Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012D0700

    Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/700/PESK tat- 13 ta’ Novembru 2012 fil-qafas tal-Istrateġija Ewropea ta’ Sigurtà b’appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Kartaġena 2010-2014, adottat mill-Istati Parti għall-Konvenzjoni tal-1997 dwar il-Projbizzjoni tal-Użu, il-Kumulazzjoni, il-Produzzjoni u t-Trasferiment ta’ Mini Kontra l-Persunal u dwar id-Distruzzjoni Tagħhom

    ĠU L 314, 14.11.2012, p. 40–46 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2012/700/oj

    14.11.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 314/40


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2012/700/PESK

    tat-13 ta’ Novembru 2012

    fil-qafas tal-Istrateġija Ewropea ta’ Sigurtà b’appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Kartaġena 2010-2014, adottat mill-Istati Parti għall-Konvenzjoni tal-1997 dwar il-Projbizzjoni tal-Użu, il-Kumulazzjoni, il-Produzzjoni u t-Trasferiment ta’ Mini Kontra l-Persunal u dwar id-Distruzzjoni Tagħhom

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 26(2) u 31(1) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-Unjoni għandha timmira għal grad għoli ta’ kooperazzjoni fl-oqsma kollha tar-relazzjonijiet internazzjonali, sabiex, fost l-oħrajn, iżżomm il-paċi, tipprevjeni l-konflitti u ssaħħaħ is-sigurtà internazzjonali, f’konformità mal-għanijiet u l-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.

    (2)

    Fit-12 ta’ Diċembru 2003, l-Kunsill Ewropew adotta l-Istrateġija Ewropea ta’ Sigurtà li tidentifika sfidi u theddid globali, u tappella għal ordni internazzjonali bbażata fuq id-dritt u fuq multilateraliżmu effettiv u istituzzjonijiet internazzjonali li jiffunzjonaw tajjeb.

    (3)

    L-Istrateġija Ewropea ta’ Sigurtà tirrikonoxxi l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti bħala l-qafas fundamentali għar-relazzjonijiet internazzjonali u tiddefendi t-tisħiħ tan-Nazzjonijiet Uniti (“in-NU”) u l-għoti ta’ strumenti biex dawn ikunu jistgħu jwettqu r-responsabbiltajiet tagħhom u jaġixxu b’mod effettiv.

    (4)

    Ir-Riżoluzzjoni 51/45 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tal-10 ta’ Diċembru 1996 ħeġġet lill-Istati kollha biex isegwu vigorożament ftehim internazzjonali effettiv, li jorbot legalment biex jiġu pprojbiti l-użu, il-kumulazzjoni, il-produzzjoni u t-trasferiment ta’ mini kontra l-persunal.

    (5)

    Il-Konvenzjoni dwar il-Projbizzjoni tal-Użu, il-Kumulazzjoni, il-Produzzjoni u t-Trasferiment ta’ Mini Kontra l-Persunal u dwar id-Distruzzjoni Tagħhom (“il-Konvenzjoni”) infetħet għall-iffirmar fit-3 ta’ Diċembru 1997 u daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Marzu 1999. Hija tikkostitwixxi l-uniku strument internazzjonali komprensiv li jittratta l-aspetti kollha ta’ mini kontra l-persunal, inkluż l-użu, il-kumulazzjoni, il-produzzjoni, il-kummerċ, it-tneħħija u l-għajnuna għall-vittmi tagħhom.

    (6)

    Fit-23 ta’ Ġunju 2008 l-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2008/487/PESK (1) b’appoġġ għall-universalizzazzjoni u l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni. Mill-1 ta’ Ottubru 2012, 160 Stat esprimew il-kunsens tagħhom li jintrabtu bil-Konvenzjoni.

