Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013D0131

    2013/131/UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 4 ta’ Marzu 2013 li tistabbilixxi l-gwida għall-utent u twaqqaf il-passi meħtieġa għall-parteċipazzjoni fl-EMAS, skont ir-Regolament (KE) Nru 1221/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-parteċipazzjoni volontarja ta’ organizzazzjonijiet fi skema Komunitarja ta’ ġestjoni u verifika ambjentali (EMAS) (notifikata bid-dokument C(2013) 1114) Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 76, 19.3.2013, p. 1–39 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 09/11/2023; Imħassar b' 32023D2463 Id-data tat-tmiem tal-validità hija bbażata fuq id-data tal-pubblikazzjoni tal-att li jħassar li jidħol fis-seħħ fid-data tan-notifika tiegħu. L-att li jħassar kien innotifikat iżda d-data tan-notifika mhix disponibbli fil-EUR-Lex – minflok hija użata d-data tal-pubblikazzjoni.

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2013/131(1)/oj

    19.3.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 76/1


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tal-4 ta’ Marzu 2013

    li tistabbilixxi l-gwida għall-utent u twaqqaf il-passi meħtieġa għall-parteċipazzjoni fl-EMAS, skont ir-Regolament (KE) Nru 1221/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-parteċipazzjoni volontarja ta’ organizzazzjonijiet fi skema Komunitarja ta’ ġestjoni u verifika ambjentali (EMAS)

    (notifikata bid-dokument C(2013) 1114)

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    (2013/131/UE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1221/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-parteċipazzjoni volontarja ta’ organizzazzjonijiet fi skema Komunitarja ta’ ġestjoni u verifika ambjentali (EMAS) li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 761/2001 u d-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 2001/681/KE u 2006/193/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 46(5) tiegħu,

    Billi:

    Il-kumpaniji u organizzazzjonijiet oħrajn għandhom jingħataw aktar informazzjoni u gwida dwar il-passi meħtieġa għall-parteċipazzjoni fl-EMAS.

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Sabiex tipprovdi aktar informazzjoni li tiċċara l-passi meħtieġa għall-parteċipazzjoni fl-EMAS, il-Kummissjoni tadotta din il-gwida għall-utent.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Marzu 2013.

    Għall-Kummissjoni

    Janez POTOČNIK

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 342, 22.12.2009, p. 1.


    ANNESS

    Gwida għall-utent li tistabbilixxi l-passi meħtieġa għall-parteċipazzjoni fl-EMAS, taħt ir-Regolament (KE) Nru 1221/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-parteċipazzjoni volontarja ta’ organizzazzjonijiet fi skema Komunitarja ta’ ġestjoni u verifika ambjentali (EMAS)

    I.   L-INTRODUZZJONI

    Huwa għan tal-politika ambjentali tal-UE li tħeġġeġ lil kull tip ta’ organizzazzjoni sabiex tuża sistemi ta’ immaniġjar ambjentali u tnaqqas l-impatti ambjentali tagħha. Is-sistemi ta’ immaniġjar ambjentali huma waħda mill-għodod possibbli għall-kumpaniji u organizzazzjonijiet oħrajn sabiex itejbu l-prestazzjoni ambjentali tagħhom filwaqt li jiffrankaw l-enerġija u riżorsi oħrajn. B’mod partikolari, l-UE tixtieq tinkoraġġixxi lill-organizzazzjonijiet sabiex jipparteċipaw fl (EMAS) li hija għodda ta’ ġestjoni għall-kumpaniji u organizzazzjonijiet oħrajn sabiex jivvalutaw, jirrapportaw u jtejbu l-prestazzjoni ambjentali tagħhom.

    L-EMAS ġiet stabbilita fl-1993 u evolviet maż-żmien. Ir-Regolament dwar l-EMAS (1) jipprovdi l-bażi legali għall-iskema u l-aħħar reviżjoni saret fl-2009.

    Din il-‘Gwida għall-utent għall-EMAS’ ġiet imħejjija skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 46 (5) tar-Regolament dwar l-EMAS. Dan id-dokument għandu l-għan li jagħti pariri ċari u sempliċi lill-organizzazzjonijiet interessati fl-EMAS. Huwa maħsub sabiex joffri struzzjonijiet pass pass li huma faċli li wieħed isegwihom. Il-gwida tiddeskrivi l-elementi ewlenin u l-passi li għandhom jittieħdu minn organizzazzjoni li jkollha l-intenzjoni li tipparteċipa fl-iskema. Id-dokument għandu l-għan li jżid l-adozzjoni globali tas-sistema ta’ ġestjoni tal-EMAS billi jiffaċilita d-dħul tal-organizzazzjonijiet fl-iskema. Huwa importanti wkoll li wieħed iżomm f’moħħu l-għan ġenerali tar-Regolament Ewropew, li huwa li l-implimentazzjoni tkun armonizzata fl-Istati Membri kollha u jinħoloq qafas leġiżlattiv komuni. Għal kwistjonijiet speċifiċi marbuta mal-‘EMAS Globali’ il-qarrej għandu jirreferi għad-‘Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/832/UE, tas-7 ta’ Diċembru 2011 li tirrigwarda gwida għal reġistrazzjoni korporattiva fl-UE, ir-reġistrazzjoni ta’ pajjiżi terzi u r-reġistrazzjoni globali skont ir-Regolament (KE) Nru 1221/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-parteċipazzjoni volontarja ta’ organizzazzjonijiet fi skema Komunitarja ta’ ġestjoni u verifika ambjentali (EMAS) (2)’.

    II.   X’INHI L-ISKEMA TA’ MMANIĠĠJAR U AWDITJAR EKOLOĠIĊI (EMAS)?

    L-EMAS hija għodda volontarja disponibbli għal kwalunkwe organizzazzjoni li topera fi kwalunkwe settur ekonomiku fl-Unjoni Ewropea jew barra l-Unjoni li tixtieq:

    tassumi responsabbiltà ambjentali u ekonomika;

    ittejjeb il-prestazzjoni ambjentali tagħha;

    tikkomunika r-riżultati ambjentali tagħha lis-soċjetà u lill-partijiet interessati inġenerali.

    Hawn taħt hawn deskrizzjoni pass pass ta’ x’jeħtieġ li wieħed jagħmel sabiex jirreġistra fl-iskema u jimplimentaha.

    L-organizzazzjonijiet li jirreġistraw mal-EMAS għandhom:

    jagħtu prova ta’ konformità mal-leġiżlazzjoni ambjentali;

    jagħmlu impenn li kontinwament itejbu l-prestazzjoni ambjentali tagħhom;

    juru li għandhom djalogu miftuħ mal-partijiet interessati kollha;

    jinvolvu lill-impjegati fit-titjib tal-prestazzjoni ambjentali tal-organizzazzjoni;

    jippubblikaw u jaġġornaw dikjarazzjoni ambjentali tal-EMAS ivvalidata għall-komunikazzjoni esterna.

    Hemm xi rekwiżiti oħrajn. L-organizzazzjonijiet għandhom:

    iwettqu verifika ambjentali (inkluża l-identifikazzjoni tal-aspetti ambjentali kollha diretti u indiretti);

    jirreġistraw ma’ entità kompetenti wara l-verifika b’suċċess tal-organizzazzjoni tagħhom.

    Ladarba jkunu rreġistrati, l-organizzazzjonijiet huma intitolati li jużaw il-logo tal-EMAS.

    III.   L-ISPEJJEŻ U L-BENEFIĊĊJI TAL-IMPLIMENTAZZJONI TAL-EMAS

    B’mod ġenerali, is-sistemi ta’ immaniġjar ambjentali bħall-EMAS jgħinu lill-organizzazzjonijiet itejbu l-effiċjenza tar-riżorsi, inaqqsu r-riskji u jagħtu eżempju bid-dikjarazzjoni pubblika tagħhom ta’ prattika tajba. L-ispejjeż ta’ implimentazzjoni ta’ skema bħal din huma megħlubin mill-iffrankar.

    Il-benefiċċji

    Sar studju (3) fuq l-ispejjeż u l-benefiċċji tar-reġistrazzjoni fl-EMAS. Dawk li ħadu sehem fl-istħarriġ intalbu jagħżlu l-aktar impatti pożittivi minn lista partikolari. ‘L-iffrankar tal-enerġija/tar-riżorsi’ kienet l-ewwel għażla (21 %), kif jidher fil-Figura 1. Din kienet segwita minn ‘it-tnaqqis fl-inċidenti negattivi’ (18 %) u ‘it-titjib fir-relazzjonijiet mal-partijiet interessati’ (17 %).

    Figura 1:

    Il-benefiċċji tal-implimentazzjoni tal-EMAS (% tat-tweġibiet kollha)

    Image

    Aktar iffrankar fl-effiċjenza

    Il-benefiċċju ta’ ‘L-iffrankar tal-enerġija u tar-riżorsi’ kien ikklassifikat fuq nett. Għall-organizzazzjonijiet ta’ kull daqs, kien hemm evidenza li l-iffrankar tal-enerġija waħdu qabeż l-ispejjeż annwali meħtieġa għaż-żamma tal-EMAS. Dan jissuġġerixxi li organizzazzjonijiet kbar ikunu jistgħu faċilment jirkupraw l-ispejjeż tal-implimentazzjoni tal-EMAS.

    Inqas inċidenti negattivi

    Dan il-benefiċċju kklassifika fit-tieni post. Issemmew bosta fatturi, bħat-tnaqqis fl-inċidenza ta’ ksur tal-liġi ambjentali. Dan jorbot ovvjament mal-benefiċċji f’dak li jirrigwarda t-titjib fir-relazzjonijiet mal-awtoritajiet regolatorji.

    It-titjib fir-relazzjonijiet mal-partijiet interessati

    L-organizzazzjonijiet stmaw it-titjib fir-relazzjonijiet mal-partijiet interessati bħala benefiċċju ewlieni, b’mod partikolari fil-każ tal-kumpaniji tal-amministrazzjoni pubblika u tas-servizzi.

    Aktar opportunitajiet tas-suq

    Jekk wieħed jirreġistra fl-EMAS jista’ jtejjeb in-negozju. Tista’ tgħin sabiex jinżammu l-klijenti eżistenti u jintrebaħ negozju ġdid. Jista’ jkun ta’ vantaġġ għall-akkwist pubbliku, li wieħed ikollu s-sistema ta’ immaniġjar ambjentali EMAS. Għalkemm l-organizzazzjonijiet involuti fl-akkwist pubbliku ma jistgħux b’mod espliċitu jeżiġu li l-offerenti jkunu rreġistrati fl-EMAS, il-kumpaniji li jkunu rreġistrati jistgħu jużaw dan sabiex juru li għandhom il-mezzi tekniċi sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti kuntrattwali ta’ immaniġjar ambjentali.

    Barra minn hekk, l-organizzazzjonijiet jistgħu jinkoraġġixxu lill-fornituri tagħhom sabiex ikollhom sistema ta’ immaniġjar ambjentali stabbilita bħala parti mill-politika ambjentali tagħhom stess. Li wieħed ikun irreġistrat fl-EMAS jista’ jagħmel il-proċeduri interni bejn in-negozji aktar faċli għaż-żewġ partijiet.

    L-eżenzjoni regolatorja

    L-organizzazzjonijiet irreġistrati fl-EMAS jistgħu jistennew eżenzjoni regolatorja. Jista’ jkun hemm benefiċċji għall-kumpaniji involuti fis-setturi tal-manifattura, b’vantaġġi skont il-liġi dwar il-Prevenzjoni u l-Kontroll Integrati tat-Tniġġis (4).

    Bosta Stati Membri joffru wkoll vantaġġi lill-organizzazzjonijiet irreġistrati fl-EMAS f’dak li jirrigwarda l-liġijiet u r-regolament ambjentali statali u reġjonali. Dawn il-benefiċċji jistgħu, pereżempju, jinvolvu obbligi ssimplifikati ta’ rapportar; inqas spezzjonijiet, miżati aktar baxxi għall-iskart u perjodi itwal bejn it-tiġdid tal-permessi.

    Fost l-eżempji nsibu: 50 % tnaqqis fil-miżati għall-iskart; tnaqqis ta’ 20-30 % fil-miżati għall-proċeduri tal-liċenzjar; tnaqqis sa 100 % fil-miżati għall-monitoraġġ u l-infurzar taħt il-liġi nazzjonali, tnaqqis ta’ 30 % fil-miżati għas-servizzi pubbliċi li jingħataw mill-aġenziji governattivi, tnaqqis ta’ 30 % fil-miżati għall-proċeduri tal-liċenzjar tal-ilma tal-wiċċ. Hemm ukoll vantaġġi f’dak li jirrigwarda l-amministrazzjoni tal-monitoraġġ u l-immaniġjar ta’ materjal perikoluż, l-obbligi rigward ir-rimi tal-iskart (billi wieħed ma jkollux għalfejn juri l-miżuri ta’ sorveljanza teknika) u l-monitoraġġ tal-gassijiet b’effett serra.

    L-ispejjeż u l-benefiċċji

    In-negozji għandhom iqisu r-reġistrazzjoni fl-EMAS bħala investiment. L-implimentazzjoni tal-EMAS tinvolvi spejjeż interni u esterni, bħall-appoġġ minn konsulenti, riżorsi umani għall-implimentazzjoni u s-segwitu tal-miżuri, spezzjonijiet, miżati tar-reġistrazzjoni, eċċ.

    L-ispejjeż u l-benefiċċji attwali jvarjaw ħafna, u jiddependu fuq, pereżempju, id-daqs u l-attivitajiet tal-organizzazzjoni, is-sitwazzjoni attwali tal-prattiki ta’ immaniġjar ambjentali, il-pajjiż speċifiku, eċċ. Iżda b’mod ġenerali, l-EMAS twassal għal iffrankar sostanzjali. Diversi studji wrew li l-organizzazzjonijiet jirkupraw l-ispejjeż tal-implimentazzjoni permezz ta’ żieda fid-dħul fi żmien relattivament qasir, bejn sena u sentejn fil-parti l-kbira tal-każijiet (5)  (6)  (7)  (8)  (9).

    Tabella 1:

    L-ispejjeż u l-iffrankar potenzjali annwali fl-effiċjenza fl-EMAS  (10)

    Id-daqs tal-organizzazzjoni (11)

    L-iffrankar potenzjali annwali fl-effiċjenza

    (€)

    L-ispejjeż tal-implimentazzjoni fl-ewwel sena (12) tal-EMAS

    (€)

    L-ispejjeż annwali tal-EMAS (13)

    (€)

    Mikro

    3 000 -10 000

    22 500

    10 000

    Żgħira

    20 000 -40 000

    38 000

    22 000

    Medja

    Sa 100 000

    40 000

    17 000

    Kbira

    Sa 400 000

    67 000

    39 000

    Id-dejta dwar ‘L-iffrankar potenzjali annwali fl-effiċjenza’ hija bbażata fuq l-iffrankar tal-enerġija biss. M’hemmx dejta disponibbli dwar l-iffrankar fl-effiċjenza tar-riżorsi

     

     

    Sors:

    ‘Costs and Benefits of EMAS to Registered Organisations’ (L-ispejjeż u l-benefiċċji tal-EMAS għall-Organizzazzjonijiet Irreġistrati), studju għall-Kummissjoni Ewropea, 2009.

    L-‘Għodda għall-organizzazzjonijiet iż-żgħar (14)’ tal-EMAS tipprovdi bosta eżempji oħrajn tal-iffrankar tal-ispejjeż/tal-benefiċċji.

    B’mod ġenerali, l-organizzazzjonijiet mikro u żgħar jiffaċċjaw spejjeż fissi u esterni proporzjonalment ogħla mill-organizzazzjonijiet medji jew kbar, minħabba li dawn tal-aħħar jibbenefikaw minn ekonomiji ta’ skala, bi proporzjon ogħla ta’ spejjeż imġarrba internament mid-dipartimenti ambjentali, u spejjeż esterni aktar baxxi minħabba li jkollhom inqas ħtieġa ta’ konsulenti. Madankollu, anki organizzazzjonijiet kbar ħafna jingħataw parir li jinvestigaw l-ispejjeż tal-implimentazzjoni fid-dettall.

    L-EMAS u s-sistemi ta’ ġestjoni tal-enerġija bħall-EN 16001 u l-ISO 50001 huma pjuttost simili. Minħabba li l-ġestjoni tal-użu tal-enerġija hija parti mill-EMAS, l-organizzazzjonijiet irreġistrati fl-EMAS diġà jtejbu l-effiċjenza fl-enerġija tagħhom, u għalhekk jissodisfaw il-parti l-kbira tar-rekwiżiti tal-EN 16001 u tal-ISO 50001. Għaldaqstant dan jista’ jirriżulta wkoll fi tnaqqis fl-ispejjeż.

    L-organizzazzjonijiet li jikkunsidraw ir-reġistrazzjoni fl-EMAS għandhom jikkunsidraw ukoll l-appoġġ tekniku u finanzjarju jew is-sussidji li joffru l-Istati Membri, l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali jew lokali u l-Korpi Kompetenti tal-EMAS.

    IV.   IR-REGOLAMENT DWAR L-EMAS

    L-iskema tal-EMAS kienet stabbilita fir-Regolament (KE) Nru 1221/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 (magħruf ukoll bħala l-EMAS III) u huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

    1.   Ġenerali

    1.1.   Il-kamp ta’ applikazzjoni

    Mill-2001, kwalunkwe organizzazzjoni pubblika jew privata tista’ timplimenta l-EMAS. Bl-EMAS III, l-iskema hija disponibbli wkoll għal organizzazzjonijiet li mhumiex Ewropej jew kumpaniji Ewropej li joperaw f’pajjiżi li mhumiex Ewropej. Dwar dawn tal-aħħar, hemm gwida speċifika rigward ir-reġistrazzjoni korporattiva fl-UE, ir-reġistrazzjoni ta’ pajjiżi terzi u r-reġistrazzjoni globali.

    ‘ “Organizzazzjoni’ tfisser kumpanija, korporazzjoni, ditta, intrapriża, awtorità jew istituzzjoni, li tinsab ġewwa jew barra l-Komunità, jew parti jew kombinazzjoni minnha, kemm jekk inkorporata kif ukoll jekk le, pubblika jew privata, li jkollha l-funzjonijiet u l-amministrazzjoni tagħha stess.’

    L-EMAS tista’ tkun implimentata, f’sit wieħed, f’diversi siti jew fis-siti kollha ta’ organizzazzjonijiet privati jew pubbliċi fi kwalunkwe settur ta’ attività (15). L-iżgħar entità li tista’ tkun irreġistrata hija sit.

    ‘ ‘Sit’ tfisser lokalità ġeografika distinta taħt il-kontroll tal-ġestjoni ta’ organizzazzjoni li tkopri l-attivitajiet, il-prodotti u s-servizzi, inklużi l-infrastruttura, it-tagħmir u l-materjali kollha; sit huwa l-iżgħar entità li għandha tiġi kkunsidrata għar-reġistrazzjoni.’

    1.2.   Ir-rekwiżiti

    Il-proċedura ġenerali għall-implimentazzjoni tal-EMAS tista’ titqassar f’dan li ġej:

    (1)

    L-organizzazzjoni għandha tibda b’verifika ambjentali, analiżi inizjali tal-attivitajiet kollha li twettaq l-organizzazzjoni, sabiex tidentifika l-aspetti rilevanti diretti u indiretti, u l-leġiżlazzjoni ambjentali applikabbli.

    (2)

    Imbagħad jeħtieġ li tkun implimentata sistema ta’ immaniġjar ambjentali, skont ir-rekwiżiti tal-EN ISO 14001 (Anness II tar-Regolament tal-EMAS).

    (3)

    Is-sistema tkun teħtieġ li tiġi ċċekkjata billi ssir awditjar intern u reviżjoni tal-ġestjoni.

    (4)

    L-organizzazzjoni tikteb dikjarazzjoni ambjentali tal-EMAS.

