Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013H0730(23)

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tad- 9 ta’ Lulju 2013 dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma 2013 tar-Renju Unit u li tagħti l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Konverġenza tar-Renju Unit, 2012/13 sa 2017/18

ĠU C 217, 30.7.2013, p. 93–96 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

30.7.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 217/93


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tad-9 ta’ Lulju 2013

dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma 2013 tar-Renju Unit u li tagħti l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Konverġenza tar-Renju Unit, 2012/13 sa 2017/18

2013/C 217/23

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’pożizzjonijiet ta’baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’politika ekonomika (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)

Fis-26 ta’Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni li tniedi strateġija ġdida għall-impjiegi u t-tkabbir, bl-isem ta’Ewropa 2020, li tkun imsejsa fuq koordinazzjoni msaħħa tal-politiki ekonomiċi, u li tiffoka fuq l-oqsma ewlenin fejn tenħtieġ azzjoni li tagħti spinta lill-potenzjal tal-Ewropa għat-tkabbir u l-kompetittività sostenibbli.

(2)

Fit-13 ta’Lulju 2010, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u l-Unjoni (mill-2010 sal-2014), u fil-21 ta’Ottubru 2010, adotta deċiżjoni dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi (3), li flimkien jagħmlu l-"linji gwida integrati". L-Istati Membri ġew mistiedna jqisu l-linji gwida integrati fil-politiki nazzjonali tagħhom dwar l-ekonomija u l-impjiegi.

(3)

Fid-29 ta' Ġunju 2012, il-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern tal-Istati Membri ddeċidew dwar Patt għat-Tkabbir u l-Impjiegi, li jipprovdi qafas koerenti għall-azzjoni fuq il-livelli nazzjonali, tal-UE u taż-żona tal-euro bl-użu tal-għodod, strumenti u politiki kollha. Huma ddeċidew fuq azzjoni li għandha tittieħed fuq il-livell tal-Istati Membri, fejn b'mod partikolari esprimew l-impenn sħiħ tagħhom biex jiksbu l-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020 u biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi.

(4)

Fl-10 ta’Lulju 2012, il-Kunsill adotta Rakkomandazzjoni (4) dwar il-Programm Nazzjonali ta’Riforma tar-Renju Unit għall-2012 u ta l-opinjoni tiegħu dwar il-Programm ta’Konverġenza tar-Renju Unit għall-2012-2017.

(5)

Fit-28 ta' Novembru 2012, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li kien jirrappreżenta l-bidu tas-Semestru Ewropew 2013 għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Ukoll fit-28 ta' Novembru 2012, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’Twissija, li fih identifikat lir-Renju Unit bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru kellu jitwettaq rieżami fil-fond.

(6)

Il-Parlament Ewropew kien involut sew fis-Semestru Ewropew, f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1466/97, u fis-7 ta' Frar 2013, adotta riżoluzzjoni dwar l-impjiegi u l-aspetti soċjali fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2013 u riżoluzzjoni dwar il-kontribut għall-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2013.

(7)

Fl-14 ta’Marzu 2013, il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet biex jiġu ggarantiti l-istabbiltà finanzjarja, il-konsolidazzjoni fiskali u l-azzjoni biex jiġi inkoraġġut it-tkabbir. Huwa enfasizza l-ħtieġa li titwettaq konsolidazzjoni fiskali differenzjata u li tiffavorixxi t-tkabbir, biex l-ekonomija jerġa’jkollha kundizzjonijiet normali għas-self, biex jiġu promossi t-tkabbir u l-kompetittività, biex jiġu indirizzati l-qgħad u l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi, u biex tiġi mmodernizzata l-amministrazzjoni pubblika.