    (7)

    Fit-3 ta’ Diċembru 2009, l-Istati Parti għall-Konvenzjoni adottaw il-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Kartaġena 2010-2014 (“il-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Kartaġena”) rigward l-universalizzazzjoni u l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni fl-aspetti kollha tagħha. B’hekk huma rrikonoxxew u ħeġġu aktar il-parteċipazzjoni sħiħa u l-kontribut għall-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni mill-Kampanja Internazzjonali għall-Projbizzjoni ta’ Mini tal-Art (“l-ICBL”), il-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar (“l-ICRC”), is-Soċjetajiet nazzjonali tas-Salib l-Aħmar u tan-Nofs Qamar l-Aħmar, il-Federazzjoni Internazzjonali tas-Soċjetajiet tas-Salib l-Aħmar u tan-Nofs Qamar l-Aħmar (“l-IFRC”), in-NU, iċ-Ċentru Internazzjonali ta’ Ġinevra għat-Tneħħija ta’ Mini għal skopijiet Umanitarji (“il-GICHD”), organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali, superstiti ta’ mini u l-organizzazzjonijiet tagħhom, u organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili, kif previst fl-azzjoni Nru. 62 tal-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Kartaġena.

    (8)

    Fit-3 ta’ Diċembru 2010, l-Istati Parti għall-Konvenzjoni adottaw id-“Direttiva tal-Istati Parti għall-Unità ta’ Appoġġ għall-Implimentazzjoni” (“l-ISU”) li fiha l-Istati Parti qablu li l-ISU għandha tipprovdi parir u appoġġ tekniku lill-Istati Parti dwar l-implimentazzjoni u l-universalizzazzjoni tal-Konvenzjoni, tiffaċilita l-komunikazzjoni fost l-Istati Parti, u tippromwovi l-komunikazzjoni u l-informazzjoni rigward il-Konvenzjoni kemm għal Stati li mhumiex parti għall-Konvenzjoni kif ukoll għall-pubbliku. L-ISU ngħatat il-mandat li tikkollega u tikkoordina kif adatt mal-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti li jipparteċipaw fil-ħidma tal-Konvenzjoni, inklużi l-ICBL, l-ICRC, l-IFRC, in-NU u l-GICHD.

    (9)

    Fit-2 ta’ Diċembru 2011 l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti adottat ir-Riżoluzzjoni 66/29 dwar l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni dwar il-Projbizzjoni tal-Użu, il-Kumulazzjoni, il-Produzzjoni u t-Trasferiment ta’ Mini kontra l-Persunal u dwar id-Distruzzjoni Tagħhom. L-Assemblea Ġenerali fakkret li fit-Tieni Konferenza ta’ Reviżjoni tal-Konvenzjoni l-komunità internazzjonali kienet eżaminat mill-ġdid l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni, u li l-Istati Parti għall-Konvenzjoni kienu adottaw il-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Kartaġena, filwaqt li enfasizzat l-importanza tal-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tal-Konvenzjoni u l-konformità magħha, inkluż permezz tal-implimentazzjoni ta’ dan il-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Kartaġena. L-Istati Parti għall-Konvenzjoni stiednu lill-Istati kollha li kienu għadhom ma rratifikawx jew ma aderixxewx għall-Konvenzjoni biex jagħmlu dan, u ħeġġet lill-Istati kollha biex jibqgħu qrib il-kwistjoni fl-ogħla livell politiku u biex jippromwovu l-aderenza għall-Konvenzjoni permezz ta’ kuntatti bilaterali, subreġjonali, reġjonali u multilaterali, attivitajiet ta’ komunikazzjoni, seminars u mezzi oħra.

    (10)

    Fl-2012 u l-2013 ser isiru Laqgħat tal-Istati Parti għall-Konvenzjoni. Il-komunità internazzjonali mbagħad ser tiltaqa’ fl-2014 għat-Tielet Konferenza ta’ Reviżjoni tal-Konvenzjoni biex tivvaluta l-progress fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Kartaġena 2010-2014. Sa dak inhar ser ikun mistenni li l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tkun tat kontribut sostanzjali għal progress biex jintemmu s-sofferenza u l-korrimenti kkaġunati minn mini kontra l-persunali,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.   Bil-ħsieb li tappoġġa l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Kartaġena 2010-2014 (“Pjan ta’ Azzjoni ta’ Kartaġena”) adottat mill-Istati Parti għall-Konvenzjoni tal-1997 dwar il-Projbizzjoni tal-Użu, il-Kumulazzjoni, il-Produzzjoni u t-Trasferiment ta’ Mini Kontra l-Persunal u dwar id-Distruzzjoni Tagħhom (“il-Konvenzjoni”), fil-qafas tal-Istrateġija Ewropea ta’ Sigurtà u f’konformità mad-deċiżjonijiet rilevanti tal-komunità internazzjonali, l-Unjoni għandha ssegwi l-objettivi li ġejjin:

    (a)

    jiġu appoġġati l-isforzi tal-Istati Parti għall-Konvenzjoni biex jimplimentaw l-aspetti tal-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Kartaġena li jirrigwardaw għajnuna għall-vittmi;

    (b)

    jiġu appoġġati l-isforzi tal-Istati Parti għall-Konvenzjoni biex jimplimentaw l-aspetti tal-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Kartaġena li jirrigwardaw it-tneħħija ta’ mini;

    (c)

    il-promozzjoni tal-universalizzazzjoni tal-Konvenzjoni;

    (d)

    jintwera l-impenn attwali tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għall-Konvenzjoni u d-determinazzjoni tagħhom li jikkooperaw ma’, u jestendu l-assistenza tagħhom għal, dawk l-Istati li jeħtieġu appoġġ biex jissodisfaw l-impenji tagħhom taħt il-Konvenzjoni, u jsaħħu r-rwol ewlieni tal-Unjoni bil-mira li tintlaħaq il-viżjoni tal-Konvenzjoni li jintemmu definittivament is-sofferenza u l-korrimenti kkawżati minn mini kontra l-persunal.

    2.   L-objettivi kollha mesmmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu segwiti b’tali mod li huma jirrinforzaw il-kultura storika tal-Konvenzjoni ta’ sħubija u kollaborazzjoni bejn Stati, organizzazzjonijiet mhux governattivi u oħrajn u sħab lokali, b’mod partikolari permezz ta’ ħidma mill-qrib ma’ atturi rilevanti biex jissaħħu manifestazzjonijiet speċifiċi ta’ tali kollaborazzjoni.

    3.   Sabiex jinkisbu l-objettivi msemmijin fil-paragrafu 1, l-Unjoni għandha twettaq il-proġetti li ġejjin:

    (a)

    Għajnuna għall-vittmi: jiġi pprovdut appoġġ tekniku lil sa tmien każijiet, jitwettqu sa ħames evalwazzjonijiet ta’ nofs it-term u jiġu eżegwiti sa ħames azzjonijiet ta’ segwitu;

    (b)

    Tneħħija ta’ mini: jitwettqu sa ħames evalwazzjonijiet ta’ nofs it-term u jiġu eżegwiti sa ħames azzjonijiet ta’ segwitu;

    (c)

    Universalizzazzjoni tal-Konvenzjoni: tiġi appoġġata task force ta’ livell għoli, isir studju dwar sigurtà fil-fruntieri mingħajr mini kontra l-persunal, u jiġu organizzati sa tliet sessjonijiet ta’ ħidma marbuta mal-universalizzazzjoni;

    (d)

    Manifestazzjoni tal-impenn tal-Unjoni: jixxandru avvenimenti ta’ tnedija u ta’ konklużjoni, tiġi żgurata l-aċċessibbiltà għas-sit elettroniku tal-Konvenzjoni, jitpoġġew disponibbli b’mod ġenerali l-impenji tal-Istati Parti għall-għajnuna għal vittmi, tiġi organizzata żjara għall-istampa, u jiġu prodotti materjal ta’ komunikazzjoni u pubblikazzjonijiet.

    Deskrizzjoni dettaljata tal-proġetti tinsab fl-Anness.

    Artikolu 2

    1.   Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (“ir-Rappreżentant Għoli”) għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

    2.   L-implimentazzjoni teknika tal-proġetti msemmijin fl-Artikolu 1(3) għandha titwettaq mill- Unità ta’ Appoġġ għall-Implimentazzjoni” (“l-ISU”), irrappreżentata miċ-Ċentru Internazzjonali ta’ Ġinevra għat-Tneħħija ta’ Mini għal skopijiet Umanitarji (“il-GICHD”). L-ISU għandha twettaq dawn il-kompiti taħt il-kontroll tar-Rappreżentant Għoli. Għal dan il-għan, ir-Rappreżentant Għoli għandu jidħol fl-arranġamenti meħtieġa mal-GICHD.

    Artikolu 3

    1.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-proġetti msemmija fl-Artikolu 1(3) għandu jkun ta’ EUR 1 030 000.

