Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013D0226

    2013/226/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tal- 21 ta’ Mejju 2013 li jirrifjuta l-Proposta għal Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu polietilentereftalat li joriġina mill-Indja, it-Tajwan u t-Tajlandja wara reviżjoni ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009, u li jtemm il-proċediment tar-reviżjoni ta’ skadenza fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ ċertu polietilentereftalat li joriġina mill-Indoneżja u l-Malasja, minħabba li l-proposta timponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu polietilentereftalat li joriġina mill-Indja, it-Tajwan u t-Tajlandja

    ĠU L 136, 23.5.2013, p. 12–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2013/226/oj

    23.5.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 136/12


    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

    tal-21 ta’ Mejju 2013

    li jirrifjuta l-Proposta għal Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu polietilentereftalat li joriġina mill-Indja, it-Tajwan u t-Tajlandja wara reviżjoni ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009, u li jtemm il-proċediment tar-reviżjoni ta’ skadenza fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ ċertu polietilentereftalat li joriġina mill-Indoneżja u l-Malasja, minħabba li l-proposta timponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu polietilentereftalat li joriġina mill-Indja, it-Tajwan u t-Tajlandja

    (2013/226/UE)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 9(4) u 11(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta sottomessa mill-Kummissjoni Ewropea, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv,

    Billi:

    DAĦLA

    (1)

    Miżuri anti-dumping kontra l-importazzjonijiet ta’ polietilentereftalat (PET) li joriġina mill-Indja, l-Indoneżja, l-Malasja, it-Tajwan u t-Tajlandja ilhom fis-seħħ mill-2000, u ġġeddu fl-2007. B’mod parallel, il-miżuri kumpensatorji fuq il-PET ilhom fis-seħħ mill-2000, u hemm ukoll fis-seħħ miżuri għad-difiża tal-kummerċ fuq importazzjonijiet miċ-Ċina, l-Iran, il-Pakistan u l-Emirati Għarab Magħquda.

    (2)

    Ir-Reviżjoni tal-Iskadenza ta’ dawn il-miżuri antidumping inbdiet fl-24 ta’ Frar 2012. Ir-Reviżjoni tal-Iskadenza tal-miżuri kumpensatorji fuq importazzjonijiet ta’ PET mill-Indja ukoll inbdiet fl-24 ta’ Frar 2012. Il-Kunsill aċċeta l-proposta tal-Kummissjoni biex jinżammu dawn il-miżuri kumpensatorji.

    (3)

    Skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (ir-Regolament Antidumping Bażiku), il-miżuri ser jiskadu wara perijodu għajr jekk l-iskadenza ta’ miżura x’aktarx twassal għal kontinwazzjoni jew rikorrenza tal-bejgħ taħt il-prezz u l-ħsara. L-Artikolu 11(2) jgħid ukoll li l-probabbiltà ta’ rikorrenza tista’ tiġi indikata b’evidenza:

    (a)

    ta’ bejgħ taħt il-prezz u ħsara kontinwa; jew

    (b)

    li t-tneħħija tal-ħsara hija parzjali jew ikkawżata biss mill-eżistenza ta’ miżuri; jew

    (c)

    li ċ-ċirkustanzi tal-esportaturi, jew il-kondizzjonijiet tas-suq, huma tali li kienu jindikaw il-probabbilità ta’ aktar dumping b’dannu.

    Finalment, l-Artikolu 11(2) jgħid li għandhom isiru konklużjonijiet, filwaqt li tingħata l-attenzjoni mistħoqqa għall-evidenza rilevanti u dokumentata ppreżentata fejn għandha x’taqsam il-kwistjoni dwar jekk l-iskadenza tal-miżuri twassalx għall-kontinwazzjoni jew ir-rikorrenza tad-dumping u tal-ħsara.

    (4)

    Il-Kunsill jaqbel li ma hemm l-ebda probabbiltà li l-produtturi esportaturi Indoneżjani jew Malasjani jerġgħu jibdew jesportaw kwantitajiet dannużi bi prezzijiet ta’ dumping għas-suq tal-Unjoni fil-perijodu qasir jew dak medju jekk il-miżuri jiġu revokati.