(8)

Fl-10 ta' April 2013, il-Kummissjoni ppubblikat ir-riżultati tar-rieżami fil-fond tagħha għar-Renju Unit, skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011. L-analiżi tal-Kummissjoni twassalha biex tikkonkludi li r-Renju Unit jinsab għaddej minn żbilanċi makroekonomiċi, li jisħoqqilhom monitoraġġ u azzjoni ta' politika. B'mod partikolari, żviluppi makroekonomiċi fil-qasam tad-dejn tal-unitajiet domestiċi, marbut ma' livelli għolja ta' dejn ipotekarju u l-karatteristiċi tas-suq immobiljari, flimkien ma' żviluppi negattivi fil-kompetittività esterna, partikolarment fir-rigward tal-esportazzjonijiet tal-oġġetti u tat-tkabbir dgħajjef fil-produttività, ikomplu jistħoqqilhom attenzjoni.

(9)

Fit-30 ta' April 2013, ir-Renju Unit ippreżenta l-Programm ta' Konverġenza tiegħu għall-perijodu 2012/13 sa 2017/18 u l-Programm Nazzjonali ta' Riforma 2013 tiegħu. Sabiex jitqiesu l-konnessjonijiet bejniethom, iż-żewġ Programmi ġew ivvalutati fl-istess waqt.

(10)

Skont il-paragrafu 4 tal-Protokoll (Nru 15) dwar ċerti dispożizzjonijiet li jirrigwardaw ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq, l-obbligu fl-Artikolu 126(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea sabiex jiġu evitati defiċits eċċessivi tal-amministrazzjoni pubblika ma japplikax għar-Renju Unit. Il-Paragrafu 5 tal-Protokoll jistipula li r-Renju Unit għandu jipprova jevita defiċit eċċessiv tal-Gvern. Fit-8 ta' Lulju 2008, il-Kunsill iddeċieda, f'konformità mal-Artikolu 104(6) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jeżisti defiċit eċċessiv fir-Renju Unit.

(11)

Abbażi tal-valutazzjoni tal-Programm ta’Konverġenza, li twettqet skont ir-Regolament (KE) Nru 1466/97, il-Kunsill huwa tal-fehma li x-xenarju makroekonomiku li jirfed il-projezzjonijiet baġitarji fil-Programm huwa plawżibbli. L-għan tal-istrateġija baġitarja ppreżentata fil-Programm ta' Konverġenza huwa li jinkiseb baġit kurrenti aġġustat ċiklikament qrib il-bilanċ sa tmiem il-perijodu dinamiku ta' ħames snin. Id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika laħaq il-quċċata tiegħu fil-livell ta' 11,5 % tal-PGD fl-2009/10 (5) u tnaqqas għal 5,6 % tal-PDG fl-2012/13, permezz ta' miżuri ta' darba li naqqsu d-defiċit b'2 punti perċentwali fl-2012/13. Madankollu, il-Programm ta' Konverġenza juri li l-Gvern huwa mbassar li ma jirrispettax l-iskadenza tal-2014/15 għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv stabbilita mill-Kunsill billi d-defiċit huwa stmat li se jkun ta' 6,0 % tal-PDG dik is-sena. Skont il-projezzjonijiet tal-programm, is-sena li fiha d-defiċit eċċessiv se jissewwa hija l-2017/18, fejn dan se jilħaq it-2,3 % tal-PDG, tliet snin wara l-iskadenza stabbilita mill-Kunsill f'Diċembru 2009. Il-Programm ta' Konverġenza jimplika li d-defiċit strutturali tal-amministrazzjoni pubblika, kif rikalkulat mill-Kummissjoni, jitjieb marġinalment minn 5,6 % tal-PDG fl-2013/14 għal 5,1 % tal-PDG fl-2014/15. Matul il-perijodu 2010/11 sa 2012/13, l-isforz fiskali mhux aġġustat medju huwa stmat li hu ta' 1,1 % tal-PDG, li huwa ferm anqas mill-1— % tal-PDG rrakkomandati mill-Kunsill, qabel il-korrezzjoni għall-impatt ta' kwalunkwe reviżjoni għat-tkabbir potenzjali tal-produzzjoni, jew dħul imprevist jew nuqqas fid-dħul. Ir-riskji ewlenin għall-projezzjonijiet baġitarji jirriżultaw minn tkabbir iżgħar milli mistenni minħabba inflazzjoni għolja persistenti li qed tillimita l-konsum privat u deterjorament potenzjali fl-ambjent internazzjonali li jista' jaffettwa l-kummerċ u l-investiment.

