EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0745

2011/745/: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 11 ta’ Novembru 2011 li temenda d-Deċiżjonijiet 2010/2/UE u 2011/278/UE fir-rigward ta’ setturi u subsetturi meqjusa li huma esposti għal riskju sinifikanti ta’ rilaxx tal-karbonju (notifikata bid-dokument numru C(2011) 8017) Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 299, 17.11.2011, p. 9–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2014; Imħassar b' 32014D0746

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/745/oj

17.11.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 299/9


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-11 ta’ Novembru 2011

li temenda d-Deċiżjonijiet 2010/2/UE u 2011/278/UE fir-rigward ta’ setturi u subsetturi meqjusa li huma esposti għal riskju sinifikanti ta’ rilaxx tal-karbonju

(notifikata bid-dokument numru C(2011) 8017)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2011/745/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10a(1) u (13) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/2/UE (2) tiddetermina, skont id-Direttiva 2003/87/KE, lista ta’ setturi u subsetturi meqjusa li huma esposti għal riskju sinifikanti ta’ rilaxx tal-karbonju.

(2)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/278/UE (3) tiddetermina regoli tranżitorji madwar l-Unjoni kollha għall-allokazzjoni armonizzata mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE.

(3)

Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10a(13) tad-Direttiva 2003/87/KE, il-Kummissjoni tista’, kull sena żżid settur jew subsettur mal-lista ta’ setturi u subsetturi meqjusa li huma esposti għal riskju sinifikanti ta’ rilaxx tal-karbonju. F’rapport analitiku għandu jintwera li s-settur jew is-subsettur jissodisfa l-kriterji stabbiliti fil-paragrafi 14 sa 17 tal-Artikolu 10a ta’ dik id-Direttiva, wara bidla li tħalli impatt sostanzjali fuq l-attivitajiet tas-settur jew is-subsettur.

(4)

Sabiex jiġu ddeterminati s-setturi jew subsetturi meqjusa li huma esposti għal riskju sinifikanti ta’ rilaxx tal-karbonju, il-Kummissjoni għandha tevalwa, fuq il-livell tal-Unjoni, safejn huwa possibbli għas-settur jew subsettur ikkonċernat, fuq il-livell rilevanti ta’ diżaggregazzjoni, li dan jgħaddi l-ispiża diretta tal-kwoti meħtieġa u l-ispejjeż indiretti minħabba prezzijiet ogħla tal-elettriku li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tad-Direttiva 2003/87/KE, lill-prezzijiet tal-prodott, mingħajr telf sinifikanti għas-sehem mis-suq favur installazzjonijiet anqas effiċjenti fl-użu tal-karbonju barra l-Unjoni. Dawk l-evalwazzjonijiet għandhom ikunu bbażati fuq prezz medju tal-karbonju skont il-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni li takkumpanja l-pakkett ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni għall-għanijiet tal-Unjoni dwar it-tibdil fil-klima u l-enerġija li tiġġedded għall-2020 u, jekk tkun disponibbli, skont dejta dwar il-kummerċ, il-produzzjoni u l-valur miżjud għall-iktar tliet snin reċenti għal kull settur jew subsettur.

(5)

Xi setturi jew subsetturi bħall-manifattura tal-briks u l-madum tal-bejt li ma kinux ġew analizzati kompletament minħabba n-nuqqas ta’ ħin u l-kwalità u disponibbiltà limitati tad-dejta, ma kinux miżjuda mal-lista ppubblikata fl-Anness għad-Deċiżjoni 2010/2/UE.

(6)

Is-settur tal-“Manifattura tal-briks, madum u prodotti tal-kostruzzjoni magħmula mit-tafal moħmi” (kodiċi NACE 2640) ġie vvalutat mill-ġdid fl-2010. Dik l-istima kwalitattiva wriet karatteristiċi tas-suq li joffru sfida, bħall-kummerċ dejjem jikber, b’mod partikolari x-xejra dejjem tiżdied ta’ importazzjonijiet minn pajjiżi li jimmanifatturaw bi prezz baxx, żieda fil-pressjoni tal-kompetizzjoni fuq livell internazzjonali, sehem importanti mill-produzzjoni fl-Unjoni li ġej mill-SMEs, u marġni tal-profitt żgħir biss għas-snin evalwati meta mqabbel mal-ispiża addizzjonali tas-CO2, li jillimitaw il-kapaċità tal-installazzjonijiet li jinvestu u jnaqqsu l-emissjonijiet. Abbażi tal-impatt ikkombinat ta’ dawk il-fatturi, is-settur għandu jitqies bħala espost għal riskju sinifikanti ta’ rilaxx tal-karbonju.

