Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013H1204(01)

    Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas- 26 ta' Novembru 2013 dwar il-promozzjoni transettorjali ta' attività fiżika favur is-saħħa

    ĠU C 354, 4.12.2013, p. 1–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    4.12.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 354/1


    RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

    tas-26 ta' Novembru 2013

    dwar il-promozzjoni transettorjali ta' attività fiżika favur is-saħħa

    2013/C 354/01

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 292, flimkien mal-Artikoli 165 u 168 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Il-benefiċċji tal-attività fiżika, inklużi attività sportiva regolari l-eżerċizzju, matul-il-ħajja kollha huma importanti ħafna u jinkludu tnaqqis fir-riskju ta’ mard kardjovaskulari, ta' xi tipi ta’ kanċer u tad-dijabete, titjib fis-saħħa muskoloskeletali u l-kontroll tal-piż tal-ġisem, kif ukoll effetti pożittivi fuq l-iżvilupp tas-saħħa mentali u l-proċessi konoxxittivi. L-attività fiżika, kif irrakkomandata mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (id-WHO), hija importanti għall-gruppi kollha t'età, u għandha rilevanza partikolari għat-tfal, il-popolazzjoni li taħdem u l-anzjani.

    (2)

    Peress li l-attività fiżika hija prerekwiżit għal stil ta’ ħajja b’saħħitha u forza tax-xogħol b’saħħitha, tikkontribwixxi għall-kisba ta’ objettivi ewlenin definiti fl-istrateġija Ewropa 2020, b’mod partikolari fir-rigward tat-tkabbir, il-produttività u s-saħħa.

    (3)

    Filwaqt li matul l-aħħar snin żdiedu l-isforzi fil-promozzjoni tal-attività fiżika favur is-saħħa (HEPA) mill-awtoritajiet pubbliċi f'xi Stati Membri, ir-rati tan-nuqqas ta' attività fiżika fl-Unjoni jibqgħu ferm inaċċettabbli. Il-maġġoranza taċ-Ċittadini Ewropej ma jinvolvux ruħhom f’attività fiżika suffiċjenti b’60 % qatt jew rarament jagħmlu xi sport jew eżerċizzju. Hemm it-tendenza li n-nuqqas ta’ attività fiżika matul il-ħin liberu tkun aktar komuni fi gruppi soċjoekonomiċi baxxi. Attwalment ma hemm l-ebda indikazzjoni li dawk ix-xejriet negattivi qed immorru fid-direzzjoni opposta għall-Unjoni fl-intier tagħha.

    (4)

    L-inattività fiżika ġiet identifikata bħala fattur ta' riskju prinċipali għall-mortalità prematura u mard fil-pajjiżi bi dħul għoli madwar id-dinja, li jammontaw għal madwar 1 miljun mewt fir-reġjun Ewropew tal-WHO biss. Id-detrimenti kkawżati min-nuqqas ta’ attività fiżika fl-Unjoni huma rreġistrati sew, kif huma wkoll l-ispejjeż ekonomiċi sinifikanti diretti u indiretti assoċjati man-nuqqas ta’ attività fiżika u problemi tas-saħħa relatati, speċjalment fid-dawl tal-fatt li l-parti l-kbira tas-soċjetajiet Ewropej qed jixjieħu b'mod rapidu.

    (5)

    Riċerka reċenti tindika li mġiba sedentarja tista' tkun fattur ta' riskju għall-eżiti ta' saħħa, indipendentement mill-influwenza tal-attività fiżika. Fl-Unjoni, għandu jittieħed kont ta' dawn is-sejbiet meta jiġu kkunsidrati aktar azzjonijiet f'dan il-qasam.