Il-Programm ta' Konverġenza ma jinkludix objettiv baġitarju fuq terminu medju (OTM) kif previst mill-Patt tal-Istabbiltà u t-Tkabbir. Il-Gvern kompla bl-istrateġija tal-konsolidazzjoni fiskali tiegħu iżda, minħabba n-nefqa ogħla milli mistenni minħabba l-operat tal-istabbilizzaturi awtomatiċi u d-dħul tat-taxxa anqas milli mistenni, id-defiċit huwa ogħla milli previst. Minbarra dan, il-miżuri ta' konsolidazzjoni meħuda sa issa ma kinux biżżejjed biex jinkiseb l-isforz fiskali medju annwali rrakkomandat sabiex jiġi kkoreġut id-defiċit eċċessiv. Barra minn hekk, il-kontribuzzjoni potenzjali għad-dħul mir-riforma strutturali, pereżempju l-għan li tiżdied l-effiċjenza tas-sistema tat-taxxa permezz ta' reviżjonijiet tal-istruttura tar-rata tal-VAT, għadha relattivament mhix sfruttata biżżejjed. Id-dejn tal-Gvern bħala perċentwal tal-PDG żdied minn 56,1 % fl-2008/09 għal 90,7 % fl-2012/13. Skont il-Programm ta' Konverġenza, il-proporzjon tad-dejn tal-amministrazzjoni pubblika huwa projettat li se jiżdied għal 100,8 % fl-2015/16 u għal 2016/17 qabel jerġa' jonqos għal 99,4 % fl-2017/18.

(12)

It-tnaqqis tad-dejn tal-unitajiet domestiċi kompla fl-2012, iżda fil-livell tiegħu ta' 96 % tal-PDG, id-dejn tal-unitajiet domestiċi fir-Renju Unit għadu ħafna ogħla mill-medja taż-żona tal-euro u t-tnaqqis tad-dejn jista' ma jiġix sostnut ladarba l-ekonomija titjieb u t-tranżazzjonijiet tal-unitajiet domestiċi jirritornaw lura għal livelli aktar normali. Il-prezzijiet tad-djar għadhom għoljin u volatili fil-kuntest ta' nuqqas ta' djar. Minħabba taħlita ta' prezzijiet għolja tad-djar u l-użu wiesa' ta' ipoteki b'rati varjabbli, l-unitajiet domestiċi huma partikolarment esposti għall-bidliet fir-rati tal-imgħax, u wkoll għal żidiet fil-qgħad. Il-Gvern ħa azzjoni sabiex jirriforma l-liġijiet dwar l-ippjanar tal-ispazju, iżda l-kostruzzjoni residenzjali għadha f'livell baxx u s-sistema tal-ippjanar, inklużi r-restrizzjonijiet taż-żoni ħodor, għadha tikkostitwixxi limitazzjoni importanti fuq il-provvista tad-djar. L-interventi tal-Gvern biex jistimola d-domanda għad-djar aktar milli l-provvista tagħhom, inkluża l-iskema riċenti Help to Buy jistgħu potenzjalment jagħmlu din is-sitwazzjoni agħar billi jżidu l-prezzijiet tad-djar u d-dejn tal-unitajiet domestiċi. Is-sistema tat-taxxa fuq il-proprjetà tar-Renju Unit tgħaqqad flimkien taxxa rikorrenti rigressiva (it-Taxxa tal-Kunsilli) ma' taxxa progressiva fuq it-tranżazzjonijiet (it-Taxxa tal-Bolla fuq l-Art). Huwa probabbli li t-taħlita ta' prezzijiet għoljin tad-djar, pressjonijiet fuq il-finanzi tal-unitajiet domestiċi u kriterji tas-self aktar responsabbli se jkomplu jwaqqfu lil diversi unitajiet domestiċi bi dħul medju milli jsiru sidien ta' djar. F'dan il-kuntest, il-kera privata tista' ssir alternattiva akar attraenti u vijabbli għas-sjieda tad-djar.

