This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32012R0693
Council Implementing Regulation (EU) No 693/2012 of 25 July 2012 amending Implementing Regulation (EU) No 723/2011 (extending the definitive anti-dumping duty imposed by Regulation (EC) No 91/2009 on imports of certain iron or steel fasteners originating in the People’s Republic of China to imports of certain iron or steel fasteners consigned from Malaysia, whether declared as originating in Malaysia or not), by granting an exemption from those measures to one Malaysian exporting producer and terminating the registration of imports from that exporting producer
Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 693/2012 tal- 25 ta' Lulju 2012 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 723/2011 (li jestendi d-dazju anti-dumping definittiv impost mir-Regolament (KE) Nru 91/2009 fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid u tal-azzar li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għall-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid u tal-azzar ikkunsinjati mill-Malasja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Malasja kif ukoll jekk le), billi jagħti eżenzjoni minn dawk il-miżuri lil produttur esportatur Malasjan wieħed u jtemm ir-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet mingħand dak il-produttur esportatur
Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 693/2012 tal- 25 ta' Lulju 2012 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 723/2011 (li jestendi d-dazju anti-dumping definittiv impost mir-Regolament (KE) Nru 91/2009 fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid u tal-azzar li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għall-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid u tal-azzar ikkunsinjati mill-Malasja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Malasja kif ukoll jekk le), billi jagħti eżenzjoni minn dawk il-miżuri lil produttur esportatur Malasjan wieħed u jtemm ir-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet mingħand dak il-produttur esportatur
ĠU L 203, 31.7.2012, p. 23–25
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(HR)
In force
Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
---|---|---|---|---|---|
Modifies | 32011R0723 | Emenda | artikolu 1.1 | 01/08/2012 |
Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
---|---|---|---|---|---|
Corrected by | 32012R0693R(01) | (HU) |
31.7.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 203/23 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) Nru 693/2012
tal-25 ta' Lulju 2012
li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 723/2011 (li jestendi d-dazju anti-dumping definittiv impost mir-Regolament (KE) Nru 91/2009 fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid u tal-azzar li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għall-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid u tal-azzar ikkunsinjati mill-Malasja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Malasja kif ukoll jekk le), billi jagħti eżenzjoni minn dawk il-miżuri lil produttur esportatur Malasjan wieħed u jtemm ir-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet mingħand dak il-produttur esportatur
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) ("ir-Regolament bażiku") u b'mod partikolari l-Artikoli 11(4) u 13(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv,
Billi:
A. IL-MIŻURI EŻISTENTI
(1) |
Il-Kunsill, permezz tar-Regolament (KE) Nru 91/2009 (2) impona miżuri anti-dumping fuq ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina. Permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 723/2011 (3), il-Kunsill estenda dawk il-miżuri għal ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar ikkunsinjati mill-Malasja ("il-miżuri estiżi") għajr għall-importazzjonijiet prodotti mill-kumpaniji Malasjani li huma msemmija b'mod speċifiku f'dak ir-Regolament. |
B. L-INVESTIGAZZJONI ATTWALI
1. It-talba għal reviżjoni
(2) |
Il-Kummissjoni rċeviet talba għal eżenzjoni mill-miżuri estiżi taħt l-Artikoli 11(4) u 13(4) tar-Regolament bażiku. L-applikazzjoni tressqet minn Andfast Malaysia Sdn. Bhd. ("Andfast"), produttur fil-Malasja. |
2. Il-bidu ta’ reviżjoni
(3) |