    (5)

    Madankollu, il-fehma tal-Kunsill hija li ma ġiex muri li t-tneħħija tal-miżuri antidumping kontra l-Indja, it-Tajwan u t-Tajlandja x’aktarx twassal għall-issoktar jew għall-bidu ġdid ta’ dumping dannuż. Barra minn hekk, huwa jikkonkludi li l-impożizzjoni mill-ġdid tal-miżuri tkun ċarament kontra l-interess ġenerali tal-Unjoni.

    (6)

    Il-Kunsill huwa tal-opinjoni li f’dan il-każ 13-il sena kienu biżżejjed biex l-industrija Ewropea tkun tista’ tadatta għall-kompetizzjoni globali u tirkupra b’mod sostanzjali. Barra minn hekk, is-swieq ta’ esportazzjoni prinċipali għall-PET qed jikbru u d-domanda globali għal-prodotti ppakkjati fil-PET probabbilment tespandi iżjed, aktar ma l-ekonomija dinjija tirkupra.

    ĦSARA

    (7)

    Il-valutazzjoni tal-Kunsill, ibbażata fuq l-evidenza fil-proposta, hija li l-industrija tal-UE attwalment mhix issofri ħsara materjali.

    RIKORRENZA TAL-ĦSARA

    (8)

    Il-Kunsill eżamina wkoll jekk ir-rikorrenza tal-ħsara materjali tkunx probabbli jekk il-miżuri jitħallew jiskadu. Il-valutazzjoni tal-Kunsill hija li dan x’aktarx ma jseħħx. Il-produttività żdiedet fil-perijodu kopert mir-Reviżjoni tal-Iskadenza. B’mod konsistenti, l-industrija tal-UE għandha ’l fuq minn 70 % tas-suq tal-UE u l-prezzijiet, il-profittabbiltà, ir-redittu fuq l-investiment u ċ-ċifri tal-flussi ta’ flus qed jitjiebu b’mod sinifikanti. Ix-xejriet juru li l-iżviluppi tas-suq ma jistgħux jitqiesu bħala temporanji.

    (9)

    Dawn l-iżviluppi jippermettu lil produtturi fl-UE jikkompetu mal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati mingħajr ma jwasslu għal rikorrenza tal-ħsara materjali. Barra minn hekk, il-prezzijiet tal-importazzjonijiet żdiedu b’mod sinifikanti matul l-aħħar snin u għalhekk il-pressjoni tal-prezzijiet qed tonqos.

    (10)

    L-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati mhumiex sinifikanti f’termini tas-sehem tagħhom tas-suq tal-UE (għadu taħt l-4 % fil-perjodu tal-investigazzjoni ta’ reviżjoni (PIR)) u fir-rigward ta’ importazzjonijiet minn pajjiżi oħrajn u l-bejgħ tal-produtturi tal-UE. Barra minn hekk, il-prezzijiet tagħhom huma konformi ma’ dawk tal-bejgħ fl-UE u l-importazzjonijiet l-oħrajn. Barra minn dan, skont id-data ppreżentata, f’termini tas-sehem tas-suq il-miżuri kienu aktar ta’ benefiċċju għall-produtturi minn pajjiżi terzi milli għall-industrija tal-Unjoni.

    (11)

    L-ishma tas-suq kemm tat-Tajwan kif ukoll tat-Tajlandja jinsabu qrib iż-żero. Fid-dawl tal-fatt li l-volumi huma daqstant żgħar, l-affidabbiltà tad-dikjarazzjonijiet dwar id-dumping x’aktarx huma soġġetti għal marġni kbir ta’ żball.

    (12)

    Fejn hemm importazzjonijiet, il-prezzijiet tal-importazzjonijiet żdiedu b’mod qawwi. Il-prezzijiet Indjani żdiedu b’29 %, il-prezzijiet Tajwaniżi żdiedu b’27 % u l-prezzijiet Tajlandiżi żdiedu b’32 % fuq il-perijodu kkunsidrat. Barra minn hekk, fit-tliet każijiet kollha, ma nstab l-ebda twaqqigħ tal-prezz. Il-valutazzjoni tal-Kunsill hija li għalhekk mhux possibbli li tiġi ġustifikata konklużjoni li dawn l-importazzjonijiet qed jikkawżaw ħsara. Il-valutazzjoni tal-Kunsill hija wkoll li ma ntweriex li dumping ta’ ħsara permezz ta’ importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati x’aktarx jerġa’ jitfaċċa ladarba jiskadu l-miżuri.