(13)

Ir-Renju Unit qed jiffaċċja l-isfidi kemm tal-qgħad kif ukoll tas-sottoimpjieg, b'mod partikolari fost iż-żgħażagħ. Il-qgħad kien ta' 7,8 % fil-bidu tal-2013, meta mqabbel mal-medja tal-UE ta' 10,9 %, u huwa mistenni li jibqa' fil-biċċa l-kbira stabbli matul l-2013 u l-2014. Il-qgħad taż-żgħażagħ li jammonta għal 20,7 % huwa ferm ogħla, u żdied b'mod kostanti sa mill-2007, meta kien ta' 14,3 %. Il-proporzjon taż-żgħażagħ li ma jaħdmux u li ma jattendux ċentri ta' tagħlim jew taħriġ huwa ta' 14,0 %. L-impjieg fis-settur privat kiber b'mod qawwi fl-aħħar sena, meta jitqies it-tkabbir baxx fil-PDG, iżda t-tkabbir tal-produttività u tal-pagi kien baxx. Ir-Renju Unit għandu wkoll provvista żejda ta' ħaddiema b'ħiliet baxxi li d-domanda għalihom qiegħda tonqos. Fl-istess ħin, ir-Renju Unit għandu nuqqas ta' ħaddiema b'ħiliet vokazzjonali u tekniċi ta' kwalità għolja, u dan jikkontribwixxi għal nuqqas ta' kompetittività esterna. Minkejja li sar xi progress f'dawn l-aħħar snin, proporzjon sinifikanti ta' żgħażagħ ma għandhomx il-ħiliet u l-kwalifiki li jeħtieġu sabiex jikkompetu b'suċċess fis-suq tax-xogħol. Ir-rata tal-qgħad tal-persuni b'livell baxx ta' ħiliet tal-etajiet minn 15 sa 25 sena hija ta 37,2 %, 'il fuq sewwa mill-medja tal-UE. Il-politika tal-edukazzjoni vokazzjonali u tat-taħriġ eżistenti hija ffukata wisq fuq il-ħiliet bażiċi u l-kwalifiki tat-tieni livell, filwaqt li kull ma jmur, l-ekonomija qiegħda titlob kwalifiki aktar avvanzati. Filwaqt li kien hemm sforzi sabiex tittejjeb il-kwalità tal-programmi ta' apprentistat, huma meħtieġa sforzi ulterjuri. B'mod partikolari, is-sistema tal-kwalifiki għadha kumplessa ħafna, u dan jista'jkollu impatt negattiv fuq l-involviment tan-negozji fil-programmi ta' apprentistat. Ir-Renju Unit jista' jibni fuq il-Kuntratt taż-Żgħażagħ kurrenti sabiex jimplimenta Garanzija taż-Żgħażagħ u jindirizza l-problema tal-qgħad taż-żgħażagħ u ta’dawk li mhumiex fl-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ.

(14)

