Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0676

    2011/676/: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 20 April 2011 dwar l-għajnuna allegata favur l-impriża trèves Nru C 4/10 (ex NN 64/09) Implimentata mir-Repubblika Franċiża (notifikata bid-dokument numru C(2011) 2585) Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 274, 19.10.2011, p. 1–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/676/oj

    19.10.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 274/1


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tal-20 April 2011

    dwar l-għajnuna allegata favur l-impriża trèves Nru C 4/10 (ex NN 64/09) Implimentata mir-Repubblika Franċiża

    (notifikata bid-dokument numru C(2011) 2585)

    (It-test bil-Franċiż biss huwa awtentiku)

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    (2011/676/UE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

    Wara li sejħet lill-partijiet interessati biex jippreżentaw il-kummenti tagħhom skont l-imsemmija Artikoli (1) u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,

    Billi:

    I.   PROĊEDURA

    (1)

    Permezz ta’ numru ta’ artikli li dehru fl-istampa matul ir-Rebbiegħa 2009, il-Kummissjoni ġiet infurmata li l-impriża Trèves kienet ser tibbenifika minn investiment li jammonta għal EUR 55 miljun mill-Fond ta’ Modernizzazzjoni tal-Fornituri tal-Komponenti tal-Karozzi (Fonds de Modernisation des Equipementiers Automobiles, iktar 'il quddiem “FMEA”). Permezz tal-ittri tal-5 ta’ Mejju 2009, tal-11 ta’ Ġunju 2009, tal-10 ta’ Lulju 2009 u tal-4 ta’ Novembru 2009, il-Kummissjoni bagħtet lill-awtoritajiet Franċiżi talbiet għal informazzjoni f'dan ir-rigward. L-imsemmija awtoritajiet wieġbu għal dawn it-talbiet permezz ta’ ittri (jew b'posta elettronika) tal-5 ta’ Ġunju 2009, tat-23 ta’ Ġunju 2009, tat-18 ta’ Awwissu 2009, tat-18 ta’ Novembru 2009 u tat-23 ta’ Diċembru 2009.

    (2)

    Barra minn hekk, saret laqgħa fuq talba tal-awtoritajiet Franċiżi fil-bini tal-Kummissjoni fit-8 ta’ Jannar 2010. Wara din il-laqgħa, l-awtoritajiet Franċiżi ppreżentaw informazzjoni addizzjonali permezz ta’ posta elettronika tal-15 ta’ Jannar.

    (3)

    Permezz tal-ittra tad-29 ta’ Jannar 2010, il-Kummissjoni infurmat lil Franza bid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura stipulata fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (iktar 'il quddiem it-“TFUE”) fir-rigward tal-investiment tal-FMEA kif ukoll fir-rigward tal-pjan ta’ skedar ta’ dejn fiskali u soċjali (imsejjaħ ukoll il-“pjan għal moratorium”), mogħti lil Trèves mill-amministrazzjoni Franċiża. Franza kkomunikat il-kummenti tagħha fir-rigward tal-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali fil-25 ta’ Marzu 2010.

    (4)

    Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ proċeduri ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (2). Il-Kummissjoni talbet lill-partijiet interessati sabiex iressqu l-kummenti tagħhom dwar il-miżura.

    (5)

    Il-Kummissjoni rċeviet osservazzjonijiet dwar dan is-suġġett mill-partijiet interessati li huma: ir-Repubblika Taljana, l-impriża Trèves, il-Grupp Peugeot Citroën, il-Grupp Renault, kompetitur ta’ Trèves li xtaq jibqa' anonimu u l-FMEA (3). Il-Kummissjoni bagħtet il-kummenti tagħha lil Franza u tatha l-possibbiltà li tikkummenta dwarhom, u rċeviet il-kummenti tagħha permezz tal-ittra tal-5 ta’ Ottubru 2010. Saret ukoll laqgħa mal-awtoritajiet Franċiżi fit-18 ta’ Novembru 2010. Fl-aħħarnett, intbagħtet informazzjoni addizzjonali lill-Kummissjoni permezz ta’ posta elettronika tal-21 ta’ Diċembru 2010 u tat-22 ta’ Frar 2011.

    II.   DESKRIZZJONI TAL-MIŻURI LI QED JIĠU EŻAMINATI

    (6)

    Qabel ma nipproċedu bid-deskrizzjoni tal-miżuri li qed jiġu eżaminati, għandu jiġi deskritt il-Fond ta’ Investiment Strateġiku (Fonds Stratégique d'Investissement, iktar 'il quddiem l-“FSI”), l-FMEA, CDC Enterprises, kumpanija ta’ ġestjoni tal-FMEA (punt II.1) kif ukoll l-impriża Trèves u l-miżuri li ttieħdu fil-konfront tagħha (punt II.2 hawn taħt). Fl-aħħarnett, ir-raġunijiet li wasslu għall-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward tal-investiment tal-FMEA u għal pjan ta’ skedar ta’ dejn fiskali u soċjali, se jiġu analizzati (punt II.3 imsemmi hawn taħt).

    II.I.   FSI, FMEA, CDC Enterprises.

    (7)

    Minħabba l-kriżi li bdiet fl-2008, Franza għamlet użu mill-Fond ta’ Investiment Strateġiku (iktar 'il quddiem “FSI”) sabiex tkun tista' tagħti appoġġ lill-ekonomija tagħha. Ftit wara, l-FSI, bi sħubija mal-Grupp PSA Peugeot Citroën (iktar 'il quddiem “PSA”) u l-Grupp Renault (iktar 'il quddiem “Renault”), ħolqu l-FMEA. Waqt li l-għan tal-FSI huwa li jintervjeni f'kull tip ta’ impriża ikun liema jkun is-settur ekonomiku kkonċernat, l-FMEA jintervjeni biss favur fornituri tal-komponenti tal-karozzi.

    FSI

    (8)

    Il-Fond ta’ Investiment Strateġiku huwa fond ta’ EUR 20 biljun li l-Gvern Franċiż ħoloq f'Diċembru 2008 sabiex iwieġeb għall-bżonnijiet ta’ kapital ta’ impriżi li għandhom prospetti tajbin ta’ tkabbir u kompetittività għall-ekonomija Franċiża

    (9)

    L-FSI huwa 49 % proprjetà tal-Gvern Franċiż u 51 % proprjetà tal-Caisse des Dépôts et Consignation (iktar 'il quddiem “CDC”). Is-CDC “u s-sussidjarji tagħha jikkostitwixxu grupp pubbliku għas-servizz tal-interess ġenerali u għall-iżvilupp ekonomiku” ta’ Franza (4), u d-diretturi tagħha huma maħturin permezz ta’ digriet.

    (10)

    Il-Bord ta’ Tmexxija tal-FSI huwa ppresedut mid-Direttur Ġenerali ta’ CDC u huwa kompost, barra mill-president, minn sitt amministraturi fosthom rappreżentant ta’ CDC, tnejn jirrappreżentaw lill-Istat (id-Direttur Ġenerali tal-ishma tal-Istat u d-Direttur Ġenerali tal-impriżi) u t-tlieta l-oħra jirrappreżentaw l-interessi tal-impriżi (id-Diretturi tal-impriżi SCOR, Essilor u Artémis).

    FMEA

    (11)

    Il-FMEA huwa fond komuni ta’ kapital ta’ riskju li l-għan tiegħu huwa li jippromwovi l-iżvilupp ta’ fornituri tal-komponenti tal-karozzi kompetittivi u li huma kapaċi li joffru lill-klijenti tagħhom kapaċità ta’ riċerka u żvilupp u segwitu internazzjonali aktar qawwi. Dan il-Fond ikopri investimenti b'ammont massimu ta’ EUR 60 miljun, għall-benefiċċju esklussiv tal-membri tiegħu, waħdu jew flimkien ma’ investituri privati jew fondi privati oħra.

    (12)

    Il-ħolqien tal-FMEA (fil-25 ta’ Marzu 2009) jinkwadra fil-qafas tal-pjan ta’ appoġġ lis-sussidjarji tal-karozzi, imħabbar mill-President tar-Repubblika Franċiża fl-4 ta’ Diċembru 2008. Għandu EUR 600 miljun provenjenti mill-FSI (EUR 200 miljun), mill-PSA (EUR 200 miljun) u minn Renault (EUR 200 miljun).

    (13)

    Il-ġestjoni tal-FMEA ssir minn CDC Entreprises, kumpanija sussidjarja ta’ CDC. Id-deċiżjonijiet dwar l-investimenti għalhekk jittieħdu minn CDC Enterprises.

    (14)

    Il-FMEA għandu Kumitat tal-Għażla u Kumitat tal-Investimenti inkarigati mit-tħejjija ta’ dossiers qabel ma jsir investiment mill-kumpanija maniġerjali CDC Enterprises. Dawn it-tliet investituri huma preżenti bl-istess numru f'dawn il-kumitati: PSA, Renault u l-FSI.

    (15)

    Skont ir-regoli organizzattivi tal-FMEA, il-Kumitat tal-Għażla jrid jiġi kkonsultat mill-kumpanija maniġerjali dwar in-natura strateġika tal-proġetti ta’ investiment. Dawn l-opinjonijiet konsultattivi ma jorbtux lill-kumpanija maniġerjali. Dawn jiġu adottati b'maġġoranza ta’ żewġ terzi.

    (16)

    Il-Kumitat ta’ Investiment irid jiġi kkonsultat qabel kull investiment jew irtirar ta’ investiment li jsir u dwar kull deroga mill-kriterji u r-regolamenti tal-politika ta’ investiment. Meta jieħu deċiżjoni dwar proġett ta’ investiment jew irtirar ta’ investiment, l-opinjonijiet tiegħu jiġu adottati wkoll b'maġġoranza ta’ żewġ terzi u ma jorbtux lill-kumpanija maniġerjali. Għaldaqstant, f'każ ta’ vot negattiv minn wieħed mit-tliet investituri, l-opinjoni mogħtija titqies bħala waħda negattiva. F'dan il-każ, il-proġett ta’ investiment jew ta’ irtirar ta’ investiment jintbagħat lill-Kumitat tal-Għażla.

