EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012R0596

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 596/2012 tal- 5 ta’ Lulju 2012 li jniedi investigazzjoni dwar il-possibilità ta' evażjoni tal-miżuri tal-anti-dumping imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (KE) Nru 467/2010 fuq l-importazzjonijiet tas-silikon li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina minn importazzjonijiet tas-silikon mibgħutin mit-Tajwan, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mit-Tajwan u kemm jekk le, u li jagħmel lit-tali importazzjonijiet suġġetti għar-reġistrazzjoni

ĠU L 176, 6.7.2012, p. 50–53 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/596/oj

6.7.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 176/50


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 596/2012

tal-5 ta’ Lulju 2012

li jniedi investigazzjoni dwar il-possibilità ta' evażjoni tal-miżuri tal-anti-dumping imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (KE) Nru 467/2010 fuq l-importazzjonijiet tas-silikon li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina minn importazzjonijiet tas-silikon mibgħutin mit-Tajwan, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mit-Tajwan u kemm jekk le, u li jagħmel lit-tali importazzjonijiet suġġetti għar-reġistrazzjoni

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) ("ir-Regolament bażiku") u b'mod partikolari l-Artikoli 13(3) u 14(5) tiegħu,

Wara li, f'konformità mal-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament bażiku, ikkonsultat lill-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A.   IT-TALBA

(1)

Il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) irċeviet talba skont l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament bażiku biex tinvestiga l-possibbiltà ta’ evażjoni tal-miżuri tal-anti-dumping imposti fuq importazzjonijiet tas-silikon li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u biex tagħmel l-importazzjonijiet tas-silikon mibgħuta mit-Tajwan suġġetti għar-reġistrazzjoni, kemm jekk dawn ikunu ddikjarati li joriġinaw mit-Tajwan u kemm jekk le.

(2)

It-talba ġiet ppreżentata fil-15 ta' Mejju 2012 minn Euroalliages (Kumitat ta' Kuntatt tal-Industrija tal-Ħadid-Liegi) (“l-applikant”) f'isem il-produtturi li jirrappreżentaw parti ewlenija, jiġifieri 100 %, tal-produzzjoni tas-silikon tal-Unjoni.

B.   IL-PRODOTT

(3)

Il-prodott ikkonċernat mill-evażjoni possibbli huwa l-metall tas-silikon li joriġina mir-RPĊ, li bħalissa jaqa' taħt il-kodiċi NM 2804 69 00 (kontenut ta' silikon ta’ inqas minn 99.99 % bil-piż) (“il-prodott ikkonċernat”). Sempliċement minħabba l-klassifika attwali stabbilita fin-Nomenklatura Magħquda, dan għandu jkun “silikon”. Silikon li jkun aktar pur, jiġifieri li ma jkollux inqas minn 99,99 % ta’ silikon bil-piż, użat l-iktar fl-industrija elettronika tas-semikondutturi, jaqa’ taħt Kodiċi NM differenti u mhux kopert minn din il-proċedura.

(4)

Il-prodott investigat huwa l-istess bħal dak definit fil-premessa preċedenti, iżda mibgħut mit-Tajwan, kemm jekk iddikjarat li joriġina mit-Tajwan u kemm jekk le, u li bħalissa jaqa' taħt l-istess kodiċi NM bħall-prodott ikkonċernat ("il-prodott investigat").

C.   IL-MIŻURI EŻISTENTI

(5)

Il-miżuri li qegħdin fis-seħħ attwalment u li hemm possibbiltà li qed jiġu evitati huma miżuri tal-anti-dumping imposti bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 467/2010 (2) li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet tas-silikon li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, kif estiż għal importazzjonijiet tas-silikon kkonsenjat mir-Repubblika tal-Korea, kemm jekk iddikjarat li joriġina fir-Repubblika tal-Korea kemm jekk le, wara reviżjoni tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) u reviżjoni interim parzjali skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009.

