Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013A0822(01)

    Opinjoni tal-Kummissjoni tal- 20 ta’ Awwissu 2013 dwar l-applikazzjoni tal-projbizzjoni tal-importazzjoni u l-esportazzjoni ta' tagħmir li fih, jew li jiddependi minn, sustanzi kkontrollati bir-Regolament (KE) Nru 1005/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar sustanzi li jnaqqsu s-saff tal-ożonu, fir-rigward ta' kontejners intermodali Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU C 241, 22.8.2013, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    22.8.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 241/1


    OPINJONI TAL-KUMMISSJONI

    tal-20 ta’ Awwissu 2013

    dwar l-applikazzjoni tal-projbizzjoni tal-importazzjoni u l-esportazzjoni ta' tagħmir li fih, jew li jiddependi minn, sustanzi kkontrollati bir-Regolament (KE) Nru 1005/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar sustanzi li jnaqqsu s-saff tal-ożonu, fir-rigward ta' kontejners intermodali

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    2013/C 241/01

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Europea, u b’mod partikolari l-Artikolu 288 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (KE) Nru 1005/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Settembru 2009 dwar sustanzi li jnaqqsu s-saff tal-ożonu (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 15 u 17 tiegħu, jistabbilixxi r-regoli li jirrestrinġu l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta' sustanzi li jnaqqsu s-saff tal-ożonu elenkati fl-Anness I tar-Regolament u li jissejħu “sustanzi kkontrollati”, kif ukoll l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta' prodotti u tagħmir li fihom is-sustanzi kkontrollati jew li jiddependu minn dawn is-sustanzi.

    (2)

    L-Artikolu 28 tar-Regolament (KE) Nru 1005/2009 jeħtieġ li l-Istati Membri jwettqu l-ispezzjonijiet dwar il-konformità tal-impriżi ma' dak ir-Regolament.

    (3)

    Skont il-Protokoll ta' Montreal dwar sustanzi li jnaqqsu s-saff tal-ożonu (2), għadu permess li jintużaw l-idroklorofluworokarburi anki fil-produzzjoni ta' kontejners intermodali.

    (4)

    L-importazzjoni u t-tqegħid fis-suq ta' kontenituri intermodali li jkun fihom, jew li jiddependu mill-idroklorofluworokarburi ilhom projbiti fl-Unjoni Ewropea mill-2004, iżda mhuwiex meħtieġ id-dekummissjonar ta' dawn il-kontejners.

    (5)

    Għaldaqstant, il-kontejners intermodali li jintużaw fil-kummerċ internazzjonali ħafna drabi jkun fihom sustanzi li jnaqqsu s-saff tal-ożonu fil-fowm iżolanti jew f'tagħmir tat-tkessiħ li jkun konness magħhom jew integrat fihom, li jużaw s-sustanzi kkontrollati bħala refriġerant.

    (6)

    Ir-Regolament (KE) Nru 1005/2009 huwa aktar strett mill-Protokoll ta' Montreal, u jipprojbixxi t-tqegħid fis-suq ta' kontejners intermodali li jkun fihom, jew li jiddependu minn, sustanzi kkontrollati.

    (7)

    Skont il-konvenzjonijiet internazzjonali bħall-Konvenzjoni dwar id-Dħul Temporanju (3), jew il-Konvenzjoni Dwar it-Trattament Doganali tal-Kontejners Pool Użati Fit-Trasport Internazzjonali (4), ma għandux ikun ristrett il-moviment liberu tal-kontejners intermodali.

    (8)

    Skont il-Konvenzjoni dwar id-Dħul Temporanju li kien ratifikat mill-Komunità u l-Istati Membri kollha, ċerti prodotti li jiġu importati b'rabta ma' ħidma kummerċjali, inklużi l-kontejners, għandhom jingħataw permess għad-dħul temporanju. L-Artikoli 553, 554, 555 u 557 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tal-Kodiċi Doganali Komunitarju (5), inter alia jistipulaw li l-kontejners huma kompletament ħielsa mid-dazji tal-importazzjoni f'ċerti kundizzjonijiet. B'mod partikolari, l-awtoritajiet tad-dwana għandhom jiżguraw li, sakemm ma jingħatawx eżenzjonijiet speċifiċi, il-perjodu sħiħ li tulu l-kontejners jibqgħu taħt l-arranġamenti għall-istess għan u fir-responsabbiltà tal-istess detentur, ma għandux jaqbeż l-24 xahar.

    (9)

    Skont il-ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-atti legali tal-istituzzjonijiet iridu jiġu interpretati b'mod li hu konsistenti mal-ftehimiet internazzjonali li tkun Parti għalihom l-Unjoni.

    HIJA TAL-FEHMA:

    1.

    Li meta jkunu qegħdin japplikaw ir-Regolament (KE) Nru 1005/2009, l-Istati Membri ma għandhomx iqisu d-dħul jew il-ħruġ mit-territorju doganali tal-Unjoni ta' kontejner intermodali bħala importazzjoni jew esportazzjoni għall-finijiet tal-Artikoli 15 u 17 ta' dak ir-Regolament jekk il-kontenituri intermodali jkunu taħt dħul temporanju.

    2.

    Li meta jkunu qegħdin jispezzjonaw il-kontejners intermodali li fihom jew li jiddependu minn sustanzi kontrollati skont l-Artikolu 28 tar-Regolament (KE) Nru 1005/2009, l-Istati Membri għandhom jivverifikaw li l-kontejners li jkunu deħlin fit-territorju doganali tal-Unjoni taħt dħul temporanju jkunu konformi mal-Artikoli 553, 554, 555 u 557 tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93 u li dawk il-kontejners ma jitqegħdux fis-suq fl-Unjoni.

    3.

    Din l-opinjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Awwissu 2013.

    Għall-Kummissjoni

    Connie HEDEGAARD

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 286, 30.10.2009, p. 1.

    (2)  ĠU L 297, 31.10.1988, p. 8.

    (3)  ĠU L 130, 27.5.1993, p. 4.

    (4)  ĠU L 91, 22.4.1995, p. 46.

    (5)  ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1.


    Top