Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012D0776

    2012/776/: Deċiżjoni tal-Kunsill tas- 6 ta' Diċembru 2012 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit permezz tal-Ftehim li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, fir-rigward tal-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali

    ĠU L 340, 13.12.2012, p. 19–25 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2012/776/oj

    13.12.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 340/19


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    tas-6 ta' Diċembru 2012

    dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit permezz tal-Ftehim li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, fir-rigward tal-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali

    (2012/776/UE)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 48, flimkien mal-Artikolu 218(9), tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Il-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija (1) (il-“Ftehim”) u l-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim tat-23 ta’ Novembru 1970 (2) (il-“Protokoll Addizzjonali”) jipprevedu li l-libertà tal-moviment għall-ħaddiema bejn l-Unjoni u t-Turkija għandha tkun assigurata fi stadji progressivi.

    (2)

    L-Artikolu 9 tal-Ftehim jipprevedi li fl-ambitu tal-Ftehim kwalunkwe diskriminazzjoni fuq bażi ta’ ċittadinanza hija ipprojbita.

    (3)

    L-Artikolu 39 tal-Protokoll Addizzjonali jipprevedi li l-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għandu jadotta miżuri ta’ sigurtà soċjali għall-ħaddiema ta’ ċittadinanza Torka li jiċċaqilqu ġewwa l-Unjoni u għall-familji tagħhom li jirresjedu fl-Unjoni.

    (4)

    Bħala l-ewwel pass lejn l-implimentazzjoni tal-Artikolu 39 tal-Protokoll Addizzjonali u tal-Artikolu 9 tal-Ftehim fil-qasam tas-sigurtà soċjali, id-Deċiżjoni Nru 3/80 dwar l-applikazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali tal-Istati Membri tal-Komunitajiet Ewropej għall-ħaddiema Torok u l-membri tal-familji tagħhom (3) (“Deċiżjoni Nru 3/80”) ġiet adottata mill-Kunsill tal-Assoċjazzjoni fid-19 ta’ Settembru 1980.

    (5)

    Jeħtieġ li jkun żgurat li fil-qasam tas-sigurtà soċjali, l-Artikolu 9 tal-Ftehim u l-Artikolu 39 tal-Protokoll Addizzjonali jiġu implimentati b’mod sħiħ.

    (6)

    Hemm il-ħtieġa li jiġu aġġornati d-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni li jinsabu attwalment fid-Deċiżjoni Nru 3/80 sabiex jirriflettu l-iżviluppi fil-qasam tal-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali tal-Unjoni Ewropea (4).

    (7)

    Għalhekk, id-Deċiżjoni Nru 3/80 għandha titħassar u tiġi ssostitwita b’Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni li, f’pass wieħed, timplimenta d-dispożizzjonijet rilevanti tal-Ftehim u tal-Protokoll Addizzjonali rigward il-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali,

    (8)

    Huwa opportun li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, fir-rigward tal-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet dwar il-koordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali.

    (9)

    Il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għandha għaldaqstant tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ deċiżjoni mehmuż,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit bil-Ftehim li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, fir-rigward tal-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali, għandha tiġi bbażata fuq l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni mehmuża ma’ din id-Deċiżjoni.

    Bidliet minuri għal dak l-abbozz tad-deċiżjoni jistgħu jiġu miftiehma mir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni mingħajr il-ħtieġa li tiġi adottata deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Diċembru 2012.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    S. CHARALAMBOUS


    (1)  ĠU 217, 29.12.1964, p. 3687/64.

    (2)  ĠU L 293, 29.12.1972, p. 3.

    (3)  ĠU C 110, 25.4.1983, p. 60

    (4)  Ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali, ĠU L 166, 30.4.2004, p. 1); ir-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali, (ĠU L 284, 30.10.2009, p. 1); Ir-Regolament (UE) Nru 1231/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jestendi r-Regolament (KE) Nru 883/2004 u tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li mhumiex diġà koperti b’dawn ir-Regolamenti unikament minħabba ċ-ċittadinanza tagħhom, (ĠU L 344, 29.12.2010, p. 1).


