Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012D0319

    2012/319/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tas- 7 ta’ Ġunju 2012 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar emenda għall-Protokoll 31 (dwar il-kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba’ libertajiet) u l-Protokoll 37 (li fih il-lista stabbilita fl-Artikolu 101) għall-Ftehim ŻEE

    ĠU L 164, 23.6.2012, p. 2–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2012/319/oj

    23.6.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 164/2


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    tas-7 ta’ Ġunju 2012

    dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar emenda għall-Protokoll 31 (dwar il-kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba’ libertajiet) u l-Protokoll 37 (li fih il-lista stabbilita fl-Artikolu 101) għall-Ftehim ŻEE

    (2012/319/UE)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 172 flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 tat-28 ta’ Novembru 1994 (1) dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 1(3) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta li saret mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Il-Protokoll 31 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (2) (“il-Ftehim ŻEE”) fih dispożizzjonijiet u arranġamenti rigward kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba’ libertajiet,

    (2)

    Huwa xieraq li tiġi estiża l-kooperazzjoni tal-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim ŻEE sabiex tinkludi r-Regolament (UE) Nru 912/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2010 li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea GNSS (3).

    (3)

    Il-Protokoll 31 għall-Ftehim ŻEE għandu għalhekk jiġi emendat sabiex tkun tista’ sseħħ din l-estensjoni ta’ kooperazzjoni. Fir-rigward tal-parteċipazzjoni tan-Norveġja, għandu jitqies ukoll f’dan ir-rigward il-Ftehim ta’ Kooperazzjoni dwar in-Navigazzjoni bis-Satellita bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u r-Renju tan-Norveġja (4), u b’mod partikolari l-Artikolu 6 dwar is-sigurtà. Minħabba problemi ekomomiċi, il-parteċipazzjoni tal-Islanda fil-programmi ta’ GNSS għandha tiġi sospiża temporanjament.

    (4)

    Biex il-Ftehim ŻEE jiffunzjona tajjeb, il-Protokoll 37 għall-Ftehim għandu jiġi estiż biex jinkludi lill-Bord għall-Akkreditazzjoni tas-Sigurtà għas-sistemi Ewropej ta’ GNSS u l-Bord Amministrattiv stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 912/2010, u l-Protokoll 31 għandu jiġi emendat sabiex jispeċifika l-proċeduri għall-parteċipazzjoni,

    (5)

    Il-pożizzjoni tal-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni mehmuż,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar l-emendi proposti għall-Protokoll 31 u l-Protokoll 37 tal-Ftehim ŻEE għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-ġurnata tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fil-Lussemburgu, is-7 ta’ Ġunju 2012.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. BØDSKOV


    (1)  OJ L 305, 30.11.1994, p. 6.

    (2)  ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3.

    (3)  ĠU L 276, 20.10.2010, p. 11.

    (4)  ĠU L 283, 29.10.2010, p. 12.


    ABBOZZ

    DEĊIŻJONI Nru …/2012 TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE

    ta’

    li temenda l-Protokoll 31 (dwar il-kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba’ libertajiet) u l-Protokoll 37 (li fih il-lista stabbilita fl-Artikolu 101) għall-Ftehim ŻEE

    IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

    Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, kif emendat mill-Protokoll li jaġġusta l-Ftehim taż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”), u b’mod partikolari l-Artikoli 86, 98 u 101 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Huwa xieraq li tiġi estiża l-kooperazzjoni tal-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim ŻEE sabiex tinkludi r-Regolament (UE) Nru 912/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2010 li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea GNSS (1).

    (2)

    Il-Protokoll 31 għall-Ftehim ŻEE għandu għalhekk jiġi emendat sabiex tkun tista’ sseħħ din l-estensjoni ta’ kooperazzjoni. Fir-rigward tal-parteċipazzjoni tan-Norveġja, għandu jitqies ukoll f’dan ir-rigward il-Ftehim ta’ Kooperazzjoni dwar in-Navigazzjoni bis-Satellita bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u n-Norveġja (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 6 dwar is-sigurtà. Madanakollu, minħabba problemi ekomomiċi, il-parteċipazzjoni tal-Islanda fil-programmi ta’ GNSS għandha tiġi sospiża temporanjament.