(6)

Saret ukoll investigazzjoni kontra l-evażjoni bejn l-2006 u l-2007 fir-rigward ta’ importazzjonijiet tas-silikon, li wasslet biex ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 42/2007 (3) jestendi d-dazju tal-anti-dumping definittiv impost mir-Regolament (KE) Nru 398/2004 fuq l-importazzjonijiet tas-silikon li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, għal importazzjonijiet tas-silikon mibgħuta mir-Repubblika tal-Korea, sew jekk iddikjarati li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea u sew jekk le.

D.   IR-RAĠUNIJIET

(7)

It-talba tinkludi biżżejjed evidenza prima facie li qed ikun hemm evażjoni tal-miżuri tal-anti-dumping fuq l-importazzjonijiet tas-silikon li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina permezz ta’ trasbord vija t-Tajwan.

(8)

L-evidenza prima facie għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni hija din li ġejja:

(9)

Hemm bidla sinifikanti fix-xejra tal-kummerċ li jinvolvi l-esportazzjonijiet mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u mit-Tajwan lejn l-Unjoni, li saret wara l-impożizzjoni ta' miżuri fuq il-prodott ikkonċernat, mingħajr raġuni jew ġustifikazzjoni valida biżżejjed għal bidla bħal din għajr l-impożizzjoni tad-dazju.

(10)

Jidher li din il-bidla ġejja mit-trasbord tas-silikon li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina vija t-Tajwan lejn l-Unjoni.

(11)

Barra minn hekk, l-evidenza tindika li l-effetti ta’ rimedju tal-miżuri eżistenti tal-anti-dumping fuq il-prodott ikkonċernat qed jiġu kompromessi f’termini ta’ kwantità u ta’ prezz. Volumi sinifikanti ta’ importazzjonijiet tal-prodott investigat jidher li ħadu post l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat. Barra minn hekk, hemm biżżejjed evidenza li l-importazzjonijiet tal-prodott investigat qed isiru bi prezzijiet ħafna aktar baxxi mill-prezz li ma jikkawżax dannu stabbilit fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri eżistenti, aġġustat għaż-żieda fil-kosti tal-materja prima.

(12)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni għandha biżżejjed evidenza prima facie li l-prezzijiet tal-prodott investigat qegħdin ikunu oġġett ta’ dumping fir-rigward tal-valur normali li ġie stabbilit qabel għall-prodott ikkonċernat, aġġustat għaż-żieda fil-kosti tal-materja prima.

(13)

Jekk tul l-investigazzjoni jiġu identifikati prattiki ta’ evażjoni mit-Tajwan koperti mill-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku, għajr it-trasbord, l-investigazzjoni tista’ tkopri wkoll dawn il-prattiki.

E.   IL-PROĊEDURA

(14)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li teżisti biżżejjed evidenza biex tiġġustifika t-tnedija ta’ investigazzjoni skont l-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku u li tagħmel l-importazzjonijiet tal-prodott investigat, kemm jekk iddikjarati bħala li joriġinaw mit-Tajwan u kemm jekk le, suġġetti għal reġistrazzjoni, skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku.

(a)   Kwestjonarji

(15)

Biex tikseb it-tagħrif meqjus neċessarju għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-esportaturi/produtturi magħrufa u lill-assoċjazzjonijiet tal-esportaturi/produtturi magħrufa fit-Tajwan, lill-esportaturi/produtturi magħrufa u lill-assoċjazzjonijiet tal-esportaturi/produtturi magħrufa fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, lill-importaturi magħrufa u lill-assoċjazzjonijiet tal-importaturi magħrufa fl-Unjoni u lill-awtoritajiet tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina u tat-Tajwan. Jista' jintalab ukoll tagħrif mill-industrija tal-Unjoni, skont kif ikun xieraq.

(16)

F’kull każ, il-partijiet interessati kollha għandhom jikkuntattjaw lill-Kummissjoni minnufih, u mhux iktar tard mil-limitu taż-żmien stabbilit fl-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament, u jitolbu kwestjonarju fil-limitu taż-żmien stabbilit fl-Artikolu 3(1) ta' dan ir-Regolament, peress li l-limitu taż-żmien stabbilit fl-Artikolu 3(2) ta' dan ir-Regolament japplika għall-partijiet interessati kollha.