    2.   L-infiq iffinanzjat mill-ammont stabbilit fil-paragrafu 1 għandu jkun ġestit skont il-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.

    3.   Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-ġestjoni adatta tal-infiq msemmi fil-paragrafu 1. Għal dan l-għan, hija għandha tikkonkludi ftehim ta’ finanzjament mal-GICHD, li jistipula li l-ISU għandha tiżgura viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni. adatta għad-daqs tagħha.

    4.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-ftehim ta’ finanzjament imsemmi fil-paragrafu 3 mill-aktar fis possibbli wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni. Hija għandha tinforma lill-Kunsill dwar kwalunkwe diffikulta f’dak il-proċess u dwar id-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ finanzjament.

    Artikolu 4

    Ir-Rappreżentant Għoli għandu jirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni abbażi ta’ rapporti regolari li għandhom jitħejjew mill-ISU. Dawk ir-rapporti għandhom jifformaw il-bażi għall-evalwazzjoni mill-Kunsill. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi informazzjoni dwar l-aspetti finanzjarji tal-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 5

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

    Hija għandha tiskadi 24 xahar wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ finanzjament imsemmi fl-Artikolu 3(3) jew sitt xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ tagħha jekk l-ebda ftehim ta’ finanzjament ma jkun ġie konkluż f’dak il-perijodu.

    Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Novembru 2012.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    V. SHIARLY


    (1)  ĠU L 165, 26.6.2008, p. 41.


    ANNESS

    1.   Għan

    L-għan ġenerali ta’ din id-Deċiżjoni huwa l-promozzjoni tal-paċi u s-sigurtà permezz ta’ appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Kartaġena, fir-rigward tal-universalizzazzjoni u l-implimentazzjoni tal-aspetti kollha tal-Konvenzjoni.

    2.   Deskrizzjoni tal-proġett

    Sabiex jintlaħqu l-objettivi msemmijin fl-Artikolu 1(1) ta’ din id-Deċiżjoni, l-Unjoni ser twettaq il-proġetti li ġejjin:

    2.1.   Għajnuna għall-vittmi

    2.1.1.   Objettiv tal-proġett

    L-Istati Parti għall-Konvenzjoni jiġu appoġġati fl-implimentazzjoni tal-aspetti tal-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Kartaġena li jirrigwardaw l-għajnuna għall-vittmi b’tali mod li huma jkunu jistgħu jikkoordinaw u jimplimentaw aħjar attivitajiet li jirriżultaw f’differenza pożittiva li tagħmel sens fil-ħajjiet ta’ nisa, irġiel, bniet u subien li jkunu sfaw vittmi ta’ mini tal-art u fdal splussiv ieħor tal-gwerra.

    2.1.2.   Deskrizzjoni tal-proġett

    Appoġġ tekniku nazzjonali ser jiġi pprovdut mill-ISU f’mhux aktar minn tliet każijiet, inkluż bl-inizjar u/jew l-appoġġar ta’ proċessi interministerjali għall-implimentazzjoni tal-obbligi ta’ għajnuna għall-vittmi f’kuntesti nazzjonali, lil Stati Parti għall-Konvenzjoni li jew (a) ftit involvew ruħhom fl-isforz biex jimplimentaw l-elementi tal-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Kartaġena li jirrigwardaw l-għajnuna għall-vittmi u li għalhekk jistgħu jibbenefikaw minn stimolu biex jibdew jagħmlu dan, jew (b) ikunu stabbilixxew, jew qegħdin fit-triq it-tajba biex jistabbilixxu pjan nazzjonali u għalhekk ikollhom esperjenza ta’ implimentazzjoni x’jivvalutaw, u b’hekk isir aktar probabbli li jintgħażlu għal evalwazzjoni nazzjonali komprensiva ta’ nofs it-term tal-isforzi għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Kartaġena.

    Evalwazzjonijiet nazzjonali komprensivi ta’ nofs it-term, f’mhux aktar minn tliet każijiet, ser jitwettqu. Dawk l-evalwazzjonijiet ser jinvolvu l-ISU, f’kollaborazzjoni ma’ atturi ewlenin bħall-ICBL, li jassistu lill-Istati benefiċjarji biex ifasslu dokument ta’ sfond dettaljat għal sessjoni ta’ ħidma nazzjonali, jorganizzaw sessjoni ta’ ħidma nazzjonali, u jfasslu dokument ta’ eżitu dettaljat li jikkostitwixxi “evalwazzjoni” li fiha jiġu deskritti l-isfidi li jkun fadal, jiġu stabbiliti l-objettivi u jsiru rakkomandazzjonijiet.