    ABBOZZ

    DEĊIŻJONI Nru …/… TAL-KUNSILL TA’ ASSOĊJAZZJONI UE-TURKIJA

    ta’ …

    fir-rigward tal-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali

    IL-KUNSILL TA’ ASSOĊJAZZJONI,

    Wara li kkunsidra l-Ftehim li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 22(3) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-Protokoll Addizzjonali tat-23 ta’ Novembru 1970 (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 39 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Il-Ftehim li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija (il-“Ftehim”) u l-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim tat-23 ta’ Novembru 1970 (il-“Protokoll Addizzjonali”) jipprevedi li l-libertà tal-moviment għall-ħaddiema bejn l-Unjoni u t-Turkija għandha tkun assigurata fi stadji progressivi.

    (2)

    L-Artikolu 9 tal-Ftehim jipprevedi li fl-ambitu tal-Ftehim kwalunkwe diskriminazzjoni fuq bażi ta’ ċittadinanza hija ipprojbita.

    (3)

    L-Artikolu 39 tal-Protokoll Addizzjonali jipprevedi l-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali tat-Turkija u l-Istati Membri, u jistabbilixxi l-prinċipji għal tali koordinazzjoni.

    (4)

    L-Artikolu 39 tal-Protokoll Addizzjonali jipprevedi ulterjorment li l-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għandu jadotta miżuri ta’ sigurtà soċjali għall-ħaddiema ta’ ċittadinanza Torka li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità u għall-familji tagħhom li jirresjedu fil-Komunità.

    (5)

    Bħala l-ewwel pass lejn l-implimentazzjoni tal-Artikolu 39 tal-Protokoll Addizzjonali, id-Deċiżjoni Nru 3/80 dwar l-applikazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali tal-Istati Membri tal-Komunitajiet Ewropej għall-ħaddiema Torok u l-membri tal-familji tagħhom (3) (“Deċiżjoni Nru 3/80”) ġiet adottata mill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni fid-19 ta’ Settembru 1980.

    (6)

    Jeħtieġ li jkun żgurat li fil-qasam tas-sigurtà soċjali l-Artikolu 9 tal-Ftehim u l-Artikolu 39 tal-Protokoll Addizzjonali jiġu implimentati bis-sħiħ.

    (7)

    Huwa meħtieġ li jiġu aġġornati d-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni li jinsabu attwalment fid-Deċiżjoni Nru 3/80 sabiex dawn jirriflettu l-iżviluppi reċenti fil-qasam tal-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali tal-Unjoni Ewropea.

    (8)

    Ir-Regolament (UE) Nru 1231/2010 (4) jestendi d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali (5) u tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali (6) għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li mhumiex koperti minn dawk id-dispożizzjonijiet minħabba n-nazzjonalità tagħhom. Ir-Regolament (UE) Nru 1231/2010 diġà jkopri l-prinċipju ta’ aggregazzjoni ta’ perijodi ta’ assigurazzjoni miksuba minn ħaddiema Torok fid-diversi Stati Membri rigward l-intitolament għal ċerti benefiċċji, kif stipulat fl-Artikolu 39(2) tal-Protokoll Addizzjonali.

    (9)

    Għalhekk, id-Deċiżjoni Nru 3/80 għandha titħassar u tiġi ssostitwita b’deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni li, f’pass wieħed, timplimenta d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Ftehim relatati mal- koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali li jinsabu fil-Ftehim u fil-Protokoll Addizzjonali.

    (10)

    Fir-rigward tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, din id-Deċiżjoni ma għandha tagħti l-ebda drittijiet addizzjonali li jirriżultaw minn ċerti fatti jew avvenimenti li jseħħu fit-territorju tal-Parti Kontraenti l-oħra, fejn dawn il-fatti jew l-avvenimenti ma jitqisux taħt il-leġislazzjoni tal-ewwel Parti Kontraenti, għajr id-dritt ta’ esportazzjoni ta’ ċerti benefiċċji.

