EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0839

2011/839/UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 20 ta’ April 2011 dwar il-miżuri implimentati mid-Danimarka (C 2/03) għal TV2/Danmark (notifikata bid-dokument numru C(2011) 2612) Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 340, 21.12.2011, p. 1–31 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/839/oj

21.12.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 340/1


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-20 ta’ April 2011

dwar il-miżuri implimentati mid-Danimarka (C 2/03) għal TV2/Danmark

(notifikata bid-dokument numru C(2011) 2612)

(It-test Daniż biss huwa awtentiku)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2011/839/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (1), u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li stiednet lill-partijiet interessati biex iressqu l-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq (2), u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,

Billi:

I.   PROĊEDURA

(1)

Permezz tal-ittra tal-5 ta’ April 2000, il-Kummissjoni rċeviet ilment mingħand il-kumpanija tat-televiżjoni kummerċjali Daniża SBS Broadcasting SA/TvDanmark (minn issa ’l quddiem imsejħa “SBS/TvDanmark”) rigward il-finanzjament mill-Istat tax-xandar televiżiv tas-servizz pubbliku Daniż TV2/DANMARK (minn issa ’l quddiem imsejjaħ “TV2 (3)”). Fit-3 ta’ Mejju 2000 saret laqgħa mal-kwerelant. Permezz tal-ittri tat-28 ta’ Frar 2001, tat-3 ta’ Mejju 2001 u tal-11 ta’ Diċembru 2001, il-kwelerant issottometta informazzjoni addizzjonali.

(2)

Permezz tal-ittra tal-5 ta’ Ġunju 2002, il-Kummissjoni għamlet talba għall-informazzjoni lill-awtoritajiet Daniżi, li għaliha l-awtoritajiet Daniżi rrispondew permezz tal-ittra tal-10 ta’ Lulju 2002. Fil-25 ta’ Ottubru 2002 u fid-19 ta’ Novembru 2002 saru żewġ laqgħat mal-awtoritajiet Daniżi. Informazzjoni addizzjonali ġiet irċevuta permezz tal-ittri tad-19 ta’ Novembru 2002 u tat-3 ta’ Diċembru 2002.

(3)

Permezz tal-ittra tal-24 ta’ Jannar 2003 (4), il-Kummissjoni infurmat lid-Danimarka li ddeċidiet li tibda l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-finanzjament mill-Istat tax-xandar tas-servizz pubbliku Daniż TV2.

(4)

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni sabiex tibda l-proċedura ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej tal-14 ta’ Marzu 2003 (5). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati sabiex iressqu l-kummenti tagħhom dwar il-miżuri.

(5)

Il-Kummissjoni rċeviet osservazzjonijiet mingħand l-awtoritajiet Daniżi permezz tal-ittra tal-24 ta’ Marzu 2003. Barra dan, il-Kummissjoni rċeviet kummenti mingħand diversi partijiet interessati. TvDanmark issottomettiet kummenti permezz tal-ittra tal-14 ta’ April 2003. L-Assoċjazzjoni tat-Televiżjoni Kummerċjali fl-Ewropa (ACT) bagħtet il-kummenti tagħha permezz tal-ittra tal-14 ta’ April 2003. L-istazzjonijiet televiżivi kummerċjali Antena 3 TV u Gestevisión Telecinco ssottomettew kummenti fis-16 ta’ April 2003. L-istazzjon kummerċjali TV3 issottometta l-kummenti tiegħu permezz tal-ittra tal-14 ta’ April 2003. Il-Kummissjoni għaddiet dawn il-kummenti lid-Danimarka, li tat ir-reazzjoni tagħha għall-kummenti permezz tal-ittra ddatata t-12 ta’ Settembru 2003.

(6)

Il-Kummissjoni rċeviet aktar informazzjoni mingħand il-kwelerant permezz tal-ittri tal-15 ta’ Diċembru 2003 u s-6 ta’ Jannar 2004. Fis-17 ta’ Diċembru 2003 saret laqgħa bejn il-kwelerant u s-servizzi tal-Kummissjoni sabiex tiġi kjarifikata l-informazzjoni sottomessa fl-ittra tal-kwelerant tal-15 ta’ Diċembru 2003. Il-Kummissjoni għaddiet l-informazzjoni lill-Gvern Daniż, li ta r-reazzjoni tiegħu permezz tal-ittra tal-15 ta’ Marzu 2004. Fid-9 ta’ Frar 2004 saret laqgħa bejn l-awtoritajiet Daniżi u s-servizzi tal-Kummissjoni.

(7)

Fid-19 ta’ Mejju 2004, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni dwar il-finanzjament pubbliku mogħti bejn l-1995 u l-2002 lil TV2 fil-forma ta’ fondi mid-dritt tal-liċenzja u miżuri oħrajn (6). Id-deċiżjoni kkonkludiet li l-għajnuna kienet kompatibbli mas-suq komuni, bl-eċċezzjoni ta’ DKK 628,2 miljun (madwar EUR 84,3 miljun) li kellhom jiġu rkuprati flimkien mal-interessi (id-“deċiżjoni ta’ rkupru”).

(8)

Azzjonijiet legali kontra d-deċiżjoni ta’ rkupru tal-Kummissjoni ġew sussegwentement imressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja minn TV2 u l-awtoritajiet Daniżi, u mix-xandara privati Viasat u SBS/TVDanmark.

(9)

L-awtoritajiet Daniżi implimentaw id-deċiżjoni ta’ rkupru tal-Kummissjoni. Fil-fatt, TV2 ħallas lura DKK 1 050 miljun (7).

(10)

Dan il-ħlas lura wassal għal kriżi finanzjarja f’TV2. Konsegwentement fl-2004 d-Danimarka nnotifikat rikapitalizzazzjoni ta’ TV2.

(11)

Permezz tad-deċiżjoni tas-6 ta’ Ottubru 2004 (8), il-Kummissjoni approvat id-deċiżjoni tal-Gvern Daniż sabiex jirrikapitalizza lil TV2 billi jżid il-kapital ta’ TV2 b’DKK 440 miljun u permezz ta’ konverżjoni ta’ self tal-Istat ta’ DKK 394 miljun f’kapital (il-“miżuri ta’ rikapitalizzazzjoni”). SBS u Viasat ressqu azzjonijiet quddiem il-qorti kontra dik id-deċiżjoni.

(12)

Fit-22 ta’ Ottubru 2008 (9), filwaqt li kkonfermat l-ambitu tal-missjoni ta’ servizz pubbliku ta’ TV2, il-Qorti tal-Prim’Istanza (issal-Qorti Ġenerali) annullat id-deċiżjoni ta’ rkupru tal-Kummissjoni (is-“sentenza”). Din is-sentenza ma ġietx ikkontestata.

(13)

B’konsegwenza ta’ din is-sentenza tal-Qorti, il-Kummissjoni issa għandha tadotta deċiżjoni ġdida, minħabba li l-proċedura ta’ investigazzjoni formali, li tirrigwarda l-perjodu tal-1995-2002, hija miftuħa mill-ġdid.

(14)

Barra dan, il-proċedimenti ta’ litigazzjoni fil-każ ta’ rikapitalizzazzjoni rriżultaw f’Digriet tal-Qorti Ġenerali (10) tal-24 ta’ Settembru 2009 (id-“Digriet”), li ddikjarat li l-azzjoni fil-Kawża T-12/05 kienet mingħajr skop. Fil-fatt, skont il-paragrafu 35 tad-Digriet tal-Qorti, hemm rabta mill-qrib bejn id-deċiżjonijiet ta’ rkupru u dawk ta’ rikapitalizzazzjoni. Għalhekk, minħabba l-annullament tad-deċiżjoni ta’ rkupru, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li d-deċiżjoni ta’ rikapitalizzazzjoni ma kellha l-ebda sustanza u tifsira. Din indikat li “Minkejja li ċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ preżenti ġiegħlu lill-Kummissjoni tadotta żewġ deċiżjonijiet, huwa apparenti li dawk id-deċiżjonijiet jikkostitwixxu żewġ aspetti tal-istess kwistjoni legali b’rabta mal-klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 87(1) KE u, jekk hu hekk, għad-determinazzjoni tal-kompatibbiltà tagħhom mas-suq komuni, tal-miżuri implimentati mir-Renju tad-Danimarka għal TV2 u sussegwentement TV2 A/S  (11)”. L-annullament tad-deċiżjoni ta’ rkupru għalhekk jitlob għal “eżaminazzjoni ġdida tal-miżuri kollha implimentati mir-Renju tad-Danimarka għal TV2”. Id-Digriet ma ġiex ikkontestat.

(15)

B’mod konformi mad-Digriet tal-Qorti, il-Kummissjoni għandha tqis fil-valutazzjoni tagħha fid-deċiżjoni preżenti l-miżuri li ġew implimentati mill-awtoritajiet Daniżi fl-2004 bħala riżultat tal-irkupru ordnat bid-deċiżjoni ta’ rkupru li ġiet annullata.

(16)

Għalhekk, kif isegwi mill-premessi 13, 14 u 15 msemmija hawn fuq, id-deċiżjoni preżenti tkopri biss il-miżuri tal-Istat favur TV2 għas-snin 1995-2002 iżda, b’mod konformi mad-Digriet tal-Qorti, il-Kummissjoni ser tqis ukoll fil-valutazzjoni tagħha fid-deċiżjoni preżenti l-miżuri ta’ rikapitalizzazzjoni tal-2004, li rriżultaw mill-irkupru ordnat bid-deċiżjoni ta’ rkupru annullata.

(17)

Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Marzu 2009, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Daniżi sabiex jipprovdu l-analiżi tagħhom tal-implikazzjonijiet tas-Sentenza fuq il-każ.

(18)

Wara li talbu diversi estensjonijiet tal-limitu ta’ żmien, l-awtoritajiet Daniżi bagħtu l-osservazzjonijiet tagħhom fis-26 ta’ Ġunju 2009. Bħala anness mal-ittra tagħhom, l-awtoritajiet Daniżi ssottomettew il-kummenti mingħand TV2.

(19)

Ġew organizzati diversi laqgħat mal-awtoritajiet Daniżi u/jew TV2, inklużi dawk fil-25 ta’ Awwissu 2009, is-7 ta’ Frar 2011 u l-4 ta’ Marzu 2011.

(20)

Il-Kummissjoni bagħtet ukoll talbiet addizzjonali għal informazzjoni, inklużi dawk fit-22 ta’ Settembru 2010, it-28 ta’ Ottubru 2010, id-19 ta’ Novembru 2010, l-14 ta’ Jannar 2011, li l-awtoritajiet Daniżi rrispondewhom fis-17 ta’ Novembru 2010, it-30 ta’ Novembru 2010, it-3 ta’ Frar 2011, l-24 ta’ Frar 2011 u s-7 ta’ Marzu 2011. L-awtoritajiet Daniżi ssottomettew ukoll diversi oġġetti ta’ informazzjoni f’Marzu u f’April 2011.

(21)

Il-Kummissjoni rċeviet ukoll kummenti minn partijiet terzi, b’mod partikolari minn SBS/TVDanmark fis-7 ta’ Frar 2011.

(22)

Fl-4 ta’ Awwissu 2008, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet fuq l-għajnuna għas-salvataġġ li għandha tingħata lil TV2 fil-forma ta’ faċilità ta’ kreditu li tammonta għal DKK 1 000 miljun (12). Din id-deċiżjoni kienet appellata minn MTG/Viasat, il-kompetitur ta’ TV2. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri sad-deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-każ tar-ristrutturar (13).

(23)

Fl-4 ta’ Frar 2009, id-Danimarka nnotifikat lill-Kummissjoni, b’mod konformi mal-Artikolu 108(3) TFUE, pjan ta’ ristrutturar rigward TV2 Danmark A/S (iktar ’il quddiem, il-“każ ta’ ristrutturar”). Permezz tal-ittra tat-2 ta’ Lulju 2009, il-Kummissjoni infurmat lid-Danimarka li fetħet proċeduri fuq l-iskema ta’ ristrutturar (14).

(24)

L-investigazzjoni tal-Kummissjoni fil-każ ta’ ristrutturar saret flimkien mal-valutazzjoni fil-każ preżenti, u d-deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-każ ta’ ristrutturar ser tiġi adottata flimkien u simultanjament mad-deċiżjoni preżenti.

II.   DESKRIZZJONI DETTALJATA

II.1.   SFOND NAZZJONALI

II.1.1   IS-SUQ TAX-XANDIR DANIŻ MATUL IL-PERJODU 1995-2002

(25)

Matul il-perjodu 1995-2002, żewġ xandara televiżivi tas-servizz pubbliku operaw fid-Danimarka, jiġifieri Danmarks Radio (“DR”) u TV2. DR kien kważi ffinanzjat kompletament permezz ta’ dritt tal-liċenzja. TV2 kien iffinanzjat parzjalment permezz ta’ fondi mid-drittijiet tal-liċenzja, iżda wkoll mid-dħul tar-reklamar.

(26)

TV2 ġie mwaqqaf fl-1986 (15) bħala istituzzjoni awtonoma indipendenti ffinanzjata b’self mill-Gvern. Il-kumpanija bdiet ixxandar fuq livell nazzjoni fl-1 ta’ Ottubru 1988. Hija xandret il-kanal terrestri TV2 u anki bdiet ixxandar il-kanal tas-satellita TV2 Zulu fl-2000. Fl-aħħar tal-2002, TV2 Zulu nbidel minn kanal tas-servizz pubbliku għal kanal tat-televiżjoni bil-ħlas kummerċjali. Barra dan, tmien stazzjonijiet oħra ġew approvati mill-Gvern bħala stazzjonijiet TV2 reġjonali. TV2 kien meħtieġ li juri xandiriet minn stazzjonijiet TV2 reġjonali fuq il-kanal terrestri nazzjonali tiegħu.

(27)

Matul il-perjodu 1995-2002, minbarra x-xandara pubbliċi, żewġ xandara kummerċjali, TVDanmark u TV3/3+, kienu attivi fis-suq tax-xandir tat-televiżjoni fid-Danimarka kollha. Ix-xandara kummerċjali kkompetew ma’ TV2 fis-suq tar-reklamar televiżiv mal-pajjiż kollu. TVDanmark huwa parti minn SBS Broadcasting S.A. u xandar żewġ kanali fid-Danimarka. Sa mill-1997, xandar TVDanmark2 permezz ta’ netwerk ta’ 10 stazzjonijiet televiżivi kummerċjali lokali u mill-2000, xandar kanal tas-satellita liċenzjat fir-Renju Unit, TVDanmark1. Il-kanali tas-satellita TV3 u 3 + bdew ixandru fl-1992. Dawn huma parti mill-Modern Times Group (MTG).

II.1.2   REKWIŻITI LEGALI MATUL IL-PERJODU 1995-2002

(28)

Id-dispożizzjonijiet legali li jirregolaw il-mandat tas-servizz pubbliku matul il-perjodu tal-investigazzjoni mill-1995 sal-2002 huma stabbiliti fil-verżjonijiet sussegwenti tal-Att dwar ix-Xandir bir-Radju u t-Televiżjoni (minn hawn ’il quddiem “l-Att dwar ix-Xandir”) (16).

(29)

Il-missjoni ta’ TV2 hija li jipprovdi u jiddistribwixxi programmi televiżivi nazzjonali u reġjonali. Id-distribuzzjoni tista’ ssir permezz ta’ apparat tar-radju, inklużi sistemi tas-satellita u tal-kejbil. Huwa l-Ministru tal-Kultura li joħroġ regoli li jikkonċernaw l-obbligi ta’ TV2.

(30)

TV2 għandu obbligi ta’ servizz pubbliku. Skont l-Att dwar ix-Xandir (kif applikabbli fil-verżjoni tal-1994 tiegħu) (17), TV2 huwa istituzzjoni indipendenti, bl-għan li permezz ta’ attivitajiet ta’ programmi indipendenti jipprovdi u jiddistribwixxi programmi televiżivi nazzjonali u reġjonali. Il-firxa tal-programmi provduti għandha deċiżivament tiffoka fuq il-kwalità, l-versatilità u d-diversità. Affinitajiet ma’ reġjuni għandhom ukoll jingħataw prijorità fl-ippjanar ta’ programmi għal stazzjonijiet TV2 reġjonali.

(31)

Kif imsemmi fis-sentenza tal-Qorti (18), id-definizzjoni preċiża tal-missjoni ta’ servizz pubbliku ta’ TV2 evolviet matul iż-żmien, iżda fi kwalunkwe każ, dawn id-definizzjonijiet kollha tal-obbligi ta’ servizz pubbliku li kienu d-dmir ta’ TV2 matul il-perjodi differenti taħt investigazzjoni jirrikjedu “kwalità, versatilità u diversità”, li huma r-rekwiżiti kwalitattivi essenzjali ta’ servizzi ta’ xandir pubbliku fdat f’TV2.

(32)

Definizzjoni ulterjuri tal-missjoni tas-servizz pubbliku tista’ tinstab fl-Istatuti ta’ TV2. Pereżempju, dawn jispeċifikaw l-obbligi tax-xandir ta’ TV2 fir-rigward tal-arti u l-kultura, il-produzzjoni ta’ films Daniżi, programmi għat-tfal, żgħażagħ, u minoranzi etniċi. TV2 huwa wkoll obbligat ixandar twissijiet ta’ emerġenza lill-popolazzjoni.

(33)

L-attivitajiet tas-servizzi pubbliċi ta’ TV2 huma ffinanzjati permezz ta’ sehem ta’ TV2 tad-drittijiet tal-liċenzja tat-televiżjoni, dħul mir-reklamar u minn dħul ieħor. Skont it-termini tal-Att dwar ix-Xandir fis-seħħ fl-1994 (19), l-attivitajiet kollettivi ta’ TV2 huma ffinanzjati b’riżorsi trasferiti mill-Fond TV2 b’mod konformi mal-baġits ta’ qafas stabbiliti mill-Ministru tal-Kultura, u mid-dħul tal-bejgħ ta’ programmi, u minn kontribuzzjonijiet oħra, sussidji, eċċ. Hawnhekk, għandu jiġi enfasizzat li għas-snin 1995 u l-1996, TV2 rċieva s-sehem tiegħu tad-drittijiet tal-liċenzja, u d-dħul mir-reklamar minn fond speċjali (il-Fond TV2) (20).

(34)

Id-dispożizzjonijiet dwar ix-xandir permezz ta’ stazzjonijiet tat-televiżjoni kummerċjali li jeċċedu żona lokali unika huma stabbiliti fil-Kapitolu 5 tal-Att dwar ix-Xandir. Il-Kapitolu 6 jitratta dwar is-servizzi tar-radju u tat-televiżjoni lokali. Ir-rekwiżit ewlieni hu l-ksib ta’ liċenzja tax-xandir. Ir-rekwiżiti tal-ipprogrammar għad-detenturi tal-liċenzja huma stabbiliti fl-Ordnijiet Eżekuttivi Nru 874 dwar kontenuti Ewropej u Nru 1349 li tirrigwarda r-radju u t-televiżjoni lokali (21). Skont l-Ordnijiet, stazzjonijiet tan-netwerk, li jiksbu liċenzja tax-xandir tat-televiżjoni lokali, għandhom ixandru programmi lokali għal mill-inqas siegħa kuljum u jipproduċu sehem sinifikanti tal-ipprogrammar tagħhom bil-lingwa Daniża jew għal udjenza Daniża. Minħabba li TV3, 3 + u l-ewwel kanal ta’ TVDanmark jixxandru taħt liċenzja Brittanika, dawn ir-regoli japplikaw biss għal TVDanmark2.

II.1.3   L-ATTIVITAJIET KUMMERĊJALI TA’ TV2

(35)

Matul il-perjodu 1995-2002, TV2 wettaq numru ta’ attivitajiet kummerċjali minn meta ngħata bażi legali separata għal dan il-għan mill-1 ta’ Jannar 1997 (22), li jistgħu jinkludu l-isfruttament ta’ apparat tekniku, l-istabbiliment ta’ kumpaniji ġodda jew l-investiment kapitali f’kumpaniji eżistenti. Matul il-perjodu 1995-2002, dawn inkludew attivitajiet bħar-reklamar, il-bejgħ ta’ programmi, il-kiri ta’ arbli, il-promozzjoni (merchandising), l-attivitajiet fuq l-Internet, il-bejgħ mill-ġdid ta’ drittijiet sportivi, eċċ.

(36)

Sa minn Jannar 2001, TV2 kien obbligat li jżomm kontabbiltà separata bejn l-impriża tas-servizz pubbliku u “kwalunkwe impriża oħra”, fil-każ li din tal-aħħar taqbeż il-5 % tal-introjtu u DKK 3 miljun kull sena. Kellha tiġi applikata kontabbiltà tal-ispejjeż kollha, l-istabbiliment tal-prezzijiet ta’ servizzi/prodotti mhux pubbliċi kellu jsir skont il-valur tas-suq, u t-trasferimenti ta’ kapital bejn is-servizz pubbliku u impriżi oħrajn kellhom isiru b’mod konformi mal-prinċipju ta’ investitur f’ekonomija tas-suq u ma setgħux jinvolvu riżorsi mid-dritt tal-liċenzja (23).

II.2.   IL-MIŻURI

Id-dħul mid-Dritt tal-Liċenzja

(37)

Bejn l-1995 u l-2002, TV2 rċieva dħul mid-dritt tal-liċenzja.

(38)

Il-Ministru għall-Kultura jiddetermina l-ammont tad-dritt tal-liċenzja li għandu jitħallas mis-sidien ta’ riċevituri tar-radju u ta’ settijiet tat-televiżjoni, għal sena jew diversi snin f’daqqa (24). Id-dritt tal-liċenzja tat-televiżjoni jinġabar minn DR u, suġġett għal deċiżjoni tal-Ministru għall-Kultura, skont ftehim dwar il-midja mal-Parlament Daniż, id-dħul mid-dritt tal-liċenzja huwa mbagħad distribwit bejn DR u TV2.

(39)

Il-Ministru għall-Kultura joħroġ ir-regoli li jikkonċernaw il-bidu u t-tmiem tal-obbligu għall-ħlas tad-dritt tal-liċenzja, dwar id-dati ta’ maturità għall-ħlas u l-ġbir, dwar it-tariffi ta’ twissija, eċċ. F’każijiet fejn wieħed ma jħallasx fil-ħin, għandhom jakkumulaw interessi skont l-Att dwar l-Interessi. It-tariffi u l-imposti li jibqgħu ma jitħallsux jistgħu jinġabru mill-Bank Ipotekarju Daniż. L-ammont mhux imħallas jista’ pereżempju jinġabar mill-paga tal-persuna konċernata, skont ir-regoli dwar il-ġbir ta’ taxxi personali kif stabbiliti fl-Att dwar it-Tnaqqis tat-Taxxi fis-Sors.

(40)

Sal-1997, TV2 rċieva d-dħul tiegħu (dħul mir-reklamar u drittijiet tal-liċenzja) mill-Fond TV2. Mill-1997, TV2 rċieva s-sehem tiegħu tad-dħul mid-dritt tal-liċenzja direttament mid-DR.

Trasferimenti mill-Fond TV2 u l-Fond tar-Radju

(41)

Fl-1995 u l-1996, TV2 rċieva dħul tar-reklamar mill-Fond TV2 (25).

(42)

Barra minn hekk, TV2 rċieva DKK 58 miljun mill-Fond tar-Radju għaż-żieda fl-impenn għall-produzzjoni ta’ films Daniżi.

(43)

Barra dan, fl-1997 meta l-Fond TV2 ġie llikwidat, TV2 rċieva DKK 167 miljun għall-investiment fid-diġitalizzazzjoni tas-sistemi tal-produzzjoni tiegħu u DKK 50 miljun sabiex ikopri l-ispejjeż operattivi mill-Fond TV2.

Eżenzjoni mill-ħlas ta’ taxxa korporattiva

(44)

TV2 ġie, barra minn hekk, eżentat milli jħallas taxxa fuq id-dħul taħt l-Att dwar il-Kumpaniji. Il-vantaġġ ta’ din l-eżenzjoni għal TV2 għall-perjodu taħt investigazzjoni jammonta għal DKK 159,4 miljun. F’Jannar 2001, l-Istat Daniż introduċa mekkaniżmu sabiex jikkanċella l-effett tal-eżenzjoni mit-taxxa fuq attivitajiet kummerċjali ta’ TV2. TV2 kellu jittrasferixxi 30 % tal-bilanċ pożittiv annwali mis-servizz mhux pubbliku tiegħu għall-attivitajiet ta’ servizz pubbliku tiegħu. Ir-rata tikkorrispondi għar-rata tat-taxxa korporattiva normali li d-Danimarka introduċiet fis-sena 2000.

Eżenzjoni mill-ħlas tal-interessi u l-ħlas lura tal-kapital ta’ self għall-istabbiliment

(45)

L-ispiża tal-istabbiliment u d-defiċit operattiv ta’ TV2 matul il-perjodu inizjali tal-operat tiegħu kienu ffinanzjati minn self tal-Gvern. Skont il-ftehimiet ta’ self inizjali, TV2 kellu jħallas interess fuq il-kapital u kellu jħallas lura l-kapital totali tas-self. Madankollu, matul il-perjodu kollu tal-investigazzjoni, TV2 ġie eżentat mill-ħlas tal-interessi u gawda minn moratorju fuq il-ħlas lura. Il-vantaġġ riżultanti mis-self għall-istabbiliment u l-operat mingħajr interessi u ħlas lura għall-perjodu taħt investigazzjoni huwa ta’ DKK 341,8 miljun.

Garanzija mill-Istat għal self operattiv

(46)

Sal-aħħar tal-1996, inħarġu garanziji mill-Gvern għal self li tħallas mill-Fond TV2 sabiex jiffinanzja l-operat ta’ TV2. L-ammont ta’ self garantit ġie trasferit lil TV2 meta l-Fond ġie llikwidat. Il-vantaġġ għal TV2 riżultanti minn din il-garanzija huwa DKK 9.8 miljun.

Tariffi mħallsa għall-frekwenza tat-trażmissjoni b’kopertura nazzjonali u liċenzja għax-xandir bl-użu ta’ frekwenzi lokali f’konfigurazzjoni f’netwerk

(47)

Matul il-perjodu taħt investigazzjoni, id-Danimarka kellha aċċess għal tliet frekwenzi tat-trażmissjoni terrestri b’kopertura nazzjonali, li kienu riżervati għax-xandara pubbliċi. Frekwenza minnhom kienet riżervata għal TV2, it-tieni frekwenza kienet riżervata għal DR u t-tielet frekwenza għat-televiżjoni diġitali.

