This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32013D0283
2013/283/EU: Commission Decision of 25 July 2012 on state aid that France plans to grant to FagorBrandt (SA.23839 (C 44/2007)) (notified under document C(2012) 5043) Text with EEA relevance
2013/283/UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 25 ta' Lulju 2012 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.23839 (C 44/2007) ta' Franza favur l-impriża FagorBrandt (notifikata bid-dokument C(2012) 5043) Test b’relevanza għaż-ŻEE
2013/283/UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 25 ta' Lulju 2012 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.23839 (C 44/2007) ta' Franza favur l-impriża FagorBrandt (notifikata bid-dokument C(2012) 5043) Test b’relevanza għaż-ŻEE
ĠU L 166, 18.6.2013, p. 1–23
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
18.6.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 166/1 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tal-25 ta' Lulju 2012
dwar l-għajnuna mill-Istat SA.23839 (C 44/2007) ta' Franza favur l-impriża FagorBrandt
(notifikata bid-dokument C(2012) 5043)
(It-test bil-Franċiż biss huwa awtentiku)
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
(2013/283/UE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 108(2), l-ewwel subparagrafu tiegħu (1),
wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,
wara li l-partijiet interessati ġew mistiedna jressqu l-kummenti tagħhom skont dawn l-Artikoli (2), u wara li ġew ikkunsidrati dawn il-kummenti,
Billi:
1. PROĊEDURA
(1) |
B’ittra ddatata s-6 ta’ Awwissu 2007, Franza nnotifikat lill-Kummissjoni b’għajnuna għar-ristrutturar favur il-grupp FagorBrandt. |
(2) |
Permezz ta’ ittra ddatata l-10 ta’ Ottubru 2007, il-Kummissjoni infurmat lil Franza bid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ‘il quddiem it-“TFUE”) fir-rigward ta’ din l-għajnuna. |
(3) |
Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura (minn hawn ’il quddiem “id-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura”) ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (3). Il-Kummissjoni sejħet lill-partijiet interessati biex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-għajnuna inkwistjoni. |
(4) |
Il-Kummissjoni rċeviet l-osservazzjonijiet ta’ tliet partijiet interessati, li huma żewġ kompetituri u l-benefiċjarju tal-għajnuna. Electrolux issottomettiet xi osservazzjonijiet b’ittra ddatata l-14 ta’ Diċembru 2007. Wara laqgħa mas-servizzi tal-Kummissjoni fl-20 ta’ Frar 2008, din l-impriża ssottomettiet xi osservazzjonijiet oħra b’ittra ddatata s-26 ta’ Frar 2008 u tat-12 ta’ Marzu 2008. Kompetitur li jixtieq jibqa’ anonimu ssottometta xi osservazzjonijiet b’ittra ddatata s-17 ta’ Diċembru 2007 (4). FagorBrandt issottometta xi osservazzjonijiet b’ittra ddatata s-17 ta’ Diċembru 2007. Il-Kummissjoni tat dawn l-osservazzjonijiet lil Franza bl-ittri ddatati l-15 ta’ Jannar 2008 u t-13 ta’ Marzu 2008 filwaqt li tatha l-possibbiltà li tikkumenta dwarhom u rċeviet il-kummenti tagħha rispettivament b’ittra ddatata l-15 ta’ Frar 2008 u b’dokument sottomess waqt il-laqgħa tat-18 ta’ Marzu 2008 (ara l-premessa (5)). |
(5) |
B’ittra ddatata t-13 ta’ Novembru 2007, Franza tat l-osservazzjonijiet tagħha lill-Kummissjoni dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura. Fit-18 ta’ Marzu 2008, saret laqgħa bejn is-servizzi tal-Kummissjoni, l-awtoritajiet Franċiżi u FagorBrandt. Wara din il-laqgħa, l-awtoritajiet Franċiżi ssottomettew xi informazzjoni b’ittri ddatati l-24 ta’ April 2008 u s-7 ta’ Mejju 2008. Saret laqgħa oħra bejn l-istess partijiet fit-12 ta’ Ġunju 2008. Wara din il-laqgħa, l-awtoritajiet Franċiżi ssottomettew xi informazzjoni b’ittra ddatata d-9 ta’ Lulju 2008. Fil-15 ta’ Lulju 2008, il-Kummissjoni talbet għal informazzjoni addizzjonali, li ġiet ipprovduta mill-awtoritajiet Franċiżi fis-16 ta’ Lulju 2008. |
(6) |
Fil-21 ta’ Ottubru 2008, il-Kummissjoni ħadet deċiżjoni pożittiva taħt ċerti kundizzjonijiet dwar l-għajnuna għar-ristrutturar ta’ EUR 31 miljun mogħtija lil FagorBrandt (5) (minn hawn ‘il quddiem “id-deċiżjoni tal-21 ta’ Ottubru 2008”). |
(7) |
Din id-deċiżjoni ġiet annullata mill-Qorti fl-14 ta’ Frar 2012 (6) (minn hawn ‘il quddiem “is-sentenza tal-Qorti tal-14 ta’ Frar 2012”) minħabba żewġ żbalji manifesti fl-evalwazzjoni: minn naħa waħda, miżura kompensatorja tqieset bħala mhux valida u, min-naħa l-oħra, kien hemm nuqqas ta’ analiżi tal-effett kumulattiv fuq il-kompetizzjoni ta’ għajnuna qadima mhux kompatibbli mogħtija mill-awtoritajiet Taljani (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “l-għajnuna Taljana”) li kienet għadha ma ġietx irkuprata, mal-għajnuna approvata. |
(8) |
B’konsegwenza ta’ dan, il-Kummissjoni jkollha tieħu deċiżjoni finali ġdida. F’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti (7), il-Kummissjoni ma tistax ma tqisx l-informazzjoni li kellha dak iż-żmien, jiġifieri fil-21 ta' Ottubru 2008 (ara t-Taqsima “6.2.2. Qafas taż-żmien tal-analiżi”). |
2. DESKRIZZJONI
(9) |
L-għajnuna inkwistjoni hija għajnuna għar-ristrutturar. L-ammont previst tal-għajnuna huwa ta’ EUR 31 miljun. Din l-għotja ġejja mill-Ministeru Franċiż tal-Ekonomija, tal-Finanzi u tax-Xogħol. Il-benefiċjarju tal-għajnuna huwa FagorBrandt S.A., li għandu bosta sussidjarji li fi ħdanhom isiru l-attivitajiet ta’ produzzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni. |
(10) |
L-awtoritajiet Franċiżi jindikaw li, bir-riżorsi disponibbli, u fin-nuqqas ta’ għajnuna mill-Istat, FagorBrandt S.A. ma jkunx kapaċi jħabbat wiċċu mad-diffikultajiet li jinsab fihom. Skont Franza, l-għotja diretta ta’ EUR 31 miljun tippermetti li jitħallsu nofs il-ħlasijiet tar-ristrutturar (8). |
(11) |
Il-grupp FagorBrandt (minn hawn ’il quddiem “FagorBrandt”) huwa indirettament il-proprjetà tal-kumpanija Fagor Electrodomésticos S. Coop (minn hawn ’il quddiem “Fagor”), kooperattiva taħt il-liġi Spanjola. Il-kapital ta’ din il-kumpanija kooperattiva huwa mqassam bejn madwar 3 500 membru (impjegati-assoċjati), u l-ebda wieħed minnhom ma jista’ jkun fil-pussess ta’ aktar minn 25 % tal-kapital tal-kooperattiva. |
(12) |
Fagor stess hija parti minn grupp ta’ kooperattivi bl-isem ta’ Mondragón Corporación Cooperativa (minn hawn ’il quddiem “MCC”), li fi ħdanha kull kooperattiva żżomm l-awtonomija ġuridika u finanzjarja tagħha. Fagor tappartjeni għad-diviżjoni “Domestika” tal-grupp settorjali “Industrija” tal-MCC. |
(13) |
FagorBrandt kellha fatturat ta’ EUR 903 miljun fl-2007. Hija preżenti fl-oqsma kollha tal-apparat domestiku kbir, u b’hekk ikopri tliet gruppi kbar ta’ prodotti: il-ħasil (magni tal-ħasil tal-platti, magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ, magni tat-tnixxif tal-ħwejjeġ, magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ), it-tkessiħ (friġġijiet, chest freezers u friżers wieqfa) u t-tisjir (fran tradizzjonali, majkrowejvs, kukers, hobs, hoods). |
3. RAĠUNIJIET LI WASSLU GĦALL-FTUĦ TAL-PROĊEDURA
(14) |
Fid-deċiżjoni għall-ftuħ tal-proċedura, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar il-ħames raġunijiet li ġejjin: riskju ta’ evażjoni tal-projbizzjoni ta’ għoti ta’ għajnuna għar-ristrutturar lill-impriżi ġodda; riskju ta’ evażjoni tal-obbligu ta’ rimborż tal-għajnuna inkompatibbli; dubju dwar ir-ritorn tal-impriża għall-vijabilità fit-tul; insuffiċjenza tal-miżuri kompensatorji; dubju dwar il-limitazzjoni tal-għajnuna għall-minimu meħtieġ, u b’mod partikolari dwar il-kontribuzzjoni tal-benefiċjarju. |
3.1. Riskju ta’ evażjoni tal-projbizzjoni ta’ għoti ta’ għajnuna għar-ristrutturar lill-impriżi ġodda;
(15) |
Peress li FagorBrandt twaqqfet f’Jannar 2002, huwa kien, skont il-punt 12 tal-Linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi f’diffikultà (minn hawn ’il quddiem “il-linji gwida dwar l-għajnuniet għar-ristrutturar”) (9) impriża ġdida sa Jannar 2005, jiġifieri tliet snin wara li twaqqfet. Dan ifisser li kemm fil-mument meta l-impriża ibbenefikat mill-eżenzjoni fiskali li kienet prevista fl-Artikolu 44f tal-Kodiċi Ġenerali tat-Taxxa (minn hawn ’l quddiem imsejħa “l-għajnuna 44f”), kif ukoll fil-mument meta, f’Diċembru 2003, il-Kummissjoni ddikjarat li din l-għajnuna kienet inkompatibbli u ordnat l-irkupru tagħha (10), FagorBrandt kienet impriża ġdida. Skont il-punt 12 tal-linji gwida dwar l-għajnuniet għar-ristrutturar, ma kinitx eliġibbli għal għajnuna għar-ristrutturar. Għaldaqstant, il-fatt li meta l-impriża ma baqgħetx impriża ġdida u għalhekk saret eliġibbli biex tirċievi għajnuniet għar-ristrutturar, Franza kienet għadha ma rkupratx l-għajnuna li kienet iddikjarata bħala inkompatibbli f’Diċembru 2003 jista’ jitqies bħala evażjoni tal-projbizzjoni prevista fil-punt 12 tal-linji gwida dwar l-għajnuniet għar-ristrutturar. |
3.2. Riskju ta’ evażjoni tal-obbligu ta’ rimborż tal-għajnuna inkompatibbli
(16) |
Wara li osservat li deher li l-biċċa l-kbira tal-għajnuna nnotifikata kellha tintuża biex tiffinanzja r-rimborż tal-għajnuna 44f, il-Kummissjoni iddubitat jekk din l-għajnuna nnotifikata tikkostitwix evażjoni tal-obbligu ta’ rimborż ta’ din l-għajnuna inkompatibbli u jekk tneħħix is-sustanza u l-effett utli tal-irkupru ta’ din l-għajnuna. |
3.3. Dubji dwar il-vijabilità fit-tul tal-impriża
(17) |
Fir-rigward tar-ritorn tal-impriża għall-vijabilità fit-tul, il-Kummissjoni esprimiet żewġ dubji. Minn naħa, wara li osservat li l-fatturat mistenni għall-2007 żdied b’madwar 20 % meta mqabbel ma’ dak tas-sena ta’ qabel, il-Kummissjoni staqsiet fuq liema elementi kien ibbażat dan it-tbassir. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni nnutat li l-pjan għar-ristrutturar ma kienx jindika kif FagorBrandt kienet se tagħmel biex tiffaċċja r-rimborż tal-għajnuna inkompatibbli li ngħatat lis-sussidjarja Taljana tagħha. |
3.4. Insuffiċjenza tal-miżuri kompensatorji
(18) |
Il-Kummissjoni esprimiet ukoll xi dubji jekk in-nuqqas ta’ implimentazzjoni tal-miżuri kompensatorji addizzjonali flimkien ma’ dawk li diġà ttieħdu fil-qafas tal-pjan għar-ristrutturar kienx aċċettabbli. Il-Kummissjoni fakkret li:
|
3.5. Dubji dwar il-kontribuzzjoni tal-benefiċjarju
(19) |
Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar jekk il-kundizzjonijiet previsti fil-punti 43 u 44 tal-linji gwida dwar l-għajnuniet għar-ristrutturar ġewx sodisfatti. Minn naħa, l-awtoritajiet Franċiżi ma inkludewx ir-rimborż tal-għajnuna 44f fl-ispejjeż għar-ristrutturar u, min-naħa l-oħra, l-awtoritajiet Franċiżi ma spjegawx minn fejn kienu ġejjin ċerti ammonti mniżżlin bħala “sforz proprju tal-benefiċjarju”. |
4. OSSERVAZZJONIJIET TAL-PARTIJIET INTERESSATI
4.1. Osservazzjonijiet tal-impriża Electrolux
(20) |
Electrolux tindika li sabiex tiffaċċja l-isfidi tal-kompetizzjoni dinjija, hija implimentat xi pjanijiet għar-ristrutturar kbar u għaljin ħafna. Sabiex tibqa’ kompetittiva, l-impriża kienet obbligata tieħu miżuri drastiċi bħall-għeluq ta’ tmien fabbriki fl-Ewropa tal-Punent, il-produzzjoni tagħhom tressqet prinċipalment lejn fabbriki oħra li jeżistu fl-Ewropa u lejn fabbriki ġodda fil-Polonja u fl-Ungerija. Il-maġġoranza tal-impriżi tas-settur “apparat domestiku kbir” għamlu operazzjonijiet għar-ristrutturar simili. B’konsegwenza ta’ dan, din l-impriża tilmenta dwar il-fatt li FagorBrandt tista’ tieħu sussidju biex tiffaċċja sitwazzjoni li l-bqija tas-settur għandu jaffronta mingħajr ma jirċievi għajnuna simili. L-għajnuna tikkostitwixxi distorsjoni tal-kompetizzjoni b’dannu għal impriżi oħra. |
4.2. Osservazzjonijiet tat-tieni kompetitur
(21) |
L-ewwel nett, dan il-kompetitur, li jixtieq jibqa’ anonimu, iqis li l-għajnuna ppjanifikata mhux se tippermetti li l-impriża terġa’ tistabbilixxi l-vijabilità fit-tul. Huwa jqis li riorganizzazzjoni industrijali sostanzjali hija meħtieġa biex tiżgura s-sopravivenza tal-impriża. Madankollu, dan il-kompetitur iqis li FagorBrandt mhux se jkollha mezzi biex tiffinanzja l-investimenti meħtieġa. L-għajnuna lanqas ma hi se tippermetti li FagorBrandt tilħaq id-daqs meħtieġ biex ittejjeb il-pożizzjoni tagħha fin-negozjati fir-rigward tad-distributuri kbar li jippreferu l-fornituri li għandhom preżenza aktar importanti importanti fl-Unjoni Ewropea. |
(22) |
It-tieni nett, il-kompetitur iqis li l-għajnuna mhijiex limitata għall-minimu meħtieġ għaliex FagorBrandt tista’ tikseb il-finanzjamenti meħtieġa għar-ristrutturar tagħha mill-azzjonist tagħha u mill-kooperattiva (jiġifieri l-MCC, li jagħmel parti minnha l-bank Caja Laboral) li lilha jappartjeni dan tal-aħħar. |
(23) |
It-tielet nett, il-kompetitur iqis li l-għajnuna x’aktarx taffettwa l-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Minn naħa, il-maġġoranza tal-impriżi tas-settur jipproduċu fl-Ewropa u għalhekk jistgħu jitqiesu bħala Ewropej. Il-kompetituri Ażjatiċi u Torok huma preżenti b’mod sinifikanti biss fuq ċerti prodotti. Min-naħa l-oħra, FagorBrandt hijaa l-ħames l-akbar attur fuq il-livell Ewropew u għandha pożizzjoni b’saħħitha fis-swieq Franċiżi, Spanjoli u Pollakki. B’konsegwenza ta’ dan, il-kompetitur iqis li, fin-nuqqas ta’ miżuri kompensatorji, l-għajnuna ma tkunx tista’ tiġi ddikjarata kompatibbli mill-Kummissjoni. |
(24) |
Ir-raba’ nett, l-għotja fil-passat ta’ għajnuniet illegali minn Franza u l-Italja jwasslu għal żewġ konklużjonijiet: minn naħa, id-diffikultajiet ta’ FagorBrandt huma rikorrenti, u dan jitfa’ dubju fuq il-vijabilità tagħha; min-naħa l-oħra, l-għajnuna nnotifikata probabbilment tintuża għar-rimborż tal-għajnuniet illegali, u b’hekk tkun qiegħda ssir evażjoni tar-rimborż. |
4.3. Osservazzjonijiet ta’ FagorBrandt
(25) |
L-osservazzjonijiet ta’ FagorBrandt huma simili għall-osservazzjonijiet tal-awtoritajiet Franċiżi, li huma miġbura fil-qosor hawn taħt. |
5. KUMMENTI TA’ FRANZA
5.1. Kummenti ta’ Franza dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura
(26) |