    (6)

    Rigward il-livelli ta’ attività fiżika, hemm diskrepanzi kbar bejn l-Istati Membri. Filwaqt li xi wħud għamlu progress konsiderevoli b’żieda fil-proporzjoni ta’ ċittadini li jilħqu l-ammont minimu rrakkomandat ta' attività fiżika, ħafna oħrajn ma għamlu xejn jew saħansitra marru lura. Il-linji ta' politika attwali s'issa ma kellhomx impatt deċiżiv fit-tnaqqis tal-livelli ta’ inattività fiżika għall-Unjoni fl-intier tagħha. Hemm potenzjal konsiderevoli fit-tagħlim minn approċċi li rnexxew biex jiġu żviluppati u implimentati l-linji ta' politika tal-HEPA.

    (7)

    L-edukazzjoni fiżika fl-iskola għandha potenzjal li tkun għodda effettiva biex iżżid is-sensibilizzazzjoni tal-importanza tal-HEPA, u l-iskejjel jistgħu jkunu mira faċli u effettiva biex jiġu implimentati attivitajiet f'dan ir-rigward.

    (8)

    Għadd ta’ oqsma ta’ politika, b’mod partikolari l-isport u s-saħħa, jistgħu jikkontribwixxu għall-promozzjoni tal-attività fiżika u jistgħu joffru opportunitajiet ġodda għaċ-ċittadini tal-Unjoni sabiex isiru fiżikament attivi. Sabiex jiġi sfruttat dan il-potenzjal, u għalhekk sabiex jiżdiedu l-livelli ta' attività fiżika, huwa indispensabbli approċċ transettorjali strateġiku fil-qasam tal-promozzjoni tal-HEPA, li jinkludi involviment fil-livelli kollha tal-Ministeri, korpi u organizzazzjonijiet rilevanti kollha, b'mod partikolari il-moviment tal-isport, u b'kont meħud tal-ħidma ta' politika eżistenti u kurrenti. Id-disponibilità ta’ aktar informazzjoni u data aħjar dwar il-livelli ta’ attività fiżika u l-linji ta' politika ta’ promozzjoni tal-HEPA, hija element essenzjali biex dan il-proċess ikun sostnut u hija rekwiżit għall-evalwazzjoni tal-politika li għandha l-għan li twassal għal aktar żvilupp u implimentazzjoni effettivi fil-futur tal-politika.

    (9)

    Il-Linji Gwida tal-UE dwar l-Attività Fiżika (EU PA GL) (1), kif imsemmija mill-Kunsill u mir-Rappreżentanti tal-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, fil-konklużjonijiet tagħhom tas-27 ta' Novembru 2012 (2) dwar il-promozzjoni tal-HEPA, u mill-Kunsill fil-konklużjonijiet tiegħu intitolati “Tixjiħ B'saħħtu Matul iċ-Ċiklu tal-Ħajja” (3), jippromwovu approċċ transettorjali li jkopri l-oqsma tematiċi kollha responsabbli għall-promozzjoni tal-HEPA.

    (10)

    Il-Komunikazzjoni tal-2011 mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni intitolata “l-Iżvilupp tad-Dimensjoni Ewropea fl-Isport” stiednet lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex ikomplu l-progress, abbażi tal-EU PA GL, lejn l-istabbiliment ta’ linji gwida nazzjonali, inkluż proċess ta’ reviżjoni u koordinament, u jikkunsidraw Rakkomandazzjoni tal-Kunsill f’dan il-qasam.

    (11)

    Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, dwar Pjan ta' Ħidma tal-Unjoni Ewropea għall-Isport għall-2011-2014 dwar Pjan ta’ Ħidma tal-Unjoni Ewropea għall-Isport 2011-2014 (4) irrikonoxxiet il-bżonn li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri fl-isport fi ftit oqsma ta' prijorità, inkluża l-promozzjoni tal-HEPA. F’Lulju 2012, il-Grupp ta’ Esperti “Sport, Saħħa u Parteċipazzjoni”, stabbilit f'nofs l-2011 fil-kuntest tal-Pjan ta' Ħidma, esprima appoġġ għal inizjattiva ġdida tal-Unjoni għall-promozzjoni tal-HEPA.

