Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012D0371

    Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/371/PESK tal- 10 ta' Lulju 2012 li temenda d-Deċiżjoni 2010/656/PESK li ġġedded il-miżuri restrittivi kontra l-Côte d'Ivoire

    ĠU L 179, 11.7.2012, p. 21–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 10/06/2016; Impliċitament imħassar minn 32016D0917

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2012/371/oj

    11.7.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 179/21


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2012/371/PESK

    tal-10 ta' Lulju 2012

    li temenda d-Deċiżjoni 2010/656/PESK li ġġedded il-miżuri restrittivi kontra l-Côte d'Ivoire

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Fid-29 ta' Ottubru 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/656/PESK li ġġedded il-miżuri restrittivi kontra l-Côte d'Ivoire (1).

    (2)

    Fis-26 ta’ April 2012, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni 2045 (2012) li ġeddet il-miżuri restrittivi imposti kontra l-Côte d’Ivoire sat-30 ta’ April 2013 u li emendat il-miżuri restrittivi fuq l-armi.

    (3)

    Id-Deċiżjoni 2010/656/PESK għandha għalhekk tiġi emendata kif meħtieġ,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Id-Deċiżjoni 2010/656/PESK hija b'dan emendata kif ġej:

    (1)

    L-Artikolu 1(2) huwa mħassar.

    (2)

    L-Artikolu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “Artikolu 2

    L-Artikolu 1 ma għandux japplika għal:

    (a)

    provvisti intiżi unikament għas-sostenn ta’ jew l-użu mill-Operazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Côte d'Ivoire (UNOCI) u l-forzi Franċiżi li jsostnuhom;

    (b)

    dan li ġej, kif notifikat bil-quddiem lill-Kumitat stabbilit bil-paragrafu 14 tal-UNSCR 1572 (2004) (minn hawn ’il quddiem “Kumitat tas-Sanzjonijiet”):

    (i)

    il-provvista ta’ tagħmir militari mhux letali maħsub unikament għal użu umanitarju jew protettiv, inkluż tali tagħmir intiż għall-operazzjonijiet ta’ maniġġar ta’ kriżijiet tal-Unjoni, in-NU, l-Unjoni Afrikana u l-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika tal-Punent (ECOWAS);

    (ii)

    provvisti esportati temporanjament lejn il-Côte d’Ivoire lill-forzi ta’ Stat li jkun qed jieħu azzjoni, f’konformità mad-dritt internazzjonali, unikament u direttament biex jiffaċilita l-evakwazzjoni taċ-ċittadini tiegħu u ta’ dawk li lejhom għandu responsabbiltà konsulari fil-Côte d’Ivoire;

    (iii)

    provvisti ta' tagħmir militari mhux letali relatat mal-infurzar tal-liġi intiż biex il-forzi ta’ sigurtà Ivorjan jkunu jistgħu jużaw biss forza adatta u proporzjonata fiż-żamma tal-ordni pubbliku;

    (c)

    il-provvista ta’ ilbies protettiv, inklużi ġkieket għall-flak u elmi militari, esportati temporanjament lejn il-Côte d’Ivoire minn persunal tan-Nazzjonijiet Uniti, mill-persunal tal-Unjoni jew tal-Istati Membri tagħha, minn rappreżentanti tal-media u ħaddiema umanitarji u dawk impjegati fl-iżvilupp u l-persunal assoċjat għall-użu personali tagħhom biss;

    (d)

    provvisti ta' armi u tagħmir letali relatat ieħor lill-forzi ta’ sigurtà Ivorjani, intiżi unikament għas-sostenn ta', u l-użu fil-proċess Ivorjan ta’ Riforma tas-Settur tas-Sigurtà, kif approvat minn qabel mill-Kumitat;

    (e)

    provvisti ta' tagħmir militari mhux letali li jista' jintuża għar-ripressjoni interna u li huwa intiż unikament biex il-forzi ta’ sigurtà Ivorjani jkunu jistgħu jużaw biss forza adatta u proporzjonata fiż-żamma tal-ordni pubbliku;

    (f)

    provvisti ta' tagħmir li jista' jintuża għar-ripressjoni interna lill-forzi ta’ sigurtà Ivorjani, intiżi unikament għas-sostenn ta', jew l-użu fil-proċess Ivorjan ta’ Riforma tas-Settur tas-Sigurtà.”

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Lulju 2012.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    V. SHIARLY


    (1)  ĠU L 285, 30.10.2010, p. 28.


    Top