Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011R1342

    Regolament (UE) Nru 1342/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 13 ta’ Diċembru 2011 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1931/2006 rigward l-inklużjoni taż-żona ta’ Kaliningrad u ta’ ċerti distretti amministrattivi Pollakki fiż-żona eliġibbli tal-fruntiera

    ĠU L 347, 30.12.2011, p. 41–43 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/1342/oj

    30.12.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 347/41


    REGOLAMENT (UE) Nru 1342/2011 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tat-13 ta’ Diċembru 2011

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1931/2006 rigward l-inklużjoni taż-żona ta’ Kaliningrad u ta’ ċerti distretti amministrattivi Pollakki fiż-żona eliġibbli tal-fruntiera

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-punt (b) tal-Artikolu 77(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-parlamenti nazzjonali,

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

    Billi:

    (1)

    Ir-regoli tal-Unjoni dwar it-traffiku lokali tal-fruntiera, stabbiliti permezz tar-Regolament (KE) Nru 1931/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 jistabbilixxi r-regoli dwar it-traffiku lokali tal-fruntiera fil-fruntieri esterni fuq l-art tal-Istati Membri u jemenda d-dispożizjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Schengen (2), fis-seħħ mill-2007 ’il hawn, evitaw li jinħoloq xkiel għall-iskambju kummerċjali, għal dak li hu soċjali u kulturali jew għall-koperazzjoni reġjonali mal-pajjiżi ġirien, filwaqt li jħarsu s-sigurtà taż-żona ta’ Schengen kollha kemm hi.

    (2)

    Iż-żona ta’ Kaliningrad għandha sitwazzjoni ġeografika eċċezzjonali: bħala żona relattivament żgħira mdawra minn żewġ Stati Membri, hija l-uniku każ fl-Unjoni Ewropea ta’ art barranija mdawra kollha kemm hi b’territorju tal-Unjoni; il-forma tagħha u t-tqassim tal-popolazzjoni tagħha huma tali li jekk jiġu applikati r-regoli standard dwar id-definizzjoni taż-żona tal-fruntiera t-territorju tagħha jinqasam b’mod artifiċjali, u dan iwassal biex xi abitanti jgawdu mill-iffaċilitar għat-traffiku lokali tal-fruntiera filwaqt li l-maġġoranza, inklużi l-abitanti tal-belt ta’ Kaliningrad, ma jgawdux minnhom. Fid-dawl tan-natura omoġenja taż-żona ta’ Kaliningrad, biex jissaħħu l-iskambji kummerċjali, soċjali u kulturali kif ukoll il-koperazzjoni reġjonali, jeħtieġ li fir-Regolament (KE) Nru 1931/2006 tiddaħħal eċċezzjoni speċifika li tippermetti li ż-żona ta’ Kaliningrad kollha kemm hi titqies bħala żona ta’ fruntiera.

    (3)

    Jeħtieġ li żona speċifika tal-fruntiera fuq in-naħa Pollakka wkoll tiġi rrikonoxxuta bħala żona eliġibbli tal-fruntiera, sabiex l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1931/2006 f’dak ir-reġjun ikollha effett reali permezz ta’ aktar opportunitajiet għall-iskambju kummerċjali, soċjali u kulturali kif ukoll għall-koperazzjoni reġjonali bejn iż-żona ta’ Kaliningrad fuq in-naħa l-waħda u ċ-ċentri ewlenin fit-Tramuntana tal-Polonja fuq in-naħa l-oħra.

    (4)

    Dan ir-Regolament huwa bla ħsara għad-definizzjoni ġenerali taż-żona tal-fruntiera u għar-rispett sħiħ għar-regoli u l-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1931/2006, inklużi l-pieni li għandhom jiġu imposti mill-Istati Membri fuq residenti tal-fruntieri li jabbużaw mis-sistema tat-traffiku lokali tal-fruntiera.

    (5)

    Dan ir-Regolament jikkontribwixxi biex tkompli tiġi promossa s-sħubija strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni Russa, skont il-prijoritajiet iffissati fil-Pjan Direzzjonali tal-Ispazju Komuni dwar il-Libertà, is-Sigurtà u l-Ġustizzja u jagħti kas tar-relazzjoni ġenerali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni Russa.