    (5)

    Il-verifika ambjentali u s-sistema ta’ immaniġjar ambjentali jiġu vverifikati u d-dikjarazzjoni tkun ivvalidata minn verifikatur tal-EMAS akkreditat jew liċenzjat.

    (6)

    Ladarba l-organizzazzjoni tkun ivverifikata, hija tissottometti applikazzjoni għar-reġistrazzjoni lill-Entità Kompetenti.

    Il-Kummissjoni Ewropea qiegħda tiżviluppa ‘Dokumenti ta’ Referenza Settorjali’ (16) b’konsultazzjoni mal-Istati Membri u ma’ partijiet interessati oħrajn. L-organizzazzjonijiet għandhom jikkunsidrawhom meta jimplimentaw l-EMAS u jispeċifikaw kif ġew użati dawn id-dokumenti fid-dikjarazzjoni ambjentali tagħhom.

    Kull dokument jinkludi dawn l-elementi li ġejjin:

    l-aħjar prassi ta’ immaniġjar ambjentali;

    indikaturi ta’ prestazzjoni ambjentali għal setturi speċifiċi;

    fejn xieraq, punti ta’ riferiment ta’ eċċellenza u sistemi ta’ klassifikazzjoni li jidentifikaw il-livelli ta’ prestazzjoni ambjentali.

    Figura 2:

    L-iskeda ġenerali għall-implimentazzjoni tal-EMAS

    Image

    Tabella 2:

    L-iskeda taż-żmien indikattiv għall-implimentazzjoni tal-EMAS. Iż-żmien meħtieġ għal kull attività huwa medja, li jista’ jkun iqsar jew itwal skont l-Istat Membru, id-daqs tal-organizzazzjoni, eċċ.

    L-EMAS

    Xahar 1

    Xahar 2

    Xahar 3

    Xahar 4

    Xahar 5

    Xahar 6

    Xahar 7

    Xahar 8

    Xahar 9

    Xahar 10

    Il-verifika ambjentali

    X

    X

     

     

     

     

     

     

     

     

    Is-sistema ta’ immaniġjar ambjentali

     

    X

    X

    X

    X

    X

    X

     

     

     

    Ir-rekwiżiti ġenerali

     

    X

     

     

     

     

     

     

     

     

    Il-politika ambjentali

     

    X

     

     

     

     

     

     

     

     

    L-ippjanar: L-għanijiet u l-miri ambjentali

     

    X

     

     

     

     

     

     

     

     

    L-ippjanar:Il-programm ambjentali

     

     

    X

    X

    X

     

     

     

     

     

    L-implimentazzjoni u t-tħaddim: Ir-riżorsi, ir-rwoli, ir-responsabbiltà u l-awtorità

     

     

     

     

    X

     

     

     

     

     

    L-implimentazzjoni u t-tħaddim: Il-kompetenza, it-taħriġ u l-għarfien tal-persunal, inkluż l-involviment tal-impjegati

     

     

     

     

    X

     

     

     

     

     

    L-implimentazzjoni u t-tħaddim: Il-komunikazzjoni (interna u esterna)

     

     

     

     

     

    X

     

     

     

     

    L-implimentazzjoni u t-tħaddim: Id-dokumentazzjoni u l-kontroll tad-dokumenti

     

    X

    X

    X

    X

    X

     

     

     

     

    L-implimentazzjoni u t-tħaddim: Il-kontroll operattiv

     

     

     

     

     

    X

    X

     

     

     

    L-implimentazzjoni u t-tħaddim: Il-pjanijiet ta’ emerġenza

     

     

     

     

     

     

    X

     

     

     

    L-iċċekkjar: Il-monitoraġġ u l-kejl, il-valutazzjoni tal-konformità, in-nuqqas ta’ konformità, l-azzjoni korrettiva u preventiva, il-kontroll tar-reġistri

     

     

     

     

    X

    X

    X

     

     

     

    L-iċċekkjar: L-awditjar intern

     

     

     

     

     

     

    X

    X

     

     

    Ir-reviżjoni tal-ġestjoni

     

     

     

     

     

     

     

    X

     

     

    Id-dikjarazzjoni ambjentali tal-EMAS

     

     

     

     

     

     

     

     

    X

     

    Il-verifika u l-validazzjoni

     

     

     

     

     

     

     

     

    X

     

    Ir-reġistrazzjoni

     

     

     

     

     

     

     

     

     

    X

    2.   Kif għandek timplimenta l-EMAS

    2.1.   Il-verifika ambjentali

    L-ewwel pass fl-implimentazzjoni xierqa tal-EMAS huwa li ssir analiżi ddettaljata tal-istruttura interna u tal-attivitajiet tal-organizzazzjoni. L-għan huwa li jiġu identifikati l-aspetti ambjentali assoċjati mal-impatti ambjentali. Din hija l-bażi għall-istabbiliment ta’ sistema ta’ immaniġjar ambjentali formali.

    ‘ ‘Verifika Ambjentali’ tfisser l-analiżi komprensiva inizjali tal-aspetti ambjentali, l-impatti ambjentali u l-prestazzjoni ambjentali relatati mal-attivitajiet, mal-prodotti u mas-servizzi tal-organizzazzjoni.’

    L-analiżi għandha tinkludi:

    Ir-rekwiżiti legali li japplikaw għall-organizzazzjoni;

    L-identifikazzjoni tal-aspetti ambjentali diretti u indiretti;

    Il-kriterji għall-valutazzjoni tas-sinifikat tal-aspetti ambjentali;

    L-eżami tal-prattika u tal-proċeduri kollha ta’ immaniġjar ambjentali eżistenti;

    Il-valutazzjoni tal-informazzjoni miksuba wara l-investigazzjoni ta’ inċidenti fil-passat.

    ‘ ‘Aspett ambjentali’ tfisser l-element tal-attivitajiet, tal-prodotti jew tas-servizzi ta’ organizzazzjoni li għandu jew li jista’ jkollu impatt fuq l-ambjent’. L-aspetti ambjentali jistgħu jkunu marbuta mad-dħul (pereżempju, konsum ta’ materja prima u enerġija) jew marbuta mal-ħruġ (emissjonijiet tal-arja, ġenerazzjoni tal-iskart, eċċ.)

    Figura 3:

    Ir-relazzjoni bejn l-attivitajiet, l-aspetti ambjentali u l-impatti ambjentali

    Image

    L-organizzazzjoni tkun teħtieġ proċeduri sabiex tassigura li l-attivitajiet identifikati bħala importanti waqt l-ewwel verifika ambjentali jkunu segwiti kif suppost aktar tard. L-aspetti ambjentali u l-impatti relatati jistgħu jinbidlu, bħalma jinbidlu l-attivitajiet tal-organizzazzjoni. Jekk il-bidliet ikunu sostanzjali, jista’ jkun li l-verifika ambjentali tkun teħtieġ li tiġi aġġornata. L-organizzazzjoni għandha tkun ukoll konxja ta’ żviluppi ġodda, tekniki, riżultati ta’ riċerka, eċċ., sabiex jgħinuha tivvaluta mill-ġdid l-importanza tal-aspetti ambjentali tagħha u tal-possibbiltà li tkun teħtieġ twettaq verifika ambjentali ġdida jekk l-attivitajiet tagħha jinbidlu b’mod sinifikanti.

    X’inhi l-proċedura sabiex wieħed iwettaq verifika ambjentali?

    L-organizzazzjonijiet għandhom:

    jidentifikaw aspetti ambjentali li jirriżultaw mill-proċessi ta’ manifattura, mill-attivitajiet jew mis-servizzi tagħhom; u

    jistabbilixxu kriterji sabiex jivvalutaw l-importanza ta’ dawn l-aspetti. Il-kriterji jeħtieġu li jkunu komprensivi u għandu jkun possibbli li jiġu vverifikati b’mod indipendenti.

    L-organizzazzjoni trid tiftakar li għandha tiżvela l-aspetti ambjentali li tidentifika u r-riżultati tal-valutazzjoni lil partijiet interessati esterni.

    Kif għandhom ikunu identifikati l-aspetti ambjentali?

    Jeħtieġ li tinġabar l-informazzjoni kollha rilevanti.

    Dan jista’ jfisser:

    Żjarat fis-siti sabiex jiġu ċċekkjati l-proċessi ta’ dħul u ħruġ (teħid ta’ noti, tpinġijiet kif meħtieġ);

    Ġbir ta’ mapep u ritratti tal-post;

    L-identifikazzjoni tal-liġi ambjentali applikabbli;

    Ġbir ta’ permessi, tal-liċenzji ambjentali kollha u dokumenti oħrajn simili;

    L-iċċekkjar tas-sorsi ta’ informazzjoni kollha (fatturi deħlin, kontaturi, dejta dwar it-tagħmir, eċċ.);

    L-iċċekkjar tal-użu tal-prodotti (spiss id-dipartimenti tal-akkwist u tal-bejgħ ikunu punt utli minn fejn wieħed jista’ jibda);

    L-identifikazzjoni ta’ persuni ewlenin (maniġment u ħaddiema). Il-ħaddiema involuti fis-sistemi interni kollha għandhom jintalbu jagħtu l-kontribut tagħhom;

    It-talba ta’ informazzjoni mingħand is-sottokuntratturi, li jista’ jkollhom influwenza sinifikanti fuq il-prestazzjoni ambjentali tal-organizzazzjoni;

    L-ikkunsidrar ta’ inċidenti fil-passat, ir-riżultati tal-monitoraġġ u tal-ispezzjonijiet; u

    L-identifikazzjoni ta’ sitwazzjonijiet ta’ ftuħ u għeluq u r-riskji identifikati.

    Kemm l-aspetti ambjentali diretti kif ukoll dawk indiretti għandhom ikunu kkunsidrati, u d-definizzjonijiet li ġejjin għandhom jgħinu fl-identifikazzjoni tagħhom:

    ‘ ‘aspett ambjentali dirett’ tfisser l-aspett ambjentali assoċjat mal-attivitajiet, mal-prodotti u mas-servizzi tal-organizzazzjoni nnifisha li fuqhom għandha kontroll dirett ta’ ġestjoni.’

    “ ‘aspett ambjentali indirett’ tfisser l-aspett ambjentali li jista’ jirriżulta mill-interazzjoni tal- organizzazzjoni mal-partijiet terzi u li jista’ sa livell raġonevoli jiġi influwenzat mill-organizzazzjoni.’

    Huwa essenzjali li wieħed jikkunsidra l-aspetti indiretti. Dan japplika kemm għas-setturi privati kif ukoll għal dawk pubbliċi, għalhekk l-awtoritajiet lokali, il-kumpaniji tas-servizz jew l-istituzzjonijiet finanzjarji, pereżempju, jeħtieġu li jestendu r-reviżjoni tagħhom lil hinn mill-aspetti tas-sit.

    L-organizzazzjonijiet għandhom ikunu kapaċi juru li jkunu identifikaw aspetti ambjentali sinifikanti assoċjati mal-proċeduri tal-akkwist tagħhom, u li huma indirizzaw impatti ambjentali sinifikanti assoċjati magħhom fis-sistema ta’ ġestjoni tagħhom.

    Tabella 3:

    Eżempji ta’ aspetti diretti u indiretti

    L-aspetti ambjentali

    L-aspetti diretti

    L-aspetti indiretti

    L-emissjonijiet fl-arja

    L-emissjonijiet fl-ilma

    L-iskart

    L-użu ta’ riżorsi naturali u materja prima

    Il-kwistjonijiet lokali (l-istorbju, il-vibrazzjonijiet, l-irwejjaħ)

    L-użu tal-art

    L-emissjonijiet fl-arja marbuta mat-trasport

    Ir-riskji ta’ inċidenti ambjentali u sitwazzjonijiet ta’ emerġenza

    Il-kwistjonijiet relatati maċ-ċiklu tal-ħajja ta’ prodott

    L-investiment kapitali

    Is-servizzi tal-assigurazzjoni

    Id-deċiżjonijiet amministrattivi u tal-ippjanar

    Il-prestazzjoni ambjentali ta’ kuntratturi, sottokuntratturi u fornituri

    L-għażla u l-kompożizzjoni tas-servizzi eż. tat-trasport, tal-forniment tal-ikel, eċċ.

    L-aspetti ambjentali diretti għandhom jinkludu r-rekwiżiti legali u l-limiti tal-permessi relatati, eż. jekk kontaminanti speċifiċi huma marbuta ma’ valuri ta’ limitu ta’ emissjonijiet jew rekwiżiti oħrajn, dawk l-emissjonijiet għandhom jitqiesu bħala aspetti ambjentali diretti.

    Il-valutazzjoni tal-aspetti ambjentali

    Il-pass li jmiss huwa li wieħed jassoċja l-aspetti mal-effetti jew l-impatti tagħhom fuq l-ambjent. It-tabella 4 tipprovdi eżempju ta’ dawn ir-relazzjonijiet.

    Tabella 4:

    Eżempji tal-aspetti ambjentali u l-impatti tagħhom

    L-attività

    L-aspett ambjentali

    L-impatt ambjentali

    It-trasport

    Iż-żjut użati għall-makkinarju

    L-emissjonijiet ta’ karbonju mit-trakkijiet u mill-makkinarju

    It-tniġġis tal-ħamrija, tal-ilma u tal-arja

    L-effett serra

    Il-kostruzzjoni

    L-emissjonijiet fl-arja, l-istorbju, il-vibrazzjoni eċċ. mill-makkinarju tal-kostruzzjoni

    L-użu tal-art

    L-istorbju, it-tniġġis tal-ħamrija, tal-ilma u tal-arja

    Il-qerda tal-wiċċ tal-art

    It-telf tal-bijodiversità

    Is-servizzi f’uffiċċju

    L-użu ta’ materjal bħal karta, linka, eċċ.

    Il-konsum tad-dawl (li jwassal għall-emissjonijiet indiretti ta’ CO2)

    It-tniġġis ta’ skart muniċipali mħallat

    L-effett serra

    L-industrija kimika

    L-ilma mormi

    L-emissjoni ta’ komposti organiċi volatili

    L-emissjoni ta’ sustanzi li jnaqqsu l-ożonu

    It-tniġġis tal-ilma

    L-ożonu fotokimiku

    It-tnaqqis tas-saff tal-ożonu

    Ladarba l-aspetti u l-impatti tagħhom ikunu ġew identifikati, il-pass li jmiss huwa li ssir valutazzjoni ddettaljata ta’ kull wieħed sabiex jiġu ddeterminati l-aspetti ambjentali sinifikanti.

    “ ‘Aspett ambjentali sinifikanti’ tfisser l-aspett ambjentali li għandu jew li jista’ jkollu impatt ambjentali sinifikanti.’

    Il-kwistjonijiet li għandhom jiġu kkunsidrati meta wieħed jivvaluta s-sinifikat huma:

    (i)

    il-potenzjal li jikkawża ħsara ambjentali;

    (ii)

    il-fraġilità tal-ambjent lokali, reġjonali jew globali;

    (iii)

    id-daqs, l-għadd, il-frekwenza u r-riversibbiltà tal-aspett jew tal-impatt;

    (iv)

    l-eżistenza u r-rekwiżiti ta’ leġislazzjoni ambjentali rilevanti;

    (v)

    l-importanza tiegħu għall-partijiet interessati u għall-impjegati tal-organizzazzjoni.

    Abbażi ta’ dawn il-kriterji, l-organizzazzjoni tista’ tfassal proċedura interna jew tuża għodod oħrajn sabiex tivvaluta l-importanza tal-aspetti ambjentali. L-Intrapriżi Żgħar u ta’ Daqs Medju (SMEs) għandhom isibu li l-għodda tal-SME għall-EMAS (17) tipprovdi informazzjoni utli ħafna.

    Meta wieħed jivvaluta l-importanza tal-aspetti ambjentali, huwa importanti li wieħed jikkunsidra mhux biss il-kundizzjonijiet normali ta’ tħaddim, iżda wkoll il-kundizzjonijiet ta’ ftuħ, għeluq jew ta’ emerġenza. L-attivitajiet fil-passat, dawk attwali u dawk futuri wkoll għandhom jiġu kkunsidrati.

    Għal kull aspett ambjentali, l-impatt korrispondenti għandu jkun ikklassifikat skont:

    Il-kobor — il-livelli ta’ emissjonijiet, il-konsum tal-enerġija u tal-ilma, eċċ.;

    Is-severità — il-perikli, it-tossiċità, eċċ.;

    Il-frekwenza/il-probabbiltà;

    It-tħassib ta’ partijiet interessati;

    Ir-rekwiżiti legali.

    Tabella 5:

    Il-valutazzjoni tal-aspetti ambjentali

    Il-kriterji tal-valutazzjoni

    Eżempju

    Liema prodotti jew attivitajiet tal-organizzazzjoni jaffettwaw ħażin lill-ambjent?

    L-iskart:skart muniċipali mħallat, skart mill-imballaġġ, skart perikoluż

    Il-kobor tal-aspetti li jistgħu jħallu impatt fuq l-ambjent

    Il-kwantità tal-iskart: Għolja, medja, baxxa

    Is-severità tal-aspetti li jistgħu jħallu impatt fuq l-ambjent

    Il-periklu tal-iskart, it-tossiċità tal-materjal: Għolja, medja, baxxa

    Il-frekwenza tal-aspetti li jistgħu jħallu impatt fuq l-ambjent

    Għolja, medja, baxxa

    L-għarfien tal-pubbliku u tal-ħaddiema dwar l-aspetti assoċjati mal-organizzazzjoni

    Sever, xi ftit, l-ebda ilment

    L-attivitajiet tal-organizzazzjoni rregolati mil-leġiżlazzjoni ambjentali

    Il-permessi tal-liġi għall-iskart, l-obbligi tal-monitoraġġ

    Nota:

    — ikun utli li wieħed jikkwantifika l-kriterji u l-importanza globali ta’ aspetti partikolari.

    Kif għandek tiċċekkja l-konformità legali

    “ ‘Konformità legali’ tfisser l-implimentazzjoni sħiħa tar-rekwiżiti legali applikabbli, inklużi l-kondizzjonjiet għall-permessi, fir-rigward tal-ambjent’.

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li mill-inqas l-organizzazzjonijiet ikollhom aċċess għall- informazzjoni u l-għajnuna rigward il-kwistjonijiet li ġejjin:

    L-informazzjoni dwar ir-rekwiżiti legali applikabbli marbuta mal-ambjent; u

    L-identifikazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar għal rekwiżiti legali speċifiċi marbuta mal-ambjent.

    L-awtoritajiet tal-infurzar huma meħtieġa li jwieġbu għal talbiet ta’ informazzjoni, għall-inqas minn organizzazzjonijiet żgħar, dwar ir-rekwiżiti legali applikabbli marbuta mal-ambjent, kif ukoll informazzjoni dwar kif l-organizzazzjonijiet jistgħu jissodisfaw dawk ir-rekwiżiti legali.

    L-identifikazzjoni tar-rekwiżiti legali kollha applikabbli tfisser l-ikkunsidrar ta’ livelli differenti ta’ leġiżlazzjoni ambjentali, jekk ikun xieraq, bħal rekwiżiti nazzjonali, reġjonali jew lokali, inklużi permessi u liċenzji.

    L-organizzazzjoni għandha tikkunsidra wkoll rekwiżiti rilevanti oħrajn, pereżempju, fil-kundizzjonijiet tal-akkwist, il-kuntratti tan-negozju, ftehimiet volontarji li l-organizzazzjoni tkun iffirmat jew daħlet għalihom, eċċ.

    Huwa essenzjali li l-organizzazzjoni tidentifika r-rekwiżiti legali f’dan l-istadju, sabiex tkun tista’ tindividwa dawk li mhumiex issodisfati. Jekk ikun meħtieġ, l-organizzazzjoni għandha tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tikkonforma mal-leġiżlazzjoni ambjentali rilevanti kollha (ara 2.2.5.2 għall-valutazzjoni tal-konformità legali).