(7)

Barra minn hekk, intwera li s-settur tal-“Produzzjoni tal-melħ” (kodiċi NACE 1440) jissodisfa l-kriterji kwantitattivi stabbiliti fl-Artikolu 10a(14) sa (17) tad-Direttiva 2003/87/KE wara identifikazzjoni ta’ installazzjonijiet addizzjonali mis-settur fir-Reġistru Komunitarju Indipendenti tat-Tranżazzjonijiet (CITL) li kien użat bħala s-sors prinċipali biex jiġu kkalkulati l-ispejjeż diretti tal-kwoti. Għalhekk dak is-settur għandu jiżdied mal-lista ta’ setturi jew subsetturi meqjusa li huma esposti għal riskju sinifikanti ta’ rilaxx tal-karbonju. L-identifikazzjoni tal-installazzjonijiet fis-CITL bħala li jappartjenu lil dak is-settur ma tħalli l-ebda impatt fuq l-istatus ta’ setturi jew subsetturi oħrajn f’termini ta’ riskju sinifikanti ta’ tnixxija ta’ karbonju.

(8)

Xi setturi li ma nstabx li huma esposti għal riskju sinifikanti ta’ rilaxx tal-karbonju fuq livell NACE-4 fid-Deċiżjoni 2010/2/UE ġew diżaggregati u għadd ta’ subsetturi korrispondenti, li għalihom ċertu karatteristiċi distintivi speċifiċi wasslu għal impatt differenti b’mod sinifikanti mill-bqija tas-settur, ġew ivvalutati. Fejn din il-valutazzjoni twassal għall-konklużjoni li s-setturi jew subsetturi jistgħu jkunu distinti b’mod ċar minn setturi u subsetturi oħrajn abbażi tal-karatteristiċi speċifiċi kif ukoll jissodisfaw il-kriterji kwantitattivi stabbiliti fl-Artikolu 10a(15) jew (16) tad-Direttiva 2003/87/KE, dawn jistgħu jkunu miżjuda mal-lista tal-prodotti meqjusa li huma esposti għal riskju sinifikanti ta’ rilaxx tal-karbonju. Is-setturi “Pejst tal-kawkaw (eskluż dak li jħaddan iz-zokkor miżjud jew ingredjent ħelu ieħor)”, “Butir, xaħam u żejt tal-kawkaw” u “Trab tal-kawkaw, mingħajr zokkor miżjud jew ħelu ieħor” għandhom għaldaqstant jiżdiedu mal-lista.

(9)

Hekk kif twettqet l-analiżi l-oħra mitluba fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2010/2/UE, dak il-paragrafu għandu jitħassar. Il-Kummissjoni ma sabet l-ebda evidenza tal-intensità meħtieġa tal-kummerċ li tiġġustifika l-inklużjoni tas-setturi kkonċernati fil-lista tas-setturi u subsetturi meqjusa li huma esposti għal riskju sinifikanti ta’ rilaxx tal-karbonju.

(10)

Id-Deċiżjonijiet 2010/2/UE u 2011/278/UE għandhom għalhekk jiġu emendati skont dan.

(11)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Emendi għad-Deċiżjoni 2010/2/UE

Id-Deċiżjoni 2010/2/UE hija emendata kif ġej:

1.

Fl-Artikolu 1, għandu jitħassar it-tieni paragrafu.

2.

L-Anness għad-Deċiżjoni 2010/2/UE huwa emendat skont l-Anness I għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Emendi għal Anness I għad-Deċiżjoni 2011/278/UE

L-Anness I għad-Deċiżjoni 2011/278/UE huwa emendat skont l-Anness II għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Novembru 2011.

Għall-Kummissjoni

Connie HEDEGAARD

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32.

