Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013D0271

    2013/271/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tas- 6 ta’ Ġunju 2013 li temenda l-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/117/UE li tistabbilixxi lista tal-istadji tad-deċiżjonijiet ewlenin għall-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-programm Galileo f’dak li għandu x’jaqsam maċ-ċentri u l-istazzjonijiet terrestri li għandhom jitwaqqfu fil-qafas tal-fażijiet tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-programm

    ĠU L 156, 8.6.2013, p. 15–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 07/04/2016; Impliċitament imħassar minn 32016D0413

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2013/271/oj

    8.6.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 156/15


    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

    tas-6 ta’ Ġunju 2013

    li temenda l-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/117/UE li tistabbilixxi lista tal-istadji tad-deċiżjonijiet ewlenin għall-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-programm Galileo f’dak li għandu x’jaqsam maċ-ċentri u l-istazzjonijiet terrestri li għandhom jitwaqqfu fil-qafas tal-fażijiet tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-programm

    (2013/271/UE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 683/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar implimentazzjoni ulterjuri tal-programmi Ewropej ta’ navigazzjoni bis-satellita (EGNOS u Galileo) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 12(3) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Fl-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/117/UE (2), hemm diversi referenzi għall-protokolli li jridu jiġu ffirmati mal-Istati Membri li għandhom ċentri u stazzjonijiet fit-territorju tagħhom. Madankollu, fil-fatt dawn mhumiex protokolli iżda ftehimiet.

    (2)

    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2012/117/UE tipprevedi t-twaqqif ta’ ċentru għas-superviżjoni tas-sigurtà tas-sistema u tas-servizzi pprovduti, magħruf bħala “iċ-ċentru tas-sigurtà Galileo (GSMC)”. Din id-Deċiżjoni fl-Anness tagħha tispeċifika li għandhom jiġu ffirmati protokolli dwar it-twaqqif ta’ dan iċ-ċentru ma’ Franza u r-Renju Unit fl-2012.

    (3)

    Fil-fatt, il-protokolli bejn Franza u r-Renju Unit għat-twaqqif taċ-ċentru tas-siġurtà Galileo ma ġewx iffirmati fl-2012, iżda għandhom jiġu ffirmati ftehimiet fl-2013.

    (4)

    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2012/117/UE tipprevedi wkoll it-twaqqif ta’ “ċentru tas-servizzi GNSS (GSC)” f’Madrid biex jiżgura l-interazzjoni bejn is-sistema, minn naħa, u l-utenti tas-servizz miftuħ, tas-servizz kummerċjali u tas-servizz ta’ ħarsien tal-ħajja, min-naħa l-oħra. L-Anness tad-Deċiżjoni jispeċifika li se jiġi ffirmat protokoll dwar it-twaqqif ta’ dan iċ-ċentru ma’ Spanja fis-17 ta’ Marzu 2011.

    (5)

    Fil-fatt, it-test iffirmat fis-17 ta’ Marzu 2011 mhuwiex protokoll iżda sempliċiment memorandum ta’ ftehim. It-twaqqif tal-GSC, madankollu, għandu jkun is-suġġett ta’ ftehim ma’ Spanja fl-2013.

    (6)

    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2012/117/UE tipprevedi wkoll it-twaqqif ta’ ċentru msejjaħ “ċentru tar-rendiment Galileo” li, f’isem min imexxi l-programm u indipendentement mill-utent, jevalwa l-kwalità tas-servizzi pprovduti u jikkomunika lill-utenti informazzjoni dwar il-ħin u l-ġeodeżija.

    (7)

    Għal raġunijiet relatati man-natura tal-funzjonijiet taċ-ċentru tar-rendiment Galileo, l-isem taċ-ċentru mogħti fl-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2012/117/UE għandu jiġi emendat għal “Ċentru ta’ referenza Galileo” (“GRC”). Barra min hekk, fid-dawl tal-preżenza ta’ installazzjonijiet u apparat eżistenti adattati għall-ħidmiet assenjati liċ-ċentru ta’ referenza Galileo, il-bżonnijiet tas-sigurtà marbutin ma’ dan iċ-ċentru, u l-limiti tekniċi u baġitarji marbutin mal-funzjonament tiegħu, jidher li s-sit tal-ESTEC f’Noordwijk fil-Pajjiżi l-Baxxi, li huwa proprjetà tal-Aġenżija Spazjali Ewropea, huwa fl-aħjar pożizzjoni biex jospita ċ-ċentru. Għandu jkun innutat li ċ-ċentru ta’ referenza Galileo ma’ għandux jiddupplika l-istrumenti li diġà qegħdin fis-seħħ fl-Istati Membri. Fl-aħħar nett, it-twaqqif ta’ ċentru ta’ referenza Galileo mhux se jkun lest fl-2014, iżda dan se jitlesta fl-2016 minflok.