    2.2.   Is-sistema ta’ immaniġjar ambjentali

    “ ‘Sistema ta’ immaniġjar ambjentali’ tfisser il-parti tas-sistema ta’ immaniġjar globali li tinkludi l-istruttura organizzattiva, l-attivitajiet tal-ippjanar, ir-responsabbiltajiet, il-prassi, il-proċeduri, il-proċessi u r-riżorsi għall-iżvilupp, l-implimentazzjoni, il-ksib, ir-reviżjoni u ż-żamma tal-politika ambjentali u l-immaniġjar tal-aspetti ambjentali.’

    2.2.1.   Ir-rekwiżiti ġenerali

    L-ewwel nett, l-organizzazzjoni għandha tiddefinixxi u tiddokumenta il-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema ta’ immaniġjar ambjentali tagħha.

    Kull sit li ser ikun involut f’reġistrazzjoni fl-EMAS għandu jkun konformi mar-rekwiżiti kollha tal-EMAS.

    L-organizzazzjoni għandha tistabbilixxi, tiddokumenta, timplimenta u żżomm sistema ta’ immaniġjar ambjentali skont it-taqsima 4 tal-EN ISO 14001. Jekk l-organizzazzjoni tkun implimentat sistema ta’ immaniġjar ambjentali (minbarra l-ISO 14001) rikonoxxuta mill-Kummissjoni (18), ma jkollhiex għalfejn tirrepeti punti li jkunu diġà ġew rikonoxxuti uffiċjalment meta tipprova tissodisfa r-rekwiżiti tal-EMAS.

    2.2.2.   Il-politika ambjentali

    “ “Politika ambjentali” tfisser l-intenzjonijiet u d-direzzjoni globali tal-organizzazzjoni marbuta mal-prestazzjoni ambjentali tagħha kif imfissra b’mod formali mill-maniġment fi skala għolja (…). Din tipprovdi qafas għall-azzjoni u għat-tfassil ta’ objettivi u miri ambjentali.’

    Il-politika ambjentali għandha tinkludi dawn il-punti li ġejjin:

    Impenn lejn il-konformità mar-rekwiżiti legali u rekwiżiti oħrajn marbuta mal-aspetti ambjentali tagħha;

    Impenn lejn il-prevenzjoni tat-tniġġis;

    Impenn li kontinwament ittejjeb il-prestazzjoni ambjentali.

    Il-politika ambjentali hija qafas għall-azzjoni u għall-istabbiliment ta’ għanijiet u miri ambjentali strateġiċi (ara hawn taħt). Teħtieġ li tkun ċara u li tindirizza l-prijoritajiet ewlenin li fuqhom jistgħu jkunu definiti aktar l-għanijiet u l-miri speċifiċi.

    2.2.3.   L-ippjanar

    Ladarba jkunu koperti l-kwistjonijiet sottostanti bażiċi kif deskritti hawn fuq, il-proċess ikompli bl-ippjanar.

    2.2.3.1.   L-objettivi u l-miri ambjentali

    “ ‘Objettiv ambjentali’ tfisser il-mira ambjentali globali, li tirriżulta mill-politika ambjentali, li organizzazzjoni tiffissa għaliha nnifisha li tikseb, u li hija kkwanitifikata fejn prattikabbli’

    “ ‘Mira ambjentali’ tfisser ir-rekwiżit iddettaljat ta’ prestazzjoni, li jirriżulta mill-objettivi ambjentali, applikabbli għall-organizzazzjoni jew għal partijiet minnha, u li jeħtieġ li jiġi stabbilit u milħuq sabiex jinkisbu dawk l-objettivi.’

    L-organizzazzjoni għandha tfassal u tiddokumenta l-objettivi u l-miri ddettaljati għal kull aspett rilevanti fl-organizzazzjoni, skont il-politika ambjentali tagħha.

    Ladarba l-objettivi jkunu ġew iddefiniti, il-pass li jmiss huwa li jiġu stabbiliti miri xierqa għalihom. Bil-miri, wieħed jista’ jippjana azzjonijiet speċifiċi li għandhom jitwettqu sabiex tinkiseb immaniġjar ambjentali tajba.

    Figura 4:

    Ir-relazzjoni bejn l-objettivi, il-miri u l-azzjonijiet

    Image

    Eżempju:

    L-objettiv ambjentali

    It-tnaqqis tal-ġenerazzjoni ta’ skart perikoluż

    Il-mira

    It-tnaqqis tal-użu ta’ solventi organiċi fil-proċess b’20 % fi żmien tliet snin

    L-azzjoni

    L-użu mill-ġdid ta’ solventi kull fejn ikun possibbli

    Ir-riċiklaġġ ta’ solventi organiċi

    L-objettivi u l-miri għandhom jitkejlu fejn possibbli, u jkunu konsistenti mal-politika ambjentali tal-organizzazzjoni. Il-kriterji ‘SMART’ huma utli:

    Specific (Speċifiċi) — kull mira għandha tindirizza kwistjoni waħda.

    Measurable (Jistgħu jitkejlu) — kull mira għandha tkun espressa fi kwantità.

    Achievable (Jistgħu jinkisbu) — il-miri jistgħu jintlaħqu.

    Realistic (Realistiċi) — il-miri għandhom ikunu eżiġenti u jħeġġu titjib kontinwu, iżda m’għandhomx ikunu ambizzjużi żżejjed. Dejjem jistgħu jkunu riveduti ladarba jkunu ġew issodisfati.

    Time-bound (Limitati fiż-żmien) — għandu jkun hemm skadenza għall-kisba ta’ kull mira.

    2.2.3.2.   Il-programm ambjentali

    “ ‘Programm ambjentali’ tfisser id-deskrizzjoni tal-miżuri, ir-responsabbiltajiet u l-mezzi meħuda jew previsti sabiex jinkisbu l-objettivi u l-miri ambjentali u l-iskadenzi għall-ksib tal-objettivi u l-miri ambjentali.’

    Il-programm ambjentali huwa għodda li tgħin lill-organizzazzjoni tippjana u timplimenta t-titjib minn jum għall-ieħor. Għandu jinżamm aġġornat, u jkun iddettaljat biżżejjed li jagħti ħarsa ġenerali tal-progress fl-issodisfar tal-miri. Il-programm għandu jispeċifika min hu responsabbli għall-kisba tal-objettivi u tal-miri, kif ukoll id-dettalji tar-riżorsi u l-iskadenzi involuti. Ir-riżorsi nfushom (eż. il-mezzi finanzjarji, tekniċi jew tal-persunal) ma jistgħux ikunu objettivi ambjentali.

    Fil-prattika, il-programm spiss jitfassal f’forma tabulari, li tkopri dan li ġej:

    L-objettivi ambjentali, marbuta mal-aspetti diretti u indiretti;

    Il-miri speċifiċi għall-kisba tal-objettivi; u

    L-azzjonijiet, ir-responsabbiltajiet, il-mezzi u l-iskadenzi għal kull mira:

    Id-deskrizzjoni tal-azzjoni(jiet);

    Il-persuna inkarigata mill-mira;

    Is-sitwazzjoni fil-bidu tal-implimentazzjoni;

    Il-mezzi meħtieġa għall-kisba tal-miri;

    Il-frekwenza tal-monitoraġġ tal-progress lejn il-mira;

    Ir-riżultat finali li għandu jintlaħaq, inkluża l-iskadenza;

    Iż-żamma tar-reġistri assoċjati mal-proċess ta’ hawn fuq.

    Kemm l-aspetti diretti kif ukoll dawk indiretti għandhom jiġu kkunsidrati fit-tfassil tal-programm. L-organizzazzjoni għandha timpenja ruħha sabiex ittejjeb il-prestazzjoni tagħha kontinwament.

    2.2.4.   L-implimentazzjoni u t-tħaddim

    2.2.4.1.   Ir-riżorsi, ir-rwoli, ir-responsabbiltà u l-awtorità

    Biex l-EMAS tirnexxi, l-ogħla maniġment għandu jkun lest li jipprovdi r-riżorsi u l-istrutturi organizzattivi meħtieġa sabiex jappoġġjaw lis-sistema. Dawn jinkludu riżorsi umani u ħiliet speċjalizzati tal-persunal, infrastruttura organizzattiva, teknoloġija, kif ukoll riżorsi finanzjarji.

    Ill-verifika ambjentali tkun eżaminat l-infrastruttura organizzattiva eżistenti, il-prattiki u l-proċeduri ta’ ġestjoni. F’dan l-istadju, ikun wasal iż-żmien li l-istrutturi u l-proċeduri interni jiġu adattati jekk ikun meħtieġ.

    Il-maniġment għoli tal-organizzazzjoni għandu jaħtar rappreżentant tal-maniġment, jiġifieri, persuna li fl-aħħar mill-aħħar tkun responsabbli mis-sistema ta’ immaniġjar ambjentali. Ir-rwol tagħha għandu jkun li tiżgura li r-rekwiżiti kollha tas-sistema ta’ immaniġjar ambjentali jkunu stabbiliti, ikunu qegħdin jaħdmu u jkunu aġġornati, kif ukoll li jżomm lit-tim tal-maniġment ġenerali informat dwar kif tkun qiegħda taħdem is-sistema. Din il-persuna għandha tirrapporta dwar il-punti qawwija u dgħajfa tas-sistema, u dwar it-titjib meħtieġ.

    Ir-rappreżentant għandu jkun ikkwalifikat u jkollu esperjenza fi kwistjonijiet ambjentali, fir-rekwiżiti legali marbuta mal-ambjent, fl-aspetti ta’ ġestjoni, fil-ħiliet tal-grupp ta’ ħidma, fit-tmexxija u fil-ħiliet ta’ koordinazzjoni. L-organizzazzjoni għandha tiżgura li dawn il-kompetenzi huma kollha disponibbli fi ħdan l-organizzazzjoni.

    Il-kompetenza, it-taħriġ u l-għarfien

    L-organizzazzjoni għandha tiddefinixxi l-esperjenza u l-għarfien meħtieġa fost il-persunal għal prestazzjoni ta’ immaniġjar ambjentali tajba.

    Hija għandha tfassal, timplimenta u żżomm proċedura sabiex tidentifika l-ħtiġijiet ta’ taħriġ u tagħmel dak kollu li jkun meħtieġ sabiex tassigura li l-persunal involut fis-sistema ta’ immaniġjar ambjentali jkollu għarfien xieraq ta’:

    Il-politika ambjentali tal-organizzazzjoni;

    Ir-rekwiżiti legali u rekwiżiti oħrajn ambjentali applikabbli għall-organizzazzjoni;

    L-objettivi u l-miri stabbiliti għall-organizzazzjoni inġenerali u għall-oqsma ta’ ħidma speċifiċi;

    L-aspetti u l-impatti ambjentali u l-metodoloġija għall-monitoraġġ tagħhom;

    Ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tagħhom fi ħdan is-sistema ta’ immaniġjar ambjentali.

    Kull min jaħdem għall-organizzazzjoni jew f’isimha għandu jkun konxju mir-rwol tiegħu fi ħdan l-EMAS u mill-benefiċċji ambjentali tas-sistema. Dawn għandhom jingħataw, jew għall-anqas ikollhom aċċess għal, taħriġ dwar l-għarfien ambjentali u dwar is-sistema ta’ immaniġjar ambjentali tal-organizzazzjoni.

    Figura 5:

    Dijagramma f’sekwenzi dwar it-taħriġ fis-sistema ta’ immaniġjar ambjentali

    Image

    L-għarfien ambjentali jista’ jinkiseb permezz tat-taħriġ jew attivitajiet oħra, bħal kampanji ta’ komunikazzjoni, stħarriġ, eċċ.

    L-impjegati involuti b’mod attiv huma forza motivanti għal titjib kontinwu, ta’ suċċess, u dawn jgħinu fl-istabbiliment tal-EMAS fl-organizzazzjoni. Dawn jistgħu jkunu involuti permezz ta’, pereżempju, kumitat ambjentali, gruppi ta’ ħidma, permezz ta’ sistemi ta’ suġġerimenti, programmi ta’ inċentivi u attivitajiet oħrajn.

    Għandu jkun hemm rwoli għall-impjegati f’livelli differenti fl-iżvilupp u fl-implimentazzjoni tas-sistema. Dawn jistgħu, pereżempju, ikunu involuti:

    Fl-identifikazzjoni tal-aspetti ambjentali;

    Fit-tfassil u fir-reviżjoni tal-proċeduri u/jew tal-istruzzjonijiet;

    Fil-proposta ta’ objettivi u miri ambjentali;

    Fil-parteċipazzjoni fi proċess ta’ awditjar intern;

    Fit-tfassil tad-dikjarazzjoni ambjentali tal-EMAS.

    Il-maniġment għandu joffrilhom informazzjoni kostanti u jitlob informazzjoni lura mingħand l-impjegati.

    2.2.4.2.   Il-komunikazzjoni

    Komunikazzjoni tajba interna u esterna bejn iż-żewġ naħat hija essenzjali sabiex wieħed jimplimenta b’suċċess is-sistema ta’ immaniġjar ambjentali rreġistrata fl-EMAS. L-organizzazzjoni teħtieġ li tirrikonoxxi l-ħtieġa li tikkomunika mal-partijiet interessati dwar kwistjonijiet ambjentali u s-siwi li tagħmel dan. Hija obbligata li tagħmel id-dikjarazzjoni ambjentali pubblika, u tkun teħtieġ li tidentifika dak li għandu jiġi kkomunikat u lil min. Tkun teħtieġ li tissorvelja r-riżultati tal-komunikazzjoni tagħha u tiddetermina jekk din kinitx effettiva.

    Il-komunikazzjoni interna għandha timxi fiż-żewġ direzzjonijiet (minn fuq għal isfel u minn isfel għal fuq). Dan jista’ jsir billi jintużaw l-intranet, fuljetti, pubblikazzjonijiet interni, bullettini, kaxxi għas-suġġerimenti, laqgħat, tabelli tal-informazzjoni, eċċ.

    Eżempji ta’ komunikazzjoni esterna huma d-dikjarazzjoni ambjentali tal-EMAS, l-Internet, ġranet ta’ azzjoni, stqarrijiet għall-istampa, fuljetti u l-użu tal-logo tal-EMAS jekk dan ikun possibbli u permess.

    2.2.4.3.   Id-dokumentazzjoni u l-kontroll tad-dokumenti

    Għandu jkun hemm dokumentazzjoni dwar is-sistema ta’ immaniġjar ambjentali, li tkopri dan li ġej:

    Il-politika ambjentali;

    L-objettivi u l-miri ambjentali;

    Id-deskrizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema ta’ immaniġjar ambjentali;

    Id-deskrizzjoni tal-elementi ewlenin tas-sistema ta’ immaniġjar ambjentali;

    Ir-rwoli, ir-responsabbiltajiet u l-awtoritajiet;

    Il-proċedura għall-immaniġjar tal-kontroll operattiv;

    Il-proċeduri operattivi;

    L-istruzzjonijiet dwar ix-xogħol.

    Id-dokumentazzjoni għandha tkun ċara u qasira sabiex wieħed jevita l-konfużjoni jew in-nuqqas ta’ fehim.

    Id-dokumenti tal-EMAS jistgħu jkunu integrati f’sistemi ta’ ġestjoni oħrajn (tal-kwalità, tal-enerġija, tas-saħħa u s-sigurtà, eċċ.) jew viċe versa biex ikunu mtejba, biex wieħed jevita x-xogħol doppju u biex titnaqqas il-burokrazija.

    L-SMEs għandhom jaraw li joffru lill-persunal tagħhom dokumentazzjoni ċara, sempliċi u faċli biex tintuża.

    Il-manwal ta’ immaniġjar ambjentali

    Dan ikopri l-politika ambjentali, il-protokolli u l-attivitajiet ambjentali. Għandu jkun integrat fil-pjan ta’ ġestjoni annwali tal-organizzazzjoni. Il-manwal m’għandux għalfejn ikun twil u kkumplikat. Għandu jgħin lill-persunal jifhem kif l-organizzazzjoni stabbilixxiet u strutturat is-sistema ta’ immaniġjar ambjentali tagħha, kif il-partijiet differenti tas-sistema ta’ immaniġjar ambjentali huma relatati ma’ xulxin u x’inhuma r-rwoli ta’ individwi partikolari fl-iskema. Dan il-manwal mhuwiex obbligatorju, għalkemm il-parti l-kbira tal-organizzazzjonijiet jagħżlu li jkollhom wieħed.

    Il-proċeduri

    Id-dokumenti dwar il-proċeduri jiddeskrivu KIF, META u minn MIN għandhom jitwettqu azzjonijiet speċifiċi.

    Eżempji huma proċeduri:

    għall-identifikazzjoni u l-valutazzjoni ta’ aspetti sinifikanti;

    għall-immaniġjar tal-konformità legali;

    għall-immaniġjar tal-aspetti ambjentali sinifikanti identifikati;

    għall-immaniġjar tal-monitoraġġ u l-kejl;

    għall-immaniġjar tal-istat ta’ tħejjija fl-emerġenzi;

    għall-immaniġjar ta’ nuqqas ta’ konformitajiet, ta’ azzjonijiet preventivi u korrettivi;

    għall-identifikazzjoni u l-immaniġjar tal-kompetenza, tat-taħriġ u tal-għarfien;

    għall-immaniġjar tal-komunikazzjoni;

    għall-immaniġjar tad-dokumenti;

    għall-immaniġjar tar-reġistri;

    għall-immaniġjar tal-awditjar intern.

    L-istruzzjonijiet ta’ ħidma

    L-istruzzjonijiet tax-xogħol għandhom ikunu ċari u faċli biex jinftiehmu. Għandhom jispjegaw ir-rilevanza tal-attività, ir-riskju ambjentali assoċjat magħha, it-taħriġ speċifiku għall-persunal responsabbli milli jwettaqha, u kif għandha tkun issorveljata. Jista’ jkun utli li wieħed jispjegaha permezz ta’ stampi, pittogrammi jew modi oħrajn li jiżguraw li l-impjegati kollha jkunu jistgħu jifhmu l-istruzzjonijiet malajr.

    L-immaniġjar tad-dokumenti

    L-organizzazzjoni għandha tistabbilixxi, timplimenta u żżomm proċedura ta’ immaniġjar tad-dokumenti abbozzati għas-sistema ta’ immaniġjar ambjentali. Għandha tingħata attenzjoni speċifika għar-reġistri (ara 2.2.5.4).

    Dan ikun jeħtieġ proċedura sabiex:

    Figura 6:

    Il-proċess ta’ immaniġjar tad-dokumenti f’sistema ta’ immaniġjar ambjentali

    Image

    Is-sistema għandha tassigura li l-verżjonijiet differenti tad-dokumenti jibqgħu disponibbli, u li d-dokumenti jibqgħu leġġibbli u faċilment identifikabbli.

    Jistgħu jkunu inklużi dokumenti minn sorsi esterni, minħabba li dawn spiss ikunu essenzjali sabiex jiżguraw li s-sistema ta’ immaniġjar ambjentali taħdem tajjeb. Dokumenti bħal dawn jistgħu jinkludu informazzjoni minn awtoritajiet lokali u amministrazzjonijiet pubbliċi, manwali tat-tagħmir għall-utenti, dokumenti dwar is-saħħa u s-sigurtà, eċċ.

    2.2.4.4.   Il-kontroll operattiv

    Il-kontroll operattiv jinvolvi operazzjonijiet ta’ identifikar u ppjanar li huma assoċjati mal-aspetti ambjentali sinifikanti konsistenti mal-politika, l-objettivi u l-miri (ara Figura 7). Jista’ wkoll ikopri attivitajiet bħall-manutenzjoni tat-tagħmir, il-ftuħ u l-għeluq, l-immaniġjar ta’ kuntratturi li jkunu fuq il-post, u servizzi pprovduti minn fornituri jew bejjiegħa. Jeħtieġ li jkun hemm proċeduri li jindirizzaw ir-riskji identifikati, li jistabbilixxu l-miri u li jkejlu l-prestazzjoni ambjentali (preferibbilment permezz ta’ indikaturi ambjentali ċari). Il-proċeduri għandhom jiddefinixxu l-kundizzjonijiet normali. Il-kundizzjonijiet anormali u l-emerġenzi għandhom ikunu definiti u deskritti. Il-proċeduri ta’ kontroll operattiv għandhom ikunu ddokumentati tajjeb u sottomessi għal awditjar intern.