(48)

TV2 ħallas tariffa għall-użu ta’ frekwenza tax-xandir għall-pajjiż kollu riżervata lill-Aġenzija tal-IT u Telekomunikazzjoni Nazzjonali, korp Statali taħt il-Ministeru għar-Riċerka, it-Teknoloġija u l-Iżvilupp (26). L-ammont ta’ din it-tariffa ġie stabbilit fl-Att dwar il-Finanzi Daniżi. Matul il-perjodu ta’ investigazzjoni, TV2 ħallas bejn DKK 2 u 4 miljun fis-sena f’tariffi tal-frekwenza.

(49)

Id-Danimarka għandha wkoll aċċess għal frekwenzi b’kopertura reġjonali biss. Fl-1997, il-Gvern introduċa l-possibbiltà sabiex frekwenzi reġjonali jingħaqqdu flimkien sabiex tinkiseb kopertura ogħla (netwerk). Fil-perjodu 1998-2001, stazzjonijiet tat-televiżjoni kummerċjali lokali liċenzjati sabiex ixandru f’konfigurazzjoni f’netwerk kellhom iħallsu tariffa annwali lill-Istat (27). Is-servizzi reġjonali ta’ TV2 ma kinux suġġetti għal ħlas tat-tariffi peress li dawn is-servizzi jxandru f’perjodi ta’ ħin mhux skedat’ fuq il-frekwenza nazzjonali ta’ TV2. Ix-xandar kummerċjali TvDanmark kien l-uniku operatur li ħallas din it-tariffa għat-tieni kanal. L-ammont totali li ħallas jammonta għal DKK 85,0 miljun.

Obbligu ta’ trasmissjoni

(50)

Is-sidien ta’ installazzjonijiet ta’ erjils għandhom l-obbligu li jirċievu u jittrażmettu programmi ta’ servizz pubbliku ta’ TV2 permezz tal-installazzjonijiet tagħhom (“must-carry”).

III.   KUMMENTI MILL-PARTIJIET INTERESSATI U MID-DANIMARKA

(51)

L-ewwel, bħala konsegwenza tad-deċiżjoni tagħha sabiex tiftaħ il-proċedura formali tal-investigazzjoni, il-Kummissjoni rċeviet diversi kummenti minn partijiet interessati. L-elementi ewlenin ta’ dawn il-kummenti huma mqassra hawn taħt.

(52)

TvDanmark ikkunsidra li l-provvista mill-Istat ta’ frekwenza tat-trażmissjoni għall-pajjiż kollu kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, peress li l-Istat tilef id-dħul fuq dan l-assi skars. Il-kompetituri għandhom biss penetrazzjoni massima ta’ 77 %. TvDanmark ikkumenta li l-fatt li t-taxxa tan-netwerking ġiet imposta biss fuq TVDanmark2 u mhux fuq l-istazzjonijiet lokali ta’ TV2, minkejja li huma ekonomikament u kummerċjalment fl-istess sitwazzjoni, jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat lill-istazzjonijiet lokali ta’ TV2. Skont ACT, Antena 3 TV u Telecinco, skont il-prinċipju tan-newtralità rigward mezzi ta’ trażmissjoni mill-ġdid, huwa meħtieġ li t-tariffa tiġi imposta fuq kwalunkwe tip ta’ netwerk.

(53)

ACT, Antena 3 TV u Telecinco kkumentaw dwar l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpaniji dwar il-fatt li l-obbligu li jiġi trasferit 30 % tal-profitt relatat mal-attivitajiet kummerċjali lill-attivitajiet pubbliċi ta’ TV2 ma jistax jitqies bħala ekwivalenti għal ħlas tat-taxxa fuq il-kumpaniji lill-Istat, minħabba li dan il-fatt fixkel il-kompetizzjoni fi ħdan is-suq tax-xandir.

(54)

Partijiet terzi differenti kkunsidraw li d-definizzjoni tal-mandat ta’ servizz pubbliku ta’ TV2 ma jistax jitqies bħala leġittimu. Il-fatt li l-kundizzjonijiet ta’ mandat u proporzjonalità ntlaħqu ġie kkritikat ukoll. B’mod partikolari, TvDanmark ikkummenta li l-kalkolu tal-Kummissjoni ta’ kumpens żejjed għandu jqis il-benefiċċju ta’ TV2 mill-eżenzjoni tat-taxxa korporattiva, is-self għall-istabbiliment mingħajr interess u pagamenti akkont, il-garanzija mill-Istat għal self operattiv u l-frekwenza ta’ trażmissjoni mingħajr ħlas. TvDanmark issottometta li ċ-ċaqliq fis-suq ġenerali fid-dħul minn reklami televiżivi huwa limitat u ma jiġġustifikax l-akkumulazzjoni tal-ekwità ta’ TV2.

(55)

TvDanmark issottometta fuq is-suq tar-reklamar li l-prattiki tal-ipprezzar ta’ TV2 ma jippermettux lill-operaturi kummerċjali jirkupraw spejjeż awtonomi. TvDanmark għandu jipprezza t-TRP tiegħu madwar 30-40 % inqas minn TV2 sabiex jiġi aċċettat fis-suq (it-TRP jew il-GRP ta’ TV2 huma ta’ valur ogħla minħabba kopertura aħjar) (28). Minħabba l-pożizzjoni unika ta’ TV2 f’termini ta’ kopertura u baġit tal-ipprogrammar, min jirreklama dejjem jagħmel ċerta parti mill-baġit tiegħu ma’ TV2 sabiex jikseb impatt massimu f’termini ta’ numru ta’ kuntatti, livell ta’ lħuq u/jew frekwenza partikolari fi ħdan baġit. TvDanmark ipprovda ċifri li juru li l-operat tiegħu kien qed jagħmel it-telf bejn l-1997 u l-2002 u allega li l-kompetizzjoni inġusta ipprevjenit lil TvDanmark milli jiġġenera biżżejjed dħul. TvDanmark issottometta wkoll analiżi tal-ipprezzar għar-reklamar televiżiv fuq is-Suq Daniż kif imħejji minn Copenhagen Economics. Ir-rapport, li qabbel il-prezzijiet medji u marġinali fuq is-suq, ikkonkluda li l-kompetizzjoni seħħet biss fuq id-domanda residwa, u għalhekk kwalunkwe tqabbil għandu jkun ibbażat fuq prezzijiet marġinali. Barra minn hekk, TvDanmark issottometta informazzjoni li tinkludi tqabbil tal-prezzijiet tar-reklamar ta’ TV2 ma’ dawk ta’ tipi ta’ midja oħra u ta’ pajjiżi oħra.

(56)

TV3 kkummenta li kellu jagħti skontijiet għoljin ferm għas-slots tar-reklamar tiegħu sabiex jiġi aċċettat fis-suq, minħabba li TV2 joffri skont marġinali addizzjonali fuq il-kumplament tal-baġits ta’ min jirreklama għar-reklamar televiżiv f’każ li l-kumplament jingħata wkoll lil TV2.

(57)

It-tieni, b’konsegwenza tad-deċiżjoni tagħha sabiex tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni rċeviet ukoll kummenti mingħand l-awtoritajiet Daniżi. L-elementi ewlenin ta’ dawn il-kummenti huma mqassra hawn taħt.

(58)

L-awtoritajiet Daniżi kkunsidraw li l-frekwenzi tat-trażmissjoni għal TV2 ma jistgħux jitqiesu bħala vantaġġ minħabba li stazzjonijiet tat-televiżjoni lokali għandhom ukoll frekwenzi tat-trażmissjoni riżervati għalihom. Għalhekk, TV2 ma ngħatax trattament speċjali. TV2 kien, bħal stazzjonijiet oħra, qed iħallas tariffa għall-użu tal-frekwenza.

(59)

Fir-rigward tal-eżenzjoni mit-taxxa korporattiva, l-awtoritajiet Daniżi kkummentaw li l-profitt fuq attivitajiet kummerċjali kien pjuttost limitat u li l-metodu magħżul sabiex tiġi kkanċellata l-eżenzjoni tat-taxxa korporattiva ta’ TV2 għal attivitajiet kummerċjali pprevjena li dawn l-attivitajiet jiksbu benefiċċju finanzjarju mill-eżenzjoni.

(60)

Fir-rigward tal-kwistjoni tal-proporzjonalità, l-awtoritajiet Daniżi kkummentaw li t-trasferiment ta’ DKK 167 miljun mill-Fond TV2 ġie allokat għad-diġitalizzazzjoni tan-netwerk tax-xandir. Għalhekk, ma jistax jiġi deskritt bħala kapital ta’ ekwità disponibbli.

(61)

L-awtoritajiet Daniżi indikaw ukoll li l-bilanċ favorevoli għas-snin 1995-2002 irriffletta r-rata raġonevoli ta’ qligħ f’relazzjoni mal-introjtu ta’ TV2. Barra minn hekk, il-kapital kien meħtieġ bħala protezzjoni f’każ ta’ tnaqqis f’daqqa fid-dħul mir-reklamar u TV2 ma kienx legalment permess li jieħu self li jaqbeż l-4 % tal-introjtu annwali. Barra dan, skont l-awtoritajiet Daniżi, l-Istat kien qed jaġixxi b’mod konformi mal-“prinċipju ta’ investitur f’ekonomija tas-suq”, minħabba li l-kapital proprju ta’ TV2 ma qabiżx dak li investitur tas-suq normali kien jinjetta. Dan il-kapital ma jmurx kontra t-Trattat, sakemm il-kapital ma jintużax sabiex isostni l-attivitajiet kummerċjali ta’ TV2.

(62)

Fir-rigward tal-imġiba ta’ TV2 fis-suq tar-reklamar, l-awtoritajiet Daniżi kkummentaw li TV2 konsistentament stabbilixxa l-prezzijiet tiegħu sabiex jimmassimizza d-dħul. Il-prezzijiet ġew stabbiliti purament fuq bażi tal-provvista u d-domanda. Il-prezzijiet ġew stabbiliti annwalment fuq il-bażi tal-istimi tad-diviżjoni tar-reklamar ta’ TV2 fuq is-sehem tal-udjenza kummerċjali (bejn 21 u 50 sena), l-iskeda tal-programm, l-iżviluppi ekonomiċi u s-sitwazzjoni kompetittiva tas-suq. L-ispiża tal-operat ta’ TV2 ma kinitx fattur fl-istima, lanqas l-ammont tad-dritt tal-liċenzja. TV2 kellu l-ogħla prezz fis-suq Daniż, u għalhekk mhuwiex kwistjoni ta’ twaqqigħ ta’ prezzijiet li jirriżulta fi ħtieġa akbar għal finanzjament mill-Istat.

(63)

L-awtoritajiet Daniżi ssottomettew rapport imħejji minn RBB Economics fuq il-kompetizzjoni fis-Suq Daniż għar-Reklamar Televiżiv. Ir-rapport ikkonkluda li l-prezzijiet netti medji mitluba minn TV2 kienu fil-fatt ogħla mill-prezzijiet mitluba mill-kompetituri tiegħu u li d-differenzi fir-rati tar-reklamar mitluba minn TV2 u TvDanmark kienu spjegati bid-differenzi fis-saħħa relattiva tagħhom f’termini ta’ programmar u l-abbiltà sabiex jattiraw it-telespettaturi.

(64)

It-tielet, wara s-Sentenza, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Daniżi sabiex jipprovdu l-analiżi tagħhom tal-implikazzjonijiet tas-Sentenza fuq il-każ.

(65)

L-awtoritajiet Daniżi bagħtu l-osservazzjonijiet tagħhom u ssottomettew ukoll kummenti minn TV2. L-elementi ewlenin ta’ dawn il-kummenti huma mqassra hawn taħt.

(66)

Fir-rigward tad-dħul mir-reklamar għas-snin 1995 u 1996, l-awtoritajiet Daniżi u TV2 sostnew li l-Istat Daniż ma kellu l-ebda kontroll fuq dan id-dħul u għalhekk m’għandhux jitqies bħala fondi tal-Istat. Fir-rigward taċ-ċifri, l-awtoritajiet Daniżi ma kkonfermawx l-ammonti sottomessi mill-Kummissjoni, iżda pjuttost spjegaw li l-kalkolu tal-ammonti taċ-ċifri tar-reklamar għas-snin 1995 u 1996 għandu jqis il-fatt li l-parti tal-flus li ġejja mill-Fond TV2 kienet użata għall-finanzjament tar-reġjuni ta’ TV2, u din il-parti setgħat tiġi ffinanzjata biss bid-dritt tal-liċenzja. Madankollu, l-awtoritajiet Daniżi qablu li, fi kwlunkwe każ, dħul mir-reklamar għandu jitqies għall-finijiet tal-kalkolu tal-ispiża netta tal-mandat ta’ servizz pubbliku u li d-dħul mir-reklamar jikkostitwixxi dħul iġġenerat permezz ta’ attivitajiet ta’ servizz pubbliku.

(67)

Barra dan, l-awtoritajiet Daniżi u TV2 qagħdu fuq is-Sentenza mill-Qorti sabiex isostnu li l-kundizzjonijiet tas-sentenza Altmark tal-24 ta’ Lulju 2003 (29) ġew sodisfatti. F’dan il-kuntest, l-awtoritajiet Daniżi jfakkru li bħal fil-każ BUPA (30), il-każ TV2 jikkonċerna ċirkustanzi li kienu diġà jeżistu qabel id-data tas-sentenza Altmark. Dawn qiesu li l-kundizzjonijiet Altmark għandhom jiġu applikati b’mod konformi mal-ispirtu u l-iskop ta’ dawn il-kundizzjonijiet, sabiex il-fatti partikolari tal-każ ikunu jistgħu jitqiesu. Dawn indikaw li skonthom, isegwi mis-Sentenza li l-uniku rekwiżit li l-Qorti imponiet fuq l-Istat Daniż huwa dak li dan għandu, “essenzjalment”, jikkonforma mal-kundizzjonijiet Altmark.

(68)

B’mod aktar preċiż, l-awtoritajiet Daniżi u TV2 qiesu li l-proċedura li ġiet applikata sabiex jiġi stabbilit id-dritt tal-liċenzja kienet trasparenti u konformi mar-rekwiżiti tat-tieni kriterju Altmark, mill-anqas fis-sustanza, li hu, skont huma, suffiċjenti fuq il-bażi tas-Sentenza tal-Qorti. Huma kkunsidraw li t-tielet kriterju ġie sodisfatt ukoll sa fejn u sakemm TV2 tħalla jżomm profitt raġonevoli. Fir-rigward tar-raba’ kundizzjoni Altmark, dawn enfasizzaw il-kontrolli differenti li applikaw għal TV2, u anki rreferew għall-ġurisprudenza BUPA u s-Sentenza tal-Qorti sabiex isostnu li dan it-test għandu sa ċertu punt jiħfief f’dan il-każ speċifiku, jew għandu essenzjalment jiġi sodisfatt. Fuq il-bażi tal-kawża Chronopost (31), dawn ġibdu wkoll l-attenzjoni li fil-prattika huwa impossibbli li tqabbel TV2 ma’ impriża tipika u mmexxija sewwa. L-awtoritajiet Daniżi sostnew ukoll l-opinjoni tagħhom li l-kumpens għandu jiġi aċċettat taħt it-test ta’ investitur f’ekonomija tas-suq.

(69)

Barra dan, l-awtoritajiet Daniżi u TV2 qiesu li l-għajnuna mill-Istat għandha tiġi ddikjarata kompatibbli. Dawn spjegaw il-proċess li wassal għall-akkumulazzjoni tal-bażi tal-ekwità f’TV2 u enfasizzaw ir-raġunijiet differenti għaliex din l-ekwità kienet neċessarja għal TV2 biex jissodisfa l-missjonijiet ta’ servizz pubbliku tiegħu.

(70)

Xi partijiet terzi ressqu wkoll kummenti dwar is-Sentenza tal-Qorti. Fis-sustanza, dawn spjegaw għaliex il-kundizzjonijiet Altmark m’għandhomx jitqiesu bħala sodisfatti, b’mod partikolari, minħabba li r-rapporti ekonomiċi msemmija mill-Qorti mhumiex suffiċjenti sabiex juru li t-tieni u r-raba’ kriterju huma sodisfatti. Dawn ġibdu l-attenzjoni wkoll li l-Kummissjoni għandha żżomm il-konklużjoni li kellha fid-deċiżjoni ta’ rkupru annullata, jiġifieri li l-għajnuna ma kinitx kompatibbli.

IV.   IL-VALUTAZZJONI TAL-MIŻURI

IV.1.   L-GĦAJNUNA MILL-ISTAT FI ĦDAN IT-TIFSIRA TAL-ARTIKOLU 107(1) TFUE

(71)

L-Artikolu 107(1) TFUE jipprovdi li “Ħlief għad-derogi previsti fit-Trattati, kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, sa fejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern”.

(72)

Il-Kummissjoni għandha tevalwa jekk il-miżuri deskritti hawn fuq jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE.

IV.1.1.   IL-PREŻENZA TA’ RIŻORSI TAL-ISTAT U R-RESPONSABBILTÀ GĦALL-ISTAT

(73)

Il-Kummissjoni għandha tevalwa jekk il-miżuri kkonċernati jinvolvux riżorsi tal-Istat.

(74)

Rigward id-dritt tal-liċenzja, il-Kummissjoni tieħu nota tal-konklużjonijiet tal-Qorti fis-Sentenza tagħha (32). B’mod partikolari, l-ammont huwa determinat mill-awtoritajiet Daniżi; l-obbligu għall-ħlas tad-dritt tal-liċenzja ma joriġinax mir-relazzjoni kuntrattwali bejn TV2 u l-persuna responsabbli għall-ħlas, iżda sempliċiment mill-pussess ta’ riċevitur tat-televiżjoni jew tar-radju; id-dritt tal-liċenzja jinġabar b’mod konformi mar-regoli tal-ġbir tat-taxxi personali; u fl-aħħar nett, huma l-awtoritajiet Daniżi li jiddeterminaw is-sehem tad-dħul ta’ TV2 mid-dritt tal-liċenzji. Il-Qorti kkonkludiet li r-riżorsi mid-drittijiet tal-liċenzja huma disponibbli għall-awtoritajiet Daniżi u taħt il-kontroll tagħhom u li huma għalhekk jikkostitwixxu fondi tal-Istat.

(75)

Rigward id-dħul mir-reklamar għas-snin 1995 u 1996, il-Qorti indikat fis-Sentenza tagħha li d-dritt tal-liċenzja u d-dħul mir-reklamar huma differenti fin-natura tagħhom (33).

(76)

F’dan ir-rigward, il-Qorti tqis fis-Sentenza (34) tagħha li hemm nuqqas ta’ raġunament mill-Kummissjoni dwar għaliex id-dħul mir-reklamar għas-snin 1995 u 1996 għandu jitqies bħala riżorsi tal-Istat.

(77)

Fid-dawl tas-sentenza (35) Preussen Elektra, il-Kummissjoni għandha turi jekk id-dħul mir-reklamar għas-snin 1995 u 1996 jistax jiġi kkwalifikat bħala fondi tal-Istat. Għal dan il-għan, għandha tevalwa jekk dan id-dħul mir-reklamar kienx taħt il-kontroll tal-Istat Daniż.

(78)

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tieħu nota tal-elementi li ġejjin, li huma rilevanti sabiex jiġi deċiż jekk id-dħul mir-reklamar għas-snin 1995 u 1996 huwiex riżorsi tal-Istat.

(79)

Fl-1995 u l-1996, TV2 rċieva d-dħul mir-reklamar mill-Fond TV2, li dan irċieva d-dħul mir-reklamar minn TV2 Reklame A/S.

(80)

TV2 Reklame kien strument tal-Istat indipendenti minn TV2. Il-kumpanija ġiet stabbilita sabiex taġixxi bħala aġent għall-bejgħ ta’ reklami fuq TV2 fuq bażi kummerċjali (36). TV2 Reklame kellu relazzjoni kuntrattwali mal-klijenti tar-reklamar.

(81)

M’hemm l-ebda obbligu li jiġu trasferiti flus ta’ TV2 Reklame għall-Fond TV2. It-trasferiment minflok ġie deċiż mill-Istat Daniż (37). Il-Ministru tal-Kultura kellu jiddeċiedi fuq il-parti tal-profitti ta’ TV2 Reklame li kellhom jiġu trasferiti għall-Fond TV2. Din id-deċiżjoni ttieħdet għal sena jew diversi snin kull darba u bl-approvazzjoni tal-Parlament Daniż (Il-Kumitat Permanenti Parlamentari dwar il-Finanzi). Il-Ministru tal-Kultura jista’ jiddeċiedi li l-profitt mhux trasferit jista’, suġġett għall-approvazzjoni tal-Kumitat Finanzjarju, jintuża għall-ħlas lura tal-garanzija mill-Istat maħruġa qabel għal TV2 Reklame jew għal skopijiet kulturali.

(82)

Fil-prattika, fl-1995 u l-1996, l-ammont kollu ta’ flus ta’ TV2 Reklame ġie trasferit għall-Fond TV2.

(83)

Il-Fond TV2 ġie stabbilit bil-ħsieb li jipprovdi lil TV2 bi dħul li jkun ġej mid-drittijiet tal-liċenzja u d-dħul mir-reklamar. Il-Fond TV2 appartjena lill-grupp TV2. Dan kien amministrat mill-bord tad-diretturi ta’ TV2.

(84)

Ma kien hemm l-ebda obbligu għat-trasferiment, fuq bażi annwali, tal-flus tal-Fond TV2 lil TV2. It-trasferiment lil TV2 kien minflok deċiż mill-Istat Daniż. Fil-fatt, il-Fond TV2 kellu obbligu legali li jittrasferixxi l-fondi lil TV2 b’mod konformi mal-baġits tal-qafas stabbiliti mill-Ministru tal-Kultura (38).

(85)

Fil-prattika, fl-1995 u l-1996, TV2 ma rċeviex id-dħul kollu mir-reklamar mill-Fond TV2.

(86)

Barra dan, ma kienx hemm kontijiet separati fi ħdan il-Fond TV2 bejn id-dħul mir-reklamar u d-drittijiet tal-liċenzja. Id-dħul li ma ġiex trasferit lil TV2 ġie akkumulat fil-Fond TV2. Dan ġie trasferit lil TV2 meta l-Fond TV2 ingħalaq.

(87)

Skont TV2 u l-awtoritajiet Daniżi, id-dħul mir-reklamar appartjena lil TV2 u TV2 ikollu pretensjoni legali fuqu. Dawn irreferew għall-ittra tal-Ministru tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Novembru 2003, li indikat li riżorsi tal-Fond TV2 jistgħu jintużaw biss sabiex ikopru attivitajiet ta’ TV2. Skont TV2 u l-awtoritajiet Daniżi, kien hemm għalhekk obbligu legali sabiex jiġi trasferit id-dħul mir-reklamar tal-Fond TV2 lil TV2 eventwalment. Madankollu, kif muri hawn fuq, ma kien hemm l-ebda obbligu taħt il-liġi sabiex jiġi trasferit id-dħul kollu mir-reklamar lil TV2 u dan kien jiddependi fuq deċiżjoni konkreta tal-Ministru dwar jekk u kemm kellu jiġi trasferiti lil TV2.

(88)

Fir-rigward ta’ TV2, għandu jingħad ukoll li TV2 ma kellu l-ebda relazzjoni kuntrattwali mal-konsumaturi finali tar-reklamar, u TV2 ma kellux influwenza fuq attivitajiet (39) tar-reklamar. Il-Gvern Daniż ikkonferma li d-dħul mir-reklamar antiċipat għas-sena d-dieħla kien determinat indipendentement minn TV2.

(89)

Fuq il-bażi tal-informazzjoni t’hawn fuq, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-Ministru kellu l-kontroll fuq is-somom li kienu f’TV2 Reklame u fil-Fond TV2. B’mod partikolari, (i) l-Istat Daniż iddeċieda jekk parti jew id-dħul kollu mir-reklamar jiġix trasferit għall-Fond TV2, u lil TV2; (ii) fl-1995 u l-1996, TV2 ma rċeviex id-dħul kollu mir-reklamar; u (iii) id-dħul mir-reklamar li ma ġiex trasferit akkumula fil-Fond TV2, fejn tħallat, fil-prattika, mad-drittijiet tal-liċenzja.

(90)

Għal dawn ir-raġunijiet, il-Kummissjoni tikkonsidra li, f’dan il-każ speċifiku, id-dħul mir-reklamar għas-snin 1995 u 1996 trasferit lil TV2 permezz ta’ TV2 Reklame u l-Fond TV2 ikkostitwixxa riżorsi tal-Istat.

(91)

Fi kwalunkwe każ, l-ammont tal-għajnuna mill-Istat li jista’ jiġi ddikjarat kompatibbli ma jinbidilx jekk id-dħul mir-reklamar ma jiġix klassifikat bħala fondi tal-Istat (quod non). Fil-fatt, b’mod konformi mal-prattika tal-każistika kostanti tal-Kummissjoni u kif rifless fil-Komunikazzjoni (40) dwar ix-Xandir tal-2001, dħul derivat mis-servizz pubbliku, bħal dħul mir-reklamar, għandu jitqies meta jiġu kkalkulati l-ispejjeż netti tas-servizz pubbliku, jiġifieri anki jekk ma jitqiesx bħala riżorsi tal-Istat, id-dħul rispettiv inaqqas il-ħtieġa għal finanzjament pubbliku. L-awtoritajiet Daniżi huma wkoll ta’ din l-opinjoni (41).

(92)

Għandu jingħad ukoll li t-trasferiment ad-hoc ta’ riżorsi lil TV2 mill-Fond tar-Radju jikkonċerna dħul mid-dritt tal-liċenzja li jkun sar disponibbli lil TV2 wara deċiżjoni mill-Istat. L-istess huwa minnu għal trasferiment ad-hoc ta’ riżorsi mill-Fond TV2 meta dan ġie stralċjat, minħabba li, minbarra l-elementi msemmija hawn fuq b’rabta mal-kontroll tal-Istat Daniż fuq il-Fond TV2, il-fondi mill-Fond TV2 fiż-żmien tal-istralċjar ġew magħmula disponibbli lil TV2 wara deċiżjoni mill-Istat. Għalhekk, peress li r-riżorsi baqgħu taħt il-kontroll pubbliku, dawn għandhom jitqiesu wkoll bħala riżorsi tal-Istat. Peress li d-dħul mir-reklamar jitqies bħala riżorsi tal-Istat, u fi kwalunkwe każ, minħabba li t-trasferiment lil TV2 fiż-żmien tal-istralċjar ġie deċiż mill-Istat, din il-konklużjoni mhijiex affettwata mill-fatt li l-awtoritajiet Daniżi jsostnu li somma f’daqqa trasferita lil TV2 b’konnessjoni mal-istralċjar toriġina esklussivament mid-dħul mir-reklamar.

