This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32012R1273
Council Regulation (EU) No 1273/2012 of 20 December 2012 on migration from the Schengen Information System (SIS 1+) to the second generation Schengen Information System (SIS II) (recast)
Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1273/2012 tal- 20 ta’ Diċembru 2012 dwar il-migrazzjoni mis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS 1+) għas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) (riformulazzjoni)
Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1273/2012 tal- 20 ta’ Diċembru 2012 dwar il-migrazzjoni mis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS 1+) għas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) (riformulazzjoni)
ĠU L 359, 29.12.2012, p. 32–44
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
No longer in force, Date of end of validity: 09/04/2013
Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
---|---|---|---|---|---|
Repeal | 32008R1104 | ||||
Repeal | 32010R0541 |
29.12.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 359/32 |
REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 1273/2012
tal-20 ta’ Diċembru 2012
dwar il-migrazzjoni mis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS 1+) għas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) (riformulazzjoni)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 74 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),
Billi:
(1) |
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1104/2008 tal-24 ta’ Ottubru 2008 dwar il-migrazzjoni mis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS 1+) għas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) (2) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/839/ĠAI tal-24 ta’ Ottubru 2008 dwar il-migrazzjoni mis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS 1+) għas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) (3) ġew emendati b’mod sostanzjali. Billi għandhom isiru iżjed emendi, għandhom jiġu riformulati fl-interess taċ-ċarezza. |
(2) |
Is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS), stabbilita skont id-dispożizzjonijiet tat-Titolu IV tal-Konvenzjoni tad-19 ta’ Ġunju 1990 li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen tal-14 ta’ Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar l-abolizzjoni gradwali tal-kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom (4) (il-Konvenzjoni ta’ Schengen), u l-iżvilupp sussegwenti tagħha, is-SIS 1+, jikkostitwixxu għodda essenzjali għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen, kif dawn ġew integrati fil-qafas tal-Unjoni Ewropea. |
(3) |
L-iżvilupp tat-tieni ġenerazzjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS II) ġie fdat mill-Kunsill lill-Kummissjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 2424/2001 (5) u d-Deċiżjoni 2001/886/ĠAI (6). Dawk l-atti skadew fil-31 ta’ Diċembru 2008 qabel ma tlestew l-iżviluppi tal-SIS II. Għalhekk kellhom jiġu ssupplimentati l-ewwel permezz tar-Regolament (KE) Nru 1104/2008 u permezz tad-Deċiżjoni 2008/839/ĠAI u sussegwentement permezz ta’ dan ir-Regolament u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1272/2012 tal-20 ta’ Diċembru 2012 …dwar il-migrazzjoni mis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS 1+) għas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) (7) sa mhux aktar tard minn tmiem il-migrazzjoni mis-SIS 1+ għas-SIS II jew sa data li kellha tiġi stabbilita mill-Kunsill, li jaġixxi skont ir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) (8) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI tat-12 ta’ Ġunju 2007 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) (9). |
(4) |
Is-SIS II ġiet stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u bid-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI. Dan ir-Regolament għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta’ dawk l-atti. |
(5) |
Ċerti testijiet tas-SIS II huma previsti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 189/2008 (10) u fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/173/ĠAI (11). |
(6) |
L-iżvilupp tas-SIS II għandu jitkompla u għandu jiġi ffinalizzat fil-qafas tal-iskeda globali tas-SIS II approvata mill-Kunsill fis-6 ta’ Ġunju 2008 u sussegwentement emendata f’Ottubru 2009 fid-dawl ta’ orjentazzjonijiet mogħtija mill-Kunsill ĠAI tal-4 ta’ Ġunju 2009 (Ġustizzja u Affarijiet Interni). Il-verżjoni ġdida tal-iskeda globali tas-SIS II ġietippreżentata mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill f’Ottubru 2010. |
(7) |
Għandu jitwettaq test komprensiv tas-SIS II b’kooperazzjoni sħiħa bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni, skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament. Malajr kemm jista’ jkun wara li jkun tlesta, dak it-test għandu jiġi vvalidat kif previst fir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u d-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI. Id-data tat-test biss għandha tintuża għall-iskop tat-test komprensiv. |
(8) |
L-Istati Membri għandhom iwettqu test dwar l-iskambju ta’ informazzjoni supplementari. |
(9) |
Fir-rigward tas-SIS 1+, il-Konvenzjoni ta’ Schengen tipprevedi funzjoni ta’ appoġġ tekniku (C.SIS). Fir-rigward tas-SIS II, ir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u d-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI jipprevedu SIS II Ċentrali magħmula minn funzjoni ta’ appoġġ tekniku u minn interfaċċja nazzjonali uniformi (NI-SIS). Il-funzjoni ta’ appoġġ tekniku tas-SIS II Ċentrali għandha tkun ibbażata fi Strasburgu (Franza) u l-unità ta’ riżerva f’St. Johann im Pongau (l-Awstrija). |
(10) |
Sabiex jiġu ġestiti aħjar id-diffikultajiet potenzjali li jinħolqu bil-migrazzjoni mis-SIS 1+ għas-SIS II għandha tiġi stabbilita u ttestjata arkitettura interim għall-migrazzjoni għas-SIS. L-arkitettura interim għall-migrazzjoni m’għandu jkollha l-ebda impatt fuq id-disponibbiltà operattiva tas-SIS 1+. Konvertitur għandu jkun ipprovdut mill-Kummissjoni. |
(11) |
L-Istat Membru li joħroġ allert għandu jkun responsabbli sabiex jiżgura li d-data li tiddaħħal fis-SIS tkun preċiża, aġġornata u legali. |
(12) |
Il-Kummissjoni għandha tibqa’ responsabbli għas-SIS II Ċentrali u għall-infrastruttura tal-komunikazzjoni tagħha. Din ir-responsabbiltà tinkludi l-manutenzjoni u l-kontinwazzjoni tal-iżvilupp tas-SIS II u l-infrastruttura tal-komunikazzjoni tagħha, inkluż f’kull ħin il-korrezzjoni tal-iżbalji. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi l-koordinazzjoni u l-appoġġ għall-attivitajiet konġunti. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi, b’mod partikolari, l-appoġġ tekniku u operattiv meħtieġ għall-Istati Membri fil-livell tas-SIS II Ċentrali inkluż id-disponibbiltà ta’ helpdesk. |
(13) |
L-Istati Membri huma u għandhom jibqgħu responsabbli għall-iżvilupp u l-manutenzjoni tas-sistemi nazzjonali tagħhom (N.SIS II). |
(14) |
Franza għandha tibqa’ responsabbli għall-funzjoni ta’ appoġġ tekniku tas-SIS 1+, kif inhu previst espressament fil-Konvenzjoni ta’ Schengen. |