Inċentivi dgħajfa biex wieħed jaħdem huma problema persistenti fir-Renju Unit. L-awtoritajiet qed jippjanaw li jindirizzaw dan permezz tal-Universal Credit, li se jippermetti lill-individwi jżommu aktar mill-introjtu tagħhom mill-benefiċċji meta jibdew jaħdmu. Filwaqt li l-Universal Credit jista' jkollu impatt pożittiv fuq l-impjieg, ħafna se jkun qed jiddependi fuq l-implimentazzjoni effettiva u s-servizzi ta' appoġġ, inkluża l-interazzjoni ma' benefiċċji oħra. B'mod parallel, bosta benefiċċji tal-età tax-xogħol u krediti tat-taxxa se jiġu miżjuda b'1 % fis-sena sal-2016 li huwa anqas mir-rata tal-inflazzjoni projettata iżda għandu wkoll itejjeb l-inċentivi tax-xogħol. Firxa ta' riformi oħra għall-benefiċċji soċjali ġew introdotti wkoll f'April 2013. Hemm ir-riskju ta' żieda fil-faqar, inkluż aktar faqar tat-tfal għal dawk f'unitajiet domestiċi li ma jsibux impjieg. B'kuntrast ma' dan, l-ambitu, il-livell u t-titjib tal-ħlasijiet, kemm universali kif ukoll ittestjati skont il-mezzi, għall-pensjonanti kienu fil-biċċa l-kbira eżentati mit-tnaqqis. Ir-riżultati bikrin mill-Programm ta' Ħidma jissuġġerixxu li għad hemm lok għal titjib fl-implimentazzjoni u r-riżultati. Ir-Renju Unit qed jiffaċċja wkoll sfidi li għadhom preżenti sabiex iżid l-impjiegi tal-ġenituri u jtejjeb l-aċċess għal kura tat-tfal ta' kwalità għolja bi prezzijiet li jistgħu jintlaħqu. Fil-livell ta' 17,3 %, il-proporzjon ta' tfal mir-Renju Unit li qed jgħixu f'unitajiet domestiċi mingħajr impjieg huwa t-tieni l-ogħla fl-Unjoni. Sadattant, l-ispejjeż tal-kura tat-tfal fir-Renju Unit huma fost l-ogħla fl-Unjoni, u dan jippreżenta problemi partikolari għal min jaqla' t-tieni paga fost il-koppji, u għall-ġenituri waħedhom. Fl-2010,4 % biss tat-tfal taħt it-tliet snin użaw il-kura tat-tfal formali fuq bażi full-time, ferm anqas mill-medja tal-UE ta' 14 %.

(15)

L-istokk tad-dejn korporattiv tar-Renju Unit huwa pjuttost għoli, iżda xi impriżi qed ikollhom diffikultajiet biex jiksbu aċċess għall-kreditu, u l-investiment tan-negozju għadu fuq livelli baxxi ħafna. Tnaqqis mingħajr preċedent fl-investiment tan-negozju wara l-2007 wassal biex il-formazzjoni tal-kapital gross fiss niżlet għal 14,2 % tal-PDG fl-2012. Dan huwa t-tielet l-anqas livell fl-Unjoni. Ir-Renju Unit għandu livell baxx ta' nefqa tan-negozju fuq ir-R&Ż, li waqa' minn 1,17 % tal-PDG fl-2001 għal 1,09 % fl-2011. L-investiment tan-negozju beda jżid ftit il-pass, b'żieda annwali ta' 4,9 % fl-2012, iżda għadu baxx. Is-self nett lis-settur korporattiv baqa' negattiv fl-2012. Filwaqt li impriżi ikbar b'karti tal-bilanċ b'saħħithom jistgħu jisselfu b'kost storikament baxx, bosta impriżi oħra, partikolarment SMEs, qed ikollhom diffikultà biex jiksbu aċċess għall-kreditu. Dan huwa aggravat mill-kompetizzjoni limitata fl-industrija bankarja. L-implimentazzjoni korretta tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat tal-Politika Finanzjarja dwar il-kalkolu prudenti tal-ħtiġijiet tal-kapital tal-banek u dwar l-indirizzar ta' nuqqasijiet identifikati ta' kapital mingħajr ma jiġi mxekkel is-self għall-ekonomija għandha tgħin fit-tisħiħ tal-istabbiltà finanzjarja fis-sistema bankarja tar-Renju Unit.