    (12)

    Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-27 ta' Novembru 2012 dwar il-promozzjoni tal-HEMA rrikonoxxew il-ħtieġa għal aktar azzjoni fil-livell tal-Unjoni Ewropea u sejjaħ lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill, inkluż qafas ta’ monitoraġġ ħafif ibbażat fuq sett ta’ indikaturi li jkopru l-oqsma tematiċi tal-EU PA GL.

    B'DAN JIRRAKKOMANDA li l-istati membri:

    (1)

    Jaħdmu lejn linji ta' politika effettivi tal-HEPA billi jiżviluppaw approċċ transettorjali li jinvolvi oqsma ta’ politika li jinkludu l-isport, is-saħħa, l-edukazzjoni, l-ambjent u t-trasport, b'kont meħud tal-EU PA GL, kif ukoll setturi rilevanti oħrajn u skont l-ispeċifiċitajiet nazzjonali. Dan għandu jinkludi:

    (a)

    l-iżvilupp u l-implimentazzjoni progressivi ta' strateġiji nazzjonali u linji ta' politika transettorjali bil-għan tal-promozzjoni tal-HEPA f'konformità mal-leġislazzjoni u l-prattika nazzjonali;

    (b)

    l-identifikazzjoni ta' azzjonijiet konkreti għat-twettiq ta' dawk l-istrateġiji jew linji ta' politika, fi pjan ta' azzjoni fejn hu kkunsidrat adatt.

    (2)

    Jissorveljaw il-livelli ta’ attività fiżika u l-linji ta' politika tal-HEPA permezz tal-użu ta' qafas (5) ta’ monitoraġġ ħafif u ta' indikaturi stabbiliti fl-Anness skont iċ-ċirkustanzi nazzjonali;

    (3)

    Fi żmien sitt xhur wara l-adozzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, jinħatru punti fokali nazzjonali dwar l-HEPA (6), f'konformità mal-leġislazzjoni u l-prattika nazzjonali, sabiex jappoġġaw il-qafas ta’ monitoraġġ imsemmi hawn fuq, u jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar il-ħatra tagħhom.

    Il-punti fokali nazzjonali tal-HEPA, b'mod partikolari, ser ikollom il-kompitu li jikkordinaw il-proċess li jagħmlu d-data dwar l-attività fiżika disponibbli għall-qafas ta' monitoraġġ; dik id-data għandha tiddaħħal fid-database eżistenti Ewropea tad-WHO dwar in-nutrizzjoni, l-obeżità u l-attività fiżika (NOPA); huma għandhom jiffaċilitaw ukoll il-kooperazzjoni interdipartimentali dwar il-linji ta' politika tal-HEPA;

    (4)

    Jikkooperaw mill-qrib bejniethom u mal-Kummissjoni billi jagħmlu parti minn proċess ta’ skambju regolari ta’ informazzjoni u l-aħjar prassi dwar il-promozzjoni tal-HEPA fl-istrutturi rilevanti fil-livell tal-Unjoni għall-isport u s-saħħa bħala bażi għal koordinazzjoni msaħħa tal-politika.

    B'DAN JISTIEDEN lill-Kummissjoni sabiex:

    (1)

    Tassisti lill-Istati Membri biex jadottaw strateġiji nazzjonali, jiżviluppaw approċċi ta’ politika transettorjali dwar l-HEPA u jimplimentaw pjanijiet ta’ azzjoni korrispondenti, billi tiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni u prassi tajba, tagħlim effettiv bejn il-pari, netwerking u l-identifikazzjoni ta’ approċċi li rnexxew fil-promozzjoni tal-HEPA;

    (2)

    Tippromwovi l-istabbiliment u l-funzjonament tal-qafas ta' monitoraġġ tal-HEPA, f'konformità mal-indikaturi elenekati fl-Anness, abbażi ta' forom eżistenti ta' monitoraġġ u ġbir tad-data f'dan il-qasam, u bl-użu sa fejn hu l-aktar possibbli tal-informazzjoni u d-data eżistenti, billi:

    (a)

    tipprovdi, bl-għajnuna ta’ esperti xjentifiċi, appoġġ immirat għall-bini u t-taħriġ ta' kapaċità lil punti fokali nazzjonali tal-HEPA, inkluż bil-ħsieb tal-proċess ta' ġbir tad-data, u, kif adatt, lil rappreżentanti oħra minn awtoritajiet pubbliċi rilevanti;

    (b)

    teżamina l-possibbiltà, li d-data miġbura tintuża fil-kuntest tal-qafas ta' monitoraġġ sabiex potenzjalment tiġi prodotta statistika Ewropea dwar il-livell ta' attività fiżika kull tliet snin;

    (c)

    tappoġġa lid-WHO biex tkompli tiżviluppa l-aspetti tad-database tan-NOPA billi tadattah mal-qafas ta’ monitoraġġ stabbilit fl-Anness;

    (d)

    tappoġġa u tikkoopera mill-qrib mad-WHO fil-preparazzjoni u l-ħruġ ta’ rapporti speċifiċi għall-pajjiż dwar l-HEPA u ta' analiżi tax-xejriet tal-HEPA;

    (3)

    Tirrapporta kull tliet snin dwar il-progress fl-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, abbażi tal-informazzjoni pprovduta fl-arranġamenti ta’ rappurtar li jidhru fil-qafas ta’ monitoraġġ u ta’ informazzjoni rilevanti oħra dwar l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politika tal-HEPA pprovduta mill-Istati Membri u tevalwa l-valur miżjud ta' din ir-Rakkomandazzjoni.

    Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Novembru 2013.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    D. A. BARAKAUSKAS


    (1)  Il-Linji Gwida tal-UE dwar l-Attività Fiżika, milqugħa fil-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Laqgħa informali tal-Ministri tal-UE, responsabbli għall-isport, f'Novembru 2008.

    (2)  ĠU C 393, 19.12.2012, p. 22.

    (3)  ĠU C 396, 21.12.2012, p. 8.

    (4)  ĠU C 162, 1.6.2011, p. 1.

    (5)  Il-qafas ta’ monitoraġġ ser jistabbilixxi sett minimu ta’ rekwiżiti ta’ rapportar dwar l-aspetti ġenerali tal-promozzjoni tal-HEPA li jistgħu jiġu indirizzati mill-Istati Membri kollha. Dan ser jiġi implimentat b'sinerġija u kooperazzjoni mill-qrib mad-WHO, b'hekk tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-ġbir tad-data.

    (6)  Il-punt fokali ser ikun il-persuna ta' kuntatt prinċipali fl-Istat Membru biex tipprovdi informazzjoni u data li tikkorispondi għat-tabella ta' indikaturi fl-Anness, ser tifforma parti mill-kwestjonarju li għandu jiġi indirizzat lill-punti fokali mid-WHO.


    ANNESS

    Indikaturi proposti biex jiġu evalwati l-livelli tal-HEPA u l-linji ta' politika tal-HEPA fl-UE, b'kont meħud tal-Linji Gwida tal-UE dwar l-Attività Fiżika (EU PA GL) (1)

    Oqsma tematiċi tal-EU PA GL

    Indikaturi proposti u varjabbli/unitajiet

    Disponibblità tad-data

    Rakkomandazzjonijiet u linji gwida internazzjonali dwar l-Attività Fiżika

    (EU PA GL 1-2)

    1.

    Ir-Rakkomandazzjoni nazzjonali dwar l-attività fiżika favur is-saħħa

    Iva/le

     (5)

    2.

    Adulti li jilħqu l-minimu tar-rakkomandazzjoni tad-WHO dwar l-attività fiżika favur is-saħħa

    Persentaġġ ta' adulti li jilħqu minimu ta' 150 minuta ta' attivita fiżika b'intensità moderata kull ġimgħa, jew 75 minuta ta' attività b'intesità għolja, jew kombinazzjoni ekwivalenti

     (5)

    3.