    (8)

    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2012/117/UE tipprevedi wkoll it-twaqqif ta’ serje ta’ stazzjonijiet remoti tal-kejl Galileo, magħrufa bħala “stazzjonijiet GSS”, li, biex jippermettu l-għoti tas-servizzi, minn naħa jwettqu kejl tal-“psewdo” distanza, u min-naħa l-oħra jiġbru s-sinjali mibgħuta mis-satelliti biex jissorveljaw il-kwalità tagħhom. Dawn l-istazzjonijiet għandhom ikunu mqassmin bl-aħjar mod madwar id-dinja kollha, skont il-limiti ġeografiċi.

    (9)

    Is-serje ta’ stazzjonijiet GSS ma tinkludi l-ebda stazzjon fiż-żona tal-Paċifiku tat-Tramuntana. Billi huwa essenzjali li din iż-żona tkun koperta wkoll, għandu jiġi installat stazzjon GSS hemmhekk. Huwa ppjanat li dan l-istazzjon jiġi installat f’Tokjo, fil-Ġappun, fl-ambaxxata Belġjana, jekk ir-riżultati tal-istudji tal-fattibbilità jkunu pozittivi.

    (10)

    Għaldaqstant, l-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2012/117/UE għandu jiġi emendat skont dan.

    (11)

    Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 19(1) tar-Regolament (KE) Nru 683/2008,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2012/117/UE għandu jiġi emendat kif ġej:

    (1)

    fir-ringiela dwar it-twaqqif taċ-ċentru tas-sigurtà Galileo (GSMC), fil-kolonna “Miżuri”, il-kelma “protokolli” għandha tinbidel bil-kelma “ftehimiet” u s-sena “2012” għandha tinbidel bis-sena “2013”;

    (2)

    fir-ringiela dwar it-twaqqif ta’ ċentru tas-servizzi GNSS (GSC), fil-kolonna “Miżuri”, is-sentenza “Se jiġi ffirmat protokoll dwar it-twaqqif ma’ Spanja fis-17 ta’ Marzu 2011” għandha tinbidel bis-sentenza “Ġie ffirmat memorandum ta’ ftehim ma’ Spanja fis-17 ta’ Marzu 2011 dwar dan it-twaqqif u huwa mistenni jiġi ffirmat ftehim ma’ Spanja dwaru fl-2013”;

    (3)

    fir-ringiela dwar it-twaqqif ta’ ċentru tas-servizzi SAR, fil-kolonna “Miżuri” il-kelma “protokoll” għandha tinbidel bil-kelma “ftehim”;

    (4)

    ir-ringiela dwar it-twaqqif ta’ ċentru tar-rendiment Galileo għandha tiġi emendata kif ġej:

    (a)

    fil-kolonna “Data”, is-snin “2013-2014” għandhom jinbidlu bis-snin “2013-2016”;

    (b)

    fil-kolonna “Stadju tad-deċiżjoni ewlenija”, il-kliem “Twaqqif ta’ ċentru tar-rendiment Galileo” għandhom jinbidlu bil-kliem “Twaqqif ta’ ċentru ta’ referenza Galileo (GRC)”;

    (c)

    Fil-kolonna “Miżuri”, is-sentenzi “Iċ-ċentru tar-rendiment Galileo għandu jitwaqqaf progressivament fi Stat Membru f’post li għadu jrid jiġi determinat. It-twaqqif għandu jibda fl-2013 u jitlesta fl-2014. Għandu jiġi ffirmat protokoll dwaru mal-Istat Membru kkonċernat.” għandhom jinbidlu bis-sentenzi “Iċ-ċentru ta’ referenza Galileo għandu jitwaqqaf progressivament fis-sit tal-ESTEC (fil-Pajjiżi l-Baxxi). It-twaqqif għandu jibda fl-2013 u jitlesta fl-2016. Għandu jiġi ffirmat ftehim dwaru mal-Pajjiżi l-Baxxi.”;

    (5)

    fir-ringiela dwar it-twaqqif tal-istazzjonijiet GSS, fil-kolonna “Miżuri”, fit-tieni paragrafu, għandu jiddaħħal il-kliem “Tokjo (il-Ġappun), “ bejn il-kliem “Madère (il-Portugall), “ u “Kerguelen”.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Ġunju 2013.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 196, 24.7.2008, p. 1.

    (2)  ĠU L 52, 24.2.2012, p. 28.


    Top