(93)

Fir-rigward tal-miżuri l-oħra tal-Istat, il-Kummissjoni tqis li riżorsi pubbliċi huma preżenti fl-eżenzjoni tat-taxxa korporattiva, bħala rinunzja tad-dħul mit-taxxa li hija ekwivalenti għall-konsum tal-fondi tal-Istat fil-forma ta’ nefqa (42) fiskali.

(94)

Is-self mingħajr interess u pagamenti akkont li ngħata lil TV2 huwa direttament provdut mill-Istat u allokat mill-baġit pubbliku. Bir-rinunzja tal-interess u pagamenti akkont ta’ dan is-self, l-Istat Daniż jirrinunzja dħul u għalhekk dawn il-fondi jikkostitwixxu fondi tal-Istat. Barra dan, huwa l-Istat Daniż li jiggarantixxi s-self operattiv. Il-benefiċċju ta’ garanzija mill-Istat hu li r-riskju assoċjat mal-garanzija jittieħed mill-Istat. Dan it-teħid ta’ riskju mill-Istat għandu normalment jitħallas bi primjum xieraq. Fejn l-Istat jirrinunzja dan il-primjum, ikun hemm vantaġġ għal TV2 u tnaqqis tal-fondi tal-Istat (43).

(95)

Barra minn hekk, l-Istat irriżerva frekwenza tat-trażmissjoni mal-pajjiż kollu għal TV2 li għalih iħallas tariffa tal-frekwenza lil korp tal-Istat. It-tariffa annwali li TV2 ħallas varjat bejn DKK 2 miljun u DKK 4 miljun matul il-perjodu tal-investigazzjoni.

(96)

Fin-nuqqas ta’ bażi ta’ tqabbil disponibbli għat-tariffa mħallsa għall-frekwenza nazzjonali, it-tariffa tista’ titqabbel biss mat-tariffa mħallsa għall-permess sabiex jintlaħaq sehem akbar tal-popolazzjoni permezz ta’ konfigurazzjoni ta’ netwerk. It-tariffa tal-frekwenza ta’ TV2 għal kopertura mal-pajjiż kollu hija sinifikament iktar baxxa mit-tariffa tan-netwerking li ġiet imposta fuq TvDanmark, li varjat bejn DKK 5 miljun fl-1997 u DKK 30 miljun fl-2001, u din minkejja li n-netwerk tal-frekwenzi reġjonali ta’ TvDanmark jilħaq biss rata ta’ penetrazzjoni ta’ 77 %. Għaldaqstant, TV2 seta’ jilħaq sehem akbar tal-popolazzjoni Daniża bi prezz aktar baxx.

(97)

Il-Kummissjoni hi għalhekk tal-opinjoni li l-ħlas tal-frekwenza ma jirriflettix il-kundizzjonijiet tas-suq u billi ma talabx rata tas-suq għall-assi, l-Istat irrinunzja dħul li jista’ jinġabar għall-baġit tal-Istat.

(98)

B’kuntrast, minħabba li TV2 ma jxandarx bl-użu ta’ konfigurazzjoni ta’ frekwenzi lokali sabiex jagħmel netwerk nazzjonali, TV2 mhuwiex suġġett li jħallas it-tariffa tan-netwerking. Peress li l-Istat ma setax jiġbor din it-tariffa mingħand TV2, ma rrinunzjax dħul li jista’ jinġabar għall-baġit tal-Istat u għalhekk m’hemm l-ebda fondi tal-Istat involuti.

(99)

Ugwalment, il-Kummissjoni ma tistax tiskopri kwalunkwe fondi tal-Istat fid-dispożizzjoni legali li tobbliga lis-sidien ta’ installazzjonijiet ta’ erjils sabiex jirċievu u jittrażmettu l-programmi tas-servizz pubbliku permezz ta’ dawk l-installazzjonijiet (“must-carry”) minħabba li l-Istat la jkun qed jirrinunzja kwalunkwe dħul u lanqas attivament jittrasferixxi flus lil dawk l-operaturi. Għaldaqstant, bl-ibbenefikar mir-regola tal-aċċess, TV2 ma jiksibx vantaġġ finanzjarju mill-fondi tal-Istat (44).

(100)

Il-miżuri kollha msemmija hawn fuq huma imputabbli għall-Istat Daniż minħabba kif deskritt hawn fuq, involvew b’xi mod jew ieħor deċiżjoni mill-Istat Daniż.

IV.1.2.   VANTAĠĠ SELETTIV U DISTORSJONI TAL-KOMPETIZZJONI

(101)

Il-Kummissjoni tqis li d-dħul mid-dritt tal-liċenzja, it-trasferimenti mill-Fond TV2 (inkluż id-dħul mir-reklamar għas-snin 1995 u 1996) u l-Fond tar-Radju, l-eżenzjoni mit-taxxa korporattiva, is-self mingħajr interessi u pagamenti akkont u l-garanzija mill-Istat għas-self operattiv kif ukoll l-aċċess għal frekwenza mal-pajjiż kollu fuq termini favorevoli, jipprovdu vantaġġ ekonomiku u finanzjarju lil TV2 li jnaqqaslu spejjeż operattivi li normalment ikunu jridu jinħarġu mill-baġit tiegħu. Barra dan, il-kompetituri ta’ TV2 ma rċivewx l-istess fondi.

(102)

Madankollu, miżuri tal-Istat li jikkumpensaw l-ispejjeż addizzjonali netti ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (SGEI) ma jikkwalifikawx bħala għajnuna mill-Istat fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE meta l-erba’ kundizzjonijiet stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-Sentenza (45) Altmark ikunu sodisfatti:

L-ewwel nett, l-impriża benefiċjarja trid tkun effettivament inkarigata sabiex twettaq obbligi ta’ servizz pubbliku, u tali obbliġi jridu jkunu ddefiniti b’mod ċar;

It-tieni nett, il-parametri li fuqhom huwa kkalkolat l-kumpens iridu jkunu stabbiliti minn qabel b’mod oġġettiv u trasparenti;

It-tielet nett, il-kumpens ma jistax ikun iktar minn dak li hu neċessarju sabiex ikunu koperti l-ispejjeż kollha jew parti minnhom, li jirriżultaw mit-twettiq ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku, filwaqt li jiġi kkunsidrat id-dħul rilevanti kollu kif ukoll il-profitt raġjonevoli għat-twettiq ta’ tali obbligi;

Ir-raba’ nett, meta, f’każ speċifiku, l-impriza li għandha twettaq l-obbligi ta’ servizz pubbliku mhijiex magħżula permezz ta’ proċedura ta’ appalt pubbliku li tippermetti li jintgħażel il-kandidat kapaċi li jipprovdi tali servizzi bl-inqas spiża għall-komunità, il-livell tal-kumpens neċessarju għandu jkun stabbilit abbażi ta’ analiżi tal-ispejjeż, li impriża medja, immexxija tajjeb u adegwatament mogħnija b’mezzi ta’ trasport sabiex tkun tista’ tissodisfa l-bżonnijiet neċessarji ta’ servizz pubbliku, kienet tagħmel sabiex twettaq tali obbligi, filwaqt li jiġi kkunsidrat id-dħul rilevanti kollu kif ukoll il-profitt raġjonevoli għat-twettiq ta’ dawn l-obbligi.

(103)

Kif ser jiġi żviluppat aktar fil-parti tal-konformità tad-deċiżjoni preżenti (ara premessa 160 u li jsegwi tad-deċiżjoni preżenti), jirriżulta mis-Sentenza tal-Qorti li l-ewwel kundizzjoni Altmark ġiet sodisaftta.

(104)

Fir-rigward tat-tieni kriterju Altmark, li skont dawn il-parametri li fuq il-bażi tagħhom jiġi kkalkulat il-kumpens għal servizz pubbliku għandhom jiġu stabbiliti minn qabel b’mod oġġettiv u trasparenti, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-kundizzjonijiet legali u ekonomiċi li, matul il-perjodu taħt investigazzjoni, irregolaw l-istabbiliment tal-ammont tad-dħul mid-dritt tal-liċenzja pagabbli lil TV2. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota li l-proċedura kienet kif ġej.

(105)

Skont il-punti 29 u 30 tal-ittra tal-awtoritajiet Daniżi tal-24 ta’ Marzu 2003, l-Att dwar ix-Xandir tar-Radju u t-Televiżjoni li kien fis-seħħ matul il-perjodu taħt investigazzjoni (46) stabbilixxa kif l-istazzjon TV2 b’mod sħiħ kien iffinanzjat (dritt tal-liċenzja, dħul mir-reklamar, u sorsi oħra ta’ dħul) u pprovda li l-Ministru għall-Kultura ddetermina s-sehem ta’ TV2 u DR tad-dritt tal-liċenzja u għalhekk l-ammont ta’ kumpens li għandu jingħata lil TV2. Ta’ min jinnota li għas-snin 1995 u 1996, TV2 rċieva s-sehem tad-dritt tal-liċenzja tiegħu mill-Fond TV2.

(106)

B’mod konformi ma’ prattika stabbilita, dan l-ammont ta’ kumpens ġie determinat mill-Ministru b’konsultazzjoni mal-kummissjoni tal-finanzi tal-Parlament Daniż fi ħdan il-qafas ta’ ftehim dwar il-midja konkluż mal-maġġoranza tal-partiti politiċi fil-Parlament Daniż. Għall-perjodu kkonċernat, kien hemm 3 ftehimiet dwar il-midja: il-ftehim dwar il-midja għall-perjodu tal-1994-1997, konkluż fis-16 ta’ Settembru 1993, il-ftehim dwar il-midja għall-perjodu tal-1997-2000, konkluż fl-10 ta’ Mejju 1996, u l-ftehim dwar il-midja għall-perjodu tal-2001-2004, konkluż fit-28 ta’ Marzu 2000.

(107)

Id-dħul mid-dritt tal-liċenzja ġie stabbilit għal perjodu relattivament twil. Matul il-perjodu taħt investigazzjoni, il-kumpens mogħti lil TV2 ma kienx suġġett għal kwalunkwe reviżjoni sussegwenti, anki fi żminijiet meta d-dħul ta’ TV2 kien qed jonqos. Pereżempju, minkejja li d-dħul mir-reklamar ta’ TV2 sofra tnaqqis qawwi fl-1999, il-kumpens ma ġiex aġġustat sabiex jirrifletti dan il-fatt.

(108)

Skont l-awtoritajiet Daniżi, il-kumpens ġie determinat fuq il-bażi tal-indiċi tal-prezzijiet u tal-pagi tal-baġit u l-kontijiet ta’ TV2, kif ukoll fuq il-bażi ta’ analiżi ekonomika.

(109)

Fl-1995 u fl-1999, saru analiżi ekonomiċi fil-fond minn KPMG, l-uffiċċju tal-awdituri. KPMG ġie assistit minn grupp ta’ monitoraġġ li jikkonsisti minn rappreżentanti tal-atturi ewlenin fis-suq, inklużi kompetituri ta’ TV2 għar-rapport tal-1999. B’mod partikolari, ingħatat attenzjoni għal informazzjoni fuq dħul potenzjali minn sorsi ta’ dħul oħra minbarra dak mid-dritt tal-liċenzja, bħal dħul mir-reklamar.

(110)

Fil-punti 164 u 165 tal-ittra tagħhom iddatata l-24 ta’ Marzu 2003, l-awtoritajiet Daniżi indikaw li l-istudji ta’ konsulenza ta’ KPMG, li jippruvaw jistmaw l-iżvilupp l-aktar probabbli tal-introjtu mir-reklamar fis-suq tar-reklamar Daniż u sorsi ta’ dħul ta’ TV2, u sabiex jidentifikaw l-inċertezzi assoċjati ma’ dawn l-istimi, tħejjew sabiex jagħtu lill-Gvern Daniż u lill-Parlament Daniż bażi aħjar għad-deċiżjoni tagħhom meta jiddeterminaw u jiddistribwixxu dħul mid-dritt tal-liċenzja matul diskussjonijiet dwar il-politika tal-midja.

(111)

Skont l-awtoritajiet Daniżi, id-dokumenti użati sabiex jiġi determinat il-kumpens ġew magħmula disponibbli pubblikament. Il-ftehimiet dwar il-midja ġew ippubblikati fi stqarrijiet għall-istampa u fir-Rapport Uffiċjali ta’ Dokumenti Parlamentari (Folketingstidende). Il-leġiżlazzjoni li kellha timplimenta l-ftehimiet dwar il-midja ġiet ippubblikata fil-Gazzetta Uffiċjali Daniża (Lovtidende). Il-kontijiet ta’ TV2 ġew ukoll ippubblikati, flimkien mal-analiżi ekonomiċi msemmija hawn fuq.

(112)

Fid-dawl tas-Sentenza, il-Kummissjoni għandha tevalwa jekk il-proċedura deskritta hawn fuq tistax twassal għall-konklużjoni li t-tieni kriterju Altmark ġie sodisfatt.

(113)

Min-naħa waħda, il-Kummissjoni tieħu nota li fis-Sentenza (47) tagħha, il-Qorti qalet li “(…) ma jistax jiġi eskluż li l-modalitajiet sabiex jiġi stabbilit l-ammont tad-dħul mil-liċenzji li kellu jingħata lil TV2, imsemmija hawn fuq, jistgħu jikkostitwixxu modalitajiet oġġettivi u trasparenti peress li huma jinvolvu, b’mod partikolari, l-intervent tal-Parlament Daniż, peress li huma bbażati fuq analiżi ekonomiċi stabbiliti mill-uffiċċju ta’ awdituri assistit minn grupp ta’ monitoraġġ kompost minn esperti u li fih ipparteċipaw il-kompetituri ta’ TV2, u peress li dawn l-analiżi kienu ppubblikati, bħalma kienu ppubblikati l-kontijiet annwali ta’ TV2. Għaldaqstant, ma jistax jiġi eskluż li analiżi serja ta’ dawn il-modalitajiet twassal, jekk ikun il-każ, għall-konklużjoni li r-Renju tad-Danimarka kien żgura, essenzjalment, diġà qabel ma l-Qorti tal-Ġustizzja kienet stabbilixxiet il-kundizzjonijiet Altmark, li t-tieni waħda minn dawn il-kundizzjonijiet tiġi osservata”. Barra minn hekk, kif ġie deċiż mill-Qorti, “l-ammont tad-dħul mil-liċenzji li kellu jingħata lil TV2 ġie kkalkolat […] fuq il-bażi, preċiżament, tal-ipoteżi li dawn il-miżuri l-oħra tal-Istat favur dan ix-xandar kienu se jinżammu.  (48)” (jiġifieri eżenzjoni mit-taxxa, eċċ.).

(114)

Il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li l-involviment tal-Parlament Daniż fil-proċess li wassal għall-istabbiliment tad-dritt tal-liċenzja jiżgura sa ċertu punt ċertu livell ta’ trasparenza u oġġettività. Barra minn hekk, il-ftehimiet dwar il-midja li stabbilew l-ammont tad-drittijiet tal-liċenzja li għandhom jiġu rċevuti minn TV2 ġew deċiżi diversi snin qabel u, sussegwentement, il-kumpens ta’ TV2 qatt ma ġie aġġustat matul il-perjodu tal-investigazzjoni.

(115)

Madankollu, ir-rapporti ekonomiċi li tħejjew minn KPMG bassru biss l-ammont ta’ dħul mir-reklamar li jdaħħal TV2 (jiġifieri l-parti tad-dħul). Fir-rigward tal-parti tal-ispejjeż tal-istabbiliment tal-kumpens, dawn ir-rapporti ekonomiċi ma ħadux pożizzjoni u l-Kummissjoni jidhrilha li l-ftehimiet dwar il-midja kienu biss ibbażati fuq l-indiċjar tal-ispejjeż li saru minn TV2 fis-snin preċedenti. Fil-fatt, l-awtoritajiet Daniżi indikaw li l-kumpens kien determinat fuq il-bażi tal-indiċi tal-prezzijiet u l-pagi tal-baġit u kontijiet ta’ TV2, kif ukoll fuq il-bażi tal-analiżi ekonomiċi li evalwaw biss in-naħa tad-dħul u ma kkonċernawx il-perjodu kopert bil-ftehim dwar il-midja konkluż fis-16 ta’ Settembru 1993.

(116)

Barra dan, m’hemm l-ebda indikazzjoni tal-parametri li fuq il-bażi tagħhom ġie kkalkulat il-kumpens. L-ammont tal-kumpens ġie stabbilit minn qabel, iżda t-tieni kriterju Altmark jipprovdi li l-parametri li fuq il-bażi tagħhom ġie kkalkulat il-kumpens tas-servizz pubbliku għandhom ikunu stabbiliti minn qabel b’mod oġġettiv u trasparenti.

(117)

Fuq il-bażi tal-elementi t’hawn fuq, il-Kummissjoni għalhekk tqis li t-tieni kriterju Altmark ma ġiex sodisfatt. Fi kwalunkwe każ, il-kriterji Altmark huma kumulattivi u l-valutazzjoni tal-Kummissjoni tar-raba’ kriterju hi li ma ntlaħaqx (ara hawn taħt).

(118)

Skont ir-raba’ kriterju Altmark, l-impriza li għandha twettaq l-obbligi ta’ servizz pubbliku hija magħżula permezz ta’ proċedura ta’ appalt pubbliku meta “l-livell tal-kumpens neċessarju […] jkun stabbilit abbażi ta’ analiżi tal-ispejjeż, li impriża medja, immexxija tajjeb u adegwatament mogħnija b’mezzi ta’ trasport sabiex tkun tista’ tissodisfa l-bżonnijiet neċessarji ta’ servizz pubbliku, kienet tagħmel sabiex twettaq tali obbligi, filwaqt li jiġi kkunsidrat id-dħul rilevanti kollu kif ukoll il-profitt raġjonevoli għat-twettiq ta’ dawn l-obbligi”.

(119)

Fil-każ in kwistjoni, il-fornitur tas-servizz pubbliku TV2 ma ntgħażilx wara proċedura ta’ akkwist pubbliku. Il-Kummissjoni għalhekk għandha tevalwa jekk il-livell ta’ kumpens ġiex iddeterminat fuq il-bażi tal-ispejjeż li impriża medja, immexxija sew u adegwatament mogħnija b’mezzi ta’ produzzjoni sabiex twettaq l-obbligi ta’ servizz pubbliku, kienet tagħmel sabiex twettaq tali obbligi.

(120)

Il-kundizzjonijiet ekonomiċi u legali li jirregolaw l-istabbiliment tal-kumpens għal TV2 ġew deskritti hawn fuq. B’mod partikolari, fid-dawl tas-Sentenza u b’kunsiderazzjoni tal-fatt li l-Qorti aċċennat li l-proċedura li ġiet stabbilita mir-Renju tad-Danimarka sabiex jiġi determinat l-ammont tad-dħul mid-dritt tal-liċenzja pagabbli lil TV2 bejn l-1995 u l-2002 involviet, analiżi ekonomiċi mħejjija bl-għajnuna ta’ kompetituri ta’ TV2, il-Kummissjoni għandha b’mod partikolari tikkunsidra r-rapporti tal-1995 u l-1999 ta’ KPMG sabiex tevalwa jekk sarx tqabbil tal-ispejjeż ta’ TV2 mal-ispejjeż ta’ operatur medju mmexxi tajjeb.

(121)

Ir-rapporti mwettqa mill-konsulenza tal-uffiċċju KPMG iqisu diversi xenarji fuq l-iżvilupp tas-suq tar-reklamar għall-perjodi tad-dritt tal-liċenzja rispettivi. Ir-rapporti ma jinkludux kwlaunkwe informazzjoni dwar TV2 bħala tali (pereżempju, dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tagħha jew l-ispejjeż operattivi tagħha), iżda juru kif dħul mir-reklamar jista’ jiżviluppa u kemm mis-suq tar-reklamar ġenerali jista’ jirriżulta fi dħul għal TV2. Filwaqt li stmaw l-iżvilupp l-aktar possibbli ta’ introjtu mir-reklamar fis-suq tar-reklamar u identifikaw l-inċertezzi assoċjati ma’ dawn l-istimi, dawn ir-rapporti kienu parti mill-proċedura li ġiet segwita mill-awtoritajiet Daniżi sabiex jiddeterminaw id-dritt tal-liċenzja li għandu jingħata lil TV2.

(122)

Ir-rapporti ta’ KPMG ma evalwaw l-ebda spiża ta’ TV2 jew l-ispejjeż ta’ operaturi oħra, u llimitaw ruħhom biex jikkunsidraw l-iżvilupp tas-suq tar-reklamar u s-sehem ta’ TV2 tad-dħul mir-reklamar. Għandu jkun innutat ukoll li dawn ir-rapporti mhumiex relatati mal-ewwel snin tal-perjodu tal-investigazzjoni li kienu koperti mill-ftehim dwar il-midja tal-1993.

(123)

Sa ċertu punt, il-kompetituri kienu involuti fl-elaborazzjoni ta’ dawn ir-rapporti. Għar-rapport tal-1995, id-dokument jispeċifika li “bosta partijiet interessati” kienu involuti, iżda mhuwiex ċar mir-rapport liema partijiet interessati kienu rappreżentati. Ir-rapport tal-1999 ta’ KPMG isemmi sensiela ta’ gruppi ta’ esperti, li fihom fil-fatt ipparteċipaw kompetituri ta’ TV2. Madankollu, il-fatt li dawn ir-rapporti ekonomiċi tħejjew, sa ċertu punt, bl-għajnuna ta’ kompetituri ta’ TV2 ma jistabbilixxix fih innifsu li twettqet analiżi tal-ispejjeż tal-kompetituri.

(124)

F’termini oħra, dawn ir-rapporti ma jinkludux analiżi tal-ispejjeż ta’ impriża medja, immexxija sew u adegwatament mgħammra b’mezzi ta’ produzzjoni sabiex twettaq l-obbligi ta’ servizz pubbliku, iżda pjuttost ttrattaw il-kwistjoni aktar ġenerali tal-prospetti tas-suq tar-reklamar kif ukoll l-ammont tad-dħul futur mir-reklamar ta’ TV2. Għandu jingħad ukoll li l-prezzijiet fis-suq tar-reklamar huma stabbiliti fuq il-bażi ta’ elementi differenti bħas-sehem tat-telespettaturi, u mhux biss abbażi tal-ispejjeż.

(125)

L-awtoritajiet Daniżi u TV2 ressqu wkoll argumenti legali u fattwali b’rabta mar-raba’ kundizzjoni Altmark.

(126)

L-ewwel nett, id-Danimarka tirreferi għall-każ BUPA u targumenta li r-raba’ kundizzjoni Altmark ma tapplikax neċessarjament, jew mill-anqas, li l-Kummissjoni, fid-dawl tas-Sentenza tal-Qorti, għandha tevalwa biss jekk essenzjalment intlaħqietx. Il-Kummissjoni hi tal-opinjoni li, fil-każ BUPA, is-sitwazzjoni kienet verament speċifika fis-sens li l-iskema in kwistjoni li kienet relatata mal-provvista ta’ servizzi tas-saħħa ma kinitx relatata mal-ispejjeż, jiġifieri kuntrarju għas-setturi tas-servizz pubbliku l-oħra, is-sistema kienet ibbażata fuq profili tar-riskju tal-klijenti. F’sitwazzjoni bħal din, ma kien hemm għalhekk l-ebda possibbiltà għall-operatur sabiex ikun effiċjenti billi jaħdem fuq l-ispejjeż tiegħu. Madankollu, għax-xandara tas-servizz pubbliku, huwa possibbli li jiġi kkalkulat il-kumpens fuq il-bażi tal-ispejjeż u dħul.

(127)

It-tieni nett, b’referenza għall-każ Chronopost (49), id-Danimarka targumenta li l-fornitur tas-servizz pubbliku bħal TV2 ma jistax jitqabbel ma’ operatur privat. Madankollu, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li, kuntrarju għall-kwistjoni tal-allokazzjoni tal-ispejjeż fi ħdan il-kuntest ta’ valutazzjoni tal-konformità li kienet il-kwistjoni fil-kawża Chronopost, il-ġist tar-raba’ kriterju Altmark huwa preċiżament li, fl-assenza ta’ offerta, it-tqabbil tal-ispejjeż tas-servizz pubbliku provdut għandu jsir ma’ dawk imwettqa minn impriża medja, immexxija sewwa u provduta adegwatament b’mezzi tal-produzzjoni.

(128)

Barra dan, id-Danimarka targumenta li, bħala parti mir-reviżjoni kontinwa ta’ TV2, l-uffiċċju tal-Verifika Nazzjonali wettaq verifiki u kontrolli finanzjarji tal-kontijiet ta’ TV2, u li twettqu kontrolli kostanti, li stimulaw ukoll kunsiderazzjonijiet tal-effiċjenza. Madankollu, il-Kummissjoni tqis li l-fatt li l-kontijiet ta’ TV2 ġew sottomessi għall-approvazzjoni mill-Ministeru tal-Kultura mhuwiex suffiċjenti biex juri li l-ispejjeż ta’ TV2 huma dawk ta’ impriża medja mmexxija sewwa. Barra dan, huwa dubjuż li l-kontrolli ex post jistgħu jkunu rilevanti għall-ilħuq tar-raba’ kriterju jekk ma kienx hemm analiżi tal-ispejjeż qabel ma ġie stabbilit il-kumpens.