    Tfal u adolexxenti li jilħqu l-minimu tar-rakkomandazzjoni tad-WHO dwar l-attività fiżika favur is-saħħa jewrakkomandazzjonijiet nazzjonali ekwivalenti

    Persentaġġ ta' tfal u adolexxenti li jilħqu tal-anqas 60 minuta ta' attività fiżika minn rata moderata għal intensità għolja kuljum jew tal-anqas 5 ijiem/ġimgħa

     (5)

    Approċċ transettorjali

    (EU PA GL 3-5)

    4.

    Mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni nazzjonali dwar il-promozzjoni tal-HEPA

    Iva/le; jekk iva, aktar dettalji

     (5)

    5.

    Finanzjament allokat speċifikament għall-promozzjoni tal-HEPA

    Skont is-settur (saħħa, sport, trasport eċċ.):

    finanzjament totali;

    per capita;

    permezz tal-prodott domestiku gross ta' PPP per capita, f'Ewro

     (2)

    ”Sport”

    (EU PA GL 6-13)

    6.

    Politika nazzjonali u/jew pjan ta’ azzjoni ta' sports għal kulħadd

    Iva/le: jekk iva, aktar dettalji

     (5)

    7.

    Klabbs ta' sports għas-saħħa (Programm ta' Klabbs tal-Isport għas-Saħħa)

    Implimentazzjoni tal-linji gwida żviluppati mill-proġett HEPA Europe/TAFISA: iva/le; jekk iva, deskrizzjoni

     (3)

    8.

    Qafas għall-appoġġ ta’ opportunitajiet biex jiżdied l-aċċess għall-faċilitajiet rikreattivi jew tal-eżerċizzju għal gruppi b'livelli soċjoekonomiċi baxxi

    Eżistenza ta' qafas: iva/previst fis-sentejn li jmiss/le; u jekk iva, deskrizzjoni

     (4)

    9.

    Gruppi fil-mira indirizzati mill-politika nazzjonali tal-HEPA

    Skont il-grupp immirat (gruppi bi ħtieġa partikolari ta' attivita fiżika (eż. gruppi ta' livell soċjoekonomiku baxx, persuni b'livelli baxxi ta' PA, anzjani, minoritajiet etniċi eċċ.)

     (5)

    “Saħħa”

    (EU PA GL 14-20)

    10.

    Monitoraġġ u sorveljanza ta' attività fiżika u mġiba sedentarja

    Attivita fiżika u mġiba sedentarja inklużi fis-sistema nazzjonali tal-monitoraġġ tas-saħħa: iva/le; jekk iva, aktar dettalji

     (4)

    11.

    Konsulenza dwar attività fiżika mwettqa mill-professjonisti tas-saħħa

    Konsulenza dwar attività fiżika: iva/le; jekk iva: rimborsata bħala parti mis-servizzi primarji tal-kura tas-saħħa: iva/le

     (4)

    12.

    Taħriġ dwar l-attività fiżika fil-kurrikulu għall-professjonisti tas-saħħa

    numru ta' sigħat għall-infermieri, it-tobba

    obbligatorju jew fakultattiv

    valutazzjoni ċara u strutturi ta' akkreditazzjoni biex jirriflettu l-eżiti ta' tagħlim tas-suġġett

     (3)

    “Edukazzjoni”

    (EU PA GL 21-24)

    13.

    Edukazzjoni fiżika fl-iskejjel primarji u sekondarji

    numru ta' sigħat kull livell ta' skola

    obbligatorju jew fakultattiv

    regolamentazzjoni nazzjonali jew subnazzjonanli

     (4)

    14.

    Skemi marbuta mal-promozzjoni tal-attività fiżika fl-iskejjel

    Eżistenza ta' skema nazzjonali jew subnazzjonali: iva/le; jekk iva, aktar dettalji

     (3)

    15.

    Taħriġ dwar il-HEPA għall-għalliema tal-edukazzjoni fiżika

    HEPA bħal modul u fit-taħriġ tal-għalliema tal-EF fil-livell bachelors u/jew masters degree: iva/le; mandatorju/fakultattiv

     (3)

    16.