(2)  ĠU L 1, 5.1.2010, p. 10.

(3)  ĠU L 130, 17.5.2011, p. 1.


ANNESS I

L-Anness għad-Deċiżjoni 2010/2/UE hu emendat kif ġej:

1.

Fis-Sezzjoni 1.2, għandu jiddaħħal dan li ġej fit-tabella:

Il-kodiċi NACE

Deskrizzjoni

“1440

Produzzjoni tal-melħ”

2.

Il-Paragrafu sezzjoni 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

L-intestatura hija sostitwita b’dan li ġej:

“LIL HINN MIL-LIVELL NACE-4 IBBAŻAT FUQ IL-KRITERJI KWANTITATTIVI STIPULATI FIL-PARAGRAFU 15 JEW 16 TAL-ARTIKOLU 10A TAD-DIRETTIVA 2003/87/KE”

(b)

Għandhom isiru dawn iż-żidiet li jmiss wara “155154”:

Il-kodiċi Prodcom

Deskrizzjoni

“15841100

Pejst tal-kawkaw (eskluż dak li jħaddan iz-zokkor miżjud jew ingredjent ħelu ieħor)

15841200

Butir, xaħam u żejt tal-kawkaw

15841300

Trab tal-kawkaw, mingħajr zokkor miżjud jew ingredjenti ħelwin miżjuda”;

3.

Fis-Sezzjoni 3, dan li ġej għandu jiddaħħal wara 2416:

Il-kodiċi NACE

Deskrizzjoni

“2640

Manifattura tal-briks, madum u prodotti tal-kostruzzjoni magħmula mit-tafal moħmi”


ANNESS II

Fl-Anness I għad-Deċiżjoni 2011/278/UE, iż-żidiet li jikkorrispondu mal-parametri referenzjarji tal-prodott “Briks tal-Faċċata”, “Pavimentar” u “Madum tal-bejt” jinbidlu b’dan li ġej:

Parametru referenzjarju ta’ prodott

Definizzjoni tal-prodotti koperti

Definizzjoni tal-proċessi u l-emissjonijiet koperti (konfini tas-sistema)

Espożizzjoni tat-tnixxija tal-karbonju kif stabbilita mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/2/UE għas-snin 2013 u 2014

Valur tal-parametru referenzjarju

(kwoti/t)

“Briks tal-faċċata

Briks tal-faċċata b’densità > 1 000  kg/m3 użati għal xogħol tal-ġebel ibbażat fuq EN 771-1, bl-esklużjoni tal-briks għall-ippavimentar, briks tal-gagazza u briks tal-faċċata bbrejżjati blu.

Il-proċessi kollha relatati direttament jew indirettament mal-proċessi tal-produzzjoni msejħa t-tħejjija tal-materja prima, it-taħlit tal-komponenti, l-iffurmar tal-oġġetti, it-tnixxif tal-oġġetti, il-ħruq tal-oġġetti, l-irfinar tal-prodotti u t-tindif tal-gass mit-tromba taċ-ċumnija huma inklużi.

iva

0,139

Pavimentar

Briks tat-tafal użati għall-kisi tal-art skont EN 1344.

Il-proċessi kollha relatati direttament jew indirettament mal-proċessi tal-produzzjoni msejħa t-tħejjija tal-materja prima, it-taħlit tal-komponenti, l-iffurmar tal-oġġetti, it-tnixxif tal-oġġetti, il-ħruq tal-oġġetti, l-irfinar tal-prodotti u t-tindif tal-gass mit-tromba taċ-ċumnija huma inklużi.

iva

0,192

Madum tal-bejt

Madum tal-bejt tat-tafal kif iddefinit f’EN 1304:2005 bl-esklużjoni tal-madum tal-bejt ibbrejżjati blu u l-aċċessorji.

Il-proċessi kollha relatati direttament jew indirettament mal-proċessi tal-produzzjoni msejħa t-tħejjija tal-materja prima, it-taħlit tal-komponenti, l-iffurmar tal-oġġetti, it-tnixxif tal-oġġetti, il-ħruq tal-oġġetti, l-irfinar tal-prodotti u t-tindif tal-gass mit-tromba taċ-ċumnija huma inklużi.

iva

0,144 ”


Top