    (11)

    Fl-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, id-dritt tal-ħaddiema Torok għall-benefiċċji tal-familja għandu jkun soġġett għall-kondizzjoni li l-membri tal-familja tagħhom jirresjedu legalment magħhom fl-Istat Membru fejn huma impjegati. Fejn il-membri tal-familja tagħhom jirresjedu legalment fi Stat Membru ieħor, japplika r-Regolament (UE) Nru 1231/2010. Din id-Deċiżjoni ma għandhiex tagħti xi intitolament għall-benefiċċji tal-familja fir-rigward tal-membri tal-familji ta’ ħaddiem residenti f’pajjiż li mhux Stat Membru, pereżempju t-Turkija.

    (12)

    Jista’ jkun jeħtieġ li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċjali li jikkorrispondu mal-karatteristiċi speċifiċi tal-leġislazzjoni tat-Turkija sabiex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tar-regoli tal-koordinazzjoni.

    (13)

    Sabiex ikun żgurat il-funzjonament tajjeb tal-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali tal-Istati Membri u tat-Turkija, jeħtieġ li jiġu stipulati dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u t-Turkija, kif ukoll bejn il-persuna kkonċernata u l-istituzzjoni tal-Istat kompetenti.

    (14)

    Id-dispożizzjonijiet transitorji għandhom jiġu adottati sabiex iħarsu l-persuni koperti b’din id-Deċiżjoni u sabiex ikun żgurat li ma jitilfu l-ebda dritt b’riżultat tad-dħul fis-seħħ tagħha,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    PARTI I

    DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

    Artikolu 1

    Definizzjonijiet

    1.   Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni

    (a)

    “Ftehim” tfisser il-Ftehim li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija;

    (b)

    “Regolament” tfisser ir-Regolament (KE) Nru 883/2004, kif applikabbli fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea;

    (c)

    “Regolament ta’ implimentazzjoni” tfisser ir-Regolament (KE) Nru 987/2009;

    (d)

    “Stat Membru” tfisser Stat Membru tal-Unjoni Ewropea;

    (e)

    “ħaddiem” tfisser:

    (i)

    għall-finijiet tal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru, persuna li twettaq attività bħala persuna impjegata skont it-tifsira tal-Artikolu 1(a) tar-Regolament;

    (ii)

    għall-finijiet tal-leġislazzjoni tat-Turkija, persuna li twettaq attività bħala persuna impjegata skont it-tifsira ta’ dik il-leġislazzjoni.

    (f)

    “membru tal-familja” tfisser:

    (i)

    għall-finijiet tal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru, membru tal-familja skont it-tifsira tal-Artikolu 1(i) tar-Regolament;

    (ii)

    għall-finijiet tal-leġislazzjoni tat-Turkija, membru tal-familja skont it-tifsira ta’ dik il-leġislazzjoni;

    (g)

    “leġislazzjoni” tfisser:

    (i)

    fir-rigward tal-Istati Membri, il-leġislazzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament kif applikabbli għall-benefiċċji koperti b’din id-Deċiżjoni;

    (ii)

    fir-rigward tat-Turkija, il-leġislazzjoni, kif applikabbli fit-Turkija, fir-rigward tal-benefiċċiji koperti b’din id-Deċiżjoni;

    (h)

    “benefiċċji” tfisser;

    (i)

    fir-rigward tal-Istati Membri, il-benefiċċji skont it-tifsira tal-Artikolu 3 tar-Regolament;

    (ii)

    fir-rigward tat-Turkija, il-benefiċċji korrispondenti li japplikaw ġewwa t-Turkija;

    (i)

    “benefiċċji esportabbli” tfisser:

    (i)

    fir-rigward tal-Istati Membri:

    pensjonijiet tal-irtirar,

    pensjonijiet għas-superstiti,

    pensjonijiet fir-rigward ta’ inċidenti fuq il-post tax-xogħol u ta’ mard okkupazzjonali,

    il-pensjonijiet tal-invalidità,

    skont it-tifsira tar-Regolament, bl-eċċezzjoni ta’ benefiċċji speċjali fi flus kontanti mhux kontributorji kif stipulat fl-Anness X tar-Regolament;

    (ii)

    fir-rigward tat-Turkija, il-benefiċċji korrispondenti kif previst skont il-leġislazzjoni tat-Turkija, bl-eċċezzjoni ta’ benefiċċji speċjali fi flus kontanti mhux kontributorji kif stipulat fl-Anness I għal din id-Deċiżjoni:

    2.   Termini oħra użati f’din id-Deċiżjoni għandu jkollhom it-tifsira assenjata lilhom

    (a)

    fir-rigward tal-Istati Membri, fir-Regolament u fir-Regolament ta’ implimentazzjoni;

    (b)

    fir-rigward tat-Turkija, fil-leġislazzjoni rilevanti, kif applikabbli fit-Turkija.