    CDC Enterprises

    (17)

    CDC Enterprises hija protagonista ewlenija fil-qasam tal-kapital ta’ investiment fi Franza. Hija obbligata li tirrispetta r-regolamenti kollha maħruġa mill-Awtorità tas-Swieq Finanzjarji fir-rigward tal-ġestjoni għall-kont ta’ terzi, b'mod partikolari r-regolamenti li għandhom x'jaqsmu mal-indipendenza fir-rigward tal-għażla ta’ investimenti u l-prevenzjoni tal-kunflitti ta’ interess. CDC Enterprises tiġġestixxi fost affarijiet oħra l-investimenti tal-FSI fl-SMEs mhux elenkati, kif ukoll investimenti f'isem CDC u investituri oħra.

    (18)

    CDC Enterprises hija sussidjarja ta’ CDC, li għandha 100 % tal-ishma tagħha. Il-President u d-Direttur Ġenerali ta’ CDC Enterprises huma magħzula mill-Bord tad-Diretturi, li l-membri tiegħu huma magħżula minn CDC.

    (19)

    CDC Enterprises ikkonkludiet flimkien mal-FSI ftehim dwar għajnuna u pariri, li permezz tiegħu grupp speċjalizzat tal-FSI jassisti lil CDC Enterprises fl-għażla preliminari tal-proġetti ta’ investiment (fosthom studji ta’ fattibbiltà u ta’ valutazzjoni tar-riskji, u studji u għajnuna dwar l-implimentazzjoni ta’ dawn l-interventi) u l-monitoraġġ tal-investimenti li jsiru.

    (20)

    Minħabba l-organizzazzjoni u l-funzjonament tal-kumitati tal-FMEA, CDC Enterprises għandha biss l-awtorità li torbot lill-FMEA. Id-deċiżjonijiet tal-kumitati ma jorbtux lill-kumpanija maniġerjali (b'eċċezzjoni tad-derogi għall-kriterji u regolamenti tal-politika ta’ investiment u tal-ġestjoni ta’ kunflitti ta’ interess, ipoteżijiet li mhumiex pertinenti fil-każ preżenti). L-awtoritajiet Franċiżi ppreċiżaw illi, sa din il-ġurnata, CDC Enterprises qatt ma ħasset il-ħtieġa li tmur kontra l-opinjonijiet tal-kumitati dwar investimenti.

    (21)

    Il-grafika numru 1 murija hawn taħt turi r-rabtiet bejn l-Istat Franċiż, CDC, CDC Enterprises, FSI, FMEA, PSA u Renault.

    Grafika 1

    Ir-rabtiet bejn l-Istat Franċiż, CDC, CDC Entreprises, FSI, FMEA, PSA u Renault

    Image

    II.2   L-impriża Trèves u l-miżuri li ttieħdu fil-konfront tagħha

    (22)

    L-impriża Trèves hija impriża speċjalizzata fl-elementi li jiffurmaw il-parti ta’ ġewwa ta’ vetturi bil-mutur. Trèves kienet timpjega madwar 6 500 persuna qabel l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturar li jinsab għaddej (il-pjan ta’ ristrutturar jolqot lil 1 300 persuna). Hija organizzata madwar tliet attivitajiet: akustiċi (5), sits u komponenti, u tessuti. L-impriża kellha 9 fabbriki (2 illum ingħalqu) u tinsab f'14-il pajjiż (fosthom Spanja, ir-Renju Unit, il-Portugall, is-Slovenja u r-Repubblika Ċeka). Hija taqla 40 % tal-fatturat tagħha fi Franza. Il-klijenti ewlenin tagħha huma Renault, Peugeot SA, Volkswagen, Nissan u Toyota.

    (23)

    Ftit qabel ma faqqgħet il-kriżi tal-2008, Trèves bdiet taħsad il-benefiċċji tal-ewwel pjan ta’ ristrutturar introdott fl-2005 li kien jimmira li jnaqqas l-impjeati u jirrazzjonalizza l-kapaċità tal-produzzjoni. Meta nqalgħet il-kriżi, Trèves iddeċidiet li timmodifika u tapprofondixxi l-pjan tagħha ta’ ristrutturar u riedet tidħol f'diskussjonijiet mal-kredituri fil-kuntest ta’ proċedura ta’ konċiljazzjoni (6).

    (24)

    Protokoll ta’ Konċiljazzjoni b'hekk ġie konkluż fil-25 ta’ Mejju 2009 bejn l-azzjonist ta’ Trèves (il-kumpanija holding “Severt”, l-unika azzjonista), il-kumpanniji tal-Grupp Trèves, il-kredituri (jiġifieri l-banek) u l-FMEA. Dan il-Protokoll huwa bbażat fuq l-implimentazzjoni ta’ pjan ta’ ristrutturar (dan il-pjan huwa spjegat fit-Taqsima V.1.1.).

    (25)

    Il-finanzjament tal-pjan ta’ ristrutturar kien stmat li jilħaq [EUR 110-140] (*) miljun. F'dan ir-rigward, id-diversi partijiet assumew l-impenji msemmija fil-Protokoll tal-25 ta’ Mejju 2009.

    Kontribuzzjoni tal-impriża, tal-banek tagħha u tal-klijenti tagħha

    (26)

    Il-produtturi Peugeot u Renault intrabtu li jikkontribwixxu EUR 33,3 miljun fil-kuntest tal-finanzjament […].

    (27)

    Il-Grupp Trèves intrabat li jagħmel l-aħjar sforzi tiegħu sabiex matul is-sena 2009 jiġġenera somma ekwivalenti għal [5-20] tal-bżonnijiet tal-likwidità, ekwivalenti għal [EUR 5-30] miljun.

    (28)

    Kreditu bankarju ġdid ta’ [EUR 10-30] miljun ingħata mill-banek. Barra minn hekk, il-banek aċċettaw li jagħtu self ta’ konsolidazzjoni f'ammont ta’ [EUR 30-60] miljun bil-għan li jiġi rrimborsat il-kreditu għal żmien qasir ([0-20] miljun) u l-kreditu għal żmien medju ([30-40] miljun) eżistenti. Il-kreditu l-ġdid u s-self għall-konsolidazzjoni għandu jiġi rimbursat kollu sa […] 2014.

    Kontribuzzjoni tal-FMEA u kontribuzzjoni pubblikapublique

    (29)

    Il-FMEA ta appoġġ ta’ EUR 55 miljun lill-impriża. Minn din is-somma, [EUR 40-50] miljun ingħataw fil-forma ta’ titli ta’ dejn li jagħtu aċċess għall-kapital (i.e.“ORAPA” jew obbligazzjonijiet rimborsabbli f'azzjonijiet ta’ parità aġġustabbli), titli ta’ rimunerazzjoni permezz ta’ primjum fiss ta’ [> 8] %. B'mod parallel, ingħata kontribut ta’ [EUR 5-15] miljun permezz ta’ żieda fil-kapital (ħruġ ta’ ishma ordinarji ġodda), biex b'hekk l-FMEA kisbet sehem ta’ [< 50] fil-kapital ta’ Trèves.

    (30)

    Il-kredituri pubbliċi kkonċedew pjan ta’ saldu fiskali u soċjali ta’ EUR 18,4 miljun […]. Dan il-pjan jikkonsisti fl-iskedar mill-ġdid tad-dejn fiskali u soċjali ta’ Trèves, flimkien mal-ħlas ta’ multi u mgħaxijiet minħabba ħlas tardiv.

    II. 3   Raġunijiet li waslu għall-ftuħ tal-proċedura

    (31)

    Il-finanzjament tal-pjan ta’ ristrutturar ta’ Trèves huwa bbażat fuq l-għoti ta’ fondi ġodda għal total ta’ [EUR 100-120] miljun (din is-somma ma tinkludix is-self tal-konsolidazzjoni). Fuq din is-somma, 55 miljun huma mogħtija mill-FMEA. Ma' din jiżdied il-pjan ta’ saldu tad-djun fiskali u soċjali għal ammont ta’ 18,4 miljun. Fid-deċiżjoni tagħha ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni esprimiet id-dubji tagħha fir-rigward tal-kwalifikazzjoni ta’ dawn l-aħħar żewġ miżuri bħala għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

    (32)

    Rigward l-investiment tal-FMEA, il-Kummissjoni tirrileva li bosta elementi donnhom jindikaw li dan l-investiment għandu oriġini statali. Prima facie, dan l-investiment jidher li sar mir-riżorsi tal-Istat u li kien imputabbli lill-Istat (7). Id-dubji tal-Kummissjoni huma bbażati primarjament fuq l-osservazzjoni tal-funzjonament tal-FSI, tal-FMEA u ta’ CDC Enterprises kif imsemmi aktar 'il fuq.

    (33)

    Sussegwentement, il-Kummissjoni tesprimi d-dubji tagħha dwar jekk l-investiment inkwistjoni jirrispettax il-kriterju tal-investitur privat f'ekonomija tas-suq. B'mod partikolari, il-Kummissjoni ma setgħetx tistabbilixxi b'ċertezza, fid-dawl tas-sitwazzjoni kemm tas-settur awtomobilistiku kif ukoll tal-impriża li ltaqgħet ma’ ċerti diffikulatjiet finanzjarji (8), fl-ewwel lok, li l-ipoteżi tal-pjan ta ' ristrutturar kien kredibbli, realistiku u prudenti, fit-tieni lok, li l-valutazzjoni ta’ Trèves qabel l-investiment kienet prudenti u, fit-tielet lok, li l-perspettiva tar-rata ta’ profitabbiltà interna (iktar 'il quddiem “RPI”) ta’ [> 12 %] (9) għandha titqies bħala bizzejjed fir-rigward tar-riskju li assuma l-FMEA.