(17)

L-awtoritajiet tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina u t-Tajwan se jkunu nnotifikati bil-ftuħ tal-investigazzjoni.

(b)   Il-ġbir tat-tagħrif u s-seduti ta’ smigħ

(18)

Il-partijiet interessati kollha huma b'dan mistiedna jagħtu l-fehmiet tagħhom bil-miktub u jagħtu evidenza ta' sostenn. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista' tisma' lill-partijiet interessati, sakemm dawn jagħmlu talba bil-miktub u juru li hemm raġunijiet partikolari għalfejn għandhom jinstemgħu.

(c)   Eżenzjoni mir-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet jew mill-miżuri

(19)

B'konformità mal-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku, l-importazzjonijiet tal-prodott investigat jistgħu jiġu eżentati mir-reġistrazzjoni jew mill-miżuri, jekk l-importazzjoni ma tikkostitwixxix evażjoni.

(20)

Billi l-evażjoni possibbli ssir barra mill-Unjoni, jistgħu jingħataw l-eżenzjonijiet, skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku, lill-produtturi tas-silikon fit-Tajwan li jkunu jistgħu juru li mhuma relatati (4) mal-ebda produttur suġġett għall-miżuri (5) u li jinstab li mhumiex involuti fi prassi ta’ evażjoni, kif definit fl-Artikoli 13(1) u 13(2) tar-Regolament bażiku. Il-produtturi li jixtiequ jiksbu eżenzjoni għandhom iressqu talba sostnuta b'evidenza xierqa fil-limitu taż-żmien indikat fl-Artikolu 3(3) ta' dan ir-Regolament.

F.   IR-REĠISTRAZZJONI

(21)

Skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, l-importazzjonijiet tal-prodott investigat għandhom ikunu soġġetti għal reġistrazzjoni sabiex ikun żgurat li, jekk l-investigazzjoni tirriżulta f'sejbiet ta' evażjoni, ikun jista' jiġi impost ammont xieraq ta' dazji tal-anti-dumping mid-data li fiha tkun ġiet imposta r-reġistrazzjoni ta' importazzjonijiet bħal dawn mibgħuta mit-Tajwan.

G.   IL-LIMITI TAŻ-ŻMIEN

(22)

Fl-interess ta' amministrazzjoni soda, għandhom jiġu ddikjarati l-limiti taż-żmien li fihom:

il-partijiet interessati jistgħu jippreżentaw ruħhom lill-Kummissjoni, jagħtu l-fehmiet tagħhom bil-miktub u jressqu l-kwestjonarju mimli jew kwalunkwe tagħrif ieħor li għandu jitqies matul l-investigazzjoni,

il-produtturi fit-Tajwan jistgħu jitolbu eżenzjoni mir-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet jew mill-miżuri,

il-partijiet interessati jistgħu jagħmlu talba bil-miktub biex jinstemgħu mill-Kummissjoni.

(23)

Ta’ min jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-eżerċizzju tal-biċċa l-kbira tad-drittijiet proċedurali stabbiliti fir-Regolament bażiku jiddependi mill-fatt li l-parti tippreżenta ruħha fil-limiti taż-żmien indikati fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament.

H.   IN-NUQQAS TA' KOOPERAZZJONI

(24)

F'każijiet fejn xi parti interessata tiċħad l-aċċess jew ma tagħtix it-tagħrif meħtieġ fil-limiti taż-żmien, jew tfixkel l-investigazzjoni b'mod sinifikanti, jistgħu jsiru sejbiet, pożittivi jew negattivi, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, abbażi tal-fatti disponibbli.

(25)

Fejn jinstab li xi parti interessata tkun tat informazzjoni falza jew qarrieqa, dik l-informazzjoni għandha tiġi injorata u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli.