(15) |
Ir-rappreżentanti tal-Istati Membri li qed jipparteċipaw fis-SIS 1+ għandhom jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom fil-qafas tal-Kunsill. Huwa meħtieġ li jiġi stabbilit qafas għal dik l-azzjoni organizzattiva. |
(16) |
Sabiex tappoġġa lill-Istati Membri jagħżlu l-aktar soluzzjoni teknika u finanzjarja favorevoli, il-Kummissjoni għandha tniedi mingħajr dewmien il-proċess ta’ adattament ta’ dan ir-Regolament billi tipproponi qafas legali għall-migrazzjoni mis-SIS 1+ għas-SIS II li jirrifletti aħjar l-approċċ għall-migrazzjoni tekniku deskritt fil-Pjan ta’ Migrazzjoni tal-Proġett tas-SIS (il-“Pjan ta’ Migrazzjoni”) adottat mill-Kummissjoni wara vot pożittiv mill-Kumitat tas-SIS-VIS fit-23 ta’ Frar 2011. |
(17) |
Il-Pjan ta’ Migrazzjoni jippreskrivi li fi ħdan il-perjodu tal-bidla, l-Istati Membri kollha, konsekuttivament, se jwettqu l-bidla individwali tagħhom tal-applikazzjoni nazzjonali mis-SIS 1+ għas-SIS II. Huwa xieraq mil-lat tekniku li dawk l-Istati Membri li jkunu qalbu jkunu kapaċi jużaw l-ambitu sħiħ tas-SIS II minn meta ssir il-bidla u ma jkollhomx jistennew sakemm l-Istati Membri l-oħra jaqilbu wkoll. Għalhekk, huwa neċessarju li jiġu applikati r-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u d-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI minn mindu tibda l-bidla mill-ewwel Stat Membru. Għal raġunijiet ta’ ċertezza legali il-perjodu tal- bidla għandu jinżamm l-iqsar possibbli, u m’għandux jeċċedi t-tnax-il siegħa. L-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u d-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI m’għandhiex twaqqaf lil dawk l-Istati Membri, li jkunu għadhom ma qalbux jew li kellhom jaqgħu lura minħabba raġunijiet tekniċi, milli jużaw is-SIS II limitata għal funzjonalitajiet tas-SIS 1+ matul il-perjodu ta’ monitoraġġ intensiv. Sabiex jiġu applikati l-istess standards u kundizzjonijiet għal allerti, proċessar ta’ data u protezzjoni ta’ data fl-Istati Membri kollha, jeħtieġ li l-qafas legali tas-SIS II jiġi applikat għall-attivitajiet operattivi tas-SIS tal-Istati Membri li għadhom ma għamlux il-bidla. |
(18) |
Huwa meħtieġ li tinżamm l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tat-Titolu IV tal-Konvenzjoni ta’ Schengen fuq bażi temporanja billi jiġu inkorporati dawk id-dispożizzjonijiet f’dan ir-Regolament, peress li dawn jipprovdu l-qafas legali għall-konvertitur u l-arkitettura interim għall-migrazzjoni matul il-migrazzjoni. L-arkitettura interim għall-migrazzjoni għall-operazzjonijiet tas-SIS 1+ tippermetti lis-SIS 1+ u lil ċerti partijiet tekniċi tal-arkitettura tas-SIS II li joperaw b’mod parallel matul perijodu tranżitorju limitat li jkun meħtieġ biex tkun possibbli migrazzjoni inkrimentali mis-SIS 1+ għas-SIS II. |
(19) |
Ir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u d-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI jipprevedu li għas-SIS II Ċentrali għandha tintuża l-aqwa teknoloġija disponibbli, soġġetta għal analiżi kost-effettività. L-Anness għall-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar id-direzzjoni ulterjuri tas-SIS II tal-4-5 ta’ Ġunju 2009 stabbilixxa miri importanti li għandhom jintlaħqu sabiex jitkompla l-proġett attwali tas-SIS II. B’mod parallel, twettaq studju dwar l-elaborazzjoni ta’ xenarju tekniku alternattiv għall-iżvilupp tas-SIS II abbażi tal-evoluzzjoni tas-SIS 1+ (SIS 1+ RE) bħala l-pjan ta’ kontinġenza, f’każ li t-testijiet juru nonkonformità mar-rekwiżiti tal-miri importanti. Abbażi ta’ dawn il-parametri, il-Kunsill jista’ jiddeċiedi li jistieden lill-Kummissjoni biex taqleb għax-xenarju tekniku alternattiv. |
(20) |
Id-deskrizzjoni tal-komponenti tekniċi tal-arkitettura interim għall-migrazzjoni għaldaqstant għandha tiġi adattata sabiex tippermetti soluzzjoni teknika oħra, u b’mod partikolari s-SIS 1+ RE dwar l-iżvilupp tas-SIS II Ċentrali. Is-SIS 1+ RE hija soluzzjoni teknika possibbli biex tiġi żviluppata s-SIS II Ċentrali u jintlaħqu l-objettivi tas-SIS II stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u d-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI. |
(21) |
Is-SIS 1+ RE hija karatterizzata b’mezzi uniċi bejn l-iżvilupp tas-SIS II u s-SIS 1+. Ir-referenzi f’dan ir-Regolament għall-arkitettura teknika tas-SIS II u għall-proċess ta’ migrazzjoni għandhom għalhekk, f’każ ta’ implimentazzjoni ta’ xenarju tekniku alternattiv, jinqraw bħala r-referenzi għas-SIS II abbażi ta’ soluzzjoni teknika oħra, kif applikata mutatis mutandis għall-ispeċifiċitajiet tekniċi ta’ dik is-soluzzjoni, waqt li jinżamm l-objettiv li tiġi żviluppata SIS II Ċentrali. |
(22) |
Fi kwalunkwe xenarju tekniku, ir-riżultat ta’ migrazzjoni f’livell ċentrali għandu jkun d-disponibbiltà tal-bażi tad-data tas-SIS 1+ u funzjonalitajiet ġodda tas-SIS II, li jinkludu kategoriji ta’ data addizzjonali, fis-SIS II Ċentrali. Sabiex ikun iffaċilitat l-illowdjar tad-data għandu jkun speċifikat li data mħassra kif imsemmi fl-Artikolu 113(2) tal-Konvenzjoni ta’ Schengen mhux se tiġi emigrata mis-SIS 1+ għas-SIS II. |
(23) |
Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tikkuntratta lil partijiet terzi, inklużi korpi pubbliċi nazzjonali, il-kompiti li jiġu mogħtija lilha permezz ta’ dan ir-Regolament u l-kompiti relatati mal-implimentazzjoni tal-baġit, skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (12) (ir-“Regolament Finanzjarju”). Tali kuntratti għandhom jirrispettaw ir-regoli tal-protezzjoni tad-data u s-sigurtà tad-data u jieħdu f’konsiderazzjoni r-rwol tal-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data rilevanti applikabbli għas-SIS, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Schengen u ta’ dan ir-Regolament. |
(24) |
Fir-rigward tal-finanzjament tal-iżvilupp tas-SIS II Ċentrali abbażi ta’ soluzzjoni teknika alternattiva, dan għandu jkun kopert mill-baġit ġenerali tal-Unjoni filwaqt li jiġi rrispettat il-prinċipju tal-ġestjoni finanzjarja soda. F’konformità mar-Regolament Finanzjarju l-Kummissjoni tista’ tiddelega l-kompiti ta’ implimentazzjoni tal-baġit lil korpi tas-settur pubbliku nazzjonali. Wara l-orjentazzjoni politika u soġġetta għall-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju, il-Kummissjoni tkun mistiedna, f’każ li wieħed jaqleb għas-soluzzjoni alternattiva, biex tiddelega lil Franza l-kompiti ta’ implimentazzjoni tal-baġit relatati mal-iżvilupp tas-SIS II abbażi tas-SIS 1+ RE. |
(25) |