    (34)

    Fir-rigward tal-pjan ta’ saldu tad-djun fiskali u soċjali, il-Kummssjoni ssaqsi jekk l-aġir tal-Amministrazzjoni Franċiża jistax jiġi mqabbel ma’ dak ta’ kreditur privat li jitqiegħed fl-istess sitwazzjoni li jipprova jirkupra somom ta’ flus li huma dovuti lilu. Il-Kummissjoni ma kellhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi kollha li setgħu jwassluha għall-konklużjoni li l-kredituri pubbliċi kienu, skont il-Protokoll ta’ Konċiljazzjoni tal-25 ta’ Mejju 2009, f'pożizzjoni mill-inqas daqstant favorevoli bħall-kredituri privati ta’ Trèves (i.e. il-banek) li wkoll qablu li jiskedaw il-krediti tagħhom billi jagħtu self ta’ konsolidazzjoni. Il-Kummissjoni għalhekk esprimiet dubju dwar jekk ġiex irrispettat il-prinċipju ta’ kreditur privat f'ekonomija tas-suq permezz tal-pjan ta’ saldu tad-djun fiskali u soċjali.

    (35)

    Fl-aħħarnett, jekk iż-żewġ miżuri hawn fuq imsemmija għandhom jiġu kkwalifikati bħala għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni tindika fid-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura li l-kumpatibbiltà tagħhom għandha tiġi eżaminata fuq il-bażi tal-linji gwida tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturar ta’ impriżi li jinsabu fid-diffikultà (10) (iktar 'il quddiem “il-linji gwida”). Il-Kummissjoni għaldaqstant issostni li, f'dan l-istadju, hija ma tistax tistabbilixxi b'ċertezza li kull kundizzjoni meħtieġa minn dawn il-linji gwida hija sodisfatta.

    III.   KUMMENTI TAL-PARTIJIET INTERESSATI

    Il-Grupp Trèves

    (36)

    Permezz ta’ ittra tat-2 ta’ Lulju 2010, il-Grupp Trèves għadda l-kummenti tiegħu lill-Kummissjoni. Fil-fehma tiegħu, il-modalitajiet u l-kundizzjonijiet tal-investiment tal-FMEA fil-Grupp Trèves u l-applikazzjoni tal-pjan tal-iskedar tad-djun fiskali u soċjali ma jaqax taħt l-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

    (37)

    Fl-ewwel lok, il-Grupp Trèves jargumenta li t-teżi tal-imputabbiltà tal-għajnuna lill-Istat hija mingħajr bażi peress li, permezz tal-FMEA, il-Grupp Trèves għażel li jintrabat ma’ żewġ kostrutturi tal-karozzi fuq skala internazzjonali li jirrapreżentaw [> 50] % mill-fatturat tiegħu. Barra minn hekk, huwa jikkontesta l-analiżi tal-Kummissjoni skont liema l-kumpanija kellha tirrikorri għal riżorsi tal-Istat minħabba li minn naħa waħda, fil-fehma tiegħu, ir-riżorsi tal-FMEA huma provenjenti minn operaturi privati u, min-naħa l-oħra, il-parteċipazzjoni ta’ investituri privati oħrajn fil-finanzjament tal-kumpanija (il-banek) turi li dan kien kapaċi jiffinanzja lilu nnifsu mis-suq.

    (38)

    Fit-tieni lok, il-Grupp Trèves jirrifjuta kategorikament l-analiżi tal-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni ekonomika tal-kumpanija Trèves bejn l-2005 u l-2008. Skont Trèves, il-Kummissjoni qed tfixkel il-kriżi ġenerali tas-settur awtomobilistiku tal-2008 u s-sitwazzjoni individwali tal-kumpanija li esperjenzat progress kontinwu u sostanzjali fil-fatturat tagħha bejn l-1999 ([EUR 500-700] miljun) u l-2004 ([EUR 900-1 100] miljun). Dan il-progress fil-fatt ġie ostakolat mill-kriżi li laqtet lis-settur awtomobilistiku fit-tieni simestru tal-2008. Il-pjan ta’ ristrutturar tal-2005 u l-2009 ma kellux bħala għan li jirrimedja d-diffikultajiet fil-likwidità imma kien jikkonsisti fir-razzjonalizzazzjoni tal-kapaċitajiet tal-produzzjoni tal-kumpanija bil-għan li l-impriża terġa' tirpilja f'kuntest ċikliku diffiċli u mhux sabiex tassikura s-sopravivenza tagħha, kif jirriżulta mill-progress fl-EBITDA (11) ta’ Trèves bejn l-2005 u l-2007 u l-irkupru fir-riżultati tagħha sa mill-2009.

    (39)

    Barra minn hekk, il-Grupp Trèves jikkontesta l-importanza mogħtija mill-Kummissjoni lid-dikjarazzjonijiet tal-Ministru Franċiż tal-Industrija skont liema kieku ma sarx intervent mill-Istat, Trèves kienet tiddikkjara falliment. Dikjarazzjoni politika soġġettiva li ssir f'kuntest ta’ tensjoni soċjali mhijiex rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja reali ta’ impriża.

    (40)

    Bħala konsegwenza, in-natura prudenti tal-investiment tal-FMEA fil-kumpanija Trèves hija inkontestabbli kemm fuq livell kemm finanzjarju kif ukoll industrijali. Il-kumpanija tfakkar li l-FMEA ma kienx l-uniku investitur imma għadd ta’ investituri potenzjali oħrajn urew interess u msieħba privati impenjaw ruħhom flimkien mal-FMEA. Għall-kuntrarju ta’ dak li donnha qed timplika l-Kummissjoni, m'hemm l-ebda kontradizzjoni bejn il-loġika finanzjarja u l-loġika industrijali tal-investiment tal-FMEA. Skont il-Grupp Trèves, il-fatt li kostruttur jkollu sehem f'wieħed mill-fornituri tiegħu bil-għan li tissaħħaħ ir-relazzjoni industrijali tagħhom u li jinkiseb benefiċċju finanzjarju minn dak it-tisħiħ huwa prattika komuni fis-settur awtomobilistiku.

    (41)

    Fit-tielet lok, il-Grupp Trèves jinsisti li ġie rrispettat il-prinċipju tal-investitur prudenti f'ekonomija tas-suq. Fil-fatt, il-kundizzjonijiet tal-investiment mhumiex biss ferm stretti iżda wkoll vantaġġuzi għall-FMEA. Barra minn hekk, il-kumpanija Trèves kellha fl-2008-2009 assi essenzjali li jiżguraw li hija tirritorna malajr għal stat ta’ profitabbiltà (penetrazzjoni u tkabbir fil-pajjiżi emerġenti, diversifikazzjoni tal-portafoll tal-klijenti kostrutturi tagħha, direzzjoni b'saħħitha lejn ir-Riċerka u l-Iżvilupp). B'kunsiderazzjoni ta’ dawn l-assi, il-pjan ta’ ristrutturar industrijali u finanzjarju ta’ Trèves ġie mfassal fuq il-bażi ta’ previzjonijiet prudenti u raġonevoli wara eżami fid-dettal tas-sitwazzjoni tal-impriża. Fl-aħħarnett, ir-riżultati tajbin tal-kumpanija Trèves fil-2009-2010 juri n-natura prudenti tal-investiment.

    (42)

    Il-Grupp Trèves jikkunsidra finalment li jekk l-investiment tal-FMEA jaqa' fl-ambitu tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE, din l-għajnuna hija kumpatibbli mal-linji gwida, għaliex ir-ritorn tal-kumpanija għal stat vijabbli fuq medda ta’ żmien twil huwa ċert, ir-ristrutturar ta’ Trèves ma jwassal għal ebda distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq u jinkludi miżuri ta’ kumpens diġà implimentati parzjalment ([…], it-tnaqqis fil-kapaċità ta’ produzzjoni, it-tnaqqis tal-persunal u finalment il-parti tal-finanzjament tar-ristrutturar ta’ Trèves ta’ oriġini allegatament Statali huwa limitat għall-minimu stress tal-ispejjeż tar-ristrutturar).

    (43)

    Fir-rigward tal-pjan ta’ skedar tad-djun fiskali u soċjali, il-Grupp Trèves iqis l-ewwelnett li dan jirrispetta l-prinċipji tal-kredituri privati f'ekonomija tas-suq. Huwa jsostni wkoll li l-Kummissjoni ma tistax tippreżumi li l-kwalifikazzjoni tal-għajnuna eventwalment mogħtija teskludi l- possibbiltà ta’ pjan ta’ skedar preudenti min-naħa tal-awtoritajiet finanzjarji. Il-pjan ta’ skedar jipprovdi għal penali għal ħlas tardiv, rata ta’ imgħax superjuri għar-rata legali li tista' tintalab minn kreditur privat, ipoteki tal-ewwel grad […] u l-awtoritajiet pubbliċi intervenew fl-istess żmien ma’ kredituri privati

    FMEA

    (44)

    Permezz ta’ ittra datata 22 ta’ Ġunju 2010, l-FMEA ppreżenta l-kummenti tiegħu lill-Kummissjoni. L-FMEA jikkontesta l-kwalifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat tal-investiment tiegħu fil-kumpanija Trèves abbażi tal-awtonomija li għandu fl-għażla tal-investimenti kif ukoll fl-approċċ adottat sabiex jilħaq l-oġġettivi tiegħu.

    (45)

    Il-FMEA jinsisti fuq il-fatt illi huwa jiddetermina l-interventi tiegħu bl-aktar mod liberu. Din l-awtonomija tirriżulta mhux biss mill-istatut tiegħu imma ukoll mit-tmexxija tiegħu. L-FMEA, bħala fond speċjali ta’ investiment ta’ riskju, għandu kumpanija maniġerjali li hija sottoposta għar-regoli ta’ ġestjoni f'isem terzi. L-indipendenza statutorja tal-kumpanija maniġerjali fl-għażla tal-investimenti tagħha, peress illi hija taġixxi fil-funzjoni tal-interess patrimonjali tal-assikuraturi, tikkontribwixxi għall-ħarsien tal-awtonomija tal-FMEA fl-istadju tad-deċiżjoni ta’ investiment. Fir-rigward tal-kumitati konsultattivi tal-FMEA, il-Kumitat tal-Għażla u l-Kumitat ta’ Investiment, id-deċiżjonijiet tagħhom ma jistgħux jittieħdu mingħajr l-approvazzjoni ta’ wieħed miż-żewġ kostrutturi. Sallum, il-kumpanija maniġerjali, CDC Enterprises, qatt ma biddlet id-deċiżjonijiet meħudha mill-kumitati. Bħala konsegwenza, l-influwenza tal-investituri privati, jiġifieri Renault u Peugeot, huma deċiżivi fl-għażla u d-definizzjoni tal-investiment.