    (6)

    Peress li l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri l-inklużjoni taż-żona ta’ Kaliningrad u ċerti distretti amministrattivi Pollakki fiż-żona tal-fruntiera eliġibbli ma jistawx jintlaħqu tajjeb mill-Istati Membri u jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dan l-objettiv.

    (7)

    Għal dak li għandu x’jaqsam mal-Islanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament huwa żvilupp fuq l-acquis ta’ Schengen fit-tifsira tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea mar-Repubblika tal-Islanda u mar-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn tal-aħħar fl-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (3) li jaqgħu fil-qasam li għalih hemm referenza fl-Artikolu 1, punt A, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni ta’ dak il-Ftehim (4).

    (8)

    Fir-rigward tal-Isvizzera, dan ir-Regolament huwa żvilupp fid-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen skont it-tifsira tal-Ftehim konkluż bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (5), li jaqgħu fil-qasam indikat fl-Artikolu 1, il-punt A, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE li jinqara flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (6).

    (9)

    Fir-rigward ta’ Liechtenstein, dan ir-Regolament huwa żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen, skont it-tifsira tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera u l-Prinċipat ta’ Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat ta’ Liechtenstein fil-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera fl-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (7), li jaqa’ fl-ambitu imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt A, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE li jinqara flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE (8),

    (10)

    Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll (Nru 22) dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhix marbuta bih u lanqas soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. Minħabba li dan ir-Regolament jibni fuq l-acquis ta’ Schengen, id-Danimarka, skont l-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, għandha tiddeċiedi fi żmien sitt xhur wara li l-Kunsill ikun iddeċieda dwar dan ir-Regolament jekk hijiex se timplimentah fil-liġi nazzjonali tagħha.

    (11)

    Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fih ir-Renju Unit ma jiħux sehem, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tat-29 ta’ Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq biex jieħu parti f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (9); huwa għalhekk lir-Renju Unit mhuwiex qed jieħu sehem fl-adozzjoni tiegħu u mhuwiex marbut bih jew soġġett għall-applikazzjoni tiegħu.

    (12)

    Dan ir-Regolament huwa żvilupp fuq id-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fih l-Irlanda mhix tieħu sehem, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem fi wħud mid-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (10); huwa għalhekk li l-Irlanda mhix qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni tiegħu u mhix marbuta bih u lanqas hija soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (KE) Nru 1931/2006 huwa b’dan emendat kif ġej:

    (1)

    fi tmiem l-Artikolu 3, punt (2), għandha tiżdied is-sentenza li ġejja:

    “L-inħawi elenkati fl-Anness ta’ ma’ dan ir-Regolament għandhom jitqiesu bħala parti miż-żoni tal-fruntiera;”;

    (2)

    it-test stabbilit fl-Anness ta’ dan ir-Regolament huwa miżjud bħala Anness.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

    Magħmul fi Strasburgu, it-13 ta’ Diċembru 2011.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    J. BUZEK

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. SZPUNAR


    (1)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-1 ta’ Diċembru 2011 (għadha mhix ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2011.

    (2)  ĠU L 405, 30.12.2006, p. 1.

    (3)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

    (4)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31.

    (5)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

    (6)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1.

    (7)  ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.

    (8)  ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19.

    (9)  ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43.

    (10)  ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20.


    ANNESS

    “ANNESS

    1.

    Iż-żona ta’ Kaliningrad

    2.

    Id-distretti amministrattivi Pollakki (powiaty) ta’ województwo pomorskie: pucki, m. Gdynia, m. Sopot, m. Gdańsk, gdański, nowodworski, malborski

    3.

    Id-distretti amministrattivi Pollakki (powiaty) ta’ województwo warmińsko-mazurskie: m. Elbląg, elbląski, braniewski, lidzbarski, bartoszycki, m. Olsztyn, olsztyński, kętrzyński, mrągowski, węgorzewski, giżycki, gołdapski, olecki.”.


    Top