Ir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u d-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI, kif ukoll id-Deċiżjoni Nru 574/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Mejju 2007 li tistabbilixxi l-Fond għall-Fruntieri Esterni għall-perjodu mill-2007 sal-2013 bħala parti mill-Programm Ġenerali Solidarjetà u Ġestjoni tal-Flussi ta’ Migrazzjoni (13), inkludew żviluppi nazzjonali tas-SIS II fost l-azzjonijiet eliġibbli li għandhom ikunu kkofinanzjati taħt il-Fond għall-Fruntieri Esterni (EBF). Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/599/KE tas-27 ta’ Awwissu 2007 li timplimenta d-Deċiżjoni Nru 574/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-adozzjoni ta’ linji gwida strateġiċi mill-2007 sal-2013 (14), identifikat ulterjorment lis-SIS II bħala waħda mill-ħames prijoritajiet strateġiċi taħt l-EBF, fejn ġiet rikonoxxuta l-importanza tal-appoġġ għall-iżvilupp koerenti u f’waqtu tal-proġetti nazzjonali flimkien mas-SIS II ċentrali. Mill-adozzjoni ta’ dawk l-atti legali, il-proġett tas-SIS II irċieva riorjentazzjoni sinifikanti matul l-2010, wara t-tlestija ta’ kampanja importanti ta’ testijiet, il-“Milestone 1”. Barra minn hekk, l-evoluzzjonijiet fl-użu tas-SIS mill-Istati Membri wasslu għal ħtieġa biex jiġu aġġornati r-rekwiżiti tekniċi tas-SIS II li jikkonċernaw il-prestazzjoni u l-kapaċità tal-ħażna li affettwaw l-ispejjeż tal-proġett SIS II kemm fil-livell ċentrali kif ukoll fil-livell nazzjonali. |
(26) |
Fir-rigward tal-proċess ta’ migrazzjoni mis-SIS 1+ sas-SIS II, l-evoluzzjoni fir-rekwiżiti u l-avvanzi magħmula fit-tlestija tal-proġett SIS II wasslu għal definizzjoni mill-ġdid tal-arkitettura tal-migrazzjoni, tal-kalendarju tal-migrazzjoni u tar-rekwiżiti għall-ittestjar. Parti importanti mill-attivitajiet, li issa se jkunu meħtieġa fil-livell tal-Istati Membri għall-migrazzjoni lejn is-SIS II, ma kinux antiċipati fiż-żmien meta r-Regolament (KE) Nru 1104/2008 u d-Deċiżjoni 2008/839/ĠAI ġew adottati jew fiż-żmien meta l-pakkett finanzjarju u l-programmi pluriennali taħt l-EBF ġew imfassla. Għalhekk, hu meħtieġ li jerġgħu jiġu allinjati parzjalment il-prinċipji tad-distribuzzjoni tal-ispejjeż għall-migrazzjoni mis-SIS 1+ għas-SIS II. Ċerti attivitajiet nazzjonali relatati ma’ dik il-migrazzjoni, b’mod partikolari f’konnessjoni mal-parteċipazzjoni tal-Istati Membri f’attivitajiet ta’ ittestjar relatati mal-migrazzjoni, jistgħu jiġu kofinanzjati mil-linja baġitarja tas-SIS II tal-baġit ġenerali tal-Unjoni. Dik il-possibbiltà għandha tkopri attivitajiet speċifiċi u definiti tajjeb lil hinn, minn azzjonijiet oħra relatati mas-SIS II u li m’għandhomx jikkoinċidu magħhom, li se jkomplu jiġu appoġġati taħt l-EBF. B’hekk l-assistenza finanzjarja pprovduta taħt dan ir-Regolament għandha tkun kumplimentari għal dik ipprovduta mill-EBF. |
(27) |
Fir-rigward tal-kofinanzjament ipprovdut taħt dan ir-Regolament, għandhom jittieħdu miżuri xierqa biex jiġu evitati l-irregolaritajiet u l-frodi u għandhom jittieħdu l-passi meħtieġa biex jiġu rkuprati l-fondi mitlufa, imħallsa ħażin jew użati b’mod mhux korrett f’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (15), ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet oħra (16), u r-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 tal-25 ta’ Mejju 1999 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) (17). |
(28) |
Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, filwaqt li jitqiesu l-impatti finanzjarji tad-deċiżjoni fuq l-Istati Membri li għandhom jibqgħu involuti bis-sħiħ meta l-Kummissjoni teżerċita s-setgħat ta’ implimentazzjoni tagħha, għandhom jiġu konferiti setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Dawn is-setgħat għandhom ikunu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (18). |
(29) |
Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom ikomplu jikkooperaw mill-qrib matul il-passi kollha tal-iżvilupp tas-SIS II u l-migrazzjoni mis-SIS 1+ għas-SIS II sabiex il-proċess ikun jista’ jitlesta. Fil-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-SIS II tas-26-27 ta’ Frar 2009 u l-4-5 ta’ Ġunju 2009, ġie stabbilit korp informali li jikkonsisti f’esperti tal-Istati Membri u msejjaħ bħala l-“Bord tal-Ġestjoni Globali tal-Programm”, sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni u jingħata appoġġ dirett mill-Istati Membri lill-proġett ċentrali tas-SIS II. Ir-riżultat pożittiv tal-ħidma ta’ dak il-grupp ta’ esperti u l-ħtieġa li jissaħħu aktar il-kooperazzjoni u t-trasparenza tal-proġett SIS II ċentrali jiġġustifikaw l-integrazzjoni formali tal-grupp ta’ esperti fl-istruttura tal-ġestjoni tas-SIS II. Għaldaqstant għandu jiġi stabbilit formalment grupp ta’ esperti, imsejjaħ il-Bord tal-Ġestjoni Globali tal-Programm, sabiex jikkomplementa l-istruttura organizzattiva tas-SIS II attwali. Sabiex jiġu żgurati l-effiċjenza kif ukoll il-kost-effettività n-numru ta’ esperti għandu jkun limitat. L-attivitajiet tal-Bord tal-Ġestjoni Globali tal-Programm għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltajiet tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri. |
(30) |
Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (19) japplika għall-ipproċessar tad-data personali mill-Kummissjoni. |
(31) |
Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data hu responsabbli biex jissorvelja u jiżgura l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 u huwa kompetenti li jissorvelja l-attivitajiet tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali. L-Awtorità ta’ Sorveljanza Konġunta hi responsabbli għas-superviżjoni tal-funzjoni teknika ta’ appoġġ tas-SIS 1+ attwali sad-dħul fis-seħħ tal-qafas legali SIS II. L-Awtoritajiet ta’ Sorveljanza Nazzjonali huma responsabbli għas-superviżjoni tal-ipproċessar tad-data personali tas-SIS 1+ fuq it-territorju tal-Istati Membri rispettivi tagħhom u jibqgħu responsabbli għall-monitoraġġ tal-legalità tal-ipproċessar tad-data personali tas-SIS II fuq it-territorju tal-Istati Membri rispettivi tagħhom. Dan ir-Regolament għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Konvenzjoni ta’ Schengen u tar-Regolament (KE) Nru 1987/2006 kif ukoll tad-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI dwar il-protezzjoni u s-sigurtà tad-data personali. Dak il-qafas legali tas-SIS II jipprevedi li l-Awtoritajiet ta’ Sorveljanza Nazzjonali u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data jiżguraw is-superviżjoni kkoordinata tas-SIS II. |
(32) |
Il-migrazzjoni mis-SIS 1+ għas-SIS II hi proċess kumpless li, minkejja l-preparamenti intensivi mill-partijiet interessati kollha, tinvolvi riskji tekniċi sinifikanti. Hu mixtieq li l-qafas legali jipprovdi għall-flessibbiltà neċessarja biex jirrispondi għad-diffikultajiet mhux mistennija li s-sistema ċentrali jew li s-sistemi nazzjonali, jew sistema nazzjonali waħda, jistgħu jaffaċċjaw matul il-proċess tal-migrazzjoni. Għalhekk, waqt li għal ragunijiet ta’ ċertezza legali, il-fażi ta’ bidla u l-perijodu ta’ monitoraġġ intensiv li matulhom l-arkitettura interim għall-migrazzjoni tibqa’ teżisti għandhom ikunu kemm jista’ jkun qosra, il-Kunsill f’każ ta’ diffikultajiet tekniċi j għandu jkun jista’ jistabbilixxi d-data finali għat-tmiem tal-migrazzjoni f’konformità mal-Artikolu 55(2) tar-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u l-Artikolu 71(2) tad-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI. |
(33) |
Billi l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li tiġi stabbilita l-arkitettura interim għall-migrazzjoni u l-migrazzjoni tad-data mis-SIS 1+ għas-SIS II, ma jkunux jistgħu jintlaħqu sew mill-Istati Membri u, għaldaqstant jistgħu, minħabba fl-iskala tad-daqs jew fl-effetti tal-azzjoni, jiġu milħuqa aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet. |