    (46)

    Barra minn hekk, l-investiment tal-FMEA fil-kumpanija Trèves juri l-politika ta’ investiment tal-FMEA li tiffavorixxi l-impriżi b'kapaċità innovattiva b'saħħitha u dawk l-impriżi b'potenzjal qawwi ta’ tkabbir u ta’ profitabbiltà fis-sussidjarji tal-industrija tal-fornituri tal-komponenti tal-karozzi. Il-kumpanija Trèves hija manfiattur Ewropew tat-tagħmir għall-karozzi tal-ogħla kalibru li kienet tinteressa wkoll […] lil fondi privati oħrajn. It-titjib nett fir-riżultati tal-kumpanija sa mill-2010 juri r-realtà u l-pertinenza tal-pjan ta’ ristrutturar ippreżentat minn Trèves. Id-diffikultajiet temporanji tal-kumpanija minħabba l-kriżi ekonomika u finanzjarja ppermettew lill-FMEA li jinnegozja investiment b'kundizzjonijiet protettivi ħafna.

    (47)

    Il-FMEA konsegwentement jikkunsidra li l-investiment tiegħu ma jistax jiġi kkwalifikat bħala għajnuna mill-Istat.

    Il-Grupp Renault

    (48)

    Permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Lulju 2010, Renault ikkomunikat il-kummenti tagħha lill-Kummissjoni. Hija tikkontesta qabel xejn l-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni skont liema s-sottoskrizzjoni mal-FMEA kienet marbuta mas-self li l-Istat taha f'April 2009. Il-kumpanija tfakkar li matul il-ħolqien tal-fond fl-20 ta’ Jannar 2009 (12), hija ma kellha l-ebda informazzjoni dwar il-possibbiltà ta’ self fil-futur mill-Istat lill-kostrutturi. L-għan tas-self li ngħata f'April 2009 kien li jiffinanzja l-bżonnijiet ġenerali tal-impriża minħabba tnaqqis fis-swieq finanzjarji matul ir-raba' trimestru tal-2008 u tal-ewwel trimestru tal-2009.

    (49)

    Barra minn hekk, is-sottoskrizzjoni ta’ Renault mal-FMEA kienet iġġustifikata għal raġunijiet ekonomiċi, industrijali u finanzjarji: huwa fil-fatt strateġikament u finanzjarjament indispensabbli għal Renault li tikkonsolida l-forniment tagħha b'mod perpetwu billi tistrieħ fuq fornituri b'saħħithom u kompetittivi filwaqt li jkollha aspettattivi ta’ qligħ fuq l-investiment finanzjarju. L-FMEA b'hekk jippermetti lil Renault li tinvesti f'impriżi essenzjali għas-settur, bħall-kumpanija Trèves li tibqa' fornitur essenzjali għall-industrija Ewropea tal-karozzi. Bħala konsegwenza, l-interventi tal-FMEA jsegwu l-istess approċċ bħal dak ta’ Renault, li hija wkoll investitur prudenti f'ekonomija tas-suq.

    (50)

    Fl-aħħarnett, il-kumpanija Renault taqbel mingħajr riżerva mal-kummenti li l-FMEA ppreżenta b'risposta għad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura formali mill-Kummissjoni, dwar ir-rwol tagħha fit-tmexxija tal-FMEA, fuq il-mod ta’ funzjonament ta’ dan tal-aħħar, fuq l-awtonomija tiegħu u dwar dik tal-kumpanija maniġerjali tiegħu fir-rigward tal-awtoritajiet pubbliċi.

    Il-Grupp Peugeot

    (51)

    Permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Lulju 2010, PSA ikkomunikat il-kummenti tagħha lill-Kummissjoni. Skont PSA, l-investiment tal-FMEA fil-kumpanija Trèves mhuwiex biss profitabbli imma jolqot ukoll l-interessi ekonomiċi u strateġiċi tiegħu.

    (52)

    Il-parteċipazzjoni tal-PSA fl-FMEA tirriżulta mir-rieda komuni tal-kostrutturi u tal-fond li jinvestu f'impriżi strateġiċi u b'kapaċità innovattiva b'saħħitha, kapaċi li tassigura l-forniment u li tikkonsolida bl-aħjar mod is-sussidjarji tal-fornituri tal-komponenti tal-karozzi. Barra minn hekk, PSA tistma li l-investiment tal-FMEA ikopri jissodisfa l-eżiġenzi tagħha ta’ redditu fir-rigward tar-riskju meħud.

    (53)

    Fl-aħħarnett, PSA tinsisti dwar in-nuqqas ta’ kundizzjonalità bejn id-deċiżjoni tagħha li tipparteċipa fl-FMEA u l-konklużjoni ta’ ftehim ta’ self ta’ EUR 3 biljun bejn l-Istat Franċiż u l-kostrutturi, f'Marzu tal-2009.

    Kompetitur ta’ Trèves

    (54)

    Permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Ġunju 2010, kompetitur ta’ Trèves, li xtaq jibqa' anonimu, ikkomunika l-kummenti tiegħu lill-Kummissjoni. Dan jaqbel mal-analiżi tal-Kummissjoni mogħtija fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura tad-29 ta’ Jannar 2010. Huwa jikkunsidra fil-fatt li l-kumpanija Trèves kienet taf bid-diffikultajiet ekonomiċi qabel il-bidu tal-kriżi ekonomika u għalhekk ma tistax tibbenefika minn miżuri taħt qafas komunitarju temporanju. Barra minn hekk, tkun xi tkun is-sitwazzjoni ekonomika ta’ Trèves, l-għajnuna mill-Istat li minnha hija tista' tibbenefika għandha tiġi akkumpanjata minn miżuri ta’ kumpens sostanzjali, minħabba l-effetti negattivi konsiderevoli fuq il-kompetituri. Fil-fatt, għajnuna fejn l-uniku għan huwa li jżomm lil impriża ħajja artifiċjalment f'settur li jkollu kapaċità żejda strutturali għal żmien twil mhijiex ġustifikata. Huwa jsostni illi l-kumpanija Trèves għandħa tiġi mġiegħla tillimita l-preżenza tagħha fis-swieq filwaqt li tbiegħ sussidjarji jew tnaqqas l-attivitajiet tagħha b'mod drastiku u tikkontribwixxi mir-riżorsi tagħha stess għar-ristrutturar

    Ir-Repubblika Taljana

    (55)

    Permezz ta’ ittra datata 15 ta’ Ġunju 2010, il-Ministeru Taljan għall-Iżvilupp Ekonomiku kkomunika l-kummenti tiegħu lill-Kummissjoni. Huwa jaqbel mal-“argumenti” (13) tal-Kummissjoni fuq żewġ punti fundamentali: l-investiment tal-FMEA jikkostitwixxi mingħajr dubju għajnuna mill-Istat minħabba l-preżenza deċiżiva ta’ fondi pubbliċi u din it-tip ta’ għajnuna hija intiża li ssosstni l-impriżi li, qabel it-tieni trimestru 2008, iltaqgħu ma’ diffikultajiet fis-sens tal-linji gwida.

    IV.   KUMMENTI MINN FRANZA

    (56)

    Permezz ta’ ittra datata tal-25 ta’ Marzu 2010, l-awtoritajiet Franċiżi kkomunikaw il-kummenti tagħhom lill-Kummissjoni wara l-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali fid-29 ta’ Jannar 2010.

    (57)

    Fil-fehma tagħhom, il-modalità u l-kundizzjonijiet tal-investiment tal-FMEA fil-kumpanija Trèves ma jaqgħux taħt l-Artikolu 107(1) tat-TFUE peress li l-investiment ma sarx mir-riżorsi tal-Istat iżda minn fondi li l-maġġoranza tagħhom huma privati u mhux imputabbli lill-Istat. Anki jekk ir-riżorsi tal-FMEA jitqiesu bħala riżorsi tal-Istat jew jekk id-deċiżjoni li jsir investiment tiġi imputata lill-Istat, l-awtoritajiet Franċiżi jikkunsidraw li dan l-investiment jippreżenta l-karatteristiċi kollha ta’ investiment preudenti f'ekonomija tas-suq. Barra minn hekk, huma jikkunsidraw ukoll li l-iskedar tad-dejn fiskali u soċjali konċess mill-kredituri pubbliċi jissodisfa l-kriterji tal-kreditur privat li jipprova jirkupra s-somom dovuti lilu.

    (58)

    L-awtoritajiet Franċiżi jsostnu li l-investiment tal-FMEA bl-ebda mod ma jimplika t-trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat fis-sens tal-ġurisprudenza “Stardust Marine” (14). Il-fondi tal-FMEA huma, fir-rigward tal-parti tal-kostrutturi PSA u Renault (2/3), fondi purament privati u fir-rigward tal-parti tal-FSI (1/3), għalkemm għandhom oriġini pubblika, huma fondi li mhumiex taħt il-kontroll permanenti tal-Istat. L-FSI, maħluq skont il-mudell ta’ fond ta’ investiment privat, huwa kkostitwit b'forma ta’ société anonyme f'kompetizzjoni ma’ fondi oħra ta’ investiment privat. Huwa jagħmel investimenti fit-tul fejn l-għan huwa li jinkiseb redditu.