    Figura 7:

    Il-kontroll operattiv

    Image

    2.2.4.5.   Il-preparazzjoni u r-rispons f’każ ta’ emerġenza

    L-organizzazzjoni għandha tfassal, timplimenta u żżomm proċeduri sabiex tidentifika emerġenzi potenzjali u inċidenti potenzjali sabiex:

    Tevita r-riskju ta’ inċident;

    Tiddeskrivi kif l-organizzazzjoni tirreaġixxi għall-inċidenti;

    Tipprevjeni jew ittaffi impatti ambjentali avversi assoċjati.

    Il-pjan ta’ emerġenza huwa essenzjali għall-industrija u għall-organizzazzjonijiet involuti f’attivitajiet potenzjalment riskjużi.

    L-organizzazzjoni għandha tirrevedi perjodikament il-preparazzjoni tagħha f’każ ta’ emerġenza (inkluż taħriġ xieraq) u l-proċeduri ta’ rispons tagħha. Għandha tirrevedihom jekk ikun meħtieġ, b’mod partikolari wara xi emerġenza jew inċident. Il-proċeduri għandhom ikunu ttestjati minn żmien għal żmien.

    Figura 8:

    Il-pjanijiet ta’ emerġenza

    Image

    2.2.5.   L-iċċekkjar

    2.2.5.1.   Il-monitoraġġ u l-kejl

    L-organizzazzjoni teħtieġ li tfassal, timplimenta u żżomm proċedura għall-monitoraġġ u l-kejl ta’ parametri sinifikanti bħall-emissjonijiet tal-arja, l-ilma mormi u l-istorbju b’mod regolari sabiex tikseb valur miżjud mis-sejbiet. Ir-rapportar dwar l-indikaturi ċentrali tal-prestazzjoni huwa obbligatorju (ara 2.3.2).

    Ir-rekwiżiti legali dwar il-monitoraġġ għandhom ikunu kkunsidrati, u l-kriterji għall-monitoraġġ bħall-frekwenza tal-ispezzjonijiet u l-metodoloġija għandhom ikunu konformi magħhom. L-informazzjoni dwar dawn hija utli sabiex tiżgura:

    Konformità mar-rekwiżiti legali u mar-regolamenti;

    Valutazzjoni preċiża tal-prestazzjoni ambjentali;

    Dikjarazzjoni kompluta u trasparenti tal-EMAS.

    Skont il-ħtiġijiet tal-organizzazzjoni, jistgħu jitkejlu u jiġu mmonitorjati fatturi oħrajn:

    Aspetti ambjentali sinifikanti;

    Politika u objettivi ambjentali;

    Livell ta’ għarfien fost l-impjegati, eċċ.

    It-tagħmir tal-kejl għandu jkun ikkalibrat fuq bażi regolari sabiex l-organizzazzjoni tikkonforma mal-leġiżlazzjoni u tikseb riżultati preċiżi.

    2.2.5.2.   Il-valutazzjoni tal-konformità legali

    Il-konformità legali hija rekwiżit ewlieni tar-Regolament dwar l-EMAS u organizzazzjoni ma tistax tirreġistra mingħajrha, allura tkun teħtieġ li jkollha proċedura sabiex tirrevediha u tivvalutaha b’mod regolari.

    L-aħjar mod biex isir dan hija lista tal-leġiżlazzjoni kollha rilevanti u ta’ rekwiżiti speċifiċi, imbagħad din titqabbel maċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-organizzazzjoni (ara Tabella 6). Organizzazzjonijiet akbar u aktar kumplessi jistgħu jkunu jeħtieġu li jużaw databases jew ifittxu għajnuna esterna.

    Jekk il-verifikatur isib każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità li ma jkunux ġew korretti, ma jkollux permess jivvalida d-dikjarazzjoni ambjentali jew li jiffirma d-dikjarazzjoni finali (Anness VII).

    Tabella 6:

    Eżempju ta’ valutazzjoni tal-konformità legali sempliċi

    Il-leġiżlazzjoni ambjentali applikabbli

    Ir-rekwiżit speċifiku

    L-istatus tal-organizzazzjoni

    Ir-riżultat

    Il-liġi dwar l-iskart

    Il-permess għall-produzzjoni tal-iskart

    L-immaniġjar tal-iskart

    Permess skadut

    L-immaniġjar tal-iskart taħt kontroll

    Ġib permess aġġornat

    Il-liġi dwar l-emissjonijiet fl-arja

    Il-limiti tal-emissjonijiet NOx, SOx, partiċelli, eċċ.)

    Il-permess għall-bojlers

    Taħt il-limiti

    Permessi aġġornati

    OK

    Il-liġi dwar l-istorbju

    Il-limitu tal-istorbju fiż-żona

    Taħt il-livell permess

    OK

    Il-liġi dwar it-trattament tal-ilma

    Trattament speċifiku (l-eliminazzjoni tal-P u tal-N)

    Il-limiti tal-effluwenti

    Il-permess għall-emissjoni fil-kanali tal-ilma

    Għadu mhux stabbilit

    Mhux konformi għal kollox

    Permess mhux aġġornat

    Irranġa s-sitwazzjoni

    Il-liġi dwar il-GHG

    Il-limiti tal-GHG allokati

    Taħt il-limitu

    OK. Jistgħu jinbiegħu xi kwoti ta’ emissjonijiet

    2.2.5.3.   In-nuqqas ta’ konformità, l-azzjonijiet korrettivi u preventivi

    L-organizzazzjoni jkollha tistabbilixxi, timplimenta u żżomm proċedura sabiex tindirizza każijiet u każijiet potenzjali ta’ nuqqas ta’ konformità, mar-rekwiżiti tal-EMAS.

    Il-proċedura għandha tinkludi modi kif:

    Jiġi identifikat u korrett il-każ;

    Tiġi investigata l-kawża u l-effetti tal-każ;

    Tiġi vvalutata l-ħtieġa ta’ azzjoni sabiex il-każ ma jerġax iseħħ;

    Jiġu rreġistrati r-riżultati tal-azzjoni korrettiva li tkun ittieħdet;

    Tiġi vvalutata l-ħtieġa ta’ miżuri sabiex jiġu evitati każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità;

    Tiġi implimentata azzjoni xierqa preventiva sabiex ikunu evitati każijiet bħal dawn; u

    Tiġi riveduta l-effikaċja tal-azzjoni korrettiva u preventiva.

    Nuqqas ta’ konformità tfisser kwalunkwe tip ta’ nuqqas ta’ ssodisfar tar-rekwiżiti bażiċi speċifikati fil-proċeduri u fl-istruzzjonijiet tekniċi.

    In-nuqqas ta’ konformità jista’ jkun ir-riżultat ta’ żball uman jew ta’ implimentazzjoni. Il-bidliet sabiex tissewwa s-sitwazzjoni u tiġi evitata r-ripetizzjoni għandhom isiru mill-aktar fis possibbli.

    In-nuqqas ta’ konformità jista’ jiġi skopert permezz ta’:

    Kontroll operattiv;

    Awditjar intern/esterna;

    Reviżjoni tal-immaniġjar; jew

    Bħala parti mill-attività ta’ kuljum.

    L-azzjonijiet korrettivi u preventivi

    Ir-rappreżentant tal-maniġment tal-EMAS għandu jkun informat dwar xi nuqqas ta’ konformità sabiex ikun jista’ jieħu deċiżjonijiet dwar it-teħid ta’ azzjoni korrettiva, jekk din tkun xierqa.

    Fejn ikun ġie identifikat xi nuqqas ta’ konformità, ir-rappreżentant tal-maniġment tal-EMAS għandu jkun informat, sabiex ikun jista’ jieħu deċiżjonijiet dwar it-teħid ta’ azzjoni preventiva, jekk din tkun xierqa.

    Kemm l-azzjonijiet korrettivi kif ukoll dawk preventivi għandhom ikunu rreġistrati. Jista’ jkun meħtieġ li tinbidel id-dokumentazzjoni tas-sistema ta’ immaniġjar ambjentali b’riżultat ta’ dan.

    2.2.5.4.   Il-kontroll tar-reġistri

    L-organizzazzjoni għandha tistabbilixxi sistema sabiex iżżomm ir-reġistri li bihom turi li tikkonforma mar-rekwiżiti tas-sistema ta’ immaniġjar ambjentali tagħha.

    L-organizzazzjoni għandha tistabbilixxi, timplimenta u żżomm proċedura għall-immaniġjar tar-reġistri tagħha. Din għandha tkopri kwistjonijiet bħall-identifikazzjoni, il-ħażna, il-protezzjoni, l-irkupru, iż-żamma u r-rimi tar-reġistri.

    Ir-reġistri għandhom ikunu u jibqgħu identifikabbli, leġġibbli, aġġornati u traċċabbli.

    Eżempji tar-reġistri:

    konsum ta’ elettriku, ilma u materja prima;

    skart iġġenerat (skart perikoluż u mhux perikoluż);

    emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett serra (GHG);

    inċidenti, aċċidenti u lmenti;

    rekwiżiti legali;

    rapporti dwar l-awditjar u reviżjonijiet tal-immaniġjar;

    rapporti dwar l-ispezzjonijiet;

    aspetti ambjentali sinifikanti;

    nuqqas ta’ konformità, azzjonijiet korrettivi u preventivi;

    komunikazzjoni u taħriġ;

    suġġerimenti tal-persunal; u

    taħriġ u seminars.

    2.2.6.   Awditjar intern

    L-EMAS tagħti attenzjoni partikolari lill-awditjar intern fl-Anness III.

    “ ‘Verifika ambjentali interna’ tfisser l-evalwazzjoni sistematika, dokumentata, perjodika u oġġettiva tal-prestazzjoni ambjentali tal-organizzazzjoni, is-sistema u l-proċessi ta’ ġestjoni mfasslin biex iħarsu l-ambjent.’

    L-organizzazzjoni għandha tistabbilixxi proċedura ta’ awditjar intern bħala parti mis-sistema ta’ ġestjoni. Din għandha tkopri r-responsabbiltajiet u r-rekwiżiti għall-ippjanar u t-twettiq ta’ verifiki, ir-riżultati tar-rapportar u ż-żamma tar-reġistri, id-determinazzjoni tal-kriterji ta’ verifika, il-kamp ta’ applikazzjoni, il-frekwenza u l-metodi.

    L-għan tal-awditjar intern huwa li tiddetermina:

     

    jekk is-sistema ta’ immaniġjar ambjentali tissodisfax ir-rekwiżiti tar-Regolament dwar l-EMAS;

     

    jekk ġietx implimentata u miżmuma tajjeb;

     

    li tiggarantixxi li l-maniġment tal-organizzazzjoni jikseb l-informazzjoni li jeħtieġ sabiex jirrevedi l-prestazzjoni ambjentali tal-organizzazzjoni;

     

    l-effikaċja tas-sistema ta’ immaniġjar ambjentali.

    Il-verifika għandha ssir b’mod oġġettiv minn persunal indipendenti. L-awditur intern jista’ jkun membru mħarreġ tal-persunal jew persuna jew tim estern.

    Ir-regoli ġenerali

    Stabbilixxi programm ta’ awditjar;

    Iddefinixxi il-kamp ta’ applikazzjoni tal-awditjar. Dan jiddependi fuq id-daqs u t-tip ta’ organizzazzjoni. Il-kamp ta’ applikazzjoni għandu jispeċifika l-oqsma tas-suġġetti koperti, l-attivitajiet li għandhom ikunu vverifikati, il-kriterji ambjentali li għandhom ikunu kkunsidrati u l-perjodu li għandu jkun kopert mill-awditjar;

    Speċifika r-riżorsi meħtieġa sabiex jitwettaq l-awditjar, pereżempju, persunal imħarreġ tajjeb b’għarfien tajjeb tal-attività, l-aspetti tekniċi, l-aspetti ambjentali, ir-rekwiżiti legali;

    Kun żgur li l-attivitajiet kollha fl-organizzazzjoni jsiru f’konformità ma’ proċeduri definiti qabel; u

    Identifika problemi ġodda potenzjali u stabbilixxi miżuri sabiex tevita li jseħħu.

    Il-fażijiet tal-awditjar intern

    Figura 9:

    Il-fażijiet tal-awditjar intern

    Image

    2.2.6.1.   Il-programm tal-awditjar u l-frekwenza tal-awditjar

    Il-programm għandu jinkludi:

    il-miri speċifiċi tal-awditjar intern

    kif wieħed għandu jiċċekkja jekk is-sistema ta’ immaniġjar ambjentali hijiex koerenti u tikkonformax mal-politika u mal-programm tal-organizzazzjoni u tissodisfax ir-rekwiżiti tal-EMAS

    il-konformità mar-rekwiżiti regolatorji ambjentali applikabbli.

    L-organizzazzjoni għandha twettaq awditjar intern kull sena sabiex ikollha ħarsa ġenerali tajba tal-aspetti ambjentali sinifikanti tagħha. Iċ-ċiklu tal-verifika, li jkopri l-attivitajiet kollha tal-organizzazzjoni, għandu jkun lest fi żmien tliet snin. L-organizzazzjonijiet iż-żgħar jistgħu jtawlu dan il-perjodu għal erba’ snin.

    Il-frekwenza li biha kwalunkwe attività speċifika tiġi awditjata tvarja, skont:

    In-natura, l-iskala u l-kumplessità tal-attivitajiet ikkonċernati;

    Is-sinifikat tal-impatti ambjentali assoċjati;

    L-importanza u l-urġenza tal-problemi misjuba minn verifiki preċedenti; u

    Problemi ambjentali fil-passat.

    Bħala regola, l-attivitajiet kumplessi b’impatt ambjentali aktar sinifikanti jkunu jeħtieġu li jiġu awditjati aktar spiss.

    Biex wieħed jikseb riżultati sodisfaċenti, il-persunal kollu involut f’awditjar intern għandu jkollu idea ċara tal-objettivi ambjentali tal-eżerċizzju u tar-rwoli speċifiċi ta’ kull min ikun qed jipparteċipa (id-diretturi, il-maniġers, l-impjegati, l-awdituri, eċċ.).

    2.2.6.2.   L-attivitajiet ta’ awditjar intern

    Huwa importanti li wieħed iħejji għall-awditjar intern minn qabel. L-ewwel, wieħed għandu jidentifika lill-awditur/lit-tim ta’ awdituri. L-organizzazzjoni tista’ tuża l-persunal tagħha stess bħala awdituri, jew tqabbad awdituri barranin. Dawn għandhom ikunu oġġettivi u imparzjali u jkollhom il-ħiliet u t-taħriġ xierqa. L-awditur/it-tim ta’ awdituri għandu:

    Iħejji pjan ta’ awditjar tajjeb, billi jiġbor informazzjoni dwar l-għan, il-kamp ta’ applikazzjoni, il-post u d-data miftiehma mal-organizzazzjoni;

    Jibgħat il-pjan ta’ awditjar lill-organizzazzjoni biżżejjed bil-quddiem;

    Ifassal listi ta’ kontroll;

    Iqassam il-kompiti bejn it-tim tal-awditjar.

    Biex l-awditjar ikun jagħmel sens, it-tim ta’ awdituri għandu jiċċekkja l-konformità mal-leġiżlazzjoni ambjentali, jekk l-objettivi u l-miri ntlaħqux, u jekk is-sistema ta’ immaniġjar hijiex effettiva u adegwata.

    Il-proċess ta’ verifika għandu jinkludi dawn il-passi li ġejjin:

    Il-fehim tas-sistema ta’ immaniġjar;

    Il-valutazzjoni tal-aqwa aspetti u tal-punti dgħajfa tas-sistema;

    Il-ġbir ta’ evidenza rilevanti (eż. dejta, reġistri, dokumenti);

    L-ivvalutar tas-sejbiet tal-awditjar;

    It-tħejjija tal-konklużjonijiet tal-awditjar; u

    Ir-rapportar tas-sejbiet u tal-konklużjonijiet tal-awditjar.

    2.2.6.3.   Ir-rapportar tas-sejbiet u tal-konklużjonijiet tal-awditjar

    L-għan tar-rapport tal-awditjar huwa li jipprovdi lill-maniġment:

    b’evidenza bil-miktub dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-awditjar;

    b’informazzjoni dwar kemm intlaħqu l-objettivi;

    b’informazzjoni dwar jekk l-objettivi humiex konformi mal-politika ambjentali tal-organizzazzjoni;

    b’informazzjoni dwar l-affidabbiltà u l-effikaċja tas-sistema ta’ monitoraġġ;

    bi proposti ta’ azzjonijiet korrettivi jekk ikunu meħtieġa.

    Ir-rapport għandu jkun ippreżentat lir-rappreżentant tal-maniġment għall-EMAS li jiffinalizza l-azzjonijiet korrettivi jekk ikun ġie identifikat xi nuqqas ta’ konformità (inklużi każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità, jekk ikun hemm).

    2.2.7.   Ir-reviżjoni tal-ġestjoni

    Il-maniġment għoli għandu jirrevedi s-sistema ta’ ġestjoni fuq bażi regolari (mill-inqas darba fis-sena) sabiex jassigura li hija adatta għall-iskop u l-effikaċja. Ir-reviżjoni tal-maniġment għandha tkun irreġistrata, u r-reġistri għandhom jinżammu.

    Il-kontenut tar-reviżjoni tal-ġestjoni

    Il-kontributi:

    Ir-riżultati tal-verifiki interni inkluża l-valutazzjoni tal-konformità legali;

    Il-komunikazzjoni esterna;

    L-ilmenti;

    Safejn intlaħqu l-objettivi u l-miri;

    L-istatus ta’ azzjonijiet korrettivi u preventivi;

    Is-segwitu ta’ reviżjonijiet preċedenti tal-ġestjoni;

    Il-bidliet fiċ-ċirkostanzi, eż. żviluppi legali, bidliet ambjentali;

    Ir-rakkomandazzjonijiet għat-titjib.

    Ir-riżultati għandhom jinkludu d-deċiżjonijiet u l-attivitajiet kollha, il-bidliet fil-politika ambjentali, l-objettivi u l-miri u aspetti oħrajn tas-sistema ta’ immaniġjar ambjentali.

    2.3.   Id-dikjarazzjoni ambjentali tal-EMAS

    “ ‘Dikjarazzjoni ambjentali’ tfisser l-informazzjoni komprensiva għall-pubbliku u għal partijiet interessati oħrajn rigward: l-istruttura u l-attivitajiet tal-organizzazzjoni; il-politika ambjentali u s-sistema ta’ immaniġjar ambjentali tagħha; l-aspetti u l-impatti ambjentali tagħha; il-prestazzjoni ambjentali u l-konformità ma’ obbligi legali applikabbli relatati mal-ambjent…’.

    Id-dikjarazzjoni hija waħda mill-karatteristiċi uniċi tal-EMAS meta mqabbla ma’ sistema ta’ immaniġjar ambjentali oħrajn.

    Għall-pubbliku, hija tafferma l-impenn tal-organizzazzjoni li tieħu azzjoni dwar l-ambjent.

    Għall-organizzazzjoni, hija opportunità tajba sabiex tiddikjara x’qiegħda tagħmel sabiex ittejjeb l-ambjent.

