Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012D0002(01)

    2012/133/UE: Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tas- 27 ta’ Frar 2012 li tħassar Deċiżjoni BĊE/2010/3 dwar miżuri temporanji marbutin mal-eliġibbiltà ta’ strumenti ta’ dejn għas-suq maħruġin jew iggarantiti mill-Gvern Grieg (BĊE/2012/2)

    ĠU L 59, 1.3.2012, p. 36–36 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2012/133(1)/oj

    1.3.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 59/36


    DEĊIŻJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

    tas-27 ta’ Frar 2012

    li tħassar Deċiżjoni BĊE/2010/3 dwar miżuri temporanji marbutin mal-eliġibbiltà ta’ strumenti ta’ dejn għas-suq maħruġin jew iggarantiti mill-Gvern Grieg

    (BĊE/2012/2)

    (2012/133/UE)

    L-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (minn hawn ’il quddiem l-“Istatut tas-SEBĊ”), u partikolarment l-Artikolu 12.1 u t-tieni inċiż tal-Artikolu 34.1, flimkien mal-ewwel inċiż tal-Artikolu 3.1 u l-Artikolu 18.2 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Skont l-Artikolu 18.1 tal-Istatut tas-SEBĊ, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro jistgħu jmexxu operazzjonijiet ta’ kreditu ma’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u parteċipanti oħra fis-suq, bis-self ikun ibbażat fuq kollateral xieraq. Il-kriterji li jiddeterminaw l-eliġibbiltà tal-kollateral għall-finijiet tal-operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema huma elenkati f’Anness I tal-Linja Gwida BĊE/2011/14 tal-20 ta’Settembru 2011 dwar l-istrumenti u l-proċeduri tal-politika monetarja tal- Eurosistema (1) (minn hawn ’il quddiem imsejħa d-“Dokumentazzjoni Ġenerali”).

    (2)

    Skont it-Taqsima 1.6 tad-Dokumentazzjoni Ġenerali, il-Kunsill Governattiv tal-BĊE jista’, f’kull ħin, jibdel l-istrumenti, il-kundizzjonijiet, il-kriterji u l-proċeduri għat-twettiq tal-operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema. Skont it-Taqsima 6.3.1 tad-Dokumentazzjoni Ġenerali, l-Eurosistema tirriserva d-dritt li tiddetermina jekk il-ħruġ, l-emittent, id-debitur jew min qed jiggarantixxi jissodisfax ir-rekwiżiti tagħha għal standards ta’ kreditu għoljin abbażi ta’ kull informazzjoni li tista’ tqis bħala rilevanti.

    (3)

    Deċiżjoni BĊE/2010/3 tas-6 ta’ Mejju 2010 dwar miżuri temporanji marbutin mal-eliġibbiltà ta’ strumenti ta’ dejn għas-suq maħruġin jew iggarantiti mill-Gvern Grieg (2) issospendiet b’mod temporanju, bala miżura eċċezzjonali, ir-rekwiżiti minimi tal-Eurosistema għal-limiti tal-kwalità tal-kreditu applikabbli għal strumenti ta’ dejn għas-suq maħruġin mill-Gvern Grieg jew maħruġin minn entitajiet stabbiliti fil-Greċja u ggarantiti bis-sħiħ mill-Gvern Grieg.

    (4)

    Ir-Repubblika Ellenika ddeċidiet li tniedi offerta għall-iskambju ta’ dejn fil-kuntest tal-involviment tas-settur privat lil detenturi ta’ strumenti ta’ dejn għas-suq maħruġin mill-Gvern Grieg.

    (5)

    L-adegwatezza bħala kollateral għal operazzjonijiet tal-Eurosistema tal-istrumenti ta’ dejn għas-suq maħruġin mill-Gvern Grieg, jew maħruġin minn entitajiet stabbiliti fil-Greċja u ggarantiti bis-sħiħ mill-Gvern Grieg, kompliet tintlaqat b’mod negattiv b’din id-deċiżjoni tar-Repubblika Ellenika.

    (6)

    Id-Deċiżjoni BĊE/2010/3 għandha titħassar,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Tħassir ta’ Deċiżjoni BĊE/2010/3

    Id-Deċiżjoni BĊE/2010/3 hija mħassra.

    Artikolu 2

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-28 ta’ Frar 2012.

    Magħmul fi Frankfurt am Main, is-27 ta’ Frar 2012.

    Il-President tal-BĊE

    Mario DRAGHI


    (1)  ĠU L 331, 14.12.2011, p. 1.

    (2)  ĠU L 117, 11.5.2010, p. 102.


    Top