(34) |
Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. |
(35) |
Sabiex fl-2012 jingħata effett lill-faċilità finanzjarja li tista’ tiġi pprovduta lill-Istati Membri mill-baġit ġenerali tal-Unjoni f’konformità ma’ dan ir-Regolament, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data wara dik tal-pubblikazzjoni tiegħu. |
(36) |
Fir-rigward tal-Islanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp fid-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn tal-aħħar fl-implimentazzjoni, fl-applikazzjoni u fl-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (20) li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt G, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (21) dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni ta’ dak il-Ftehim. |
(37) |
Fir-rigward tal-Isvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera fl-implimetazzjoni, fl-applikazzjoni u fl-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (22) li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt G, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (23). |
(38) |
Fir-rigward tal-Liechtenstein, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera fl-implimetazzjoni, fl-applikazzjoni u fl-iżvilupp tal-acquis (24) ta’ Schengen, li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt G, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE (25). |
(39) |
B’mod konformi mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll (Nru 22) dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness għat-Tratttat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhix tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhix marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. Peress li dan ir-Regolament jibni fuq l-acquis ta’ Schengen, id-Danimarka għandha, b’konformità mal-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, tiddeċiedi f’perijodu ta’ sitt xhur wara li l-Kunsill ikun iddeċieda dwar dan ir-Regolament jekk hix ser timplimentah fil-liġi nazzjonali tagħha. |
(40) |
Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li r-Renju Unit ma jiħux sehem fih, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq biex jieħdu parti f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (26); għaldaqstant, ir-Renju Unit mhux qed jieħu sehem fl-adozzjoni tiegħu u mhux marbut minnu jew soġġett għall-applikazzjoni tiegħu. |
(41) |
Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li l-Irlanda ma tiħux sehem fih, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (27); għaldaqstant, l-Irlanda mhux qed tieħu sehem fl-adozzjoni tiegħu u mhix marbuta minnu jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. |
(42) |
Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-arranġamenti għall-parteċipazzjoni parzjali tal-Irlanda u tar-Renju Unit fl-acquis ta’ Schengen kif determinat bid-Deċiżjonijiet 2000/365/KE u 2002/192/KE rispettivament. |
(43) |
Fir-rigward ta’ Ċipru, dan ir-Regolament jikkostitwixxi att li jibni fuq, jew inkella huwa relatat mal-acquis ta’ Schengen fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 3(2) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2003. |
(44) |
Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat u ta opinjoni fid-9 ta’ Lulju 2012 (28), |
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Għan ġenerali
1. Is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) stabbilita skont id-dispożizzjonijiet tat-Titolu IV tal-Konvenzjoni ta’ Schengen (SIS 1+), għandha tiġi sostitwita b’sistema ġdida, is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen II (SIS II), li l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tagħha huma rregolati bir-Regolament (KE) Nru 1987/2006.
2. Skont il-proċeduri u t-tqassim tal-kompiti stabbiliti f’dan ir-Regolament, is-SIS II għandha tiġi żviluppata mill-Kummissjoni u l-Istati Membri bħala sistema integrata unika u għandha titħejja għat-tħaddim.
3. L-iżvilupp tas-SIS II jista’ jinkiseb bl-implimentazzjoni ta’ xenarju tekniku alternattiv karatterizzat bl-ispeċifiċitajiet tekniċi tiegħu.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(a) |
“SIS II Ċentrali” tfisser il-funzjoni ta’ appoġġ tekniku tas-SIS II li fiha bażi tad-data, il-“bażi tad-data tas-SIS II”, u interfaċċja nazzjonali uniformi (NI-SIS); |
(b) |
“C.SIS” tfisser il-funzjoni ta’ appoġġ tekniku tas-SIS 1+, li fiha l-bażi tad-data ta’ referenza għas-SIS 1+ u l-interfaċċja nazzjonali uniformi (N.COM); |
(c) |
“N.SIS” tfisser is-sistema nazzjonali tas-SIS 1+, li tikkonsisti fis-sistemi ta’ data nazzjonali li jikkomunikaw mas-C.SIS; |
(d) |
“N.SIS II” tfisser is-sistema nazzjonali tas-SIS II, li tikkonsisti fis-sistemi ta’ data nazzjonali li jikkomunikaw mas-SIS II Ċentrali; |
(e) |
“konvertitur” tfisser għodda teknika li tippermetti komunikazzjoni konsistenti u affidabbli bejn is-C.SIS u s-SIS II Ċentrali, li tiżgura l-funzjonalitajiet previsti fl-Artikolu 10(3) u li tippermetti l-konverżjoni u s-sinkronizzazzjoni tad-data bejn is-C.SIS u s-SIS II Ċentrali; |
(f) |
“test komprensiv” tfisser it-test imsemmi fl-Artikolu 55(3)(c) tar-Regolament (KE) Nru 1987/2006; |
(g) |
“test dwar informazzjoni supplimentari” tfisser testijiet funzjonali bejn l-Uffiċċji SIRENE. |
Artikolu 3
Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni
Dan ir-Regolament jiddefinixxi l-kompiti u r-responsabbiltajiet tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri li qed jipparteċipaw fis-SIS 1+ fir-rigward tal-kompiti li ġejjin:
(a) |
il-manutenzjoni u l-kontinwazzjoni tal-iżvilupp tas-SIS II; |
(b) |
test komprensiv tas-SIS II; |
(c) |
test dwar informazzjoni supplimentari; |
(d) |
il-kontinwazzjoni tal-iżvilupp u l-ittestjar ta’ konvertitur; |
(e) |
l-istabbiliment u l-ittestjar ta’ arkitettura interim għall-migrazzjoni; |
(f) |
il-migrazzjoni mis-SIS 1+ għas-SIS II. |
Artikolu 4
Komponenti tekniċi tal-arkitettura interim għall-migrazzjoni
Sabiex tiġi żgurata l-migrazzjoni mis-SIS 1+ għas-SIS II, il-komponenti li ġejjin għandhom ikunu disponibbli safejn neċessarju:
(a) |
is-C.SIS u l-konnessjoni mal-konvertitur; |
(b) |
l-infrastruttura tal-komunikazzjoni għas-SIS 1+ li tippermetti lis-C.SIS tikkomunika mal-N.SIS; |
(c) |
l-N.SIS; |
(d) |
is-SIS II Ċentrali, l-NI-SIS u l-infrastruttura tal-komunikazzjoni għas-SIS II li tippermetti lis-SIS II Ċentrali tikkomunika mal-N.SIS II u l-konvertitur; |
(e) |
l-N.SIS II; |
(f) |
il-konvertitur. |
Artikolu 5
Responsabbiltajiet prinċipali fl-iżvilupp tas-SIS II
1. Il-Kummissjoni għandha tkompli tiżviluppa s-SIS II Ċentrali, l-infrastruttura tal-komunikazzjoni u l-konvertitur.
2. Franza għandha tagħmel disponibbli u topera s-C.SIS f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Schengen.
3. L-Istati Membri għandhom ikomplu jiżviluppaw l-N.SIS II.
4. L-Istati Membri li qed jipparteċipaw fis-SIS 1+ għandhom iżommu l-N.SIS f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Schengen.