Fir-rigward ta’ evażjoni possibbli tal-projbizzjoni tal-għotjiet ta’ għajnuniet għar-ristrutturar għall-impriżi ġodda, l-awtoritajiet Franċiżi ma jikkuntestawx il-fatt li FagorBrandt għandha tiġi kkunsidrata bħala “impriża ġdida” matul it-tliet snin mit-twaqqif tagħha b’mod konformi mal-punt 12 tal-linji gwida dwar l-għajnuniet għar-ristrutturar. Madankollu, huma josservaw li l-kwistjoni tal-possibbiltà ta’ għajnuna għar-ristrutturar għall-benefiċċju ta’ FagorBrandt bdiet tiġi kkunsidrata biss fl-2006 wara d-diffikultajiet li ħabbtet wiċċha magħhom mill-2004 u minħabba d-deterjorazzjoni tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħha mill-2005, jiġifieri matul il-ħames sena tal-eżistenza tagħha. Fi kliem ieħor, l-impriża ma kellhiex raġunijiet biex titlob għal għajnuna għar-ristrutturar qabel ma kienet f’sitwazzjoni li tiġġustifika din l-għajnuna, jiġifieri fl-2006. B’konsegwenza ta’ dan, ma hemm l-ebda kwistjoni dwar evażjoni possibbli tar-Regolament tat-“tliet snin”. |
(27) |
Fir-rigward tal-possibbiltà li l-għajnuna nnotifikata tneħħi l-effett utli tal-obbligu ta’ rimborż, Franza tfakkar li l-impriża mhijiex f’diffikultà biss minħabba r-rimborż tal-għajnuna. Id-diffikultajiet finanzjarji fil-fatt bdew fl-2004 u s-sitwazzjoni marret ħafna għall-agħar fl-2005 u l-2006. Kif ikkonkludiet il-Kummissjoni fid-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura, l-impriża hija tassew f’diffikultà skont il-linji gwida dwar l-għajnuniet għar-ristrutturar. Minn dan Franza tikkonkludi li l-impriża hija, skont dan, eliġibbli għal għajnuna għar-ristrutturar jekk il-kundizzjonijiet l-oħra għal għajnuna bħal din jkunu sodisfatti wkoll. Ma hemm l-ebda kwistjoni jekk l-impriża jirnexxiliex tasal sas-sena 2007 jew l-2008 jekk ma jkollhiex tħallas lura l-għajnuna, għaliex ir-rimborż tal-għajnuna huwa obbligatorju, u dan ħareġ mid-deċiżjoni negattiva tal-Kummissjoni dwar l-iskema tal-Artikolu 44f fl-2003. Għalhekk hija tassew l-akkumulazzjoni tad-diffikultajiet finanzjarji li tiġġustifika t-talba għall-għajnuna, diffikultajiet li ġejjin mill-ispejjeż għar-ristrutturar diġà mħallsa mill-impriża, min-nuqqas ta’ finalizzazzjoni tar-ristrutturar u wkoll mill-ispejjeż kollha l-oħra li l-impriża għandha tqis, u dan jinkludi r-rimborż tal-għajnuna. |
(28) |
Rigward ir-ritorn għall-vijabilità fit-tul u ż-żewġ dubji relatati li jissemmew fid-deċiżjoni tal-ftuħ, l-awtoritajiet Franċiżi josservaw l-elementi li ġejjin. Fir-rigward tat-tbassir dwar iż-żieda b’20 % tal-fatturat tal-2007 meta mqabbel mas-sena finanzjarja 2006, dan jista’ jiġi spjegat prinċipalment mill-modifikazzjoni tal-medda tal-attivitajiet ta’ FagorBrandt li saret fl-2006. Fir-rigward tan-nuqqas ta’ konsiderazzjoni tar-rimborż tal-għajnuna illegali mogħtija lis-sussidjarja Taljana (allokata fil-qafas tat-teħid ta’ kontroll tal-attivitajiet tal-apparati domestiċi ta’ Ocean Spa minn Brandt Italia), l-awtoritajiet Franċiżi jindikaw li dan ir-rimborż ma għandux jaffettwa l-vijabilità tal-impriża, meta jitqies li l-ammont li fl-aħħar għandu jitħallas minn Brandt Italia għandu jkun inqas minn EUR 200 000, peress li l-bilanċ huwa mħallas mill-bejjiegħ tal-attivitajiet inkwistjoni. |
(29) |
Fir-rigward tan-nuqqas ta’ miżuri kompensatorji, Franza tirrepeti li l-impriża kienet diġà biegħet il-kumpanija Brandt Components fl-2004 (is-sit ta’ Nevers). Min-naħa l-oħra, il-kumpanija naqset il-kapaċità ta’ produzzjoni tagħha billi waqfet il-produzzjoni ta’ chest freezers u ta’ majkrowejvs għalihom waħidhom. L-awtoritajiet Franċiżi jfakkru wkoll li l-għajnuna wasslet għal distorsjoni żgħira ħafna, u dan inaqqas il-ħtieġa ta’ miżuri kompensatorji. Fil-fatt, FagorBrandt għandha anqas minn [0-5] % (*) tas-sehem tas-suq fil-livell Ewropew, li huwa ammont żgħir ħafna meta mqabbel mal-kompetituri ewlenin tagħha. L-awtoritajiet Franċiżi jqisu wkoll li l-preżenza tal-impriża fis-suq tippermetti li jiġu evitati sitwazzjonijiet ta’ oligopolju. Matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, l-awtoritajiet Franċiżi pproponew li jimplimentaw xi miżuri kompensatorji addizzjonali. |
(30) |
Fir-rigward tad-dubji tal-Kummissjoni dwar il-limitazzjoni tal-għajnuna għall-minimu u l-kontribuzzjoni proprja tal-benefiċjarju, l-awtoritajiet Franċiżi josservaw l-elementi li ġejjin. Fir-rigward tan-nuqqas ta’ konsiderazzjoni tar-rimborż tal-għajnuna fl-ispejjeż għar-ristrutturar, huma jindikaw li r-rimborż ta’ għajnuna inkompatibbli ma jistax ikun, a priori, ikkwalifikat bħala spejjeż għar-ristrutturar. Fir-rigward tal-“isforz proprju tal-benefiċjarju” kif imsemmi fin-notifika, l-awtoritajiet Franċiżi jispjegaw li dan kien self mill-bank. |
5.2. Kummenti ta’ Franza dwar l-osservazzjonijiet tal-partijiet interessati
(31) |
Fir-rigward tal-kummenti ta’ Electrolux, Franza tenfasizza li l-miżuri għar-ristrutturar li ttieħdu minn Electrolux u minn kompetituri oħra ma kellhomx l-iskop li jirranġaw is-sitwazzjoni ekonomika diffiċli iżda li jsaħħu pożizzjoni fis-suq tal-apparat domestiku kbir. Għaldaqstant, Franza tqis li s-sitwazzjonijiet ta’ FagorBrandt u l-kompetituri tagħha, li barra minn hekk għandhom mezzi finanzjarji ħafna akbar minħabba li huma ta’ daqs akbar, ma humiex komparabbli. |
(32) |
Fir-rigward tal-kummenti dwar il-vijabilità fit-tul ta’ FagorBrandt mill-impriża li talbet li tibqa’ anonima, l-awtoritajiet Franċiżi jenfasizzaw, l-ewwel nett, li FagorBrandt ħadet xi miżuri li għall-ewwel kellhom l-iskop li “jwaqqfu t-telf u jsaħħu l-marġini ta’ qligħ sabiex tkun tista’, fl-aħħar, tilħaq pożizzjoni aħjar fis-suq, b’mod partikolari bl-iżvilupp ta’ […]”. |
(33) |
Fir-rigward tal-affermazzjoni li l-għajnuna mhijiex limitata għall-minimu għaliex FagorBrandt tista’ ssib finanzjament mill-azzjonisti tagħha, l-awtoritajiet Franċiżi jenfasizzaw li l-MCC mhijiex kumpanija holding iżda moviment kooperattiv. F’dan il-moviment kooperattiv, kull kooperattiva inkluża Fagor jew il-bank Caja Laboral hija indipendenti u tiddependi fuq id-deċiżjonijiet tal-ħaddiema-kooperaturi proprji tagħha, li huma l-proprjetarji. Għalhekk, FagorBrandt tista’ biss tiddependi fuq l-appoġġ finanzjarju ta’ Fagor, li hija limitata għall-kapaċitajiet attwali ta’ din tal-aħħar. L-akkwist ta’ FagorBrandt naqqas il-marġini ta’ manuvrar ta’ Fagor fil-fondi u Fagor illum ma tistax tapprova finanzjamenti aktar għoljin minn ċertu livell. |
(34) |
It-tielet nett, b’risposta għall-effetti negattivi preżunti fuq il-kompetizzjoni, l-awtoritajiet Franċiżi nnutaw xi kontradizzjonijiet fl-osservazzjonijiet tal-parti interessata li talbet li tibqa’ anonima. Minn naħa din tal-aħħar tafferma li l-għajnuna tista’ taffettwa l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq Ewropew. Min-naħa l-oħra, hija tafferma li FagorBrandt għandha daqs żgħir wisq meta mqabbel mal-impriżi ewlenin, u dan ipoġġi l-vijabilità tagħha fil-periklu. Barra minn hekk, fir-rigward tan-nuqqas ta’ miżuri kompensatorji, l-awtoritajiet Franċiżi jfakkru li huma diġà implimentaw xi miżuri kompensatorji validi u li qegħdin jipproponu li jimplimentaw oħrajn ġodda. |
(35) |
Ir-raba’ nett, b’risposta għall-affermazzjonijiet ibbażati fuq l-għotjiet fil-passat ta’ għajnuniet illegali minn Franza u l-Italja, Franza tfakkar li dawn l-għajnuniet illegali ma kinux qegħdin jimmiraw għal programm ta’ ristrutturar tal-impriża iżda sistema bl-iskop li tiffavorixxi ż-żamma tax-xogħol fit-territorju. Barra minn hekk, Franza tenfasizza, fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta fis-17 ta’ Diċembru 2007 lill-Kummissjoni minn FagorBrandt, li ma hemm l-ebda relazzjoni reali bejn l-ammont tal-għajnuna allokata (madwar EUR 20 miljun ta’ għajnuna netta wara t-taxxa) u l-ammont tal-għajnuna inkompatibbli (madwar EUR 27,3 miljun wara l-kalkolu tal-imgħax). Barra minn hekk, l-ispejjeż għar-ristrutturar ġew evalwati għal EUR 62,5 miljun u għalhekk huma ħafna aktar mill-ammont mitlub tal-għajnuna għar-ristrutturar. Fl-aħħar nett, huma jfakkru fin-natura funġibbli tal-infiq. |
(36) |
Fir-rigward tal-kummenti li ssottomettiet FagorBrandt lill-Kummissjoni, l-awtoritajiet Franċiżi jindikaw li huma jaqblu mal-elementi ta’ kjarifika, aktar u aktar minħabba li dawn ġew ippreżentati bħala suppliment għall-osservazzjonijiet tagħhom stess. |
6. EVALWAZZJONI TAL-GĦAJNUNA
6.1. Eżistenza ta’ għajnuna skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE
(37) |
Il-Kummissjoni tqis li l-miżura tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE. Hija tieħu l-forma ta’ għotja mill-gvern Franċiż u b’konsegwenza ta’ dan hija ffinanzjata mir-riżorsi tal-Istat u attribwibbli għall-Istat. Il-miżura tindirizza b’mod uniku lil FagorBrandt u għalhekk hija selettiva. L-għotja tiffavorixxi lil FagorBrandt billi ttiha riżorsi addizzjonali u tevitaha milli twaqqaf l-attivitajiet tagħha. Għalhekk, din il-miżura thedded li toħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni bejn il-produtturi ta’apparat domestiku kbir. Fl-aħħar nett, is-suq tal-apparat domestiku kbir huwa kkaratterizzat minn kummerċ importanti bejn l-Istati Membri. B’konsegwenza ta’ dan, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżura nnotifikata tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Franza ma tikkontestax din il-konklużjoni. |
6.2. Bażi ġuridika tal-evalwazzjoni
6.2.1. Bażi ġuridika tal-kompatibilità tal-għajnuna
(38) |
L-Artikolu 107(2 u 3) tat-TFUE jipprevedi xi derogi għall-inkompatibilità ġenerali prevista fil-paragrafu 1 tal-istess Artikolu. Id-derogi previsti fl-Artikolu 107(2) tat-TFUE mhumiex applikabbli b’mod ċar f’dan il-każ. |
(39) |
Fir-rigward tad-derogi previsti fl-Artikolu 107(3) tat-TFUE, il-Kummissjoni tosserva li peress li l-għan tal-għajnuna mhuwiex reġjonali u d-deroga tal-punt b) tal-paragrafu inkwistjoni mhijiex applikabbli b’mod ċar, tapplika biss id-deroga stabbilita fil-punt c). Dan jipprevedi l-awtorizzazzjoni tal-għajnuniet mill-Istat li għandhom l-iskop li jiffaċilitaw l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet ekonomiċi, meta dawn ma jbiddlux il-kundizzjonijiet tal-kummerċ b’mod li jmur kontra l-interess komuni. F’dan il-kuntest, huwa ċar li l-għajnuniet ingħataw bl-iskop li tiġi rrestawrata l-vijabilità fit-tul ta’ impriża f’diffikultà. Il-Kummissjoni wriet kif tevalwa l-kompatibilità ta’ għajnuniet bħal dawn fil-linji gwida dwar l-għajnuniet għar-ristrutturar. Għalhekk huma dawn tal-aħħar li se jintużaw bħala bażi ġuridika għall-evalwazzjoni. Il-Kummissjoni tqis li ma jista’ japplika ebda qafas Komunitarju ieħor għall-każ preżenti. Barra minn hekk, Franza ma invokat l-ebda deroga oħra tat-TFUE. Barra minn hekk, l-ebda parti interessata ma kkritikat l-għażla ta’ din il-bażi ġuridika, li diġà tħabbret fid-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura. |
6.2.2. Qafas taż-żmien tal-analiżi
(40) |
Sabiex tkun konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti (13), il-Kummissjoni trid, wara li tirrevoka waħda mid-deċiżjonijiet tagħha, tibbaża l-analiżi l-ġdida tagħha b’mod esklużiv fuq l-informazzjoni li kellha fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni rrevokata, li f’dan il-każ huwa l-21 ta’ Ottubru 2008. |
(41) |
Għaldaqstant, l-avvenimenti sussegwenti li setgħu ġraw mill-21 ta’ Ottubru 2008 ma għandhomx jitqiesu. It-tibdil jew l-evoluzzjonijiet tas-suq jew li jikkonċernaw is-sitwazzjoni tal-benefiċjarju tal-għajnuna jridu jiġu esklużi mill-analiżi. Bl-istess mod, il-Kummissjoni ma tqisx il-perjodu tat-twettiq tal-pjan ta’ ristrutturar lil hinn minn Ottubru 2008 (14). |
(42) |
Bl-istess mod, il-Kummissjoni ma għandiex l-obbligu li tibda l-investigazzjoni tal-każ mill-bidu, u lanqas li tlestih permezz ta’ għarfien tekniku espert ġdid (15). L-annullament ta’ att li jtemm proċedura amministrattiva li tiġbor fiha fażijiet differenti ma jagħtix neċessarjament lok għall-annullament tal-proċedura kollha. F’każijiet bħal dawn meta, minkejja l-fatt li jittieħdu miżuri ta’ investigazzjoni li jippermettu analiżi eżawrjenti tal-kompatibilità tal-għajnuna l-analiżi mwettqa mill-Kummissjoni ma tkunx kompluta u għalhekk tikkawża l-illegalità tad-deċiżjoni, il-proċedura maħsuba biex tibdel din id-deċiżjoni tista’ ssir abbażi tal-miżuri ta’ investigazzjoni li jkunu diġà twettqu (16). |
(43) |
Barra minn hekk, ġaladarba l-Kummissjoni jkollha tibbaża l-analiżi ġdida tagħha b’mod esklużiv fuq informazzjoni li hi kellha f’Ottubru 2008, informazzjoni li l-awtoritajiet Franċiżi u FagorBrandt diġà ħadu pożizzjoni dwarha, ma hemmx bżonn li jerġgħu jiġu kkonsultati (17). Fl-aħħar nett, id-dritt li partijiet terzi kkonċernati jesponu l-osservazzjonijiet tagħhom ġie żgurat permezz tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura fil-Ġurnal Uffiċjali (18) u l-ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 659/1999 ma timponi li dawn għandhom jingħataw din il-possibbiltà mill-ġdid meta l-operazzjoni inizjali tkun ġiet emendata matul l-investigazzjoni (19). |
(44) |
Għaldaqstant, id-deċiżjoni preżenti hija bbażata biss fuq l-elementi disponibbli fid-data tal-21 ta’ Ottubru 2008. |
6.3. Eliġibilità tal-impriża għall-għajnuniet għar-ristrutturar
(45) |
Sabiex tibbenefika minn għajnuniet għar-ristrutturar, l-impriża għandha, l-ewwel nett, tkun tista’ titqies bħala impriża f’diffikultà, kif stabbilit fit-Taqsima 2.1 tal-linji gwida dwar l-għajnuniet għar-ristrutturar. |
(46) |
Fil-punt 24 tad-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura, il-Kummissjoni indikat li l-impriża dehret f’diffikultà skont il-punt 11 tal-linji gwida dwar l-għajnuniet għar-ristrutturar. Fil-punt 27 tad-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura, il-Kummissjoni indikat ukoll li, b’mod konformi mal-punt 13 tal-linji gwida dwar l-għajnuniet għar-ristrutturar, id-diffikultajiet tal-impriża kienu saru serji wisq biex ikunu jistgħu jiġu ffinanzjati mill-azzjonist Spanjol tagħha. Għall-kuntrarju ta’ din l-evalwazzjoni preliminari, il-kompetitur li talab li jibqa’ anonimu jqis li FagorBrandt setgħet tikseb l-appoġġ finanzjarju meħtieġ biex tiffaċċja d-diffikultajiet tagħha minn Fagor u MCC. Għaldaqstant, għandu jiġi analizzat jekk l-evalwazzjoni preliminari li saret fid-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura għandhiex tiġi emendata. Il-Kummissjoni tosserva li l-kompetitur jibbaża l-affermazzjoni tiegħu fuq artiklu li deher fl-istampa (20) li donnu jindika li Fagor tista’ faċilment tiġġenera fondi mis-swieq finanzjarji. Madankollu, il-Kummissjoni tosserva li dan l-artiklu ġie ppubblikat f’April 2005 u li s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ Fagor marret ħafna għall-agħar wara din id-data. L-awtoritajiet Franċiżi jfakkru f’dan ir-rigward li d-djun finanzjarji ta’ Fagor (eskluża l-konsolidazzjoni tad-djun ta’ FagorBrandt) ittriplaw fl-2005, b’mod partikolari wara l-akkwist tat-titoli ta’ FagorBrandt u wara investimenti industrijali kbar minn Fagor. Barra minn hekk, Fagor investiet EUR 26,9 miljun ta’ kapital f’FagorBrandt fl-2006. Dawn l-elementi kollha kważi ħlew il-kapaċità tal-kooperattiva li tħallas id-dejn, li għandha proporzjonijiet ta’ dejn li qabżu sew il-limiti li ġeneralment huma awtorizzati. |
