Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012D0069

    2012/69/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tat- 3 ta’ Frar 2012 li temenda d-Deċiżjonijiet 2007/305/KE, 2007/306/KE u 2007/307/KE rigward il-perjodu ta’ tolleranza għal traċċi tal-ibridu taż-żrieragħ taż-żejt tal-kolza Ms1xRf1 (ACS-BNØØ4-7xACS-BNØØ1-4), tal-ibridu taż-żrieragħ taż-żejt tal-kolza Ms1xRf2 (ACS-BNØØ4-7xACS-BNØØ2-5) u żrieragħ taż-żejt tal-kolza Topas 19/2 (ACS-BNØØ7-1), kif ukoll il-prodotti derivati minnhom (notifikata bid-dokument numru C(2012) 518)

    ĠU L 34, 7.2.2012, p. 12–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2012/69/oj

    7.2.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 34/12


    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

    tat-3 ta’ Frar 2012

    li temenda d-Deċiżjonijiet 2007/305/KE, 2007/306/KE u 2007/307/KE rigward il-perjodu ta’ tolleranza għal traċċi tal-ibridu taż-żrieragħ taż-żejt tal-kolza Ms1xRf1 (ACS-BNØØ4-7xACS-BNØØ1-4), tal-ibridu taż-żrieragħ taż-żejt tal-kolza Ms1xRf2 (ACS-BNØØ4-7xACS-BNØØ2-5) u żrieragħ taż-żejt tal-kolza Topas 19/2 (ACS-BNØØ7-1), kif ukoll il-prodotti derivati minnhom

    (notifikata bid-dokument numru C(2012) 518)

    (It-test bil-lingwa Ġermaniża biss huwa awtentiku)

    (2012/69/UE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar ikel u għalf ġenetikament modifikati (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 8(6) u 20(6) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Id-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 2007/305/KE (2), 2007/306/KE (3) u 2007/307/KE (4) jistabbilixxu r-regoli għall-irtirar mis-suq ta’ materjal ġenetikament modifikat kif ġej (“il-materjal ĠM”): ibridu taż-żrieragħ taż-żejt tal-kolza Ms1xRf1 (ACS-BNØØ4-7xACS-BNØØ1-4), ibridu taż-żrieragħ taż-żejt tal-kolza Ms1xRf2 (ACS-BNØØ4-7xACS-BNØØ2-5) u żrieragħ taż-żejt tal-kolza Topas 19/2 (ACS-BNØØ7-1), kif ukoll il-prodotti derivati minnhom. Dawk id-Deċiżjonijiet ġew adottati wara li n-notifikant tal-materjal ĠM kien indika lill-Kummissjoni li ma kellu l-ebda intenzjoni li jissottometti applikazzjoni għat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni ta’ dak il-materjal skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(4), l-Artikolu 11, l-Artikolu 20(4) u l-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003.

    (2)

    It-tliet Deċiżjonijiet kollha jipprovdu għal perjodu ta’ żmien tranżitorju ta’ ħames snin, li matulhom ikel u għalf li fih materjal ĠM huwa permess li jitqiegħed fis-suq, skont l-Artikolu 4(2) jew l-Artikolu 16(2) tar-Regolament, suġġett għal għadd ta’ kundizzjonijiet. Id-Deċiżjonijiet jistipulaw b’mod partikolari li l-preżenza tal-materjal ĠM fl-ikel u fl-għalf ma jeċċedix il-limitu ta’ 0,9 % u li l-preżenza ta’ dan il-materjal ĠM tkun aċċidentali jew teknikament inevitabbli. L-għan tal-perjodu tranżitorju huwa li jkun ikkunsidrat il-fatt li traċċi żgħar ħafna ta’ materjal ĠM jistgħu jkunu preżenti fil-katina alimentari u tal-għalf għal xi żmien wara li n-notifikant ikun iddeċieda li jwaqqaf il-bejgħ ta’ żrieragħ derivati mill-organiżmu ġenetikament modifikat (OĠM), anke jekk in-notifikant ikun ħa l-miżuri kollha biex jevita dik il-preżenza.