5. L-Istati Membri li qed jipparteċipaw fis-SIS 1+ għandhom jagħmlu disponibbli u joperaw l-infrastruttura tal-komunikazzjoni għas-SIS 1+.
6. Il-Kummissjoni għandha tikkoordina l-attivitajiet u tipprovdi l-appoġġ meħtieġ għall-implimentazzjoni tal-kompiti u r-responsabbiltajiet imsemmijin fil-paragrafi 1 sa 3.
Artikolu 6
Kontinwazzjoni tal-iżvilupp
L-atti ta’ implimentazzjoni meħtieġa biex jitkompla l-iżvilupp tas-SIS II kif imsemmi fl-Artikolu 5(1), b’mod partikolari l-miżuri meħtieġa għall-korrezzjoni tal-iżbalji, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami definita fl-Artikolu 17(2).
L-atti ta’ implimentazzjoni meħtieġa biex jitkompla l-iżvilupp tas-SIS II kif imsemmi fl-Artikolu 5(3), safejn dak jikkonċerna l-interfaċċja nazzjonali uniformi filwaqt li tkun żgurata l-kompatibbiltà tal-N.SIS II mas-SIS II Ċentrali, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami definita fl-Artikolu 17(2).
Artikolu 7
Attivitajiet prinċipali
1. Il-Kummissjoni flimkien mal-Istati Membri li qed jipparteċipaw fis-SIS 1+ għandhom iwettqu test komprensiv.
2. Għandha tiġi stabbilita arkitettura interim għall-migrazzjoni u għandu jitwettaq test ta’ dik l-arkitettura mill-Kummissjoni flimkien ma’ Franza u l-Istati Membri l-oħrajn li qed jipparteċipaw fis-SIS 1+.
3. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri li qed jipparteċipaw fis-SIS 1+ għandhom iwettqu l-migrazzjoni mis-SIS 1+ għas-SIS II.
4. L-Istati Membri li qed jipparteċipaw fis-SIS 1+ għandhom iwettqu test dwar l-iskambju tal-informazzjoni supplimentari.
5. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi l-appoġġ meħtieġ fil-livell tas-SIS II Ċentrali għall-attivitajiet imsemmija fil-paragrafi 1 sa 4.
6. L-attivitajiet imsemmija fil-paragrafi 1 sa 3 għandhom jiġu kkoordinati mill-Kummissjoni u l-Istati Membri li qed jipparteċipaw fis-SIS 1+ li jaġixxu fi ħdan il-Kunsill.
Artikolu 8
Test Komprensiv
1. It-test komprensiv m’għandux jibda qabel ma l-Kummissjoni tkun iddikjarat li hija tqis il-livell ta’ suċċess tat-testijiet imsemmijin fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 189/2008 bħala suffiċjenti biex jinbeda tali test.
2. Għandu jitwettaq test komprensiv bl-għan li jiġu kkonfermati, b’mod partikolari, l-ikkompletar mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri li qed jipparteċipaw fis-SIS 1+ tal-arranġamenti tekniċi meħtieġa sabiex tkun ipproċessata d-data tas-SIS II u t-turija li l-livell ta’ prestazzjoni tas-SIS II huwa mill-anqas l-istess bħal dak miksub mis-SIS 1+.
3. It-test komprensiv għandu jitwettaq mill-Istati Membri li qed jipparteċipaw fis-SIS 1+ għall- N.SIS II u mill-Kummissjoni għas-SIS II Ċentrali.
4. It-test komprensiv għandu jsegwi skeda dettaljata definita mill-Istati Membri li qed jipparteċipaw fis-SIS 1+ li jaġixxu fi ħdan il-Kunsill f’kooperazzjoni mal-Kummissjoni.
5. It-test komprensiv għandu jkun ibbażat fuq l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi definiti mill-Istati Membri li qed jipparteċipaw fis-SIS 1+ li jaġixxu fi ħdan il-Kunsill f’kooperazzjoni mal-Kummissjoni.
6. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri li qed jipparteċipaw fis-SIS 1+ li jaġixxu fi ħdan il-Kunsill għandhom jiddefinixxu l-kriterji biex jiġi determinat jekk l-arranġamenti tekniċi meħtieġa għall-ipproċessar tad-data tas-SIS II humiex kompluti u jekk il-livell ta’ prestazzjoni tas-SIS II huwiex mill-anqas ekwivalenti għal dak miksub mis-SIS 1+.
7. Ir-riżultati tat-test għandhom jiġu analizzati permezz tal-kriterji msemmija fil-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu, mill-Kummissjoni u l-Istati Membri li qed jipparteċipaw fis-SIS 1+ li jaġixxu fi ħdan il-Kunsill. Ir-riżultati tat-test għandhom jiġu vvalidati skont l-Artikolu 55(3)(c) tar-Regolament (KE) Nru 1987/2006.
8. L-Istati Membri li mhux qed jipparteċipaw fis-SIS 1+ jistgħu jipparteċipaw fit-test komprensiv. Ir-riżultati tagħhom m’għandhomx jaffettwaw il-validazzjoni ġenerali ta’ dak it-test.
Artikolu 9
Test dwar informazzjoni supplimentari
1. L-Istati Membri li qed jipparteċipaw fis-SIS 1+ għandhom iwettqu testijiet funzjonali tas-SIRENE.
2. Il-Kummissjoni għandha tagħmel disponibbli s-SIS II Ċentrali u l-infrastruttura tal-komunikazzjoni tagħha matul it-twettiq tat-test dwar l-informazzjoni supplimentari.
3. It-test dwar l-informazzjoni supplimentari għandu jsegwi skeda dettaljata definita mill-Istati Membri li qed jipparteċipaw fis-SIS 1+ li jaġixxu fi ħdan il-Kunsill.
4. It-test dwar l-informazzjoni supplimentari għandu jkun ibbażat fuq l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi definiti mill-Istati Membri li qed jipparteċipaw fis-SIS 1+ li jaġixxu fi ħdan il-Kunsill.
5. Ir-riżultati tat-test għandhom jiġu analizzati mill-Istati Membri li qed jipparteċipaw fis-SIS 1+ li jaġixxu fi ħdan il-Kunsill. L-Istati Membri li qed jipparteċipaw fis-SIS 1+ għandhom jiżguraw li r-riżultat tat-test globali jintbagħat lill-Parlament Ewropew.
6. L-Istati Membri li mhux qed jipparteċipaw fis-SIS 1+ jistgħu jipparteċipaw fit-test dwar l-informazzjoni supplimentari. Ir-riżultati tagħhom m’għandhomx jaffettwaw il-validazzjoni ġenerali ta’ dak it-test.
Artikolu 10
Arkitettura interim għall-migrazzjoni
1. Għandha tiġi stabbilita arkitettura interim għall-migrazzjoni li tkun magħmula mill-komponenti kif stipulat fil-punti (a) u (f) tal-Artikolu 4. Il-konvertitur jgħaqqad is-SIS II Ċentrali u s-C.SIS għal perijodu transitorju. L-N.SIS jigu magħqudin mas-C.SIS u l-N.SIS II jiġu magħqudin mas-SIS II Ċentrali.
2. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi konvertitur, is-SIS II Ċentrali u l-infrastruttura tal-komunikazzjoni tagħha bħala parti mill-arkitettura interim għall-migrazzjoni.
3. Safejn huwa meħtieġ, il-konvertitur għandu jaqleb id-data f’żewġ direzzjonijiet bejn is-C.SIS u s-SIS II Ċentrali u jżomm is-C.SIS u s-SIS II Ċentrali sinkronizzati.
4. Il-Kummissjoni għandha tittestja l-komunikazzjoni bejn is-SIS II Ċentrali u l-konvertitur.
5. Franza għandha tittestja l-komunikazzjoni bejn is-C.SIS u l-konvertitur.
6. Il-Kummissjoni u Franza għandhom jittestjaw il-komunikazzjoni bejn is-SIS II Ċentrali u s-C.SIS permezz tal-konvertitur.
7. Franza, flimkien mal-Kummissjoni, għandha tqabbad is-C.SIS permezz tal-konvertitur mas-SIS II Ċentrali.
8. Il-Kummissjoni, flimkien ma’ Franza u l-Istati Membri l-oħrajn li qed jipparteċipaw fis-SIS 1+, għandhom jittestjaw l-arkitettura interim għall-migrazzjoni sħiħa skont pjan ta’ ttestjar ipprovdut mill-Kummissjoni.
9. Jekk ikun meħtieġ, Franza għandha tagħmel data disponibbli għall-finijiet tal-ittestjar.
Artikolu 11
Migrazzjoni mis-SIS 1+ għas-SIS II
1. Għall-migrazzjoni mis-C.SIS għas-SIS II Ċentrali, Franza għandha tagħmel disponibbli l-bażi tad-data tas-SIS 1+ u l-Kummissjoni għandha tintroduċi l-bażi tad-data tas-SIS 1+ fis-SIS II Ċentrali. Data tal-bażi tad-data tas-SIS 1+ imsemmija fl-Artikolu 113(2) tal-Konvenzjoni ta’ Schengen m’għandhiex tkun introdotta fis-SIS II Ċentrali.
2. L-Istati Membri li qed jipparteċipaw fis-SIS 1+ għandhom jemigraw mill-N.SIS għall-N.SIS II billi jużaw l-arkitettura interim għall-migrazzjoni, bl-appoġġ ta’ Franza u tal-Kummissjoni.
3. Il-migrazzjoni tas-sistema nazzjonali mis-SIS 1+ għas-SIS II ser tibda bl-illowdjar tad-data tal-N.SIS II, meta dik l-N.SIS II għandu jkun fiha fajl tad-data, il-kopja nazzjonali, li jkun fiha kopja kompluta jew parzjali tal-bażi tad-data tas-SIS II.
L-illowdjar tad-data kif deskritt fl-ewwel subparagrafu għandu jkun segwit minn bidla mill-N.SIS għall-N.SIS II għal kull Stat Membru. Il-bidla għandha tibda fid-data li għandha tiġi stabbilita mill-Kunsill, li jaġixxi skont l-Artikolu 55(2) tar-Regolament (KE) Nru 1987/2006, wara li jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 55(3) ta’ dak ir-Regolament. Il-bidla mill-N.SIS għall-N.SIS II għall-Istati Membri kollha għandha titlesta f’inqas minn 12-il siegħa. L-applikazzjonijiet nazzjonali għall-iskambju ta’ informazzjoni supplementari għandhom jiċċaqalqu għan-netwerk s-TESTA b’mod parallel mal-bidla.
Il-migrazzjoni għandha tintemm wara perijodu ta’ monitoraġġ intensiv. Dak il-perijodu ta’ monitoraġġ intensiv għandu jkun limitat miż-żmien, u m’għandux jeċċedi 30 jum mid-data tal-bidla tal-ewwel Stat Membru.
Il-migrazzjoni għandha ssegwi skeda dettaljata pprovduta mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri li qed jipparteċipaw fis-SIS 1+ li jaġixxu fi ħdan il-Kunsill.
4. Il-Kummissjoni għandha tassisti fil-koordinazzjoni u l-appoġġ tal-attivitajiet komuni matul il-migrazzjoni.
Artikolu 12
Qafas legali sostantiv
Għall-fażi tal-illowdjar tad-data tal-migrazzjoni kif imsemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(3), id-dispożizzjonijiet tat-Titolu IV tal-Konvenzjoni ta’ Schengen għandhom jibqgħu japplikaw għas-SIS 1+.
Mill-bidla tal-ewwel Stat Membru mill-N.SIS għall-N.SIS II, kif imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(3) ta’ dan ir-Regolament, għandu japplika r-Regolament (KE) Nru 1987/2006.
Dan ir-Regolament għandu jibqa’ japplika għall-arkitettura interim għall-migrazzjoni matul il-migrazzjoni kollha kif imsemmi fl-Artikolu 11(3).
Artikolu 13
Kooperazzjoni
1. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jikkooperaw għat-twettiq tal-attivitajiet kollha koperti b’dan ir-Regolament skont ir-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom.
2. Il-Kummissjoni għandha b’mod partikolari tipprovdi l-appoġġ meħtieġ fil-livell tas-SIS II Ċentrali għall-ittestjar tal-N.SIS II u l-migrazzjoni lejha.
3. L-Istati Membri għandhom b’mod partikolari jipprovdu l-appoġġ meħtieġ fil-livell tal-N.SIS II għall-ittestjar tal-arkitettura interim għall-migrazzjoni.
Artikolu 14
Sostituzzjoni tat-taqsimiet nazzjonali permezz tal-N.SIS II
1. L-N.SIS II tista’ tissostitwixxi t-taqsima nazzjonali msemmija fl-Artikolu 92 tal-Konvenzjoni ta’ Schengen, u f’dak il-każ l-Istati Membri m’għandhomx għalfejn iżommu fajl bid-data nazzjonali.
2. Jekk xi Stat Membru jissostitwixxi t-taqsima nazzjonali tiegħu bl-N.SIS II, il-funzjonijiet obbligatorji tal-funzjoni ta’ appoġġ tekniku fir-rigward ta’ dik it-taqsima nazzjonali kif imsemmi fl-Artikolu 92(2) u (3) tal-Konvenzjoni ta’ Schengen għandhom isiru funzjonijiet obbligatorji fir-rigward tas-SIS II Ċentrali, mingħajr preġudizzju għall-obbligi imsemmija fl-Artikolu 5(1) u l-Artikolu 10(1), (2) u (3) ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 15
L-ipproċessar ta’ data u ż-żamma ta’ reġistri fis-SIS II Ċentrali
1. Il-bażi tad-data tas-SIS II Ċentrali għandha tkun disponibbli għall-fini li jitwettqu tfittxijiet awtomatizzati fit-territorju ta’ kull Stat Membru.
2. Is-SIS II Ċentrali għandha tipprovdi s-servizzi meħtieġa għad-dħul u l-ipproċessar tad-data tas-SIS 1+, l-aġġornament online tal-kopji nazzjonali tal-N.SIS II, is-sinkronizzazzjoni ta’ u l-konsistenza bejn il-kopji nazzjonali tal-N.SIS II u l-bażi tad-data tas-SIS II Ċentrali u tipprovdi l-operazzjonijiet għall-inizjalizzazzjoni u r-restawr tal-kopji nazzjonali tal-N.SIS II.
3. Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Titolu IV tal-Konvenzjoni ta’ Schengen, il-Kummissjoni għandha tiżgura li kull aċċess għal, u kull skambju ta’ data personali fi ħdan is-SIS II Ċentrali jiġu rreġistrati għall-finijiet ta’ verifika dwar jekk it-tfittxija tkunx skont il-liġi jew le, ta’ monitoraġġ tal-legalità tal-ipproċessar tad-data u sabiex ikun żgurat il-funzjonament tajjeb tas-SIS II Ċentrali u tas-sistemi nazzjonali, l-integrità u s-sigurtà tad-data.
4. Ir-reġistri għandhom juru, b’mod partikolari, id-data u l-ħin tad-data trasmessa, id-data użata biex isiru tfittxijiet, ir-referenza għad-data trasmessa u l-isem tal-awtorità kompetenti responsabbli għall-ipproċessar tad-data.
5. Ir-reġistri jistgħu jintużaw biss għall-finijiet imsemmija fil-paragrafu 3 u għandhom jitħassru mhux qabel sena u mhux iktar tard minn tliet snin wara li jkunu nħolqu.
6. Ir-reġistri jistgħu jinżammu għal perijodu itwal jekk ikunu meħtieġa għall-proċeduri ta’ monitoraġġ li jkunu diġà bdew.
7. L-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 60(1) u l-Artikolu 61(1) tad-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI responsabbli mill-kontroll dwar jekk it-tfittxija tkunx skont il-liġi jew le, mill-monitoraġġ tal-legalità tal-ipproċessar ta’ data, mill-awtomonitoraġġ u biex jiżguraw il-funzjonament tajjeb tas-SIS II Ċentrali, l-integrità u s-sigurtà tad-data, għandhom, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI, ikollhom aċċess, sal-limiti tal-kompetenzi tagħhom u fuq talba tagħhom, għal dawk ir-reġistri bil-għan li jaqdu l-kompiti tagħhom.
Artikolu 16
Spejjeż
1. L-ispejjeż li jirriżultaw mill-migrazzjoni, it-test komprensiv, it-test dwar l-informazzjoni supplimentari, il-manutenzjoni u l-miżuri ta’ żvilupp fil-livell ta’ SIS II Ċentrali jew li jikkonċernaw l-infrastruttura tal-komunuikazzjoni għandhom jitħallsu mill-baġit ġenerali tal-Unjoni.
2. L-ispejjeż li jirriżultaw mill-istallazzjoni, il-migrazzjoni, l-ittestjar, il-manutenzjoni u l-iżvilupp tas-sistemi nazzjonali, kif ukoll mill-kompiti li għandhom isiru mis-sistemi nazzjonali skont dan ir-Regolament, għandhom jitħallsu minn kull Stat Membru kkonċernat kif previst mill-Artikolu 119(2) tal-Konvenzjoni ta’ Schengen.
3. Minbarra l-assistenza finanzjarja pprovduta mill-Fond għall-Fruntieri Esterni, l-Unjoni tista’ tipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja għan-nefqiet tal-Istati Membri għall-migrazzjoni u l-attivitajiet tal-ittestjar relatati mal-migrazzjoni tagħhom li jsiru skont l-Artikoli 8, 9, 10(8), u 11 ta’ dan ir-Regolament biex jiġu koperti attivitajiet speċifiċi u ddefiniti sewwa.
Il-kontribuzzjoni tal-Unjoni relatata mal-attivitajiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tieħu l-forma ta’ għotjiet kif previst mit-Titolu VI tar-Regolament Finanzjarju. Dik il-kontribuzzjoni m’għandhiex taqbeż 75 % tan-nefqiet eliġibbli ta’ kull Stat Membru u m’għandhiex taqbeż EUR 750 000 għal kull Stat Membru. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta, tiddeċiedi u tamministra l-operazzjoni ta’ kofinanzjament b’konformità mal-proċeduri tal-baġit u oħrajn, b’mod partikolari dawk preskritti fir-Regolament Finanzjarju.
Kull Stat Membru li jitlob tali kontribuzzjoni finanzjarja għandu jipprepara previżjoni finanzjarja li tindika t-tqassim tal-ispejjeż operattivi kif ukoll amministrattivi tal-attivitajiet marbuta għall-ittestjar u l-migrazzjoni. Meta l-Istati Membri jużaw il-fondi tal-Unjoni għan-nefqiet tagħhom, dawk in-nefqiet għandhom ikunu raġonevoli u konformi mal-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja soda, b’mod partikolari valur għal flus u kosteffikaċja. L-Istati Membri għandhom jippreżentaw rapport lill-Kummissjoni dwar l-użu tagħhom tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni sa mhux iktar tard minn sitt xhur wara d-data tal-bidla stabbilita mill-Kunsill, li jaġixxi skont l-Artikolu 55(2) tar-Regolament (KE) Nru 1987/2006.
Meta l-kontribuzzjoni tal-Unjoni ma tiġix implimentata jew tiġi implimentata mhux kif xieraq, parzjalment jew tard, l-Unjoni tista’ tnaqqas, iżżomm jew ittemm il-kontribuzzjoni finanzjarja tagħha. Meta l-Istati Membri ma jikkontribwixxux jew jikkontribwixxu biss parzjalment jew tard għall-finanzjament tal-attivitajiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu, l-Unjoni tista’ tnaqqas il-kontribuzzjoni finanzjarja tagħha.
4. Il-Qorti tal-Awdituri għandha tkun intitolata biex twettaq awditjar xieraq flimkien ma’ korpi nazzjonali tal-awditjar jew mad-dipartimenti kompetenti nazzjonali. Il-Kummissjoni għandha tkun mogħtija s-setgħa li twettaq il-verifiki u l-ispezzjonijiet kollha neċessarji biex tiżgura l-ġestjoni korretta tal-fondi tal-Unjoni u biex tipproteġi l-interess finanzjarju tal-Unjoni kontra kwalunkwe frodi jew irregolarità. Għal dan l-għan, l-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli d-dokumenti kollha rilevanti lill-Kummissjoni u l-Qorti tal-Awdituri.
5. L-ispejjeż tal-istallazzjoni u t-tħaddim tal-funzjoni ta’ appoġġ tekniku msemmija fl-Artikolu 92(3) tal-Konvenzjoni ta’ Schengen, inklużi l-ispejjeż tal-linji li jikkollegaw it-taqsimiet nazzjonali tas-SIS 1+ mal-funzjoni ta’ appoġġ tekniku, u tal-attivitajiet imwettqa flimkien mal-kompiti mogħtija lil Franza għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom jitħallsu b’mod konġunt mill-Istati Membri kif previst mill-Artikolu 119(1) tal-Konvenzjoni ta’ Schengen.
Artikolu 17
Proċedura tal-Kumitat
1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 51 tar-Regolament (KE) Nru 1987/2006 (il-“Kumitat”). Il-Kumitat għandu jkun kumitat fi ħdan it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
3. Meta l-Kumitat ma jagħti l-ebda opinjoni, il-Kummissjoni m’għandhiex tadotta l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni u għandu japplika t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
Artikolu 18
Bord tal-Ġestjoni Globali tal-Programm
1. Mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltajiet u l-attivitajiet rispettivi tal-Kummissjoni, il-Kumitat, Franza u l-Istati Membri li qed jipparteċipaw fis-SIS 1+, grupp ta’ esperti tekniċi, imsejjaħ il-Bord tal-Ġestjoni Globali tal-Programm (il-“Bord”), huwa b’dan stabbilit. Il-Bord għandu jkun korp konsultattiv ta’ assistenza għall-proġett tas-SIS II ċentrali u għandu jiffaċilita l-konsistenza bejn il-proġetti tas-SIS II ċentrali u tas-SIS II nazzjonali. Il-Bord m’għandu jkollu l-ebda setgħa deċiżjonali u lanqas mandat biex jirrappreżenta lill-Kummissjoni jew lill-Istati Membri.