(47) |
Barra minn hekk, l-awtoritajiet Franċiżi spjegaw li Fagor, l-uniku azzjonarju tal-grupp FagorBrandt, hija kooperattiva ta’ ħaddiema-assoċjati taħt il-liġi Spanjola. Il-kapital tagħha jinqasam bejn madwar 3 500 membru li huma esklużivament impjegati-assoċjati, u l-ebda wieħed minnhom ma jista’ jkun fil-pussess ta’ aktar minn 25 % tal-kapital tal-kooperattiva. |
(48) |
Minħabba din il-forma ġuridika, Fagor ma tistax timxi għal żidiet fil-kapital miftuħa għal abbonati terzi. Il-kooperattiva tista żżid il-kapital tagħha biss billi ddur għall-membri tagħha stess, li għandhom kapaċitajiet finanzjarji limitati għat-tfaddil personali tagħhom. L-unika possibilità li għandha biex tiffinanzja l-iżvilupp tagħha hi li tissellef mill-banek jew li toħroġ bonds. |
(49) |
MCC hija kombinament ta’ kooperattivi li Fagor tagħmel parti minnhom. Fi ħdan dan il-kombinament, kull kooperattiva żżomm l-awtonomija ġuridika u finanzjarja tagħha. Fi kliem ieħor, ma hemm l-ebda relazzjoni finanzjarja bejn Fagor u MCC. Għalhekk, MCC mhijiex kumpanija holding iżda moviment kooperattiv. Kull kooperattiva inkluża f’dan il-kombinament, bħal Fagor jew il-bank Caja Laboral, hija indipendenti u tiddependi fuq deċiżjonijiet mill-ħaddiema-kooperaturi proprji tagħha, li huma l-proprjetarji. Għalhekk, ir-relazzjonijiet bejn MCC u l-membri tagħha ma jistgħux jitqiesu bħal dawk bejn grupp finanzjarju tradizzjonali. |
(50) |
B’konsegwenza ta’ dan, minħabba l-foma ġuridika tagħha, MCC ma setgħetx issib fondi bħal kumpanija pubblika, u ma tistax titqies bħala kumpanija prinċipali fis-sens tal-punt 13 tal-linji gwida dwar l-għajnuniet għar-ristrutturar. Għalhekk, FagorBrandt kellha tiddependi biss fuq l-appoġġ tal-kumpanija prinċipali tagħħa, Fagor, fil-limiti tal-kapaċitajiet tagħha li tikkontribwixxi. |
(51) |
Il-Kummissjoni għalhekk tqis li mhux meħtieġ li tiġi riveduta l-evalwazzjoni li saret fid-deċiżjoni tal-ftuħ dwar l-eliġibilità tal-impriża fuq il-bażi tal-punti 11 u 13 tal-linji gwida dwar l-għajnuniet għar-ristrutturar. |
(52) |
Fir-rigward tal-eliġibilità tal-impriża abbażi tal-kundizzjonijiet stabbiliti fit-Taqsima 2.1 tal-linji gwida dwar l-għajnuniet għar-ristrutturar, id-deċiżjoni tal-ftuħ twassal għal dubju wieħed biss, li huwa l-evażjoni possibbli tal-projbizzjoni tal-għajnuna għar-ristrutturar għall-impriżi ġodda (ara t-Taqsima 3 “Raġunijiet li wasslu għall-ftuħ tal-proċedura”). |
(53) |
Il-Kummissjoni analizzat is-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriża, li hija spjegata fit-Tabella Nru 1 hawn taħt. Jidher b’mod ċar li, matul l-ewwel tliet snin ta’ eżistenza tagħha, l-impriża, minkejja li kienet ħallset lura l-għajnuna 44f, ma kinitx tissodisfa l-kriterji previsti fil-punti 10 u 11 tal-linji gwida dwar l-għajnuniet għar-ristrutturar sabiex titqies f’diffikultà: fir-rigward tal-punt 10 tal-linji gwida dwar l-għajnuniet għar-ristrutturar, jidher li, minkejja li l-impriża kienet ħallset lura l-għajnuna ta’ EUR 22,5 miljun mill-2004 (jiġifieri fix-xhur wara d-Deċiżjoni finali negattiva tal-Kummissjoni), hija kienet għadha ma tilfitx nofs il-fondi proprji tagħha fl-2004. Fir-rigward tal-punt 11 tal-linji gwida għar-ristrutturar, minkejja li l-impriża kienet ħallset lura l-għajnuna ta’ EUR 22,5 miljun mill-2004, hija kellha biss sena waħda li fiha sar telf (2004), u dan mhuwiex biżżejjed sabiex titqies f’diffikultà abbażi ta’ dan il-punt. Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li d-diffikultajiet finanzjarji tal-grupp FagorBrandt marru għall-agħar mis-sena 2005, b’mod li l-impriża setgħet titqies bħala impriża f’diffikultà skont il-linji gwida dwar l-għajnuniet għar-ristrutturar (jiġifieri impriża li, “fin-nuqqas ta’ intervent estern mill-awtoritajiet pubbliċi” timxi “lejn mewta ekonomika kważi ċerta fuq żmien qasir jew medju”) mingħajr dubju mis-sena ta’ wara (filwaqt li jitqies l-obbligu li titħallas lura l-għajnuna 44f) u ċertament fl-2007. Tabella 1
|
(54) |
Il-Kummissjoni nnutat ukoll li, matul l-ewwel semestru tas-sena 2005, il-grupp Fagor ħa d-deċiżjoni li jixtri 90 % tal-ishma tal-impriża bi prezz ta’ EUR [150-200] miljun. Dan juri li s-suq ma kienx iqis li l-impriża kienet f’diffikultà skont il-linji gwida dwar l-għajnuniet għar-ristrutturar, jiġifieri impriża li, fin-nuqqas ta’ intervent estern tal-awtoritajiet pubbliċi, qiegħda timxi lejn mewta ekonomika kważi ċerta fuq żmien qasir jew medju. |
(55) |
Fuq il-bażi ta’ dak li ntqal qabel, il-Kummissjoni tqis li l-impriża, li twaqqfet f’Jannar 2002, ma setgħetx titqies f’diffikultà matul l-ewwel tliet snin tal-eżistenza tagħha, anke jekk kienet ħallset lura l-għajnuna 44f minnufih. Għaldaqstant, hija tqis li l-fatt li f’Jannar 2005 Franza kienet għadha ma rkupratx l-għajnuniet 44f – jiġifieri tliet snin wara t-twaqqif ta’ FagorBrandt – ma kellux l-effett li jżomm impriża ħajja b’mod artifiċjali, li, fin-nuqqas ta’ dan, kienet toħroġ mis-suq. Hija tqis ukoll li matul dan il-perjodu, l-impriża ma kellhiex raġuni biex titlob għajnuna għar-ristrutturar. Fuq il-bażi ta’ dak li ntqal qabel, il-Kummissjoni tqis li l-fatt li f’Jannar 2005 Franza kienet għadha ma rkupratx l-għajnuniet 44f ma jikkostitwix evażjoni tal-projbizzjoni tal-għajnuna għar-ristrutturar favur l-impriżi ġodda skont il-punt 12 tal-linji gwida għar-ristrutturar. |
(56) |
B’konklużjoni, id-dubji dwar l-eliġibilità tal-impriża twarrbu u l-Kummissjoni tqis li l-kundizzjonijiet previsti fit-Taqsima 2.1 tal-linji gwida dwar l-għajnuniet għar-ristrutturar huma sodisfatti. |
6.4. Dispożizzjonijiet fir-rigward tal-għajnuniet illegali u inkompatibbli
6.4.1. L-għajnuna mogħtija minn Franza
(57) |
Fuq il-bażi tal-punt 23 tal-linji gwida dwar l-għajnuniet għar-ristrutturar u mill-fatt li l-għajnuna nnotifikata tidher li fil-biċċa l-kbira tagħha tintuża biex tiffinanzja r-rimborż tal-għajnuna 44f, fil-punt 30 tad-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura l-Kummissjoni indikat li kellha dubji jekk l-għajnuna nnotifikata kinitx tikkostitwixxi evażjoni mill-obbligu ta’ rimborż u tneħħix is-sustanza u l-effett utli ta’ dan tal-aħħar. |
(58) |
Fl-evalwazzjoni tagħha ta’ din il-kwistjoni, il-Kummissjoni qieset l-elementi li ġejjin. |
(59) |
L-ewwel nett, skont ġurisprudenza kostanti, ir-rimborż ta’ għajnuniet inkompatibbli bl-imgħax jippermetti li terġa’ tiġi stabbilita s-sitwazzjoni li kienet teżisti qabel ma ngħatat l-għotja tal-għajnuna u għalhekk tiġi eliminata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni li din tikkawża. Għaldaqstant, f’dan il-każ, ir-rimborż tal-għajnuna 44f bl-imgħax – li l-ħlas tal-għajnuna l-ġdida hija subordinata għalih – għandu jerġa’ jistabbilixxi s-sitwazzjoni li kien hemm qabel l-għotja tagħha. |
(60) |
It-tieni nett, l-impriża hija eliġibbli għal għajnuniet għar-ristrutturar. Fil-fatt, l-ewwel nett, id-diffikultajiet finanzjarji tal-impriża mhumiex ġejjin prinċipalment mir-rimborż tal-għajnuna inkompatibbli. Dawn ġejjin minn sorsi oħra, li huma l-kawża tat-telf li sar mill-2004 (ara t-Tabella 1). Ir-rimborż fil-futur tal-għajnuna inkompatibbli jiggrava biss dawn id-diffikultajiet sa’ punt fejn l-impriża ma tkunx tista’ tiffaċċjahom aktar mingħajr l-għajnuna mill-Istat. It-tieni nett, ġie implimentat pjan għar-ristrutturar tal-attivitajiet li l-ispiża tiegħu kienet ta’ EUR 62,5 miljun. Dan juri li r-ristrutturar operattiv meħtieġ sabiex terġa’ tiġi stabbilita l-profitabilità tal-attivitajiet jikkawża spejjeż kbar ħafna, akbar mir-rimborż tal-għajnuna 44f li hija ta’ EUR 22,5 miljun, bl-imgħaxijiet mhux inklużi. Dawn l-elementi juru li FagorBrandt hija impriża f’diffikultà li l-eżistenza tagħha tinsab fil-periklu. Għalhekk tista’, bħal kull impriża f’sitwazzjoni bħal din, tibbenefika minn għajnuniet għar-ristrutturar jekk tissodisfa l-kundizzjonijiet l-oħra previsti mill-linji gwida dwar l-għajnuniet għar-ristrutturar. |
(61) |
It-tielet nett, fid-Deċiżjoni tagħha tal-1991 dwar il-każ Deggendorf (21), li josserva li l-“għajnuniet allokati b’mod illegali li Deggendorf ilha tirrifjuta li tħallas lura mill-1986 u l-għajnuniet ġodda (…) għandhom bħala effett akkumulat li jagħtu lil din il-kumpanija vantaġġ eċċessiv u indebitu li jbiddel il-kundizzjonijiet tal-kummerċ b’mod kuntrarju għall-interess komuni”, il-Kummissjoni kkunsidrat l-għajnuniet ġodda huma kompatibbli bil-kundizzjoni li “l-awtoritajiet (…) huma obbligati li jwaqqfu l-ħlas tal-għajnuniet lill-kumpanija Deggendorf (…)sakemm ikunu għadhom ma pproċedewx għall-irkupru tal-għajnuniet inkompatibbli (…)”. Fis-sentenza tagħha tal-15 ta’ Mejju 1997 (22), il-Qorti tal-Ġustizzja approvat l-approċċ adottat mill-Kummissjoni. Minn dak iż-żmien, il-Kummissjoni adottat bosta deċiżjonijiet li fihom tuża l-istess approċċ, jiġifieri tikkunsidra li għajnuna ġdida hija kompatibbli filwaqt li tobbliga t-twaqqif tal-ħlas tagħha sakemm titħallas lura l-għajnuna illegali (23). Il-Kummissjoni tosserva li f’dan il-każ, sakemm l-għajnuna ġdida tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fil-linji gwida dwar l-għajnuniet għar-ristrutturar, ma jidher li hemm l-ebda element li jopponi l-applikazzjoni tal-approċċ meħud fil-każ Deggendorf, jiġifieri li l-għajnuna ġdida titqies kompatibbli bil-kundizzjoni li l-ħlas tagħha jkun sospiż sal-irkupru tal-għajnuna 44f. |
(62) |
Fuq il-bażi tal-konsiderazzjonijiet imsemmijin qabel, id-dubji tal-Kummissjoni twarrbu. |
(63) |
F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tixtieq tippreċiża dan li ġej. Il-punt 23 tal-linji gwida dwar l-għajnuniet għar-ristrutturar jobbliga lill-Kummissjoni, fil-qafas tal-investigazzjoni ta’ għajnuna għar-ristrutturar, li “tikkunsidra, l-ewwel nett, l-effett akkumulat tal-għajnuna li ngħatat qabel u tal-għajnuna l-ġdida, it-tieni nett, il-fatt li l-għajnuna li ngħatat qabel ma tħallsitx lura.” Kif ġie indikat fin-nota nru 2 tal-punt 23 tal-linji gwdida dwar l-għajnuniet għar-ristrutturar, din id-dispożizzjoni tibbaża fuq il-każistika Deggendorf (24). Fil-każ preżenti, Franza impenjat ruħha li tirkupra l-għajnuna 44f qabel ma tipproċedi għall-ħlas tal-għajnuna l-ġdida. Fid-Deċiżjoni preżenti, il-Kummissjoni għandha l-obbligu, skont il-każistika Deggendorf, li tbiddel dan l-impenn f’kundizzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna nnotifikata. B’hekk hija tkun qiegħda tiżgura li ma jkunx hemm akkumulazzjoni tal-għajnuna ta’ qabel mal-għajnuna l-ġdida u li l-għajnuna ta’ qabel titħallas lura. |
6.4.2. L-għajnuna Taljana illegali
(64) |
Fil-21 ta’ Ottubru 2008, Brandt Italia, il-kumpanija sussidjarja Taljana ta’ Fagor Brandt, baqgħet responsabbli minn parti mill-għajnuna mogħtija mill-awtoritajiet Taljani. Din l-għajnuna ġiet iddikjarata inkompatibbli mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni tagħha tat-30 ta’ Marzu 2004 (25). |
(65) |
F’dan il-każ, kif diġà ntqal fil-premessa (61), il-każistika Deggendorf (26) tikkonferma li l-Kummissjoni ma tmurx lil hinn mis-setgħa diskrezzjonali tagħha meta timponi l-irkupru tal-għajnuna li ngħatat qabel bħala kundizzjoni preċedenti għall-ħlas tal-għajnuna l-ġdida. Jekk il-Kummissjoni tikkundizzjona l-għotja tal-għajnuna prevista għall-irkupru preċedenti tal-għajnuna jew għajnuniet li ngħatat/w qabel, hija mhijiex obbligata li tgħaddi għal eżami tal-effett kumulattiv ta’ dawn l-għajnuniet fuq il-kompetizzjoni, liema kundizzjoni tippermetti li jiġi evitat li l-vantaġġ mogħti mill-għajnuna prevista jiżdied ma dak mogħti mill-għajnuniet li ngħataw qabel (27). |
(66) |
B’hekk, fil-qafas tal-prattika tat-teħid tad-deċiżjonijiet tagħha, il-Kummissjoni privileġġat l-irkupru tal-għajnuniet inkompatibbli qabel il-ħlas ta’ għajnuniet ġodda (28) minflok ma privileġġat l-applikazzjoni tal-punt 23 tal-linji gwida dwar l-għajnuniet għar-ristrutturar li jippermetti li jitqies l-effett kumulattiv tal-għajnuna illegali flimkien mal-għajnuna l-ġdida. |
(67) |
Madankollu, minħabba ċ-ċirkustanzi partikulari tal-każ preżenti, il-Kummissjoni beħsiebha tapplika l-punt 23 tal-linji gwida. Fil-fatt, f’dan il-każ il-Kummissjoni trid tadotta deċiżjoni ġdida wara l-annullament tad-deċiżjoni tagħha tal-21 ta’ Ottubru 2008 mill-Qorti. F’dan il-qafas, il-Kummissjoni ma tistax tqis elementi ta’ informazzjoni li hi ma kellhiex meta ħadet l-ewwel deċiżjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni ma tistax tqis impenji ġodda mill-Istati Membri u lanqas modalitajiet ta’ rkupru ta’ għajnuniet illegali li setgħu seħħew wara dik id-data. |
(68) |
Għaldaqstant, kif stabbilit fis-sentenza tal-Qorti tal-14 ta’ Frar 2012 (29), il-Kummissjoni trid teżamina l-effett kumulattiv tal-għajnuna Taljana fuq il-kompetizzjoni flimkien mal-għajnuna nnotifikata għar-ristrutturar. |
(69) |
Madankollu, jeħtieġ li jiġi determinat minn qabel kemm hu l-ammont tal-għajnuna Taljana li kellu jitqies fil-21 ta’ Ottubru 2008. |
(70) |
FagorBrandt tqis li r-rimborż tal-għajnuna Taljana minn Brandt Italia għandu jkun probabbilment inqas minn EUR 200 000. |
(71) |
Fil-fatt, fl-2003, permezz tas-sussidjarja tagħha Brandt Italia, FagorBrandt xtrat il-fabbrika ta’ Verolanuova u l-assi tagħha mill-kumpanija Ocean, li kienet falliet. Il-prezz li Brandt Italia offriet għall-assi kkonċernati għola għal EUR 10 miljun. |
(72) |