    Azzjonijiet ta’ segwitu, f’mhux aktar minn tliet każijiet, ser jitwettqu b’rispons għar-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fl-evalwazzjonijiet ta’ nofs it-term.Dawk l-azzjonijiet ta’ segwitu ser jinvolvu l-provvediment mill-ISU ta’ appoġġ tekniku addizzjonali (eż. għar-reviżjonijiet ta’ pjanijiet nazzjonali, l-iżvilupp ta’ proposta jew proposti għal proġett, eċċ.).

    Konferenza globali, ta’ livell għoli dwar l-għajnuna lill-vittmi tal-mini tal-art u fdal splussiv ieħor tal-gwerra ser tiġi organizzata mill-ISU, f’kollaborazzjoni ma’ atturi ewlenin bħall-ICBL, bil-għan li jkompli jinbena fuq l-esperjenza tal-għajnuna lill-vittmi fil-kuntest tal-Konvenzjoni sabiex jittieħed vantaġġ minn sinerġija/effiċjenzi potenzjali fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ strumenti internazzjonali (eż. il-Konvenzjoni dwar il-Munizzjoni tat-tip Cluster (CCM), il-Protokoll V għall-Konvenzjoni dwar il-Projbizzjonijiet u r-Restrizzjonijiet fuq l-Użu ta’ Ċerti Armi Konvenzjonali Li Jistgħu jiġu Meqjusa li jagħmlu Ħsara Eċċessiva jew li Jkollhom Effetti Mhux Diskriminatorji(KAK) u l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD) li jitrattaw l-istess materji u Stati affettwati.

    2.1.3.   Riżultati tal-proġett

    L-Istati Benefiċjarji ta’ appoġġ tekniku li ftit involvew ruħhom fl-isforz biex jimplimentaw l-aspetti tal-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Kartaġena li jirrigwardaw l-għajnuna lill-vittmi ser jidentifikaw punt fokali li ser javvanza aktar l-implimentazzjoni ta’ obbligi ta’ għajnuna lill-vittmi u jipparteċipaw f’attivitajiet sussegwenti marbuta mal-Konvenzjoni.

    Kull Stat Benefiċjarju ta’ appoġġ tekniku fil-każijiet kollha ser jingħata rapport b’rakkomandazzjonijiet dwar passi loġiċi li jmiss li huwa jista’ jieħu fl-implimentazzjoni tal-aspetti tal-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Kartaġena li jirrigwardaw l-għajnuna lill-vittmi.

    L-Istati Benefiċjarji ta’ appoġġ tekniku f’ħames każijiet ser ikollhom dokument ta’ kunċett żviluappat u lista ta’ parteċipanti proposta biex iħejju sessjonijiet ta’ ħidma nazzjonali bħala parti minn evalwazzjoni ta’ nofs it-term.

    L-Istati Benefiċjarji ta’ evalwazzjonijiet ta’ nofs it-term ser jirċievu dokument ta’ eżitu dettaljat, li jistabbilixxi l-isfidi pendenti, b’objettivi u rakkomandazzjonijiet għal azzjoni ulterjuri.

    L-Istati Benefiċjarji ta’ appoġġ ta’ segwitu ser ikunu jistgħu aktar jesprimu l-intenzjonijiet tagħhom li jissodisfaw l-impenji tal-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Kartaġena u l-ħtiġijiet tagħhom għall-appoġġ (eż. il-pjanijiet nazzjonali riveduti, l-iżvilupp ta’ proposta jew proposti għal proġett, eċċ.).

    L-identifikazzjoni ta’ modi biex jittieħed vantaġġ minn sinerġija/effiċjenzi potenzjali fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ strumenti internazzjonali (eż. CCM, il-Protokoll V tal-KAK u CRPD) li jitrattaw l-istess materji u Stati affettwati.

    Titqajjem kuxjenza dwar l-isforz globali biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet u jiġu garantiti d-drittijiet tas-superstiti permezz ta’ parteċipazzjoni ġenerali f’konferenza ta’ livell għoli.