(26)

Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera biss parzjalment u għalhekk is-sejbiet ikunu ibbażati fuq il-fatti disponibbli f'konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista' jkun anqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku din kienet ikkooperat.

I.   L-ISKEDA TAL-INVESTIGAZZJONI

(27)

L-investigazzjoni se tintemm, skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament bażiku, fi żmien disa’ xhur mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

J.   L-IPPROĊESSAR TAD-DEJTA PERSONALI

(28)

Ta' min jinnota li kull dejta personali miġbura f'din l-investigazzjoni se tiġi trattata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dik id-data (6).

K.   L-UFFIĊJAL TAS-SEDUTA

(29)

Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ. L-Uffiċjal tas-Seduta jagħmilha ta' medjatur bejn il-partijiet interessati u s-servizzi ta' investigazzjoni tal-Kummissjoni. L-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina t-talbiet għall-aċċess għall-fajl, it-tilwim dwar il-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għal estensjoni tal-iskadenzi u t-talbiet għal smigħ minn partijiet terzi. L-Uffiċjal tas-Seduta jista' jorganizza smigħ ma' parti interessata individwali u jagħmilha ta' medjatur biex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jitħaddmu b'mod sħiħ.

(30)

It-talba għal smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet tat-talba. L-Uffiċjal tas-Seduta se jagħti wkoll opportunitajiet biex isir smigħ li jinvolvi lill-partijiet u li jippermetti li jitressqu fehmiet differenti u argumenti kuntrarji.

(31)

Għal aktar tagħrif u dettalji ta' kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni tal-internet tal-Uffiċjal tas-Seduta fuq il-websajt tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/tackling-unfair-trade/hearing-officer/index_en.htm.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Huwa permezz ta' dan li qed tinbeda investigazzjoni skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009, sabiex ikun iddeterminat jekk l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta'silikon (b’kontenut tas-silikon ta’ anqas minn 99.99 % bil-piż), mibgħuta mit-Tajwan, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mit-Tajwan u kemm jekk le, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 2804 69 00 (kodiċi TARIC 2804690020), hux qed jevadu l-miżuri imposti mir-Regolament (UE) Nru 467/2010.

Artikolu 2

L-awtoritajiet Doganali b’dan qed jintalbu, skont l-Artikolu 13(3) u l-Artikolu 14(5) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009, biex jieħdu l-passi xierqa sabiex jirreġistraw l-importazzjonijiet fl-Unjoni identifikati fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament.

Ir-reġistrazzjoni għandha tiskadi disa' xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Il-Kummissjoni, permezz ta' regolament, tista' titlob lill-awtoritajiet Doganali jwaqqfu r-reġistrazzjoni fir-rigward tal-importazzjonijiet fl-Unjoni ta' prodotti manifatturati minn produtturi li jkunu applikaw għal eżenzjoni mir-reġistrazzjoni u li jkunu nstabu li jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-għoti ta' eżenzjoni.

Artikolu 3

1.   Il-kwestjonarji għandhom jintalbu mill-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mill-pubblikazzjoni ta' dan ir-Regolament f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   Biex ir-rappreżentanti tal-partijiet interessati jitqiesu matul l-investigazzjoni, il-partijiet interessati għandhom jippreżentaw ruħhom billi jikkuntattaw lill-Kummisjoni, jippreżentaw il-fehmiet tagħhom bil-miktub u jissottomettu t-tweġibiet tal-kwestjonarju u kwalunkwe tagħrif ieħor fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan ir-Regolament f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

3.   Il-produtturi fit-Tajwan li jitolbu eżenzjoni mir-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet jew mill-miżuri, għandhom iressqu talba sostnuta b'evidenza xierqa fl-istess limitu taż-żmien ta' 37 jum.

4.   Il-partijiet interessati jistgħu japplikaw ukoll sabiex jinstemgħu mill-Kummissjoni fl-istess limitu ta' żmien ta' 37 jum.

