This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32011R0477
Commission Regulation (EU) No 477/2011 of 17 May 2011 initiating an investigation concerning the possible circumvention of anti-dumping measures imposed by Council Implementing Regulation (EU) No 511/2010 on imports of certain molybdenum wires originating in the People’s Republic of China by imports of certain molybdenum wires consigned from Malaysia and Switzerland, whether declared as originating in Malaysia and Switzerland or not, and making such imports subject to registration
Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 477/2011 tas- 17 ta’ Mejju 2011 li jniedi investigazzjoni dwar il-possibilità ta' evażjoni tal-miżuri tal-antidumping imposti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 511/2010 fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti wajers tal-molibdenu li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina permezz ta' importazzjonijiet ta' ċerti wajers tal-molibdenu kunsinnati mill-Malasja u l-Isvizzera, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw fil-Malasja u l-Isvizzera u kemm jekk le, u li jagħmlu tali importazzjonijiet suġġetti għar-reġistrazzjoni
Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 477/2011 tas- 17 ta’ Mejju 2011 li jniedi investigazzjoni dwar il-possibilità ta' evażjoni tal-miżuri tal-antidumping imposti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 511/2010 fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti wajers tal-molibdenu li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina permezz ta' importazzjonijiet ta' ċerti wajers tal-molibdenu kunsinnati mill-Malasja u l-Isvizzera, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw fil-Malasja u l-Isvizzera u kemm jekk le, u li jagħmlu tali importazzjonijiet suġġetti għar-reġistrazzjoni
ĠU L 131, 18.5.2011, p. 14–17
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(HR)
In force
18.5.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 131/14 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 477/2011
tas-17 ta’ Mejju 2011
li jniedi investigazzjoni dwar il-possibilità ta' evażjoni tal-miżuri tal-antidumping imposti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 511/2010 fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti wajers tal-molibdenu li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina permezz ta' importazzjonijiet ta' ċerti wajers tal-molibdenu kunsinnati mill-Malasja u l-Isvizzera, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw fil-Malasja u l-Isvizzera u kemm jekk le, u li jagħmlu tali importazzjonijiet suġġetti għar-reġistrazzjoni
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”) u b’mod partikolari l-Artikoli 13(3), 14(3) u 14(5) tiegħu,
Wara li kkonsultat mal-Kumitat Konsultattiv b’konformità mal-Artikoli 13(3) u 14(3) tar-Regolament bażiku,
Billi:
A. TALBA
(1) |
Il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) irċeviet talba skont l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament bażiku biex tinvestiga l-possibilità ta’ evażjoni tal-miżuri antidumping imposti fuq importazzjonijiet ta’ ċerti wajers tal-molibdenu li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u biex tagħmel l-importazzjonijiet ta' ċerti wajers tal-molibdenu kunsinnati mill-Malasja u l-Isvizzera, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Malasja u l-Isvizzera u kemm jekk le, suġġetti għar-reġistrazzjoni. |
(2) |
It-talba ġiet ippreżentata fl-4 ta’ April 2011 mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Metalli (EUROMETAUX) f’isem produttur tal-Unjoni ta’ ċerti wajers tal-molibdenu. |
B. PRODOTT
(3) |
Il-prodott ikkonċernat mill-possibilità ta’ evażjoni huwa wajer tal-molibdenu, li fih mill-inqas 99,95 % tal-piż tiegħu jikkonsisti f’molibdenu, b’dimensjoni ta’ profil trasversali massimu li taqbeż 1,35 mm imma ma taqbiżx 4,0 mm, li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, fil-preżent ikklassifikat bil-kodiċi NM ex 8102 96 00 (“il-prodott ikkonċernat”). |
(4) |
Il-prodott li qed jiġi investigat huwa l-istess bħal dak definit fil-premessa preċedenti, iżda mibgħut mill-Malasja u l-Isvizzera, kemm jekk joriġina mill-Malasja u l-Isvizzera u kemm jekk le, u li bħalissa jaqa’ taħt l-istess kodiċi NM bħall-prodott ikkonċernat. |
C. MIŻURI EŻISTENTI
(5) |
Il-miżuri attwalment fis-seħħ u li possibbilment qed jiġu evitati huma miżuri antidumping imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 511/2010 (2). |
D. BAŻI
(6) |