(16)

Ir-Renju Unit għandu sfida sabiex iġedded u jtejjeb l-infrastruttura tal-enerġija u tat-trasport tiegħu. Barra minn hekk, ir-Renju Unit jeħtieġ investiment sostanzjali f'kapaċità ġdida ta' ġenerazzjoni tal-elettriku sal-2020, kemm biex jissostitwixxi impjanti antiki li waslu biex jagħlqu, kif ukoll sabiex jissodisfa l-obbligu tal-enerġija rinnovabbli u l-istandards tal-emissjonijiet tal-karbonju aktar stretti. Fil-livell ta' 3,8 %, is-sehem tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli fil-konsum finali tal-enerġija jinsab fil-25 post minn 27 Stat Membru (medja tal-UE ta' 13,0 %). Se tkun meħtieġa ċertezza regolatorja sabiex jiġi ffaċilitat investiment adegwat u f'waqtu. Nuqqasijiet fil-kapaċità u fil-kwalità tan-netwerks tat-trasport tar-Renju Unit huma problema strutturali għall-ekonomija, b'mod partikolari għall-produtturi, id-distributuri u l-esportaturi tal-oġġetti. Bħalissa hemm lakuna sinifikanti bejn il-finanzjament impenjat, pubbliku u privat, u l-lista tal-ħtiġijiet tal-investiment fit-trasport li l-Gvern qed ifittex li jindirizza billi jipprijoritizza l-infiq pubbliku għall-infrastruttura u billi jiġbed investiment privat addizzjonali. L-ispejjeż għal kull unità fil-kostruzzjoni u fil-manutenzjoni tat-trasport ukoll għadhom għoljin fir-Renju Unit.

(17)

Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tar-Renju Unit. Hija vvalutat il-Programm ta’Konverġenza u l-Programm Nazzjonali ta’Riforma, u ppreżentat rieżami fil-fond. Hija qieset mhux biss ir-rilevanza tagħhom għal politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fir-Renju Unit imma wkoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni billi jingħata input fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri. Ir-rakkomandazzjonijiet tagħha fil-qafas tas-Semestru Ewropew huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet (1) sa (6) hawn taħt.

(18)

Fid-dawl ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’Konverġenza, u l-opinjoni tiegħu (6) hija riflessa b’mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) hawn taħt.

(19)

Fid-dawl tar-rieżami fil-fond tal-Kummissjoni u ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta' Riforma u l-Programm ta' Konverġenza. Ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet (2), (3), (5) u (6) hawn taħt,

B’DAN JIRRAKKOMANDAli r-Renju Unit jieħu azzjoni fil-perijodu 2013-2014 sabiex:

1.

Jimplimenta strateġija baġitarja msaħħa, appoġġjata minn miżuri speċifikati biżżejjed, għas-sena 2013/14 u lil hinn minnha. Jiżgura l-korrezzjoni f'waqtha tad-defiċit eċċessiv b'mod sostenibbli sal-2014/15, u l-kisba tal-isforz fiskali speċifikat fir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill taħt il-PDE u jqiegħed il-proporzjon għoli ta' dejn pubbliku fit-triq ta' tnaqqis sostnut. Korrezzjoni li tħalli effett fit-tul tal-iżbilanċi fiskali titlob l-implimentazzjoni kredibbli ta' riformi strutturali ambizzjużi li jżidu l-kapaċità tal-aġġustament u jixprunaw it-tkabbir potenzjali. Isegwi approċċ differenzjat, u favorevoli għat-tkabbir fir-rigward tal-issikkar fiskali, inkluż permezz ta' prijoritizzazzjoni tan-nefqa kapitali f'waqtha b'rendiment ekonomiku għoli u permezz ta' approċċ ibbilanċjat għall-kompożizzjoni tal-miżuri ta' konsolidazzjoni u l-promozzjoni tas-sostenibbiltà fuq perijodu ta' żmien medju u fit-tul. Sabiex jiġbor aktar dħul, jagħmel użu akbar mir-rata standard tal-VAT.

2.

Jieħu aktar azzjoni sabiex iżid il-provvista tad-djar, inkluż permezz ta' liberalizzazzjoni ulterjuri tal-liġijiet tal-ippjanar tal-ispazju u permezz ta' tħaddim effiċjenti tas-sistema tal-ippjanar. Jiżgura li l-politika tad-djar, inkluża l-iskema Help to Buy ma tinkoraġġix self ipotekarju eċċessiv u imprudenti; u jippromwovi provvista akbar biex jevita prezzijiet tad-djar ogħla. Iwettaq riformi inkluż fit-taxxi fuq l-art u l-proprjetà sabiex inaqqas id-distorsjonijiet u jippromwovi l-kostruzzjoni residenzjali f'waqtha. Jieħu passi sabiex itejjeb il-funzjonament tas-swieq tal-kera, b'mod partikolari billi jagħmel il-kiri fit-tul aktar attraenti, kemm għal min jikri kif ukoll għal sid il-kera.