    L-EMAS tistabbilixxi ċerti rekwiżiti minimi għad-dikjarazzjoni, iżda l-organizzazzjoni tista’ tiddeċiedi dwar kemm dettall għandha ddaħħal, kif ukoll dwar l-istruttura u d-dehra tagħha, sakemm il-kontenut ikun ċar, affidabbli, kredibbli u korrett. Hija l-organizzazzjoni li tiddeċiedi jekk tixtiqx tinkludi d-dikjarazzjoni ambjentali tagħha fir-rapport annwali tagħha, jew f’rapporti oħrajn, pereżempju, dwar ir-responsabbiltà soċjali korporattiva.

    2.3.1.   Il-kontenut minimu għad-dikjarazzjoni ambjentali tal-EMAS

    (1)

    Deskrizzjoni ċara u mhux ambigwa tal-organizzazzjoni li tkun qiegħda tirreġistra taħt l-EMAS u sommarju tal-attivitajiet, il-prodotti u s-servizzi tagħha u r-relazzjoni tagħha ma’ kwalunkwe organizzazzjoni prinċipali kif xieraq

    Inkludi dijagrammi, mapep, ċarts dwar il-fluss, ritratti mill-ajru, eċċ. sabiex tispjega l-kontenut. Il-kodiċijiet tal-NACE għad-deskrizzjoni tal-attivitajiet ukoll għandhom ikunu inklużi.

    (2)

    Il-politika ambjentali u deskrizzjoni qasira tas-sistema ta’ immaniġjar ambjentali tal-organizzazzjoni

    Deskrizzjoni xierqa tas-sistema hija importanti sabiex wieħed jipprovdi informazzjoni ċara dwar l-istruttura tal-ħidma. Il-politika ambjentali għandha tkun inkluża wkoll.

    (3)

    Deskrizzjoni tal-aspetti ambjentali sinifikanti, diretti u indiretti kollha li jirriżultaw f’impatti ambjentali sinifikanti tal-organizzazzjoni u spjegazzjoni tan-natura tal-impatti kif marbuta ma’ dawn l-aspetti (Anness I.2 tar-Regolament dwar l-EMAS)

    L-aspetti ambjentali diretti u indiretti għandhom jingħataw b’mod separat. L-impatti tat-tnejn għandhom jingħataw, permezz ta’ tabelli jew ċarts tal-fluss.

    (4)

    Deskrizzjoni tal-objettivi u l-miri ambjentali b’rabta mal-aspetti u l-impatti ambjentali sinifikanti

    Uża listi ta’ miri u objettivi, kif ukoll indikaturi sabiex tivvaluta l-progress fit-titjib tal-prestazzjoni. Inkludi l-programm ambjentali u rreferi għal miżuri speċifiċi meħuda jew ippjanati sabiex itejbu l-prestazzjoni.

    (5)

    Sommarju tad-dejta disponibbli dwar il-prestazzjoni tal-organizzazzjoni fil-konfront tal-objettivi u l-miri ambjentali tagħha fir-rigward tal-impatti ambjentali sinifikanti tagħha. Ir-rapportar għandu jkun dwar l-indikaturi ċentrali u dwar indikaturi tal-prestazzjoni ambjentali oħrajn eżistenti u rilevanti kif stabbilit fit-Taqsima C tal-Anness IV tar-Regolament dwar l-EMAS;

    L-indikaturi ċentrali għandhom jiffukaw fuq sitt oqsma prinċipali: l-effiċjenza fl-enerġija, l-effiċjenza fil-materjal, l-ilma, l-iskart, il-bijodiversità u l-emissjonijiet (ara 2.3.2).

    (6)

    Fatturi oħra li jirrigwardaw il-prestazzjoni ambjentali inkluża l-prestazzjoni f’taqbil mad-dispożizzjonijiet legali fir-rigward tal-impatti ambjentali sinifikanti tagħhom

    Uża tabelli u/jew grafiċi li jqabblu l-limiti ta’ referenza legali mal-limiti mkejla u/jew ikkalkulati mill-organizzazzjoni. Mhux dejjem possibbli li wieħed ikejjel il-prestazzjoni ambjentali bid-dejta. Fatturi intanġibbli huma wkoll rilevanti, u jistgħu jinkludu bidliet fl-imġiba, titjib fil-proċessi, eċċ.

    (7)

    Referenza għar-rekwiżiti legali applikabbli relatati mal-ambjent

    L-EMAS teħtieġ il-konformità mal-liġi. Id-dikjarazzjoni ambjentali hija opportunità sabiex ikun iddikjarat kif l-organizzazzjoni jirnexxilha tikseb din il-konformità.

    Għalkemm l-organizzazzjonijiet irreġistrati fl-EMAS għandu jkollhom disponibbli lista interna tar-rekwiżiti kollha legali rilevanti, mhux meħtieġ li dawn ikunu inklużi kollha fid-dikjarazzjoni ambjentali. Deskrizzjoni ġenerali hija biżżejjed f’dan il-kuntest.

    (8)

    L-isem u n-numru tal-akkreditament jew tal-liċenzja tal-verifikatur ambjentali u d-data tal-validazzjoni

    Jekk l-organizzazzjoni tippubblika d-dikjarazzjoni ambjentali tagħha bħala parti minn rapport ieħor, hija għandha tidentifika d-dikjarazzjoni bħala tali u tindika li din ġiet ivvalidata mill-verifikatur ambjentali. Għalkemm mhuwiex obbligatorju li d-dikjarazzjoni msemmija fl-Artikolu 25(9) tkun annessa mad-dikjarazzjoni ambjentali tal-EMAS, hija meqjusal-aħjar prassi li wieħed jagħmel dan.

    2.3.2.   L-indikaturi ċentrali u l-indikaturi rilevanti oħrajn ta’ prestazzjoni ambjentali eżistenti

    2.3.2.1.   L-indikaturi ċentrali

    L-organizzazzjonijiet għandhom jirrapportaw dwar l-indikaturi ċentrali tal-prestazzjoni ambjentali (magħrufa wkoll bħala indikaturi ta’ prestazzjoni ewlenin) rilevanti għall-aspetti ambjentali diretti tal-organizzazzjoni. Għandhom jirrapportaw ukoll dwar indikaturi ta’ prestazzjoni oħrajn rilevanti għal aspetti ambjentali aktar speċifiċi. Għandhom jikkunsidraw dokumenti ta’ referenza settorjali fejn dawn ikunu disponibbli.

    L-indikaturi ċentrali japplikaw għal kull tip ta’ organizzazzjoni. Dawn ikejlu l-prestazzjoni f’dawn l-oqsma ewlenin:

    L-effiċjenza fl-enerġija;

    L-effiċjenza fil-materjal;

    L-ilma;

    L-iskart;

    Il-bijodiversità;

    L-emissjonijiet.

    Kull indikatur ċentrali huwa magħmul minn Figura A (dħul), Figura B (ħruġ) u Figura ta’ proporzjon Formula.

    (i)   Figura A (dħul)

    Id-Dħul (Figura A) huwa rrapportat kif ġej:

    L-effiċjenza fl-enerġija :

    (a)

    Il-konsum totali ta’ enerġija fis-sena, espress f’MWh jew GJ;

    (b)

    Il-perċentwal ta’ (a) minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, prodott mill-organizzazzjoni.

    L-indikatur (b) jinkludi l-perċentwal ta’ konsum ta’ enerġija fis-sena minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli attwalment prodotta mill-organizzazzjoni. L-enerġija mixtrija minn fornitur tal-enerġija mhijiex inkluża f’dan l-indikatur, u tista’ titqies bħala parti minn miżuri ta’ ‘akkwist ekoloġiku’.

    L-effiċjenza fil-materjal :

    Il-fluss annwali ta’ massa ta’ materjal differenti użat, espress f’tunnellati, minbarra l-mezzi ta’ trasport tal-enerġija u l-ilma.

    Il-fluss annwali ta’ massa ta’ materjal differenti jista’ jinqasam skont l-iskop tal-użu tiegħu. Jista’, pereżempju, jinkludi materja prima bħal metall, injam jew kimika, jew oġġetti intermedji, skont l-attivitajiet tal-organizzazzjoni.

    L-ilma :

    Il-konsum totali annwali tal-ilma, espress f’m3.

    Dan l-indikatur jeħtieġ ir-rapportar tal-ammont totali annwali ta’ ilma kkunsmat mill-organizzazzjoni.

    Huwa utli li wieħed jiċċara t-tipi differenti ta’ konsum ta’ ilma, u li jsir rapport dwar il-konsum skont is-sors tal-ilma, eż. l-ilma tal-wiċċ, l-ilma tal-pjan.

    Informazzjoni utli oħra tista’ tinkludi l-ammont ta’ ilma mormi, ilma mormi ttrattat u użat mill-ġdid, ir-riċiklaġġ tal-ilma tax-xita u tal-ilma griż.

    L-iskart :

    Dan ikopri l-ġenerazzjoni annwali totali ta’

     

    skart (ikklassifikat skont it-tip) espress f’tunnellati;

     

    skart perikoluż, espress f’tunnellati jew f’kilogrammi.

    Ir-rapportar dwar l-iskart u l-iskart perikoluż huwa obbligatorju taħt ir-Regolament dwar l-EMAS. Hija prattika tajba li wieħed jikklassifika l-iskart skont it-tip għaż-żewġ flussi. Ir-riżultati tal-verifika ambjentali, inklużi l-obbligi legali rilevanti ta’ rapportar dwar l-iskart, għandhom jittieħdu bħala bażi. Rapportar aktar iddettaljat jista’ jsir f’konformità mas-sistema ta’ klassifikazzjoni nazzjonali tal-iskart li timplimenta l-Lista Ewropea tal-Iskart.

    Ir-rapportar ta’ listi twal ta’ tipi ta’ skart jista’ jkun kontroproduttiv u joħloq konfużjoni għall-finijiet ta’ komunikazzjoni, allura r-‘raggruppament’ ta’ informazzjoni skont il-Lista Ewropea hija għażla oħra. L-iskart imbagħad jista’ jiġi rreġistrat skont il-volum għat-tipi differenti, bħal metalli, plastik, karta, ħama, irmied, eċċ. Jista’ jkun utli wkoll li wieħed iżid informazzjoni dwar l-ammont ta’ skart irkuprat, irriċiklat, użat għall-produzzjoni tal-enerġija jew mormi fil-miżbla.

    Il-bijodiversità :

    L-użu tal-art, espress f’m2 ta’ żona mibnija.

    Il-bijodiversità hija kwistjoni kumplessa u relattivament ġdida fost l-indikaturi ċentrali. Xi wħud mill-fatturi li jikkawżaw it-telf tal-bijodiversità (it-tibdil fil-klima, l-emissjonijiet/it-tniġġis) huma diġà koperti minn aspetti ambjentali u indikaturi relatati fir-Regolament dwar l-EMAS, li jkopru l-konsum tal-enerġija u tal-ilma, l-emissjonijiet, l-iskart, eċċ.

    Mhux l-indikaturi kollha tal-bijodiversità huma rilevanti għas-setturi/għall-organizzazzjonijiet kollha, u mhux kollha jistgħu jkunu implimentati b’mod dirett meta wieħed jibda jimmaniġġja dawn l-aspetti. Il-verifika ambjentali għandha tagħti indikazzjoni tajba tal-fatturi rilevanti. L-organizzazzjoni għandha tikkunsidra mhux biss l-impatti lokali, iżda wkoll impatti diretti u indiretti fuq il-bijodiversità b’mod aktar wiesa’, eż. l-estrazzjoni ta’ materja prima, il-katina tal-akkwist/tal-provvista, il-produzzjoni u l-prodott, it-trasport u l-loġistika, il-kummerċjalizzazzjoni u l-komunikazzjoni. M’hemmx indikatur uniku rilevanti għall-organizzazzjonijiet kollha.

    L-indikatur tal-bijodiversità dwar l-użu tal-art, ipprovdut fl-Anness IV tar-Regolament dwar l-EMAS, jista’ jitqies bħala denominatur komuni. Dan ikopri biss il-bini tal-organizzazzjoni f’termini ta’ żona mibnija. Madankollu, huwa rrakkomandat ħafna li żoni magħluqin għandhom ukoll ikunu inklużi fih.

    L-emissjonijiet :

    (a)

    L-emissjonijiet totali annwali ta’ gassijiet b’effett serra (CO2, CH4, N2O, HFC, PFC, SF6), espressi f’tunnellati ta’ ekwivalenti għal CO2;

    (b)

    It-total annwali ta’ emissjonijiet fl-arja (inklużi mill-inqas SO2, NOx, PM), espressi f’kilogrammi jew f’tunnellati.

    Nota: Minħabba li l-impatti ta’ dawn is-sustanzi huma differenti, m’għandhomx jingħaddu flimkien.

    L-approċċ lejn il-kwantifikazzjoni tal-emissjonijiet, b’mod speċjali l-gassijiet b’effett serra u s-sustanzi li jniġġsu l-arja, jeħtieġ li jkun iċċarat (19). Bħala punt ta’ tluq, l-organizzazzjonijiet għandhom jikkunsidraw ir-rekwiżiti legali eżistenti. Dan huwa kjarament il-każ tal-organizzazzjonijiet li l-installazzjonijiet tagħhom jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Iskema tal-UE għan-Negozjar tal-Emissjonijiet jew tar-Regolament dwar ir-Reġistru tar-Rilaxx u t-Trasferiment tal-Inkwinanti Ewropew. F’każijiet oħrajn, jistgħu jiġu applikati metodoloġiji komuni nazzjonali/reġjonali, Ewropej, jew rikonoxxuti globalment meta jkunu disponibbli.

    Għalkemm ir-rapportar dwar l-indikaturi ċentrali huwa obbligatorju biss għall-aspetti diretti, l-organizzazzjoni għandha tikkunsidra l-aspetti ambjentali sinifikanti kollha, kemm dawk diretti kif ukoll indiretti. Allura l-aħjar huwa li jiġu rrapportati l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett serra indiretti sinifikanti, preferibbilment b’mod separat mill-emissjonijiet diretti.

    (ii)   Figura B (ħruġ)

    Il-ħruġ annwali ġenerali (Figura B) huwa l-istess għall-oqsma kollha, iżda adattat għal tipi differenti ta’ organizzazzjonijiet:

    (a)

    Is-settur tal-produzzjoni (l-industrija): iddikjara l-valur miżjud gross totali, espress f’miljuni ta’ euro jew il-ħruġ fiżiku annwali totali, espress f’tunnellati. L-organizzazzjonijiet iż-żgħar jistgħu jiddikjaraw il-qligħ totali annwali, jew in-numru ta’ impjegati;

    (b)

    Is-settur li mhux ta’ produzzjoni (servizzi, amministrazzjoni) iddikjara n-numru ta’ impjegati.

    2.3.2.2.   L-indikaturi ċentrali u l-elementi ta’ flessibbiltà relatati – bażi loġika

    Huwa importanti li wieħed jifhem il-loġika wara l-istabbiliment tal-indikaturi u l-elementi ta’ flessibbiltà pprovduti fir-Regolament dwar l-EMAS (Anness IV għar-Regolament dwar l-EMAS).

    L-Anness IV C.1 jiddikjara li l-indikaturi għandhom:

    (a)

    jagħtu stima preċiża tal-prestazzjoni ambjentali tal-organizzazzjoni;

    (b)

    ikunu jistgħu jinftiehmu u ma jkunux ambigwi;

    (c)

    jippermettu li jsir paragun kull sena biex jiġi vvalutat l-iżvilupp tal-prestazzjoni ambjentali tal-organizzazzjoni;

    (d)

    jippermettu li jsir paragun mal-punti ta’ riferiment settorjali, nazzjonali jew reġjonali kif xieraq;

    (e)

    jippermettu li jsir paragun mar-rekwiżiti regolatorji kif xieraq.

    Dawn huma l-funzjonijiet ewlenin tal-indikaturi ċentrali tal-prestazzjoni.

    Madankollu, hemm xi ftit flessibbiltà rigward l-użu tal-indikaturi jekk din tgħin sabiex tinkiseb il-funzjoni tagħhom.

    Dawn huma kif ġej:

    Kundizzjonijiet għall-użu tal-klawżola tal-kunfidenzjalità, imsemmija fl-Anness IV C.1 — ‘jekk l-iżvelar se jaffettwa b’mod negattiv il-kunfidenzjalità ta’ informazzjoni kummerċjali jew industrijali (…), l-organizzazzjoni jista’ jkollha permess biex telenka din l-informazzjoni fir-rapportar tagħha, pereżempju billi tistabbilixxi sena ta’ bażi (bin-numru tal-indiċi 100) li minnu jidher l-iżvilupp tad-dħul/tal-impatt.’. Din il-klawżola tista’ tiġi invokata jekk l-użu tal-indikatur jista’ jiżvela dejta sensittiva li tkun tista’ tippermetti lil xi kompetitur jikkalkula l-prezz medju tal-produzzjoni.

    Kundizzjonijiet biex MA JSIRX rapportar dwar indikatur ċentrali speċifiku ipprovdut fl-Anness IV — Anness IV C 2. a) u b) dwar l-indikaturi ċentrali jiddikjara li ‘meta organizzazzjoni tikkonkludi li indikatur ċentrali wieħed jew aktar mhumiex rilevanti għall-aspetti ambjentali diretti sinifikanti tagħha, dik l-organizzazzjoni tista’ ma tirrappurtax dwar dawk l-indikaturi ċentrali. L-organizzazzjoni għandha tipprovdi ġustifikazzjoni għal dak l-iskop b’referenza għall-verifika ambjentali tagħha’. Għall-finijiet ta’ trasparenza, dik il-ġustifikazzjoni għandha tissemma wkoll fid-dikjarazzjoni ambjentali. Minħabba li kull indikatur ċentrali huwa magħmul minn Figura A għad-dħul, B għall-ħruġ u R għall-proporzjon ta’ A/B, dan l-element ta’ flessibbiltà japplika għall-indikatur ċentrali kollu kemm hu bħala tali, inkluża r-relazzjoni speċifika A/B.

    Kundizzjonijiet għar-rapportar permezz ta’ indikatur ieħor (A/B) MINFLOK indikatur ċentrali speċifiku bħal fl-Anness IV — jekk organizzazzjoni tiddeċiedi li ma tirrapportax taħt indikatur(i) speċifiku/speċifiċi kif ipprovduti fl-Anness IV, iżda tagħżel ieħor minflok, dak l-indikatur għandu jipprovdi wkoll għal dħul A u ħruġ B. L-użu ta’ din il-flessibbiltà għandu dejjem ikun iġġustifikat b’referenza għall-verifika ambjentali, billi wieħed juri kif l-għażla li jkun għamel tgħin sabiex tindika aħjar il-prestazzjoni rilevanti. Għal din id-dispożizzjoni speċifika, għandu jiġi kkunsidrat id-Dokument ta’ Referenza Settorjali tal-EMAS, jekk ikun disponibbli għas-settur ikkunsidrat. Pereżempju, minflok ‘numru ta’ impjegati’, servizz ta’ akkomodazzjoni għat-turisti jista’ jagħżel ‘għal kull lejl għal kull klijent’, skola tista’ tagħżel ‘numru ta’ studenti’, organizzazzjoni ta’ immaniġjar tal-iskart tista’ tuża ‘ammont ta’ skart ġestit, f’tunnellati’, u sptar jista’ jippreferi ‘għadd ta’ pazjenti li jqattgħu l-lejl fl-isptar’, eċċ.

    Kundizzjonijiet għall-użu ta’ elementi oħrajn sabiex jiġu espressi d-dħul (A) u l-ħruġ (B), MINBARRA l-indikaturi ċentrali speċifiċi pprovduti fl-Anness IV — Organizzazzjoni tista’ tuża elementi oħrajn sabiex tesprimi d-dħul/l-impatt annwali totali f’qasam partikolari u l-ħruġ annwali ġenerali. Pereżempju, organizzazzjoni li toffri servizz tista’ tirrapporta billi tuża miżura ta’ ħruġ (B) ‘numru ta’ impjegati’ għall-komponent amministrattiv tagħha u miżura differenti ta’ ħruġ għas-servizz speċifiku pprovdut.