It-talba tinkludi biżżejjed evidenza prima face li l-miżuri antidumping fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti wajers tal-molibdenu li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina qed jiġu evitati permezz ta' trasbord mill-Malasja u l-Isvizzera. L-evidenza mressqa hija kif ġej: It-talba turi li saret bidla sinifikanti fix-xejra tal-kummerċ li tinvolvi l-esportazzjonijiet mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, il-Malasja u l-Isvizzera lejn l-Unjoni wara l-impożizzjoni tal-miżuri fuq il-prodott ikkonċernat, u li ma hemmx kawża jew ġustifikazzjoni mistħoqqa biżżejjed għajr l-impożizzjoni tad-dazju għal din il-bidla. Din il-bidla fit-tendenza tal-kummerċ tidher li ġejja mit-trasbord ta’ ċerti wajers tal-molibdenu li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina vija l-Malasja u l-Isvizzera. Barra minn hekk, it-talba għandha biżżejjed evidenza prima facie li l-effetti ta’ rimedju tal-miżuri eżistenti tal-antidumping fuq il-prodott ikkonċernat qed jonqsu f’termini ta’ kwantità. Volumi sinifikanti ta’ importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat jidhru li ħadu post l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha biżżejjed evidenza li l-importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi inverstigat qed isiru bi prezzijiet ħafna anqas mill-prezz mhux ta’ danni stabbilit fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri eżistenti, aġġustati għat-tnaqqis fil-prezzijiet tal-ispejjeż tal-materja prima. Fl-aħħar nett, it-talba tinkludi biżżejjed evidenza prima facie li l-prezzijiet tal-prodott li qed jiġi investigat qegħdin ikunu oġġett ta’ dumping fir-rigward tal-valur normali stabbilit qabel għall-prodott ikkonċernat, aġġustat għat-tnaqqis fil-prezzijiet tal-ispejjeż tal-materja prima. Jekk il-prattiki ta’ evażjoni vija l-Malasja u l-Isvizzera koperti mill-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku, għajr it-trasbord, ikunu identifikati fl-investigazzjoni, l-investigazzjoni tista’ tkopri wkoll dawn il-prattiki. |
E. PROĊEDURA
Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li teżisti biżżejjed evidenza biex tiġġustifika t-tnedija ta’ investigazzjoni skont l-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku u li tagħmel l-importazzjonijiet tal-prodott investigat, kemm jekk iddikjarati bħala li joriġinaw mill-Malasja u l-Isvizzera u kemm jekk le, suġġetti għal reġistrazzjoni, skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku.
(a) Kwestjonarji
Sabiex tikseb l-informazzjoni meqjusa neċessarja għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-esportaturi/produtturi magħrufa u lill-assoċjazzjonijiet tal-esportaturi/produtturi magħrufa fil-Malasja, lill-esportaturi/produtturi magħrufa u l-assoċjazzjonijiet tal-esportaturi/produtturi magħrufa fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, lill-importaturi magħrufa u lill-assoċjazzjonijiet tal-importaturi magħrufa fl-Unjoni u lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, tal-Malasja u l-Isvizzera. Jista’ wkoll jintalab tagħrif, kif xieraq, mingħand l-industrija tal-Unjoni.
Fi kwalunkwe każ, il-partijiet kollha interessati għandhom jikkuntattjaw lill-Kummissjoni minnufih, u mhux iktar tard mil-limitu taż-żmien stabbilit fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament, u jitolbu kwestjonarju fil-limitu taż-żmien stabbilit fl-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-Regolament, peress li l-limitu taż-żmien stabbilit fl-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-Regolament japplika għall-partijiet interessati kollha.
L-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, il-Malasja u l-Isvizzera se jkunu notifikati bit-tnedija tal-investigazzjoni.
(b) Il-ġbir tat-tagħrif u s-seduti ta’ smigħ
Il-partijiet kollha interessati huma mistiedna hawn biex jagħtu l-fehmiet tagħhom bil-miktub u jipprovdu evidenza ta’ sostenn. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista’ tisma’ lill-partijiet interessati, sakemm jagħmlu talba bil-miktub u juru li hemm raġunijiet partikolari għalfejn dawn għandhom jinstemgħu.
(c) L-eżenzjoni mir-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet jew mill-miżuri
B’konformità mal-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku, l-importazzjonijiet tal-prodott investigat jistgħu jkunu eżentati mir-reġistrazzjoni jew mill-miżuri jekk l-importazzjoni ma tikkostitwixxix evażjoni.
Minħabba li l-possibilità ta' evażjoni sseħħ barra mill-Unjoni, jistgħu jingħataw eżenzjonijiet, skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku, lil produtturi fil-Malasja u l-Isvizzera ta' ċerti wajers tal-molibdenu li jistgħu juru li mhumiex relatati (3) mal-ebda produttur suġġett għall-miżuri (4) u li jinstabu li mhumiex involuti fi prattiki ta' evażjoni kif definiti fl-Artikoli 13(1) u 13(2) tar-Regolament bażiku. Il-produtturi li jixtiequ jiksbu eżenzjoni għandhom jibagħtu talba sostnuta b'evidenza xierqa fil-limitu taż-żmien stipulat fl-Artikolu 3(3) ta’ dan ir-Regolament.