L-amministraturi ġudizzjarji tal-kumpanija Ocean qiesu dan l-ammont bħala insuffiċjenti, u l-awtoritajiet Taljani xtaqu jestendu d-dispożizzjonijiet li ġejjin mir-reġimi ta’ “Mobilita” u ta’ “Cassa Integrazione” għal dawn l-operazzjonijiet ta’ rkupru, liema dispożizzjonijiet ġew iddikjarati kumpatibbli mal-liġi Ewropea applikabbli. Dawn ippjanaw b’mod notevoli li l-impriżi li jimpjegaw ħaddiema qiegħda jkunu jistgħu jibbenefikaw minn eżenzjoni ta’ kontribuzzjonijiet soċjali. L-għan tal-estenzjoni ta’ dawn il-miżuri kien li l-benefiċċju għax-xerrej iżid b’mod korrispondenti l-prezz tal-bejgħ tal-assi kkonċernati. |
(73) |
Huwa għalhekk li l-awtoritajiet Taljani għaddew digriet tal-liġi fl-14 ta’Frar 2003 li kien jipprevedi li x-xerrej tal-assi kollha ta’ kumpanija li tkun falliet li tkun tħaddem aktar minn 1 000 impjegat jibbenifika minn eżenzjonijiet soċjali u minn kontribuzzjonijiet addizzjonali għal kull impjegat li jżomm. L-operazzjoni ta’ akkwist tal-attivitajiet ta’ apparat domestiku ta’ Océan SpA minn Brandt Italia fis-7 ta’ Marzu 2003 kienet eliġibbli għal dan ir-reġim li tqiegħed fis-seħħ minħabba dan id-digriet tal-liġi. Għalhekk, l-ammont ta’ dawn l-eżenzjonijiet, li huma stmati għal EUR 8,5 miljun, żied il-prezz tal-akkwist propost minn Brandt Italia, li tela’ għal EUR 18,5-il miljun. |
(74) |
Fid-deċiżjoni tagħha tat-30 ta' Marzu 2004 (30), il-Kummissjoni qieset li d-digriet tal-liġi tal-14 ta' Frar 2003, li ġie kkonvertit f’liġi fis-17 ta’ April 2003, kien jikkostitwixxi reġim ta’ għajnuna illegali u inkompatibbli. Malli Brandt Italia ġiet mgħarrfa b’din id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, fil-5 ta’ Lulju 2004 hija kisbet is-sekwestru tal-aħħar parti tal-ħlas tal-prezz tal-bejgħ (EUR 5,7 miljuni) mill-Qorti tal-Kummerċ ta’ Brescia u avviċinat lill-korpi tal-proċedura ta’ Ocean bil-għan li tirkupra l-ammont imħallas b’mod eċċessiv. Fil-fatt, Brandt Italia kienet qieset li l-Istat Taljan kellu jirkupra l-għajnuna illegali mill-benefiċjarju reali. |
(75) |
Għalhekk, anke jekk il-benefiċjarju tal-għajnuna inkwistjoni għar-reġim ikkundannat mill-Kummissjoni kien Brandt Italia (kumpanija li effettivament ibbenefikat mill-eżenzjonijiet), FagorBrandt qieset li l-benefiċċju finali ta' din l-għajnuna ġie ttrasferit kważi kollu lill-kredituri rrikonoxxuti mill-amministraturi ġudizzjarji tal-kumpanija Ocean permezz ta’ żieda fil-prezz tal-bejgħ tal-assi (żieda fil-prezz ta’ EUR 8,5 miljuni, meta mqabbla ma’ EUR 8 624 283 ta’ eżenzjonijiet effettivament mogħtija). B’konsegwenza ta’ dan, l-awtoritajiet Franċiżi jqisu li l-bilanċ ta’ Brandt Italia/ FagorBrandt ikun ta’ EUR 124 283, ammont li miegħu jrid jiżdied l-imgħax. |
(76) |
Madankollu, l-awtoritajiet Taljani pprovdew informazzjoni lill-Kummissjoni li tikkontradixxi dan ir-raġunament. |
(77) |
Fit-13 ta’ Mejju 2008, l-awtoritajiet Taljani bagħtu żewġ sentenzi mill-Qorti ta’ Brescia lill-Kummissjoni. Dawn jikkonċernaw tilwima bejn l-Istitut Nazzjonali tas-Sigurtà Soċjali (INSS) u Brandt Italia dwar id-determinazzjoni tal-ammont tal-għajnuna, jiġifieri eżenzjonijiet mill-kontribuzzjonijiet soċjali, li minnhom ibbenifikat Brandt Italia. |
(78) |
L-ewwel sentenza tal-1 ta’ Frar 2008 tissospendi l-ordni ta’ rkupru maħruġ mill-INSS kontra Brandt Italia fit-18 ta’ Diċembru 2007. L-INSS appellat din is-sentenza. Fit-29 ta’ April 2008, Il-Qorti tal-Appell annullat is-sospensjoni tal-ordni ta’ rkupru. |
(79) |
It-tielet sentenza ddatata t-8 ta’ Lulju 2008, mibgħuta lill-Kummissjoni fl-20 ta’ Ottubru 2008, sostanzjalment taqbel mal-INSS u timponi li Brandt Italia tħallas lura l-għajnuna kollha. Din is-sentenza ġiet notifikata lil Brandt Italia fil-15 ta’ Settembru 2008. |
(80) |
Għalhekk, il-Kummissjoni trid tistabbilixxi, fid-dawl ta' din l-informazzjoni, l-ammont ta' għajnuna li għandha tintradd lura minn Brandt Italia/FagorBrandt, li setgħet tiġi stmata b’mod raġonevoli fil-21 ta’ Ottubru 2008. B’hekk, il-Kummissjoni tosserva li s-sentenza tal-Qorti ta’ Brescia tat-8 ta’ Lulju 2008 tordna li Brandt Italia trodd lura EUR 8 890 878,02. |
(81) |
Madankollu, il-Kummisjoni tqis li minn dan l-ammont irid jitnaqqas l-ammont issekwestrat ta’ EUR 5,7 miljun. Fil-fatt, Brandt Italia ma użatx din is-somma miżmuma bħala prekawzjoni mill-5 ta’ Lulju 2004 meta nqatgħet is-sentenza tal-Qorti tal-Kummerċ ta’ Brescia. Din id-deċiżjoni ttieħdet minħabba d-deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni fit-30 ta’ Marzu 2004 u huwa għalhekk li din is-somma nżammet f’każ ta’ bżonn ta' rkupru. Għaldaqstant, fil-21 ta’ Ottubru 2008, wieħed seta’ jimmaġina li din is-somma setgħet tintuża biex tħallas lura parti mill-għajnuna inkwistjoni. Din il-konklużjoni hija appoġġjata mill-fatt li:
|
(82) |
B’konsegwenza ta’ dan, meta wieħed iqis l-elementi esposti fil-premessi (76) sa (81), il-Kummissjoni tqis li l-ammont definittiv tal-għajnuna Taljana li għandu jitqies għall-finijiet tal-analiżi preżenti jitla’ għal EUR 3 190 878,02, li magħhom irid jiżdied l-imgħax sal-21 ta’ Ottubru 2008. |
(83) |
F’dak li għandu x’jaqsam mal-imgħaxijiet, fil-fatt il-Kummissjoni tqis li d-data li għandha titqies biex jiġi ddeterminat l-ammont tagħhom mhix dik tal-irkupru effettiv tal-għajnuna iżda dik tad-deċiżjoni li ġiet annullata għaliex, f’dan il-każ, il-Kumissjoni tanalizza l-kompatibilità tal-għajnuna Franċiża fil-21 ta’ Ottunru 2008. Madankollu, fil-21 ta’ Ottubru 2008, l-għajnuna Franċiża żdiedet mal-għajnuna Taljana, flimkien mal-imgħaxijiet sa dik id-data. Għalhekk, il-Kummissjoni trid tqis l-akkumulazzjoni ta’ dawn l-elementi u ma żżidx l-imgħaxijiet sad-data tal-irkupru effettiv. |
(84) |
Barra minn hekk, il-vantaġġ ikkostitwit mill-imgħaxijiet bejn il-21 ta’ Ottubru 2008 u d-data tal-irkupru effettiv jinżamm mill-irkupru stess li, naturalment, ikollu jinkludihom. |
(85) |
B’konsegwenza ta’ dan, FagorBrandt żammet somma ta’ EUR 3 190 878,02 (li magħhom iridu jiżdiedu l-imgħaxijiet) flimkien mal-EUR 31 miljun f’għajnuna mogħtija mill-awtoritajiet Franċiżi. Dan il-vantaġġ għandu impatt fuq il-kompetizzjoni: l-impriża kellha likwidità addizzjonali li kieku hi ma kienx ikollha f’kundizzjonijiet normali tas-suq (jiġifieri fin-nuqqas tal-għajnuna Taljana inkompatibbli). |
(86) |
B’mod konformi mal-punt 23 tal-linji gwida għar-restawr u s-sentenza tal-Qorti tal-14 ta’ Frar 2012, il-Kummissjoni beħsiebha teżamina l-effett kumulattiv tal-għajnuna Taljana u l-għanjuna għar-ristrutturar fil-qafas tal-analiżi tal-kompatibilità ta’ din tal-aħħar. |
(87) |
Dan l-eżami tal-effett kumulattiv iwassal lill-Kummissjoni għal kontroll doppju. Minn naħa waħda, il-Kummissjoni trid tivverifika li l-miżuri kompensatorji (ara l-premessa (89) u l-premessi sussegwenti, b’mod partikolari (118) u l-premessi sussegwenti) jippermettu preċiżament li jikkumpensaw għall-ħsara fil-kompetizzjoni bil-pussess minn FagorBrandt tal-likwidità addizzjonali. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni beħsiebha tiżgura li l-kontribuzzjoni proprja tal-benefiċjarju tkun eżentata minn għajnuna (ara l-premessa (154) u l-premessi sussegwenti). Fil-fatt, wieħed ma jistax jeskludi li fil-kontribuzzjoni proprja prevista mill-impriża hemm is-somma inkwistjoni. |
(88) |
Waqt dan il-kontroll doppju, il-Kummissjoni tista’ timponi kundizzjonijiet ġodda lill-Istat Membru kkonċernat, indipendentament mid-dispożizzjonijiet eventwali tiegħu (f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma tistax tqis jekk dawn sarux wara l-21 ta Ottubru 2008). Kif inhu kkonfermat fil-punt 46 tal-linji gwida dwar l-għajnuniet għar-ristrutturar, “il-Kummissjoni tista' timponi l-kundizzjonijiet u l-obbligazzjonijiet li hi tħoss li huma meħtieġa sabiex il-kompetizzjoni ma toħloqx distorsjoni fil-miżura li tmur kontra l-interess komuni, f’każ fejn l-Istat Membru kkonċernat ma jimpenjax ruħu li jadotta dawn id-dispożizzjonijiet”. |
6.5. Prevenzjoni ta’ kull distorsjoni eċċessiva tal-kompetizzjoni
6.5.1. Analiżi tal-ħtieġa ta’ miżuri kompensatorji
(89) |
Il-punt 38 tal-linji gwida dwar l-għajnuniet għar-ristrutturar jipprevedi li, sabiex l-għajnuniet għar-ristrutturar ikunu jistgħu jiġu awtorizzati mill-Kummissjoni, għandhom jittieħdu xi miżuri kompensatorji biex itaffu l-effetti negattivi tal-għajnuniet fuq il-kundizzjonijiet tal-kummerċ. Jekk ma jsirx dan, l-għajnuniet għandhom jiġu kkunsidrati bħala “kontra l-interess komuni” u jiġu ddikjarati inkompatibbli mas-suq komuni. Din il-kundizzjoni bosta drabi tirriżulta f’limitazzjoni tal-preżenza li l-impriża jista’ jkollha fuq is-suq jew swieq tagħha wara l-perjodu għar-ristrutturar. |
(90) |
Fin-notifika tagħha, Franza affermat li jidher li mhumiex meħtieġa miżuri kompensatorji f’dan il-każ, b’mod partikolari għaliex l-għajnuna m’għandhiex effetti ta’ distorsjoni eċċessivi. Fil-punti 37, 38 u 40 tad-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura, il-Kummissjoni spjegat b’mod konċiż għaliex irrifjutat din l-affermazzjoni. |
(91) |
Fil-premessi li ġejjin, il-Kummissjoni tispjega aktar fid-dettall għaliex hija tqis li l-għajnuna twassal għal distorsjoni u għaliex l-implimentazzjoni ta’ miżuri kompensatorji hija meħtieġa, kontra l-affermazzjoni tal-awtoritajiet Franċiżi. |
(92) |
Kif diġà ntqal, FagorBrandt hija preżenti fis-settur tal-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni mad-distributuri (b’oppożizzjoni għad-distribuzzjoni u l-bejgħ lill-individwi) ta’ apparat domestiku kbir. Rigward id-dimensjoni ġeografika tas-suq tal-apparat domestiku kbir, il-Kummissjoni qieset fil-passat li din kienet għallinqas fuq l-iskala tal-Unjoni Ewropea, minħabba, b’mod partikolari, in-nuqqas ta’ ostakoli għad-dħul, l-armonizzazzjoni teknika u l-ispejjeż ta’ trasport relattivament baxxi (31). L-informazzjoni pprovduta minn FagorBrandt u miż-żewġ kompetituri li taw xi kummenti tikkonferma li s-suq huwa fuq skala tal-Unjoni. |
(93) |
Il-Kummissjoni tqis li għajnuna għar-ristrutturar toħloq awtomatikament distorsjoni tal-kompetizzjoni billi tfixkel il-ħruġ tal-benefiċjarju mis-suq u billi twaqqaf b’hekk l-iżvilupp tal-impriżi kompetituri. Għalhekk hija tmur kontra l-irtirar tal-impriżi l-inqas effikaċi, li “huwa fatt normali ta’ kif jaħdem is-suq”, kif jindika l-paragrafu 4 tal-linji gwida dwar l-għajnuniet għar-ristrutturar. L-għajnuna nnotifikata favur FagorBrandt għalhekk twassal għad-distorsjoni tal-kompetizzjoni msemmija qabel. Madankollu, il-Kummissjoni tosserva li l-elementi li ġejjin għandhom it-tendenza li jillimitaw id-daqs ta’ din id-distorsjoni tal-kompetizzjoni. L-ewwel nett, fis-suq Ewropew tal-apparat domestiku kbir, FagorBrandt għandha parti mis-suq ta’ ammont massimu ta’ [0-5] % (32). It-tieni nett, hemm erba’ kompetituri f’dan is-suq b’ishma fis-suq ta’ 10 % jew aktar (Indesit, Whirlpool, BSH u Electrolux) (33). Barra minn hekk, il-kompetitur li talab li jibqa’ anonimu jirrikonoxxi li FagorBrandt huwa attur relativament żgħir fis-suq Ewropew (ara hawn fuq id-dubji espressi minn dan il-kompetitur dwar ir-ritorn għall-vijabilità tal-impriża u relatati mad-daqs żgħir tagħha), li l-ishma tiegħu fis-suq qegħdin jonqsu (34). It-tielet nett, l-ammont ta’ għajnuna huwa limitat meta mqabbel mal-fatturat Ewropew ta’ FagorBrandt (l-għajnuna tirrappreżenta inqas minn 4 % tal-fatturat tal-2007), u aktar u aktar meta mqabbel ma’ dak tal-erba’ atturi ewlenin tas-suq li għandhom fatturat aktar għoli minn dak ta’ FagorBrandt (35). |
(94) |
Filwaqt li l-premessa preċedenti tanalizza d-distorsjoni tal-kompetizzjoni maħluqa mill-għajnuna, għandu jiġi analizzat ukoll id-daqs tal-“effetti sfavorevoli fuq il-kundizzjonijiet tal-kummerċ” bejn l-Istati Membri, kif indikat fil-punt 38 tal-linji gwida dwar l-għajnuniet għar-ristrutturar li jirrifletti l-Artikolu 107 (3) (c) tat-TFUE. Kif diġà ġie osservat fil-punt 38 tad-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura, l-għajnuna toħloq distorsjoni fil-post tal-attivitajiet ekonomiċi bejn l-Istati Membri, u b’konsegwenza ta’ dan anke fil-kummerċ ta’ bejniethom. FagorBrandt hija impriża li l-parti l-kbira tal-attivitajiet tal-produzzjoni u tal-impjegati tagħha jinsabu fi Franza ([80-100] % tal-volumi prodotti mill-impriża huma prodotti fi Franza). Mingħajr l-għajnuna tal-Istat Franċiż, FagorBrandt malajr toħroġ mis-suq. Madankollu, il-prodotti ffabbrikati fis-siti ta’ produzzjoni ta’ FagorBrandt huma f’kompetizzjoni prinċipalment ma’ prodotti li jipproduċu l-kompetituri fl-Istati Membri l-oħra (36). Għaldaqstant, l-għejba ta’ FagorBrandt kienet tippermetti lill-kompetituri Ewropej iżidu ħafna l-bejgħ tagħhom u għalhekk anke l-produzzjoni tagħhom. L-għajnuna għandha l-effett li żżomm attivitajiet ta’ produzzjoni fi Franza li kieku parti minnhom kienu jmorru lejn Stati Membri oħra. Għalhekk hija għandha effett sfavorevoli fuq il-kundizzjonijiet tal-kummerċ, billi tnaqqas il-possibbiltajiet ta’ esportazzjoni tal-kompetituri li qegħdin fi Stati Membri oħra lejn Franza (37). L-għajnuna tnaqqas ukoll il-possibbiltajiet ta’ bejgħ lejn il-pajjiżi fejn FagorBrandt se tkompli tesporta l-prodotti tagħha. Meta jitqies l-ammont ta’ bejgħ ta’ FagorBrandt u n-numru ta’ postijiet tax-xogħol rispettiv, dawn l-effetti sfavorevoli fuq il-kundizzjonijiet tal-kummerċ mhumiex negliġibbli. |
(95) |
Fuq il-bażi tal-analiżi preċedenti, il-Kummissjoni tqis li huma meħtieġa miżuri kompensatorji reali (jiġifieri mhux negliġibbli) iżda xorta waħda ta’ ambitu limitat. |
6.5.2. Analiżi tal-miżuri li diġà ġew implimentati
(96) |
Fil-punt 39 tad-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura, il-Kummissjoni esprimiet xi dubji dwar jekk il-miżuri nnotifikati mill-awtoritajiet Franċiżi jistgħux jitqiesu bħala miżuri kompensatorji, peress li l-punt 40 tal-linji gwida għar-ristrutturar jindika li “t-tpaċija tal-kontijiet u l-waqfien ta’ attivitajiet b’telf li xorta ser ikunu meħtieġa biex tiġi stabbilita mill-ġdid il-vijabilità mhux ser jiġu kkunsidrati bħala tnaqqis tal-kapaċità jew tal-preżenza fis-suq għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kontropartijiet.” Jidher li l-miżuri kollha deskritti mill-awtoritajiet Franċiżi jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-esklużjoni. Fil-qafas tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, Franza tenniet li hija kkunsidrat li l-waqfien tal-produzzjoni taċ-chest freezers u tal-majkrowejvs għalihom waħidhom, u anke l-bejgħ ta’ Brandt Components, jikkostitwixxu tliet miżuri kompensatorji validi. Għaldaqstant il-Kummissjoni bdiet analiżi dettaljata ta’ dawn il-miżuri u waslet għall-konklużjonijiet li ġejjin. |