    (3)

    Biex il-Ftehim ŻEE jiffunzjona tajjeb, il-Protokoll 37 għall-Ftehim ŻEE għandu jiġi estiż biex jinkludi lill-Bord għall-Akkreditazzjoni tas-Sigurtà għas-sistemi Ewropej ta’ GNSS u l-Bord Amministrattiv stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 912/2010, u l-Protokoll 31 għandu jiġi emendat sabiex jispeċifika l-proċeduri għall-parteċipazzjoni,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Artikolu 1 (Riċerka u żvilupp teknoloġiku) tal-Protokoll 31 għall-Ftehim ŻEE għandu jiġi emendat kif ġej:

    1.

    Il-paragrafu 8 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “8.

    (a)

    L-Istati tal-EFTA għandhom jipparteċipaw bis-sħiħ fl-Aġenzija Ewropea GNSS, minn hawn’il quddiem “l-Aġenzija”, kif stabbilit bl-att tal-Unjoni li ġej:

    32010 R 0912: ir-Regolament (UE) Nru 912/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2010 li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea GNSS, li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1321/2004 dwar l-istabbiliment ta’ strutturi għat-tmexxija tal-programmi Ewropej ta’ radjunavigazzjoni bis-satellita u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 683/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 276, 20.10.2010, p. 11).

    (b)

    L-Istati tal-EFTA għandhom jikkontribwixxu finanzjarjament għall-attivitajiet tal-Aġenzija msemmijin taħt il-punt (a) skont l-Artikolu 82(1)(a) tal-Protokoll 32 tal-Ftehim.

    (c)

    L-Istati tal-EFTA għandhom jipparteċipaw bis-sħiħ, mingħajr id-dritt tal-vot, fil-Bord Amministrattiv tal-Aġenzija u Bord għall-Akkreditazzjoni tas-Sigurtà tal-Aġenzija.

    (d)

    L-Aġenzija għandu jkollha personalità ġuridika. Hija għandha tgawdi fl-Istati kollha tal-Partijiet Kontraenti l-kapaċità l-iktar wiesgħa mogħtija lill-persuni legali skont il-liġjiet tagħhom.

    (e)

    L-Istati tal-EFTA għandhom japplikaw lill-Aġenzija l-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea.

    (f)

    Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 12(2)(a) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ persunal ieħor tal-Unjoni Ewropea, ċittadini tal-Istati tal-EFTA li jgawdu d-drittijiet kollha tagħhom bħala ċittadini jistgħu jiddaħħlu jaħdmu b’kuntratt mid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija.

    (g)

    Bis-saħħa tal-Artikolu 79(3) tal-Ftehim, il-Parti VII (Dispożizzjonijiet Istituzzjonali) tal-Ftehim għandha tapplika għal dan il-paragrafu, bl-eċċezzjoni tat-Taqsimiet 1 u 2 tal-Kapitolu 3 tal-Ftehim.

    (h)

    Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni għandu, għall-applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament, japplika għal kull dokument tal-Aġenzija, inklużi dawk li jirrigwardaw l-Istati tal-EFTA.

    (i)

    Fir-rigward tal-Islanda, dan il-paragrafu għandu jiġi sospiż sakemm jiġi deċiż mod ieħor mill-Kumitat Konġunt taż-ŻEE.

    (j)

    Dan il-paragrafu ma għandux japplika għal-Liechtenstein.”.

    2.

    Dan li ġej għandu jiżdied mal-punt (a) tal-paragrafu 8a:

    “, kif emendat permezz ta’:

    32010 R 0912: ir-Regolament (UE) Nru 912/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2010 (ĠU L 276, 20.10.2010. p. 11).”

    Artikolu 2

    Il-Protokoll 37 ta’ mal-Ftehim ŻEE għandu jiġi emendat kif ġej:

    1.

    Il-punti 30 u 31 għandhom jitħassru.

    2.

    Għandhom jiddaħħlu l-punti li ġejjin:

    “34.

    Il-Bord għall-Akkreditazzjoni tas-Sigurtà għas-sistemi Ewropej ta’ GNSS (ir-Regolament (UE) Nru 912/2010).

    35.

    Il-Bord Amministrattiv (ir-Regolament (UE) Nru 912/2010).”.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fi …, dmet li n-notifiki kollha taħt l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim ŻEE ikunu saru lill-Kumitat Konġunt taż-ŻEE (*).

    Hija għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2012.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE, u fis-Suppliment taż-ŻEE, ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi …, …

    Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

    Il-President

    Is-Segretarji għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE


    (1)  ĠU L 276, 20.10.2010, p. 11.

    (2)  ĠU L 283, 29.10.2010, p. 12.

    (*)  [L-ebda rekwiżiti kostituzzjonali ma huma indikati.] [Huma indikati rekwiżiti kostituzzjonali.]


    Top