(129)

Barra minn hekk, l-awtoritajiet Daniżi qagħdu b’mod partikolari fuq ir-rapport tal-2000 mill-Uffiċċju Nazzjonali ta’ Verifika Daniż li fih l-iżvilupp tal-produttività ta’ TV2 kien, sa ċertu punt, imqabbel ma’ dak ta’ DR u ta’ xandara tas-servizz pubbliku barranin (British Broadcasting Corporation “BBC”, Sveriges Television “SVT” u Norsk Riksringkastning “NRK”). F’dan ir-rapport, l-Uffiċċju ta’ Verifika Nazzjonali sab li kemm DR u TV2 tejbu l-produttività bejn l-1990 u l-1999. DR naqqas l-ispejjeż ta’ kull siegħa assoċjati mal-ewwel trażmissjonijiet sa ċertu punt aktar minn TV2, iżda fl-1999 l-ispiża ta’ kull siegħa tal-ewwel trażmissjonijiet ta’ DR kienet madankollu 53 % ogħla minn dik ta’ TV2. L-ispejjeż tax-xandir ta’ kull siegħa ta’ DR fl-1999 kienu approssimament 29 % ogħla minn dawk ta’ TV2. L-Uffiċċju ta’ Verifika Nazzjonali kkunsidra wkoll li l-iżvilupp tal-produttività ta’ TV2 kien aħjar, jew ugwali għall-iżvilupp tal-produttività tat-tliet xandara oħra tas-servizz pubbliku.

(130)

Madankollu, dan ir-rapport mhuwiex suffiċjenti sabiex juri li r-raba’ kundizzjoni ġiet sodisfatta.

(131)

Fil-fatt, ir-rapport huwa posterjuri għall-ftehimiet dwar il-midja li stabbilew l-ammont ta’ kumpens u għalhekk ma jurix li l-kumpens ġie determinat fuq il-bażi tal-ispejjeż li kienu jkunu twettqu minn impriża medja sabiex tipprovdi l-missjonijiet tas-servizz pubbliku.

(132)

Barra dan, ir-rapport huwa relatat ma’ xandara tas-servizz pubbliku oħra, u għalhekk ma jikkonċernax l-ispejjeż ta’ xandar “tipiku”. Pereżempju, mhuwiex stabbilit li l-ispejjeż ta’ DR, li mhuwiex permess jiġġenera finanzi permezz tar-reklamar, u li l-livell ta’ kumpens tiegħu huwa determinat taħt l-istess ftehim dwar il-midja bħal TV2, huma dawk ta’ impriża medja. Għall-finijiet tar-raba’ kriterju Altmark, għalhekk mhux possibbli li ssir xi konklużjoni mit-tqabbil tal-ispejjeż ta’ DR.

(133)

Barra dan, fir-rigward tat-tqabbil ma’ xandara tas-servizz pubbliku barranin, ir-rapport iqabbel biss l-iżvilupp tal-produttività ta’ TV2 ma’ dak ta’ xandara tas-servizz pubbliku oħrajn, iżda ma jiħux pożizzjoni fuq il-livell ta’ effiċjenza bħala tali u għalhekk fuq l-ispejjeż infushom. B’mod partikolari, żvilupp aktar baxx tal-produttività jista’ jkun minħabba diversi raġunijiet, inkluż il-fatt li l-effiċjenza bħala tali kienet ogħla fil-bidu tal-perjodu, jew il-fatt li x-xandar ma setax iżid il-ħin tax-xandir tiegħu. Pereżempju, punt 51 tar-rapport jindika li “Matul il-perjodu in kwistjoni, il-BBC u SVT kellhom żvilupp tal-ispiża kważi identiku, jiġifieri żieda ta’ madwar 50 %. F’termini reali, filwaqt li l-ispejjeż ta’ NRK żdiedu b’madwar 60 %, f’termini reali. Kif imsemmi hawn fuq, l-ispejjeż ta’ DR żdiedu bi 23 %, f’termini reali, u ta’ TV 2 b’63 %. Peress li, kif diġà speċifikat, il-ħin tax-xandir ta’ SVT u tal-BBC ma kibirx daqs dak ta’ xandara oħra, dan l-iżvilupp tal-ispiża fisser li SVT u l-BBC ma tejbux il-produttività tagħhom bl-istess mod bħat-tliet xandara l-oħra tas-servizz pubbliku”.

(134)

Il-Kummissjoni tinnota wkoll li punt 50 tar-rapport jispeċifika li “Peress li l-Uffiċċju ta’ Verifika Nazzjonali ma eżaminax il-kontijiet ta’ xandara tas-servizz pubbliku barranin f’iktar dettall, jista’ jkun hemm differenza bejn l-attivitajiet ta’ dawn ix-xandara u bejn il-metodi ta’ kalkolu użati għal entrati tal-kontabbiltà individwali. Dan ifisser li l-ispejjeż użati, u l-ispejjeż unitarji derivati minn dawn, ma jappartjenux neċessarjament għal attivitajiet identiċi u li dawn mhux neċessarjament ġew ikkalkulati skont prinċipji ta’ kontabbiltà identiċi. Bħala riżultat, livelli ta’ spejjeż unitarji ma jistgħux jitqabblu faċilment. Minħabba li l-iskop li jiġu inklużi x-xandara barranin sabiex jitqabbel l-‘iżvilupp’ tal-produttività bħala tali, l-Uffiċċju ta’ Verifika Nazzjonali kien tal-fehma li d-dejta li tappartjeni għax-xandara tat-televiżjoni barranin tista’, madankollu, fil-forma attwali tagħha, isservi bħala indikatur raġonevoli ta’ żvilupp”. Punt 53 tar-rapport jindika wkoll li “L-Uffiċċju ta’ Verifika Nazzjonali ma eżaminax il-kawżi tal-iżviluppi t’hawn fuq f’iktar dettall minħabba li, kif imsemmi hawn fuq żvilupp tal-ispejjeż unitarji speċifikati jiddependi fuq il-kontenut tal-offerta ta’ programmi tax-xandara u minħabba li l-analiżi jippresupponu, fi kwalunkwe każ, li l-kwalità baqgħat l-istess. Minħabba li dan jippreżenta diffikultà immedjata f’termini ta’ tqabbil bejn xandara tas-servizz pubbliku kkonċernati, ir-riżultat tal-analiżi għandu jiġi interpretat b’ċertu kawtela. F’dan ir-rigward, il-Ministeru tal-Kultura iddikjara li jaqbel mal-iżviluppi tal-ispejjeż unitarji deskritti u li tqabbil tal-ispejjeż unitarji ta’ DR, TV 2 u x-xandara tas-servizz pubbliku barranin għandhom jiġu interpretati b’ċertu kawtela”.

(135)

Għalhekk, minħabba r-raġunijiet msemmija hawn fuq, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li r-rapport ma jurix li l-ispejjeż ta’ TV2 kienu dawk li kienu jkunu twettqu minn impriża medja mmexxija sewwa sabiex twettaq il-missjonijiet tas-servizz pubbliku.

(136)

Sabiex tikkonkludi, fuq il-bażi tal-elementi t’hawn fuq, il-Kummissjoni tikkunsidra li r-raba’ kriterju Altmark ma ntlaħaqx, u minħabba li dawn il-kriterji huma kumulattivi, il-kumpens mogħti lil TV2 ma jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Qorti fis-sentenza Altmark. Fi kwalunkwe każ, kif ser jintwera hawn taħt, il-Kummissjoni tqis li l-kumpens jista’ jitqies bħala kompatibbli mas-suq intern.

(137)

Il-Kummissjoni għandha tevalwa wkoll jekk il-miżuri konċernati jistgħux jissodisfaw it-“test ta’ investitur f’ekonomija tas-suq” (“test tal-MEIP”). L-awtoritajiet Daniżi u TV2 argumentaw li l-miżuri ma jikkwalifikawx bħala għajnuna mill-Istat minħabba li l-kundizzjonijiet tat-test tal-MEIP huma sodisfatti. B’mod partikolari, dawn jikkunsidraw li kien perfettament ġustifikat taħt it-test tal-MEIP li jitħalla l-bilanċ favorevoli f’TV2 sabiex tissaħħaħ l-ekwità.

(138)

F’dan ir-rigward, ta’ min jinnota preliminarjament li l-kwistjoni ta’ jekk il-miżuri jistgħux jiġu ġġustifikati taħt it-test tal-MEIP hija differenti minn dik ta’ jekk il-kwistjoni tistax titqies bħala neċessarja għat-twettiq tal-missjonijiet tas-servizz pubbliku (ara l-valutazzjoni tal-konformità hawn taħt), jiġifieri l-fatt li ċertu livell ta’ riżerva u ekwità jista’ jkun meħtieġ sabiex TV2 jopera l-missjonijiet tas-servizz pubbliku tiegħu ma jimplikax li investitur privat kien iħalli dawn il-flus fil-kumpanija u ma kienx jitlob dividendi.

(139)

Il-Kummissjoni, b’mod konformi ma’ ġurisprudenza stabbilita, għandha tiddetermina jekk, f’ċirkustanzi simili, investitur privat ta’ dimensjoni kumparabbli għal dik tal-korpi li jiġġestixxu s-settur pubbliku seta’ kien mistenni li jagħmel kontribuzzjonijiet kapitali tal-istess daqs (50). Għalkemm l-imġiba ta’ investitur privat, li magħha għandu jiġi pparagunat l-intervent ta’ investitur pubbliku m’hemmx għalfejn tkun l-imġiba ta’ investitur ordinarju li jinvesti kapital sabiex jikseb profitt f’perjodu relattivament qasir, għall-inqas għandha tkun l-imġiba ta’ kumpanija possedenti privata jew ta’ grupp privat ta’ impriżi b’politika strutturali u ggwidata minn prospetti ta’ profitabbiltà fuq perjodu itwal ta’ żmien.

(140)

Barra dan, skont il-ġurisprudenza stabbilita, it-test tal-MEIP għandu jiġi applikat fil-mument meta tittieħed deċiżjoni u mhux test ex post (51).

(141)

Fil-każ preżenti, minħabba li d-Danimarka hija l-unika parti interessata f’TV2, hija kemm l-ewwel u l-aħħar kreditur li għandu jiġi rimburżat f’każ tal-falliment tal- kumpanija. Għalhekk, min-naħa tal-investitur, l-Istat Daniż jista’ jitlob qligħ fuq l-investiment tiegħu jew billi jitlob rimunerazzjoni fil-forma ta’ interess fuq self jew qligħ fuq ishma fil-kapital.

(142)

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota li matul il-perjodu kkonċernat, id-Danimarka rrinunzjat id-dritt tagħha għal ħlasijiet ta’ interessi u ppermettiet moratorju fuq il-ħlas lura. Barra minn hekk, l-Istat Daniż ma talabx għal xi rimunerazzjoni fuq kapital li ġie akkumulat f’TV2. Għalhekk, l-Istat Daniż ma talabx għal dħul normali fuq l-investiment tiegħu bħal ma kien jagħmel normalment kreditur jew sid ta’ kumpanija.

(143)

Barra dan, l-awtoritajiet Daniżi ma ressqux elementi validi sabiex jiġġustifikaw għaliex kien jagħmel sens li l-bilanċ favorevoli f’TV2 jiġi investit mill-ġdid, minflok talbu għal rimunerazzjoni fil-forma ta’ interessi jew dividendi. Deċiżjoni bħal din kienet normalment tittieħed minn investitur biss jekk jaħseb li l-investiment mill-ġdid ser jipproduċi valur miżjud lill-investiment inizjali tiegħu.

(144)

Fil-każ preżenti, mhuwiex stabbilit li kien ikun hemm pjan tan-negozju jew strateġija tan-negozju żviluppata, evidenti li turi li dan kien ikun il-każ. Ma kien hemm l-ebda indikazzjonijiet oħra li TV2 kien qed jippjana sabiex jiżviluppa l-attivitajjiet tiegħu sabiex jipproduċi dan il-valur miżjud. Billi tafferma dan, il-Kummissjoni ma tippruvax toqgħod fuq argumenti formalistiċi sabiex tirrifjuta l-argument tal-awtoritajiet Daniżi fuq it-test tal-MEIP, iżda qeda tevalwa biss jekk investitur tal-ekonomija tas-suq kienx jiddeċiedi li jħalli l-fondi f’TV2 fuq il-bażi tal-elementi li kienu għad-dispożizzjoni tiegħu meta kien jieħu din id-deċiżjoni. Madankollu, b’kunsiderazzjoni tal-informazzjoni li kienet disponibbli fil-mument meta l-fondi tħallew f’TV2 (52), u indipendentament mill-kunsiderazzjonijiet relatati mal-ħtiġijiet tal-missjonijiet tas-servizz pubbliku ta’ TV2 li ma kinux jitqiesu minn investitur privat, il-Kummissjoni tqis li ma kien hemm l-ebda pjan tan-negozju, la proġett ta’ investiment u lanqas kwalunkwe element ieħor li fuq il-bażi tiegħu investitur privat razzjonali kien iqis li l-investiment mill-ġdid kien jipproduċi valur miżjud lill-investiment inizjali tiegħu u għalhekk kien jiddeċiedi li jħalli l-flus f’TV2, minflok jitlob rimunerazzjoni.

(145)

Barra dan, l-awtoritajiet Daniżi użaw il-qligħ mill-introjtu bħala punt ta’ riferiment sabiex juru li huma aġixxew bħala investitur privat meta investew mill-ġdid il-flus f’TV2. Madankollu, fil-każ preżenti, għandu jiġi enfasizzat li l-Gvern Daniż diġà qed jaġixxi bħala fornitur tal-finanzjament ta’ TV2, meta jipprovdih b’rikavati sinifikanti sabiex ikopri parti mill-ispejjeż operattivi tiegħu. L-ammont ta’ dawn ir-rikavati għandu effett dirett fuq ir-riżultati li TV2 jista’ jiġġenera. Fil-prattika, il-proporzjon tal-prestazzjoni jista’ jitjieb billi sempliċiment jiżdied l-ammont ta’ finanzjament mill-Istat. Madankollu, minħabba li eċċess ta’ finanzjament normalment iwassal għal ineffiċjenzi, li jirriżultaw fi spiża akbar fuq il-fondi tal-Istat, mhijiex ħaġa ċerta jekk iż-żieda fil-finanzjament tirriżultax f’riżultati aħjar b’mod korrispondenti.

(146)

Għalhekk l-imġiba tal-awtoritajiet Daniżi ma tistax titqies bħala dik ta’ investitur f’ekonomija tas-suq. Fi kwalunkwe każ, kif ser jintwera hawn taħt, il-Kummissjoni tqis li l-kumpens jista’ jitqies bħala kompatibbli. Kif diġà ssemma, it-test tal-MEIP huwa kwistjoni differenti minn dik ta’ jekk kienx ġustifikat għall-Istat Daniż li jħalli l-bilanċ favorevoli f’TV2 sabiex isaħħaħ l-ewkità neċessarja għall-missjonijiet tas-servizz pubbliku.

(147)

Sabiex tikkonkludi, il-Kummissjoni tqis li, matul il-perjodu tal-investigazzjoni, TV2 ġie ffavorit bil-miżuri. Fis-suq tax-xandir tat-televiżjoni, TV2 jikkompeti max-xandara l-oħra, li ma rċivewx l-istess vantaġġ. Għalhekk, il-miżuri għandhom jitqiesu bħala selettivi u li jfixklu l-kompetizzjoni fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE.

IV.1.3.   L-EFFETT FUQ IN-NEGOZJU

(148)

Il-miżuri tal-Istat jaqgħu taħt id-dispożizzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE sakemm dawn jaffettwaw in-negozju bejn l-Istati Membri. Dan huwa l-każ meta l-attivitajiet konċernati huma suġġett għal negozju intra-Komunitarju.

(149)

Il-Qorti tal-Ġustizzja żviluppat interpretazzjoni wiesgħa ta’ dan il-kunċett. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta għajnuna ssaħħaħ il-pożizzjoni ta’ impriża mqabbla ma’ impriżi oħra li jikkompetu f’negozju intra-Komunitarju, dawn tal-aħħar għandhom jitqiesu bħala affettwati minn dik l-għajnuna (53). Il-fatt li l-impriża in kwistjoni mhijiex impenjata fl-esportazzjonijiet ma jeskludix li n-negozju jista’ jkun affettwat. Meta Stat Membru jagħti għajnuna lil intrapriża, l-attivitajiet interni jistgħu jinżammu jew saħansitra jiżdiedu minħabba l-għajnuna, li min-naħa l-oħra jnaqqsu l-possibbiltajiet ta’ impriżi oħrajn sabiex jiġu stabbiliti fis-suq. L-għajnuna konsegwentement tippermetti lir-riċevitur iżomm is-sehem tas-suq li altrimenti kien jinħataf minn kompetituri minn Stati Membri (54) oħra.

(150)

Fil-punt 18 tal-Komunikazzjoni dwar ix-Xandir, il-Kummissjoni, meta rreferiet għall-ġurisprudenza tal-Qorti, iddikjarat li l-“finanzjarjament Statali ta’ xandâra ta’ servizz pubbliku jista’ ġeneralment ikun ikkunsidrat bħala li jaffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri. Kjarament, din hija l-pożizzjoni dwar l-akkwist u l-bejgħ ta’ drittijiet ta’ programm, li ħafna drabi jseħħ fuq livell internazzjonali. Pubbliċità, ukoll, fil-każ ta’ xandâra pubbliċi li għandhom permess li jbiegħu spazju ta’ pubbliċità, għandha effett transkonfini, speċjalment għal oqsma lingwistiċi omoġenji li jaqsmu fruntieri nazzjonali. Barra minn hekk, l-istruttura ta’ pussess ta’ xandâra kummerċjali tista’ tkun estiża sa aktar minn Stat Membru wieħed.”

(151)

F’dan il-każ, il-Kummissjoni tinnota li TV2 huwa attiv fis-suq internazzjonali u jiskambja programmi (55) televiżivi. Huwa qiegħed f’kompetizzjoni diretta ma’ xandara kummerċjali li huma attivi fis-suq tax-xandir nazzjonali u li għandhom struttura ta’ sjieda internazzjonali. Il-mezzi finanzjarji li tqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’ TV2 ipprovdew vantaġġ kompetittiv lil TV2 sabiex jikseb drittijiet awdjoviżivi u sabiex jinvesti fi programmi li sussegwentement jistgħu jinbiegħu. Barra minn hekk, il-miżuri ta’ għajnuna qiegħdu lil TV2 f’sitwazzjoni favorevoli meta mqabbla mal-kompetituri tiegħu fi ħdan l-Unjoni Ewropea billi naqqsu l-possibbiltajiet ta’ dawn tal-aħħar sabiex jistabbilixxu lilhom infushom fid-Danimarka.

(152)

Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżuri mogħtija lil TV2 għandhom effett fuq in-negozju bejn Stati Membri fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE.

IV.1.4.   KONKLUŻJONI

(153)

Minħabba li l-kundizzjonijiet kollha tal-Artikolu 107(1) TFUE huma sodisfatti, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżuri deskritti hawn fuq mogħtija lil TV2 jikkwalifikaw bħala għajnuna mill-Istat fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE.

(154)

Peress li TV2 beda jxandar fl-1989, il-miżuri kollha ngħataw lil TV2 wara l-adeżjoni tad-Danimarka fl-Unjoni Ewropea. Għal din ir-raġuni, il-miżuri, inkluż id-dritt tal-liċenzja, jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat ġdida (u mhux għajnuna eżistenti fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 108(1) TFUE).

IV.2.   KONFORMITÀ TAL-GĦAJNUNA MAS-SUQ INTERN

(155)

Il-Kummissjoni tqis li l-Artikolu 107(2) u l-Artikolu 107(3)(a), 107(3)(b), 107(3)(c) u 107(3)(d) TFUE huma biċ-ċar mhux applikabbli u la l-awtoritajiet Daniżi u lanqas TV2 ma ressqu argumenti f’dan ir-rigward.

(156)

Għalhekk, il-Kummissjoni ser tevalwa jekk l-Artikolu 106(2) TFUE jistax ikun applikabbli.

(157)

Skont l-Artikolu 106(2) TFUE, “Kull impriża responsabbli sabiex topera servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali jew li jkollha l-karattru ta’ monopolju fiskali għandha tkun suġġetta għar-regoli tat-Trattati, b’mod partikolari dawk li jirriferu għall-kompetizzjoni, sa fejn l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli ma jostakolawx it-twettiq de jure jew de facto tal-funzjonijiet speċifiċi mogħtija lil dik l-impriża. L-iżvilupp tal-kummerċ ma għandux jiżviluppa b’ mod kuntrarju għall-interessi tal-Unjoni”.

(158)

Sabiex miżura tibbenefika minn din id-deroga, huwa neċessarju li l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin ikunu sodisfatti:

Is-servizzi in kwistjoni għandhom ikunu servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali (“SGEI”) u kjarament definiti bħala tali mill-Istat Membru (“definizzjoni”);

L-impriża in kwistjoni għandha tkun espliċitament inkarigata mill-Istat Membru bil-provvista ta’ dak is-servizz (“mandat”);

L-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tat-Trattat għandha timpedixxi l-eżekuzzjoni ta’ kompiti partikolari assenjati lill-impriża u l-eżenzjoni minn dawn ir-regoli m’għandhomx jaffettwaw l-iżvilupp tan-negozju sal-punt li jkun kontra l-interessi tal-Unjoni (“proporzjonalità”).

(159)

Il-Komunikazzjoni dwar ix-Xandir (56) tal-2001 tistabbilixxi l-prinċipji u l-metodi, li l-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tapplika fis-settur tax-xandir sabiex tiżgura l-konformità mal-kundizzjonijiet imsemmija hawn fuq.

IV.2.1.   DEFINIZZJONI

(160)

Skont l-Att dwar ix-Xandir (kif applikabbli fil-verżjoni tiegħu tal-1994) (57), TV2 huwa istituzzjoni indipendenti, bl-għan li permezz ta’ attivitajiet ta’ programmi indipendenti jipprovdi u jiddistribwixxi programmi televiżivi nazzjonali u reġjonali. Il-firxa tal-programmi provduti għandha deċiżivament tiffoka fuq il-kwalità, il-versatilità u d-diversità. Affinitajiet ma’ reġjuni għandhom ukoll jingħataw prijorità fl-ippjanar ta’ programmi għal stazzjonijiet TV2 reġjonali. Is-servizz pubbliku tax-xandir huwa speċifikat f’aktar dettall fl-Istatuti ta’ TV2, li jispeċifikaw li TV2 għandu jipprovdi programmi li jikkonsistu f’aħbarijiet, informazzjoni ġenerali, edukazzjoni, arti u divertiment lill-popolazzjoni Daniża kollha (58).

(161)

Il-Kummissjoni tinnota li fis-Sentenza (59), il-Qorti ħadet il-pożizzjoni dwar is-servizz pubbliku li TV2 huwa legalment obbligat li jipprovdi.

(162)

L-ewwel, għandu jitfakkar li l-Istati Membri jgawdu diskrezzjoni wiesgħa sabiex jiddefinixxu dak li jikkunsidraw bħala servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali, u għaldaqstant, id-definizzjoni ta’ dawn is-servizzi minn Stat Membru tista’ tiġi kkontestata mill-Kummissjoni biss f’każ ta’ żball (60).

(163)

Barra dan, kif speċifikat fil-paragrafu 33 tal-Komunikazzjoni dwar ix-Xandir, huwa kompitu tal-Istati Membri li jiddefinixxu l-mandat tas-servizz pubbliku ta’ xandar pubbliku.

(164)

B’mod aktar speċifiku, fir-rigward tal-SGEIs fil-qasam tax-xandir, il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea rrikonoxxiet li Stati Membri jistgħu leġittimament jiddefinixxu dan l-SGEI sabiex ikopru x-xandir ta’ programmi (61) ta’ natura ġenerali.

(165)

Barra minn hekk, meta, fil-Protokoll ta’ Amsterdam (62), l-Istati Membri ddikjaraw li “s-sistema ta’ xandir pubbliku fl-Istati Membri hija direttament relatata mal-ħtiġijiet demokratiċi, soċjali u kulturali ta’ kull soċjetà u mal-ħtieġa li jkun imħares il-pluraliżmu tal-media”, huma rreferew direttament għas-sistemi ta’ xandir ta’ servizz pubbliku introdotti minnhom u fdati bi programmi televiżivi ta’ natura ġenerali għall-benefiċċju tal-popolazzjoni kollha ta’ dawk l-Istati.

(166)

Fis-Sentenza tagħha, il-Qorti ddeċidiet li l-kompetenza tal-Istati Membri sabiex jiddefinixxu l-SGEI tax-xandir f’termini wiesgħa u kwalitattivi, b’mod li jkopri x-xandir ta’ varjetà wiesgħa ta’ programmi, ma tistax tiġi kkontestata, kif lanqas ma tista’ tiġi kkontestata l-possibbiltà għal dawn l-Istati Membri li jagħmlu użu, għall-finanzjament ta’ dan l-SGEI (63), mill-finanzjament tar-reklamar.

(167)

Il-possibbiltà, għal Stati Membri, li jiddefinixxu l-SGEI tax-xandir b’mod wiesa’, liema definizzjoni tkun tinkludi x-xandir ta’ programmi ta’ natura ġenerali, ma tistax tiġi kkontestata mill-fatt li x-xandar ta’ servizz pubbliku jeżerċita, barra minn hekk, attivitajiet kummerċjali, b’mod partikolari l-bejgħ ta’ spazju għar-reklamar. Fil-fatt, il-kwistjoni tad-definizzjoni tal-mandat tas-servizz pubbliku m’għandhiex tiġi konfuża mal-kwistjoni tal-mekkaniżmu ta’ finanzjament magħżul biex jiġu pprovduti dawn is-servizzi (64).

(168)

Barra minn hekk, il-Qorti għamlitha ċara li l-Kummissjoni m’għandhiex għalfejn tagħmel studju kumparattiv tal-programmi ta’ TV2 mal-programmi ta’ stazzjonijiet kummerċjali. Il-fatt li d-definizzjoni tal-SGEI tax-xandir titħalla tiddependi, permezz ta’ analiżi komparattiva tal-programmi, fuq il-firxa tal-programmi tax-xandara kummerċjali, ikollu l-effett li jċaħħad lill-Istati Membri mill-kompetenza tagħhom li jiddefinixxu s-servizz pubbliku. Fil-fatt, id-definizzjoni tal-SGEI tkun tiddependi, fl-aħħar analiżi, mill-operaturi kummerċjali u mid-deċiżjonijiet tagħhom li jxandru ċerti programmi jew le.

(169)

Il-Qorti (65) kkonfermat ukoll li l-obbligi imposti fuq xandara kummerċjali mhumiex komparabbli mal-obbligi ta’ servizz pubbliku imposti fuq TV2. L-għan ta’ dawn l-obbligi tas-servizz pubbliku hu li jipprovdu lill-popolazzjoni Daniża kollha programmi varji u li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ kwalità, versatilità u diversità. Dawk l-obbligi tas-servizz pubbliku jiddeterminaw l-attivitajiet tax-xandir kollha ta’ TV2, u dan b’mod aktar riġidu milli jagħmlu l-obbligi minimi previsti fil-liġi Daniża għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni ta’ xandir.