Il-Kummissjoni eżaminat l-evidenza mressqa minn Andfast u kkunsidratha biżżejjed biex tiġġustifika l-bidu ta' investigazzjoni taħt l-Artikoli 11(4) u 13(4) tar-Regolament bażiku għall-finijiet li tiġi ddeterminata l-possibbiltà li tagħti lil Andfast eżenzjoni mill-miżuri estiżi. Wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, u wara li l-industrija tal-Unjoni kkonċernata ngħatat l-opportunità li tikkummenta, il-Kummissjoni bdiet, permezz tar-Regolament (UE) Nru 1164/2011 (4) ("ir-Regolament tat-tnedija"), reviżjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 723/2011 fir-rigward ta' Andfast. |
(4) |
Ir-Regolament li beda r-reviżjoni ħassar id-dazju anti-dumping impost permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 723/2011 fir-rigward tal-importazjoni tal-prodott taħt l-investigazzjoni kkunsinjat mill-Malasja u prodott minn Andfast. Fl-istess waqt, taħt l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, l-awtoritajiet doganali ġew mitluba li jieħdu l-passi adatti biex jirreġistraw dawn l-importazzjonijiet. |
3. Il-prodott ikkonċernat
(5) |
Il-prodott ikkonċernat huwa ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar, għajr dawk tal-azzar li ma jissaddadx, jiġifieri viti għall-injam (esklużi l-coach screws — viti b’ras eżagonali biex jiddawru bi spanner), viti li jaqbdu kamin waħedhom (self-tapping), viti u boltijiet oħrajn bir-ras (sew jekk bl-iskorfini jew washers sew jekk le, iżda għajr il-viti mdawrin minn staneg, vireg, profili jew wajer, ta' qatgħa solida, bil-parti dritta mhux eħxen minn 6 mm, u esklużi viti u boltijiet biex jitwaħħal materjal tal-kostruzzjoni ta' linji tat-tren), kif ukoll washers, ikkunsinjati mill-Malasja, li attwalment jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM ex 7318 12 90, ex 7318 14 91, ex 7318 14 99, ex 7318 15 59, ex 7318 15 69, ex 7318 15 81, ex 7318 15 89, ex 7318 15 90, ex 7318 21 00 u ex 7318 22 00 ("il-prodott ikkonċernat"). |
4. L-investigazzjoni
(6) |
Il-Kummissjoni infurmat uffiċjalment lil Andfast u lir-rappreżentanti tal-Malasja bil-bidu tar-reviżjoni. Il-partijiet interessati ġew mistiedna jesprimu l-fehmiet tagħhom u kienu mgħarrfa bil-possibbiltà li jitolbu smigħ. Tali talba ma saritx. |
(7) |
Il-Kummissjoni bagħtet ukoll kwestjonarju lil Andfast u rċeviet tweġiba fil-limitu taż-żmien stipulat. Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha meqjusa bħala meħtieġa għall-iskop tar-reviżjoni. Saret żjara ta' verifika fl-istabbiliment ta' Andfast. |
5. Il-perjodu tal-investigazzjoni
(8) |
L-investigazzjoni kopriet il-perijodu mill-1 ta’ Ottubru 2010 sat-30 ta’ Settembru 2011 ("il-PI"). Id-dejta nġabret mill-2008 sal-aħħar tal-PI biex tkun investigata kull bidla fix-xejra tal-kummerċ. |
C. IR-RIŻULTATI TAL-INVESTIGAZZJONI
(9) |
L-investigazzjoni kkonfermat li Andfast ma kien relatat mal-ebda esportatur jew produttur Ċiniż jew Malasjan soġġett għall-miżuri anti-dumping u ma kienx esporta l-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni Ewropea matul il-perjodu tal-investigazzjoni tal-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri estiżi, jiġifieri l-1 ta' Jannar 2008 sat-30 ta' Settembru 2010. L-ewwel esportazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat minn Andfast seħħew wara li l-miżuri ġew estiżi għall-Malasja. |
(10) |
L-attivitajiet ta' pproċessar ta' Andfast jistgħu jiġu kkunsidrati bħala operazzjoni ta' tlestija u mmuntar fis-sens tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku. Andfast jimporta l-matriċi mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina li sussegwentament jingħaddilhom kamin, jiġu indurati u jingħaqdu flimkien bl-iskorfini u l-washers fl-istabbiliment tiegħu fil-Malasja. Il-prodott lest jiġi mibjugħ u esportat lill-kumpanija relatata tiegħu fl-Unjoni. |
(11) |
Dan mhuwiex ikkunsidrat bħala proċess li jinvolvi evażjoni billi seta' jintwera li l-valur miżjud lill-partijiet li ddaħħlu mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, matul l-operazzjoni ta' mmuntar u tlestija, huwa aktar minn 25 % tal-kostijiet ta' manifattura. |
(12) |
Ma nstabet l-ebda evidenza li Andfast kien qiegħed jixtri l-prodott lest ikkonċernat mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina sabiex ibigħu mill-ġdid jew jittrasbordah lejn l-Unjoni Ewropea. |