F. REĠISTRAZZJONI
Skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, l-importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat għandhom ikunu suġġetti għar-reġistrazzjoni sabiex ikun żgurat li, jekk l-investigazzjoni tirriżulta f'sejbiet ta' evażjoni, ikunu jistgħu jiġu ntaxxati dazji tal-antidumping ta' ammont xieraq b’lura mid-data tar-reġistrazzjoni ta' dawn l-importazzjonijiet kunsinnati mill-Malasja u l-Isvizzera.
G. LIMITI TAŻ-ŻMIEN
Fl-interess ta’ amministrazzjoni soda, għandhom jiġu ddikjarati limiti ta’ żmien li matulhom:
— |
il-partijiet interessati jistgħu jippreżentaw irwieħhom lill-Kummissjoni, iressqu l-fehmiet tagħhom bil-miktub u jibagħtu t-tweġibiet għall-kwestjonarju tagħhom jew kwalunkwe tagħrif ieħor li għandu jitqies matul l-investigazzjoni, |
— |
il-produtturi fil-Malasja u l-Isvizzera jistgħu jitolbu eżenzjoni mir-reġistrazzjoni ta’ importazzjonijiet jew miżuri, |
— |
il-partijiet interessati jistgħu jagħmlu talba bil-miktub biex jinstemgħu mill-Kummissjoni. |
Ta’ min jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-eżerċizzju tal-parti l-kbira tad-drittijiet proċedurali stabbiliti fir-Regolament bażiku jiddependi mill-fatt li l-parti tippreżenta ruħha fil-limiti taż-żmien imsemmijin fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament.
H. IN-NUQQAS TA’ KOOPERAZZJONI
F’każijiet fejn xi parti interessata tiċħad l-aċċess jew ma tipprovdix it-tagħrif meħtieġ fiż-żmien preskritt, jew tfixkel l-investigazzjoni b’mod sinifikanti, is-sejbiet, pożittivi jew negattivi, jistgħu jsiru skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, abbażi tal-fatti disponibbli.
Fejn jinstab li xi parti interessata tkun tat tagħrif falz jew qarrieqi, dak it-tagħrif għandu jitwarrab u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli. Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera biss parzjalment, u s-sejbiet ikunu għalhekk ibbażati fuq fatti disponibbli b’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun anqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku kkooperat.
I. SKEDA TAL-INVESTIGAZZJONI
L-investigazzjoni se tiġi konkluża, skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament bażiku, fi żmien disa’ xhur mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan ir-Regolament f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
J. IPPROĊESSAR TA’ DEJTA PERSONALI
Huwa nnutat li kwalunkwe dejta personali miġbura f’din l-investigazzjoni se tiġi trattata b’konformità mar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dik id-data (5).
K. L-UFFIĊJAL TAS-SEDUTA
Ta’ min jinnota wkoll li jekk il-partijiet interessati jqisu li qegħdin jiltaqgħu ma’ diffikultajiet biex jeżerċitaw id-drittijiet ta’ difiża tagħhom, dawn ikunu jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ. Dan jagħmilha ta’ medjatur bejn il-partijiet interessati u s-servizzi tal-Kummissjoni, filwaqt li joffri, fejn ikun meħtieġ, medjazzjoni dwar kwistjonijiet proċedurali li jaffettwaw il-ħarsien tal-interessi tagħhom f’dan il-proċediment, b’mod partikolari fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jikkonċernaw l-aċċess għall-fajl, il-kunfidenzjalità, l-estensjoni tal-limiti taż-żmien u t-trattament tas-sottomissjoni tal-opinjonijiet bil-miktub u/jew bil-fomm. Għal aktar tagħrif u dettalji ta' kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni fuq l-internet tal-Uffiċjal tas-Seduta fuq il-websajt tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ (http://ec.europa.eu/trade).
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ġiet imnedija investigazzjoni skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009, sabiex jiġi determinat jekk l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ wajer tal-molibdenu, li fih mill-inqas 99,95 % tal-piż tiegħu jikkonsisti f’molibdenu, b’dimensjoni ta’ profil trasversali massimu li taqbeż 1,35 mm imma ma taqbiżx 4,0 mm, kunsinnat mill-Malasja u l-Isvizzera, kemm jekk hu ddikjarat li joriġina mill-Malasja u l-Isvizzera jew le, fil-preżent ikklassifikat bil-kodiċi NM ex 8102 96 00 (il-kodiċi TARIC 8102960011), qed jevita l-miżuri imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 511/2010.
Artikolu 2
L-awtoritajiet doganali b’dan huma mitluba, skont l-Artikolu 13(3) u l-Artikolu 14(5) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009, biex jieħdu l-passi xierqa sabiex jirreġistraw l-importazzjonijiet fl-Unjoni identifikati fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament.
Ir-reġistrazzjoni għandha tiskadi disa’ xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.