(170)

Għalhekk, il-Qorti kkonkludiet (66) li “id-definizzjoni magħżula mill-awtoritajiet Daniżi hija wiesgħa, peress li, billi hija ta’ natura essenzjalment kwalitattiva, hija tħalli lix-xandar liberu li jistabbilixxi l-iskeda ta’ programmi tiegħu. Madankollu, hija mhijiex impreċiża. Għall-kuntrarju, il-mandat ta’ TV2 huwa perfettament ċar u preċiż: hija għandha toffri lill-popolazzjoni Daniża kollha programmi televiżivi varji li jfittxu li jipprovdu l-kwalità, il-versatilità u d-diversità”.

(171)

Fuq il-bażi tal-elementi t’hawn fuq, u meta wieħed iqis in-natura speċifika tas-settur tax-xandir, il-Kummissjoni tikkunsidra li, definizzjoni “wiesgħa”, fejn xandar jiġi fdat bil-kompitu li jipprovdi programmar ekwilibrat u varjat b’mod konformi mal-mandat tiegħu, tkun leġittima skont l-Artikolu 106(2) TFUE fid-dawl tad-dispożizzjonijiet interpretattivi tal-Protokoll. Definizzjoni bħal din tkun konsistenti mal-għan tat-twettiq tal-bżonnijiet demokratiċi, soċjali u kulturali ta’ soċjetà partikolari u l-garanzija ta’ pluraliżmu, inkluża d-diversità kulturali u lingwistika.

(172)

Għalhekk, fuq il-bażi tal-elementi t’hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li d-definizzjoni tas-servizz pubbliku provduta minn TV2 tista’ tkun aċċettata.

(173)

Għandu jingħad ukoll li, matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, TV2 sfrutta sit tal-Internet bħala parti mill-kompitu tas-servizz pubbliku tiegħu. Is-sit tal-Internet jinforma lill-utenti dwar il-programmi televiżivi tas-servizz pubbliku ta’ TV2. Il-Kummissjoni tista’ taċċetta li s-sit tal-Internet ta’ TV2 li hu limitat sabiex jinforma lill-utenti dwar il-programmi televiżivi tas-servizz pubbliku ta’ TV2 jaqa’ fi ħdan il-kompitu ta’ xandir tas-servizz pubbliku ta’ TV2. Għalhekk, l-inklużjoni tal-isfruttament ta’ dan is-sit fil-mandat tas-servizz pubbliku ma tinkludix żball evidenti. Barra dan, TV2 sfrutta sit tal-Internet kummerċjali b’logħob eċċ. Dan is-servizzi tal-Internet kummerċjali ta’ TV2 jista’ jitqies bħala attività purament kummerċjali, minħabba li din toffri prodotti interattivi fuq domanda individwali bħal logħob jew “chat rooms”, li mhumiex differenti minn prodotti kummerċjali simili. Dawn l-attivitajiet tal-aħħar għalhekk jaqgħu lil hinn mill-ambitu ta’ servizz pubbliku ta’ TV2.

IV.2.2.   MANDAT

(174)

Sabiex jibbenefika mill-eżenzjoni taħt l-Artikolu 106(2) TFUE, il-mandat ta’ servizz pubbliku għandu jiġi fdat lil TV2 permezz ta’ att uffiċjali. Il-Kummissjoni tinnota li l-Att dwar ix-Xandir (67) jafda formalment il-kompitu ta’ servizz pubbliku lil TV2. Il-Kummissjoni tinnota wkoll is-Sentenza li fiha l-Qorti ddeċidiet li “Huwa evidenti li TV2 kienet fdata b’tali funzjoni [il-mandat ta’ servizz pubbliku]” (68).

(175)

Madankollu, minħabba li d-definizzjoni legali ma tagħmilhiex ċara b’mod suffiċjenti liema tipi ta’ servizzi oħra huma permessi bħala servizz pubbliku, huwa neċessarju li jingħata mandat formali minn qabel lix-xandar pubbliku għal kull attività addizzjonali li TV2 irid iniedi bħala servizz pubbliku. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li, fil-perjodu 1995-2002, TV2 ma pprovdiex servizzi oħra minbarra l-kompiti tax-xandir ta’ servizz pubbliku. Fil-fatt, is-sit tal-Internet li joffri servizzi oħra bħal logħob twettaq bħala attività kummerċjali, filwaqt li s-sit tal-Internet li purament informa lill-utenti dwar programmi televiżivi tas-servizz pubbliku ta’ TV2 jista’ jitqies bħala parti mill-mandat ta’ xandir tas-servizz pubbliku, minħabba li ma jistax jiġi separat mis-servizz ta’ xandir. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li għall-perjodu 1995-2002, il-mandat ta’ xandir tas-servizz pubbliku ġie fdat kif xieraq lil TV2.

(176)

Madankollu, kif speċifikat fil-punti 41 sa 43 tal-Komunikazzjoni dwar ix-Xandir tal-2001, barra li s-servizz pubbliku jiġi fdat lix-xandar b’mod formali, huwa neċessarju wkoll li s-servizz pubbliku jiġi provdut kif previst fl-att tal-mandat. Minħabba li mhuwiex il-kompitu tal-Kummissjoni li tagħmel ġudizzju dwar l-issodisfar ta’ kwalunkwe standards tal-kwalità, huwa kkunsidrat xieraq li jkun hemm awtorità tal-monitoraġġ, li permezz tagħha l-Istat Membru jagħżel il-mekkaniżmu sabiex jiżgura superviżjoni effettiva, bil-kundizzjoni li l-awtorità tkun indipendenti mill-impriża fdata.

(177)

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tinnota li fl-2000, l-Uffiċċju ta’ Verifika Nazzjonali għamel investigazzjoni speċifika dwar is-sustanza u n-natura tal-obbligi tas-servizz pubbliku ta’ TV2 u dwar kif dawn ġew sodisfatti fil-prattika Din l-investigazzjoni ma sabet l-ebda nuqqas ta’ konformità min-naħa ta’ TV2 mal-obbligi ta’ servizz pubbliku. Barra minn hekk, bejn l-2001 u l-2002, kien hemm Kunsill tas-Servizz Pubbliku sabiex jiżgura l-konformità ta’ TV2 mal-obbligi tas-servizz pubbliku tiegħu, minkejja li dak il-korp qatt ma ppubblika rapporti f’dan ir-rigward matul il-perjodu qasir tal-eżistenza tiegħu. Il-Kummissjoni ma sabet ukoll ebda indikazzjoni li TV2 ma kkonformax mal-obbligi tiegħu jew li l-prestazzjoni tiegħu kienet tali li s-servizz ma setax jibqa’ jitqies bħala SGEI taħt l-Artikolu 106(2) TFUE.

(178)

Fir-rigward tal-kontroll finanzjarju tas-servizz ta’ xandir pubbliku, il-Kummissjoni tinnota li l-Uffiċċju ta’ Verifika Nazzjonali vverifika l-kontijiet ta’ TV2. Dawn il-verifiki inkludew kemm verifiki kif ukoll kontrolli finanzjarji, minkejja li l-Uffiċċju ta’ Verifika Nazzjonali ma kellux il-poteri sabiex jipprevjeni kumpens żejjed għall-ispejjeż tas-servizz pubbliku ta’ TV2.

(179)

Fir-rigward tal-proporzjonalità tal-għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni għandha s-setgħa sabiex twettaq din il-valutazzjoni. Il-Kummissjoni tinnota li d-direttiva dwar it-trasparenza ġiet adottata fid-Danimarka. Il-Kummissjoni rċeviet dejta mingħand l-awtoritajiet Daniżi sabiex tkun tista’ tevalwa jekk il-finanzjament mill-Istat kienx proporzjonat.

IV.2.3.   PROPORZJONALITÀ

(180)

Fid-dawl tas-Sentenza, u tal-Komunikazzjoni dwar ix-Xandir tal-2001, il-valutazzjoni tal-proporzjonalità li l-Kummissjoni għandha twettaq hija doppja.

(181)

L-ewwel, il-Kummissjoni għandha tikkalkula l-ispiża netta tal-kompitu tas-servizz pubbliku fdat lil TV2 u tivverifika jekk din l-ispiża ġietx ikkumpensata żżejjed fid-dawl tal-ħtiġijiet tiegħu sabiex jissodisfa l-missjonijiet tas-servizz pubbliku jew le.

(182)

It-tieni, il-Kummissjoni għandha tanalizza l-imġiba ta’ TV2 fis-suq tar-reklamar. Fil-fatt, skont il-Komunikazzjoni dwar ix-Xandir tal-2001, xandar tas-servizz pubbliku, sakemm dħul aktar baxx ikun kopert bl-għajnuna mill-Istat, jista’ jitħajjar inaqqas il-prezzijiet tar-reklamar jew attivitajiet mhux ta’ servizz pubbliku oħra, sabiex inaqqas id-dħul ta’ kompetituri. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li, kull darba li xandar tas-servizz pubbliku jwaqqa’ l-prezzijiet f’attivitajiet mhux ta’ servizz pubbliku taħt dak li hu neċessarju għall-irkupru ta’ spejjeż awtonomi li operatur kummerċjali effiċjenti f’pożizzjoni simili normalment jirkupra, prattika bħal din tkun tindika l-preżenza ta’ kumpens żejjed għall-obbligi tas-servizz pubbliku.

1.    L-ammont ta’ għajnuna mill-Istat u l-valutazzjoni tal-kumpens żejjed

(183)

Skont id-Direttiva dwar it-Trasparenza (69), l-Istati Membri huma meħtieġa li jżommu kontijiet separati għal attivitajiet tagħhom tas-servizz pubbliku u tas-servizz mhux pubbliku. Spejjeż u dħul għandhom jiġu allokati korrettament abbażi tal-prinċipji tal-kontabbiltà dwar l-ispiża oġġettiva stabbilita b’mod ċar.

(184)

Il-Kummissjoni esprimiet il-fehma li, fis-settur tax-xandir, is-separazzjoni tal-kontijiet tista’ ma tkunx daqshekk faċli jew saħansitra fattibbli fil-parti tal-ispejjeż, minħabba li attivitajiet differenti jaqsmu l-istess inputs. F’dan is-settur, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw il-programmi kollha tax-xandara bħala koperti mill-mandat tas-servizz pubbliku, filwaqt li fl-istess ħin jippermettu l-isfruttament kummerċjali tiegħu (70).

(185)

Fid-deċiżjoni preżenti, il-Kummissjoni l-ewwel teħtieġ tiddetermina l-ispiża tal-SGEI li għamel TV2.

(186)

Minħabba li TV2 jwettaq ukoll attivitajiet kummerċjali, jeħtieġ li jżomm kontijiet separati għall-attivitajiet differenti tiegħu. Mill-2001, TV2 kien legalment obbligat li jżomm kontijiet separati għall-attivitajiet tas-servizz pubbliku u kummerċjali tiegħu.

(187)

Fil-kalkolu tal-ispejjeż netti, il-Kummissjoni għandha tnaqqas mill-ispejjeż tas-servizz pubbliku grossi l-benefiċċji netti kollha mill-isfruttament kummerċjali tal-attività tas-servizz pubbliku. L-awtoritajiet Daniżi provdew ċifri b’mod konformi mal-metodu preżentat fil-punt 56 tal-Komunikazzjoni dwar ix-Xandir sabiex juru l-prestazzjoni tal-attivitajiet kummerċjali u tas-servizz pubbliku ta’ TV2. Jidher li l-biċċa l-kbira tal-attivitajiet kummerċjali ta’ TV2 qasmu l-istess input bħal attivitajiet tas-servizz pubbliku. Bħala konsegwenza, l-ebda attribuzzjoni ta’ spiża sinifikanti għal dawk l-attivitajiet kummerċjali ma ġiet implimentata. Meta dan ikun il-każ, il-Kummissjoni tnaqqas id-dħul nett tal-isfruttament kummerċjali sabiex tikkalkula l-ispejjeż tas-servizz pubbliku netti. L-attivitajiet kummerċjali tal-Internet huma l-uniċi attivitajiet li jistgħu jitqiesu bħala separabbli mis-servizz pubbliku. It-telf li TV2 għamel mill-attivitajiet tal-Internet kummerċjali mill-bidu tagħhom fl-1997 jammonta għal DKK […] (*) miljun.

(188)

Imbagħad, il-Kummissjoni naqqset id-dħul ġenerat mill-attività tas-servizz pubbliku (dħul mir-reklamar u dħul kummerċjali ieħor) mill-ispiża tas-servizz pubbliku grossa sabiex tasal għall-ispiża tas-servizz pubbliku netta. Il-finanzjament mill-Istat tal-flus kontanti tnaqqas mill-ispiża tas-servizz pubbliku netta. Dan il-kalkolu jintwera fit-tabella t’hawn taħt.

(189)

Għandu jiġi nnutat li minkejja bosta talbiet mill-Kummissjoni sabiex jipprovdu l-ammont eżatt tad-dħul mir-reklamar fl-1995 u l-1996, l-awtoritajiet Daniżi u TV2 ma setgħux jipprovdu ċifri ċari u mhux ambigwi.

(190)

Fir-risposta tagħhom tas-26 ta’ Ġunju 2009, l-awtoritajiet Daniżi indikaw li ma kinux f’pożizzjoni sabiex jikkonfermaw li d-dħul mir-reklamar li TV2 rċieva mill-Fond TV2 ammonta għal DKK 400,1 miljun fl-1995 u DKK 337,7 miljun fl-1996.

(191)

Fir-risposta tiegħu, TV2 indika li (i) il-Fond TV2 rċieva, fl-1995 u l-1996, l-ewwel nett fondi minn TV2 Reklame (DKK 824 miljun u DKK 904,5 miljun) u t-tieni nett, drittijiet tal-liċenzja mill-Istat (DKK 330,3 miljun u DKK 356,3 miljun), u li (ii) l-Fond TV2 trasferixxa DKK 730,4 miljun u DKK 694 miljun fl-1995 u l-1996 rispettivament lil TV2, u DKK 269,6 miljun u DKK 275 miljun lir-reġjuni ta’ TV2. L-iskop tal-ammonti trasferiti għall-Fond TV2 kien biex ikopru l-ħtiġijiet ta’ finanzjament ta’ TV2 u l-istazzjonijiet reġjonali tiegħu.

(192)

Barra minn hekk, fir-risposti tagħhom tas-26 ta’ Ġunju 2009, is-17 ta’ Novembru 2010 u tat-30 ta’ Novembru 2010, l-awtoritajiet Daniżi kkonfermaw raġunament ta’ TV2 li, mingħajr dħul kummerċjali ieħor, l-istazzjonijiet reġjonali ta’ TV2 kienu de facto ffinanzjati fl-intier tagħhom permezz tad-drittijiet tal-liċenzja u din hija għaliex kwlunkwe somom trasferiti annwalment lill-istazzjonijiet reġjonali ta’ TV2 setgħu joriġinaw biss minn fondi mid-dritt tal-liċenzja trasferiti għall-Fond TV2. Raġunament bħal dan jimplika li fondi mid-dritt tal-liċenzja trasferiti lil TV2 jistgħu jitqiesu ekwivalenti għall-ammont massimu tad-dritt tal-liċenzja, li kien, fis-snin kollha in kwistjoni, trasferit għall-Fond TV2, wara tnaqqis ta’ kwalunkwe ammont trasferit lill-istazzjonijiet reġjonali ta’ TV2. Għaldaqstant, l-awtoritajiet Daniżi u TV2 isostnu li dan ifisser li l-biċċa l-kbira tal-finanzjament trasferit mill-Fond TV2 lil TV2 fl-1995 u l-1996 kkonsista mid-dħul mir-reklamar nett. Raġunament bħal dan jimplika li skont l-awtoritajiet Daniżi fl-1995, TV2 rċieva DKK 60,7 miljun bħala drittijiet tal-liċenzja (residwu wara tnaqqis tal-flus mogħtija lir-reġjuni) u DKK 669,7 miljun bħala dħul mir-reklamar (residwu), u fl-1996, DKK 81,3 miljun bħala drittijiet tal-liċenzja u DKK 612,7 miljun bħala dħul mir-reklamar.

(193)

Il-Kummissjoni mhijiex konvinta bir-raġunament ta’ TV2 u tal-awtoritajiet Daniżi dwar l-ammont tad-dħul mir-reklamar għas-snin 1995-1996. B’mod partikolari, il-Kummissjoni tinnota li ma kien hemm l-ebda kontijiet separati fi ħdan il-Fond TV2 bejn id-dħul mir-reklamar u d-drittijiet tal-liċenzja, u li għalhekk dak id-dħul kollu kien imħallat. Il-Kummissjoni jiddispjaċiha li l-awtoritajiet Daniżi ma pprovdewx ċifri ċari u mhux ambigwi għall-ammont tad-dħul mir-reklamar fl-1995 u l-1996. Madankollu, il-Kummissjoni tqis li f’dan il-każ speċifiku, m’hemmx ħtieġa li tinvestiga aktar din il-kwistjoni minħabba li din mhijiex problema kbira, minħabba li, kif diġà ssemma qabel, il-Kummissjoni tqis li d-dħul mir-reklamar għas-snin 1995-1996 jikkostitwixxi fondi tal-Istat, u li fi kwalunkwe każ, għandhom jitnaqqsu mill-ispiża tas-servizz pubbliku grossa. Għalhekk, fit-tabella t’hawn taħt, id-dħul mir-reklamar trasferit mill-Fond TV2 għas-snin 1995 u 1996 hu muri fl-istess ringiela bħal dik tad-drittijiet tal-liċenzja.

(194)

Ġie nnutat ukoll li l-Kummissjoni inkludiet għas-snin 1997 sal-2002 id-drittijiet tal-liċenzja li ġew trasferiti lir-reġjuni ta’ TV2 minn TV2. Il-Kummissjoni tqis li, peress li dawn is-somom ġew irċevuti minn TV2, u mbagħad trasferiti lir-reġjuni, dawn għandhom jiġu inklużi kemm bħala dħul kif ukoll bħala nefqa fil-kalkoli, li fil-fatt jimplika li dawn m’għandhom l-ebda influwenza fuq il-kalkolu tal-Kummissjoni hawn taħt.

(195)

Fir-rigward tal-injezzjoni ta’ kapital trasferit lil TV2 għad-diġitalizzazzjoni, fl-1997 din tidher bħala dħul. It-tnaqqis korrispondenti ġie kkunsidrat bħala spejjeż meta saru l-investimenti. Fil-fatt, l-ispejjeż għad-diġitalizzazzjoni huma spejjeż għas-servizz pubbliku. Sabiex ma jittiħdux l-istess spejjeż darbtejn, id-deprezzament korrispondenti għall-investimenti magħmula tnaqqsu mill-ispiża tas-servizz pubbliku gross. Minkejja l-kritika ta’ TV2 fuq dan il-punt, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li, b’mod konformi ma’ prattika tal-każistika kostanti b’rabta mal-kalkolu tal-kumpens mill-Istat, id-dħul mill-Istat jew minn fond pubbliku għandhom jitqiesu fis-sena li matulha ngħataw, u mhux fis-sena li ntefqu jew intużaw.

Table 1

Spiża tas-servizz pubbliku u miżuri ta’ kumpens 1995-2002 mill-kontijiet

(f’miljuni ta’ DKK)

Sena

1995

1996

1997

1998

1999

2000

2001

2002

Total

Spiża tas-servizz pubbliku grossa

– 755,8

– 856,2

–1 415,2

–1 475,3

–1 439,1

–1 531,6

–1 518,5

–1 604,1

–10 595,8

Investiment fid- diġitalizzazzjoni

0

0

0

0

–10,3

–4

–56,7

–23,9

–94,9

Dħul nett mir-reklamar irċevut direttament minn TV2

0

0

1 091,9

1 118,4

1 014,4

1 089,9

1 006,8

1 028,3

6 349,7

Dħul ieħor

83,2

121,6

97,3

76,3

50,9

65,4

58

73,8

626,5

Spiża tas-servizz pubbliku netta

– 672,6

– 734,6

– 226,0

– 280,6

– 384,1

– 380,3

– 510,4

– 525,9

–3 714,5

Dritt tal-liċenzja u dħul nett mir-reklamar irċevuti fl-1995-1996 mill-Fond TV2

730,4

694

328,5

357,5

414,6

449,2

537,3

556,2

4 067,7

Trasferiment meta l-Fond tar-Radju ġie stralċjat

0

0

8

10

15

25

0

0

58

Trasferiment meta l-Fond TV2 ġie stralċjat

0

0

217

0

0

0

0

0

217

Total ta’ (i) id-drittijiet tal-liċenzja msemmija hawn fuq u dħul mill-Fondi TV2 u tar-Radju, u (ii) l-ispiża tas-servizz pubbliku netta

57,8

–40,6

327,5

86,9

45,5

93,9

26,9

30,3

628,2

Sors: Kontijiet ta’ qligħ u telf annwali ta’ TV2

(196)

Kif jista’ jiġi derivat mit-tabella t’hawn fuq, il-finanzjament jaqbeż l-ispejjeż b’DKK 628,2 (EUR 84,4) miljun.

(197)

Il-Kummissjoni tinnota l-fatt li TvDanmark iqis li l-miżuri l-oħra li bbenefika minnhom TV2, bħall-eżenzjoni mill-ħlasijiet ta’ interessi u taxxa kif ukoll l-aċċess għal frekwenza tat-trażmissjoni mal-pajjiż kollu fuq termini favorevoli, għandhom jitqiesu fil-valutazzjoni tal-kumpens żejjed. Dawn il-benefiċċji huma mqassra fit-tabella t’hawn taħt:

Tabella 2

Benefiċċji stamati mill-eżenzjoni tat-taxxa, rinunzja tal-interessi u frekwenza tat-trażmissjoni

F’miljuni ta’ DKK

 

1995

1996

1997

1998

1999

2000

2001

2002

Total

Eżenzjoni mit-taxxa korporattiva

19,7

–13,8

54,6

30,1

16,7

29,7

18,5

3,9

159,4

Imgħax fuq self tal-istabbiliment

44,5

39,2

36,9

41,3

37,5

45,1

51,7

45,6

341,8

Garanzija mill-Istat għas-self operattiv

2,4

2,1

1,7

1,4

1,0

0,7

0,4

0,1

9,8

Ħlas tal-frekwenza tat-trażmissjoni (**)

 

 

2,3

7,9

12,6

21,4

26,0

 

70,2

Total

66,6

27,5

95,5

80,7

67,8

96,9

96,6

49,6

581,2

(198)

Il-Kummissjoni taqbel li dawn il-mużuri għandhom jitqiesu fl-investigazzjoni preżenti. Madankollu, għall-fini tal-kalkolu tal-kumpens żejjed, huwa xieraq li jiġu inklużi fil-kalkolu tat-Tabella 1. B’mod konformi mal-pożizzjoni tal-Kummissjoni fil-każ tar-RAI (71), dawn il-benefiċċji addizzjonali jistgħu jitqiesu bħala spejjeż tal-kumpens li altrimenti kien ikollhom jiġu ffinanzjati. Għalhekk, għal raġunijiet ta’ kalkolu tal-proporzjonalità tal-finanzjament mill-Istat tal-ispejjeż tal-kompitu tas-servizz pubbliku, dawn il-vantaġġi addizzjonali m’għandhomx jiġu inklużi, peress li jekk l-ispejjeż in kwistjoni jkollhom jitħallsu, dan iwassal għal żieda proporzjonali tal-ispejjeż inizjali tas-servizz pubbliku fdat f’TV2. Għar-riżultati netti, ma tagħmilx differenza. Madankollu, għandu jiġi żgurat li minn dawn il-vantaġġi jibbenefika biss il-kompitu tas-servizz pubbliku u m’għandhomx konsegwenza mifruxa fuq l-attivitajiet kummerċjali. Dan il-punt tal-aħħar huwa indirizzat fil-premessi 234-237 hawn taħt.

(199)

L-awtoritajiet Daniżi u TV2 ressqu diversi argumenti sabiex jiġġustifikaw il-finanzjament żejjed, li ġie kkalkulat fil-premessa 196. B’mod partikolari, fid-dawl tas- Sentenza tal-Qorti, il-Kummissjoni għandha tevalwa jekk il-finanzjament żejjed kienx fil-fatt neċessarju għal TV2 sabiex ikun jista’ jissodisfa l-missjonijiet tas-servizz pubbliku tiegħu.

(200)

F’dan ir-rigward, l-ewwel għandu jiġi nnutat li l-Protokoll ta’ Amsterdam (72) enfasizza l-ispeċifiċitajiet tas-settur tax-xandir imqabbla ma’ SGEI ieħor, minħabba “li s-sistema ta’ xandir pubbliku fl-Istati Membri hija direttament relatata mal-ħtiġiet demokratiċi, soċjali u kulturali ta’ kull soċjetà u mal-ħtieġa li jkun imħares il-pluraliżmu tal-midja”. Dawn l-ispeċifiċitajiet għandhom jitqiesu fil-valutazzjoni tal-konformità tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni preżenti.

(201)

Barra minn hekk, fid-deċiżjonijiet preċedenti, il-Kummissjoni aċċettat li ċerta struttura ta’ ekwità kienet ġustifikata sabiex tinżamm il-provvista tas-servizz pubbliku tax-xandara. Pereżempju, fil-każ tax-xandir Awstrijak (73), il-Kummissjoni qalet li “Taħt l-Artikolu 86(2) KE, kif interpretat mill-Protokoll ta’ Amsterdam, Stati Membri jistgħu fil-prinċipju jipprovdu finanzjament pubbliku lix-xandara tas-servizz pubbliku daqs kemm ikun meħtieġ sabiex jissalvagwardjaw il-prestazzjoni tas-servizz pubbliku. Dan ma jikkonċernax biss il-kost operazzjonali tat-twettiq tal-SGEI iżda wkoll il-kapital tal-ekwità”.

(202)

Kif iddeċidiet il-Qorti fis-Sentenza (74) tagħha, “il-Kummissjoni ma tistax tibbaża ruħha fuq l-allegata insuffiċjenza ta’ kontroll sabiex tordna l-irkupru tas-somom kollha li r-Renju tad-Danimarka jsostni li jikkostitwixxu riżerva neċessarja għas-servizz pubbliku, peress li eżami serju tal-kundizzjonijiet legali u ekonomiċi kollha li taħthom ġiet ikkostitwita din ir-riżerva matul il-perijodu ta’ investigazzjoni kien perfettament possibbli, fid-dawl tal-elementi ta’ informazzjoni li kellha l-Kummissjoni, u li fin-nuqqas ta’ tali eżami ma kienx possibbli li tiddeċiedi validament fuq jekk din ir-riżerva kinitx, kollha kemm hi jew imqar parzjalment, effettivament neċessarja għas-servizz pubbliku”.