    (3)

    Id-Deċiżjonijiet 2007/305/KE u 2007/306/KE jistipulaw ukoll serje ta’ miżuri li n-notifikant għandu jieħu sabiex jassigura l-irtirar effettiv mis-suq tal-ibridu taż-żrieragħ taż-żejt tal-kolza Ms1xRf1 (ACS-BNØØ4-7xACS-BNØØ1-4), tal-ibridu taż-żrieragħ taż-żejt tal-kolza Ms1xRf2 (ACS-BNØØ4-7xACS-BNØØ2-5) u l-prodotti derivati minnhom. Miżuri simili ma tqisux meħtieġa fid-Deċiżjoni 2007/307/KE billi n-notifikant kien waqqaf il-bejgħ taż-żrieragħ taż-żejt tal-kolza ACS-BNØØ7-1 wara l-istaġun tat-tħawwil tal-2003 u fid-dawl tal-fatt illi l-ħażniet tal-prodotti derivati minn żrieragħ taż-żejt tal-kolza ACS-BNØØ7-1 kienu ntużaw qabel it-18 ta’ April 2007. Madankollu, peress li traċċi żgħar ħafna ta’ żrieragħ taż-żejt tal-kolza ACS-BNØØ7-1 jistgħu jibqgħu preżenti fi prodotti tal-ikel jew tal-għalf għal ċertu perjodu ta’ żmien kien meħtieġ li tkun adottata d-Deċiżjoni 2007/307/KE.

    (4)

    Fin-nuqqas tal-esperjenza jew dejta konkreta dwar iż-żmien meħtieġ biex ikun żgurat l-irtirar totali mis-suq tal-materjal ĠM, il-livell tollerat ta’ preżenza ta’ dak il-materjal u ż-żmien meħtieġ biex ikun żgurat l-irtirar totali mill-katina alimentari u tal-għalf stipulat fid-Deċiżjonijiet 2007/305/KE, 2007/306/KE u 2007/307/KE kienu stabbiliti fuq il-bażi tad-dejta disponibbli f’dan iż-żmien u r-riżultati tal-ittestjar mill-partijiet interessati.

    (5)

    Skont ir-rekwiżiti tad-Deċiżjonijiet 2007/305/KE u 2007/306/KE, id-detentur tal-awtorizzazzjoni f’Ottubru 2007 u f’Novembru 2011 issottometta rapporti dettaljati dwar l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ diskontinwità tal-avvenimenti taż-żrieragħ taż-żejt tal-kolza ĠM imsemmija hawn fuq. Dawn ir-rapporti jiddeskrivu miżuri fil-passat u fil-preżent li ġew implimentati mid-detentur tal-awtorizzazzjoni skont id-deċiżjonijiet imsemmija hawn fuq sabiex tkun żgurata t-tneħħija ta’ dan il-materjal ĠM mis-suq. Dawn jinkludu, fost oħrajn, il-passi meħuda sabiex l-operaturi kummerċjali fl-UE ġew infurmati bl-istatus li twaqqaf ta’ dan il-materjal ĠM, l-implimentazzjoni ta’ sensiela ta’ miżuri biex ikun żgurat l-irtirar u l-qerda tal-istokk taż-żrieragħ kummerċjali li kien fadal, il-konklużjoni ta’ ftehimiet mal-partijiet terzi kollha involuti fil-kummerċjalizzazzjoni ta’ dan il-materjal ĠM biex ikun żgurat li ż-żrieragħ minn dan il-materjal ĠM jew jintbagħtu lura lejn id-detentur tal-awtorizzazzjoni jew jinqerdu effettivament, l-azzjonijiet meħuda biex tkun żgurata t-tneħħija tar-reġistrazzjoni tal-varjetajiet irreġistrati tal-avveniment ikkonċernat mill-katalogu taż-żerriegħa nazzjonali u l-implimentazzjoni ta’ programm intern ibbażat fuq proċess ta’ assigurazzjoni tal-kwalità biex tkun evitata l-preżenza ta’ dawn l-avvenimenti ĠM waqt it-tnissil u l-produzzjoni taż-żerriegħa.