    (59)

    Barra minn hekk, il-kumpanija maniġerjali tal-FMEA, CDC Enterprises, minħabba l-istatut tagħha u l-modalitajiet ta’ funzjonament tagħha, mhijiex taħt il-kontroll tal-awtoritajiet pubbliċi. Minħabba l-istatut tagħha, hija legalment indipendenti minn CDC u tinvesti esklużivament għas-sottoskritturi tagħha, f'kompetizzjoni jew flimkien ma’ investituri privati. CDC Enterprises tieħu ħsieb għalhekk il-fondi tal-FMEA b'indipendenza sħiħa. Fir-rigward tal-investiment fi Trèves, hija segwiet ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitati tal-Għażla u tal-Investiment tal-FMEA mingħajr ebda intervent mill-Istat. Bħala konsegwenza, l-awtoritajiet Franċiżi kkonkludew min-naħa waħda li r-riżorsi investiti mhumiex riżorsi tal-Istat b'tali mod illi mhumiex kontinwament taħt il-kontroll pubbliku u għalhekk għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali, u min-naħa l-oħra, li d-deċiżjoni li jsir investiment mhijiex imputabbli lill-Istat peress li CDC Enterprises taġixxi biss fl-interessi esklużivi tas-sottoskritturi tal-FMEA u b'indipendenza sħiħa.

    (60)

    Fir-rigward tal-konformità tal-investiment tal-FMEA mal-prinċipju tal-investitur prudenti f'ekonomija tas-suq, l-awtoritajiet Franċiżi jfakkru li l-politika ta’ investiment tal-FMEA tiffavorixxi l-proġetti profittabbli u strateġiċi għas-settur awtomobilistiku, ta’ tkabbir qawwi u b'kapaċità ta’ innovazzjoni. Fil-każ ta’ Trèves, l-investiment sar abbażi ta’ Business Plan realistiku u rigoruż li tqies bħala validu minn numru ta’ analisti privati. Il-parteċipazzjoni tal-FMEA fil-kapital ta’ Trèves u s-sottoskrizzjoni ta’ ORAPA kienu ġew mwettqa fl-istess ħin ma’ dawk ta’ investituri oħrajn privati u taħt l-istess kundizzjonijiet (investimenti “pari passu”). Skont l-awtoritajiet Franċiżi, dawn l-elementi huma bizzejjed sabiex jistabbilixxu l-konformità tal-investiment ma’ dak li jiġri s-soltu fis-suq.

    (61)

    Fir-rigward tal-prinċipju tal-kreditur privat f'ekonomija tas-suq, l-awtoritajiet Franċiżi jsostnu li l-pjan ta’ skedar tad-djun soċjali u fiskali mogħti lil Trèves jobdi l-idea li fuqha hija bbażata l-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju, jiġifieri li l-kreditur pubbliku, bħall-kreditur privat, għandu jfittex li jirkupra s-somom dovuti lilu minn debitur li qed ibati minn problemi finanzjarji. L-awtoritajiet Franċiżi jippreċiżaw l-ewwelnett li l-ebda maħfra tad-dejn fiskali u soċjali ma ngħatat lill-Grupp Tr Trèves ves. Huma jikkunsidraw li ż-żewġ elementi fundamentali jippermettu l-evalwazzjoni tal-kriterju tal-kreditur privat, jiġifieri l-preżenza ta’ penali minħabba ħlas tardiv u r-rata ta’ imgħax, li f'dan il-każ huma rispettati. Fil-fatt il-pjan ta’ skedar jipprevedi interessi u penali għal ħlas tardiv, li huma ddefiniti minn qabel fl-Anness tal-ftehim dwar il-pjan tal-iskedar u meħudaf'kunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-ħlasijiet fix-xahar dovuti minn Trèves. Barra minn hekk, b'mod konformi mal-Artikolu 1153 tal-Kodiċi Ċivili li jipprevedi li f'nuqqas ta’ klawsola kuntrattwali, id-dewmien fil-ħlas ta’ somma dovuta lil xi kreditur privat jagħti lok għall-kundanna għall-ħlas ta’ interessi skont ir-rata legali. Din ir-rata kienet ta’ 3,79 % fl-2009, is-sena li matulha ġie stabbilit il-pjan ta’ skedar. L-imgħax annwali fuq it-tul totali tal-pjan ta’ skedar huwa ta’ bejn wieħed u ieħor [5-10] %. Sussidjarjament, l-awtoritajiet Franċiżi jfakkru li fl-istess waqt mal-pjan tal-iskedar tal-obbligi soċjali u fiskali, il-banek li sellfu lill-Grupp Trèves aċċettaw il-pjan ta’ skedar tal-obbligi tagħhom, bl-impimentazzjoni ta’ self ta’ konsolidazzjoni. Il-kredituri privati ta’ Trèves taw ukoll faċilitajiet ta’ pagament sabiex jiżguraw il-ħlas lura tal-kreditu tagħhom.

    (62)

    L-awtoritajiet Franċiżi jsostnu fl-ewwel lok li l-maġġoranza ta’ kummenti riċevuti jikkonfermaw li l-investiment tal-FMEA fil-kumpanija Trèves ma jistax jiġi kkwalifikat bħala għajnuna mill-Istat. Bħala konsegwenza, l-awtoritajiet Franċiżi mhuma ser jagħmlu l-ebda kumment ieħor dwar dawn l-osservazzjonijiet.

    (63)

    Għall-kuntrarju, fir-rigward tal-kummenti ppreżentati mill-awtoritajiet Taljani u mill-kumpanija li xtaqet tibqa' anonima, li jippreżentaw lilhom infushom bħala kompetituri ta’ Trèves, l-awtoritajiet Franċiżi jixtiequ jikkomunikaw il-kummenti li ġejjin lill-Kummissjoni.

    (64)

    L-awtoritajiet Franċiżi jikkonstataw li l-awtoritajiet Taljani sempliċement jaffermaw illi l-investiment tal-FMEA fil-kumpanija Trèves għandu jiġi kkwalifikat bħala għajnuna mill-Istat minħabba “r-rwol deċiżiv” tal-fondi pubbliċi. Din l-istqarrija mhi sostnuta minn ebda prova jew ġustifikazzjoni.

    (65)

    Dejjem skont l-awtoritajiet Franċiżi, il-kumpanija kompetitriċi ta’ Trèves tippreżumi l-istess affarijiet, mingħajr ma tipprova li l-għajnuna mill-Istat hija inkompatibbli mal-linji gwida u mal-qafas temporanju adottat mill-Kummissjoni f'Diċembru 2008 fil-kuntest tal-kriżi ekonomika u finanzjarja. L-elementi li fuqhom tibbaża din il-kumpanija huma jew impreċiżi jew meħudin barra mill-kuntest tagħhom u għalhekk interpretati b'mod żbaljat jew parzjali.

    V.   EVALWAZZJONI TAL-MIZURI INKWISTJONI

    (66)

    Meta l-Kummissjoni teżamina miżura nazzjonali, hija l-ewwel trid teżamina jekk l-imsemmija miżura tistax tiġi kkwalifikata bħala għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE. Ladarba din il-kwalifikazzjoni tiġi stabbilita, il-Kummissjoni tkun imbagħad tista' tevalwa b'liema mod dina l-miżura tista' titqies bħala kumpatibbli mas-suq komuni fuq il-bażi ta’ derogi aċċettati mit-TFUE mill-prinċipju tal-projbizzjoni tal-Għajnuniet tal-Istat. Jekk il-miżura inkwistjoni ma tikkostitwix għajnuna mill-Istat, l-eżami tal-kumpatibbiltà tal-għajnuna jkun irrelevanti.

    V.1.   Evalwazzjoni tal-preżenza ta’ għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE

    (67)

    Skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE “kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern”

    (68)

    Din id-dispożizzjoni ssemmi l-kriterji skont liema miżura nazzjonali tista' tiġi kkwalifikata bħala għajnuna mill-Istat. Kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal-15 ta’ Gunju 2006, dawn il-kriterji huma “l-finanzjament ta’ tali miżura mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, l-eżistenza ta’ vantaġġ għal impriża, is-selettività tal-imsemmija miżura kif ukoll l-effett tagħha fuq il-kummerċ bejn Stati Membri u d-distorsjoni tal-kompetizzjoni li tirriżulta minnha” (15).

    (69)

    Dawn il-kriterji huma kumulattivi u għandhom għalhekk ikunu kollha sodisfatti sabiex miżura titqies bħala għajnuna mill-Istat. Meta l-Kummissjoni jidhrilha li wieħed minn dawn il-kriterji mhuwiex sodisfatt, hija tista' ssostni b'ċertezza li l-miżura inkwistjoni ma tikkostitwix għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

    V.1.I.   L-investiment tal-FMEA ta’ EUR 55 miljun

    (70)

    Fir-rigward tal-investiment tal-FMEA fi Trèves li jammonta għal EUR 55 miljun, għandu jiġi eżaminat fl-ewwel lok jekk il-kriterju tal-vantaġġ huwiex sodisfatt.

    Vantaġġ

    (71)

    Skont ġurisprudenza kostanti (16), kontribuzzjoni ta’ fondi f'impriża ma tikkostitwix għajnuna mill-Istat jekk dik il-kontribuzzjoni tingħata f'ċirkostanzi li jkunu aċċettabbli għal investitur privat li jopera fil-kundizzjonijiet normali ta’ ekonomija tas-suq (“kriterju tal-investitur privat f'ekonomija tas-suq”).

    (72)

    F'dan ir-rigward, jekk wieħed jieħu bħala ipoteżi li l-FMEA jbiegħ is-sehem tiegħu fi Trèves matul l-2012, ir-rata ta’ profitabbiltà inerna (“RPI”) kkalkolata mill-FMEA abbażi tal-investiment tiegħu hija ta’ [> 12 %] fis-sena. Din ir-rata tirrapreżenta l-profitabbiltà, qabel it-taxxa, tal-investiment kollu tal-FMEA, kemm fuq il-kontribuzzjoni tal-kapital ta’ [EUR 5-15] miljun kif ukoll il-kontribuzzjoni fil-forma ta’ titoli ta’ djun li jagħtu aċċess għall-kapital (ORAPA) għall-ammont ta’ [EUR 40-50] miljun.

