Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013D0495

    2013/495/UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad- 9 ta’ Ottubru 2013 dwar miżura meħuda mill-Finlandja skont id-Direttiva 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tipprojbixxi tip ta’ feles tat-tifrid (notifikata bid-dokument C(2013) 6442) Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 270, 11.10.2013, p. 7–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2013/495/oj

    11.10.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 270/7


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tad-9 ta’ Ottubru 2013

    dwar miżura meħuda mill-Finlandja skont id-Direttiva 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tipprojbixxi tip ta’ feles tat-tifrid

    (notifikata bid-dokument C(2013) 6442)

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    (2013/495/UE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2006 dwar il-makkinarju, u li jemenda d-Direttiva 95/16/KE (1) u b’mod partikolari l-Artikolu 11 tagħha,

    Billi:

    (1)

    F’konformità mal-proċedura stipulata fl-Artikolu 11 (2) tad-Direttiva 2006/42/KE, l-awtoritajiet Finlandiżi nnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra b’miżura li tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ feles tat-tifrid idrawliku tat-tip Hakki Pilke Z100 immanifatturat minn Maaselän Kone Oy, Valimotie 1, FI-85800 Haapajärvi, SUOMI/FINLAND, u li jeħtieġu li l-fabbrikant jieħu azzjoni korrettiva fir-rigward tal-magni li diġà qegħdin fis-suq.

    (2)

    Ir-raġuni mogħtija mill-Finalandja għal din il-miżura hija n-non-konformità tal-makkinarju mar-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u tas-sikurezza li ġejjin tal-Anness I għad-Direttiva 2006/42/KE (b’referenza għall-ispeċifikazzjonijiet tal-istandards EN 609-1 - Agricultural and forestry machinery - Safety of log splitters – Part 1: Wedge splitters, and EN 574 - Safety of machinery - Two-hand control devices – Functional aspects - Principles for design):

    1.1.2 - Principles of safety integration;

    1.2.2 - Control devices;

    1.2.3 – Starting;

    1.3.7 - Risks related to moving parts;

    1.4.3 – Special requirements for protective devices.

    (3)

    Il-miżura meħuda mill-awtoritajiet Finlandiżi segwiet inkjesta dwar aċċident serju meta l-lievi tal-apparat b’kontroll bimanwali użati biex jixegħlu l-makkinarju kienu marbuta flimkien. L-awtoritajiet Finlandiżi qiesu li l-apparat ta’ kontroll bimanwali ffittjat mal-makkinarju ma kienx imfassal biex jiġi evitat li jkunf faċilment tingħeleb jew jitħaddem b’id waħda jew minn partijiet oħra tal-ġisem.

    (4)

    Il-Kummissjoni kitbet lill-manifattur, fejn talbitu jesprimi l-osservazzjonijiet tiegħu dwar il-miżura li ġiet adottata mill-Finlandja Fit-tweġiba tiegħu, il-manifattur indika li, wara l-miżura, kien ġab id-disinn tal-makkinarju f’konformità mal-prodotti manifatturati mill-ħarifa tal-2010 u ppropona miżuri korrettivi għall-magni mqiegħda fis-suq qabel dik id-data. Mis-sajf tal-2011, il-feles tat-tifrid inbigħ bir-referenza Hakki Pilke HH100.

    (5)

    L-awtoritajiet Finlandiżi kkonfermaw li ifilsa tat-tifrid tat-tipi Hakki Pilke Z100 u HH100 mqiegħda fis-suq sa mill-ħarifa 2010 jikkonformaw mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2006/42/KE u għaldaqstant tneħħiet il-projbizzjoni fuq it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ dawk il-magni. Madankollu, l-obbligu li wieħed jirtira l-ifilsa tat-tifrid mis-suq u jġibhom f’konformità qabel il-ħarifa tas-sena 2010 jibqa’ fis-seħħ.

    (6)

    L-istħarriġ tal-evidenza pprovduta mill-awtoritajiet Finlandiżi u tal-osservazzjonijiet ikkomunikati mill-manifattur tikkonferma li l-ifilsa għat-tifrid tat-tip Hakki Pilke Z100 b’kontroll bimanwali tingħeleb jew li jistgħu jiġu faċilment attwat b’id waħda jew minn partijiet oħra tal-ġisem ma jikkonformawx mar-rekwiżiti essenzjali ta’ saħħa u sikurezza tal-Anness I tad-Direttiva 2006/42/KE u li dan in-nuqqas ta’ konformità jwassal għal riskju serju ta’ korriment lil min jużahom,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-miżura meħuda mill-awtoritajiet Finlandiżi li tipprojbixxi t-tpoġġija fuq is-suq u l-użu ta’ ifilsa tat-tifrid tat-tip Hakki Pilke Z100 b’kontroll bimanwali tingħeleb jew li jistgħu jiġu faċilment attwat b’id waħda jew minn partijiet oħra tal-ġisem, u teħtieġ lill-fabbrikant jirtira mis-suq jew iġib konformi prodotti mhux konformi li diġà jkunu tqiegħdu fis-suq huwa ġustifikat.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Ottubru 2013.

    Għall-Kummissjoni

    Antonio TAJANI

    Viċi President


    (1)  ĠU L 157, 9.6.2006, p. 24.


    Top