    Artikolu 2

    Persuni koperti

    Din id-Deċiżjoni għandha tapplika għal:

    (a)

    ħaddiema li huma ċittadini Torok u li huma, jew li kienu, impjegati legalment fit-territorju ta’ Stat Membru u li huma, jew li kienu, soġġetti għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru wieħed jew aktar, u s-superstiti tagħhom;

    (b)

    membri tal-familja tal-ħaddiema msemmija fil-punt (a), bil-kondizzjoni li dawk il-membri tal-familja huma, jew kienu, residenti legalment mal-ħaddiem ikkonċernat waqt li l-ħaddiem ikun impjegat fi Stat Membru;

    (c)

    ħaddiema li huma ċittadini ta’ Stat Membru u li huma, jew li kienu, legalment impjegati fit-territorju tat-Turkija u li huma, jew li kienu, soġġetti għal-leġislazzjoni tat-Turkija, u s-superstiti tagħhom; u

    (d)

    membri tal-familja tal-ħaddiema msemmija fil-punt (c), sakemm dawk il-membri tal-familja huma, jew kienu, residenti legalment mal-ħaddiem ikkonċernat filwaqt li l-ħaddiem huwa impjegat fit-Turkija.

    Artikolu 3

    Trattament ugwali

    1.   Ħaddiema li huma ċittadini Torok u li huma impjegati legalment fi Stat Membru u kwalunkwe membru tal-familja tagħhom li hu residenti legalment magħhom għandhom igawdu, fir-rigward ta’ benefiċċji skont it-tifsira tal-Artikolu 1(1)(h), trattament ħieles minn kull diskriminazzjoni fuq bażi ta’ nazzjonalità meta mqabbla maċ-ċittadini tal-Istati Membri fejn dawk il-ħaddiema huma impjegati.

    2.   Il-ħaddiema li huma ċittadini ta’ Stat Membru u li huma impjegati legalment fit-Turkija u kwalunkwe membru tal-familja tagħhom li hu residenti legalment magħhom għandhom igawdu, fir-rigward ta’ benefiċċji skont it-tifsira tal-Artikolu 1(1)(h), minn trattament ħieles minn kull diskriminazzjoni fuq bażi ta’ ċittadinanza, meta mqabbla maċ-ċittadini Torok.

    PARTI II

    RELAZZJONIJIET BEJN L-ISTATI MEMBRI U T-TURKIJA

    Artikolu 4

    Revoka tal-klawsoli ta’ residenza

    1.   Il-benefiċċji esportabbli skont it-tifsira tal-Artikolu 1(1)(i), li għandhom dritt għalihom il-persuni msemmija fl-Artikolu 2(a) u (c), ma għandhom ikunu soġġetti għall-ebda tnaqqis, modifika, sospensjoni, irtirar jew konfiska minħabba li l-benefiċjarju jirresjedi:

    (i)

    għall-fini ta’ benefiċċji skont il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru, fit-territorju tat-Turkija, jew

    (ii)

    għall-fini ta’ benefiċċji skont il-leġislazzjoni tat-Turkija, fit-territorju ta’ Stat Membru.

    2.   Il-membri tal-familja ta’ ħaddiem msemmija fl-Artikolu 2(b) għandhom ikunu intitolati għal benefiċċji esportabbli, skont it-tifsira tal-Artikolu 1(1)(i)(i), bl-istess mod bħall-membri tal-familja ta’ ħaddiem li huwa ċittadin tal-Istat Membru kkonċernat meta dawk il-membri tal-familja jirresjedu fit-territorju tat-Turkija.

    3.   Il-membri tal-familja ta’ ħaddiem imsemmija fl-Artikolu 2(d) għandhom ikunu intitolati għal benefiċċji esportabbli, fit-tifsira tal-Artikolu 1(1)(i)(ii), bl-istess mod kif il-membri tal-familja ta’ ħaddiem li huwa ċittadin tat-Turkija meta dawk il-membri tal-familja jirresjedu fit-territorju ta’ Stat Membru.