    (73)

    Konsegwentement, sabiex jiġi evalwat jekk il-kriterju tal-investitur privat f'ekonomija tas-suq hux qed jiġi rrispettat, il-Kummissjoni trid tiddeċiedi dwar il-punti li ġejjin:

    (a)

    il-pjan ta’ ristrutturar ta’ Trèves li abbażi tiegħu l-FMEA ta l-impenn tiegħu huwa kredibbli u realistiku?

    (b)

    il-Grupp Trèves ġie evalwat b'mod adegwat qabel l-investiment ta’ kapital tal-FMEA għall-ammont ta’ [EUR 5-15] miljun?

    (c)

    l-ipoteżijiet tal-pjan ta’ ristrutturar li fuqhom huwa bbażat l-RPI kienu raġonevoli u realistiċi fil-mument meta sar l-investiment tal-FMEA?

    (d)

    RRU ppjanat ta’ [> 12 %] huwa bizzejjed?

    (74)

    Il-Kummissjoni se żżid mar-risposti għall-mistoqsijiet b) u d) konsiderazzjonijiet li jirrigwardaw rispettivament il-kwistjoni tal-istruttura tal-investiment tal-FMEA u l-qsim tal-qligħ kapitali.

    (75)

    Ir-risposti mogħtija għal dawn il-mistoqsijiet se jippermettu lill-Kummissjoni tiddetermina jekk l-FMEA aġixxiex f'kundizzjonijiet simili għal dawk li kien jeżiġi investitur privat fejn l-investiment jinvolvi riskju li jirriżulta kemm mis-sitwazzjoni tas-settur awtomobilistiku fil-mument tal-investiment kif ukoll dik ta’ impriża li kellha ċerti diffikulatajiet finanzjarji.

    Fir-rigward tan-natura kredibbli u realistika tal-pjan ta’ ristrutturar

    (76)

    Kif diġà indikat fil-premessa 23, ftit qabel ma faqqgħet il-kriżi finanzjarja u ekonomika tal-2008, Trèves bdiet taħsad il-benefiċċji tal-ewwel pjan ta’ ristrutturar, li ġie mniedi fl-2005, sabiex tnaqqas l-impjegati u tirrazzjonalizza l-kapaċitajiet ta’ produzzjoni (17). Meta nqalgħet il-kriżi, Trèves ddeċidiet li timmodifika u tapprofondixxi l-pjan ta’ ristrutturar.

    (77)

    Għalhekk, sa mit-tmiem tas-sajf 2008, Trèves tat spinta ġdida għall-pjan ta’ ristrutturar tyagħha u fl-aħħar tax-xahar ta’ Diċembru 2008, jiġifieri numru ta’ xhur qabel il-Protokoll ta’ Konċiljazzjoni tal-25 ta’ Mejju 2009, ir-riżultati li ġejjin diġà kienu qed jidhru:

    tnaqqis qawwi fl-ispejjeż ġenerali; il-miżuri li ttieħdu f'dan ir-rigward wittew t-triq għal tnaqqis ta’ [20-30] % tal-ammont totali tal-ispejjeż ġenerali effettivi ta’ Trèves matul l-aħħar erba' xhur tal-2008 skont ir-rapport tal-abbozz tal-estimi tal-2008;

    tnaqqis qawwi tal-istokks: l-ispiża tal-istokks naqset bi [30-40] % matul it-tieni semestru tal-2008, biex bn'hekk għaddiet minn [EUR 20-80] miljun f'Ġunju għal [EUR 0-60] f'Diċembru;

    il-kontroll ta’ investimenti tanġibbli; dawn tal-aħħar tnaqqsu minn [40-50] % fl-2008 meta mqabbel mal-baġit proviżorju tal-2008;

    tnaqqis tal-impjegati: l-impjegati tal-grupp fi Franza tnaqqsu b'[10-20] % matul is-sena 2008 ([…] impjegat fi Franza f'Diċembru 2008 meta mqabbla ma’ […] impjegat f'Jannar 2008).

    (78)

    Fil-bidu tal-2009, Trèves elaborat b'mod aktar formali verżjoni ġdida tal-pjan ta’ ristrutturar, megħjuna għal dan l-iskop mid-ditta ta’ konsulenza indipendenti […]. Din id-ditta b'mod partikolari vvalidat l-ammont tal-bżonnijiet ta’ likwidità meqjusa bħala neċessarja għall-finanzjament tal-pjan ([EUR 110-140] miljun, ara l-premessi 25 et sequitur).

    (79)

    Fl-ewwel lok, għandu jingħad illi l-previżjonijiet għall-fatturat futur li jinsabu fil-pjan ta’ ristrutturar jidhru li huma kredibbli u realistiċi. Fil-fatt, dawn il-previżjonijiet huma bbażati fuq l-antiċipazzjoni ta’ ordnijiet mill-kostrutturi meqjusa li se jonqsu b'mod ċar ‘l isfel. Per eżempju, il-volum mistenni għall-2009 huwa anqas minn [15-25] % meta mqabbel mal-livell fl-2008. Min-naħa l-oħra, il-previżjonijiet huma konsistenti ma’ dawk li saru fl-istess żmien minn analisti tas-settur awtomobilistiku (il-kumpanija JD Power pereżempju), fir-rigward tal-irkupru mistenni tas-settur u fir-rigward tal-konfigurazzjoni tagħha għall-2011. Huwa għalhekk fuq bażi ta’ stima prudenti u serja tal-volumi li Trèves stmat ifatturat futur tagħha. Il-pjan huwa prudenti fir-rigward tal-iżvilupp tas-settur li huwa bbażat fuq livell ta’ attività fl-2011 […] għall-bejgħ li seħħ fl-2008.

    (80)

    Sussegwentement, il-pjan jagħti importanza lit-tnaqqis tal-ispejjeż. Dan it-tnaqqis isir, inter alia, permezz tat-titjib tal-effiċjenza tal-ħaddiema u t-twettiq ta’ operazzjonijiet ekonomiċi ta’ tnaqqis fl-ispejjeż […] (18) […]. It-tnaqqis tal-ispejjeż huwa bbażat ukoll fuq tnaqqis sostanzjali tal-persunal (ir-ristrutturar laqat total ta’ 1 300 persuna).

    (81)

    Fuq il-bażi ta’ dawn il-miżuri, il-pjan ta’ ristrutturar jipprevedi:

    ritorn għal bilanċ sa mill-2010, b’riżultat qabel it-taxxi ta’ [EUR 0-10] miljun u EBITDA ta’ EUR [40-70] miljun;

    riżultat qabel taxxa ta’ [EUR 10-30] miljun sa mill-2011, b'influss ta’ likwidità ta’ [EUR 10-30] miljun u EBITDA ta’ EUR [50-80] miljun.

    (82)

    Għandu jiġi osservat li waħda mill-kundizzjonijiet kienet illi l-FMEA stess ta mandat lid-ditta […] sabiex tagħmel, minn nofs Marzu sal-aħħar ta’ April 2009, verifika sħiħa tas-sitwazzjoni ta’ Trèves (eżerċizzju magħruf bħala “due diligence”). It-timijiet tal-FMEA stess ukoll analizzaw u vvalidaw il-pjan ta’ ristruttar.

    (83)

    Barra minn hekk, fil-qafas tar-ristrutturar tagħha, Trèves obbligat ruħha li ċċedi l-attivitajiet tagħha “[…]” meta qieset il-bilanċi soċjali u industrijali relatati ma’ din l-operazzjoni u flimkien mal-impenn li jingħata kontribut għall-kompettività permezz ta’ għodod jew prattiċi ġodda industrijali għal Trèves.

    (84)

    Fid-dawl tal-elementi preċedenti, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-pjan ta’ ristrutturar li fuq il-bażi tiegħu l-FMEA għamel l-investiment tiegħu fi Trèves jista' jitqies bħala kredibbli u realistiku.

    Rigward il-valur ta’ Trèves qabel l-investiment tal-FMEA u rigward l-istruttura ta’ dan l-investiment

    (85)

    Il-valur tal-fondi proprji ta’ Trèves qabel l-investiment tal-FMEA kien iffissat bejn [EUR 15-40] miljun. Fuq din il-bażi, l-FMEA xtara [< 50] % tal-kapital ta’ Trèves b'żieda tal-kapital ta’ [EUR 5-15] miljun. Il-Kummissjoni għandha tivverifika li dan il-valur huwa tajjeb u prudenti fid-dawl tas-sitwazzjoni tal-impriża f'dak iż-żmien.

    (86)

    Numru ta’ metodi jeżistu sabiex jiġi stmat il-valur tal-fondi ta’ impriża (19). Metodu użat ħafna drabi huwa dak tal-EBITDA. Dan jippermetti li jiġi kkalkulat il-valur tal-fondi ta’ impriża għas-sena X billi jiġi mmultiplikat l-EBITDA tas-sena X b'ċifra (ir-riżultat tal-multiplikazzjoni) ġġudikat bħala adegwat għas-settur, fejn id-dejn nett jiġi mnaqqas mir-riżultat.

    (87)

    Metodu ieħor huwa dak tad-“Discounted Cash Flow Analysis”. L-influss tal-likwidità disponibbli (“Free Cash Flows”) nominali għall-impriża għas-snin li gejjin jiġu emendati skont l-ispiża medja ppeżata mal-kapital nominali (iktar 'il quddiem “Weighted Average Cost of Capital” jew “WACC”) u d-dejn nett jitnaqqas mir-riżultat.

    (88)

    It-tielet metodu huwa dak tal-multiplikazzjoni tal-fatturat. Dan jippermetti evalwazzjoni tal-valur tal-fondi ta’ impriża għas-sena X b'ammont (ir-riżultat) iġġudikat bħala adegwat għas-settur, waqt li d-dejn nett jitnaqqas mir-riżultat.