(97) |
Fir-rigward tal-għeluq tal-fabbrika għall-produzzjoni taċ-chest freezers fl-2005 (is-sit ta’ Lesquin) Franza indikat, fin-notifika tagħha tas-6 ta’ Awwissu 2007, li dan is-sit “li kien jiffabbrika chest freezers u kantini tal-inbejjed għall-grupp FagorBrandt kollu, kien laħaq daqs … li ma ppermettilux aktar ikopri la l-ispejjeż li jvarjaw u lanqas l-ispejjeż fissi tiegħu u kien iġġenera EUR 5,8 miljun telf ta’ produzzjoni fl-2004.” Għalhekk m’hemm ebda dubju li fil-każ inkwistjoni dan huwa għeluq ta’ attività b’defiċit li huwa meħtieġ sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid il-vijabilità (38) u b’applikazzjoni tal-punt 40 tal-linji gwida dwar l-għajnuniet għar-ristrutturar, ma jistax jitqies bħala miżura kompensatorja. |
(98) |
Fir-rigward tal-waqfien ta’ produzzjoni ta’ majkrowejvs għalihom waħidhom fis-sit ta’ Azenay, dan kien ukoll għeluq ta’ attività b’defiċit meħtieġ sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid il-vijabilità, u li l-awtoritajiet Franċiżi fil-fatt irrikonoxxew b’mod espliċitu fl-osservazzjonijiet tagħhom (39). In-nuqqas ta’ profitabilità ta’ din l-attività mhijiex sorpriża peress li l-majkrowejvs għalihom waħidhom huma wieħed mis-segmenti tas-suq fejn daħlu l-aktar il-prodotti li ġejjin mill-pajjiżi rħas (40). Barra minn hekk, il-fabbrika ta’ Azenay kienet tilfet xi kuntratti kbar ta’ produzzjoni ta’ majkrowejvs għal gruppi oħra (41). B’konklużjoni, fuq il-bażi tal-punt 40 tal-linji gwida dwar l-għajnuniet għar-ristrutturar, din il-miżura għalhekk ma tistax titqies bħala miżura kompensatorja. |
(99) |
Għall-kuntrarju ta’ dan, f’Marzu 2004, l-impriża ċediet is-sussidjarja tagħha Brandt Components (il-fabbrika ta’ Nevers) lill-grupp Awstrijak ATB għal ammont ta’ EUR 3 miljun. Għaldaqstant din mhix tpaċija tal-kontijiet (42) u lanqas waqfien tal-attività. Għalhekk din il-miżura mhijiex eskluża mid-dispożizzjoni msemmija qabel tal-punt 40 tal-linji gwida dwar l-għajnuniet għar-ristrutturar. L-attività ċeduta f’Marzu 2004 (43) kellha fatturat ta’ EUR 35,4 miljun fl-2003 – ekwivalenti għal 4 % tal-fatturat tal-impriża fl-2003 – u kienet tħaddem 306 impjegat – ekwivalenti għal 6 % tal-ħaddiema tal-impriża. Hija kienet involuta fit-tfassil, fl-iżvilupp, fil-produzzjoni u fil-kummerċjalizzazzjoni tal-muturi tal-elettriku għall-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ. Għalhekk din iċ-ċessjoni wasslet għat-tnaqqis tal-preżenza tal-impriża fis-suq tal-komponenti tal-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ. |
(100) |
Madankollu, din l-aħħar miżura ma tistax tinżamm bħala miżura kompensatorja valida. Fil-fatt, il-bejgħ ta’ Brandt Components twettaq madwar tliet snin u nofs qabel in-notifika tal-għajnuna eżaminata. Min-naħa l-oħra, din il-miżura ma tnaqqasx il-preżenza ta’ FagorBrandt fis-suq tal-apparat domestiku kbir (44), li huwa s-suq ewlieni li fih se tibqa’ preżenti FagorBrandt. B’konsegwenza ta’ dan, din il-miżura ma kellhiex l-għan li tnaqqas id-distorsjonijiet fil-kompetizzjoni ġġenerati mill-għoti tal-għajnuna prevista, u ma setax ikollha dan l-effett. |
6.5.3. Miżuri kompensatorji proposti mill-awtoritajiet Franċiżi
(101) |
Bħala risposta għad-dubji mqajma fid-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura dwar is-suffiċjenza tal-miżuri kompensatorji nnotifikati, l-awtoritajiet Franċiżi jipproponu l-waqfien tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tat-“tkessiħ” u tal-prodotti tat-“tisjir” Vedette għal ħames snin. Barra minn hekk, huma jipproponu l-waqfien tal-kummerċjalizzazzjoni tal-magni tal-ħasil tal-platti Vedette, jew iċ-ċessjoni tal-marka […]. |
(102) |
Kif kien indikat qabel, FagorBrandt tagħmel [50-80] % tal-bejgħ tagħha fis-suq Franċiż, fejn fl-2006 l-impriża kellha sehem mis-suq ta’ [10-20] % fil-valur u ta’ [10-20] % fl-ammont. Dan ifisser li kieku FagorBrandt waqqfet l-attivitajiet tagħha, kienu jibbenefikaw minn dan b’mod partikolari l-kompetituri tagħha fis-suq Franċiż billi jżidu l-bejgħ tagħhom. Għalhekk huma dawn l-impriżi li huma affettwati l-aktar mis-sopravivenza ta’ FagorBrandt permezz tal-għajnuna. Min-naħa l-oħra, il-bejgħ ta’ FagorBrandt fis-suq Taljan huwa limitat ħafna. Bħala miżura kompensatorja, il-Kummissjoni għalhekk tippreferi l-waqfien tal-kummerċjalizzazzjoni tal-magni tal-ħasil tal-platti taħt il-marka Vedette milli ċ-ċessjoni tal-marka […], peress li l-prodotti tal-marka Vedette (45) huma kkummerċjalizzati esklużivament fis-suq Franċiż filwaqt li l-prodotti […] jinbiegħu prinċipalment […]. |
(103) |
Għalhekk għandu jiġi analizzat id-daqs ta’ dawn il-miżuri kompensatorji addizzjonali, sabiex jiġi stabbilit jekk humiex biżżejjed. |
(104) |
Il-bejgħ tal-prodotti tat-tkessiħ (friġġijiet u friżers) tal-marka Vedette kien jirrappreżenta, fl-2007, EUR [10-20] miljun, jiġifieri [0-5] % tal-fatturat tal-grupp FagorBrandt. |
(105) |
Il-waqfien tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tat-tkessiħ għal perjodu ta’ ħames snin se jippermetti lill-kompetituri preżenti fis-suq Franċiż li jsaħħu l-pożizzjoni tagħhom fir-rigward tal-prodotti tat-tkessiħ. Skont l-istudju GfK tal-2007, il-kompetituri ewlenin ta’ FagorBrandt – li għandhom sehem mis-suq għall-valur ta’ […] % - fis-suq tal-friġġijiet fi Franza huma Whirlpool ([…] %), Indesit ([…] %) u Electrolux ([…] %). Fis-suq tal-friżers, il-kompetituri ewlenin ta’ FagorBrandt ([…] %) huma Whirlpool ([…] %), Liebherr ([…] %) u Electrolux ([…] %). |
(106) |
Il-bejgħ ta’ prodotti tat-tisjir tal-marka Vedette kien jirrappreżenta, fl-2007, EUR [5-10] miljun, jiġifieri [0-5] % tal-fatturat tal-grupp FagorBrandt. |
(107) |
B’konsegwenza ta’ dan, il-waqfien tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tat-tisjir għal perjodu ta’ ħames snin se jippermetti lill-kompetituri li jsaħħu l-pożizzjoni tagħhom fis-suq tal-kukers. Skont l-istudju GfK tal-2007, il-kompetituri ewlenin ta’ FagorBrandt (li għandhom sehem mis-suq għall-valur ta’ […] %) fis-suq tal-kukers fi Franza huma Indesit ([…] %), Electrolux ([…] %) u Candy ([…] %). |
(108) |
Il-bejgħ tal-magni tal-ħasil tal-platti tal-marka Vedette kienu jirrappreżentaw, fl-2007, EUR [5-10] miljun, jiġifieri [0-5] % tal-fatturat tal-grupp FagorBrandt. |
(109) |
Skont l-istudju GfK tal-2007, il-kompetituri ewlenin ta’ FagorBrandt (li għandhom sehem mis-suq għall-valur ta’ […] %) fis-suq tal-magni tal-ħasil tal-platti fi Franza huma BSH ([…] %), Whirlpool ([…] %) u Electrolux ([…] %). B’konsegwenza ta’ dan, il-waqfien tal-kummerċjalizzazzjoni tal-magni tal-ħasil tal-platti taħt il-marka Vedette se jippermetti lill-kompetituri li jżidu l-preżenza tagħhom fis-suq. |
(110) |
Fil-qosor, il-prodotti Vedette li l-kummerċjalizzazzjoni tagħhom se titwaqqaf jirrappreżentaw [0-5] % tal-fatturat tal-grupp (46). L-awtoritajiet Franċiżi jindikaw li dan se jkun jeħtieġ aġġustamenti sinifikattivi fi ħdan l-impriża […]. |
6.5.4. Konklużjoni dwar il-miżuri kompensatorji proposti mill-awtoritajiet Franċiżi u l-impożizzjoni ta’ miżura kompensatorja addizzjonali mill-Kummissjoni
(111) |
Il-miżuri kompensatorji proposti huma l-waqfien tal-kummerċjalizzazzjoni għal perjodu ta’ ħames snin ta’ ċerti prodotti (tat-tisjir, tat-tkessiħ u tal-ħasil tal-platti) tal-marka Vedette (47) u ċ-ċessjoni ta’ Brandt Components. Dan huwa tnaqqis tal-preżenza fis-suq reali (jiġifieri mhux negliġibbli) iżda ta’ daqs limitat. |
(112) |
Madankollu, il-Kummissjoni tqis li l-miżura kompensatorja proposta mill-awtoritajiet Franċiżi fuq il-marka Vedette hija l-unika miżura kompensatorja valida u li mhijiex suffiċjenti. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tiddeċiedi li timponi, bħala kundizzjoni ta’ kompatibilità, l-estensjoni tal-waqfien tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tal-marka Vedette bi tliet snin oħra. Fil-fatt, peress li l-projbizzjoni proposta kienet ta’ ħames snin, din se tiġi estiża bi tliet snin għal total ta’ tmien snin. |
(113) |
Skont l-informazzjoni li kellha l-Kummissjoni fil-21 ta’ Ottubru 2008, l-impatt ta’ din il-miżura kompensatorja (“MK”) f’termini ta’ telf ta’ fatturat tista titqies b’żewġ modi kif jidher fit-Tabella 2 hawn taħt (48). Tabella 2
|
(114) |
Iċ-ċifri tat-Tabella 2 tas-snin 2009 sa 2012 huma ċ-ċifri mogħtija mill-awtoritajiet Franċiżi u FagorBrandt fir-rigward tal-impatt tal-miżura kompensatorja li jipproponu huma (dwar dan l-impatt ara wkoll il-premessa (143) u l-premessi sussegwenti. |
(115) |
L-ewwel mod kif jiġi kkalkulat l-impatt tal-miżura kompensatorja addizzjonali imposta mill-Kummissjoni huwa billi jiġi mmultiplikat bi 3 it-telf ta’ profitt tal-aħħar sena evalwata mill-awtoritajiet Franċiżi (jiġifieri l-2012). F’xenarju ottimist għall-impriża, dan l-impatt huwa għalhekk ta’ 3 × [40-60] miljun, jew EUR [120-180] miljun. |
(116) |
It-tieni mod kif jista’ jiġi kkalkulat l-impatt tal-miżura kompensatorja addizzjonali huwa billi jiġu kkalkulati ċ-ċifri mill-2013 sal-2016 billi tiġi applikata żieda lineari ta’ [1,5-3] % fuq iċ-ċifri tal-2012 fl-estensjoni taż-żieda fil-fatturat li hija stmata għal [1,5-3] % mill-impriża bejn l-2009 u l-2012. Minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-premessa (125) u l-–premessi sussegwenti, din l-ipoteżi taż-żieda tal-fatturat hija fil-fatt meqjusa bħala raġonevoli fid-dawl tal-istrateġija tal-grupp u l-perspettivi tas-suq. Minn dan il-lat, il-miżura kompensatorja se ċċaħħad lil FagorBrandt, f’xenarju ottimist għall-impriża, minn fatturat ta’ EUR [120-180] miljun. |
(117) |
Għalhekk, jidher li l-miżura kompensatorja proposta hija xierqa u biżżejjed biex tnaqqas waħidha b'mod proporzjonat l-effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni li rriżultaw mill-għotja tal-għajnuna inkwistjoni: f’xenarju ottimist, dan iċaħħad lill-impriża minn fatturat bejn EUR [120-180] miljun fil-perjodu 2014-2016. Dan il-fatturat mhux miksub se jippermetti lill-kompetituri li jżidu l-bejgħ tagħhom. Din il-miżura kompensatorja se tikkomplika aktar ukoll għall-impriża l-introduzzjoni mill-ġdid tal-prodotti Vedette kkonċernati wara 8 snin ta’ assenza (attwalment il-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ Vedette biss huma kkumerċjalizzati). Fil-fatt anke jekk il-marka ma tgħebx għalkollox, l-ispejjeż biex tirritorna huma proporzjonati mas-snin ta’ assenza mis-suq. Aktar ma l-marka ddum assenti mis-suq, aktar se tonqos il-fama tagħha. |
(118) |
Barra minn hekk, irid jiġi vverifikat ukoll jekk din il-miżura kompensatorja ġdida tippermettix li jiġi kkumpensat ukoll il-vantaġġ kompetittiv maħruġ mill-effett kumulattiv tal-għajnuna Taljana u l-għajnuna għar-ristrutturar. Fil-fatt, wieħed jista’ jqis li, fil-21 ta’ Ottubru 2008, FagorBrandt kellha somma ta’ EUR 3 190 878,02 (jew madwar EUR 4 miljun bl-imgħax) li hi ma kellhiex tibbenefika minnha. Dan il-vantaġġ għandu impatt fuq il-kompetizzjoni: l-impriża kellha likwidità addizzjonali. Madankollu, il-miżura kompensatorja addizzjonali tikkumpensa għal din il-ħsara fil-kompetizzjoni. |
(119) |
It-Tabella 3 hawn taħt turi t-telf nett (jew il-likwidità ħielsa negattiva) marbuta mal-miżura kompensatorja. Iċ-ċifri għas-snin 2009-2012 huma ċ-ċifri nnotifikati lill-Kummissjoni mill-awtoritajiet Franċiżi. Iċ-ċifri għas-snin 2013-2016 huma kkalkulati billi ċ-ċifri tas-sena 2012 jiżdiedu b’[1,5-3] % kull sena (49). Tabella 3
|
(120) |
Għaldaqstant jidher li f’xenarju ottimist (għall-impriża), tliet snin addizzjonali jċaħħdu lil FagorBrandt mil-likwidità għal ammont bejn EUR [10-20] miljun (jekk wieħed jimmultipla bi 3 ċ-ċifra tal-2012) u EUR [10-20] miljun (jekk wieħed iżid iċ-ċifri kkalkulati). Fi kliem ieħor, l-impożizzjoni ta’ din il-miżura kompensatorja ġdida tpatti bil-kbir għall-vantaġġ ta’ likwidità ta’ madwar EUR 4 miljun. |
(121) |
Fl-aħħar nett, il-fatt li l-miżuri kompensatorji huma estiżi lil hinn minn tmiem il-perjodu ta’ ristrutturar (li hu ffissat għall-31 ta’ Diċembru 2012) ma jagħmilhomx inadegwati. Fil-fatt, jekk il-miżuri kompensatorji jitħallsu fir-rigward tal-għotja ta’ għajnuna għar-ristrutturar, dawn ma jkunux parti mill-proċess ta’ ristrutturar innifsu iżda jirrappreżentaw kumpens mogħti lill-kompetituri tal-impriża megħjuna fid-dawl li tissewwa l-ħsara għall-kompetizzjoni li dawn setgħu soffrew. Għalhekk, l-effett tagħhom u l-ħtieġa tagħhom mhumiex diskussi minħabba l-fatt li dawn jiġu estiżi fuq perjodu li jmur lil hinn mill-perjodu għar-ristrutturar, għaldaqstant dawn tpoġġew fis-seħħ minħabba operazzjoni ta’ ristrutturar iffaċilitata minn għajnuna mill-Istat u għaldaqstant huma għandhom l-għan u l-effett li jsewwu l-ħsara li tirriżulta minn din l-għajnuna. |
(122) |
Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li dawn il-miżuri jippermettu li jiġu evitati distorsjonijiet tal-kompetizzjoni eċċessivi skont il-punti 38 sa 40 tal-linji gwida dwar l-għajnuniet għar-ristrutturar. |
6.6. Ritorn għall-vijabilità tal-impriża
6.6.1. Pjan ta’ ristrutturar, prospetti tas-suq u kredibbiltà tat-tbassir inklużi fil-pjan għar-ristrutturar
(123) |
Il-pjan għar-ristrutturar ta’ FagorBrandt, li diġà beda, essenzjalment jipprevedi:
|
(124) |
Wara l-eżami, il-Kummissjoni kkonfermat dak li kienet ħabbret fid-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura, jiġifieri li hi tqis li dan il-pjan jikkonforma mal-eżiġenzi previsti fil-punti 35 sa 37 tal-linji gwida dwar l-għajnuniet għar-ristrutturar. Fi kliem ieħor, il-pjan għar-ristrutturar jidher li jippermetti li tiġi stabbilita mill-ġdid il-vijabilità tal-impriża fit-tul. |
(125) |
Madankollu, il-Kummissjoni tixtieq turi l-analiżi u l-konklużjonijiet tagħha fir-rigward tal-prospetti tas-suq u l-kredibbiltà tal-previżjonijiet li jidhru fil-pjan ta’ ristrutturar. |