Il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ regolament, titlob lill-awtoritajiet doganali jwaqqfu r-reġistrazzjoni ta’ importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ prodotti manifatturati mill-produtturi li jkunu applikaw għal eżenzjoni mir-reġistrazzjoni u li jkun instab li jissodisfaw il-kundizzjonijiet biex tingħata eżenzjoni.
Artikolu 3
1. Il-kwestjonarji għandhom jiġu mitluba mill-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mill-pubblikazzjoni ta' dan ir-Regolament f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
2. Jekk ir-rappreżentanti tal-partijiet interessati jridu jitqiesu matul l-investigazzjoni, il-partijiet interessati jridu jagħmlu lilhom infushom magħrufa billi jikkuntattaw lill-Kummisjoni, jippreżentaw l-opinjonijiet tagħhom bil-kitba u jissottomettu t-tweġibiet tal-kwestjonarju u kwalunkwe tagħrif ieħor fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan ir-Regolament f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għajr jekk speċifikat xorta oħra.
3. Il-produtturi fil-Malasja u l-Isvizzera li jitolbu eżenzjoni mir-reġistrazzjoni ta’ importazzjoni għandhom iressqu talba sostnuta bi provi fl-istess limitu ta’ żmien ta’ 37 jum.
4. Il-partijiet interessati jistgħu japplikaw ukoll biex jinstemgħu mill-Kummissjoni fl-istess limitu ta’ żmien ta’ 37 jum.
5. Kull tagħrif, kull talba għal seduta jew għal kwestjonarju kif ukoll kull talba għal eżenzjoni mir-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet jew mill-miżuri trid issir bil-miktub (mhux f’format elettroniku, sakemm mhux speċifikat mod ieħor) u trid tindika l-isem, l-indirizz, l-indirizz elettroniku kif ukoll in-numri tat-telefown u tal-faks tal-parti interessata. Kull preżentazzjoni bil-miktub, inkluż it-tagħrif mitlub f’dan ir-Regolament, it-tweġibiet għall-kwestjonarju u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati fuq bażi kunfidenzjali għandha tkun immarkata bħala “Limitata” (6) u, b’konformita mal-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, għandha tkun akkumpanjata minn verżjoni mhux kunfidenzjali, li għandha tkun immarkata “Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati”.
L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:
European Commission |
Directorate-General for Trade |
Directorate H |
Office: Office: N105 4/92 |
1049 Bruxelles/Brussell |
BELGIQUE/BELGIË |
Fax +32 22956505 |
Artikolu 4
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Mejju 2011.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.
(2) ĠU L 150, 16.6.2010, p. 17.
(3) B'konformità mal-Artikolu 143 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 li jirrigwarda l-implimentazzjoni tal-Kodiċi Doganali Komunitarju, il-persuni għandhom jitqiesu relatati biss jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju ta’ xulxin; (b) ikunu legalment rikonoxxuti bħala soċji fin-negozju; (c) ikunu impjegatur u impjegat; (d) kull persuna li direttament jew indirettament tkun proprjetarja, tikkontrolla jew tkun detentriċi ta' 5 % jew aktar tal-ishma jew ta’ kwoti ta' ishma li jivvutaw jew tat-tnejn; (e) wieħed minnhom, direttament jew indirettament jikkontrolla lill-ieħor; (f) it-tnejn li huma huma direttament jew indirettament ikkontrollati minn terza persuna; (g) flimkien direttament jew indirettament jikkontrollaw terza persuna; jew (h) huma membri tal-istess familja. Il-persuni għandhom jitqiesu li jkunu membri tal-istess familja biss jekk ikollhom waħda mir-relazzjonijiet li ġejjin ma’ xulxin: (i) konjuġi, (ii) ġenituri u wild, (iii) aħwa (sew jekk tal-istess ġenituri jew aħwa minn ġenitur wieħed), (iv) nanniet u neputijiet, (v) ziju jew zija u neputi jew neputija, (vi) ġenituri jew ulied tar-rispett, (vii) aħwa tar-rispett. (ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1). F’dan il-kuntest “persuna” tfisser kwalunkwe persuna naturali jew ġuridika.
(4) Madankollu, anki jekk il-produtturi huma relatati skont kif jissemma hawn fuq ma’ kumpaniji suġġetti għall-miżuri stabbiliti fuq l-importazzjonijiet li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (il-miżuri oriġinali tal-antidumping), tingħata xorta waħda eżenzjoni jekk ma jkunx hemm evidenza li r-relazzjoni mal-kumpaniji suġġetti għall-miżuri oriġinali kienet stabbilita jew intużat biex ikun hemm ċirkomvenzjoni tal-miżuri oriġinali.
(6) Dan ifisser li d-dokument ikun għal użu intern biss. Huwa protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43). Huwa dokument kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (Il-Ftehim Antidumping).