    (89)

    Sabiex tiġi vvalutata l-impriża Trèves qabel l-investiment tagħha, l-FMEA uża l-metodi tad-Discounted Cash Flow Analysis u dak tal-multiplikazzjoni tal-fatturat. Fil-fatt, Trèves ma kellhiex EBITDA posittiva fl-aħħar tas-sena 2008, u l-ewwel metodu msemmi, dak tal-multiplikazzjoni tal-EBITDA, b'hekk ma kienx prattiku.

    (90)

    Mill-banda l-oħra, il-metodu tad-Discounted Cash Flow Analysis kien possibbli u ppermetta li jitqiesu perspettivi għar-ritorn tal-profitabbiltà, li wassal biex jiġu integrati fil-valutazzjoni l-effetti pożittivi mistennija mit-titjib fil-prestazzjoni tal-impriża. Il-metodu tal-multiplikazzjoni tal-fatturat intuża bl-istess mod bħala miżura ta’ prudenza u bħala bażi ta’ konferma.

    (91)

    Fir-rigward tal-metodu tad-Discounted Cash Flow Analysis tal-impriża, l-ispiża tal-kapital jew WACC settorjali, li tintegra r-riskju speċifiku tas-settur, kienet stmata għal 12 %. L-FMEA wara kkalkula WACC iktar prudenti ta’ [> 12] % fl-integrazzjoni tal-primjum tar-risku proprju supplementari marbut mal-kobor tal-impriża u mal-karattru mhux likwidu tal-investiment. Hu fl-aħħar spiċċa b'WACC ta’ [> 12] %, sabiex jieħu f'kunsiderazzjoni ir-riskju kumplimentari marbut mal-kuntest tal-bidla (jiġifieri tar-ristrutturar) tal-impriża. Il-valur fit-tul tal-impriża (il-valur finali) huwa kkalkulat mir-riżultati tal-2011. Skont l-istima tal-FMEA il-valur tal-fondi proprji tal-Grupp Trèves b'hekk kien ta’ [EUR 15-40] miljun.

    (92)

    Fir-rigward tal-metodu tal-multiplikazzjoni tal-fatturat, ir-riżultat miksub huwa applikat mal-fatturat tal-aħħar tal-2008 li kien [0-1]. Dan ir-riżultat jaqbel mar-riżultat osservat fis-suq għall-impriżi simili fi żmien it-tranzazzjoni. Hemm lok li ninnutaw li dawn ir-riżultati inkisbu fl-aħħar tas-sena 2008 u fil-bidu tas-sena 2009 li kienu ta’ livelli storiċi baxxi minħabba l-kriżi finanzjarja u ekonomika li affettwat bil-qawwa s-settur tal-produzzjoni tal-karozzi u tal-fornituri tal-komponenti (fil-fatt, il-medju fit-tul tar-riżultat tal-fatturat għas-settur tal-fornituri tal-komponenti tal-karozzi huwa ffissat lejn 0,51). Fuq il-bażi tar-riżultat ta’ [0-1], il-valur tal-fond kien stabbilit lejn [EUR 15-40] miljun.

    (93)

    Għalhekk, għalkemm ir-riżultat ta’ [0-1] huwa riżultat li għandu jitqies bħala storikament dgħajjef, l-FMEA adotta il-valur idderivat minn dan ir-riżultat u mhux dak li jirriżulta minn multiplu medju fuq medda ta’ żmien twil jew imqassam fuq numru ta’ snin. Bl-istess mod, l-FMEA lanqas ma adotta l-valutazzjoni li tirriżulta mid-Discounted Cash Flow Analysis. Jirriżulta minn dak li ntqal hawn fuq li l-valutazzjoni tal-fondi proprji ta’ Trèves qabel li l-FMEA pproċediet għall-investiment hija ġusta u prudenti. Din fil-fatt tinstab fin-naħa l-baxxa tal-intervall determinat skont il-metodu tad-Discounted Cash Flow Analysis u r-riżultati tal-Borża. Valutazzjoni mwettqa f'dan il-kuntest tikkostitwixxi element favorevoli għall-investitur privat għaliex din għandha tendenza li ssaħħaħ il-perspettivi tal-qligħ kapitali fl-ottika ta’ ritorn għar-riżultati ta’ valutazzjoni għal-livelli storiċi medji.

    (94)

    Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li l-investiment tal-FMEA ma kien illimitat għal kontribuzzjoni f'kapital ta’ [EUR 5-15] miljun li permezz tiegħu akkwista [< 50] % tal-ishma tal-Grupp Trèves. L-FMEA xorta waħda kkontribwixxa [EUR 40-50] miljun f'forma ta’ titoli ta’ djun passivi b'aċċess għall-kapital (ORAPA) li jagħtu mgħax ta’ [> 8] % fis-sena. Din l-istruttura hija waħda sofistikata li investitur privat jippretendi f'settur bħal dak tas-sottokuntrattar awtomobilistiku. Fil-fatt il-preżenza ta’ kwantità importanti ta’ ORAPA fejn il-parità tvarja skont il-prestazzjoni tal-kumpanija tikkostitwixxi wieħed mill-mekkaniżmi ta’ kontroll mill-aktar attraenti li hawn.

    (95)

    Il-mekkaniżmu mħejji mill-FMEA huwa dan li ġej. L-ORAPA tista' tiġi rimburzata permezz tal-ħruġ ta’ assi ġodda tal-kumpanija Trèves. L-ugwaljanza tiġi ddeterminata fl-2011 permezz tal-kisba tal-marġni ta’ riżultat operattiv gross ta’ […] %. Jekk din tinkiseb, l-FMEA jakkwista […] % tal-fondi tiegħu permezz tar-rimbors tal-obligazzjonijiet. Jekk dak il-livell ma jintlaħaqx, ir-rimbors tal-obligazzjonijiet iwassal lill-FMEA biex ikollu […] % tal-fondi proprji. L-interess tad-Diretturi ta’ Trèves huwa għalhekk li jiġi assikurat il-ħolqien ta’ din il-marġni ta’ riżultat operattiv gross […]. L-interessi tal-investitur finanzjarju u dak tad-diriġenti-azzjonisti huma għalhekk marbutin b'mod qawwi sabiex fl-aħħar ikabbru l-valur tal-kumpanija.

    Fir-rigward tal-ipoteżi li jiġġustifikaw RPI ta’ [> 12 %]

    (96)

    L-approċċ ġeneralment applikat minn investitur privat jikkonsisiti fl-evalwazzjoni tar-rata ta’ profitabbiltà interna annwali stabbilita mill-proġett ta’ investiment previst. Għall-finijiet tal-kalkolu tal-RPI annwali ta’ investiment f'impriża, għandu jiġi ddeterminat il-valur tal-fondi proprji ta’ dik l-impriża fejn il-profitabbiltà hija prevista.

    (97)

    Kif huwa diġà indikat fil-premessi 85 sa 87, jeżisti għadd ta’ metodi sabiex jiġi ddeterminat il-valur ta’ impriża. Sabiex jiġi ddeterminat il-valur tal-impriża matul l-2012, sena li matulha l-FMEA jista' jittrasferixxi l-parteċipazzjoni tiegħu (20), il-FMEA uża l-metodu tal-kalkolu tal-EBITDA. Dan il-metodu jintuża ta’ spiss fis-settur industrijali sabiex jiġu previsti l-modalitajiet tal-andament ta’ investitur fil-kapital jew kważi-kapital. Barra minn hekk, fil-kalkolu tal-profitabbiltà mistennija fuq il-bażi tal-EBITDA, il-FMEA jistrieħ fuq miżura pertinenti ta’ irkupru tal-impriża li għandha ssir bejn l-investiment tiegħu (il-25 ta’ Mejju 2009) u t-tmiem tas-sena 2011. Barra minn hekk, bl-adozzjoni tal-EBITDA prevista għall-2011 u mhux dak — li huwa superjuri — previst għall-2012, il-FMEA adotta approċċ prudenti konsistenti sabiex isiru l-verifiki li l-irkupru tal-impriża huwa effetwat b'mod sodisfaċenti fi żmien qasir (ftit aktar minn sentejn u nofs).

    (98)

    Konsegwentement, fil-każ inkwistjoni, l-RPI kkalkulat mill-FMEA huwa bbażat fuq it-tliet ipoteżijiet msemmija fil-pjan ta’ ristrutturar. Fl-ewwel lok, il-Grupp Trèves għandu jkollu sa tmiem l-2011 EBITDA ta’ [EUR 50-80] miljun. Fit-tieni lok, il-valur ta’ Trèves sal-aħħar tas-sena 2011 huwa determinat mill-kalkolu tal-EBITDA ta’ [1-6]. Fit-tielet lok, id-dejn nett huwa stmat li se jkun ta’ [EUR 50-150] miljun fl-aħħar tas-sena 2011. Il-Kummissjoni għandha għalhekk tiddetermina jekk dawn it-tliet ipoteżijiet jistgħux jitqiesu bħala kredibbli u realistiċi fil-mument meta sar l-investiment tal-FMEA.

    (99)

    L-ewwelnett, fir-rigward tal-valur tal-EBITDA għall-2011, għandu jiġi enfasizzat li din il-previżjoni hija bbażata fuq l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturar. Kif huwa spjegat fil-premessi 76 et sequitur, dan il-pjan jista' jitqies bħala kredibbli u realistiku. Għalhekk huwa importanti li niftakru li t-tnaqqis tal-ispejjeż huwa prinċiparjament implimentat mit-tisħiħ tal-effiċjenza tal-ħaddiema u l-iffrankar fl-ispejjeż operattivi permezz ta', b'mod partikolari, […]. It-tnaqqis tal-ispejjeż huwa bbażat ukoll fuq tnaqqis importanti tal-persunal (ir-ristrutturar jolqot total ta’ 1 300 persuna).