    2.1.4.   Benefiċjarji

    L-Istati Parti għall-Konvenzjoni li rrapportaw li huwa responsabbli għal numru sinifikanti ta’ superstiti tal-mini tal-art.

    Nisa, irġiel, bniet u subien li sfaw vittmi ta’ mini tal-art u fdal splussiv ieħor tal-gwerra, kif ukoll il-familji u l-komunitajiet tagħhom.

    2.2.   Tneħħija ta’ mini

    2.2.1.   Objettiv tal-proġett

    L-Istati Parti għall-Konvenzjoni huma appoġġati fl-implimentazzjoni tal-aspetti tal-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Kartaġena li jirrigwardaw it-tneħħija ta’ mini b’tali mod li jkunu jistgħu aktar ilestu l-implimentazzjoni tat-tneħħija ta’ mini fl-iqsar perijodu ta’ żmien meħtieġ sabiex l-individwi, il-komunitajiet u n-nazzjonijiet ikunu jistgħu jibbenifikaw minn art li darba kienet meqjusa perikoluża li qed tingħata lura għal attività normali tal-bniedem.

    2.2.2.   Deskrizzjoni tal-proġett

    Evalwazzjonijiet nazzjonali komprensivi ta’ nofs it-term ser isiru f’mhux aktar minn ħames każijiet. Dawk l-evalwazzjonijiet ser jinvolvu l-ISU, f’kollaborazzjoni ma’ atturi ewlenin bħall-ICBL, u bl-appoġġ tal-GICHD, li jassistu l-Istati benefiċjarji fit-tfassil ta’ dokument ta’ sfond dettaljat għal sessjoni ta’ ħidma nazzjonali, jorganizzaw sessjoni ta’ ħidma nazzjonali, u jfasslu dokument ta’ eżitu dettaljat li jkun jammonta għall-“evalwazzjoni” li fiha ser jiġu deskritti l-isfidi li fadal, stabbiliti l-objettivi u r-rakkomandazzjonijiet.

    Azzjonijiet ta’ segwitu ser jitwettqu f’mhux aktar minn tliet każijiet b’rispons għar-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fl-evalwazzjonijiet ta’ nofs it-term. Dawk l-azzjonijiet ta’ segwitu ser ikollhom l-appoġġ tekniku addizzjonali pprovdut mill-ISU (eż., appoġġ fir-reviżjonijiet ta’ pjanijiet nazzjonali, l-iżvilupp ta’ proposta jew proposti għal proġett, eċċ.) jew jorganizzaw żjarat ta’ skambju bejn in-nofsinhar u n-nofsinahr għall-Istati benefiċjarji biex jibbenefikaw b’mod reċiproku minn lezzjonijiet meħudin u jtejbu l-implimentazzjoni futura.

    2.2.3.   Riżultati tal-proġett

    L-Istati Benefiċjarji ta’ evalwazzjonijiet ta’ nofs it-term ser jirċievu dokument ta’ eżitu dettaljat li jistabbilixxi l-isfidi li fadal, b’objettivi u rakkomandazzjonijiet għal azzjoni futura.

    L-Istati Benefiċjarji ta’ appoġġ ta’ segwitu ser ikunu jistgħu jesprimu aħjar l-intenzjonijiet tagħhom li jissodisfaw l-impenji tal-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Kartaġena u l-ħtiġijiet tagħhom għall-appoġġ (eż. il-pjanijiet nazzjonali riveduti, l-iżvilupp ta’ proposta jew proposti għal proġett, eċċ.), u l-Istati benefiċjarji ser ikollhom fehim imsaħħaħ ta’ aspetti partikolari tal-implimentazzjoni tat-tneħħija tal-mini.

    2.2.4.   Benefiċjarji

    L-Istati Parti għall-Konvenzjoni, minbarra l-Istati Membri, li jinsabu fil-proċess li jimplimentaw l-obbligi tagħhom dwar it-tneħħija ta’ mini skont il-Konvenzjoni.

    Nisa, irġiel, bniet u subien li ħajjithom hija affettwata bil-preżenza jew il-preżenza suspettata ta’ mini kontra l-persunal kif ukoll il-familji u l-komunitajiet tagħhom.