    (13)

    Għalkemm hemm xi kapaċità żejda fil-pajjiżi kkonċernati, il-Kunsill mhux persważ li dawk il-kapaċitajiet mhux użati jiġi diretti lejn l-UE. Id-domanda qed tikber fil-parti l-kbira tas-swieq il-kbar.

    (14)

    Il-livell tal-prezzijiet fl-UE, meta mqabbel ma’ pajjiżi oħrahuwa ogħla minn fi swieq kbar oħrajn, minħabba li huma fis-seħħ dawn il-miżjuri fit-tul. Mingħajr il-miżuri, il-prezzijiet jkollhom tendenza jinnormalizzaw fir-rigward ta’ pajjiżi oħrajn. Miżuri ta’ difiża tal-kummerċ f’pajjiżi terzi x’aktarx mhux ser jiddevjaw kummerċ sinifikanti lejn l-UE għax dawn il-pajjiżi mhumiex il-konsumaturi dinjin ewlenin tal-PET. Ma ngħatat l-ebda informazzjoni dwar jekk hemmx miżuri tad-difiża tal-kummerċ fi swieq tal-PET kbar oħrajn bħall-Istati Uniti jew il-Ġappun. Għalhekk, il-Kunsill jemmen li minkejja li jista’ jkun hemm żieda fl-importazzjonijiet wara l-iskadenza tal-miżuri, din iż-żieda ma tkunx sinifikanti.

    (15)

    Il-valutazzjoni tal-Kunsill hija li ma ngħatat l-ebda evidenza persważiva dwar għadd ta’ fatturi li jidhru rilevanti għal kwalunkwe valutazzjoni ta’ jekk it-tneħħija tad-dazji twassalx għal bidu ġdid ta’ dumping ta’ ħsara. Dawn jinkludu:

    (a)

    xejriet tad-domanda f’pajjiżi terzi: fil-każ tat-Tajwan, pereżempju, l-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi jammontaw għal 60 % tal-kapaċità tal-produzzjoni. Dan jissuġġerixxi li x-xejriet tad-domanda futura f’dawn il-pajjiżi huma rilevanti għall-valutazzjoni;

    (b)

    l-ispejjeż tat-trasport u fatturi oħrajn li jaffettwaw il-profittabbiltà: jekk is-swieq tal-esportazzjoni ta’ pajjiżi terzi jkunu erqeb mis-suq tal-UE għall-esportatur — il-Lvant tal-Asja huwa suq sinifikanti — dan ser jaffettwa l-ispejjeż tat-transport u għalhekk il-profittabbiltà tal-bejgħ tal-esportazzjonijiet u għalhekk l-attrazzjoni relattiva tas-suq tal-UE.

    (16)

    Fatturi oħrajn jindikaw lejn il-probabbiltà li t-tneħħija tal-miżuri mhux ser twassal biex jerġa’ jibda d-dumping li jikkawża ħsara materjali għall-Industrija tal-Unjoni. Miżuri kontinwi ta’ antisussidju kontra l-Indja u ta’ antidumping kontra ċ-Ċina u pajjiżi oħrajn ser ikomplu jipprovdu xi protezzjoni għall-Industrija tal-Unjoni. Ix-xejra tal-passat ta’ kummerċ f’dan is-suq ukoll tissuġġerixxi li kwalunkwe żieda fl-esportazzjonijiet mill-Indja, t-Tajlandja u t-Tajwan tista’, b’mod komplet jew parzjali, tisposta l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi pjuttost milli l-produzzjoni tal-UE.

    (17)

    Il-valutazzjoni tal-Kunsill hija li x’aktarx mhux ser jerġa’ jkun hemm ħsara materjali jekk il-miżuri jitħallew jiskadu. Għalhekk il-Kunsill iqis li l-kriterji għall-issoktar tal-miżuri skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament Bażiku ma ġewx sodisfatti.