(203)

Il-Qorti żiedet (75) li rekwiżiti purament formali, bħall-obbligu għar-riżervi biex ikunu speċifiċi u trasparenti, ma jistax jiġġustifika ordni ta’ rkupru, u l-fatt li TV2 fil-prattika ma utilizzax ir-riżervi tiegħu ma jsostnix l-inferenza li dawk ir-riżervi kellhom jiġu kkunsidrati bħala sproporzjonati għall-ħtiġijiet ta’ finanzjament sabiex jiġi pprovdut is-servizz pubbliku (76).

(204)

Għalhekk, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-elementi kollha li ntużaw mill-awtoritajiet Daniżi sabiex jistabbilixxu l-kumpens mogħti lil TV2 għas-snin 1995-2002 u tiddeċiedi dwar l-akkumulazzjoni tar-riżervi. F’dan ir-rigward, il-proċedura li skontha d-dritt tal-liċenzja ġie stabbilit hija evalwata hawn fuq fil-premessa 105.

(205)

Rigward l-elementi li wasslu lill-awtoritajiet Daniżi sabiex jakkumulaw riżerva sabiex jitwettqu l-missjonijiet tas-servizz pubbliku ta’ TV2, l-elementi li ġejjin li ġew sottomessi mill-awtoritajiet Daniżi għandhom jitqiesu.

(206)

Fil-formazzjoni ta’ TV2 fl-1988, l-ebda kapital ma ġie injettat. L-operazzjonijiet ta’ TV2 kienu ffinanzjati biss bl-għotja ta’ self għall-istabbiliment li kienet tammonta għal DKK 510.8 miljun, li permezz tagħha kien possibbli li jinxtara tagħmir tal-produzzjoni, bini eċċ. ta’ TV2. TV2 kien għalhekk kemxejn kapitalizzat b’self kbir b’mod anormali u ekwità baxxa b’mod anormali. Bħala riżultat, TV2 malajr iffaċċja diffikultajiet finanzjarji.

(207)

L-Uffiċċju tal-Verifika tal-Kontijiet tal-Istat (Rigsrevisionen), li huwa istituzzjoni indipendenti taħt il-Parlament Daniż, għandu l-kompitu li jwettaq kemm il-verifika tal-kontijiet kif ukoll il-verifika amministrattiva. Fl-1995, dan ikkonkluda li proporzjon sostanzjali tal-problemi finanzjarji ta’ TV2 jista’ jiġi attribwit lill-istazzjon li ġie stabbilit mingħajr injezzjoni ta’ kapital (77). L-Uffiċċju tal-Verifika tal-Kontijiet tal-Istat primarjament irrakkomanda li l-Istat għandu jinjetta madwar DKK 530 miljun ta’ ekwità f’TV2 billi jikkonverti s-self tal-bidu tan-negozju. Dan jagħti lil TV2 ekwità ta’ madwar DKK 350 miljun u proporzjon ta’ solvenza ta’ madwar 50 %. Il-proporzjon ta’ solvenza rakkomandat ta’ madwar 50 % kien ekwivalenti għal dak ta’ impriżi kkontrollati privatament bħal TV2 Norge (in-Norveġja) u TV4 (l-Isvezja).

(208)

Wara dan ir-rapport, l-awdituri tal-Istat – il-membri tal-Parlament Daniż maħtura sabiex ikunu responsabbli għal verifika essenzjali fost affarijiet oħra tal-kontijiet ta’ impriżi kkontrollati mill-Istat – talbu dikjarazzjoni mingħand il-Ministeru tal-Finanzi dwar il-kwistjoni jekk TV2 għandux jakkumula ekwità. Il-Ministeru tal-Finanzi indika fid-dikjarazzjoni tiegħu ta’ Awwissu tal-1995, li kienet imħejjija b’risposta għall-proposta tal-Uffiċċju tal-Verifika tal-Kontijiet tal-Istat, li TV2 għandu jkollu ekwità, li “kemm fl-istabbiliment ta’ impriżi ġodda kif ukoll fil-konverżjoni ta’ impriżi eżistenti kkontrollati mill-Istat għandu jiġi żgurat li l-impriża għandha l-bażi ta’ kapital neċessarju. Iżda għandu jiġi żgurat fl-istess ħin li l-Istat ma jagħmilx injezzjoni ta’ kapital kbira żżejjed, minħabba li l-ewwel nett din tfisser spiża mhux neċessarja għall-Istat u t-tieni nett tista’ tagħti vantaġġ kompetittiv mhux raġonevoli. Għandu għalhekk jiġi żgurat li l-impriża la tkun mhux kapitalizzata biżżejjed u lanqas iżżejjed”. L-Istat Daniż qies fuq din il-bażi li għandha tiġi akkumulata ekwità f’TV2. Ġie deċiż li l-Istat madankollu ma jikkontribwixxix il-kapital kollu f’daqqa. TV2 għandu minflok hu nnifsu jakkumula l-ekwità neċessarja permezz ta’ bilanċi favorevoli kontinwi.

(209)

L-obbligu ta’ bażi ta’ kapital ġie rifless fl-Istatuti ta’ TV2 mill-1997. Minn dak inhar, l-istatuti ta’ TV2 speċifikaw b’mod ċar li, mill-2001 ’il quddiem, l-ekwità disponibbli ta’ TV2 trid tammonta għal mill-anqas DKK 200 miljun u li dan l-ammont kellu jintuża sabiex jitpaċa t-telf operattiv tax-xandar (78). L-ordni eżekuttiva tat-18 ta’ Awwissu 1997 indikat li għall-finanzjament ta’ telf operattiv possibbli, il-kapital proprju disponibbli - jiġifieri l-kapital proprju bi tnaqqis ta’ riżervi u riżorsi oħra marbutin – għall-attivitajiet nazzjonali għandu jammonta għal mill-anqas DKK 200 miljun sal-aħħar tal-2000. Il-kapital proprju disponibbli kellu jiġi akkumulat sabiex dan jammonta għal mill-anqas DKK 50 miljun sal-aħħar tal-1998 u għal mill-anqas DKK 100 miljun sal-aħħar tal-1999. Mill-2001, il-kapital proprju disponibbli fi kwalunkwe mument kellu jammonta għal mill-anqas DKK 200 miljun skont l-aħħar kontijiet. Jekk il-kapital proprju kien mistenni li jonqos taħt l-ammonti msemmija, il-kwistjoni kellha titressaq quddiem il-Ministru tal-Kultura. Il-Ministru tal-Kultura jista’ f’każijiet speċjali, wara li jikkonsulta lil Uffiċċju tal-Verifika tal-Kontijiet tal-Istat, japprova kapital proprju aktar baxx, li miegħu jista’ jehmeż kundizzjonijiet speċifiċi.

(210)

L-ordni eżekuttiva tal-1997 maħruġa mill-Ministru sabiex jordna ekwità mhux ristretta ġiet ippubblikata fil-Gazzetta tal-Liġi Daniża (Lovtidende). Barra dan, mill-1998 ’il quddiem, l-akkumulazzjoni ta’ ekwità b’mod konformi mar-rekwiżiti tal-Istatuti ġiet imsemmija b’mod partikolari fil-kontijiet annwali ppubblikati ta’ TV2.

(211)

Skont l-awtoritajiet Daniżi, non-konformità mar-rekwiżit dwar il-kapital minimu ta’ DKK 200 miljun taħt l-artikoli ta’ assoċjazzjoni tkun mistennija li tfisser li TV2 ikun jitqiegħed taħt l-amministrazzjoni tal-Istat.

(212)

Il-Kummissjoni hi tal-opinjoni li l-kwistjoni kruċjali hi li jiġi determinat jekk u sa liema punt il-bażi ta’ ekwità li nkisbet permezz tal-kumpens kienet fil-fatt neċessarja għat-twettiq tal-missjonijiet tas-servizz pubbliku ta’ TV2.

(213)

Wara li kkunsidrat l-elementi t’hawn fuq li spjegaw il-proċedura u r-raġunijiet li wasslu għall-akkumulazzjoni ta’ riżervi ta’ TV2 fil-forma ta’ bażi ta’ ekwità, u fid-dawl tas-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizza, il-Kummissjoni tqis li l-akkumulazzjoni ta’ riżerva kienet fil-fatt neċessarja għat-twettiq tal-missjonijiet tas-servizz pubbliku ta’ TV2.

(214)

Madankollu, il-Kummissjoni tistaqsi jekk l-ammont kollu ta’ riżervi kienx verament ġustifikat u neċessarju, jiġifieri jekk l-ammont kollu tal-bażi ta’ ekwità li nkiseb fl-aħħar tal-2002 kienx verament neċessarju għat-twettiq tal-missjonijiet tas-servizz pubbliku ta’ TV2.

(215)

Il-Kummissjoni hi tal-opinjoni li l-livell ta’ bażi ta’ ekwità li jista’ jitqies bħala proporzjonat u neċessarju sabiex jiggarantixxi l-provvista tas-servizz pubbliku jiddependi fuq il-fatti u l-qafas legali ta’ kull każ individwali.

(216)

Fir-rigward tal-bażi ta’ ekwità ta’ TV2, iċ-ċifri għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni huma kif ġej:

F’miljuni ta’ DKK

 

1995

1996

1997

1998

1999

2000

2001

2002

Ekwità ristretta (diġitalizzazzjoni)

 

 

167,0

167,0

156,7

152,6

96,6

72

Ekwità mhux ristretta

–97,8

– 138,4

22,1

110,7

173,3

270,3

418,7

478,5

Ekwità totali

–97,8

– 138,4

189,1

277,7

330,0

422,9

515,3

550,5

Obbligi totali

770,3

746,9

1 244,7

1 363,3

1 311,8

1 423,0

1 409,5

1 409,1

Proporzjon ta’ solvenza (***)

–13

–19

2

8

13

19

30

34

(217)

Fil-31 ta’ Diċembru 2002, TV2 akkumula ekwità ta’ DKK 550.5 miljun, inklużi DKK 72 miljun ta’ ekwità mhux ristretta (diġitalizzazzjoni), li tikkorrispondi għal proporzjon ta’ solvenza ta’ 34 %. L-ammont ta’ ekwità mhux ristretta fl-aħħar tal-2002 kien DKK 478.5 miljun.

(218)

Il-Kummissjoni l-ewwel innutat li parti mill-kapital ma kinitx ekwità disponibbli. Fil-fatt, skont il-Kontijiet Annwali ta’ TV2 tal-1997 (79), il-bord tal-Midja “Medieforliget” iddeċieda li TV2 għandu jiddiġitalizza t-tagħmir tal-produzzjoni tiegħu sal-aħħar tal-2000. DKK 300 miljun ġew allokati għad-diġitalizzazzjoni ta’ kemm TV2 u kif ukoll l-istazzjonijiet reġjonali. Fl-1997, DKK 167 miljun ġew trasferiti lil TV2 għal dan il-għan. Il-Kummissjoni hi għalhekk tal-opinjoni li dan l-ammont kien neċessarju għall-ħtiġijiet tas-servizz pubbliku ta’ TV2. Il-fatt li mad-data effettiva tal-1 ta’ Jannar 2003, il-flus li ma ġewx investiti fid-diġitalizzazzjoni (jiġifieri bilanċ ta’ DKK 72 miljun) ġew finalment realizzati ma jitfax dubju fuq din il-konklużjoni, minħabba li matul il-perjodu taħt investigazzjoni, dawn is-somom kienu allokati b’mod ċar fil-kontijiet ta’ TV2 bħala ekwità ristretta, setgħu jintużaw biss għall-finijiet ta’ diġitalizzazzjoni, u kif deċiż mill-Qorti fis-Sentenza tagħha, il-fatt li TV2 ma kellux għalfejn fil-prattika juża r-riżerva ma jappoġġjax l-inferenza li din ir-riżerva kellha titqies bħala sproporzjonata għall-ħtiġijiet ta’ finanzjament għall-provvista tas-servizz pubbliku (80).

(219)

Ta’ min jinnota wkoll li l-ekwità ta’ TV2 kienet negattiva bi kważi DKK 156 miljun sal-31 ta’ Diċembru 1994 (jiġifieri fil-bidu tal-perjodu kopert bid-deċiżjoni preżenti) u li fl-1995 u l-1996, TV2 kellu proporzjon ta’ solvenza negattiva u ekwità negattiva, li spjega għaliex it-total ta’ ekwità fl-aħħar tal-2002 huwa aktar baxx mill-kumpens irċevut. Huwa biss fl-aħħar tal-2000 li TV2 kellu ekwità mhux ristretta aktar mil-livell minimu meħtieġ ta’ DKK 200 miljun.

(220)

Sabiex juru li l-livell ta’ ekwità f’TV2 kien ġustifikat, l-awtoritajiet Daniżi ssottomettew dikjarazzjoni mħejjija minn PricewaterhouseCoopers u ddatata t-18 ta’ Novembru 2002. F’din id-dikjarazzjoni, hija indikat li l-grad ta’ solvenza ta’ TV2 fit-tmiem tal-perjodu tal-investigazzjoni kien aktar baxx minn dawk tax-xandara Skandinavi, li huma komparabbli għal TV2 f’termini ta’ daqs, attivitajiet, struttura u s-swieq li joperaw fihom. Pereżempju, il-grad ta’ solvenza ta’ TV2 kien aktar baxx minn dak ta’ TV2 Norge (36 %) u konsiderevolment aktar baxx minn dak ta’ TV4 (l-Isvezja) li l-grad ta’ solvenza tiegħu kien 65 % kważi d-doppju ta’ dak ta’ TV2. Skont id-dikjarazzjoni, il-proporzjon ta’ solvenza ta’ TV2 kien aktar baxx minn dak ta’ xandara pari miegħu u għalhekk ma jistax jiġi kkunsidrat eċċessiv. Id-dikjarazzjoni tindika wkoll li m’hemm l-ebda raġuni sabiex wieħed jemmen li l-istruttura tal-kapital ta’ xandara komprabbli ma ġietx ottimizzata. PricewaterhouseCoopers indikat ukoll li proporzjon ta’ solvenza ta’ inqas minn 30 % matul iż-żmien ma jkunx normali u jagħmel lill-kumpanija vulnerabbli għal ċaqliq fid-dħul.

(221)

Dan it-tqabbil mal-operaturi l-oħra għandu jintuża b’kawtela minħabba li dawn l-operaturi ma jwettqux l-istess servizzi ta’ missjoni pubblika bħal TV2, mhumiex iffinanzjati bl-istess mod, u m’għandhom l-istess status legali. Madankollu, din id-dikjarazzjoni tagħti indikazzjoni u tista’ titqies fost elementi oħra.

(222)

Fil-fatt, il-Kummissjoni tinnota f’dan ir-rigward li l-awtoritajiet Daniżi ssottomettew informazzjoni li turi li matul l-aħħar perjodu ta’ żmien kopert bl-investigazzjoni preżenti, ippjanaw li jbidlu l-istatus legali ta’ TV2, li jinkorporaw lil TV2 bħala kumpanija b’responsabbiltà limitata privata, u li jipprivatizzaw lil TV2. Bħala parti mill-proċess ta’ inkorporazzjoni ta’ TV2, ġie analizzat ukoll kif l-għoti tad-drittijiet tal-liċenzja jista’ jintemm, peress li kienet l-intenzjoni tal-awtoritajiet Daniżi li l-finanzjament permezz tad-drittijiet tal-liċenzja kellu jitneħħa wara l-privatizzazzjoni ta’ TV2.

(223)

Għal dan il-ghan, f’Ġunju 2002, il-Gvern Daniż daħal fi ftehim flimkien ma’ maġġoranza tal-Parlament, dwar il-liberalizzazzjoni kompluta tal-politika dwar il-midja Daniża. Skont dan il-ftehim, it-trasformazzjoni ta’ TV2 kellha ssir bil-ħsieb li jiġi privatizzat mill-aktar fis possibbli. Twettqet analiżi tal-bażi finanzjarja għall-inkorporazzjoni ta’ TV2 bħala kumpanija b’responsabbiltà limitata privata. Il-Ministru tal-Kultura ħatar grupp ta’ tmexxija fis-sajf tal-2002 b’rappreżentanti tal-Ministeru tal-Kultura, il-Ministeru tal-Finanzi u l-“Kammeradvokaten” sabiex jikkjarafika l-bażi ekonomika għall-privatizzazzjoni ta’ TV2 u għall-istabbiliment ta’ TV2 bħala korporazzjoni. Sabiex jagħti appoġġ lix-xogħol tiegħu, il-grupp ta’ tmexxija qabbad kumpanija tal-verifika u konsulent finanzjarju sabiex, pereżempju, jikkalkulaw il-livell ta’ ekwità meħtieġ minn TV2. Il-kumpanija tal-verifika kkonkludiet li l-ekwità ta’ TV2 għandha tiġi stabbilita għal DKK 640 miljun.

(224)

L-istabbiliment ta’ TV2 bħala korporazzjoni u l-istabbiliment tal-ekwità tiegħu kienu approvati mill-kumitat finanzjarju tal-Parlament (Folketing). Il-bidla tal-istatus legali ta’ TV2 u l-inkorporazzjoni tiegħu bħala kumpanija b’responsabbiltà limitata privata seħħew b’effet retroattiv mill-1 ta’ Jannar 2003. Bħala riżultat tal-bidla tal-istatus legali ta’ TV2 u l-inkorporazzjoni tagħha, numru ta’ miżuri favur TV2 tneħħew, bħas-self mingħajr interessi u pagamenti akkont u l-eżenzjoni mit-taxxa. Fl-2005, il-privatizzazzjoni ġiet posposta iżda TV2 ma rċeviex iktar drittijiet tal-liċenzja wara l-2004.

(225)

Għalhekk, fuq il-bażi tal-elementi t’hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li l-fatt li, matul l-aħħar perjodu ta’ żmien kopert bl-investigazzjoni preżenti, l-awtoritajiet Daniżi diġà ppjanaw li jbiddlu, b’mod partikolari, l-istatus legali ta’ TV2 mal-ħtiġijiet għal bażi ta’ ekwità li dan jimplika, għandu jitqies, fost affarijiet oħra, mill-Kummissjoni fil-valutazzjoni tagħha tal-kompatibilità tar-riżervi.

(226)

B’mod konformi mal-prattika tat-teħid tad-deċiżjonijiet, il-Kummissjoni għandha fil-prinċipju attitudni favorevoli lejn inkorporazzjonijiet tal-entitajiet tal-Istat li jikkompetu ma’ impriżi kummerċjali, minħabba li inkorporazzjonijiet jistgħu jkollhom l-effett li jnaqqsu d-distorsjoni tal-kompetizzjoni billi jbiddlu l-vantaġġi mingħajr limitu tal-Istat f’ammont limitat ta’ ekwità u billi tinħoloq distinzjoni ċara bejn ir-rwol tal-Istat bħala awtorità pubblika u imprenditur li jeħtieġ qligħ fuq l-investiment tiegħu.

(227)

Barra dan, fost l-elementi l-oħra li għandhom jitqiesu, il-Kummissjoni tqis li l-livell tar-riżervi ta’ TV2 għandu jitqies fid-dawl taċ-ċaqliq tad-dħul mis-suq tar-reklamar.

(228)

TV2 kien fil-fatt vulnerabbli għall-varjazzjonijiet fid-dħul li huma aspett inevitabbli tas-suq tar-reklamar. Pereżempju, f’sena waħda 1998-1999, TV2 esperjenza tnaqqis mid-dħul mir-reklamar ta’ madwar DKK 104 miljun. Skont l-awtoritajiet Daniżi, TV2 jista’ jirribatti biss tnaqqis simili ta’ dan il-kobor billi jkollu ammont konsiderevoli kbir ta’ kapital ta’ ekwità disponibbli minħabba li d-dħul mid-dritt tal-liċenzja kien stabbilit minn qabel għal diversi snin. Minkejja li TV2 kien inqas dipendenti fuq id-dħul mir-reklamar minn TV2 Norge u TV4 li ma jibbenefikawx mid-drittijiet tal-liċenzja, finanzjament mid-dħul mir-reklamar madankollu kkostitwixxa, matul il-perjodu konċernat, sors ta’ finanzjament importanti tal-operazzjonijiet ta’ TV2.

(229)

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota li fis-Sentenza (81) tagħha, il-Qorti kkjarifikat li “Il-fatt li TV2 ma kellhiex bżonn tuża r-riżervi tagħha fl-1999 ma jwassalx għall-konklużjoni li dawn għandhom jiġu kkunsidrati sproporzjonati meta mqabbla mal-ħtiġijiet ta’ servizz pubbliku. Fil-fatt, huwa fin-natura stess ta’ riżerva kkostitwita sabiex tilqa’ għal riskju li din ma tiġix neċessarjament użata.”

(230)

Il-Kummissjoni taqbel mal-awtoritajiet Daniżi li l-valutazzjoni tal-ħtiġijiet ta’ TV2 għandha, barra minn hekk, tinkludi l-fatt li TV2 għandu ċaqliq sinfikanti fil-likwidità matul is-sena u bejn snin differenti, minħabba li avvenimenti sportivi kbar, bħal-Logħob tal-Olimpjadi, isiru biss f’intervalli ta’ diversi snin, u minħabba li drittijiet ta’ programmi huma tipikament offruti taħt kuntratti multiannwali. Pereżempju, jidher mir-rapport annwali għall-1995 (82) li l-bilanċ favorevoli għall-1995 ġie trasferit għall-1996 sabiex ikopri għad-defiċit għal dik is-sena, meta kien hemm spiża partikolarment għolja b’rabta mal-Olimpjadi u l-Kampjonati tal-Futbol Ewropew.

(231)

Barra dan, ta’ min jinnota wkoll li matul il-perjodu taħt investigazzjoni, TV2 kien imċaħħad minn finanzjament ta’ self ordinarju. Self għall-investiment kien permess sa 4 % tad-dħul skont il-kontijiet l-aktar riċenti. Il-forom l-oħra kollha ta’ self, garanziji u obbligi ta’ kiri finanzjarju kienu pprojbiti għal TV2, minbarra l-kreditu ta’ operat ġenerali. Bħala riżultat tal-opportunitajiet limitati ta’ TV2 għal finanzjament ta’ self, il-likwidità tiegħu teħtieġ fil-prinċipju tkun koperta b’likwidità mill-operat.

(232)

Finalment, il-livell ta’ ekwità huwa evidenti mill-kontijiet ippubblikati. Matul il-perjodu konċernat, l-Awditur Ġenerali vverifika l-kontijiet ta’ TV2. Dawn il-verifiki kkonkludew ukoll il-verifiki finanzjarji u kontrolli finanzjarji, minkejja li l-Awditur Ġenerali ma kellu l-ebda setgħa sabiex jipprevjeni kumpens żejjed tal-ispejjeż tas-servizz pubbliku ta’ TV2. Kif ġie deċiż mill-Qorti fis-Sentenza (83) tagħha, il-fatt li dan il-korp ta’ verifika ma kellu l-ebda setgħa sabiex jipprejeni kumpens żejjed ma jippermettix il-konklużjonijiet tal-awtoritajiet Daniżi ma wettqu l-ebda kontrolli. Għall-kuntrarju, l-awtoritajiet Daniżi indikaw li, kieku l-Uffiċċju ta’ Verifika Nazzjonali kkonkluda li l-bażi tal-kapital kien kbir wisq, dan seta’, pereżempju, jirriżulta f’fondi mid-dritt tal-liċenzja pagabbli għal TV2 li jitnaqqas fil-ftehim dwar il-midja li jmiss.

(233)

Fuq il-bażi tal-elementi t’hawn fuq, meta jittieħdu bħala korp ta’ evidenza, il-Kummissjoni tqis fir-rigward tal-parti tal-valutazzjoni tal-proporzjonalità li, f’dan il-każ verament speċifiku, u fid-dawl tal-Protokoll ta’ Amsterdam u s-Sentenza tal-Qorti, l-ammont ta’ ekwità li ġie akkumulat fl-aħħar tal-2002 (jiġifieri DKK 550 miljun) kien neċessarju għat-twettiq ta’ TV2 tal-missjonijiet tas-servizz pubbliku tiegħu. L-ammont ta’ DKK 628 miljun irċevut għal dak il-fini kien għalhekk proporzjonat u neċessarju fuq il-bażi tal-Artikolu 106(2) TFUE.

(234)

Minkejja li din id-deċiżjoni ma tevalwax l-għajnuna mill-Istat possibbli mogħtija lil TV2 fl-2003 u l-2004 minbarra l-miżuri ta’ rikapitalizzazzjoni, il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-awtoritajiet Daniżi ssottomettew informazzjoni li tiddokumenta l-fatt li fl-2004, il-kapital tal-ekwità ta’ TV2 ammonta għal DKK 640 miljun. Ammont ta’ DKK 96 miljun ġie investit fl-attivitajiet kummerċjali, u ma jistax jiġi ddeterminat jekk dan kienx iffinanzjat b’ekwità jew finanzi barranin. Jekk wieħed iqis li ekwità biss intużat, f’dak il-każ dan jimplika li ammont ta’ DKK 544 miljun ta’ kapital ta’ ekwità kien disponibbli sabiex jitwettqu attivitajiet tas-servizz pubbliku ta’ TV2.

(235)

B’rabta mal-premessa 198 ta’ hawn fuq, ta’ min jinnota li TV2 jagħmel ukoll numru ta’ attivitajiet kummerċjali. Fid-dawl tal-attivitajiet totali ta’ TV2, dawn kienu pjuttost marġinali. L-ispejjeż ta’ dawn l-attivitajiet kummerċjali ġew allokati abbażi tal-metodu ppreżentat fil-Komunikazzjoni dwar ix-Xandir (84) tal-2001 li tispeċifika li, kuntrarju għall-approċċ ġeneralment adottat f’setturi tas-servizzi oħra, spejjeż li huma kompletament attribwibbli għall-attivitajiet tas-servizz pubbliku, li huma ta’ benefiċċju wkoll għall-attivitajiet kummerċjali, ma jeħtieġx li jitqassmu bejn it-tnejn u jistgħu jkunu kompletament allokati għas-servizz pubbliku. Il-Komunikazzjoni dwar ix-Xandir tal-2001 tqis li d-distribuzzjoni sħiħa ta’ dawn l-ispejjeż bejn iż-żewġ attivitajiet hemm ċans tkun arbitrarja u mingħajr sinifikat. Fir-rigward tal-vantaġġ li TV2 rċieva mill-aċċess għall-frekwenza tat-trażmissjoni, il-Kummissjoni tinnota li dan kien delimitat għas-servizz pubbliku. Il-Kummissjoni tqis ukoll li b’mod konformi mal-Komunikazzjoni dwar ix-Xandir, l-ispejjeż ta’ finanzjament (benefiċċji ta’ interess) jistgħu jiġu kompletament attribwiti għall-attivitajiet tas-servizz pubbliku.