(126) |
Il-Kummissjoni evalwat il-previżjonijiet li rriżultaw mill-pjan għar-ristrutturar, b’mod partikolari l-prospetti ta’ tkabbir. Il-Kummissjoni tixtieq tfakkar li fid-deċiżjoni preżenti tqieset biss l-informazzjoni disponibbli f’Ottubru 2008 |
(127) |
Skont is-CECED (53), l-iżvilupp fis-suq Ewropew f’termini ta’ volum bejn l-2005 u l-2007 juri żieda moderata fl-Ewropa tal-Punent (madwar 2 % kull sena) u stabbli fl-Ewropa tal-Lvant (madwar 7 % kull sena). Madankollu, din l-aħħar rata ta’ żieda hija aleatorja, għaliex tiddependi fuq il-varjazzjonijiet tal-ekonomija, fejn żieda b’2 ċifri u nuqqas b’2 ċifri wkoll jistgħu jalternaw wara xulxin. |
(128) |
Jekk, fuq perjodu ta’ żmien twil, tista’ ssir konverġenza tal-imġiba tax-xiri tal-Ewropa tal-Lvant mal-Ewropa tal-Punent, is-saħħa tax-xiri dgħajfa fil-pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant twassal għal konċentrazzjoni tad-domanda fuq il-prodotti essenzjali (magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ jew friġġijiet) u ta’ kwalità baxxa. Madankollu, huwa f’dawn is-swieq li daħlu l-kompetituri Torok u Asjatiċi. |
(129) |
Is-swieq li għandhom potenzjal għal FagorBrandt għalhekk huma fl-Ewropa tal-Punent, għaliex huma akbar f’termini ta’ valur, iżda wkoll f’termini ta’ volum, u jikkonċentraw inqas fuq il-prodotti rħas, li bihom FagorBrandt ma jistax aktar ikun kompetittiv u li huma r-raġuni tat-tkabbir kbir fl-Ewropa tal-Lvant. |
(130) |
B’mod aktar partikolari, is-suq ta’ referenza ta’ FagorBrandt huwa s-suq Franċiż fejn il-grupp jagħmel [50-80] % tal-bejgħ tiegħu, jipproduċi [80-100] % tal-ammonti tiegħu u jħaddem [80-100] % tal-impjegati tal-grupp. Skont il-GIFAM (54), fi Franza, is-suq tal-apparat domestiku kbir żdied fl-2007, b’1 % meta mqabbel mal-2006, kemm fil-volum kif ukoll fil-valur. B’mod aktar speċifiku, is-suq tal-apparat […] li fuqu tixtieq tikkonċentra FagorBrandt żdied b’[…] % meta mqabbel mal-2006 filwaqt li għall-apparat […], il-bejgħ naqas b’[…] %. |
(131) |
L-iżviluppi għal kull tip ta’ prodott juru li s-swieq li għandhom potenzjal li qegħdin jiżviluppaw fl-Ewropa u b’mod partikolari fi Franza huma essenzjalment dawk tal-prodotti […]. It-tkabbir tal-prodotti […] huwa sinifikanti, filwaqt li s-settur tat-tkessiħ huwa kważi wieqaf kif turi t-tabella li ġejja meħuda mill-istudju GIFAM: Tabella 4
|
(132) |
B’konsegwenza ta’ dan, l-għażla ta’ FagorBrandt, minn naħa, li tikkonċentra b’mod partikolari fuq […] u, min-naħa l-oħra, li tiżviluppa […], tidher koerenti mal-iżvilupp tas-segmenti u prodotti differenti. |
(133) |
Il-Kummissjoni, wara li analizzat l-elementi fundamentali l-oħra tal-pjan għar-ristrutturar li għandhom l-iskop li jiġġustifikaw ir-rilevanza tal-previżjonijiet fir-rigward tal-profitabilità operattiva ta’ FagorBrandt fiż-żmien, tqis li dawn il-previżjoijiet huma realistiċi. Tabella 5
|
(134) |
Għaldaqstant, il-bqija tal-analiżi se tillimita ruħha għaż-żewġ dubji preċiżi dwar in-natura realistika u suffiċjenti tal-pjan għar-ristrutturar li tqajmu fid-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura. |
(135) |
L-ewwel nett, il-Kummissjoni talbet spjegazzjonijiet dwar iż-żieda mistennija ta’ 20 % tal-fatturat fl-2007. L-awtoritajiet Franċiżi spjegaw li l-medda ta’ attività ta’ FagorBrandt tbiddlet fl-2006 bit-trasferiment tad-distribuzzjoni tal-marka Fagor minn Fagor għal FagorBrandt fis-swieq Brittaniċi u Franċiżi, u mbagħad tal-attivitajiet Franċiżi kollha ta’ Fagor (55). Il-fatturat ta’ dawn l-attivitajiet ġie stmat għal EUR [50-100] miljun għall-2007 u ġie inkluż fil-fatturat ta’ FagorBrandt għas-sena 2007. Fuq medda kostanti, iż-żieda prevista tal-fatturat kienet biss ta’ [5-10] %. Minn dak iż-żmien, Franza kkomunikat l-fatturat li sar realment fl-2007 lill-Kummissjoni. Dan kien EUR 903 miljun mqabbel ma’ EUR 779,7 miljun fl-2006, jiġifieri żieda ta’ madwar 16 % minn sena għall-oħra. |
(136) |
It-tieni nett, il-Kummissjoni osservat li l-pjan għar-ristrutturar ma kienx jindika kif FagorBrandt kienet se tagħmel biex tiffaċċja r-rimborż tal-għajnuna inkompatibbli li ngħatat mis-sussidjarja Taljana tagħha u li għalhekk b’dan il-mod inħoloq riskju għar-ritorn għall-vijabilità tal-impriża. L-awtoritajiet Franċizi ppreċiżaw li r-rimborż tal-għajnuna Taljana minn Brandt Italia għandu jkun probabbilment inqas minn EUR 200 000 (ara l-premessa (70) u l-premessi sussegwenti). Madankollu, kif il-Kummissjoni diġà indikat (ara l-premessa (76) u l-premessi sussegwenti), l-ammont tal-għajnuna Taljana li għandu jitqies għall-finijiet tad-deċiżjoni preżenti jitla’ għal EUR 3 190 878,02, li magħhom irid jiżdied l-imgħax sal-21 ta’ Ottubru 2008. Madankollu, il-Kummissjoni tqis li r-rimborż ta’ din is-somma ma jqajjimx dubju dwar ir-ritorn għall-vijabilita tal-impriża, għaldaqstant FagorBrandt hija mistennija li żżid il-kontribuzzjoni proprja tagħha għal ammont ekwivalenti għal EUR 3 190 878,02 u l-imgħax (f’dan ir-rigward ara l-premessa (149) u l-premessi sussegwenti). |
(137) |
Fuq il-bażi tal-konsiderazzjonijiet preċedenti, il-Kummissjoni tikkonkludi li d-dubji dwar ir-ritorn għall-vijabilità li tqajmu fid-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura huma mwarrba. |
6.6.2. Dubji dwar ir-ritorn għall-vijabilità mqajmin minn parti interessata
(138) |
Kif ġie indikat qabel, il-kompetitur li talab li jibqa’ anonimu jikkontesta l-fatt li r-ristrutturar jista’ jerġa’ jistabbilixxi l-vijabilità tal-impriża fit-tul. L-ewwel nett, huwa jqis li l-impriża kellha ċċaqlaq parti mill-produzzjoni tagħha lejn iż-żoni ta’ produzzjoni rħas, fejn tkun tista’ tibbenefika minn ekonomiji ta’ skala. It-tieni nett, l-impriża mhux se tkun tista’ tiffaċċja l-investimenti meħtieġa sabiex ittejjeb il-prodotti tagħha f’industrija li kull sena tirrikjedi investimenti kbar fl-għodda industrijali, it-tfassil, ir-riċerka u l-iżvilupp. Fl-aħħar nett, huwa jenfasizza li l-impriża għadha żgħira wisq meta mqabbla mal-kompetituri tagħha. Fil-premessi li ġejjin, il-Kummissjoni se tagħmel mezz li tivverifika jekk dawn l-osservazzjonijiet tal-kompetitur li talab li jibqa’ anonimu jqajmux dubju dwar il-konklużjonijiet dwar ir-ritorn għall-vijabilità. |
(139) |
Fir-rigward tal-ħtieġa li ċċaqlaq parti mill-produzzjoni f’pajjiżi irħas, il-Kummissjoni tosserva li l-awtoritajiet Franċiżi rrispondew b’mod preċiż għal dan il-punt. Huma jfakkru li l-iżvilupp immirat minn FagorBrandt (prodotti b’valur miżjud għoli u innovattivi), kif ukoll dak ta’ xi wħud mill-kompetituri strettament Ewropej tagħha, ma jaqbilx ma’ sistematizzazzjoni tal-produzzjoni tagħhom fil-pajjiżi rħas. […] Għall-impriżi ewlenin, l-istabbiliment ta’ unitajiet ta’ produzzjoni fil-pajjiżi rħas huwa wkoll pass għar-rieda li jiġi żviluppat il-bejgħ hemmhekk. |
(140) |
Fir-rigward tal-affermazzjonijiet tal-kompetitur li talab li jibqa’ anonimu dwar l-impossibbiltà għal FagorBrandt li tiffaċċja l-investimenti kbar meħtieġa sabiex tibqa’ kompetittiva u dwar id-daqs żgħir wisq tal-impriża meta mqabbla mal-impriżi ewlenin, il-Kummissjoni tosserva li hija stess indikat fil-punt 8 tad-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura li dawn l-elementi kkontribwixxew għad-diffikultajiet tal-impriża. Madankollu hija tosserva li l-pjan għar-ristrutturar jidher li jilqa’ dawn l-isfidi. Fil-fatt, l-impriża beħsiebha tikkonċentra fuq […]. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li ċerti impriżi fis-settur, minkejja d-daqs żgħir tagħhom meta mqabbla mal-impriżi l-kbar u l-produzzjoni kbira tagħhom fil-pajjiżi tal-Ewropa tal-Punent, jirnexxielhom jibqgħu kompetittivi billi jikkonċentraw fuq ċerti prodotti u segmenti (dawn huma atturi li sabu settur komdu għalihom bħal Miele, Smeg, Liebherr, Teka, jew fabbrikanti żgħar ta’ daqs nazzjonali bħal Candy u Gorenje). Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li l-integrazzjoni aktar u aktar avvanzata ta’ FagorBrandt fil-grupp Fagor tikkontribwixxi wkoll biex jiġu solvuti dawn il-problemi relatati mad-daqs. Fil-qosor, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-punti msemmija mill-kompetitur huma sfidi għal FagorBrandt iżda temmen li l-pjan għar-ristrutturar huwa ta’ tali natura li tiffaċċjahom u għandha probabilità suffiċjenti ta’ ritorn għall-vijabilità. |
(141) |
Fuq il-bażi ta’ dak li ntqal qabel, il-Kummissjoni tqis li l-kummenti li saru mill-kompetitur li talab li jibqa’ anonimu ma jitfgħux dubju fuq l-evalwazzjoni li minnha ħareġ li l-pjan għar-ristrutturar jippermetti li terġa’ tiġi stabbilita l-vijabilità ta’ FagorBrandt fit-tul. |
6.6.3. Effett tal-miżuri kompensatorji addizzjonali fuq ir-ritorn għall-vijabilità
(142) |
Fl-aħħar nett, dejjem fir-rigward tar-ritorn għall-vijabilità fit-tul, il-Kummissjoni, kif previst fl-aħħar sentenza tal-punt 38 tal-linji gwida dwar l-għajnuniet għar-ristrutturar, trid tivverifika jekk il-miżuri kompensatorji previsti jpoġġux fil-periklu l-vijabilità tal-impriża. Kif diġà ġie analizzat, l-awtoritajiet Franċiżi pproponew miżuri kompensatorji li ma kinux inklużi fil-previżjonijiet finanzjarji mehmuża man-notifika. Peress li l-Kummissjoni dehrilha li dawn il-miżuri kienu meħtieġa, dawn għandhom għaldaqstant ikunu implimentati. Fir-rigward ta’ dawn il-miżuri – il-waqfien tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tat-tkessiħ, tat-tisjir u tal-ħasil tal-platti tal-marka Vedette għal perjodu ta’ ħames snin – li jwasslu għal deterjorazzjoni fir-riżultati finanzjarji tal-impriża, għandu jiġi żgurat li l-impriża tista’ tiflaħ għalihom. |
(143) |
Skont l-awtoritajiet Franċiżi, it-Tabelli 6 u 7 li ġejjin jindikaw ir-riżultati finanzjarji tal-impriża, filwaqt li jqisu l-implimentazzjoni tal-miżuri kompensatorji proposti mill-awtoritajiet Franċiżi. It-Tabella 6 tiddeskrivi xenarju ottimist u t-Tabella 7 xenarju pessimist. Tabella 6
Tabella 7
|
(144) |
It-Tabelli 6 u 7 huma bbażati fuq l-ipoteżijiet li ġejjin dwar it-telf fil-fatturat li se jwassal għall-irtirar ta’ bosta familji ta’ prodotti kkummerċjalizzati taħt il-marka Vedette. Irtirar bħal dan jista’ jwassal għall-effetti li ġejjin:
|
(145) |
Ix-xenarju ottimist jikkunsidra biss l-effetti a) u b) tal-premessa (144) u t-telf relatat mal-waqfien tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodott jirrappreżenta telf ta’ [70-90] % tal-fatturat tal-familja ta’ prodotti mwaqqfa (l-[10-30] % li jifdal jiġu rkuprati minn FagorBrandt permezz taż-żieda fil-bejgħ ta’ prodotti identiċi mibjugħa taħt marki oħra li mhumiex Vedette) u ta’ [20-30] % tal-fatturat ta’ prodotti oħra kkummerċjalizzati taħt il-marka Vedette. Ix-xenarju pessimist iqis l-effett imsemmi fil-punt c) tal-premessa (144) billi jissupponi rata ta’ telf ta’ [110-130] % għall-familja ta’ prodotti mwaqqfa (it-telf jista’ mhux biss jaffettwa 100 % tal-fatturat tal-familja ta' prodotti mwaqqfa iżda jista’ wkoll jaffettwa prodotti u marki oħra mill-familja li titwaqqaf il-kummerċjalizzazzjoni tagħha) u ta’ [20-40] % għall-prodotti l-oħra kkumerċjalizzati taħt il-marka Vedette. L-awtoritajiet Franċiżi jispjegaw li ipoteżi pessimista bħal din tikkorrispondi għal esperjenza magħrufa mill-impriża: fl-2003 hija kienet iddeċidiet li tabbanduna l-kummerċjalizzazzjoni tal-majkrowejvs taħt il-marka Vedette fi Franza sabiex tikkonċentra biss fuq il-marka Brandt li kienet tibbenefika minn forza ta’ bejgħ speċifika. Dan it-twaqqif kellu effett sekondarju negattiv ħafna, għaliex mhux biss il-fatturat kollu magħmul taħt il-marka Vedette intilef iżda t-telf laħaq ukoll lill-marka Brandt (telf totali fuq dawn iż-żewġ marki ta’ […] apparati f’sentejn fuq bejgħ inizjali ta’ […] unitajiet, fosthom […] taħt il-marka Vedette, jiġifieri telf ta’ [120-140] % tal-ammonti abbandunati) (57). |
(146) |
Fuq il-bażi tal-analiżi tal-istatistiċi inklużi fiż-żewġ tabelli preċedenti u informazzjoni oħra pprovduta mill-awtoritajiet Franċiżi, il-Kummissjoni tosserva li l-miżuri kompensatorji magħżula se jdgħajfu l-impriża, għaliex se jwasslu għal deterjorazzjoni tal-qligħ tal-impriża mill-2009, is-sena li fiha ġew implimentati. Madankollu, l-impriża jerġa’ jkollha qligħ nett pożittiv mill-2010, li jiżdied fis-snin ta’ wara. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li l-miżuri kompensatorji proposti mill-awtoritajiet Franċiżi, anke jekk idgħajfu l-impriża, mhux se jimpedixxu r-ritorn għall-vijabilità. |
(147) |
L-impożizzjoni ta’ miżura kompensatorja addizzjonali mill-Kummissjoni, jiġifieri l-ħtieġa li l-waqfien tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti kkonċernati tal-marka Vedette, ma tqajjimx dubju dwar din il-konklużjoni. |
(148) |
Fil-fatt, kif jirriżulta mit-Tabella 3 li tippreżenta l-impatt tal-miżura kompensatorja addizzjonali fuq ir-riżultat finali tal-impriża, dan tal-aħħar jibqa’ pożittiv fis-snin 2014 sa 2016, u jkun hemm żieda stamata ta’ [1,5-3] %. Għaldaqstant, wieħed jasal għall-istess konklużjoni fir-rigward tal-miżura kompensatorja imposta mill-Kummissjoni: għalkemm din iddgħajjef lill-impriża, mhix se ċċaħħadha milli tirritorna għall-vijabilità. |
6.7. Limitazzjoni tal-għajnuna għall-minimu: kontribuzzjoni reali, eżenta minn għajnuna
(149) |
Sabiex l-għajnuna tkun tista’ tiġi awtorizzata, jeħtieġ li, b’applikazzjoni tal-punti 43 sa 45 tal-linji gwida dwar l-għajnuniet għar-ristrutturar, l-ammont u l-intensità tal-għajnuna jkunu limitati strettament għall-minimu meħtieġ sabiex jippermettu li jsir ir-ristrutturar skont id-disponibilitajiet finanzjarji tal-impriża, tal-azzjonisti tagħha jew tal-grupp li hija parti minnu. Il-benefiċjarji tal-għajnuna jridu jikkontribwixxu b’mod sostanzjali għall-pjan għar-ristrutturar mir-riżorsi proprji tagħhom, inkluż bil-bejgħ ta’ assi li mhumiex indispensabbli għas-sopravivenza tal-impriża, jew minn finanzjament estern miksub bil-kundizzjonijiet tas-suq. |
(150) |
Kif huwa indikat fil-punt 43 tad-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura, l-ispejjeż għar-ristrutturar, bħal ma huma deskritti fin-notifika tal-awtoritajiet Franċiżi, jitilgħu għal EUR 62,5 miljun. L-impriża beħsieba tikkontribwixxi għal EUR 31,5 miljun u tirċievi għajnuna ta' EUR 31 miljun.
