EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012D0123

Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/123/PESK tas- 27 ta’ Frar 2012 li temenda d-Deċiżjoni 2011/523/UE li parzjalment tissospendi l-applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Koperazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika Għarbija Sirjana

ĠU L 54, 28.2.2012, p. 18–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2012/123(1)/oj

28.2.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 54/18


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2012/123/PESK

tas-27 ta’ Frar 2012

li temenda d-Deċiżjoni 2011/523/UE li parzjalment tissospendi l-applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Koperazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika Għarbija Sirjana

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207 flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fit-18 ta’ Jannar 1977, il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika Għarbija Sirjana kkonkludew Ftehim ta’ Kooperazzjoni (1) (“il-Ftehim ta’ Kooperazzjoni”) biex jippromwovu l-kooperazzjoni ġenerali bil-ħsieb li jsaħħu r-relazzjonijiet ta’ bejniethom.

(2)

Fit-2 ta’ Settembru 2011, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2011/523/UE (2) li parzjalment tissospendi l-applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Kooperazzjoni sa meta l-awtoritajiet Sirjani jtemmu l-ksur sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem u jkunu jistgħu mill-ġdid jitqiesu bħala konformi mal-liġi internazzjonali ġenerali u mal-prinċipji li jiffurmaw il-bażi tal-Ftehim ta’ Koperazzjoni.

(3)

Minn dak iż-żmien, u fid-dawl ta’ aktar deterjorazzjoni tas-sitwazzjoni fis-Sirja, l-Unjoni adottat miżuri restrittivi ulterjuri kontra r-reġim tas-Sirja (3).

(4)

F’dan ir-rigward, is-sospensjoni parzjali tal-applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Kooperazzjoni għandha tkompli sejra. F’konformità mad-Deċiżjoni 2011/523/UE, is-sospensjoni għandha jkollha l-għan li tolqot lill-awtoritajiet Sirjani biss u mhux lill-poplu tas-Sirja, u għalhekk għandha tkun limitata kif meħtieġ. Ladarba d-deheb, il-metalli prezzjużi u d-djamanti huma prodotti li l-kummerċ fihom jibbenefika b’mod partikolari r-reġim tas-Sirja, u li għalhekk isostni l-politika tagħha ta’ ripressjoni, is-sospensjoni għandha tiġi estiża biex tapplika wkoll għall-kummerċ f’dawn il-materjali,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-miżuri elenkati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni għandhom jiżdiedu mal-Anness tad-Deċiżjoni 2011/523/UE.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi nnotifikata lir-Repubblika Għarbija tas-Sirja.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussel, is-27 ta’ Frar 2012.

Għall-Kunsill

Il-President

C. ASHTON


(1)  ĠU L 269, 27.9.1978, p. 2.

(2)  ĠU L 228, 3.9.2011, p. 19.

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 36/2012 tat-18 ta’ Jannar 2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU L 16, 19.1.2012, p. 1), ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 55/2012 tat-23 ta’ Jannar 2012 li jimplimenta l-Artikolu 33(1) tar-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU L 19, 24.1.2012, p. 6), id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2012/37/PESK tat-23 ta’ Jannar 2012 li timplimenta d-Deċiżjoni 2011/782/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU L 19, 24.1.2012, p. 33).


ANNESS

Lista ta’ entitajiet imsemmija fl-Artikolu 1

“(6)

Il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni, diretti jew indiretti, ta’ deheb, metalli prezzjużi u djamanti, kif elenkati hawn taħt, kemm jekk joriġinaw fl-Unjoni kif ukoll jekk le, lill-Gvern tas-Sirja, lill-korpi pubbliċi, korporazzjonijiet u aġenziji tiegħu, lill-Bank Ċentrali tas-Sirja, lil kwalunkwe persuna, entità jew korp li jaġixxu f’isimhom jew b’ordni minnhom, jew lil kwalunkwe entità jew korp li huma proprjetà tagħhom jew ikkontrollati minnhom;

(7)

Ix-xiri, l-importazzjoni jew it-trasport, direttament jew indirettament, ta’ deheb, metalli prezzjużi u djamanti, kif elenkati hawn taħt, kemm jekk l-oġġett ikkonċernat joriġina fis-Sirja kif ukoll jekk le, mill-Gvern tas-Sirja, mill-korpi pubbliċi, korporazzjonijiet u aġenziji tiegħu, mill-Bank Ċentrali tas-Sirja u minn kwalunkwe persuna, entità jew korp li jaġixxu f’isimhom jew b’ordni minnhom, jew minn kwalunkwe entità jew korp li huma proprjetà tagħhom jew ikkontrollati minnhom; u

(8)

Il-provvista, diretta jew indiretta, ta’ assistenza teknika jew ta’ servizzi ta’ senserija, finanzjament jew assistenza finanzjarja, relatati mal-merċi msemmija fil-punti (6) u (7), lill-Gvern tas-Sirja, lill-korpi pubbliċi, korporazzjonijiet u aġenziji tiegħu, lill-Bank Ċentrali tas-Sirja u lil kwalunkwe persuna, entità jew korp li jaġixxu f’isimhom jew b’ordni minnhom, jew lil kwalunkwe entità jew korp li huma proprjetà tagħhom jew ikkontrollati minnhom;

Id-deheb, il-metalli prezzjużi u d-djamanti msemmija f’dan l-Anness huma:

Kodiċi tas-SA

Isem tal-merkanzija

7102

Djamanti, maħdumin jew le, iżda mhux immuntati jew ingastati.

7106

Fidda (inkluża fidda miksija bid-deheb jew platinu), mhux maħduma jew f’għamliet semimanifatturati, jew f’għamla ta’ trab.

7108

Deheb (inkluż deheb miksi bi platinu), mhux maħdum jew f’għamla semimanifatturata, jew f’għamla ta’ trab.

7109

Metalli komuni jew fidda, miksijin bid-deheb, mhux maħdumin aktar ħlief semi-manifatturati.

7110

Platinu, f’għamliet mhux maħdumin jew semimanifatturati, jew f’għamla ta’ trab.

7111

Metalli komuni, fidda jew deheb, miksijin bil-platinu, mhux maħdumin aktar ħlief semimanifatturati.

7112

Skart u fdal ta’ metall prezzjuż jew ta’ metall miksi b’metall prezzjuż; skart u fdal ieħor li fihom metall prezzjuż jew komposti ta’ metall prezzjuż, ta’ tip użat l-aktar għall-irkupru ta’ metall prezzjuż.”.


Top