    Skemi marbuta mal-promozzjoni ta' trasport attiv lejn l-iskola

    Skemi nazzjonali jew subnazzjonali (fejn rilevanti) biex jiġi promoss mezz attiv biex tasal l-iskola (eż. bil-mixi aakumpanjati minn adulti (walking buses), bir-rota): iva/le, jekk iva: deskrizzjoni

     (4)

    “Ambjent, ippjanar urban, Sikurezza pubblika”

    (EU PA GL 25-32)

    17.

    Livell ta’ ċikliżmu/mixi

    Il-mezz prinċipali tat-trasport użat fl-attivitajiet tiegħek ta' kuljum (karozza, mutur, trasport pubbliku, mixi, rota, oħra)

     (5)

    18.

    Linji Gwida Ewropej għat-titjib tal-Infrastutturi favur l-Attività Fiżika fil-Ħin Liberu

    Linji Gwida Ewropej għat-titjib tal-Infrastutturi favur l-Attività Fiżika fil-Ħin Liberu li huma applikati sistematikament fl-ippjanar, il-bini u l-ġestjoni tal-infrastrutturi:

    Iva/għad mhux previst fis-sentejn li jmiss/le

     (3)/ (4)

    “Ambjent tax-xogħol”

    (EU PA GL 33-34)

    19.

    Skemi marbuta mal-promozzjoni ta' trasport attiv lejn il-post tax-xogħol

    Eżistenza ta' skema inċentiva nazzjonali jew subnazzjonali (fejn rilevanti) għall-kumpanniji jew l-impjegati għall-promozzjoni ta' trasport attiv lejn il-post tax-xogħol (eż. mixi, rota): iva/le, jekk iva: deskrizzjoni

     (4)

    20.

    Skemi għall-promozzjoni tal-attività fiżika fuq il-post tax-xogħol

    Eżistenza ta' skema li toffri inċentiv nazzjonali jew subnazzjonali (fejn rilevanti) għall-kumpanniji jew l-impjegati għall-promozzjoni ta' trasport attiv lejn il-post tax-xogħol (eż. gyms, showers, treadmills): iva/le

     (4)

    “Ċittadini anzjani”

    (EU PA GL 35-37)

    21.

    Skemi għal interventi fil-komunità għall-promozzjoni tal-AF fost l-anzjani

    Eżistenza ta' skema għall-interventi komunitarji għall-promozzjoni tal-AF fost l-anzjani; Iva/le, jekk iva: deskrizzjoni

     (4)

    “Indikaturi/evalwazzjoni”

    (EU PA GL 138)

    22.

    Politiki nazzjonali tal-HEPA li jinkludu pjan għall-evalwazzjoni

    x minn y tal-linji ta' politika nazzjonali tal-HEPA (sport, saħħa, trasport, ambjent, skont is-settur) jinkludu intenzjoni jew pjan ċari għall-evalwazzjoni

     (5)

    “Sensibilizzazjoni pubblika”

    (EU PA GL 139)

    23.

    Eżistenza ta’ kampanja ta’ sensibilizzazzjoni nazzjonali dwar l-attività fiżika

    Iva/le, jekk iva: deskrizzjoni

     (4)


    (1)  L-informazzjoni u d-data li l-Istati Membru huma rrakkomandati li jipprovdu fil-kuntest tal-qafas ta' monitoraġġ ħafif huma mistennija li jsiru aħjar biż-żmien. Appoġġ għal dak il-qafas hu propost li jiġi mill-attivitajiet ta' kooperazzjoni u l-bini ta' kapaċità previsti f'din ir-Rakkomandazzjoni.

    (2)  data li għad ma nġabritx.

    (3)  data li għad ma nġabritx iżda hija ppjanata fin-NOPA.

    (4)  data disponibbli (jiġifieri inkluża f'mudelli tal-pajjiż jew permezz sors disponibbli ieħor) iżda li għad mhux validitata, jew teħtieġ aġġornament.

    (5)  data disponibbli u validitata fin-NOPA.


    Top