    (6)

    Riżultati riċenti tat-testijiet mibgħuta mill-partijiet interessati lill-Kummissjoni juru li l-miżuri meħuda mid-detentur tal-awtorizzazzjoni ppermettew it-tneħħija tal-materjal ĠM kważi kollu mis-suq. Madankollu, dawn ir-riżultati juru wkoll li traċċi żgħar ħafna (< 0,1 %) tal-materjal ĠM jistgħu jkunu għadhom preżenti fil-katina alimentari jew tal-għalf fi tmiem il-perjodu transitorju stipulat fid-deċiżjonijiet 2007/305/KE, 2007/306/KE u 2007/307/KE. Il-preżenza ta’ traċċi li jkun għad fadal wara d-data tal-iskadenza stipulata f’dawn id-deċiżjonijiet, minkejja l-miżuri meħuda min-notifikant, jistgħu jiġu spjegati mill-bijoloġija taż-żrieragħ taż-żejt tal-kolza li jistgħu jibqgħu reqdin għal perjodi twal kif ukoll mill-prassi tal-biedja li ntużat għall-ħsad taż-żrieragħ u li tirriżulta f’tixrid aċċidentali, li l-livell tiegħu kien diffiċli biex jiġi stmat fid-data tal-adozzjoni tat-tliet Deċiżjonijiet imsemmija hawn fuq.

    (7)

    Kuntrarju għal dan l-isfond huwa neċessarju li l-perjodu transizzjonali attwali jiġi estiż għal ħames snin oħra, jiġifieri sal-31 ta’ Diċembru 2016. Dan il-perjodu transitorju supplimentari għandu jipprovdi ħin suffiċjenti biex jippermetti t-tneħħija totali tal-materjal ĠM mill-katina alimentari u tal-għalf, bil-kunsiderazzjoni tal-parametri msemmija hawn fuq marbuta mal-bijoloġija taż-żrieragħ taż-żejt tal-kolza u l-prassi tal-biedja użata fil-passat għall-ħsad tal-uċuħ.

    (8)

    Għal aktar kontribuzzjoni fit-tneħħija taż-żrieragħ taż-żejt tal-kolza ACS-BNØØ7-1 mill-katina alimentari u tal-għalf, huwa xieraq ukoll li fid-Deċiżjoni 2007/307/KE jkun stipulat li n-notifikant għandu jimplimenta programm intern biex tiġi evitata l-preżenza ta’ dan l-avveniment waqt il-proċess ta’ tnissil u l-produzzjoni taż-żerriegħa.

    (9)

    Sal-1 ta’ Jannar 2014, in-notifikant għandu jressaq rapport lill-Kummissjoni li jagħti tagħrif dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri stabbiliti fl-Anness mad-Deċiżjonijiet 2007/305/KE u 2007/306/KE, kif ukoll fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2007/307/KE matul il-perjodu addizzjonali taż-żmien mogħti minn din id-Deċiżjoni.

    (10)

    Minħabba livelli baxxi ħafna ta’ traċċi li ġew irrappurtati, huwa xieraq li l-livell ta’ preżenza tal-materjal ĠM li huwa ttollerat fl-ikel u fl-għalf jitnaqqas għal 0,1 %.

    (11)

    Id-Deċiżjonijiet 2007/305/KE, 2007/306/KE u 2007/307/KE għandhom għalhekk jiġu emendati skont dan.

    (12)

    Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.   Id-Deċiżjoni 2007/305/KE hija emendata kif ġej:

    (a)

    It-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 għandu jiġi mibdul b’dan li ġej:

    “Sal-1 ta’ Jannar 2014, in-notifikant għandu jippreżenta lill-Kummissjoni rapport dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri stipulati fl-Anness.”