    PARTI III

    DISPOŻIZZJONIJIET MIXXELLANJI

    Artikolu 5

    Kooperazzjoni

    1.   L-Istati Membri u t-Turkija għandhom jikkomunikaw lil xulxin l-informazzjoni kollha dwar il-bidliet fil-leġislazzjoni tagħhom li jistgħu jolqtu l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

    2.   Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, l-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet tal-Istati Membri u tat-Turkija għandhom joffru lil xulxin l-aħjar għajnuna li jistgħu u għandhom jaġixxu daqslikieku qegħdin jimplimentaw il-leġislazzjoni tagħhom stess. Bħala regola, l-għajnuna amministrattiva mogħtija minn dawk l-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet għandha tkun mingħajr ħlas. Madankollu, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u tat-Turkija jistgħu jaqblu li ċerti spejjeż jitħallsu lura.

    3.   L-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet tal-Istati Membri u tat-Turkija jistgħu, għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, jikkomunikaw direttament ma’ xulxin u mal-persuni involuti jew mar-rappreżentanti tagħhom.

    4.   L-istituzzjonijiet u l-persuni koperti minn din id-Deċiżjoni għandhom id-dmir ta’ informazzjoni u kooperazzjoni reċiproċi sabiex tkun żgurata l-implimentazzjoni korretta ta’ din id-Deċiżjoni.

    5.   Il-persuni koperti minn din id-Deċiżjoni għandhom jinfurmaw lill-istituzzjonijiet tal-Istat Membru kompetenti jew tat-Turkija, fejn dan tal-aħħar huwa l-Istat kompetenti, u tal-Istat Membru ta’ residenza jew tat-Turkija, fejn dan tal-aħħar huwa l-Istat ta’ residenza, mill-aktar fis possibbli dwar kwalunkwe bidla fis-sitwazzjoni personali jew familjari tagħhom li taffettwa d-dritt tagħhom għall-benefiċċji skont din id-Deċiżjoni.

    6.   In-nuqqas ta’ rispett lejn l-obbligu ta’ informazzjoni stipulat fil-paragrafu 5 jista’ jirriżulta fl-applikazzjoni ta’ miżuri proporzjonati b’konformità mal-liġi nazzjonali. Madankollu, dawn il-miżuri għandhom ikunu ekwivalenti għal dawk applikabbli għal sitwazzjonijiet simili skont il-liġi nazzjonali, u ma għandhomx jagħmluha impossibbli jew diffiċli żżejjed fil-prattika għal dawk li japplikaw li jeżerċitaw id-drittijiet konferiti lilhom b’din id-Deċiżjoni.

    7.   L-Istati Membri u t-Turkija jistgħu jipprevedu dispożizzjonijiet nazzjonali li jistabbilixxu l-kondizzjonijiet għall-verifika tad-dritt għall-benefiċċji sabiex jitqies il-fatt li l-benefiċjarji jabitaw jew jirresjedu barra t-territorju tal-Istat fejn tinsab l-istituzzjoni debitriċi. Tali dispożizzjonijiet għandhom ikunu proporzjonati, ħielsa minn kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq iċ-ċittadinanza u għandhom ikunu skont il-prinċipji stabbiliti f’din id-Deċiżjoni. Tali dispożizzjonijiet għandhom jiġu notifikati lill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni.

    Artikolu 6

    Kontrolli amministrattivi u eżamijiet mediċi

    1.   Dan l-Artikolu għandu japplika għall-persuni msemmija fl-Artikolu 2, li jirċievu benefiċċji esportabbli, kif imsemmija fl-Artikolu 1(1)(i), kif ukoll għall-istituzzjonijiet responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

    2.   Fejn benefiċjarju jew applikant għall-benefiċċji, jew membru tal-familja ta’ dik il-persuna, jabita jew jirresjedi fit-territorju ta’ Stat Membru meta l-istituzzjoni debitriċi tkun qiegħda fit-Turkija, jew jabita jew jirrisjedi fit-territorju tat-Turkija meta l-istituzzjoni debitriċi tkun qiegħda fi Stat Membru, l-eżami mediku għandu jsir, fuq it-talba ta’ dik l-istituzzjoni, mill-istituzzjoni tal-post ta’ abitazzjoni jew ta’ residenza tal-benefiċjarju, skont il-proċeduri stabbiliti mil-leġislazzjoni applikata minn dik l-istituzzjoni.