(236)

Sabiex jiġi kkanċellat l-effett tal-eżenzjoni mit-taxxa li l-attivitajiet tas-servizz pubbliku jgawdu, 30 % tal-profitti tal-attivitajiet kummerċjali kienu trasferiti għas-servizz pubbliku. Dan sar biss mill-2001. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li seta’ kien hemm distorsjoni fis-suq tax-xandir fis-sens li TV2 ma kellux għalfejn iqis ir-rata tat-taxxa korporattiva fl-istabbiliment tal-prezzijiet kummerċjali tiegħu. Madankollu, għall-futur il-vantaġġ m’għandux jibqa’ jeżisti, peress li s-sehem tat-trasferiment jikkorispondi għar-rata tat-tassazzjoni attwali, minħabba dan il-mekkaniżmu ta’ “kanċellazzjoni”. Għall-passat, dan ma joħloqx problema għall-istabbiliment tal-ammont ta’ kumpens żejjed, peress li d-dħul totali ta’ dawn l-attivitajiet kummerċjali ntuża sabiex titnaqqas l-ispiża netta tas-servizz pubbliku.

(237)

TV2 wettaq attivitajiet kummerċjali fuq l-Internet b’telf. Peress li dawn l-attivitajiet jaqgħu lil hinn mill-kompitu tax-xandir tas-servizz pubbliku, mhuwa possibbli l-ebda finanzjament mill-Istat. Barra minn hekk, minħabba li m’hemmx attivitajiet oħra li ġew operati fuq bażi “awtonoma” m’hemm l-ebda bilanċi favorevoli mill-attivitajiet kummerċjali sabiex ikopru t-telf tal-Internet.

2.    Il-valutazzjoni tal-imġiba ta’ TV2 fis-suq tar-reklamar

(238)

Fil-punt 58 tal-Komunikazzjoni dwar ix-Xandir huwa speċifikat li “xandâr tas-servizz pubbliku, sakemm id-dħul aktar baxx ikun kopert mill-għajnuna mill-Istat, jista’ jitħajjar ibaxxi l-prezzijiet tar-reklami jew ta’ attivitajiet mhux ta’ servizz pubbliku fis-suq, sabiex inaqqas id-dħul tal-kompetituri (…). Kull meta xandâr tas-servizz pubbliku jraħħas il-prezzijiet inqas mill-prezz normali f’attivitajiet mhux tas-servizz pubbliku aktar milli dak li jkun meħtieġ sabiex ikunu rkuprati l-ispejjeż indipendenti li operatur kummerċjali effiċjenti f’sitwazzjoni simili normalment ikollu jirkupra, prattika bħal din tkun tindika l-preżenza ta’ kumpens żejjed ta’ obbligi tas-servizz pubbliku (…)

(239)

TvDanmark issottometta informazzjoni li turi li ma jistax ikopri l-ispejjeż awtonomi tal-operazzjonijiet tiegħu bil-prezzijiet tar-reklamar li jitlob TV2. TvDanmark iqabbel l-ispejjeż tiegħu mal-prezzijiet tar-reklamar ta’ TRP 21-50 li TV2 kien qed jitlob.

(240)

Sabiex it-tqabbil ikun validu, il-Kummissjoni għandha, bħala l-ewwel pass, tistabbilixxi jekk TvDanmark jistax jitqies li huwa stazzjon simili għal TV2, u jekk huwiex operatur effiċjenti.

(241)

L-ewwel nett, il-Kummissjoni għandha tevalwa jekk TvDanmark huwiex f’sitwazzjoni simili għal dik ta’ TV2. Il-Kummissjoni tinnota dan li ġej. Għall-perjodu taħt investigazzjoni, is-sehem ta’ telespettaturi ta’ TV2 huwa fil-firxa ta’ 35 % filwaqt li ċ-ċifra korrispondenti għal TvDanmark hija madwar 15 %. L-ishma tas-suq tar-reklamar ivarjaw sinifikament ukoll. Is-sehem tas-suq ta’ TV2 huwa fil-firxa ta’ 60 %, filwaqt li s-sehem tas-suq ta’ TvDanmark huwa madwar 8 %. L-introjtu ta’ TV2 mir-reklamar kien bejn wieħed u ieħor ħames darbiet aktar minn dak ta’ TvDanmark. Barra minn hekk, TV2 huwa l-uniku stazzjon li jilħaq 100 % tal-popolazzjoni, filwaqt li TvDanmark2 għandu penetrazzjoni ta’ 77 % u TvDanmark1 saħansitra inqas. Fuq il-bażi tal-elementi t’hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li TvDanmark ma tistax jitqabbel direttament ma’ TV2.

(242)

It-tieni nett, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi jekk TvDanmark huwiex operatur effiċjenti. Operatur effiċjenti jista’ jiġi determinat b’analiżi ta’ proporzjonijiet ta’ kontabbiltà ġeneralment użati u billi jitqabblu r-riżultati tal-operatur mar-riżultati medji ġġenerati fl-Istat Membru. L-analiżi għandha tqis id-daqs differenti tal-impriżi u tal-istruttura tal-ispejjeż tagħhom. Madankollu, l-operaturi tas-Suq Daniż ma jistgħux jitqiesu li qegħdin f’sitwazzjoni simili li tippermetti tqabbil dirett tal-proporzjonijiet tal-prestazzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li l-analiżi ta’ dawn il-proporzjonijiet fuq is-Suq Daniż mhijiex adattata fil-każ preżenti.

(243)

Minflok, il-Kummissjoni analizzat il-prestazzjoni finanzjarja ta’ TvDanmark u SBS Broadcasting. Bħala riżultat tal-analiżi tagħha, il-Kummissjoni ma tistax tistabbilixxi b’ċertezza jekk it-telf li oriġinax mill-ispejjeż inizjali għoljin meħtieġa għall-istabbiliment tal-attivitajiet li TvDanmark għadu mhux kapaċi jirkupra, jew jekk TvDanmark fil-fatt mhux qed jopera b’mod effiċjenti. Minkejja diversi talbiet, il-Kummissjoni ma setgħatx tikseb dejta fuq il-prestazzjoni finanzjarja tat-tielet operatur, TV3, sabiex tippermetti tqabbil mat-tielet operatur fis-suq. Bħala konsegwenza, il-Kummissjoni ma tistax tikkonkludi b’ċertezza jekk it-telf ta’ TvDanmark huwiex riżultat tal-imġiba tal-ipprezzar ta’ TV2 jew jekk dan huwiex ikkawżat b’fatturi oħra fl-isfera tal-influwenza ta’ TvDanmark.

(244)

Għaldaqstant, ma jistax jiġi stabbilit b’ċertezza jekk TvDanmark huwiex operatur effiċjenti, u minħabba li tqabbil dirett taż-żewġ operaturi mhuwiex possibbli, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li t-test kif stabbilit hawn fuq mhuwiex konklużiv f’dan il-każ.

(245)

Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet għal analiżi ulterjuri tal-politiki tal-ipprezzar ta’ TV2 u għal dejta disponibbli fis-suq tar-reklamar sabiex tkun tista’ tevalwa jekk TV2 aġixxiex b’mod sabiex jimmassimizza d-dħul mir-reklamar tiegħu matul il-perjodu taħt investigazzjoni.

(246)

L-ewwel, il-Kummissjoni qabblet il-prezzijiet taż-żewġ operaturi u analizzat il-politiki tal-ipprezzar ta’ TV2. L-analiżi tiffoka fuq is-snin 1998-2002, il-perjodu li matulu l-kwelerant allega li TV2 beda prezzijiet “dumping” fis-suq tar-reklamar. It-tieni, analizzat l-infiq fir-reklamar Daniż fil-kuntest tal-UE u pajjiżi oħra Skandinavi b’mod partikolari. It-tielet, sar tqabbil tal-prezzijiet tal-kuntatt fil-pajjiżi kollha Skandinavi u mat-tipi ta’ midja.

(247)

Il-Kummissjoni tinnota li l-imġiba ta’ TV2 fis-suq tar-reklamar kient taħt investigazzjoni mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni Daniżi. Fil-21 ta’ Diċembru 2005, ittieħdet deċiżjoni mill-Kunsill għall-Kompetizzjoni Daniż li TV2 kiser l-Artikolu 102 TFUE, u d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali korrispondenti, billi impona tnaqqis li jżid il-lealtà fis-suq tar-reklamar. Din id-deċiżjoni ġiet annullata mit-Tribunal tal-Appelli tal-Kompetizzjoni fl-1 ta’ Novembru 2006, iżda mbagħad ġiet ikkonfermata fl-appell mill-Qorti Ġenerali tal-Lvant tad-Danimarka fit-22 ta’ Ġunju 2009. Is-sentenza tal-aħħar ġiet appellata qudddiem il-Qorti Suprema, li kkonfermat fit-18 ta’ Marzu 2011 id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali. Dan il-każ huwa segwit minn każ preċedenti tad-29 ta’ Novembru 2000 fejn il-Kunsill għall-Kompetizzjoni Daniż sab li t-tnaqqis ta’ TV2 kien abbużiv għas-sena 2000. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota li l-investigazzjoni tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni Daniżi tikkonċerna l-perjodu 2000-2005, u għalhekk l-aħħar snin biss tal-perjodu taħt investigazzjoni fid-deċiżjoni preżenti. B’mod speċjali, tnaqqis għal-lealtà ma jeħtieġx l-eżistenza ta’ sussidji ta’ sostenn fi ħdan it-tifsira tal-Komunikazzjoni dwar ix-Xandir tal-2001 (jiġifieri “Kull meta xandâr tas-servizz pubbliku jraħħas il-prezzijiet inqas mill-prezz normali f’attivitajiet mhux tas-servizz pubbliku aktar milli dak li jkun meħtieġ sabiex ikunu rkuprati l-ispejjeż indipendenti li operatur kummerċjali effiċjenti f’sitwazzjoni simili normalment ikollu jirkupra, prattika bħal din tkun tindika l-preżenza ta’ kumpens żejjed ta’ obbligazzjonijiet tas-servizz pubbliku”). Fil-fatt, kif spjegat hawn taħt, TV2, bħala medja, ipprezza r-reklamar tiegħu sinifikament ogħla mill-kompetituri tiegħu. Barra minn hekk, it-tnaqqis għal-lealtà jimplika li l-klijenti għamlu parti ikbar tal-baġits tar-reklamar annwali tagħhom ma’ TV2 milli kienu jagħmlu taħt ċirkustanzi oħra. L-allegazzjoni għalhekk timplika li TV2 żied id-dħul mir-reklamar tiegħu permezz tal-iskema tat-tnaqqis, li kienet attwalment twassal għal ħtieġa iżgħar għad-drittijiet tal-liċenzja. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni mhijiex marbuta bid-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni Daniżi.

Prezzijiet tar-reklamar

(248)

L-ishma u l-kompożizzjoni tat-telespettaturi, il-kontenuti ta’ programmi, il-limitu regolatorju għall-ħin tar-reklamar u l-mekkaniżmu ta’ finanzjament tal-istazzjonijiet huma kollha fatturi li jaffettwaw in-natura tal-kompetizzjoni fis-suq tar-reklamar. Bħala riżultat, il-prezzijiet ivarjaw bejn xandara differenti. Stazzjonijiet ibigħu wkoll firxa ta’ “prodotti” varjati li, barra minn hekk, iġibu prezzijiet (85) differenti.

(249)

Il-prezzijiet mitluba mill-istazzjonijiet jinkludu skontijiet sinifikanti. Għalhekk mhuwiex rilevanti li jitqabblu l-prezzijiet elenkati fir-reklamar televiżiv. Il-biċċa l-kbira tar-reklamar televiżiv (madwar 90 % tar-reklamar mal-pajjiż kollu) isir skont ftehimiet annwali li fuq il-bażi tagħhom stazzjonijiet televiżivi jagħtu tnaqqis annwali. Barra dan, hemm numru ta’ skontijiet oħra (għal min jirreklama ġdid, għal slots tar-reklamar inqas attraenti, tnaqqis għal volum addizzjonali eċċ.). In-negozjati u l-konklużjoni ta’ ftehimiet isiru minn l-hekk imsejħa aġenziji tal-midja.

(250)

Sabiex ikun jista’ jsir tqabbil bejn stazzjonijiet differenti, għandha tġi stabbilita medja tal-prezzijiet mitluba. It-tabella li ġejja turi l-prezzijiet medji għall-pubbliku destinatarju TRP 21-50. Dawn il-prezzijiet inkisbu billi ġie diviż l-introjtu ta’ spot nazzjonali tal-istazzjonijiet rilevanti bin-numru ta’ TRP 21-50 nazzjonali mogħti kif muri hawn taħt (86):

 

1998

1999

2000

2001

2002

TVDanmark

283  EUR

270  EUR

252  EUR

251  EUR

211  EUR

TV2

480  EUR

409  EUR

364  EUR

381  EUR

325  EUR

Differenza

197  EUR

139  EUR

112  EUR

130  EUR

114  EUR

TVDanmark CPP bħala sehem ta’ CPP (87) ta’ TV2

58,9  %

66,0  %

69,3  %

65,9  %

64,9  %

CCP medju ta’ TV2 għal TRP 21-50 peżat għall-kopertura (b’0.7)

336  EUR

286  EUR

255  EUR

267  EUR

228  EUR

CPP ta’ TVDanmark bħala sehem ta’ CCP peżat ta’ TV2

84,2  %

94,3  %

99,0  %

94,1  %

92,7  %

(251)

Skont id-dejta t’hawn fuq, il-prezz ta’ TRP 21-50 ta’ TvDanmark kien madwar 30-40 % aktar baxx minn dak ta’ TV2. Kif il-Kummissjoni sostniet fid-deċiżjoni tagħha dwar l-għajnuna mill-Istat favur France 2 u France 3, hemm relazzjoni pożittiva bejn in-numru medju ta’ kuntatti u l-prezz nett medju għal kull kuntatt fis-suq tar-reklamar (88) televiżiv. Għalhekk, id-differenza fil-prezzijiet bejn ix-xandara tista’ tiġi spjegata mis-saħħa relattiva tal-istazzjonijiet f’termini tal-abbiltà tagħhom sabiex jattiraw telespettaturi. F’sitwazzjoni bħal din, huwa rilevanti li jiġi stabbilit jekk id-differenza fil-prezz attwali tirriflettix il-kundizzjonijiet tas-suq.

(252)

F’kuntrast mas-sitwazzjoni fi Franza, fil-każ preżenti, jistgħu jiġu analizzati osservazzjonijiet għal żewġ operaturi biss. Bħala konsegwenza, il-pendil tal-linja tar-rigressjoni lineari ser jiġi kkalkulat fuq il-bażi tal-prezzijiet ta’ dawk iż-żewġ operaturi u ser ikun ta’ ftit rilevanza statistika. Bħala riżultat, mhux ser ikun possibbli li jsiru kwalunkwe konklużjonijiet dwar jekk il-pendil tal-linja huwiex “xieraq”.

(253)

Għalhekk, sabiex jiġi verifikat jekk id-differenza fil-prezz attwali bejn iż-żewġ operaturi tistax titqies li tirrifletti l-kundizzjonijiet tas-suq, ġie applikat fattur ta’ korrezzjoni bil-ħsieb li tiġi kkanċellata l-pożizzjoni superjuri ta’ TV2 fis-suq. Il-fattur tal-ippeżar ġie derivat mill-kalkoli magħmula mill-aġenziji tal-midja u jirrifletti d-differenza fil-penetrazzjoni li tista’ tinkiseb fil-pubbliku destinatarju mixtieq bix-xiri ta’ TRP 21-50 minn TvDanmark u TV2. TvDanmark huwa bħala medja kemxejn aktar baxx minn 70 % tal-penetrazzjoni ta’ TV2 (fix-xiri ta’ 100 TRP 21-50). Fl-applikazzjoni ta’ dan il-fattur, il-prezzijiet huma eqreb li jikkonverġu. Ta’ min jinnota li l-prezz ta’ TV2 huwa kemxejn ogħla minn dak ta’ TvDanmark. Għalhekk, ikun jidher li bħallikieku d-differenza fil-prezz tirrifletti l-kundizzjonijiet tas-suq. Madankollu, dan ir-riżultat għandu jitqies bi prudenza peress li wieħed irid iżomm f’moħħu li fattur ta’ korrezzjoni bħal dan ma jistax jiġi aġġustat għad-differenzi kollha bejn l-istazzjonijiet.

(254)

Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-kwelerant isostni li l-kompetizzjoni attwali fis-suq tar-reklamar televiż la ssir fuq il-prezzijiet elenkati u lanqas fuq il-medja ta’ GRP jew TRP. Minflok, TvDanmark jargumenta li l-operaturi fil-fatt jikkompetu mal-hekk imsejħa prezzijiet marġinali. Dawn il-prezzijiet marġinali jkunu oriġinaw mill-pożizzjoni superjuri ta’ TV2 fis-suq. Sabiex min jirreklama jilħaq l-għanijiet tal-kampanja tagħhom, dawn ikollhom jixtru ċerta parti tal-punti tal-klassifikazzjoni esklussivament mingħand TV2. Għal dawn l-hekk imsejħa unitajiet inframarġinali, ma kien hemm l-ebda kompetizzjoni u għalhekk TV2 seta’ jikseb profitti eċċessivi fuq dawn l-unitajiet. Bħala riżultat, l-operaturi kkompetew fuq punti ta’ klassifikazzjoni residwi u għaldaqstant fuq prezzijiet marġinali. TvDanmark isostni li dawn il-prezzijiet kienu saħansitra aktar baxxi mill-prezzijiet medji derivati fit-tabella esibiti t’hawn fuq.

(255)

Filwaqt li titwarrab il-kwistjoni ta’ jekk din l-allegazzjoni hijiex korretta, il-Kummissjoni tqis li mġiba bħal din kienet tkun possibbli bil-pożizzjoni b’saħħitha ta’ TV2 fis-suq. Madankollu, l-investigazzjoni preżenti għandha tistabbilixxi jekk l-imġiba ta’ TV2 dwar is-suq tar-reklamar kinitx tali li ma ppruvatx timmassimizza d-dħul tiegħu. F’dan ir-rigward, ma jistax jiġi eskluż, li TV2 żamm il-prezzijiet tiegħu baxxi sabiex iżomm is-sehem tas-suq għoli, iżda din l-imġiba mhijiex kuntrarju għal tentattiv sabiex jiġi massimizzat id-dħul.

L-imġiba tal-ipprezzar ta’ TV2 matul il-perjodu tal-investigazzjoni

(256)

Minn dan t’hawn fuq, jista’ jiġi stabbilit li l-prezzijiet ta’ TV2 kienu ogħla minn ta’ TvDanmark matul il-perjodu tal-investigazzjoni. Huwa wkoll evidenti, li minkejja ż-żidiet fil-prezzijiet elenkati, il-livell tal-prezz attwali kien qed jonqos matul dan il-perjodu. TV2 żied b’mod sinifikattiv il-livell tal-iskontijiet li ta.

(257)

Madankollu, abbażi ta’ analiżi tal-prezzijiet, ma jistax jiġi stabbilit jekk l-iżviluppi fil-prezzijiet fil-fatt ikkontribwixxewx għat-tnaqqis tad-dħul totali mir-reklamar, biex b’hekk żdiedet il-ħtieġa għall-finanzjament mill-Istat. Sabiex tindirizza din il-kwistjoni, il-Kummissjoni analizzat hawn taħt l-imġiba tal-ipprezzar ta’ TV2 u l-konsegwenzi ta’ din l-imġiba għal-livell globali tad-dħul mir-reklamar li TV2 iġġenera.

(258)

Kif spjegat fil-premessi hawn taħt, matul il-perjodu tal-investigazzjoni, TV2 implimenta numru ta’ żidiet u tnaqqis fil-prezzijiet (permezz ta’ għoti ta’ skontijiet ogħla). It-tabella t’hawn taħt tagħti ħarsa ġenerali tal-iżvilupp tal-livell globali ta’ Tv2 tad-dħul mir-reklamar matul il-perjodu 1998-2002, il-perjodu li matulu l-kwelerant jallega li TV2 kien qed ibaxxi l-prezzijiet fis-Suq Daniż (f’miljuni ta’ DKK):

 

1998

1999

2000

2001

2002

Dħul mir-Reklamar Nazzjonali

1 008

884

(– 11,3 %)

959

(+ 8,5 %)

879

(– 8,3 %)

884

(– 0,6 %)

(259)

Fl-1997, TV2 ħa deċiżjoni strateġika li ma jespandix l-utilizzazzjoni tal-kapaċità, iżda li jnaqqas il-prezzijiet tiegħu fl-1998. Żieda oħra fil-prezz kienet implimentata fl-1999. L-awtoritajiet Daniżi jsostnu li sal-1999 is-sitwazzjoni kompetittiva saret hekk intensiva li TV2 sofra bħala riżultat taż-żieda fil-prezzijiet, u d-dħul mir-reklamar ta’ TV2 niżel b’madwar 10 % mis-sena ta’ qabel.

(260)

Fl-2000, billi TV2 ippreveda li l-kompetizzjoni ser tintensifika m’għolliex il-prezzijiet tiegħu. Fil-fatt, il-prezzijiet attwali naqsu, minħabba l-iskema ta’ tnaqqis ġdida introdotta minn TV2. Bħala riżultat, TV2 espanda l-utilizzazzjoni tal-kapaċità tiegħu bi 33 % mis-sena ta’ qabel. Madankollu, il-miżuri tal-ipprezzar wasslu għal żieda fl-introjtu mir-reklamar ta’ TV2 mal-pajjiż kollu bi 8,4 %. Fl-2001, TV2 reġa’ żied il-prezzijiet tiegħu. Minkejja ż-żieda fil-prezzijiet, id-dħul mir-reklamar u l-utilizzazzjoni tal-kapaċità ta’ TV2 naqsu għal-livell tal-1999. Fl-2002, TV2 applika tnaqqis ieħor tal-prezz u ffaċċja tnaqqis żgħir fl-introjtu totali tiegħu. Madankollu, l-introjtu globali fis-suq tar-reklamar naqas saħansitra b’rata aktar mgħaġġla.

(261)

Minn dan t’hawn fuq jista’ jiġi konkluż li l-użu ta’ tnaqqis estensiv irriżulta fi tnaqqis fil-livell tal-prezz attwali. TV2 seta’ jikkumpensa dan it-tnaqqis fil-prezzijiet billi espanda l-utilizzazzjoni tal-kapaċità. Peress li l-kompetituri ma kellhomx għad-dispożizzjoni tagħhom l-istess riżerva ta’ kapċità, dawn ma kellhomx l-istess opportunità. Sabiex jiġu aċċettati fis-suq, dawn kellhom isegwu l-azzjonijiet ta’ TV2. Matul is-snin meta TV2 żied il-prezzijiet tiegħu, dan esperjenza tnaqqis fl-introjtu totali tiegħu mir-reklamar. Għall-kuntrarju, meta Tv2 naqqas il-prezzijiet tiegħu, dan seta’ jżid l-introjtu totali tiegħu. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li t-tnaqqis tal-prezzijiet implimentat minn TV2 fil-fatt irriżulta fi dħul globali ogħla. Bħala konsegwenza, l-imġiba tal-ipprezzar ta’ TV2 ma tindikax li l-kumpanija m’għamlitx tentattiv sabiex timmassimizza d-dħul tagħha.

In-nefqiet tar-reklamar televiżiv fid-Danimarka kif imqabbel mal-UE

(262)

Tqabbil tal-prezzijiet bejn operaturi Daniżi u analiżi tal-imġiba tal-ipprezzar ta’ TV2 ma jipprovdux indikazzjonijiet ta’ jekk il-prezzijiet globali fis-suq tar-reklamar televiż Daniż kinux baxxi wisq. Livell tal-prezzijiet hekk baxx joriġina minn TV2 li uża l-pożizzjoni superjuri tiegħu sabiex inaqqas il-livell globali tan-nefqa tar-reklamar televiżiv taħt livell kompetittiv.

(263)

Sabiex tindirizza din il-kwistjoni, il-Kummissjoni analizzat dejta ekonomika derivata mis-suq tar-reklamar fil-pajjiżi kollha tal-UE u qabblet dawn ma’ dawk tad-Danimarka. Minħabba li r-reklamar televiżiv Daniż huwa l-aktar komaprabbli ma’ dak ta’ pajjiżi Nordiċi oħra, il-Kummissjoni qabblet ukoll id-dejta bejn id-Danimarka u pajjiżi oħra Nordiċi (il-Finlandja, L-Isvezja u N-Norveġja) (89). Iċ-ċifri ewlenin tal-infiq fir-reklamar televiżiv li ġie analizzat huma: 1) in-nefqa fir-reklamar televiżiv kif espress bħala sehem tan-nefqiet fir-reklamar totali; 2) in-nefqa fir-reklamar televiżiv per capita; 3) in-nefqa fir-reklamar televiżiv espress bħala sehem tal-PDG. It-tabella t’hawn taħt tagħti ħarsa ġenerali ta’ dawn iċ-ċifri ewlenin:

Ċifri ewlenin tal-infiq fir-reklamar fid-Danimarka, fl-UE u f’pajjiżi Nordiċi oħra

 

 

1995

1996

1997

1998

1999

2000

2001

Spiża tar-reklamar televiżiv bħala sehem tal-ispiża tar-reklamar totali (f’persentaġġ)

DK

27  %

29  %

29  %

30  %

28  %

27  %

27  %

UE

35  %

37  %

37  %

37  %

37  %

37  %

37  %

Nordiku

24  %

25  %

26  %

27  %

27  %

27  %

26  %

Spiża tar-reklamar televiżiv per capita (f’Euro)

DK

39  EUR

44  EUR

48  EUR

51  EUR

46  EUR

47  EUR

44  EUR

UE

37  EUR

40  EUR

45  EUR

49  EUR

53  EUR

60  EUR

58  EUR

Nordiku

32  EUR

36  EUR

41  EUR

44  EUR

45  EUR

54  EUR

49  EUR

Spiża tar-reklamar televiżiv bħala sehem tal-PDG (kull miljun)

DK

1,49  ‰

1,61  ‰

1,70  ‰

1,77  ‰

1,51  ‰

1,45  ‰

1,34  ‰

UE

2,20  ‰

2,34  ‰

2,46  ‰

2,58  ‰

2,70  ‰

2,88  ‰

2,71  ‰

Nordiku

1,45  ‰

1,51  ‰

1,62  ‰

1,72  ‰

1,66  ‰

1,73  ‰

1,55  ‰

Sors: L-Osservatorju Awdjoviżiv Ewropew, EuroStat.