3.

Bħala segwitu tal-Kuntratt taż-Żgħażagħ, iżid il-miżuri li jindirizzaw il-qgħad taż-żgħażagħ, pereżempju permezz ta' Garanzija taż-Żgħażagħ. Iżid il-kwalità u t-tul tal-apprentistati, jissimplifika s-sistema tal-kwalifiki u jsaħħaħ l-involviment ta' min iħaddem, partikolarment fil-forniment ta' ħiliet tekniċi avvanzati u intermedji. Inaqqas in-numru ta' żgħażagħ bejn l-etajiet ta' 18 u 24 sena li għandhom ħiliet bażiċi ta' livell baxx ħafna, inkluż permezz ta' implimentazzjoni effettiva tal-programm tal-Perijodu ta' Prattika.

4.

Isaħħaħ l-isforzi sabiex jappoġġja l-unitajiet domestiċi bi dħul baxx u jnaqqas il-faqar tat-tfal billi jiżgura li l-Universal Credit u riformi oħra tas-servizzi soċjali jrendu sistema ġusta tal-benefiċċji tat-taxxa b'aktar ċarezza fl-inċentivi għax-xogħol u s-servizzi tal-appoġġ. Jaċċellera l-implimentazzjoni tal-miżuri ppjanati sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż tal-kura tat-tfal u jittejbu l-kwalità u d-disponibilità tagħhom.

5.

Jieħu passi ulterjuri sabiex itejjeb id-disponibbiltà tal-finanzjament bankarju u mhux bankarju għas-settur korporattiv, filwaqt li jiżgura li l-miżuri jkunu mmirati primarjament lejn kumpaniji vijabbli, b'mod partikolari l-SMEs. Inaqqas l-ostakli għad-dħul fis-settur bankarju, inaqqas l-ispejjeż għall-bdil tal-banek u jiffaċilita l-ħolqien tal-hekk imsejħa challenger banks permezz ta' divestiment ta' assi bankarji. Jimplimenta b'mod effettiv ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat tal-Politika Finanzjarja dwar il-valutazzjoni prudenti tar-rekwiżiti tal-kapital tal-banek u dwar l-indirizzar tan-nuqqasijiet tal-kapital identifikati.

6.

Jieħu miżuri sabiex jiffaċilita żieda f'waqtha fl-investiment fl-infrastruttura tan-netwerk, b'mod partikolari permezz tal-promozzjoni ta' proċessi aktar effettivi ta' ppjanar u ta' teħid ta' deċiżjonijiet. Jipprovdi qafas regolatorju stabbli għall-investiment f'kapaċità ġdida tal-enerġija, inkluż f'enerġija rinnovabbli. Itejjeb il-kapaċità u l-kwalità tan-netwerks tat-trasport billi jipprovdi aktar prevedibbiltà u ċertezza dwar l-ippjanar u l-finanzjament u billi jutilizza l-aktar taħlita effikaċi ta' sorsi ta' kapital pubbliċi u privati.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Lulju 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

R. ŠADŽIUS


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

(2)  ĠU L 306, 23,11.2011, p. 25.

(3)  Miżmuma għall-2013 permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/208/UE tas-22 ta' April 2013 dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi (ĠU L 118, 30.4.2013, p. 21).

(4)  ĠU C 219, 24.7.2012, p. 91.

(5)  Il-perijodu „2009/10” jirreferi għas-sena finanzjarja li tibda fl-1 ta' April 2009 u tispiċċa fil-31 ta' Marzu 2010.

(6)  Skont l-Artikolu 9(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.


Top