    Unitajiet ta’ kejl — Jekk dawk imsemmija fl-Anness IV tar-Regolament dwar l-EMAS ma jirriflettux b’mod ċar il-prestazzjoni ambjentali ta’ organizzazzjoni u ma jipprovdux stampa ċara għall-finijiet ta’ komunikazzjoni, allura jistgħu jintużaw alternattivi, sakemm l-organizzazzjoni tiġġustifika din l-għażla. Jista’ jkun possibbli li wieħed jikkonverti l-unitajiet f’dawk speċifikati fir-Regolament. Idealment, għandha titniżżel nota f’qiegħ il-paġna b’konverżjoni.

    Valuti relatati mal-VMG jew bejgħ totali annwali minbarra l-euro — Għalkemm ir-Regolament dwar l-EMAS jirreferi għal ‘miljuni ta’ euro’ bħala kejl tal-ħruġ għall-valur miżjud gross, l-organizzazzjonijiet li ma jagħmlux parti miż-żona tal-euro jistgħu jużaw il-valuta nazzjonali tagħhom.

    2.3.2.3.   L-indikaturi rilevanti oħrajn ta’ prestazzjoni ambjentali

    L-organizzazzjoni għandha tirrapporta dwar il-prestazzjoni tagħha wkoll skont indikaturi rilevanti oħrajn jekk dawn jissemmew fil-verifika ambjentali.

    2.3.2.4.   Ir-responsabbiltà lokali

    Ir-responsabbiltà lokali hija importanti fl-EMAS. Huwa għalhekk li l-organizzazzjonijiet kollha rreġistrati fl-EMAS għandhom jirrapportaw dwar indikaturi ċentrali fil-livell tas-sit, għalkemm ir-Regolament ma jitlobx dan b’mod espliċitu. Fi kwalunkwe każ, l-informazzjoni dwar it-tendenzi fl-emissjonijiet fl-arja u fl-ilma, il-konsum tal-ilma, l-użu tal-enerġija u l-ammont ta’ skart għandhom ikunu pprovduti fil-livell tas-sit.

    L-organizzazzjoni tista’ telenka l-informazzjoni biss jekk ikun hemm kwistjonijiet ta’ kunfidenzjalità (ara 2.3.2.2).

    Barra minn hekk, il-fatt li jista’ jinkiseb titjib kontinwu fuq siti permanenti, iżda mhux fuq siti temporanji jeħtieġ li jiġi kkunsidrat. Jekk tqum din il-kwistjoni, għandha tkun iddikjarata fil-verifika ambjentali. Il-possibbiltà li wieħed jimplimenta miżuri alternattivi, inklużi, pereżempju, indikaturi intanġibbli oħrajn, għandha tkun ikkunsidrata. Fi kwalunkwe każ, għas-setturi koperti mid-dokumenti ta’ referenza settorjali tal-EMAS, l-informazzjoni li tirrigwarda lil siti temporanji tista’ tiġi kkunsidrata.

    Tabella 7:

    Eżempju tal-użu tal-indikaturi ċentrali ta’ prestazzjoni f’organizzazzjonijiet ta’ amministrazzjoni pubblika.

    L-indikatur ċentrali

    Id-dħul/l-impatt annwali (A)

    Il-ħruġ annwali ġenerali tal-organizzazzjoni (B)

    Il-proporzjon A/B

    L-rffiċjenza fl-enerġija

    Il-konsum annwali MWh, GJ

    In-numru ta’ impjegati

    (settur mhux tal-produzzjoni)

    MWh/persuna u/jew

    KWh/persuna

    L-effiċjenza fil-materjal

    Il-konsum annwali ta’ karti f’tunnellati

    In-numru ta’ impjegati

    (settur mhux tal-produzzjoni)

    Tunnellati/persuna u/jew

    Numru ta’ karti/persuna/kuljum

    L-ilma

    Il-konsum annwali f’m3

    In-numru ta’ impjegati

    (settur mhux tal-produzzjoni)

    m3/persuna u/jew

    l/persuna

    L-iskart

    Il-ġenerazzjoni annwali ta’ skart f’tunnellati

    In-numru ta’ impjegati

    (settur mhux tal-produzzjoni)

    Tunnellati ta’ skart/persuna u/jew

    Kg/persuna

    Il-ġenerazzjoni annwali ta’ skart perikoluż f’kilogrammi

    Kg ta’ skart perikoluż/persuna

    Il-bijodiversità

    L-użu tal-art, f’m2 ta’ żona mibnija (inkluża żona magħluqa)

    In-numru ta’ impjegati

    (settur mhux tal-produzzjoni)

    m2 ta’ żona mibnija/persuna u/jew

    m2 ta’ żona magħluqa/persuna

    L-emissjonijiet ta’ GHG

    L-emissjonijiet annwali ta’ GHG f’tunnellati ta’ CO2e (CO2e = ekwivalenti ta’ CO2)

    In-numru ta’ impjegati

    (settur mhux tal-produzzjoni)

    Tunnellati CO2e/persuna u/jew

    Kg CO2e/persuna


    Tabella 8:

    Eżempju tal-użu tal-indikaturi ċentrali ta’ prestazzjoni fis-settur tal-produzzjoni

    L-indikatur ċentrali

    Id-dħul/l-impatt annwali (A)

    Il-ħruġ annwali ġenerali tal-organizzazzjoni (B)

    Il-proporzjon A/B

    L-effiċjenza fl-enerġija

    Il-konsum annwali MWh, GJ

    It-total tal-valur miżjud gross annwali (miljuni ta’ euro) (*)

    jew

    It-total tal-ħruġ fiżiku annwali (tunnellati)

    MWh/miljun euro

    jew

    MWh/tunnellata ta’ prodott

    L-effiċjenza fil-materjal

    Il-fluss tal-massa annwali ta’ materjal differenti użat, f’tunnellati

    It-total tal-valur miżjud gross annwali (miljuni ta’ euro) (*)

    jew

    It-total tal-ħruġ fiżiku annwali (tunnellati)

    Għal kull materjal differenti użat:

    Materjal f’tunnellati/miljun euro

    jew

    Materjal f’tunnellati/tunnellata ta’ prodott

    L-ilma

    Il-konsum annwali f’m3

    It-total tal-valur miżjud gross annwali (miljuni ta’ euro) (*)

    jew

    It-total tal-ħruġ fiżiku annwali (tunnellati)

    m3/miljun euro

    jew

    m3/tunnellata ta’ prodott

    L-iskart

    Il-ġenerazzjoni annwali ta’ skart f’tunnellati

    It-total tal-valur miżjud gross annwali (miljuni ta’ euro) (*)

    jew

    It-total tal-ħruġ fiżiku annwali (tunnellati)

    Tunnellati ta’ skart/miljun euro

    jew

    Tunnellati ta’ skart/tunnellata ta’ prodott

    Il-ġenerazzjoni annwali ta’ skart perikoluż f’tunnellati

    Tunnellati ta’ skart perikoluż/miljun euro

    jew

    Tunnellati ta’ skart perikoluż/tunnellata ta’ prodott

    Il-bijodiversità

    L-użu tal-art, f’m2 ta’ żona mibnija (inkluża żona magħluqa)

    It-total tal-valur miżjud gross annwali (miljuni ta’ euro) (*)

    jew

    It-total tal-ħruġ fiżiku annwali (tunnellati)

    m2 ta’ żona mibnija u/jew

    m2 ta’ żona magħluqa/miljun euro

    jew

    m2 ta’ żona mibnija u/jew

    m2 ta’ żona magħluqa/tunnellata ta’ prodott

    L-emissjonijiet ta’ GHG

    L-emissjonijiet annwali ta’ GHG f’tunnellati ta’ CO2e

    It-total tal-valur miżjud gross annwali (miljuni ta’ euro) (*)

    jew

    It-total tal-ħruġ fiżiku annwali (tunnellati)

    Tunnellati ta’ ekwivalenti ta’ CO2/miljun euro

    jew

    Tunnellati ta’ ekwivalenti ta’ CO2/tunnellata ta’ prodott

    2.4.   Il-proċedura ta’ verifika u ta’ validazzjoni

    ‘ ‘Verifika’ tfisser il-proċess ta’ valutazzjoni tal-konformità mwettqa minn verifikatur ambjentali biex jintwera jekk il-verifika ambjentali ta’ organizzazzjoni, il-politika ambjentali, is-sistema ta’ immaniġjar ambjentali u l-awditjar intern u l-implimentazzjoni tagħha jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.

    “ ‘Validazzjoni’ tfisser il-konferma mill-verifikatur ambjentali li jkun wettaq il-verifika, li l-informazzjoni u d-dejta fid-dikjarazzjoni ambjentali ta’ organizzazzjoni u dikjarazzjoni ambjentali aġġornata huma affidabbli, kredibbli u korretti u jissodisfaw ir-rekwiżiti tar-Regolament.’

    Il-Kummissjoni żviluppat ‘Dokumenti ta’ Referenza Settorjali’ li għandhom jiġu kkunsidrati meta wieħed jiċċekkja l-prestazzjoni ambjentali fl-organizzazzjoni. Id-dikjarazzjoni ambjentali għandha tispjega kif ġew ikkunsidrati d-Dokumenti ta’ Referenza Settorjali, meta dawn ikunu disponibbli.

    2.4.1.   Min għandu permess jivverifika u jivvalida l-EMAS?

    Verifikaturi ambjentali akkreditati jew liċenzjati biss jistgħu jwettqu dawn il-kompiti.

    “ ‘Verifikatur ambjentali’ tfisser: l-entità ta’ valutazzjoni tal-konformità kif definita fir-Regolament (KE) Nru 765/2008 jew kwalunkwe assoċjazzjoni jew grupp ta’ entitajiet bħal dawn, li tkun kisbet l-akkreditament skont dan ir-Regolament; jew kwalunkwe persuna naturali jew legali, jew kwalunkwe assoċjazzjoni jew grupp ta’ persuni bħal dawn li jkun kiseb liċenzja biex jagħmel verifika u validazzjoni skont dan ir-Regolament.’

    L-organizzazzjoni tista’ tikkuntattja lill-Entità Kompetenti tal-EMAS fl-Istat Membru tagħha, jew lill-entità ta’ Akkreditament jew Liċenzjar tal-EMAS responsabbli għall-akkreditament tal-verifikaturi tal-EMAS għal informazzjoni dwar verifikaturi ambjentali akkreditati. Jekk organizzazzjoni tkun trid informazzjoni dwar verifikaturi li joperaw fis-settur tagħha minn Stati Membri oħrajn minbarra tagħha, din hija disponibbli fir-reġistru tal-EU EMAS (20).

    Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ verifikatur ambjentali akkreditat jew liċenzjat huwa ddeterminat skont il-kodiċijiet tal-NACE, il-klassifikazzjoni ta’ attivitajiet ekonomiċi stabbilita fir-Regolament (KE) Nru 1893/2006. Meta organizzazzjoni tqabbad verifikatur ambjentali, għandha tassigura li l-verifikatur ikun akkreditat jew liċenzjat għall-kodiċi tal-NACE speċifiku li jikkorrispondi għall-attivitajiet tal-organizzazzjoni.

    Ladarba l-verifikatur ikun akkreditat jew liċenzjat fi Stat Membru wieħed, dan jista’ jaħdem fil-pajjiżi kollha tal-UE (21), soġġett għar-rekwiżiti ta’ sorveljanza tal-entità ta’ Akkreditament jew Liċenzjar tal-Istat Membru fejn jixtieq jaħdem, kif speċifikat fl-Artikolu 24 tar-Regolament dwar l-EMAS.

    L-informazzjoni dwar il-verifikaturi akkreditati jew liċenzjati hija disponibbli kemm mis-sit elettroniku tal-Kummissjoni dwar l-EMAS kif ukoll mingħand l-entitajiet xierqa fl-Istati Membri.

    2.4.2.   X’inhuma l-kompiti tal-verifikaturi ambjentali?

    (1)

    Jivverifikaw li l-organizzazzjoni hija konformi mar-rekwiżiti kollha tar-Regolament dwar l-EMAS fir-rigward tal-verifika ambjentali inizjali, tas-sistema ta’ immaniġjar ambjentali, tal-verifika ambjentali u r-riżultati tagħha u d-dikjarazzjoni ambjentali.

    (2)

    Jiċċekkjaw jekk l-organizzazzjoni tikkonformax mar-rekwiżiti legali rilevanti Komunitarji, nazzjonali, reġjonali u lokali marbuta mal-ambjent.

    Nota 1: Il-verifikatur għandu jiċċekkja jekk l-organizzazzjoni stabbilixxietx, implimentatx u żammitx proċedura/i sabiex minn żmien għal żmien din tivvaluta l-konformità mar-rekwiżiti legali applikabbli (22). Il-verifikatur għandu jagħmel verifika fil-fond tal-konformità legali ta’ kumpanija. Parti minn dan il-kompitu tikkonsisti fl-iċċekkjar ta’ evidenza materjali riċevuta li m’hemm l-ebda ksur ta’ liġijiet ambjentali (23). Il-verifikaturi jistgħu jużaw is-sejbiet tal-awtoritajiet tal-infurzar. Jekk ma jsibux evidenza ta’ nuqqas ta’ konformità, dan jiġi ddikjarat fid-dikjarazzjoni ambjentali u ffirmat mill-verifikatur. Madankollu, id-dmir tal-verifikatur huwa li jiċċekkja li r-rekwiżiti tar-Regolament ikunu ssodisfati permezz tat-tekniki tas-soltu ta’ verifika. Dan ifisser li hu ma jkunx jista’ jiċċekkja l-konformità mar-rekwiżiti legali bl-istess mod kif jagħmlu l-awtoritajiet tal-infurzar.

    Nota 2: Jekk verifikatur jiskopri każ ta’ nuqqas ta’ konformità fil-perjodu bejn żewġ reġistrazzjonijiet, jeżistu l-għażliet li ġejjin. Huwa jista’ jirrapporta kemm lill-Entità Kompetenti li l-organizzazzjoni inkwistjoni għandha titneħħa mir-Reġistru tal-EMAS. Jekk l-organizzazzjoni uriet li ħadet miżuri f’waqthom f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet tal-infurzar sabiex terġa’ tikseb il-konformità legali, il-verifikatur jista’ xorta waħda jiffirma d-dikjarazzjoni dwar l-attivitajiet ta’ verifika u ta’ validazzjoni, skont l-Anness VII għar-Regolament.

    (3)

    Jiċċekkjaw it-titjib kontinwu tal-organizzazzjoni f’dak li jirrigwarda l-prestazzjoni ambjentali

    (4)

    Jiċċekkjaw l-affidabbiltà, il-kredibbiltà u l-eżattezza tad-dejta inkluża u użata fid-dikjarazzjoni ambjentali tal-EMAS u kwalunkwe informazzjoni ambjentali li għandha tkun ivvalidata.

    (5)

    Iżuru l-organizzazzjoni jew is-sit. Il-proċeduri għall-organizzazzjonijiet li jkollhom sit wieħed u għal dawk li jkollhom diversi siti huma differenti u huwa importanti li wieħed jenfasizza d-differenzi fl-approċċi rispettivi. Ir-Regolament dwar l-EMAS (Art 25-4) jeħtieġ li l-verifikatur iżur l-organizzazzjoni kull darba li tkun teħtieġ issir attività ta’ validazzjoni/verifika. F’każ ta’ organizzazzjoni b’sit wieħed dan ifisser li l-verifikatur ikollu jmur fuq is-sit darba f’sena. F’każ ta’ organizzazzjonijiet żgħar b’sit wieħed u jekk tista’ tkun applikata d-deroga għall-organizzazzjonijiet iż-żgħar (Art. 7) l-attivitajiet ta’ validazzjoni/verifika għandhom isiru wara sentejn u wara erba’ snin biex b’hekk il-verifikatur għandu l-obbligu li jżur is-sit wara sentejn u wara erba’ snin. Iżda fil-każ ta’ organizzazzjoni rreġistrata b’diversi siti l-Art 25-4 xorta waħda jeżiġi li ssir żjara kull darba li ssir attività ta’ validazzjoni/verifika. B’hekk minn perspettiva legali dan l-obbligu jista’ jitqies issodisfat meta l-verifikatur iżur l-organizzazzjoni (forsi sit wieħed jew aktar, jew forsi siti differenti) kull sena. Iżda l-programm taż-żjarat għandu jassigura li kull sit, li jkun inkluż fin-numru tar-reġistrazzjoni ta’ din l-organizzazzjoni li jkollha diversi siti, tkun saritlu żjara (ikun ivverifikat kompletament) mill-inqas darba f’ċiklu ta’ 36 xahar. Jekk ma jivverifikax kompletament kull sit inkluż mill-inqas darba f’dan iċ-ċiklu l-verifikatur ma jkunx wettaq il-kompiti tiegħu kif meħtieġ mir-Regolament dwar l-EMAS III. Dan ifisser ukoll li qabel l-ewwel reġistrazzjoni, il-verifikatur ambjentali jkollu jżur is-siti kollha f’organizzazzjoni li jkollha diversi siti.

    Nota: Huwa utli għall-organizzazzjoni li tiċċekkja jekk il-verifikatur innotifikax lill-entità ta’ akkreditament u liċenzjar mill-inqas erba’ ġimgħat qabel il-verifika, dwar id-dettalji ta’ akkreditament jew liċenzja tagħha u l-ħin u l-post tal-verifika.

    L-ewwel verifika

    Il-verifikatur għandu jiċċekkja li l-organizzazzjoni tissodisfa mill-inqas dawn ir-rekwiżiti li ġejjin:

    tkun fis-seħħ sistema ta’ immaniġjar ambjentali kompletament operattiva;

    ikun fis-seħħ programm ta’ verifika kompletament ippjanat;

    tkun tlestiet ir-reviżjoni tal-immaniġjar ambjentali; u

    ikun sar l-abbozz tad-dikjarazzjoni ambjentali tal-EMAS u d-Dokumenti ta’ Referenza Settorjali jkunu ġew ikkunsidrati, fejn dawn ikunu disponibbli.

    2.5.   Il-proċedura tar-reġistrazzjoni

    Ir-Regolament dwar l-EMAS III jipprovdi xi regoli ġenerali dwar ir-reġistrazzjoni. L-Istati Membri jistgħu jadattaw dawn ir-regoli fil-leġiżlazzjoni ambjentali tagħhom stess.

    Ladarba s-sistema tkun ġiet implimentata, ivverifikata u d-dikjarazzjoni ambjentali tal-EMAS tkun ġiet ivvalidata, il-pass li jmiss għall-organizzazzjoni jkun li tapplika għar-reġistrazzjoni mal-Entità Kompetenti.

    2.5.1.   iema Entità Kompetenti għandha tuża organizzazzjoni?

    Tabella 9:

    Entitajiet Kompetenti  (24) għal reġistrazzjonijiet differenti

    Sitwazzjonijiet differenti

    Fejn għandek tirreġistra

    Organizzazzjoni b’sit wieħed fl-UE

    Entità Kompetenti uffiċjalment maħtur mill-Istat Membru li fih tinsab l-organizzazzjoni.

    Organizzazzjoni b’diversi siti fi Stat Membru wieħed (Stat Federali jew simili)

    Entità Kompetenti maħtur mill-Istat Membru għal dan l-għan.

    Reġistrazzjoni ta’ organizzazzjonijiet b’diversi siti f’diversi Stati Membri tal-UE (Reġistrazzjoni Korporattiva fl-UE)

    F’każ ta’ Reġistrazzjoni Korporattiva fl-UE, il-post fejn ikun hemm il-kwartieri ċentrali jew iċ-ċentru ta’ ġestjoni (fl-ordni ta’ preferenza) tal-organizzazzjoni huwa deċiżiv għad-determinazzjoni tal-Entità Kompetenti Ewlieni.