    INTERESS TAL-UNJONI

    (18)

    L-Artikolu 21(1) tar-Regolament Bażiku jipprovdi li d-determinazzjoni dwar jekk l-interess tal-Unjoni jitlobx intervent għandha tkun ibbażata fuq apprezzament tad-diversi interessi kollha flimkien.

    (19)

    Il-prezzijiet tal-PET huma determinati minn għadd ta’ fatturi, iżda huwa ċar li l-miżuri antidumping żiedu l-ispejjeż għall-industrija tal-utent. Ħafna utenti huma dawk li jibbottiljaw u SMEs li joperaw f’marġni stretti u dawn intlaqtu b’mod serju mill-prezzijiet għoljin tal-PET fis-snin reċenti għax il-PET jirrapreżenta porzjon deċiżiv tal-ispejjeż tal-produzzjoni tagħhom. L-impatt tal-ispejjeż għoljin kien l-akbar fuq kumpanniji żgħar li jibbottiljaw li ma kinux kapaċi jgħaddu l-prezzijiet miżjuda fuq bejjiegħa bl-imnut u l-konsumaturi finali minħabba saħħa baxxa ta’ negozjar. Bosta qed jagħmlu telf kbir u tilfu għadd sinifikanti ta’ ħaddiema. Il-proposta tirrikonoxxi s-sitwazzjoni tal-utenti li qed tiddeterjora u l-fatt li l-prezzijiet tal-PET fl-UE huma ogħla minn dawk fi swieq kbar oħrajn. Madankollu, fl-opinjoni tal-Kunsill, ma ġiex muri li l-miżuri inkwistjoni mhumiex fattur li jikkontribwixxi għall-prezzijiet relattivament għoljin tal-PET fl-Unjoni.

    (20)

    L-industrija tal-PET fl-UE issa hija kkonċentrata ferm u dejjem aktar integrata vertikalment. Din hija profittabbli u għandha tkun kapaċi tkun kompetittiva internazzjonalment.

    (21)

    L-akkumulazzjoni ta’ miżuri flimkien mal-integrazzjoni dejjem tikber tal-produtturi tal-PET u tal-kumpanniji tal-ippakkettjar tal-PET fl-UE toħloq sitwazzjoni li fiha hemm nuqqas ta’ kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għal kumpanniji tal-ippakkettjar tal-PET indipendenti li huma soġġetti għall-PET bl-ogħla prezzijiet fid-dinja (fid-dawl tal-effett orizzontali li jeżisti fuq il-prezzijiet tal-PET), filwaqt li l-kompetituri prinċipali tagħhom f’ pajjiżi terzi għandhom aċċess għall-PET bi prezzijiet orħos.

    (22)

    L-utenti tal-PET għandhom sorsi ta’ provvista limitati ferm barra l-UE, għax il-miżuri huma fis-seħħ ukoll kontra importazzjonijiet li joriġinaw f’pajjiżi terzi.

    (23)

    Il-Kunsill jikkonkludi li jidher ċar li mhux fl-interess tal-Unjoni li l-miżuri jiġu estiżi peress li l-ispejjeż għall-importaturi, l-utenti u l-konsumaturi mhumiex proporzjonati għall-benefiċċji tal-industrija tal-Unjoni.

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-Proposta għal Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu polietilentereftalat li joriġina mill-Indja, it-Tajwan u t-Tajlandja wara reviżjoni ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009, u li jtemm il-proċediment tar-reviżjoni ta’ skadenza fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ ċertu polietilentereftalat li joriġina mill-Indoneżja u l-Malasja hija rifjutata minħabba li l-proposta timponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu polietilentereftalat li joriġina mill-Indja, it-Tajwan u t-Tajlandja.

    Artikolu 2

    Il-proċediment ta’ reviżjoni fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ polietilentereftalat b’numru ta’ viskożità ta’ 78 ml/g jew ogħla, skont l-Istandard tal-ISO 1628-5, li attwalment jaqa’ taħt il-kodiċi NM 3907 60 20 u li joriġina mill-Indja, l-Indoneżja, l-Malasja, it-Tajwan u t-Tajlandja huwa tterminat.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Mejju 2013.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    E. GILMORE


    (1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.


    Top