    (b)

    L-Artikolu 2 għandu jinbidel b’dan li ġej:

    “Artikolu 2

    Il-preżenza ta’ materjal li fih ACS-BNØØ4-7, ACS-BNØØ1-4 li jikkonsisti minnhom jew li hu prodott minnhom u mill-kombinazzjoni tal-ibridu taż-żrieragħ taż-żejt tal-kolza ACS-BNØØ4-7xACS-BNØØ1-4 fi prodotti tal-ikel jew tal-għalf notifikati taħt l-Artikolu 8(1)(a) u l-Artikolu 20(1) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 għandha tkun ittollerata sal-31 ta’ Diċembru 2016:

    (a)

    bil-kondizzjoni li din il-preżenza tkun aċċidentali jew teknikament inevitabbli; kif ukoll

    (b)

    fi proporzjon mhux ogħla minn 0,1 %.”

    2.   Id-Deċiżjoni 2007/306/KE hija emendata kif ġej:

    (a)

    It-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 għandu jiġi mibdul b’dan li ġej:

    “Sal-1 ta’ Jannar 2014, in-notifikant għandu jippreżenta lill-Kummissjoni rapport dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri stipulati fl-Anness.”

    (b)

    L-Artikolu 2 jinbidel b’dan li ġej:

    “Artikolu 2

    Il-preżenza ta’ materjal li fih ACS-BNØØ4-7, ACS-BNØØ2-5 li jikkonsisti minnhom jew li hu prodott minnhom u mill-kombinazzjoni tal-ibridu taż-żrieragħ taż-żejt tal-kolza ACS-BNØØ4-7xACS-BNØØ2-5 fi prodotti tal-ikel jew tal-għalf notifikati taħt l-Artikolu 8(1)(a) u l-Artikolu 20(1) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 għandha tkun ittollerata sal-31 ta’ Diċembru 2016:

    (a)

    bil-kondizzjoni li din il-preżenza tkun aċċidentali jew teknikament inevitabbli; kif ukoll

    (b)

    fi proporzjon mhux ogħla minn 0,1 %.”

    3.   L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2007/307/KE huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 1

    1.   In-notifikant għandu jimplimenta programm intern biex tiġi evitata l-preżenza ta’ żrieragħ taż-żejt tal-kolza ACS-BNØØ7-1 waqt it-tnissil u l-produzzjoni taż-żerriegħa u għandu jirrappurta lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ din il-miżura sal-1 ta’ Jannar 2014.

    3.2.   Il-preżenza ta’ materjal li fih iż-żrieragħ taż-żejt tal-kolza ACS-BNØØ7-1 li jikkonsisti minnu jew li hu prodott minnu, fi prodotti tal-ikel jew tal-għalf notifikati taħt l-Artikolu 8(1)(a) u l-Artikolu 20(1) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 għandha tkun ittollerata sal-31 ta’ Diċembru 2016:

    (a)

    bil-kondizzjoni li din il-preżenza tkun aċċidentali jew teknikament inevitabbli; kif ukoll

    (b)

    fi proporzjon mhux ogħla minn 0,1 %.”

    Artikolu 2

    L-entrati fir-Reġistru Komunitarju tal-ikel u l-għalf ġenetikament modifikati, kif stipulat fl-Artikolu 28 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, fir-rigward ta’ ACS-BNØØ4-7, ACS-BNØØ1-4 u l-kombinazzjoni tal-ibridu taż-żrieragħ taż-żejt tal-kolza ACS-BNØØ4-7xACS-BNØØ1-4, ACS-BNØØ4-7, ACS-BNØØ2-5 u l-kombinazzjoni tal-ibridu taż-żrieragħ taż-żejt tal-kolza ACS-BNØØ4-7xACS-BNØØ2-5 u ż-ż-żrieragħ taż-żejt tal-kolza ACS-BNØØ7-1, għandhom jiġu modifikati sabiex jieħdu inkonsiderazzjoni din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Bayer CropScience AG, Alfred-Nobel-Str. 50, 40789 Monheim am Rhein, il-Ġermanja.

    Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Frar 2012.

    Għall-Kummissjoni

    John DALLI

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 268, 18.10.2003, p. 1.

    (2)  ĠU L 117, 5.5.2007, p. 17.

    (3)  ĠU L 117, 5.5.2007, p. 20.

    (4)  ĠU L 117, 5.5.2007, p. 23.


    Top