EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012R0726

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 726/2012 tas- 6 ta’ Awwissu 2012 dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda

ĠU L 213, 10.8.2012, p. 3–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2012/726/oj

10.8.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 213/3


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 726/2012

tas-6 ta’ Awwissu 2012

dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(1)(a) tiegħu,

Billi:

(1)

Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, huwa neċessarju li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-oġġetti msemmija fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawn ir-regoli japplikaw ukoll għal kwalunkwe nomenklatura oħra li hija totalment jew parzjalment ibbażata fuqha jew li żżid xi suddiviżjoni addizzjonali magħha u li hija stabbilita minn dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bil-għan li jkun hemm l-applikazzjoni ta’ tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-oġġetti.

(3)

Skont dawn ir-regoli ġenerali, il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella mniżżla fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta’din it-tabella.

(4)

Huwa xieraq li jiġi previst li informazzjoni tariffarja li torbot u li tkun inħarġet mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri rigward il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda, iżda li ma tkunx konformi ma’ dan ir-Regolament tkun tista’, għal perjodu ta’ tliet xhur, tibqa’ tiġi invokata mid-detentur, skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (2).

(5)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella kif tidher fl-Anness għandhom ikunu kklassifikati fi ħdan in-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta’ dik it-tabella.

Artikolu 2

Informazzjoni tariffarja li torbot, maħruġa mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, li mhijiex skont dan ir-Regolament, tista’ tkompli tkun invokata għal perjodu ta’ tliet xhur skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Awwissu 2012.

Għall-Kummissjoni, F'isem il-President,

Antonio TAJANI

Viċi President


(1)  ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1.

(2)  ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1.


ANNESS

Deskrizzjoni tal-oġġetti

Klassifikazzjoni

(Kodiċi tan-NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

Apparat elettroniku (li jissejjaħ “remote elevator monitoring unit”) f’qafas b’qisien ta’ madwar 28 × 22 × 9 ċm biex jiddaħħal f’lift shaft.

L-apparat, li jirċievi informazzjoni minn diversi sensuri esterni, jintuża għall-monitoraġġ tal-funzjonament tal-operazzjonijiet tal-lift u jintraċċa l-funzjonament ħażin, pereżempju meta jibda u meta jieqaf, meta jingħalqu u jinfetħu l-bibien, meta jiġi f’livell mal-art, fil-mutur li jiġbed it-tagħbija, fil-brejk, u fid-dawl tal-kabina. L-informazzjoni li tasal tiġi ċċekkjata u pproċessata mill-apparat u tiġi trażmessa permezz ta’ modem lejn ċentru ta’ manutenzjoni.

Wara l-preżentazzjoni u l-inkorporazzjoni ta’ modem, l-apparat ikun jista’ jipprovdi komunikazzjoni bil-vuċi f’żewġ direzzjonijiet bejn il-kabina tal-lift u ċ-ċentru ta’ manutenzjoni permezz ta’ mikrofonu u lawdspiker installati fil-kabina.

9031 90 85

Il-klassifikazzjoni hija determinata mir-Regoli Ġenerali, minn 1 sa 6, għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda bin-Nota 2(b) tal-Kapitolu 90, kif ukoll bil-kliem tal-kodiċijiet tan-NM 9031 , 9031 90  u 9031 90 85 .

Minħabba li l-apparat ma jinkorporax modem jew mezz ieħor ta’ komunikazzjoni, il-klassifikazzjoni bħala apparat għall-komunikazzjoni f’netwerk bil-wajer taħt l-intestatura 8517 hija eskluża.

Minħabba li l-apparat ma jipprovdix sinjali bil-ħoss jew viżwali, il-klassifikazzjoni bħala apparat tas-sinjali elettriċi bil-ħoss jew viżwali taħt l-intestatura 8531 hija eskluża.

L-apparat jissorvelja u jiċċekkja l-funzjonament tal-lift u jipproċessa d-dejta li tasal. Is-sensuri, fejn jiġu ġġenerati s-sinjali biex jiġu pproċessati, mhumiex inkorporati fl-apparat. L-apparat innifsu dawn is-sinjali ma jurihomx. Għal dawn ir-raġunijiet, l-apparat huwa meqjus parti minn strument tal-iċċekkjar. Għaldaqstant, il-klassifikazzjoni bħala magna mhux kompluta taħt l-intestatura 9031 hija eskluża.

L-apparat għandu, għalhekk, jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi NM 9031 90 85 bħala parti minn strumenti, tagħmir u magni tal-iċċekkjar, mhux speċifikati jew inklużi xi mkien ieħor fil-Kapitolu 90.


Top