames snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tippubblika rapport dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva.

L-ewwel rapport bħal dan għandu jiffoka b’mod partikolari fuq l-elementi l-ġodda introdotti f’din id-Direttiva u jikkunsidra b’mod partikolari l-kwistjonijiet li ġejjin:

(a)

il-funzjonament ta’ Karta Professjonali Ewropea;

(b)

il-modernizzazzjoni tal-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi għall-professjonijiet koperti mill-Kapitolu III tat-Titolu III, inkluża l-lista ta’ kompetenzi msemmija fl-Artikolu 31(7);

(c)

il-funzjonament ta’ oqsfa ta’ taħriġ komuni u testijiet ta’ taħriġ komuni;

(d)

ir-riżultati ta’ programm speċjali ta' aġġornament stabbilit taħt il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonjijiet amministrattivi Rumeni għad-detenturi tal-evidenza ta’ kwalifiki formali msemmija fl-Artikolu 33a, kif ukoll għad-detenturi ta’ evidenza ta’ kwalifiki formali ta’ livell post sekondarju, bil-għan li jiġi evalwat il-bżonn li jiġu riveduti d-dispożizzjonijiet fis-seħħ li jirregolaw is-sistema ta’ drittijiet akkwistati applikabbli għall-evidenza Rumena ta’ kwalifiki formali għal infermiera responsabbli għall-kura ġenerali.

L-Istati Membri għandhom jipprovdu l-informazzjoni neċessarja għat-tħejjija ta’ dak ir-rapport.”.

(51)

fl-Artikolu 61, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Fejn xieraq, il-Kummissjoni għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni sabiex tippermetti lill-Istat Membru inkwistjoni jidderoga mid-dispożizzjoni rilevanti għal perjodu ta’ żmien limitat.”.

(52)

L-Annessi II u III huma mħassra.

(53)

fil-punt 1 tal-Anness I, jiżdied il-punt li ġej:

“(g)

Fejn l-Istat Membru jeħtieġ dan miċ-ċittadini tiegħu stess, attestazzjoni li tikkonferma l-assenza ta' sospensjonijiet temporanji jew finali mill-eżerċizzju ta’ professjoni jew ta' kundanni penali.”.

Artikolu 2

Emenda tar-Regolament (UE) Nru 1024/2012

Il-Punt 2 tal-Anness għar-Regolament (UE) Nru 1024/2012 hu sostitwit b'dan li ġej:

“2.

Id-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (**********): l-Artikoli 4a sa 4e, l-Artikolu 8, l-Artikolu 21a, l-Artikolu 50, l-Artikolu 56 u l-Artikolu 56a.

Artikolu 3

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sat-18 ta’ Jannar 2016.

2.   Kwalunkwe Stat Membru li fis-17 ta’ Jannar 2014 jipprovdi aċċess għal taħriġ bħala qabla għar-rotta 1 taħt l-Artikolu 40(2) tad-Direttiva 2005/36/KE wara t-tlestija ta’ tal-anqas l-ewwel 10 snin ta’ edukazzjoni ta’ skola ġenerali, għandu jdaħħal fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonforma mar-rekwiżiti tal-ammissjoni tat-taħriġ bħala qabla taħt il-punt (a) tal-Artikolu 40(2) ta’ dik id-Direttiva sat-18 ta’ Jannar 2020.

3.   L-Istati Membri għandhom minnufih jikkomumikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 u 2.

4.   Fejn l-Istati Membri jadottaw il-miżuri msemmija fil-paragrafi 1 u 1a, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew tali referenza għandha takkumpanjahom meta jiġu pubblikati uffiċjalment. Il-metodi kif issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

5.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 5

Indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, l-20 ta’ Novembru 2013.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

V. LEŠKEVIČIUS


(1)  ĠU C 191, 29.6.2012, p. 103.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ottubru 2013 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-15 ta' Novembru 2013.

(3)  ĠU L 255, 30.9.2005, p. 22.

(4)  ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77.

(5)  ĠU C 153 E, 31.5.2013, p. 15.

(6)  ĠU L 78, 26.3.1977, p. 17.

(7)  ĠU L 77, 14.3.1998, p. 36.

(8)  ĠU L 316, 14.11.2012, p. 1.

(9)  ĠU L 88, 4.4.2011, p. 45.

(10)  ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36.

(11)  ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.

(12)  ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.

(13)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(14)  ĠU C 137, 12.5.2012, p. 1.


Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni

Meta tkun qed tħejji l-atti delegati msemmija fl-Artikolu 57c(2), il-Kummissjoni se tiżgura li d-dokumenti relevanti jintbagħtu b’mod simultanju, xieraq u fil-ħin lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, u se twettaq konsultazzjonijiet xierqa u trasparenti minn qabel sew, b’mod partikolari ma’ esperti mill-awtoritajiet u l-korpi kompetenti, assoċjazzjonijiet professjonali u l-istabbilimenti edukattivi tal-Istati Membri kollha, u fejn xieraq ma’ esperti mill-imsieħba soċjali.


Top