|
(151) |
Fil-punt 44 tad-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni tqajjem żewġ dubji dwar din l-informazzjoni. Minn naħa, il-Kummissjoni titlob lill-awtoritajiet Franċiżi biex jiġġustifikaw għaliex ma inkludewx ir-rimborż tal-għajnuna 44f fl-ispejjeż għar-ristrutturar. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni titlob spjegazzjoni tan-natura tal-isforz proprju tal-benefiċjarju. |
(152) |
L-awtoritajiet Franċiżi taw risposta għat-tieni dubju u indikaw li l-isforz proprju tal-benefiċjarju huwa self mill-bank li tneħħa minn FagorBrandt minn fuq is-suq. Huma jispeċifikaw li fl-2006 l-impriża ħadet xi self mill-bank għal ammont ta’ EUR [20-40] miljun li sar EUR [20-40] miljun fl-2007 (58). Dan is-self ġie żgurat minn […]. Il-Kummissjoni tosserva li dan huwa “finanzjament estern miksub bil-kundizzjonijiet tas-suq” bħal ma huwa stabbilit fil-punt 43 tal-linji gwida dwar l-għajnuniet għar-ristrutturar u għalhekk huwa kontribuzzjoni valida. |
(153) |
Fir-rigward tal-ewwel dubju li tqajjem mill-Kummissjoni, l-awtoritajiet Franċiżi jindikaw li r-rimborż ta’ għajnuna inkompatibbli ma jistax ikun, a priori, ikkwalifikat bħala spiża għar-ristrutturar (u lanqas bħala sforz proprju tal-impriża benefiċjarja skont il-punti 43 u 44 tal-linji gwida dwar l-għajnuniet għar-ristrutturar). Huwa għal din ir-raġuni li ma għaddewx l-għajnuna 44f mal-ispejjeż għar-ristrutturar. Madankollu, huma jindikaw li, ovvjament, dan ir-rimborż, ikkalkulat għal madwar EUR [25-30] miljun (inklużi l-imgħaxijiet), huwa integrat fil-pjan kummerċjali mehmuż man-notifika bħal kull spiża finanzjarja oħra normali. Il-Kummissjoni taħseb li huwa indispensabbli li r-rimborż jitqies fil-pjan kummerċjali, li huwa l-każ hawnhekk (59). |
(154) |
Madankollu, ta’ min iqis ukoll li fil-21 ta’ Ottubru 2008 l-għajnuna Taljana riċevuta minn Brandt Italia telgħet għal EUR 3 190 878,02, ammont li miegħu wieħed għandu jżid l-imgħax. Għaldaqstant, wieħed ma jistax jeskludi li fil-kontribuzzjoni proprja prevista mill-impriża hemm is-somma inkwistjoni. B’konsegwenza ta’ dan, il-kontribuzzjoni proprja tal-benefiċjarju taqa’ taħt il-50 % mitluba mill-punt 44 tal-linji gwida dwar l-għajnuniet għar-ristrutturar. |
(155) |
Għaldaqstant, sabiex jiġi żgurat li l-kontribuzzjoni proprja tal-impriża tkun eżenti mill-għajnuna u tirappreżenta mill-inqas 50 % tal-ispejjeż tar-ristrutturar, il-Kummissjoni timponi bħala kundizzjoni għad-deċiżjoni pożittiva preżenti żieda fil-kontribuzzjoni proprja li tikkorrispondi għall-ammont tal-għajnuna Taljana, jiġifieri EUR 3 190 878,02, ammont li wieħed irid iżid miegħu l-imgħax sal-21 ta’ Ottubru 2008. |
(156) |
B’mod konkret, il-kontribuzzjoni proprja għall-ispejjeż tar-ristrutturar proposti minn FagorBrandt trid tiżdied b’dan l-ammont (b’self, permezz tal-azzjonisti je b’mezzi oħra) qabel tmiem il-perjodu tar-ristrutturar tal-impriża stabbilita fil-31 ta’ Diċembru 2012. L-awtoritajiet Franċiżi iridu juru prova ta’ din iż-żieda fi żmien xahrejn mill-iskadenza fil-31 ta’ Diċembru 2012. |
(157) |
Fir-rigward tal-affirmazzjoni tal-kompetitur li talab li jibqa’ anonimu li l-għajnuna mhijiex limitata għall-minimu, il-Kummissjoni tikkonferma li lil hinn mill-verifika tar-rispett tal-kriterju formali ta’ kontribuzzjoni proprja li taqbeż il-50 %, hija evalwat ukoll jekk l-għajnuna kinitx limitata għall-minimu possibbli, b’mod partikolari fuq il-bażi tal-kriterji definiti fil-punt 45 tal-linji gwida dwar l-għajnuniet għar-ristrutturar. Il-Kummissjoni tqis li dan huwa l-każ u li l-ammont tal-għajnuna ma jippermettix lill-impriża li jkollha “assi likwidi aktar minn dawk li hija tista’ tiddedika għal attivitajiet aggressivi li jistgħu jipprovokaw distorsjonijiet fuq is-suq li ma jkunux relatati mal-proċess tar-ristrutturar.” |
(158) |
Il-Kummissjoni tosserva b’mod partikolari li wara l-għotja tal-għajnuna u fi tmiem il-perjodu ta’ ristrutturar, il-grupp xorta se jkollu dejn kbir bil-proporzjon dejn-għal-ekwità iżjed minn 1. Għalhekk, FagorBrandt trid tindirizza bi prijorità l-likwidità maħluqa biex tnaqqas dan il-livell tad-dejn. |
6.8. Prinċipju ta’ għajnuna unika
(159) |
B’mod konformi mal-punti 72 u l-punti sussegwenti tal-linji gwida dwar l-għajnuniet għar-ristrutturar, għajnuna għar-ristrutturar tingħata darba waħda biss f’perjodu ta’ għaxar snin. |
(160) |
F’dan il-każ, l-għajnuniet Franċiżi u Taljani li bbenefikat minnhom FagorBrandt ma setgħux jikkwalifikaw bħala għajnuniet għas-salvataġġ u r-ristrutturar. Fil-fatt, meta ingħataw dawn l-għajnuniet, fl-2002 u l-2003 rispettivament, FagorBrandt ma kinitx f’diffikultà kif deher fil-premessi (45) sa (56). |
(161) |
B’konsegwenza ta’ dan, il-prinċipju ta’ għajnuna unika mitlub mil-linji gwida dwar l-għajnuniet għar-ristrutturar kien rispettat. |
6.9. Implimentazzjoni kompluta tal-pjan
(162) |
Il-pjan għar-ristrutturar ta’ FagorBrandt, inklużi l-impenji kollha ta’ Franza, għandu jkun eżegwit b’mod sħiħ (60). Il-Kumissjoni titlob li tiġi infurmata bl-iżvilupp tal-implimentazzjoni tal-pjan kif ukoll bl-impenji relatati miegħu. |
7. KONKLUŻJONI
(163) |
L-għajnuna tista’ tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern jekk il-kundizzjonijiet kollha imposti jkunu sodisfatti. |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-għajnuna li Franza qed tippjana li timplimenta favur l-impriża FagorBrandt għal ammont ta’ EUR 31 miljun hija kompatibbli mas-suq intern bil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 2.
Artikolu 2
1. L-awtoritajiet Franċiżi għandhom jissospendu l-ħlas tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni lill-impriża FagorBrandt sakemm ma jsirx l-irkupru minn FagorBrandt tal-għajnuna inkompatibbli msemmija fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/343/KE tas-16 ta’ Diċembru 2003 (61).
2. Il-pjan għar-ristrutturar ta’ FagorBrandt, bħal ma kien ippreżentat lill-Kummissjoni minn Franza fis-6 ta’ Awwissu 2007, għandu jiġi eżegwit b’mod sħiħ.
3. Il-kontribut proprju għall-ispejjeż tar-ristrutturar propost minn FagorBrandt ta’ EUR 31,5 miljun irid jiżdied bi EUR 3 190 878,02 u l-imgħax fuq dan l-ammont mid-data li fiha l-għajnuna Taljana tpoġġiet għad-dispożizzjoni ta’ FagorBrandt fl-21 ta’ Ottubru 2008. Din iż-żieda trid isseħħ qabel tmiem il-perjodu tar-ristrutturar tal-impriża stabbilit fil-31 ta’ Diċembru 2012. L-awtoritajiet Franċiżi iridu juru prova ta’ din iż-żieda fi żmien xahrejn mill-iskadenza fil-31 ta’ Diċembru 2012.
4. FagorBrandt twaqqaf il-produzzjoni tal-prodotti tat-tkessiħ, tat-tisjir u tal-ħasil tal-platti tal-marka Vedette għal perjodu ta’ tmien snin.
5. Sabiex jiġi żgurat li jkunu sodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 1 sa 4 ta’ dan l-Artikolu, Franza tinforma lill-Kummissjoni, permezz ta’ rapporti annwali, dwar is-sitwazzjoni tal-iżvilupp tar-ristrutturar ta’ FagorBrandt, dwar l-irkupru tal-għajnuna inkompatibbli deskritt fil-paragrafu 1, dwar il-ħlas tal-għajnuna kompatibbli, u dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri kompensatorji.
Artikolu 3
Franza tinforma lill-Kummissjoni, fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, bil-miżuri li ttieħdu sabiex tkun konformi magħha.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Franċiża.
Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Lulju 2012.
Għall-Kummissjoni
Joaquín ALMUNIA
Viċi President
(1) B'effett mill-1 ta' Diċembru 2009, l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE saru l-Artikoli 107 u 108, rispettivament, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”). Fiż-żewġ każijiet, id-dispożizzjonijiet huma identiċi fis-sustanza. Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, ir-referenzi għall-Artikoli 107 u 108 tat-TFUE jinftiehmu, jekk ikun il-każ, bħala referenzi għall-Artikoli 87 u 88 rispettivament tat-Trattat dwar il-KE. It-TFUE daħħal ukoll ċerti modifiki fit-terminoloġija, pereżempju “Komunità” tinbidel b'“Unjoni”, “suq komuni” tinbidel b'“suq intern” u “Qorti Ġenerali” tinbidel b'“Qorti”. It-terminoloġija użata f'din id-deċiżjoni hija dik tat-TFUE.
(2) ĠU C 275, 16.11.2007, p. 18.
(3) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 2.
(4) Il-parti interessata inkwistjoni kienet talbet għall-estensjoni taż-żmien ta’ xahar biex tissottometti kummenti bit-telefon u b’ittra ddatata s-16 ta’ Diċembru 2007, u l-Kummissjoni ma opponietx għal dan.
(5) ĠU L 160, 23.9.2009, p. 11.
(6) Is-Sentenza tal-Qorti tal-14 ta’ Frar 2012, Electrolux u Whirlpool Europe vs. Il-Kummissjoni (T-115/09 u T-116/09, għadhom ma ġewx ippubblikati fil-Ġabra)
(7) Ara s-sentenza tal-Qorti tad-9 ta’ Lulju 2008, Alitalia vs Il-Kummissjoni, T-301/01, Ġabra p. II-01753.
(8) Għal deskrizzjoni tal-pjan ta’ ristrutturar ara l-punt 11 u l-punti sussegwenti tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura.
(9) ĠU C 244, 1.10.2004, p. 2.
(10) Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Diċembru 2003, dwar l-iskema ta’ għajnuniet mill-Istat implimentata minn Franza għall-akkwist ta’ impriżi f’diffikultà, ĠU L 108, 16 ta’ April 2004, p. 38.
(11) Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta’ Diċembru 2004 dwar l-għajnuna mill-Istat li Franza qed tippjana li timplimenta favur il-kumpanija Bull, ĠU L 342, 24.12.2005, p.81, il-premessi 55 sa 63.
(12) Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ April 2006 dwar l-għajnuna mill-Istat li Franza qed tippjana li timplimenta favur Euromoteurs, ĠU L 307, 7.11.2006, p. 213, il-premessi 30 sa 31 u 42.
(*) Sigriet tan-negozju.
(13) Is-sentenza tal-Alitalia vs. il-Kummissjoni, imsemmija qabel fin-nota f'qiegħ il-paġna nru 7.
(14) Is-sentenza Alitalia vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il-punt 137.
(15) Is-sentenza Alitalia vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il-punti 144 u 159.
(16) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Alitalia vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il-punti 99 sa101 u 142.
(17) Is-sentenza Alitalia vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il-punt 174.
(18) Ara n-nota f'qiegħ il-paġna nru 2.
(19) Is-sentenza Alitalia vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il-punt 174.
(20) Il-gazzetta “La Tribune” tal-14 ta’ April 2005.
(21) Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Marzu 1991 dwar l-għajnuniet allokati mill-gvern Ġermaniż lill-kumpanija Deggendorf GmbH (ĠU L 215, 2.8.1991,p. 16).
(22) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Mejju 1997 fil-kawża C-355/95 P TWD vs Il-Kummissjoni, Ġabra I-2549, punti 25-26 (is-sentenza “Deggendorf”). Din is-sentenza tikkonferma l-validità tas-sentenza tat-13 ta’ Settembru 1995 tal-Qorti, TWD vs Il-Kummissjoni, T-244/93 u T-486/93, Ġabra, II-2265.
(23) F’dan ir-rigward, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Lejn implimentazzjoni effettiva tad-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jordnaw lill-Istati Membri biex tiġi rkuprata għajnuna mill-Istat inkompatibbli li ngħatat kontra l-liġi” (ĠU C 272, 15.11.2007, p. 4) tindika li l-“Kummissjoni bdiet … tapplika l-każistika Deggendorf … b’mod iktar sistematiku. Din il-każistika tippermetti lill-Kummissjoni, jekk ċerti kundizzjonijiet jiġu sodisfatti, li tordna lill-Istati Membri jissospendu l-ħlas ta' għajnuna ġdida kompatibbli lil kumpanija sakemm dik il-kumpanija tħallas lura għajnuna antika illegali u inkompatibbli li hija suġġetta għal deċiżjoni ta' rkupru.”
(24) Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 22.