    Reġistrazzjoni ta’ organizzazzjonijiet b’sit wieħed jew aktar f’pajjiżi terzi (Reġistrazzjoni ta’ Pajjiżi Terzi)

    Jekk Stat Membru jiddeċiedi li jipprovdi għar-Reġistrazzjoni ta’ Pajjiż Terz, skont l-Artikolu 3.3 tar-Regolament dwar l-EMAS, ir-reġistrazzjoni f’dak l-Istat Membru speċifiku, fil-prattika, tkun tiddependi fuq id-disponibbiltà ta’ verifikaturi akkreditati. Il-verifikatur potenzjali għandu jkun akkreditat f’dak l-Istat Membru speċifiku li jipprovdi għal reġistrazzjoni ta’ pajjiżi terzi, għal dak il-pajjiż terz speċifiku u għas-settur(i) ekonomiku/ekonomiċi speċifiċi involuti (iddeterminati abbażi tal-kodiċijiet tal-NACE).

    Reġistrazzjoni ta’ organizzazzjoni b’diversi siti fi Stati Membri u f’Pajjiżi Terzi (Reġistrazzjoni Globali)

    L-Istat Membru fejn tkun tinsab il-Entità Kompetenti inkarigata minn din il-proċedura huwa stabbilit abbażi tal-kundizzjonijiet f’din l-ordni ta’ preferenza:

    (1)

    Meta l-organizzazzjoni jkollha l-kwartieri ġenerali fi Stat Membru li jipprovdi għal Reġistrazzjoni ta’ Pajjiżi Terzi, l-applikazzjoni għandha tiġi ppreżentata lill-Entità Kompetenti f’dak l-Istat Membru;

    (2)

    Jekk il-kwartieri ġenerali tal-organizzazzjoni ma jkunux fi Stat Membru li jipprovdi għar-Reġistrazzjoni ta’ Pajjiżi Terzi, iżda jkollha ċentru ta’ ġestjoni hemmhekk, l-applikazzjoni għandha tiġi ppreżentata lill-Entità Kompetenti f’dak l-Istat Membru;

    (3)

    Jekk l-organizzazzjoni li tapplika għar-reġistrazzjoni globali la jkollha kwartieri ġenerali u lanqas Ċentru ta’ Ġestjoni fi Stat Membru li jipprovdi għar-Reġistrazzjonijiet ta’ Pajjiżi Terzi, allura l-organizzazzjoni jkollha twaqqaf ċentru ta’ ġestjoni ‘ad hoc’ fi Stat Membru li jipprovdi għar-Reġistrazzjoni ta’ Pajjiżi Terzi, u l-applikazzjoni għandha tiġi ppreżentata lill-Entità Kompetenti f’dak l-Istat Membru.

    Nota:

    Jekk aktar minn Stat Membru wieħed ikun kopert mill-applikazzjoni, għandha tiġi segwita l-proċedura ta’ koordinazzjoni bejn l-entitajiet Kompetenti involuti, kif stabbilita fit-taqsima 3.2 (tal-Gwida dwar ir-Reġistrazzjoni Korporattiva fl-UE, ir-Reġistrazzjoni ta’ Pajjiżi Terzi u r-Reġistrazzjoni Globali taħt ir-Regolament (KE) Nru 1221/2009). Imbagħad dik il-Entità Kompetenti taġixxi bħala l-Entità Kompetenti Ewlenija skont l-aspetti tal-proċedura Korporattivi tal-UE.

    2.5.2.   Id-dokumenti u/jew ir-rekwiżiti għar-reġistrazzjoni

    L-applikazzjoni għandha tiġi ppreżentata fil-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru li fih l-organizzazzjoni tkun tixtieq li tiġi rreġistrata. Din għandha tinkludi:

    (1)

    Dikjarazzjoni ambjentali tal-EMAS ivvalidata (verżjoni elettronika jew stampata);

    (2)

    Dikjarazzjoni ffirmata mill-verifikatur ambjentali li tikkonferma li l-verifika u l-validazzjoni saret skont ir-Regolament (Anness VII tar-Regolament);

    (3)

    Formola tal-applikazzjoni mimlija (Anness VI tar-Regolament), b’informazzjoni dwar l-organizzazzjoni, is-siti u l-verifikatur ambjentali;

    (4)

    Evidenza tal-ħlas tal-miżati, fejn ikun japplika.

    2.5.3.   Il-kundizzjonijiet li għandhom ikunu ssodisfati qabel/waqt il-proċess tar-reġistrazzjoni fl-EMAS

    (1)

    Il-verifika u l-validazzjoni saru skont ir-Regolament.

    (2)

    Il-formola tal-applikazzjoni mimlija kollha, u d-dokumenti kollha ta’ appoġġ huma kif suppost.

    (3)

    Il-Entità Kompetenti hija sodisfatta bl-evidenza materjali li m’hemm l-ebda evidenza ta’ ksur ta’ rekwiżiti legali relatati mal-ambjent. Rapport bil-miktub mill-awtorità tal-infurzar li m’hemm l-ebda indikazzjoni ta’ ksur bħal dan ikun evidenza materjali adattata.

    (4)

    L-ebda lment rilevanti minn partijiet interessati; jew l-ilmenti ġew solvuti b’mod sodisfaċenti.

    (5)

    L-Entità Kompetenti hija sodisfatt, abbażi tal-evidenza riċevuta, li l-organizzazzjoni tissodisfa r-rekwiżiti kollha tar-Regolament.

    (6)

    Jekk ikun japplika, l-Entità Kompetenti tkun irċeviet it-tariffatariffa dovuta.

    Hija kkunsidrata l-aħjar prassi meta Entità Kompetenti tieħu deċiżjoni finali dwar ir-reġistrazzjoni tal-EMAS tal-organizzazzjoni li tkun tefgħet applikazzjoni fi żmien tliet xhur minn meta tiġi approvata l-applikazzjoni b’suċċess. F’każijiet eċċezzjonali biss jista’ jiġi ġġustifikat perjodu itwal sabiex tintlaħaq deċiżjoni finali dwar ir-reġistrazzjoni.

    2.5.4.   Is-sospensjoni jew it-tħassir tal-organizzazzjonijiet minn fuq ir-reġistru

    Dan jista’ jseħħ:

    jekk Entità Kompetenti jkollha raġuni għalfejn taħseb li l-organizzazzjoni ma tikkonformax mar-Regolament;

    jekk Entità Kompetenti tirċievi rapport ta’ sorveljanza bil-miktub minn Entità ta’ Akkreditament u ta’ Liċenzjar b’evidenza li l-verifikatur ambjentali ma jkunx wettaq il-kompiti tiegħu skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament;

    jekk l-organizzazzjoni tonqos li tippreżenta xi wieħed minn dawn id-dokumenti lill-Entità Kompetenti fi żmien xahrejn minn meta tintalab tagħmel dan: dikjarazzjoni ambjentali vvalidata, dikjarazzjoni ambjentali aġġornata jew dikjarazzjoni dwar il-verifika u l-validazzjoni ffirmata mill-verifikatur (Anness VII), il-formola tal-applikazzjoni (Anness VI);

    jekk Entità Kompetenti tkun informata dwar xi ksur ta’ rekwiżiti legali dwar l-ambjent, permezz ta’ rapport bil-miktub mill-awtorità tal-infurzar.

    L-Entità Kompetenti tista’ tneħħi s-sospensjoni biss meta tirċievi informazzjoni sodisfaċenti rigward il-konformità tal-organizzazzjoni mar-Regolament.

    Ir-Regolament dwar l-EMAS ma jispeċifikax it-tul tas-sospensjonijiet, għaldaqstant huma l-Entitajiet Kompetenti rispettivi li jiddeċiedu dwar dan. Madankollu, dawn m’għandhomx idumu aktar minn 12-il xahar.

    Figura 10:

    Il-pilastri tal-EMAS. Il-proċedura tar-reġistrazzjoni

    Image

    2.6.   Il-bidliet sostanzjali

    L-organizzazzjoni li tagħmel bidliet fl-operat, fl-istruttura, fl-amministrazzjoni, fil-proċess, fl-attivitajiet, fil-prodotti jew fis-servizzi tagħha, għandha tikkunsidra l-impatt ambjentali ta’ dawn il-bidliet, minħabba li dawn jistgħu jaffettwaw il-validità tar-Reġistrazzjoni fl-EMAS. Bidliet żgħar jistgħu jkunu assorbiti, iżda bidliet sostanzjali jkunu jeħtieġu reviżjoni, politika, programm, sistema ta’ ġestjoni u dikjarazzjoni ambjentali aġġornati. Id-dokumenti kollha aġġornati għandhom ikunu vverifikati u vvalidati fi żmien sitt xhur. Wara l-validazzjoni, l-organizzazzjoni għandha tippreżenta l-bidliet lill-Entità Kompetenti, permezz tal-Anness VI tar-Regolament.

    Figura 11:

    Ċart tal-fluss dwar l-indirizzar ta’ bidliet sostanzjali skont l-EMAS

    Image

    3.   L-użu tal-Logo tal-EMAS

    X’inhu l-logo tal-EMAS?

    Il-logo tal-EMAS huwa immaġni grafika, assoċjata ma’:

    L-implimentazzjoni korretta tal-iskema tal-EMAS;

    L-impenn lejn titjib ambjentali kontinwu;

    L-involviment attiv tal-impjegati;

    Il-kredibbiltà tal-informazzjoni dwar il-prestazzjoni ambjentali tal-organizzazzjoni;

    Il-konformità legali ppruvata.

    Il-logo tal-EMAS huwa mod tajjeb ta’ kif wieħed juri li l-organizzazzjoni hija favur l-ambjent.

    3.1.   Kif għandek tuża l-Logo tal-EMAS

    L-organizzazzjonijiet b’reġistrazzjoni tal-EMAS valida biss jistgħu jużaw il-logo tal-EMAS.

    Il-logo għandu dejjem ikollu n-numru tar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjoni, ħlief għall-attivitajiet ta’ promozzjoni u kummerċjalizzazzjoni tal-iskema tal-EMAS;

    Il-logo uffiċjali biss huwa validu;

    Jekk l-organizzazzjoni jkollha diversi siti, li mhux kollha jkunu inklużi fir-reġistrazzjoni, tista’ tuża l-logo biss għas-siti rreġistrati u m’għandhiex tagħti l-impressjoni li l-organizzazzjoni sħiħa hija rreġistrata;

    Id-dikjarazzjoni ambjentali preferibbilment għandha jkollha l-logo.

    Figura 12:

    Il-logo tal-EMAS

    Image

    L-użu tal-logo tal-EMAS għall-attivitajiet ta’ promozzjoni u kummerċjalizzazzjoni tal-iskema

    F’din is-sitwazzjoni biss jista’ jintuża l-logo tal-EMAS mingħajr in-numru tar-reġistrazzjoni. L-Entitajiet Kompetenti, l-Entitajiet ta’ Akkreditament u Liċenzjar u partijiet interessati oħrajn jistgħu jużaw il-logo.

    3.2.   Kif m’għandekx tuża l-Logo tal-EMAS

    Fuq prodotti jew fuq l-imballaġġ, sabiex tevita l-konfużjoni mat-tikketti tal-prodotti;

    Ma’ dikjarazzjonijiet komparattivi li jirrigwardaw attivitajiet u servizzi oħrajn.

    Il-logo m’għandux jintuża b’mod li joħloq konfużjoni ma’ tikketti oħrajn għal prodotti jew servizzi.

    Tabella 10:

    L-użu tal-logo tal-EMAS: Eżempji

    Nru

    Eżempju jew sitwazzjoni

    Permess

    1

    Logo fuq l-ittri, l-envelopps, il-biljetti tan-negozju, l-uniformi korporattiva, il-kompjuters korporattivi, il-basktijiet, il-bandiera tal-EMAS ta’ organizzazzjoni rreġistrata u użu simili ieħor tal-logo tal-EMAS, għall-finijiet ta’ promozzjoni fil-livell korporattiv.

    IVA, flimkien man-numru tar-reġistrazzjoni, minħabba li dan jippromwovi lill-organizzazzjoni rreġistrata fl-EMAS.

    2

    Logo fuq l-intestatura ta’ dokument, ippreżentat lill-awtoritajiet, li jinkorpora dejta vvalidata dwar il-prestazzjoni tal-organizzazzjoni.

    IVA, flimkien man-numru tar-reġistrazzjoni.

    3

    Logo fuq fowlder li jkun fih rapport dwar organizzazzjoni parzjalment irreġistrata.

    IVA, flimkien man-numru tar-reġistrazzjoni, iżda l-logo għandu jsemmi biss lis-siti rreġistrati.

    4

    Logo fuq prodott bil-messaġġ, ‘prodott ekoloġiku’.

    LE, jista’ jkun konfuż mal-ekotikketti għall-prodotti.

    5

    Logo fir-rivista (waqt it-titjira) ta’ linja tal-ajru rreġistrata, flimkien ma’ xi informazzjoni vvalidata.

    IVA, flimkien man-numru tar-reġistrazzjoni.

    6

    Logo fuq ajruplan, ferrovija, karozza tal-linja, karozza jew trakk ta’ kumpanija, jew fuq metro ta’ kumpanija rreġistrata fl-EMAS.

    IVA, flimkien man-numru tar-reġistrazzjoni.

    7

    Logo mqiegħed fuq trakk ta’ kumpanija tad-distribuzzjoni rreġistrata flimkien mal-isem tal-kumpanija, flimkien ma’ dikjarazzjoni vvalidata li tgħid ‘Naqqasna l-konsum medju tad-diżil tal-flotta tat-trakkijiet tagħna b’20 % għal x litru għal kull 100 km bejn l-2009 u l-2012’.

    IVA, flimkien man-numru tar-reġistrazzjoni.

    8

    Logo stampat fuq ritratt ta’ akkomodazzjoni turistika mhux irreġistrata, inkluża fil-katalgu ta’ aġenzija tal-ivvjaġġar irreġistrata.

    LE, l-użu tal-logo joħloq konfużjoni. Jista’ jkun applikat biss għall-aġenzija tal-ivvjaġġar.

    9

    Logo stampat fuq il-katalgu ta’ aġenzija tal-ivvjaġġar irreġistrata, li fih informazzjoni vvalidata dwar miżuri sostenibbli għat-turiżmu, implimentati mill-organizzazzjoni.

    IVA, flimkien man-numru tar-reġistrazzjoni.

    10

    Logo mqiegħed fuq karta mqassma lill-impjegati, li fiha informazzjoni esklussivament ivvalidata dwar it-tħaddim tas-sistema ta’ immaniġjar ambjentali.

    IVA, il-logo ma jeħtieġx in-numru tar-reġistrazzjoni, minħabba li hija komunikazzjoni interna għall-finijiet ta’ għarfien ġenerali.

    11

    Logo fuq il-bullettin jew il-qoxra ta’ fuljett għall-klijenti u għall-fornituri, li l-kontenut tiegħu jkun ittieħed minn dikjarazzjoni ambjentali vvalidata.

    IVA, flimkien man-numru tar-reġistrazzjoni, minħabba li hija komunikazzjoni lill-pubbliku ġenerali li tuża eżempji konkreti ta’ kumpanija speċifika rreġistrata fl-EMAS, u li ġejja minn dik l-organizzazzjoni rreġistrata.

    12

    Logo fir-rapport ambjentali annwali ta’ azjenda li tinkludi siti rreġistrati u mhux irreġistrati, bħala titolu tal-kapitolu dwar id-dikjarazzjoni ambjentali vvalidata li fiha s-siti tal-kumpanija rreġistrati fl-EMAS jkunu faċilment identifikabbli.

    IVA, flimkien man-numru(i) tar-reġistrazzjoni. Jekk ir-reġistrazzjoni tkun reġistrazzjoni korporattiva li fiha diversi siti jaqgħu taħt l-istess numru, għandu jintuża dak in-numru. Jekk is-siti kollha fl-EMAS ikunu rreġistrati individwalment, in-numri tar-reġistrazzjoni tas-siti individwali għandhom ikunu rikonoxxibbli.

    13

    Logo bħala grafika sottostanti għall-kumpilazzjoni ta’ dejta ambjentali vvalidata f’rapport kummerċjali.

    IVA, flimkien man-numru tar-reġistrazzjoni.

    14

    Fuljett ġenerali tal-organizzazzjoni governattiva li jittratta dwar kif l-organizzazzjonijiet irreġistrati fl-EMAS inġenerali jistgħu jirriċiklaw jew jipproċessaw bl-aħjar mod il-frazzjonijiet varji tagħhom ta’ skart.

    IVA, mingħajr in-numru tar-reġistrazzjoni, peress li dan il-fuljett għandu l-għan li jqajjem il-kuxjenza inġenerali, mhuwiex marbut ma’ xi numru ta’ reġistrazzjoni.

    15

    Logo maġenb informazzjoni ambjentali vvalidata fuq is-sit elettroniku tal-organizzazzjoni.

    IVA, flimkien man-numru tar-reġistrazzjoni.

    16

    Logo fuq l-istends tal-wirja tal-organizzazzjoni rreġistrata, li jirreklamaw lill-organizzazzjoni rreġistrata bħala tali.

    IVA, flimkien man-numru tar-reġistrazzjoni.

    17

    Logo fuq l-istends tal-wirja tal-organizzazzjoni rreġistrata iżda li tkun qiegħda tippromwovi lill-EMAS bħala Sistema ta’ Immaniġjar ambjentali inġenerali.

    IVA, il-logo ma jeħtieġx in-numru tar-reġistrazzjoni, peress li qiegħed għal skopijiet ta’ promozzjoni.

    18

    Logo f’gazzetta, bħala grafika sottostanti fir-reklam konġunt ta’ żewġ kumpaniji li jkunu qegħdin iħabbru l-kooperazzjoni ambjentali tagħhom matul il-katina ta’ forniment (waħda rreġistrata, u l-oħra le).

    LE, jista’ joħloq konfużjoni, peress li waħda mill-organizzazzjonijiet mhijiex irreġistrata.

    19

    Logo mingħajr numru ta’ reġistrazzjoni użat għall-finijiet ta’ promozzjoni minn organizzazzjoni mhux irreġistrata.

    IVA, iżda biss għall-attivitajiet ta’ promozzjoni tal-EMAS u mhux għall-promozzjoni tal-organizzazzjoni nnifisha.

    20

    Logo fuq il-biljetti ta’ organizzazzjoni tat-trasport muniċipali rreġistrata

    IVA, il-logo ma jeħtieġx in-numru tar-reġistrazzjoni, jekk jintuża għall-promozzjoni tal-EMAS inġenerali. Jekk il-logo fuq il-biljetti jkun qed jippromwovi organizzazzjoni speċifika rreġistrata fl-EMAS ikollu jġorr in-numru tar-reġistrazzjoni ta’ dik l-organizzazzjoni speċifika.

    4.   Kif tgħaddi minn sistemi ta’ immaniġjar ambjentali oħrajn għall-EMAS

    Hemm għadd dejjem akbar ta’ sistemi ta’ immaniġjar ambjentali madwar l-UE kollha, maħsuba sabiex ikopru l-ħtiġijiet f’oqsma jew setturi ta’ attività speċifiċi. L-amministrazzjonijiet lokali jew reġjonali jistgħu jużaw dawn is-sistemi sabiex itejbu s-sostenibbiltà jew il-prestazzjoni ambjentali. L-aktar sistemi rilevanti huma disponibbli permezz ta’ link f’Anness għal din il-gwida.