5.   Il-partijiet interessati jeħtieġ li jagħmlu s-sottomissjonijiet u t-talbiet kollha f'format elettroniku (is-sottomissjonijiet li mhumiex kunfidenzjali permezz tal-posta elettronika, dawk kunfidenzjali fuq CD-R/DVD), u jridu jindikaw l-isem, l-indirizz, l-indirizz elettroniku, in-numri tat-telefown u tal-faks tagħhom. Madankollu, kull Prokura, kull ċertifikazzjoni ffirmata, u kull aġġornament tagħhom, li jakkumpanjaw il-kwestjonarju mimli għandhom jitressqu fuq karta, jiġifieri bil-posta jew bl-idejn, fl-indirizz ta' hawn taħt. Jekk xi parti interessata ma tkunx tista' tagħti s-sottomissjonijiet u t-talbiet tagħha f'format elettroniku, din għandha tgħarraf minnufih lill-Kummissjoni f'konformità mal-Artikolu 18(2) tar-Regolament bażiku. Għal aktar tagħrif dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġna rilevanti fuq il-websajt tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/tackling-unfair-trade/trade-defence.

Kull sottomissjoni bil-miktub, inkluż it-tagħrif mitlub f'dan ir-Regolament, it-tweġibiet għall-kwestjonarju u l-korrispondenza mogħtija mill-partijiet interessati fuq bażi kunfidenzjali trid tkun immarkata "Limited" ("ristrett") (7) u, skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, għandha tkun akkumpanjata minn verżjoni mhux kunfidenzjali, li għandha tkun immarkata "For inspection by interested parties" ("Għal spezzjoni mill-partijiet interessati").

L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

European Commission

Directorate-General for Trade

Directorate H

Office: N105 4/92

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

Faks + +32 229 52372

L-indirizz elettroniku: trade-silicon-circumvention@ec.europa.eu

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Lulju 2012.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)  ĠU L 131, 29.5.2010, p. 1.

(3)  ĠU L 13, 19.1.2007, p. 1.

(4)  B'konformità mal-Artikolu 143 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 rigward l-implementazzjoni tal-Kodiċi Doganali Komunitarju, il-persuni għandhom jitqiesu relatati biss jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju ta' xulxin; (b) ikunu legalment rikonoxxuti bħala sħab fin-negozju; (c) ikunu l-impjegatur u l-impjegat; (d) kwalunkwe persuna li direttament jew indirettament hija s-sid, tikkontrolla jew għandha 5 % jew iżjed tal-ishma jew tal-kwoti tal-ishma li jivvutaw jew tat-tnejn li huma; (e) wieħed minnhom, direttament jew indirettament jikkontrolla lill-ieħor; (f) it-tnejn li huma huma direttament jew indirettament ikkontrollati minn terza persuna; (g) flimkien, direttament jew indirettament jikkontrollaw terza persuna; jew (h) huma membri tal-istess familja. Il-persuni għandhom jitqiesu li jkunu membri tal-istess familja biss jekk ikollhom ir-relazzjonijiet li ġejjin bejniethom: (i) konjuġi, (ii) ġenituri u wild, (iii) aħwa (sew jekk tal-istess ġenituri jew aħwa minn ġenitur wieħed), (iv) nanniet u neputijiet, (v) ziju jew zija u neputi jew neputija, (vi) ġenituri jew ulied tar-rispett, (vii) aħwa tar-rispett. (ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1). F'dan il-kuntest "persuna" tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika.

(5)  Madankollu, anki jekk il-produtturi huma relatati skont kif jissemma hawn fuq ma’ kumpaniji soġġetti għall-miżuri stabbiliti fuq l-importazzjonijiet li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (il-miżuri oriġinali tal-anti-dumping), xorta waħda tista’ tingħata eżenzjoni jekk ma jkunx hemm evidenza li r-relazzjoni mal-kumpaniji suġġetta għall-miżuri oriġinali kienet stabbilita jew użata biex ikun hemm evażjoni tal-miżuri oriġinali.

(6)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(7)  Dokument "Ristrett" huwa dokument li huwa kkunsidrat kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51) u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (il-Ftehim Anti-dumping). Dan huwa wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).


Top