(25) ĠU L 352, 27.11.2004, p. 10. Brandt Italia u l-Italja appellaw din id-deċiżjoni quddiem il-Qorti li ċaħdet dawn l-appelli fit-12 ta’ Settembru 2007 (kawżi konġunti T-239/04 u T-323/04). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkundannat l-Istat Taljan fis-6 ta’ Diċembru 2007 talli ma mexiex mas-sentenza tat-30 ta’ Marzu 2004 (Kawża C0280/05).
(26) Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 22.
(27) Is-sentenza Electrolux u Whirlpool, iċċitata qabel fin-nota f'qiegħ il-paġna nru 6, il-punt 67.
(28) Ara d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li ġejjin: id-Deċiżjoni tal-21 ta’ Ottubru 2003 dwar l-għajnuniet għar-riċerka u l-iżvilupp għas-sit ta’ Zamudio (pajjiż Bask) li Spanja pprevediet li ddaħħal fis-seħħ għall-impriża “Industria de Turbo Propulsores, SA” (ITP) (ĠU L 61 tas-27.2.2004, p. 87, il-premessi 32–36, 55 u 117–119); Id-deċiżjoni tas-16 ta’ Marzu 2005 dwar l-għajnuna mill-Istat li l-Italja –ir-reġjun ta’ Lazio – beħsiebha ddaħħal fis-seħħ għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett serra (ĠU L 244 tas-7.9.2006, p. 8); Id-deċiżjoni tat-8 ta’ Novembru 2006 dwar l-għajnuna mill-Istat C 11/06 (ex N 127/05) li l-Italja beħsiebha ddaħħal fis-seħħ għal AEM Torino (ĠU L 366 tal-21.12.2006, p. 62), il-premessi 39-41).
(29) Is-sentenza Electrolux u Whirlpool, iċċitata qabel fin-nota f'qiegħ il-paġna nru 6, il-punt 71: “Peress li l-Kummissjoni ma ssuġġettatx l-għoti tal-għajnuna inkwistjoni għall-irkupru tal-għajnuna inkompatibbli Taljana, hija bilfors kellha teżamina l-effett kumulattiv ta’ dawn iż-żewġ istanzi ta’ għajnuna, u hija naqset milli tagħmel hekk f’dan il-każ.”
(30) ĠU L 352, 27.11.2004, p. 10.
(31) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Ġunju 1994, Electrolux/AEG (ĠU C 187, 9.7.1994) tikkonkludi li d-dimensjoni ġeografika tas-swieq tal-apparat domestiku kbir kienet l-Ewropa tal-Punent. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Jannar 1999 dwar proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81 tat-Trattat KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE dwar is-CECED (ĠU L 187, 26.7.2000, p. 47) tikkonkludi li d-dimensjoni ġeografika hija ż-ŻEE. Dan il-każ tal-aħħar kien jikkonċerna s-settur tal-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ.
(32) Is-sehem tas-suq ikkombinat ta’ FagorBrandt u ta’ Fagor Electrodomesticos huwa massimu ta’ [5-10] %.
(33) Il-Kummissjoni ma tistax taċċetta l-argument mogħti minn Franza li ż-żamma tal-preżenza fis-suq ta’ FagorBrandt għandha effett pożittiv għax tevita l-ħolqien ta’ sitwazzjoni oligopolistika. L-awtoritajiet Franċiżi ma ġġustifikawx l-affermazzjoni tagħhom b’mod preċiż. Barra minn hekk, din l-affermazzjoni hija kontradittorja meta mqabbla man-notifika tagħhom li kienet tiddeskrivi suq kompetittiv ħafna, b’kompetizzjoni multipla, b’mod partikolari minn marki distributuri. Fl-aħħar nett, il-punt 39 tal-linji gwida dwar l-għajnuniet għar-ristrutturar jindika li se jiġu meqjusa s-sitwazzjonijiet “ta’ monopolju jew ta’ oligopolju strett”, li mhuwiex il-każ hawnhekk peress li jekk inqisu biss l-impriżi ewlenin, in-numru ta’ kompetituri diġà jilħaq erbgħa.
(34) Skont l-informazzjoni li pprovda hu, is-sehem tas-suq f’termini ta' volum fl-Ewropa niżel minn 5,3 % fl-2004, għal 5,2 % fl-2005 u 5 % fl-2006 u fl-2007.
(35) Jekk l-analiżi ssir fuq livell dinji, id-differenza hija akbar għaliex il-gruppi bħal Electrolux u Whirlpool għandhom attivitajiet kbar ħafna ’l barra mill-Ewropa. Bħala eżempju, fl-2005, il-fatturat ikkombinat ta’ FagorBrandt u ta’ Fagor Electrodomesticos tela’ għal inqas minn EUR 2 biljun, filwaqt li l-fatturat dinji fis-settur tal-apparat domestiku kbir ta’ Whirlpool, Electrolux, BSH u Indesit espress f’EUR kien rispettivament 11,8 biljun, 10,8 biljun, 7,3 biljun u 3,1 biljun.
(36) Kif inhu indikat, FagorBrandt mhux se tipproduċi iktar […] hi stess. FagorBrandt se tipproduċi […] hi stess. Madankollu, f’dawn it-taqsimiet, il-parti tal-prodotti ffabbrikati barra mill-Unjoni Ewropea hija aktar dgħajfa. Huwa fil-[…] li s-sehem tal-prodotti ffabbrikati bara mill-Unjoni Ewropea huwa l-akbar.
(37) [50-80] % tal-bejgħ ta’ FagorBrandt fil-fatt isir fis-suq Franċiż. F’dan ir-rigward, il-Qorti indikat kemm-il darba li “meta Stat Membru jalloka għajnuna lil impriża, il-produzzjoni interna tista’ tinżamm stabbli jew tiżdied, bil-konsegwenza li l-possibbiltajiet tal-impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra li jesportaw il-prodotti tagħhom lejn is-suq ta’ dan l-Istat Membru jonqsu” Sentenza tat-13 ta’ Lulju 1988, Franza vs Il-Kummissjoni (C-102/87, Ġabra p. 04067) (ara l-punt 19); Sentenza tal-14 ta’ Settembru 1994, Spanja vs Il-Kummissjoni (C-278/92, C-279/92 u C-280/92, Ġabra p. I-4103) (ara l-punt 40); Sentenza tas-7 ta’ Marzu 2002, L-Italja vs Il-Kummissjoni (C-310/99, Ġabra p. I-2289) (ara l-punti 84 sa 86); Sentenza tal-11 ta’ Lulju 2002, HAMSA vs Il-Kummissjoni (T-152/99, Ġabra p. II-3049) (ara l-punti 220 u 221).
(38) L-istampa Franċiża kienet semmiet ħafna n-nuqqas ta’ qligħ tal-attività tal-“friżers”. Artiklu f’Ouest France tat-8 ta’ Lulju 2004 kien indika, pereżempju: “ElcoBrandt, il-grupp Franċiż tal-apparat domestiku, fl-2005 se jagħlaq il-fabbrika tiegħu ta’ Lesquin (fit-Tramuntana), li hija speċjalizzata fil-fabbrikazzjoni tal-friżers, għax din ‘mhux qiegħda tagħmel qligħ aktar’. Sentejn ilu Elco kien xtara l-istabbiliment minn Brandt. Is-600 impjegat kienu aċċettaw pjan soċjali li kien jipprevedi ż-żamma ta’ 150 post tax-xogħol, li issa tneħħew.” B’mod aktar preċiż, persuni mid-direttorat ta’ Brandt indikaw fil-gazzetta “Les Echos”, f’artiklu li ġie ppubblikat fis-7 ta’ Lulju 2004, li “[m]inkejja l-isforzi kbar ta’ kompetizzjoni, ix-xiri ta’ 35 % tal-komponenti miċ-Ċina jew it-titjib tal-kwalità u l-produttività, it-tnaqqis tal-ispejjeż tas-suq għaġġel aktar minna” u li ż-“żamma ta’ attività ta’ produzzjoni ta’ chest freezers ma tagħmilx aktar sens ekonomikament fi ħdan il-grupp ElcoBrandt. Fil-fatt, kull darba li nbigħu wieħed minn dawn il-prodotti nkunu qegħdin nagħmlu telf ta’ 25 %.”
(39) Fin-notifika, l-awtoritajiet Franċiżi indikaw li wieħed mill-għanijiet tal-pjan għar-ristrutturar huwa “r-razzjonalizzazzjoni tal-produzzjoni, bl-abbandun ta’ ċerti segmenti li sar għandhom defiċit strutturali, sabiex nillimitaw it-telf relatat mal-akkwist tal-ishma fis-suq minn fabbrikanti ta’ pajjiżi rħas (majkrowejvs għalihom waħidhom, friżers u friġġijiet żgħar)”. Fl-ittra tagħhom tal-15 ta’ Frar 2008 fejn ikkumentaw fuq l-osservazzjonijiet tal-partijiet interessati, l-awtoritajiet Franċiżi jindikaw: “L-awtoritajiet Franċiżi jfakkru li … d-diversi miżuri li diġà ttieħdu l-ewwel nett għandhom l-għan li jwaqqfu t-telf (l-għeluq ta’ sit ta’ produzzjoni b’defiċit, Lesquin, u l-abbandun ta’ ċerti fabbrikazzjonijiet li ma jiġġenerawx qligħ, majkrowejs għalihom waħidhom).” Barra minn hekk, dawn iż-żewġ siltiet jikkonfermaw il-konklużjonijiet preċedenti dwar l-għeluq tal-fabbrika ta’ Lesquin.
(40) Dan il-fatt kien enfasizzat mill-awtoritajiet Franċiżi, b’mod partikolari fl-Anness 7 tan-notifika.
(41) Ara pereżempju l-Artikolu “Brandt: fin du contrat Miele confirmée. Après le retrait d'Électrolux, autre coup dur à Aizenay” (Brandt: ikkonfermat it-tmiem tal-kuntratt Miele. Wara l-irtirar ta’ Électrolux, daqqa ta' ħarta oħra f'Aizenay) ippubblikat f’Ouest France tat-3 ta’ Marzu 2005.
(42) U dan, inqas u inqas għax l-impriża għamlet qligħ tal-kapital mill-bejgħ ta’ EUR 774 000 miljun.
(43) Kif indikat fit-Taqsima 2.2 tad-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura, FagorBrandt bdiet tirristruttura ruħha mill-2004, meta dehru n-nuqqas ta’ kompetittività u l-ewwel diffikultajiet finanzjarji. Il-Kummissjoni għalhekk tqis li dan il-bejgħ “huwa part mir-ristrutturar stess” bħal ma huwa meħtieġ mill-punt 40 tal-linji gwida dwar l-għajnuniet għar-ristrutturar.
(44) L-awtoritajiet Franċiżi jindikaw li l-attività ta’ Brandt Components kienet tippermetti li l-impriża tibbenefika minn integrazzjoni qawwija fil-produzzjoni tal-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ li jinfetħu minn fuq, li hija storikament pożizzjoni b’saħħitha tal-grupp FagorBrandt. Skont l-awtoritajiet Franċiżi, din it-tip ta’ integrazzjoni hija b’mod partikolari mmirata għall-prodotti innovattivi jew li jeħtieġu għarfien speċifiku u hija pprattikata mill-atturi ewlenin tas-settur (pereżempju BSH jew Miele). Madankollu, il-Kummissjoni tosserva li, minbarra l-affermazzjonijiet preċedenti, l-awtoritajiet Franċiżi ma għandhomx elementi li jippermettulha tistabbilixxi mingħajr dubju – u inqas biex tikkwantifika dan l-effett – li l-bejgħ ta’ Brandt Components se jnaqqas il-possibbiltà għal FagorBrandt li tiżviluppa magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ kompetittivi u għalhekk inaqqas il-preżenza ta’ FagorBrandt fis-suq tal-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ. Għaldaqstant il-Kummissjoni ma tistax tikkonkludi li ċ-ċessjoni ta’ Brandt Components għandha effett reali fis-suq tal-apparat domestiku kbir.
(45) Fis-suq Franċiż, Vedette hija marka li tinsab fil-[…] post fis-suq tal-prodotti […]. Il-miżuri proposti għalhekk ma jnaqqsux il-preżenza ta’ FagorBrandt fis-suq tal-prodotti […]. Madankollu, il-maġġoranza l-kbira tal-gruppi li huma kompetituri ta’ FagorBrandt għall-[…] għandhom ukoll marki li huma kompetituri ta’ Vedette fis-suq tal-prodotti […]. Għalhekk huma jibbenefikaw mill-irtirar tal-prodotti Vedette deskritti hawn fuq.
(46) Fl-2007, dawn kienu jirrappreżentaw [30-40] % tal-fatturat tal-marka Vedette u [0-10] % tal-bejgħ ta’ FagorBrandt ta’ apparat domestiku kbir fis-suq Franċiż.
(47) L-għan ta’ din il-miżura huwa l-irtirar mis-suq tal-prodotti Vedette kkonċernati. Għalhekk huwa ċar li l-effett tal-miżura jisparixxi jekk FagorBrandt tagħti liċenzja għall-produzzjoni u/jew kummerċjalizzazzjoni ta’ dawn il-prodotti taħt il-marka Vedette lil impriża oħra.
(48) It-tabella tassumi li l-miżura tibda b’mod effettiv mill-1 ta’ Jannar 2009.
(49) Barra minn hekk, jekk l-affarijiet l-oħra jibqgħu l-istess, jinħass raġonevoli li tinżamm ir-rata ta’ [1,5-3] % għaliex din ir-rata hija aċċettata bħala ipoteżi għal tkabbir raġonevoli tal-fatturat fid-dawl tal-istrateġija tal-grupp u tal-prospetti tas-suq (ara l-premessa (125) u l-premessi sussegwenti.
(50) F’Marzu 2004 FagorBrandt biegħet il-fabbrika ta' Nevers tagħha (muturi tal-elettriku) u f’Jannar 2005 għalqet il-fabbrika ta’ Lesquin (friżers). Fl-aħħar nett, fl-2006 il-grupp waqqaf il-produzzjoni tal-majkrowejvs għalihom waħidhom mill-fabbrika ta’ Aizenay
(51) Il-grupp poġġa fis-seħħ […]. Ittieħdu ħafna miżuri oħra fi Franza fl-2006. F’dik l-istess sena, il-Grupp beda wkoll jirrazzjonalizza s-sit Taljan ta’ Verolanuova.
(52) F’dak li għandu x’jaqsam mal-miżuri ta’ żvilupp tal-perennità tal-impriża, u wara li saru studji bejn Marzu 2004 u Frar 2005, il-Grupp: […].
(53) CECED: Kunsill Ewropew għall-Kostruzzjoni ta’ Apparat Domestiku (Conseil Européen de la Construction d'appareils Domestiques), organizzazzjoni li tħaddan 15-il produttur li mill-inqas għandhom dimensjoni Ewropea u 26 assoċjazzjoni tas-settur preżenti f’bosta pajjiżi Ewropej (membri jew le tal-Unjoni Ewropea).
(54) GIFAM: Grupp Interprofessjonali tal-Produtturi ta’ Tagħmir Domestiku (Groupement Interprofessionnel des Fabricants d'Appareils d'équipements Ménagers) li jiġbor madwar ħamsin impriża preżenti fis-swieq tat-tagħmir domestiku.
(55) Il-Kummissjoni analizzat jekk din l-integrazzjoni avvanzata ta’ FagorBrandt f’Fagor titfax dubju fuq il-konklużjonijiet li waslu għalihom fil-punt 27 tad-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura dwar l-eġibilità ta’ FagorBrandt. Hija kkonkludiet li dan ma kienx il-każ għaliex il-maġġoranza tal-elementi msemmija f’dan il-punt għadhom validi.
(56) Dan it-tnaqqis jirriżulta mill-effetti li nħolqu mill-waqfien tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tal-marka Vedette fuq il-viżibilità tal-marka Vedette fir-rigward tad-distributuri.
(57) Il-Kummissjoni tqis, fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta mill-awtortajiet Franċiżi, li hemm probabbiltà żgħira li jseħħ ix-xenarju pessimist. Fil-fatt, l-awtoritajiet Franċiżi jibbażaw fuq l-esperjenza tal-majkrowejvs Vedette. Madankollu, kif se jkun indikat, dan huwa prodott li bih FagorBrandt ma kenitx kompetittiva aktar (din hija r-raġuni għaliex iddeċiediet li twaqqaf il-produzzjoni internament) u li għalih hemm dħul kbir fis-suq tal-produtturi mill-pajjiżi rħas. L-ipoteżi magħżula mill-awtoritajiet Franċiżi, jiġifieri li jiġi attribwit it-tnaqqis kollu tal-bejgħ tal-majkrowejvs osservat matul dawn is-sentejn biss għad-deċiżjoni li titwaqqaf il-kummerċjalizzazzjoni tal-majkrowejvs taħt il-marka Vedette, tidher li hija waħda estrema.
(58) Ittra tal-awtoritajiet Franċiżi tal-15 ta’ Frar 2008.
(59) Fid-Deċiżjoni tagħha tas-26 ta’ April 2006 dwar l-għajnuna mill-Istat li Franza qed tippjana li timplimenta favur Euromoteurs (ĠU L 307, 7.11.2006, p. 213), il-Kummissjoni qieset li l-fatt li l-pjan għar-ristrutturar sottomess ma kienx jinkludi r-rimborż ta’ għajnuna inkompatibbli li rċeviet l-impriża jikkonferma l-konklużjoni li dan il-pjan ma jippermettix li terġa’ tiġi stabbilita il-vijabilità tal-impriża fit-tul.
(60) Bħal ma kien indikat qabel, il-pjan għar-ristrutturar beda fl-2004 u l-maġġoranza tal-miżuri għar-ristrutturar diġà kienu implimentati.
(61) Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Diċembru 2003, dwar l-iskema ta’ għajnuniet mill-Istat implimentata minn Franza għall-akkwist ta’ impriżi f’diffikultà, ĠU L 108, 16 ta’ April 2004, p. 38.