Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0773

    2011/773/UE: Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 16 ta’ Novembru 2011 dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas- 17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2010/021 IE/Kostruzzjoni 43, mill-Irlanda)

    ĠU L 317, 30.11.2011, p. 31–31 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/773/oj

    30.11.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 317/31


    DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tas-16 ta’ Novembru 2011

    dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2010/021 IE/Kostruzzjoni 43, mill-Irlanda)

    (2011/773/UE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja tajba (1), u b’mod partikolari l-punt 28 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 12(3) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) twaqqaf biex jipprovdi appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja minħabba bidliet strutturali kbar fix-xejriet kummerċjali dinjija dovuti għall-globalizzazzjoni u sabiex jiġu megħjuna fir-reintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol.

    (2)

    L-ambitu tal-FEG twessa’ għal applikazzjonijiet imressqa mill-1 ta’ Mejju 2009 biex jinkludi appoġġ għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja b’riżultat dirett tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali.

    (3)

    Il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta Mejju 2006 jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-FEG sal-limitu massimu annwali ta’ EUR 500 miljun.

    (4)

    L-Irlanda ressqet applikazzjoni f’ Ġunju 2010 biex timmobilizza l-FEG, fir-rigward tas-sensji f’1 560 impriża li joperaw fid-Diviżjoni 43 tan-NACE Reviżjoni 2 (“Attivitajiet ta’ kostruzzjoni speċjalizzati”) fir-reġjun NUTS II ta’ Border, Midlands and Western (IE01) u Southern and Eastern (IE02) fl-Irlanda, u ssupplimentatha b’tagħrif addizzjonali sas-17 ta’ Ġunju 2011. Din l-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti sabiex jiġu ddeterminati l-kontribuzzjonijiet finanzjarji kif stabbilit fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. Il-Kummissjoni għalhekk ippreżentat proposta biex timmobilizza l-ammont ta’ EUR 21 664 148.

    (5)

    L-FEG għandu, għalhekk, jiġi mobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja għall-applikazzjonijiet imressqa mill-Irlanda,

    ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2011, il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandu jiġi mmobilizzat biex jipprovdi s-somma ta’ EUR 21 664 148 f’approprjazzjonijiet ta’ impenji u ta’ pagamenti.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Strasburgu, is-16 ta’ Novembru 2011.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    J. BUZEK

    Għall-Kunsill

    Il-President

    W. SZCZUKA


    (1)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

    (2)  ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.


    Top