(264)

Mit-tabella t’hawn fuq, jista’ jiġi derivat li s-sehem tar-reklamar fuq in-nefqiet tar-reklamar totali kien iktar baxx fid-Danimarka (27 %) meta mqabbel mal-UE bħala medja (37 %). Madankollu, id-dejta turi li hemm distakk ġenerali bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar tal-Ewropa (90). Fl-Istati Membri tan-Nofsinhar in-nefqa fir-reklamar televiżiv hija konsiderevolment ogħla milli fl-Istati Membri (91) Nordiċi. L-istess xejra tista’ tidher għan-nefqa fir-reklamar televiżiv bħala sehem tal-PDG (92). Barra minn hekk, in-nefqa fir-reklamar televiżiv skont il-kapital turi differenza kbira bejn l-Istati Membri (93). Meta jitqabblu dawn il-proporzjonijiet fil-kuntest tal-pajjiżi Nordiċi, ix-xejra tal-infiq Daniża hija b’mod konformi ma’ pajjiżi Nordiċi oħra.

(265)

Filwaqt li tqis dan t’hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li m’hemm l-ebda evidenza ċara u mhux ekwivoka li s-suq tar-reklamar televiż Daniż kien sistematikament u konsistentement ħażin minħabba l-imġiba tal-ipprezzar ta’ TV2.

Prezzijiet intermidja

(266)

Il-kwelerant issottometta wkoll dejta dwar it-tqabbil tal-prezzijiet tal-kuntatt (espress f’CPM (94)) bejn fruntieri għal tip wieħed ta’ midja u bejn tipi ta’ midja f’pajjiż wieħed partikolari. Id-dejta sottomessa mill-kwelerant tqabbel l-ispiża għall-kuntatt ta’ 1 000 individwu b’reklam bl-użu jew ta’ print jew televiżjoni fid-Danimarka, in-Norveġja u l-Isvezja (95).

(267)

Id-dejta turi li r-reklamar televiżiv huwa inqas għoli fid-Danimarka milli hu fl-Isvezja u n-Norveġja (96), filwaqt li l-oppost hu minnu għall-midja stampata (97).

(268)

Madankollu, il-Kummissjoni ma tistax tivverifika l-affidabilità tad-dejta provduta u tali dejta mhijiex pubblikament disponibbli. Għalhekk, b’kunsiderazzjoni li l-informazzjoni hija pjuttost limitata u ma tqisx id-differenzi kulturali possibbli, il-Kummissjoni ma tista’ tislet l-ebda konklużjoni valida fuq il-livell tal-prezzijiet għall-midja differenti fil-pajjiżi Skandinavi.

(269)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkonkludi li TV2 kellu l-ogħla prezz fis-Suq Daniż matul il-perjodu tal-investigazzjoni, billi kien fil-pożizzjoni li jipprezza l-prodotti tiegħu 15-40 % ogħal mill-kompetituri tiegħu skont il-penetrazzjoni fil-pubbliku destinatarju rilevanti. Meta mqabbla mal-Isvezja u n-Norveġja, il-prezzijiet huma madwar 20 % aktar baxxi fid-Danimarka.

(270)

B’kunsiderazzjoni tal-analiżi differenti mwettqa hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li, mill-perspettiva ta’ għajnuna mill-Istat, m’hemm l-ebda evidenza ċara li turi li TV2 m’għamilx tentattiv sabiex jimmassimizza d-dħul mir-reklamar tiegħu u li l-imġiba tiegħu fis-suq tar-reklamar wasslet għal ħtieġa akbar għall-finanzjament mill-Istat.

V.   KONKLUŻJONI

Il-Kummissjoni tqis li d-Danimarka implimentat l-għajnuna in kwistjoni mhux skont il-liġi bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Madankollu, fid-dawl tas-Sentenza tal-Qorti, u fuq il-bażi tal-konsiderazzjonijiet t’hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li l-għajnuna hija kompatibbli mas-suq intern fuq il-bażi tal-Artikolu 106(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Fid-dawl tad-Digriet tal-Qorti, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk is-sejba tistax tirriżulta f’kumpens żejjed għal TV2 minħabba l-fatt li l-ammont ta’ DKK 628 miljun, li ġie rkuprat minn TV2 fl-2004 mill-Istat Daniż bl-interessi, issa huwa kkunsidrat kompatibbli mas-suq intern u jista’ jitħallas lura mill-Istat lil TV2. Ir-rimborż ta’ din is-somma jista’ jwassal għal kumpens żejjed fid-dawl tal-miżuri ta’ rikapitalizzazzjoni li fil-prattika saru fl-2004 (każ N 313/2004) minħabba l-ħtiġijiet finanzjarji ta’ TV2 wara l-irkupru. Kif jista’ jiġi derivat mill-paragrafi 34 u 35 tad-Digriet tal-Qorti, meta wieħed jikkunsidra li l-awtoritajiet Daniżi għażlu li ma jħallux lil TV2 ifalli, l-obbligu għall-irkupru kien fil-fatt il-premessa neċessarja tal-miżuri ta’ rikapitalizzazzjoni tal-2004. Kif iddeċideit il-Qorti fil-paragrafu 43 tad-Digriet tagħha, “Minkejja li ċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ preżenti ġiegħel lill-Kummissjoni tadotta żewġ deċiżjonijiet [id-deċiżjoni ta’ rkupru annullata u d-deċiżjoni ta’ rikapitalizzazzjoni], huwa evidenti li dawk id-deċiżjonijiet jikkostitwixxu żewġ aspetti tal-istess kwistjoni legali relatati mal-klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 87(1) KE u, jekk hu jekk, għad-determinazzjoni tal-konformità tagħhom mas-suq komuni, tal-miżuri implimentati mir-Renju tad-Danimarka għal TV2 u sussegwentement TV2 A/S. L-annullament tad-Deċiżjoni 2006/217 għalhekk jinvolvi lill-Kummissjoni eżaminazzjoni ġdida tal-miżuri kollha implimentati mir-Renju tad-Danimarka għal TV2 u sussegwentement TV2 A/S”. Minħabba r-rabta mill-qrib tagħhom minħabba l-kwistjoni ta’ rkupru, il-miżuri tar-rikapitalizzazzjoni tal-2004 favur TV2 għandhom jitqiesu b’rabta mal-għajnuna mill-Istat mogħtija bejn l-1995 u l-2002 sabiex jiġi żgurat li m’hemm l-ebda riskju ta’ kumpens żejjed ta’ TV2.

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota dan li ġej. Wara d-deċiżjoni ta’ rkupru, l-awtoritajiet Daniżi rkupraw fil-prattika DKK 1 050 miljun (jiġifieri aktar minn DKK 628 miljun flimkien mal-interessi). Kif indikat fid-Digriet tal-Qorti, wara l-annullament mill-Qorti tad-deċiżjoni ta’ rkupru, ir-raġuni għall-irkupru ta’ DKK 628 miljun flimkien mal-interessi ma dehret imkien. Madankollu, l-awtoritajiet Daniżi ssottomettew dikjarazzjoni li tindika li huma jintrabtu li ma jagħtux lura l-flus irkuprati lil TV2, jew jekk ċerti kundizzjonijiet kumulattivi jintlaħqu, jagħtu lura lil TV2 ammont li jikkorrispondi l-aktar għad-differenza bejn l-ammont (inkluż l-interess) li kien fil-fatt irkuprat minn TV2 b’rabta mal-perjodu 1995-2002 u l-ammont tal-miżuri ta’ rikapitalizzazzjoni. Fuq il-bażi tal-impenn t’hawn fuq, m’hemm għalhekk l-ebda riskju ta’ kumpens żejjed ta’ TV2 b’rabta mal-għajnuna mill-Istat għas-snin 1995-2002, meqjusa b’rabta mal-miżuri ta’ rikapitalizzazzjoni tal-2004 b’mod konformi mad-Digriet tal-Qorti,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-miżuri li d-Danimarka implimentat favur TV2/DANMARK bejn l-1995 u l-2002 fil-forma ta’ fondi mid-drittijiet tal-liċenzja u miżuri oħra identifikati fid-deċiżjoni preżenti huma kompatibbli mas-suq intern fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 106(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tad-Danimarka.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ April 2011.

Għall-Kummissjoni

Joaquín ALMUNIA

Viċi-President


(1)  B’effett mill-1 ta’ Diċembru 2009, l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat KE saru l-Artikoli 107 u 108, rispettivament, tat-TFUE. Iż-żewġ settijiet ta’ dispożizzjonijiet huma, fis-sustanza, identiċi. Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, ir-referenzi għall-Artikoli 107 u 108 tat-TFUE għandhom jinftiehmu bħala referenzi għall-Artikoli 87 u 88, rispettivament, tat-Trattat KE fejn xieraq.

(2)  Il-ĠU C 59, tal-14.3.2003, p. 2.

(3)  Fl-2003, TV2 ġie konvertit f’kumpanija b’responsabbiltà limitata u l-isem tiegħu sar TV2/DANMARK A/S. Għal raġunijiet ta’ sempliċità, f’din id-deċiżjoni se tintuża ‘TV2’ biex issir terefenza għax-xandar televiżiv tas-servizz pubbliku Daniż TV2/DANMARK, tkun xi tkun il-forma legali li jkollu.

(4)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Jannar 2003, State financing of Danish public broadcaster TV2 by means of licence fee and other measures (ĠU C 59, tal-14.3.2003, p. 2).

(5)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 2.

(6)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/217/KE tad-19 ta’ Mejju 2004 dwar miżuri implimentati mid-Danimarka għal TV2/Danmark (ĠU L 85, tat-23.3.2006, p. 1).

(7)  Is-somma ta’ DKK 1 050 miljun inkludiet mhux biss is-DKK 628 miljun flimkien mal-interessi sad-data tal-irkupru, iżda wkoll somma korrispondenti għall-2003, li l-Gvern Daniż irkupra mill-ġdid fuq inizjattiva tiegħu.

(8)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2004) 3632 tas-6 ta’ Ottubru 2004 dwar ir-rikapitalizzazzjoni ta’ TV2/Danmark A/S.

(9)  Il-Kawżi T-309/04, T-317/04, T-329/04 u T-336/04, it-22 ta’ Ottubru 2008.

(10)  Id-Digriet tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-12/05, l-24 ta’ Settembru 2009.

(11)  Il-paragrafu 43 tad-Digriet tal-Qorti.

(12)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Awwissu 2009 (ĠU C 9, tal-14.1.2009, p. 2).

(13)  L-Ordni tal-President tal-Ħames Awla tal-Qorti Ġenerali fil-kawża T-114/09 tas-17 ta’ Mejju 2010.

(14)  Il-ĠU C 207, tat-2.9.2009, p. 2.

(15)  L-Att Nru 335 tal-4 ta’ Ġunju 1986, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 1986.

(16)  L-Att Nru 578 tal-24 ta’ Ġunju 1994, kif emendat bl-Att Nru 666 tal-5 ta’ Lulju 1996, l-Att Nru 75 tad-29 ta’ Jannar 1997, l-Att Nru 138 tad-19 ta’ Frar 1998, l-Att Nru 208 tas-6 ta’ April 1999, l-Att Nru 551 tal-20 ta’ Ġunju 2000, l-Att Nru 203 tat-22 ta’ Marzu 2001, l-Att Nru 701 tal-15 ta’ Lulju 2001, l-Att Nru 1052 tas-17 ta’ Diċembru 2002.

(17)  It-Taqsima 18 tal-Att dwar ix-Xandir (verżjoni tal-1994).

(18)  Il-paragrafu 119 tas-Sentenza.

(19)  L-Att dwar ix-Xandir, it-Taqsima 30 (il-verżjoni tal-1994).

(20)  Ara l-Premessa 79 u ta’ warajh, tad-deċiżjoni preżenti.

(21)  Ordni Eżekuttiva Nru 874 tad-9 ta’ Diċembru 1998 rigward servizzi tar-redju u t-televiżjoni permezz tas-sattelita jew kejbil; Ordni Eżekuttiva Nru 1349 tat-18 ta’ Diċembru 2000 rigward servizzi tar-redju u t-televiżjoni lokali.

(22)  L-Ordni Eżekuttiva 658 tat-18 ta’ Awwissu 1997, it-Taqsimiet 12-13.

(23)  L-Ordni Nru 740 tal-21 ta’ Awwissu 2001, li timplimenta d-Direttiva 2000/52/KE, dwar il-kontabilità separata bejn impriża ta’ servizz pubbliku tar-Radju Daniż u TV2 u kwalunkwe impriża oħra.

(24)  It-Taqsimiet 61-63 tal-Att dwar ix-Xandir (il-verżjoni tal-1994).

(25)  Ara l-premessa 79 u ta’ warajh, tad-deċiżjoni preżenti.

(26)  It-Taqsima 38 tal-Att Daniż dwar il-komunikazzjonijiet bir-Radju u l-Assenjazzjoni tal-Frekwenzi tar-Radju u t-Taqsima 48 tal-Att Daniż dwar il-Frekwenzi tar-Radju.

(27)  Introdotta bl-Att 1208 tas-27.12.1996 u inkorporata fit-Taqsima 60(a) tal-verżjoni 1997 tal-Att dwar ix-Xandir u tneħħiet fl-1 ta’ Jannar 2002 bl-Att Nru 259 tal-8.5.2002.

(28)  Min jirreklama jista’ jixtri ħin tar-reklamar fuq l-istazzjonijiet tat-televiżjoni Daniżi fuq żewġ bażijiet: permezz ta’ Punti ta’ Klassifikazzjoni Grossi (GRPs), li jirreferu għal udjenza totali ta’ 12-il sena u aktar, jew permezz ta’ Punti ta’ Klassifikazzjoni mmirati (TRPs), li jirreferu għal pubbliku destinatarju iktar strett. TV2 huwa l-unika stazzjon fid-Danimarka li jbigħ ukoll GRP.

(29)  Il Kawża C-280/00, Altmark Trans und Regierungspräsidium Magdeburg, [2003] Ġabra I-7747.

(30)  Il-Qorti Ġenerali, T-289/03, BUPA u oħrajn v. il-Kummissjoni.

(31)  Il-Qorti Ewropea, il-Kawżi C-83/01 P, C-93/01 u C-94/01.

(32)  Ara l-paragrafi 158 u 159 tas-Sentenza.

(33)  Il-paragrafu 165 tas-Sentenza.

(34)  Il-paragrafu 167 tas-Sentenza.

(35)  Qorti tal-Ġustizzja, it-13 ta’ Marzu 2001, C-379/98, PreussenElektra AG v. Schleswag AG, Ġabra 2001 p.I-02099.

(36)  It-Taqsima 31, l-Att dwar ix-Xandir (il-verżjoni tal-1994).

(37)  It-Taqsima 29 tal-Att dwar ix-Xandir (il-verżjoni tal-1994); ara wkoll ir-rapport 4/94, punt 4: “Il-Ministru tal-Kultura jiddeċiedi bi qbil mal-kumitat finanzjarju [tal-Parlament] il-parti tal-profitt tal-kumpanija tar-reklamar u l-parti tad-drittijiet tal-liċenzja li għandhom jitħallsu annwalment lill-fond TV2. Jekk jitqiegħdu mezzi insuffiċjenti fil-fond TV2, il-fond jista’ – b’approvazzjoni tal-Ministru – jikseb self operativ garantit mill-Istat. Id-daqs tal-garanzija jiġi determinat mill-Ministru bi ftehim mal-kumitat finanzjarju. B’mod konformi mal-baġits tal-qafas determinati mill-Ministru tal-Kultura somom jiġu trasferiti mill-fond TV2 għall-attivitajiet ta’ xandir ta’ TV2 u ta’ 8 xandara reġjonali”.

(38)  It-Taqsimiet minn 30 sa 33 tal-Att dwar ix-Xandir (il-verżjoni tal-1994); ara wkoll ir-rapport 4/94, diġà kkwotat.

(39)  Ittra tal-awtoritajiet Daniżi, l-24 ta’ Marzu 2003, p. 8.

(40)  Ara l-punt 57 tal-Komunikazzjoni dwar ix-Xandir tal-2001.

(41)  It-tweġiba tal-gvern Daniż taħt il-punt 3 tal-ittra tagħhom tas-26 ta’ Ġunju 2009.

(42)  Il-punt 10 tan-Notifika tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għal miżuri relatati mat-tassazzjoni tan-negozju diretta (ĠU C 384, 10.12.1998, p. 3).

(43)  Il-punt 2.1.2. tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ garanziji (2000/C 71/07).

(44)  Ara Għajnuna Nru NN 70/98, Għajnuna mill-Istat lill-istazzjonijiet tax-xandir pubbliku “Kinderkanal u Phoenix” (ĠU C 238, 21.8.1999, p. 3).

(45)  Il-Kawża C-280/00, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, [2003] Ġabra I-7747.

(46)  L-Att Nru 578 tal-24 ta’ Ġunju 1994, kif emendat bl-Att Nru 666 tal-5 ta’ Lulju 1996, l-Att Nru 75 tad-29 ta’ Jannar 1997, l-Att Nru 138 tad-19 ta’ Frar 1998, l-Att Nru 208 tas-6 ta’ April 1999, l-Att Nru 551 tal-20 ta’ Ġunju 2000, l-Att Nru 203 tat-22 ta’ Marzu 2001, l-Att Nru 701 tal-15 ta’ Lulju 2001 u l-Att Nru 1052 tas-17 ta’ Diċembru 2002.

(47)  Il-paragrafu 228 tas-Sentenza.

(48)  Il-paragrafu 229 tas-Sentenza.

(49)  Il-Qorti Ewropea, Kawża C-83/01 P, C-93/01 u C-94/01.

(50)  Il-Kawża C-261/89 l-Italja vs il-Kummissjoni [1991] Ġabra I-4437; Kawżi Magħquda C-278/92 għal C-280/92 Spanja vs il-Kummissjoni eċċ. [1994] Ġabra I-4103

(51)  Il-Kawża T-16/96, Cityflyer, [1998] Ġabra II-00757, l-Artikolu 76.

(52)  Dawn l-ementi huma deskritti fid-dettall fil-premessa 205 u li jsegwi tad-deċiżjoni preżenti.

(53)  Il-Kawżi 730/79, Philip Morris Holland vs il-Kummissjoni [1980] Ġabra 2671, paragrafu 11; C-303/88, l-Italja v. il-Kummissjoni [1991] Ġabra I-1433, paragrafu 17; C-156/98, il-Ġermanja vs il-Kummissjoni, [2000] Ġabra I-6857, paragrafu 33.

(54)  Ara l-kawżi 102/87, Franza vs. il-Kummissjoni [1988], Ġabra 4067 u 303/88 l-Italja vs il-Kummissjoni [1989] Ġabra 801.

(55)  Ara l-kawżi magħquda T-185/00, T-216/00, T-299/00 u T-300/00, M6 u oħrajn vs il-Kummissjoni, [2002] Ġabra II-3805.

(56)  ĠU C 320, 15.11.2001, p. 5.

(57)  It-Taqsima 18 tal-Att dwar ix-Xandir (verżjoni tal-1994).

(58)  It-Taqsima 4 tal-Ordni Eżekuttiva 658 tat-18 ta’ Awwissu 1997.

(59)  Ara l-paragrafi 101-125 tas-Sentenza.

(60)  Il-paragrafu 101 tas-Sentenza.

(61)  Il-paragrafu 103 tas-Sentenza.

(62)  Bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam fl-1 ta’ Mejju 1999, mat-Trattat ġie anness Protokoll fuq is-sistema ta’ xandir pubbliku fl-Istati Membri.

(63)  Il-paragrafu 113 tas-Sentenza.

(64)  Il-paragrafi 107 u 108 tas-Sentenza.

(65)  Il-paragrafu 121 tas-Sentenza.

(66)  Il-paragrafu 117 tas-Sentenza.

(67)  Il-Kapitolu 4, l-Att dwar ix-Xandir (verżjoni tal-1994).

(68)  Il-paragrafu 120 tas-Sentenza.

(69)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2000/52/KE tas-26 ta’ Lulju 2000 li temenda d-Direttiva 80/723/KEE dwar it-trasparenza tar-relazzjonijiet finanzjarji bejn Stati Membri u impriżi pubbliċi (ĠU L 193, 29.7.2000, p. 75).

(70)  Il-Komunikazzjoni dwar ix-Xandir, il-punt 53.

(*)  F’dan li ġej, ommissjonijiet, li huma koperti bl-obbligu tas-segretezza professjonali, huma indikati bi […]

(**)  Id-differenza fil-ħlas tal-frekwenza li TV2 ħallas u t-tariffa tan-netwerking imħallsa minn TvDanmark.

(71)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Ottubru 2003 dwar il-miżuri implimentati mill-Italja għar-RAI SpA (ĠU L 119, 23.4.2004, p. 1).

(72)  Bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam fl-1 ta’ Mejju 1999, ġie anness Protokoll dwar is-sistema ta’ xandir pubbliku fl-Istati Membri mat-Trattat.

(73)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, E 2/2008, it-28 ta’ Ottubru 2009, Financing of ORF.

(74)  Il-paragrafu 220 tas-Sentenza.

(75)  Il-paragrafu 221 tas-Sentenza.

(76)  Il-paragrafu 223 tas-Sentenza.

(77)  Rapport dwar il-Verifika Nazzjonali 4/94, il-Kapitolu VIII, b’mod partikolari l-punt 72.

(78)  L-Ordni Eżekuttiva nru 658 tat-18 ta’ Awwissu 1997, il-Kapitolu 6, it-Taqsima 32, il-paragrafu 4.

(***)  F’din it-tabella, il-proporzjon tas-solvenza huwa kkalkulat bħala “ekwità mhux ristretta”/“obbligazzjonijiet totali”.

(79)  Paġna 58.

(80)  Il-paragrafu 223 tas-Sentenza.

(81)  Il-paragrafu 223 tas-Sentenza.

(82)  Ir-rapport annwali għall-1995, b’mod partikolari paġna 14.

(83)  Il-paragrafu 219 tas-Sentenza.

(84)  Il-punti 53 sa 56.

(85)  Kategoriji differenti ta’ punti tal-klassifikazzjoni, kampanji bi spots, eċċ.

(86)  Is-sistema Gallup-meter tirreġistra kemm punti ta’ Klassifikazzjoni Grossa kull stazzjon fil-fatt jipprovdi. Din iċ-ċifra mbagħad ġiet aġġustata mill-istazzjoni sabiex tirrifletti t-TRPs provduti.

(87)  CPP = L-ispiża kull punt (Cost per Point). L-ispiża kull punt tesprimi l-ispejjeż tar-reklamar kull punt tal-klassifikazzjoni, jiġifieri jew skont il-GRP jew skont it-TRP.

(88)  Il-Kawża Nru C 60/1999 (ex NN 167-1995) – Franza, State aid in favour of France 2 and France 3, l-10 ta’ Diċembru 2003.

(89)  Kemm l-awtoritajiet Daniżi u l-kwerelant huma tal-opinjoni li l-prezzijiet fid-Danimarka jistgħu l-aħjar jitqabblu ma’ pajjiżi Nordiċi oħrajn, minħabba li l-kundizzjonijiet tas-suq huma simili (daqs, kemm it-telespettaturi jdumu jaraw it-televiżjoni, imġiba).

(90)  Raġuni ewlenija għad-distakk hija l-ammont sinifikament iżgħar ta’ ħin persuni jqattgħu ħin jaraw it-televiżjoni fil-pajjiżi Nordiċi. Fid-Danimarka, il-medja ta’ kuljum ta’ kemm persuni jqattgħu ħin jaraw it-televiżjoni kienet ta’ 156 minuta per capita filwaqt li fl-UE kienet 192 minuta.

(91)  Fl-2001, l-ogħla parti kienet fil-Pajjiżi Membri tan-Nofsinhar il-Portugall (60 %), l-Italja (54 %), u l-Greċja (49 %). Fil-Pajjiżi l-Baxxi (23 %), il-Finlandja (24 %), l-Awstrija (26 %), u l-Irlanda (26 %) irriżulta li kien aktar baxx mid-Danimarka. Fl-Isvezja, is-sehem jaqbel ma’ dak tad-Danimarka.

(92)  Nefqiet fir-reklamar televiżiv bħala sehem tal-PDG kienu ogħla fil-pajjiżi tan-Nofsinhar bħall-Portugall (6,66 ‰), il-Greċja (4,04 ‰), l-Italja (3,22 ‰), u Spanja (3,21 ‰).

(93)  Nefqiet fir-reklamar televiżiv per capita kienu aktar baxxi fl-2001 fil-Finland (EUR 42) u l-Isvezja (EUR 43) u f’livell simili fil-Pajjiżi l-Baxxi (EUR 45). Kienu l-ogħla fir-Renju Unit (EUR 90), il-Portugall (EUR 80) u l-Belġju (EUR 73).

(94)  CPM (Spiża kull elf (Cost per Thousand)) tirrappreżenta l-ispiża sabiex jiġu ġġenerati 1 000 impressjoni grossi fi ħdan grupp jew l-ispiża għall-ilħuq ta’ 1 000 individwu differenti tal-grupp.

(95)  Il-prezzijiet tal-kuntatt għan-Norveġja u d-Danimarka huma stmati abbażi tal-informazzjoni mill-istazzjon lokali SBS. L-istimi tal-midja stampata huma provduti minn aġenzija tal-midja.

(96)  CPM għat-televiżjoni hija 13 fid-Danimarka, 14 fl-Isvezja u 18 fin-Norveġja rispettivament.

(97)  CPM għall-midja stampata hija 21 fid-Danimarka, 17 fl-Isvezja u 12 fin-Norveġja rispettivament.


Top