    2.3.   Universalizzazzjoni tal-Konvenzjoni

    2.3.1.   Objettiv tal-proġett

    Ostakli għall-osservanza tal-Konvenzjoni huma indirizzati b’tali mod li jsir progress lejn l-universalizzazzjoni tal-Konvenzjoni mill-Istati mhux Parti għall-Konvenzjoni.

    2.3.2.   Deskrizzjoni tal-proġett

    Task force ta’ livell għoli dwar l-universalizzazzjoni tal-Konvenzjoni ser tkun appoġġata mill-ISU, inkluż l-appoġġ għall-personalitajiet ta’ livell għoli li tinvolvi lill-mexxejja ta’ mhux aktar minn sitt Stati mhux parti għall-Konvenzjoni u bil-membri tat-Task Force ser jipparteċipaw f’mhux aktar minn żewġ avvenimenti oħra biex jiġbdu l-attenzjoni għall-sforzi kontinwi biex tiġi universalizzata u implimentata l-Konvenzjoni.

    Ser isir studju dwar sigurtà fil-fruntieri mingħajr mini kontra l-persunal mill-ISU, li jaħdem ma’ dawk li għandhom kompetenza esperta f’dan il-qasam u, b’hekk jinbena fuq ħidma li saret mill-ICRC f’nofs is-snin 90. Rapport ta’ studju ser ikun aċċessibbli f’diversi modi, inkluż bit-traduzzjoni, bil-produzzjoni ta’ sommarji, bil-produzzjoni ta’ materjali f’formati aċċessibbli, eċċ.

    Sessjonijiet ta’ ħidma ta’ universalizzazzjoni, f’mhux aktar minn tliet każijiet, ser ikunu organizzati mill-ISU, f’kollaborazzjoni ma’ atturi ewlenin bħall-ICBL u l-Koordinatur tal-Grupp ta’ Kuntatt informali dwar l-Universalizzazzjoni tal-Konvenzjoni. Dawk is-sessjonijiet ta’ ħidma ser jitwettqu fil-livelli nazzjonali, subreġjonali u reġjonali biex jippromwovu l-Konvenzjoni fost l-Istati u biex jassistu l-Istati li mhumiex Parti għall-Kovenzjoni fl-indirizzar ta’ ostakoli għall-adeżjoni reali jew ipperċepiti, partikolarment bl-użu tar-rapport ta’ studju dwar sigurtà fil-fruntieri mingħajr mini kontra l-persunal.

    2.3.3.   Riżultati tal-proġett

    Mhux aktar minn sitt Stati li mhumiex parti għall-Konvenzjoni ser ikunu involuti f’livell ministerjali jew ogħla dwar l-aderenza għall-Konvenzjoni.

    Ser jinkiseb għarfien aġġornat dwar il-politiki tal-Istati mhux parti għall-Konvenzjoni rigward il-mini kontra l-persunal. Dik l-informazzjoni ser tiġi użata għall-preparazzjoni ta’ dokumenti sostantivi għat-Tielet Konferenza ta’ Reviżjoni, inkluż permezz ta’ rapport komprensiv dwar xi progress sar fl-insegwiment tal-għanijiet ta’ universalizzazzjoni tal-Konvenzjoni, kif ukoll l-ambitu għal aktar progress.

    Ser terġa’ titqajjem id-difiża min-naħa tal-Istati Parti għall-Konvenzjoni u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi abbażi ta’ azzjonijiet ta’ segwitu li ġejjin miż-żjarat tat-Task Force ta’ Livell Għoli.

    Ser jiġi akkumulat l-għarfien miżjud u miġbur f’pubblikazzjoni li tindirizza l-aktar ostakli ipperċepit b’mod frekwenti għall-adeżjoni għall-Konvenzjoni u li jista’ jintuża biex jappoġġa l-isforzi għall-universalizzazzjoni.

    Ser isir progress lejn l-adeżjoni għall-Konvenzjoni u/jew it-tħaddin tan-normi tagħha mill-Istati mhux parti għall-Konvenzjoni li ġew involuti.

    2.3.4.   Benefiċjarji

    L-Istati, minbarra l-Istati Membri, li għadhom ma rratifikawx, ma approvawx, ma aċċettawx jew ma aderixxewx għall-Konvenzjoni.