    L-istituzzjoni debitriċi għandha tinforma lill-istituzzjoni tal-post ta’ abitazzjoni jew ta’ residenza dwar kwalunkwe ħtieġa speċjali li għandha tiġi segwita u, jekk meħtieġ, bil-punti li jridu jiġu koperti mill-eżami mediku.

    L-istituzzjoni tal-post ta’ abitazzjoni jew ta’ residenza għandha tgħaddi rapport lill-istituzzjoni debitriċi li tkun talbet l-eżami mediku.

    L-istituzzjoni debitriċi għandha żżomm id-dritt li teżamina lill-benefiċjarju minn tabib tal-għażla tagħha, jew fit-territorju fejn il-benefiċjarju jew l-applikant ta’ benefiċċji jabita jew jirresjedi jew fil-pajjiż fejn tinsab l-istituzzjoni debitriċi. Madankollu, il-benefiċjarju jista’ jintalab li jirritorna fl-Istat Membru tal-istituzzjoni debitriċi biss meta huwa jew hija j/tista’ jagħmel il-vjaġġ mingħajr ma dan ikun ta’ dannu għal saħħtu/saħħitha u meta l-ispiża tal-vjaġġ u tal-akkomodazzjoni titħallas mill-istituzzjoni debitriċi.

    3.   Fejn benefiċjarju jew applikant għall-benefiċċji, jew membru tal-familja ta’ dik il-persuna, jabita jew jirresjedi fit-territorju ta’ Stat Membru meta l-istituzzjoni debitriċi tkun tinsab fit-Turkija, jew jabita jew jirrisjedi fit-Turkija meta l-istituzzjoni debitriċi tkun tinsab fi Stat Membru, il-kontroll amministrattiv għandu jsir, fuq it-talba tal-istituzzjoni debitriċi, mill-istituzzjoni tal-post ta’ abitazzjoni jew ta’ residenza tal-benefiċjarju.

    L-istituzzjoni tal-post ta’ abitazzjoni jew ta’ residenza għandha tressaq rapport lill-istituzzjoni debitriċi li talbet il-kontroll amministrattiv.

    L-istituzzjoni debitriċi żżomm id-dritt li tinkariga professjonist biex jeżamina s-sitwazzjoni tal-benefiċjarju. Madankollu, il-benefiċjarju jista’ jintalab li jirritorna fl-Istat Membru tal-istituzzjoni debitriċi biss meta huwa jew hija j/tista’ jagħmel il-vjaġġ mingħajr ma dan ikun ta’ dannu għal saħħtu/saħħitha u meta l-ispiża tal-vjaġġ u tal-akkomodazzjoni titħallas mill-istituzzjoni debitriċi.

    4.   Stat Membru wieħed jew aktar u t-Turkija jistgħu jaqblu fuq id-dispożizzjonijiet amministrattivi, wara li jkunu infurmaw b’dan lill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni.

    5.   Bħala eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ għajnuna amministrattiva reċiproka mingħajr ħlas stabbilit fl-Artikolu 5(2) ta’ din id-Deċiżjoni, l-ammont effettiv tal-ispejjeż tal-kontrolli msemmija fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu għandu jitħallas lura lill-istituzzjoni li ntalbet twettaqhom mill-istituzzjoni debitriċi li talbithom.

    Artikolu 7

    Applikazzjoni tal-Artikolu 25 tal-Ftehim

    L-Artikolu 25 tal-Ftehim għandu japplika fil-każ li kwalunkwe waħda mill-Partijiet tqis li l-Parti l-oħra ma kkonformatx mal-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 5 u 6.