D. EMENDAMENT TAL-MIŻURI TAĦT REVIŻJONI
(13) |
B’konformità mal-konklużjonijiet imsemmija hawn fuq, li Andfast ma kienx involut fi prattiċi ta' evażjoni, il-kumpanija għandha tiġi eżentata mill-miżuri anti-dumping fis-seħħ. |
(14) |
Ir-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar ikkunsinjati mill-Malasja permezz ta' Andfast, kif imposta permezz tar-Regolament tat-tnedija, għandha tintemm. Konformement mal-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, li jistipula li għandhom jiġu applikati miżuri kontra l-importazzjonijiet irreġistrati mid-data tar-reġistrazzjoni, u minħabba l-eżenzjoni tal-kumpanija mill-miżuri, ma għandu jinġabar l-ebda dazju anti-dumping fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar ikkunsinjati mill-Malasja permezz ta' Andfast li daħlu fl-Unjoni taħt ir-reġistrazzjoni imposta mir-Regolament tat-tnedija. |
(15) |
L-eżenzjoni mill-miżuri estiżi mogħtija lill-importazzjonijiet ta' ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar prodotti minn Andfast għandha, taħt l-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku, tibqa’ valida bil-kundizzjoni li l-fatti kif finalment aċċertati jiġġustifikaw l-eżenzjoni u li ma jkunx stabbilit, pereżempju, li l-eżenzjoni ngħatat abbażi ta’ informazzjoni falza jew qarrieqa ppreżentata mill-kumpanija kkonċernata. Jekk l-evidenza prima facie turi mod ieħor, jew jekk l-esportazzjonijiet minn Andfast lejn l-Unjoni Ewropea jiżdiedu b'mod drammatiku, jista’ jingħata bidu għal investigazzjoni mill-Kummissjoni biex jiġi stabbilit jekk ikunx iġġustifikat li l-eżenzjoni tiġi rtirata. |
(16) |
L-eżenzjoni mill-miżuri estiżi mogħtija lill-importazzjonijiet ta' ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar prodotti minn Andfast ġiet stabbilita abbażi tal-konklużjonijiet tar-reviżjoni attwali. Din l-eżenzjoni għalhekk tapplika esklussivament għall-importazzjoni ta’ ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar ikkunsinjati mill-Malasja u prodotti minn dik l-entità legali speċifika. Qfieli tal-ħadid jew tal-azzar li jkunu importati, prodotti minn kull kumpanija li mhijiex imsemmija b'mod speċifiku fl-Artikolu 1(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 723/2011 bl-isem tagħha, inklużi l-entitajiet relatati ma' dawk imsemmija b'mod speċifiku, ma għandhomx jibbenefikaw mill-eżenzjoni u għandhom ikunu soġġetti għar-rata ta' dazju residwu kif impost minn dak ir-Regolament. |
(17) |
Huwa meqjus li huma meħtieġa miżuri speċjali f'dan il-każ sabiex jiżguraw l-applikazzjoni korretta ta’ dawn l-eżenzjonijiet. Dawn il-miżuri speċjali huma r-rekwiżit tal-preżentazzjoni lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri ta' fattura kummerċjali valida, li għandha tkun konformi mar-rekwiżiti stipulati fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 723/2011. L-importazzjonijiet li ma jkunux akkumpanjati b'tali fattura għandhom ikunu soġġetti għad-dazju anti-dumping estiż. |
E. PROĊEDURA
(18) |
Andfast u l-partijiet interessati l-oħrajn kollha ġew mgħarrfin bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet li abbażi tagħhom kien maħsub li tingħata eżenzjoni lil Andfast mill-miżuri estiżi. Ma wasal l-ebda kumment, |
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Artikolu 1(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 723/2011 huwa b'dan modifikat billi tiżdied il-kumpanija li ġejja mal-lista ta' kumpaniji li jipproduċu ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar fil-Malasja u li l-importazzjonijiet tagħhom ta' ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar huma eżentati mill-applikazzjoni tad-dazju anti-dumping residwu definittiv estiż:
"Andfast Malaysia Sdn. Bhd. (Kodiċi addizzjonali TARIC B265)".
Artikolu 2
L-awtoritajiet doganali huma b'dan ordnati jwaqqfu r-reġistrazzjoni ta’ importazzjonijiet li jsiru taħt l-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 1164/2011. Ma għandu jinġabar ebda dazju anti-dumping fuq l-importazzjonijiet reġistrati b'dan il-mod.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Lulju 2012.
Għall-Kunsill
Il-President
A. D. MAVROYIANNIS
(1) ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.
(3) ĠU L 194, 26.7.2011, p. 6.
(4) ĠU L 297, 16.11.2011, p. 53.