2. Il-Bord għandu jkun magħmul minn mhux aktar minn 10 membri, li jiltaqgħu fuq bażi regolari. L-Istati Membri li qed jipparteċipaw fis-SIS 1+ li jaġixxu fi ħdan il-Kunsill għandhom jaħtru mhux aktar minn 8 esperti u numru ugwali ta’ membri supplenti. Mhux aktar minn żewġ esperti u żewġ membri supplenti għandhom jiġu nnominati mid-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali responsabbli tal-Kummissjoni minn fost l-uffiċjali tal-Kummissjoni.
Jistgħu jattendu għal-laqgħat tal-Bord, esperti oħrajn ta’ Stati Membri u l-uffiċjali tal-Kummissjoni involuti direttament fl-iżvilupp tal-proġetti SIS II, bi spejjeż għall-amministrazzjoni jew l-istituzzjoni rispettiva tagħhom.
Il-Bord jista’ jistieden lil esperti oħrajn biex jipparteċipaw fil-laqgħat tal-Bord kif definit fit-termini ta’ referenza msemmija fil-paragrafu 5, bi spejjeż għall-amministrazzjoni, l-istituzzjoni jew il-kumpannija rispettiva tagħhom.
3. L-esperti maħtura mill-Istati Membri li jaġixxu bħala l-Presidenza u l-Presidenza li jmiss għandhom dejjem ikunu mistiedna biex jipparteċipaw fil-laqgħat tal-Bord.
4. Is-segretarjat tal-Bord għandu jkun ipprovdut mill-Kummissjoni.
5. Il-Bord għandu jfassal it-termini ta’ referenza tiegħu stess li għandhom jinkludu b’mod partikolari proċeduri dwar:
— |
funzjoni ta’ president li talterna bejn il-Kummissjoni u l-Presidenza, |
— |
postijiet tal-laqgħat, |
— |
preparazzjoni tal-laqgħat, |
— |
ammissjoni ta’ esperti oħrajn, |
— |
pjan ta’ komunikazzjoni li jiżgura informazzjoni sħiħa lil Stati Membri li mhumiex qed jipparteċipaw. |
It-termini ta’ referenza għandhom jieħdu effett wara li tingħata opinjoni favorevoli mid-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali responsabbli tal-Kummissjoni u mill-Istati Membri li qed jipparteċipaw fis-SIS 1+ li jiltaqgħu fil-qafas tal-Kumitat.
6. Il-Bord għandu jippreżenta rapporti bil-miktub fuq bażi regolari dwar il-progress tal-proġett li jinkludu l-pariri li ngħataw, u l-ġustifikazzjoni tagħhom, lill-Kumitat jew, kif meħtieġ, lill-korpi preparatorji rilevanti tal-Kunsill.
7. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 16(2), l-ispejjeż amministrattivi u l-ispejjeż tal-ivvjaġġar li jirriżultaw mill-attivitajiet tal-Bord għandhom jiġġarrbu mill-baġit ġenerali tal-Unjoni, sa fejn dawn ma jkunux irrimburżati minn sorsi oħra. Fir-rigward tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar tal-membri fil-Bord innominati mill-Istati Membri li qed jipparteċipaw fis-SIS 1+ li jaġixxu fi ħdan il-Kunsill u esperti mistiedna skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu li jirriżultaw b’konnessjoni mal-ħidma tal-Bord, għandhom japplikaw ir-“Regoli dwar ir-rimborż tal-ispejjeż li jsiru minn persuni minn barra l-Kummissjoni mistiedna sabiex jattendu laqgħat f’kapaċità ta’ esperti tal-Kummissjoni”.
Artikolu 19
Rappurtar
Il-Kummissjoni għandha tippreżenta sal-aħħar ta’ kull perijodu ta’ sitt xhur, u għall-ewwel darba sal-aħħar tal-ewwel perijodu ta’ sitt xhur tal-2009, rapport ta’ progress lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-iżvilupp tas-SIS II u l-migrazzjoni mis-SIS 1+ għas-SIS II. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew bir-riżultati tat-testijiet imsemmija fl-Artikoli 8 u 10.
Artikolu 20
Tħassir
Ir-Regolament (KE) Nru 1104/2008 huwa mħassar.
Ir-referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jitqiesu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni stipulata fl-Anness II.
Artikolu 21
Dħul fis-seħħ u applikabbiltà
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Huwa għandu jiskadi ma’ tmiem il-migrazzjoni kif imsemmi fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 11(3). Jekk dik id-data ma tkunx tista’ tiġi rrispettata minħabba diffikultajiet tekniċi pendenti relatati mal-proċess ta’ migrazzjoni, huwa għandu jiskadi f’data li trid tiġi stabbilita mill-Kunsill, li jaġixxi konformement mal-Artikolu 55(2) tar-Regolament (KE) Nru 1987/2006.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.
Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Diċembru 2012.
Għall-Kunsill
Il-President
E. FLOURENTZOU
(1) Opinjoni tal-21 ta’ Novembru 2012 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(2) ĠU L 299, 8.11.2008, p. 1.
(3) ĠU L 299, 8.11.2008, p. 43.
(4) ĠU L 239, 22.9.2000, p. 19.
(5) ĠU L 328, 13.12.2001, p. 4.
(6) ĠU L 328, 13.12.2001, p. 1.
(7) Ara paġna 21 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.
(8) ĠU L 381, 28.12.2006, p. 4.
(9) ĠU L 205, 7.8.2007, p. 63.
(11) ĠU L 57, 1.3.2008, p. 14.
(12) ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.
(13) ĠU L 144, 6.6.2007, p. 22.
(14) ĠU L 233, 5.9.2007, p. 3.
(15) ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1.
(16) ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2.
(17) ĠU L 136, 31.5.1999, p. 1.
(18) ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.
(20) ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.
(21) ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31.
(22) ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.
(23) ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1.
(24) ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.
(25) ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19.
(26) ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43.
(27) ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20.
(28) ĠU C 336, 6.11.2012, p. 10.
ANNESS I
IR-REGOLAMENT IMĦASSAR FLIMKIEN MAL-EMENDI SUĊĊESSIVI TIEGĦU
Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1104/2008
Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 541/2010
ANNESS II
IT-TABELLA TA’ KORRELAZZJONI
Regolament (KE) Nru 1104/2008 |
Dan ir-Regolament |
Artikolu 1 |
Artikolu 1 |
Artikolu 2 |
Artikolu 2 |
Artikolu 3 |
Artikolu 3 |
Artikolu 4 |
Artikolu 4 |
Artikolu 5 |
Artikolu 5 |
Artikolu 6 |
Artikolu 6 |
Artikolu 7 |
Artikolu 7 |
Artikolu 8 |
Artikolu 8 |
Artikolu 9 |
Artikolu 9 |
Artikolu 10 |
Artikolu 10 |
Artikolu 11 |
Artikolu 11 |
Artikolu 12 |
Artikolu 12 |
Artikolu 13 |
Artikolu 13 |
— |
Artikolu 14 |
Artikolu 14 |
Artikolu 15 |
— |
— |
Artikolu 15 |
Artikolu 16 |
Artikolu 16 |
— |
Artikolu 17 |
Artikolu 17 |
Artikolu 17a |
Artikolu 18 |
Artikolu 18 |
Artikolu 19 |
— |
Artikolu 20 |
Artikolu 19 |
Artikolu 21 |
— |
Anness I |
— |
Anness II |