    Ir-Regolament dwar l-EMAS isemmi l-possibbiltà li wieħed jevalwa l-livell ta’ ekwivalenza bejnha u bejn sistemi oħrajn. Ir-rikonoxximent uffiċjali tas-sistemi ta’ immaniġjar ambjentali l-oħrajn jew ta’ partijiet minnhom jistgħu jiffaċilitaw it-tranżizzjoni tal-organizzazzjoni lejn l-EMAS. Il-proċedura hija kif ġej:

    (a)

    L-Istati Membri għandhom jissottomettu talba bil-miktub lill-Kummissjoni għar-rikonoxximent tas-sistema ta’ immaniġjar ambjentali jew ta’ parti minnha;

    (b)

    Il-partijiet rilevanti tas-sistema ta’ immaniġjar ambjentali u l-elementi li jikkorrispondu għall-EMAS għandhom ikunu analizzati u speċifikati fit-talba, flimkien mal-evidenza tal-ekwivalenza mal-EMAS;

    (c)

    Il-Kummissjoni tissottometti l-proposta lill-Kumitat dwar l-EMAS (stabbilit skont l-Artikolu 49 tar-Regolament);

    (d)

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-UE jippubblika d-dettalji tas-sistema ta’ immaniġjar ambjentali rikonoxxuta jew ta’ partijiet minnha, wara li l-Kummissjoni tkun approvathom.

    L-organizzazzjonijiet li jkunu implimentaw sistema ta’ immaniġjar ambjentali rikonoxxuta jew partijiet minnha ma jkollhomx għalfejn jirrepetu dawk il-partijiet diġà rikonoxxuti meta jaqilbu għall-EMAS.

    Kull Stat Membru għandu l-proċeduri tiegħu sabiex jittratta l-applikazzjonijiet għar-rikonoxximent. Għal aktar tagħrif dwarhom, staqsi lill-Entità Kompetenti rilevanti.

    5.   EMAS III għall-Intrapriżi ż-Żgħar u ta’ Daqs Medju (SMEs)

    “ ‘Organizzazzjonijiet żgħar’ tfisser:

    (a)

    intrapriżi mikro, żgħar jew ta’ daqs medju kif definiti fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta’ Mejju jew;

    (b)

    awtoritajiet lokali li jiggvernaw inqas minn 10 000 abitant jew awtoritajiet pubbliċi oħra li jimpjegaw inqas minn 250 persuna u li jkollhom baġit annwali li ma jaqbiżx EUR 50 miljun, jew total annwali tal-karta tal-bilanċ li ma jaqbiżx EUR 43 miljun, inklużi dawn kollha li ġejjin:

    (c)

    amministrazzjonijiet governattivi jew pubbliċi oħrajn, jew korpi pubbliċi konsultattivi fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali;

    (d)

    persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jwettqu funzjonijiet amministrattivi pubbliċi skont il-liġi nazzjonali, inklużi dmirijiet, attivitajiet jew servizzi speċifiċi relatati mal-ambjent; u

    (e)

    persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jkollhom responsabbiltajiet jew funzjonijiet pubbliċi, jew li jipprovdu servizzi pubbliċi relatati mal-ambjent taħt il-kontroll ta’ entità jew persuna msemmija fil-punt b).’

    Il-perjodu ta’ verifika u tal-awditjar intern

    Il-verifika sħiħa tal-SMEs tista’ ssir fuq erba’ snin minflok fuq tlieta. Il-perjodu ta’ żmien għall-awditjar intern jista’ wkoll ikun estiż, minn sena għal tnejn. L-istess japplika għad-dikjarazzjoni ambjentali. Madankollu, kull sena l-organizzazzjoni għandha xorta waħda tippreżenta d-dikjarazzjoni aġġornata mhux ivvalidata lill-Entità Kompetenti.

    Biex tibbenefika minn din l-għażla, l-organizzazzjoni għandha tapplika lill-Entità Kompetenti, li jista’ jestendi l-perjodu ta’ żmien permess jekk il-verifikatur ikun ikkonferma l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 7:

    li m’hemmx riskju ambjentali sinifikanti;

    li ma kienx hemm bidliet sostanzjali fl-organizzazzjoni;

    li l-organizzazzjoni ma tikkontribwixxix għal problemi lokali sinifikanti.

    Il-verifika u l-validazzjoni

    Il-verifikaturi ambjentali għandhom iqisu l-karatteristiċi ta’ organizzazzjonijiet żgħar sabiex jevitaw li jgħabbuhom aktar milli meħtieġ. L-SMEs spiss ma jkollhomx biżżejjed riżorsi u mezzi, allura jkunu inqas kapaċi jlaħħqu ma’ rapportar estensiv u proċeduri fit-tul. Il-verifikatur għandu wkoll iqis karatteristiċi oħrajn tal-SMEs, bħall-persunal multifunzjonali, taħriġ fuq il-post u l-kapaċità ta’ adattament rapidu għall-bidla. L-għan ewlieni huwa li tinkiseb evidenza oġġettiva li s-sistema tal-EMAS hija effettiva u li l-proċeduri jkunu proporzjonati għad-daqs u l-kumplessità tan-negozju, il-kompetenza tal-persunal tagħha u n-natura tal-impatt ambjentali.

    It-tariffi

    Hija r-responsabbiltà ta’ kull Stat Membru li jistabbilixxi t-tariffi għall-proċeduri tar-reġistrazzjoni fl-EMAS. Xi wħud ma jitolbux ħlas. Fi kwalunkwe każ, ir-Regolament jgħid li t-tariffi għandhom ikunu raġonevoli u proporzjonati għad-daqs tal-organizzazzjoni.

    L-appoġġ tekniku u finanzjarju

    L-appoġġ tekniku u finanzjarju għall-iskema tal-EMAS inġenerali, u għall-SMEs b’mod partikolari, għandu jkun ipprovdut fuq żewġ livelli. L-Istati Membri għandhom joffru informazzjoni dwar ir-rekwiżiti legali u l-awtoritajiet tal-infurzar, kif ukoll informazzjoni teknika dwar il-verifikaturi akkreditati jew liċenzjati, il-proċeduri tar-reġistrazzjoni, għotjiet u appoġġ finanzjarju. Il-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni u tħejji t-triq għall-organizzazzjonijiet li jkunu jixtiequ jirreġistraw għall-EMAS billi tirrikonoxxi partijiet mis-sistemi ta’ immaniġjar ambjentali oħrajn jew billi tintegra l-EMAS f’politiki oħrajn tal-UE.

    Il-Metodu ‘EMAS Easy’

    Għalkemm il-metodu ‘EMAS Easy (25)’ mhuwiex imsemmi fir-Regolament, għandu jiġi kkunsidrat bħala għodda disponibbli għall-organizzazzjonijiet iż-żgħar. Din tgħinhom jimplimentaw ir-rekwiżiti kollha tal-EMAS b’mod mgħaġġel, irħis u sempliċi.

    L-approċċ f’raggruppament u pass pass

    L-awtoritajiet lokali, f’kooperazzjoni ma’ kmamar tal-kummerċ, ma’ assoċjazzjonijiet industrijali u oħrajn, jistgħu jipprovdu appoġġ lill-SMEs li jkunu jixtiequ jimplimentaw l-EMAS billi jiffaċilitaw approċċ ta’ raggruppament u pass pass.

    ‘Raggruppament’ huwa mod kif wieħed jimplimenta l-EMAS bħala grupp, utli għall-organizzazzjonijiet fl-istess settur ta’ attività jew li jinsabu fl-istess żona ġeografika. Dawn jistgħu jaqsmu l-proċess tal-implimentazzjoni u mbagħad ikomplu bir-reġistrazzjoni individwali.

    L-approċċ pass pass jista’ jkun imfassal għall-ħtiġijiet f’kull Stat Membru. Jista’ jkun marbut, pereżempju, ma’ proġetti jew pjanijiet ġenerali, sabiex tkun promossal-implimentazzjoni tal-EMAS f’muniċipalità jew f’żona fejn entitajiet differenti jkunu qegħdin jippjanaw li jinkoraġġixxu lill-organizzazzjonijiet jimplimentaw prattika ambjentali tajba f’fażijiet jew f’modi differenti.

    Eżempju: Eżempju tajjeb ta’ dan l-approċċ jista’ jkun li wieħed jieħu grupp ta’ SMEs f’żona industrijali jew f’reġjun immexxi mill-muniċipalità, f’kooperazzjoni ma’ kamra tal-kummerċ u assoċjazzjonijiet industrijali li joperaw f’dik iż-żona. L-organizzazzjonijiet involuti jistgħu jieħdu sehem fi pjan ta’ implimentazzjoni pass pass tal-EMAS. L-ewwel pass ikun għajnuna lill-kumpaniji kollha sabiex jagħmlu verifika ambjentali tal-EMAS. It-tieni pass ikun jinvolvi t-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ prattiki tajbin ta’ ġestjoni. It-tielet pass ikun li tiġi stabbilita sistema ta’ immaniġjar ambjentali formali bħall-EN ISO 14001. Fl-aħħar nett, il-kumpaniji jistgħu jaqilbu għall-EMAS bħala s-sistema ta’ ġestjoni ewlenija.

    Dan il-kunċett jista’ jkun opportunità sabiex jiġu żviluppati pjanijiet ta’ promozzjoni fi gruppi ta’ organizzazzjonijiet, f’setturi ta’ attività jew f’territorji speċifiċi fejn ikun hemm interess fil-promozzjoni tal-implimentazzjoni ta’ sistemi ta’ immaniġjar ambjentali, formali jew informali, qabel ma wieħed jaqleb għall-EMAS sħiħa.

    L-ANNESS

    Aktar informazzjoni relatata mal-EMAS li tista’ tintuża flimkien ma’ din il-gwida għall-utent tista’ tinstab fuq il-paġni tal-web tal-EMAS tal-Kummissjoni http://ec.europa.eu/environment/index_en.htm fejn inti tista’ ssib:

    Ir-Regolament (KE) Nru 1221/2009, tal-25 ta’ Novembru — http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=ĠU:L:2009:342:0001:0045:MT:PDF

    L-iskedi informattivi dwar 20 approċċ ta’ sistemi ta’ immaniġjar ambjentali (minn pass għall-ieħor lejn l-EMAS)-http://ec.europa.eu/environment/emas/documents/kit_en.htm#stepUp

    L-indiċi bl-entitajiet Kompetenti u l-Korpi ta’ Akkreditament u Liċenzjar kollha involuti fl-EMAS — http://ec.europa.eu/environment/emas/tools/contacts/countrymap_en.htm

    Id-dokumenti tal-EMAS — http://ec.europa.eu/environment/emas/documents/legislative_en.htm

    L-iskedi informattivi dwar l-EMAS dwar suġġetti speċifiċi fejn ġiet identifikata l-ħtieġa ta’ informazzjoni aktar iddettaljata: http://ec.europa.eu/environment/emas/documents/brochure_en.htm#factsheets

    L-istudji ta’ każijiet — http://ec.europa.eu/environment/emas/casestudies/index_en.htm

    L-EMAS Globali: Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/832/UE tas-7 ta’ Diċembru 2011 dwar Gwida għal Reġistrazzjoni Korporattiva tal-UE, Reġistrazzjoni ta’ Pajjiżi Terzi u Reġistrazzjoni Globali skont ir-Regolament (KE) Nru 1221/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-parteċipazzjoni volontarja ta’ organizzazzjonijiet fi skema Komunitarja ta’ ġestjoni u verifika ambjentali (EMAS)


    (1)  Ir-Regolament (KE) Nru 1221/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-parteċipazzjoni volontarja ta’ organizzazzjonijiet fi skema Komunitarja ta’ ġestjoni u verifika ambjentali (EMAS).

    (2)  ĠU L 330, 14.12.2011, p. 25.

    (3)  http://ec.europa.eu/environment/emas/pdf/news/costs_and_benefits_of_emas.pdf.

    (4)  Id-‘Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali’ (Id-Direttiva IED), li tħassar id-Direttiva dwar l-IPPC b’effett mis-7 ta’ Jannar 2013, tipprovdi lill-Istati Membri gwida ddettaljata dwar l-ispezzjonijiet ambjentali, fejn il-frekwenza ta’ żjarat fil-post għandhom ikunu bbażati fuq stima sistematika tar-riskji ambjentali tal-installazzjonijiet ikkonċernati, bl-użu ta’ sett ta’ kriterji li jinkludu l-parteċipazzjoni tal-operatur fl-iskema EMAS.

    (5)  Studju EVER: Valutazzjoni tal-EMAS u Ekotikketta għar-Reviżjoni tagħhom (2005), IEFE-Università Bocconi għad-DĠ tal-Ambjent tal-Kummissjoni Ewropea.

    (6)  Hamschmidt J., Dyllick T. (2001), ‘ISO 14001: profitable? Yes! But is it eco-effective?’ (L-ISO 14001: profittabbli? Iva! Imma hija ekoeffettiva?), Greener Management International, n. 34.

    (7)  CESQA SINCERT (2002), Indagine sulla certificazione ambientale secondo la norma UNI EN ISO 14001; risultati indagine Triveneto (Stħarriġ dwar iċ-ċertifikat ambjentali skont l-istandard UNI EN ISO 14001; riżultati tal-istħarriġ Triveneto).

    (8)  Freimann, Walther (2001), The impacts of corporate environmental management systems: a comparison of EMAS and ISO 14001 (L-impatti ta’ sistemi ta’ immaniġjar ambjentali korporattivi: paragun bejn l-EMAS u l-ISO 14001), Greener Management International, Nru 36, pp. 91-103.

    (9)  IRIS (2000), Environmental management systems — paper tiger or powerful tool. The Swedish Institute of Production Engineering Research (Sistemi ta’ immaniġjar ambjentali — tigra tal-karti jew għodda b’saħħitha. L-Istitut Svediż tar-Riċerka dwar l-Inġinerija fil-Produzzjoni). Molndal.

    (10)  Iċ-ċifri fit-Tabella 1 huma indikazzjoni u relatati mad-daqsijiet tal-kategoriji. Għaldaqstant ma jistgħux ikunu applikati b’mod dirett għal xi organizzazzjoni jew fi kwalunkwe sitwazzjoni.

    (11)  Id-daqsijiet tal-organizzazzjonijiet kif definiti fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE dwar id-definizzjoni tal-mikrointrapriżi u tal-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju [Ġurnal Uffiċjali L 124 tal-20.5.2003].

    (12)  L-SMEs spiss jistgħu jnaqqsu l-ispejjeż tal-implimentazzjoni tal-ewwel sena billi jimplimentaw l-EMAS permezz tal-metodoloġija tal-EMAS Easy. Stimi reċenti juru li f’ċerti każijiet l-ispejjeż jistgħu jinżlu sa EUR 11 500 għall-organizzazzjonijiet mikro u EUR 17 000 għall-organizzazzjonijiet żgħar fl-ewwel sena tal-implimentazzjoni. Dawn l-istimi huma purament indikattivi u bbażati fuq dejta pprovduta mill-SME wara seminars li saru għall-SMEs f’diversi Stati Membri.

    (13)  L-SMEs spiss jistgħu jnaqqsu l-ispejjeż tal-implimentazzjoni tal-ewwel sena billi jimplimentaw l-EMAS permezz tal-metodoloġija tal-EMAS Easy. Stimi reċenti juru li f’ċerti każijiet l-ispejjeż jistgħu jinżlu sa EUR 2 200/sena għall-organizzazzjonijiet mikro u EUR 3 300/sena għall-organizzazzjonijiet żgħar. Dawn l-istimi huma purament indikattivi u bbażati fuq dejta pprovduta mill-SME wara seminars li saru għall-SMEs f’diversi Stati Membri.

    (14)  http://ec.europa.eu/environment/emas/toolkit/index.htm.

    (15)  ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1.

    (16)  Il-lista indikattiva ta’ 11-il settur ta’ prijorità li għalihom sejrin ikunu żviluppati Dokumenti ta’ Referenza Settorjali, hija ppubblikata fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni ‘Twaqqif tal-pjan ta’ ħidma li jistipula lista indikattiva ta’ setturi għall-adozzjoni ta’ dokumenti ta’ referenza settorjali u transsettorjali, taħt ir-Regolament (KE) Nru 1221/2009 dwar il-parteċipazzjoni volontarja ta’ organizzazzjonijiet fi skema Komunitarja ta’ mmaniġġjar u awditjar ekoloġiċi (EMAS)’.

    (17)  http://ec.europa.eu/environment/emas/toolkit/.

    (18)  Skont proċedura uffiċjali tal-Artikolu 45 kif deskritta fir-Regolament dwar l-EMAS

    (19)  Madankollu, ir-Regolament dwar l-EMAS mhuwiex il-post it-tajjeb fejn tiġi stabbilita xi metodoloġija jew għodda għall-iżvilupp ta’ inventarji tal-emissjonijiet u/jew il-kwantifikazzjoni tal-emissjonijiet.

    (*)  Id-definizzjoni uffiċjali ta’ valur miżjud gross hija inkluża fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1503/2006 tat-28 ta’ Settembru 2006 li jimplimenta u jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1165/98 li jikkonċerna l-istatistika għal żmien qasir fir-rigward tad-definizzjoni tal-varjabbli, il-lista tal-varjabbli u l-frekwenza tal-ġbir tad-data. Il-valur miżjud fil-prezzijiet bażiċi jista’ jkun ikkalkulat mill-fatturat (eskluża l-VAT u taxxi oħrajn simili li jistgħu jitnaqqsu marbuta direttament mal-fatturat), flimkien mal-produzzjoni kapitalizzata, flimkien ma’ dħul operattiv ieħor flimkien ma’ jew bit-tnaqqis tal-bidliet fl-istokk, it-tnaqqis tax-xiri ta’ oġġetti u servizzi, it-tnaqqis tat-taxxi fuq prodotti li huma marbuta mal-fatturat iżda li ma jistgħux jitnaqqsu flimkien ma’ kwalunkwe sussidju fuq il-prodotti riċevuti. Id-dħul u l-infiq ikklassifikat bħala finanzjarju jew straordinarju fil-kontijiet tal-kumpanija huwa eskluż mill-valur miżjud. B’hekk, is-sussidji fuq il-prodotti huma inklużi fil-valur miżjud fil-prezzijiet bażiċi, filwaqt li t-taxxi kollha fuq il-prodotti huma esklużi. Il-valur miżjud huwa kkalkulat ‘gross’ peress li l-aġġustamenti tal-valur (bħad-deprezzament) mhumiex imnaqqsa.

    Nota:

    Id-dikjarazzjoni ambjentali tal-EMAS tista’ tintuża sabiex wieħed jirrapporta dwar indikaturi ċentrali speċifiċi ta’ prestazzjoni, b’mod partikolari l-effiċjenza fl-enerġija u l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett serra.

    (20)  http://ec.europa.eu/environment/emas/registration/index_en.htm.

    (21)  Soġġett għar-rekwiżiti ta’ sorveljanza tal-entità ta’ akkreditament u liċenzjar tal-Istat Membru fejn jixtiequ jaħdmu, kif speċifikat fl-Artikolu 24 tar-Regolament dwar l-EMAS

    (22)  L-Artikolu A.5.2 ‘Evalwazzjoni tal-konformità’ tal-Anness II għar-Regolament u għan-nuqqas ta’ konformità, azzjoni korrettiva u azzjoni preventiva (Artikolu A.5.3 tal-Anness II għar-Regolament).

    (23)  L-Artikolu 13(2) c) u l-verifika li m’hemm l-ebda lment rilevanti minn partijiet interessati, jew li l-ilmenti jkunu ġew solvuti b’mod sodisfaċenti (Artikolu 13(2)d).

    (24)  Lista bid-dettalji ta’ kuntatt tal-Korpi Kompetenti, l-entitajiet ta’ Akkreditament jew tal-verifikaturi ambjentali fl-Istati Membri tal-UE u fin-Norveġja tista’ tinstab taħt: http://ec.europa.eu/environment/emas/tools/contacts/countrymap_en.htm.

    Nota:

    F’dak li jirrigwarda r-reġistrazzjoni, l-istrutturi rilevanti jistgħu jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor. Normalment, ikun hemm Entità Kompetenti wieħed f’kull Stat Membru; madankollu, f’xi Stati Membri huwa komuni li ssib Korpi Kompetenti differenti fil-livell reġjonali.

    (25)  Aktar informazzjoni dwar il-metodu EMAS Easy tista’ tinstab fuq: http://ec.europa.eu/environment/emas/tools/emaseasy_en.htm u http://www.emaseasy.eu/downloads.html.


    Top