    Artikolu 8

    Dispożizzjonijiet speċjali għall-applikazzjoni tal-leġislazzjoni tat-Turkija

    Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jista’, jekk meħtieġ, jistipula dispożizzjonijiet speċjali għall-applikazzjoni tal-leġislazzjoni tat-Turkija fl-Anness II għal din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 9

    Proċeduri amministrattivi li jinsabu fil- ftehimiet bilaterali eżistenti

    Il-proċeduri amministrattivi li jinsabu fil-ftehimiet bilaterali eżistenti bejn Stat Membru u t-Turkija jistgħu jkomplu japplikaw b’kondizzjoni li dawk il-proċeduri ma jaffettwawx b’mod negattiv id-drittijiet jew l-obbligi tal-persuni kkonċernati, kif stipulat f’din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 10

    Ftehimiet li jissupplimentaw il-proċeduri amministrattivi għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni

    Stat Membru wieħed jew aktar u t-Turkija jistgħu jikkonkludu ftehimiet maħsuba biex jissupplimentaw il-proċeduri amministrattivi għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, partikolarment fir-rigward tal-prevenzjoni u tal-ġlieda kontra l-frodi u l-iżbalji.

    PARTI IV

    DISPOŻIZZJONIJIET TRANSITORJI U FINALI

    Artikolu 11

    Dispożizzjonijiet transitorji

    1.   L-ebda dritt ma jista’ jinkiseb skont din id-Deċiżjoni għall-perijodu qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tagħha.

    2.   Soġġett għall-paragrafu 1, għandu jinkiseb dritt skont din id-Deċiżjoni anki jekk dan jirreferi għal kontinġenza li tqum qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tagħha.

    3.   Kull benefiċċju li ma ngħatax jew li ġie sospiż minħabba raġuni ta’ nazzjonalità jew post ta’ residenza tal-persuna kkonċernata għandu, fuq talba ta’ dik il-persuna, jingħata jew jitkompla b’effett mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni, sakemm id-drittijiet li wasslu għall-benefiċċji li ngħataw qabel ma rriżultawx fi ħlas ta’ somma waħda f’daqqa.

    4.   Jekk talba, kif imsemmi fil-paragrafu 3, titressaq fi żmien sentejn mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni, id-drittijiet miksuba b’konformità ma’ din id-Deċiżjoni għandu jkollhom effett minn dik id-data, u l-leġislazzjoni ta’ kwalunkwe Stat Membru jew tat-Turkija dwar ir-rinunzja jew il-limitazzjoni tad-drittijiet ma tistax tkun invokata kontra l-persuni kkonċernati.

    5.   Jekk talba, kif imsemmi fil-paragrafu 3, titressaq wara li jiskadi l-perijodu ta’ sentejn imsemmi fil-paragrafu 4, id-drittijiet li ma jkunux intilfu jew li ma jkunux miżmuma biż-żmien għandu jkollhom effett mid-data li fiha tkun saret it-talba, soġġett għal kwalunkwe dispożizzjoni aktar favorevoli skont il-leġislazzjoni ta’ kwalunkwe Stat Membru jew tat-Turkija.

    6.   Id-drittijiet ta’ persuna li tingħata pensjoni jew benefiċċju speċjali fi flus kontanti mhux kontributorji minn Stat Membru qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni u bħala riżultat tal-effett dirett tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 3/80, ma għandhomx ikunu limitati jew mitlufa bħala riżultat ta’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 12

    Annessi għal din id-Deċiżjoni

    L-Annessi għal din id-Deċiżjoni jikkostitwixxu parti integrali minnha.

    Artikolu 13

    Revoka

    Id-Deċiżjoni Nru 3/80 għandha titħassar mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 14

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi …, …

    Għall-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni

    Il-President


    (1)  ĠU 217, 29.12.1964, p. 3687.

    (2)  ĠU L 293, 29.12.1972, p. 3.

    (3)  ĠU C 110, 25.4.1983, p. 60.

    (4)  ĠU L 344, 29.12.2010, p. 1.

    (5)  ĠU L 166, 30.4.2004, p. 1.

    (6)  ĠU L 284, 30.10.2009, p. 1.

    ANNESS I

    LISTA TA’ BENEFIĊĊJI SPEĊJALI FI FLUS KONTANTI MHUX KONTRIBUTORJI TAT-TURKIJA

    ANNESS II

    DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊJALI GĦALL-APPLIKAZZJONI TAL-LEĠISLAZZJONI TAT-TURKIJA


    Top