    Stati Parti għall-Konvenzjoni u organizzazzjonijiet mhux governattivi u internazzjonali involuti fi sforzi li jippromwovu l-universalizzazzjoni tal-Konvenzjoni.

    2.4.   Turija tal-impenn tal-Unjoni

    2.4.1.   Objettiv tal-proġett

    L-impenn attwali tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għall-Konvenzjoni jintwera bl-istess mod kif bħad-determinazzjoni tagħhom li jikkooperaw ma’ u jestendu l-għajnuna tagħhom għal dawk l-Istati li jeħtieġu appoġġ biex jissodisfaw l-impenji tagħhom taħt il-Konvenzjoni, u r-rwol ewlieni tal-Unjoni biex tinkiseb il-viżjoni tal-Konvenzjoni ta’ tmiem konklużiv għas-sofferenza u l-korrimenti kkawżati minn mini kontra l-persunal huwa msaħħaħ.

    2.4.2.   Deskrizzjoni tal-proġett

    Avveniment ta’ tnedija ser jiġi mħejji biex jippromwovi din id-Deċiżjoni, u avveniment ta’ konklużjoni ser jiġi organizzat biex jippubbliċizza l-attivitajiet previsti f’din id-Deċiżjoni u l-eżiti tagħhom, b’hekk jissottolinja l-kontribut tal-Unjoni.

    B’kont meħud tal-importanza li jiġi disseminat l-għarfien dwar l-impenji magħmula mill-Istati Parti għall-Konvenzjoni fil-Konferenza ta’ Kartaġena u l-modi u l-mezzi għall-implimentazzjoni tagħhom, kif ukoll il-ħtieġa biex dawk l-isforzi jieħdu kont ta’ varjeta’ ta’ udjenzi (eż., udjenzi b’lingwi differenti, persuni b’diżabbiltà), is-sit web tal-Konvenzjoni ser jiġi verifikat biex jiġi żgurat li hemm livelli għoljin ta’ aċċessibbiltà u li l-pubblikazzjoni eżistenti tal-ISU li tiddokumenta l-impenji għall-għajnuna tal-vittmi magħmula mill-Istati Parti għall-Konvenzjoni ser tiġi tradotta u ppubblikata fuq is-sit tal-Konvenzjoni biex testendi d-disponibbiltà ta’ dawk l-impenji f’lingwi differenti.

    Żjara mill-istampa ser tiġi organizzata f’pajjiż milqut bil-mini qabel it-Tielet Konferenza ta’ Reviżjoni tal-Konvenzjoni fl-2014.

    Materjal ta’ komunikazzjoni (eż., kartelluni, reklamar, vidjos miġbuda, materjal pubbliċitarju, eċċ.) ser jinkiseb biex jittieħed vantaġġ mill-opportunitajiet ta’ komunikazzjoni li jinqalgħu.

    2.4.3.   Riżultati tal-proġett

    L-uffiċjali tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha ser ikunu konxji minn din id-Deċiżjoni u kif tista’ tolqot xogħolhom.

    Ser jiġi estiż il-fehim dwar l-għajnuna lill-vittmi tal-Istati Parti għall-Konvenzjoni, partikolarment f’pajjiżi Frankofoni milquta mill-mini.

    L-informazzjoni dwar il-Konvenzjoni ser issir aktar aċċessibbli.

    Ser tiżdied l-espożizzjoni tal-impenn tal-Unjoni għall-Konvenzjoni u ser jinħolqu u jiġu sostnuti s-sensibilizzazzjoni u l-apprezzament għal din id-Deċiżjoni, kif muri permezz ta’ rapporti tal-istampa li jirrikonoxxu l-impenn tal-Unjoni u li jirraportaw l-apprezzament għalih mill-Istati Parti għall-Konvenzjoni fil-laqgħat tagħhom.

    Ser titqajjem is-sensibilizzazzjoni għall-isforzi kontinwi biex tkun promossal-universalizzazzjoni tal-Konvenzjoni.

    2.4.4.   Benefiċjarji

    Stati Parti għall-Konvenzjoni u organizzazzjonijiet mhux governattivi u internazzjonali, ir-rappreżentanti tagħhom u individwi oħra interessati jew involuti fl-isforz għall-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni.


    Top