    (100)

    Fit-tieni lok, il-kalkolu tal-EBITDA utilizzat ([1-6]) sabiex jiġi ddeterminat il-valur tal-impriża jikkorrispondi għall-medja multipla tas-settur ikkalkulata fuq il-perjodu bejn l-2000 u l-2009 ([1-6]), imnaqqsa d-differenza fit-tip bħala miżura ta’ prudenza marbuta mal-kuntest tal-irkupru tal-kumpanija. Dan ir-riżultat huwa ftit aktar superjuri għar-riżultat tas-settur fil-mument tal-investiment (madwar 4,2). Huwa xorta waħda prudenti biżżejjed li tistrieħ fuq qligħ ta’ [1-6] fi żmien il-valutazzjoni għall-aħħar tas-sena 2011, fid-dawl tal-aġġustament prevedibbli fil-proporzjon, dan l-aġġustament diġà kien beda fil-mument tal-investiment ([1-6] f'Diċembru 2008 kontra [1-6] f'Mejju 2009). Dan ir-riżulatat jidher ukoll partikolarment prudenti relattivament fid-dawl tal-previżjonijiet fit-tul għas-settur li jindika riżultati bejn [1-6] u [1-6].

    (101)

    Fit-tielet lok, il-previżjonijiet ta’ April 2009 urew titjib tad-dejn nett, li kellu jgħaddi minn [EUR 100-200] miljun sal-aħħar tal-2008 għal [EUR 100-200] miljun fl-aħħar tal-2010 (dan kien mar lura qabel, minn [EUR 100-200] miljun fl-aħħar tal-2005 għal [EUR 100-200] miljun fl-aħħar tal-2008). Fid-dawl tal-fatt tal-livell aggregat tal-EBITDA proviżjonali għall-perjodu bejn l-2009 u l-2011, u tan-nuqqas ta’ spejjeż żejda sostanzjali marbutin mal-investiment tanġibbli u mhux tanġibbli u tan-nuqqas ta’ proviżjonijiet żejda jekk jitqies il-fatt tal-ispejjeż tar-ristrutturar, il-previżjoni ta’ tnaqqis ta’ [EUR 0-30] miljun tidher prudenti.

    (102)

    Fid-dawl ta’ dak li intqal qabel, għandu jiġi konkluż li l-kalkolu tal-RPI fil-mument tal-investiment huwa bbażat fuq ipoteżi raġonevoli.

    Fir-rigward tal-aċċettabbilita ta’ RPI [> 12 %] u fir-rigward tal-qligħ kapitali

    (103)

    Fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk l-RPI msemmi ta’ [> 12 %] huwiex aċċettabbli fid-dawl tar-riskju li jippreżenta l-investiment, il-Kummissjoni tagħmel dawn il-kummenti li ġejjin.

    (104)

    Qabel kollox, għandna niftakru li l-kalkolu li sar fuq il-bażi tal-elementi msemmija fil-premessi 97 sa 100 jwassal fir-realtà għal RPI ta’ [> 15 %]. Għaldaqstant, bħala miżura ta’ sigurtà u prudenza, l-FMEA applika tnaqqis ta’ […] % fuq l-EBITDA mistenni għall-2011. Bħala konsegwenza, l-RPI ta’ [> 12 %] miżmum għall-finijiet tal-analiżi preżenti huwa RPI li jirriżulta minn xenarju pessimist fir-rigward tal-iżvilupp tal-impriża. Fil-fatt, kif diġà ġie indikat, ix-xenarju bażi jwassal għal RPI ta’ [> 15 %] filwaqt li xenarju ottimist (EBITDA ta’ aktar minn […] %) iwassal għal RPI ta’ madwar [> 20 %].

    (105)

    Fil-preżent, għandu jiġi rrilevat li, meta jitqies il-karattru mhux likwidu tal-operazzjoni, mhuwiex possibbli li nirreferu għall-prezzijiet ikkwotati komparabbli (pereżempju għal self subordinat) fil-mument tal-investiment tal-FMEA sabiex jiġi evalwat il-livell tal-RPI previst u xieraq. Min-naħa l-oħra, numru ta’ elementi ppreżentati hawn isfel jippermettu li jiġi evalwat l-RPI “minimu” ta’ [> 12 %] adottat mill-FMEA f'Mejju 2009.

    (106)

    Fl-ewwel lok għandu jiġi osservat illi r-redditi fuq l-investiment osservati fis-settur tas-sottokuntrattar awtomobilistiku huma spiss baxxi. Fil-fatt, matul il-ħames snin li ppreċedew il-kriżi tat-tieni semestru tal-2008, l-RPI medja stabbiliet ruħha għal 8,5 % (21). Għaldaqstant, investituri profesjonali kemm-il darba investew f'dan is-settur, konxji mill-qligħ potenzjali marbut mal-livell mhux b'saħħtu tal-valutazzjoni tal-impriżi ta’ dan is-settur [imqabbel mas-setturi l-oħra]. Għalhekk fl-2006, wieħed seta' jara RPI eċċezzjonali (li qabżu 20 % kull sena fuq medda ta’ tliet snin) peress li l-investituri investew fl-agħar żmien tas-suq fl-2003.

    (107)

    Konsegwentement, sabiex wieħed imur lil hinn mir-redditi medji osservati, investitur professjonali għandu jibbaża fuq għarfien preċiż tas-suq, li huwa l-każ tal-FMEA, u jipprevedi struttura ta’ parteċipazzjoni li tippermettilu jtejjeb il-prestazzjoni tiegħu, li huwa ukoll il-każ fir-rigward tal-investiment tal-FMEA (ara l-premessi dwar l-istruttura tal-investiment fil-premessi 94 u 95 u kif ukoll dwar il-qsim tal-qligħ kapitali fil-premessi 110 u 111).

    (108)

    Sussegwentement, l-awtoritajiet Franċiżi jirreferu għal studju tal-AFIK (Assoċjazzjoni Franċiża tal-Investituri fil-Kapital) li jsegwi l-evoluzzjoni tal-prestazzjonijiet fis-settur tal-investiment kapitali fi Franza. Dan l-istudju huwa bbażat fuq dejta kkomunikata minn aktar minn 120 struttura li jimmaniġjaw 500 fond ta’ investiment. L-istudji tal-AFIK jisħqu fuq il-prestazzjoni netta bejn 14,1 % għall-aħħar tal-2007 u 10,8 % għall-aħħar tal-2008 (l-eqreb data għad-data tal-investiment tal-FMEA) għall-“iżvilupp-kapitali”. L-iżvilupp-kapitali huwa s-suddiviżjoni tal-investiment-kapitali pertinenti fir-rigward tal-politika ta’ investiment tal-FMEA (teħid ta’ sehem minimu u l-injezzjoni ta’ flus ġodda). Wara li jittieħdu f'konsiderazzjoni l-ispejjeż tar-remunerazzjoni tal-kumpanija maniġerjali, stmati għal massimu ta’ […], l-RPI mmirat sabiex iwassal għall-prestazzjoni tas-“suq” huwa bejn 12 u 15 %.

    (109)

    Fl-aħħarnett, il-parametri disponibbli fil-mument tal-investiment jippermettu li tiġi ddeterminata spiża medja ppeżata tal-kapital (“WACC”) stabbilita mill-bidu tal-MEDAF (22) u adattata għas-settur awtomobilistiku fi Franza, li tintegra l-primjums ta’ riskji speċifiċi supplimentari marbutin mad-daqs tal-impriża Trèves u mal-karattru mhux likwidu tal-investiment. Meta jitqiesu dawn l-elementi supplimentari inerenti fil-primjum tar-riskju, l-WACC korrispondenti huwa stmat għal [> 12] % fil-mument tal-investiment, elevat għal [> 12] % mill-FMEA (ara il-premessa 91). Għandu jiġi mfakkar li l-WACC huwa r-rata tal-qligħ minimu mitlub mis-selliefa tal-fondi ta’ impriża (azzjonisti u kredituri) sabiex jiffinanzjaw il-proġetti ta’ investiment. Il-WACC ikkalkolat ta’ Trèves jagħti għalhekk indikazzjoni sinifikattiva dwar l-aċċettabbiltà tal-RPI “minima” ta’ [> 12 %] (23).

    (110)

    Barra minn hekk, għandu jiġi ssottolinjat li l-qligħ kapitali tal-impriża Trèves mhux se jkun maqsum mal-FMEA u l-azzjonisti storiċi fil-funzjoni tal-parti rispettiva tagħhom mill-kapital ta’ Trèves. Fil-fatt, fl-ipoteżi ta’ ħruġ fl-[…], il-ftehim qadim bejn l-azzjonisti jippreċiża illi l-ewwel [EUR …] miljun tal-valur tal-impriża jingħataw totalment lill-FMEA (l-ewwel porzjon). Sussegwentement, ir-riżultat taċ-ċessjoni jinkludi bejn [EUR …] miljun u ammont ekwivalenti għall-ammont tal-investiment tal-FMEA kapitalizzat għal […] % fis-sena u maqsum bejn l-FMEA ([…] %) u l-azzjonisti storiċi ([…] %) (tieni porzjon). Fl-aħħarnett, l-FMEA jirċievi […] % tar-riżultat taċ-ċessjoni lil hinn mil-limitu u l-azzjonisti storiċi […] %.

    (111)

    Dan il-ftehim dwar il-qsim tal-qligħ kapitali jipproteġi lill-FMEA. Fil-fatt, l-FMEA jirċievi għalhekk garanzija importanti minn RPI ta’ [> 12 %] fuq l-investiment tiegħu li ser jintlaħaq malajr (din ir-rata tikkorrispondi għall-WACC ta’ Trèves ippreżentat aktar “il fuq). Sussegwentement dan il-ftehim jinċita b”mod qawwi lill-azzjonisti storiċi u d-Diretturi tal-impriża li jwettqu, jew li jmorru lil hinn mill-objettivi tal-pjan ta’ ristrutturar, u skont ix-xenarju dan il-pjan iwassal għal RPI ta’ [> 12 %], [> 15 %] jew [> 20 %] għall-FMEA.

    (112)

    Konsegwentement, jirriżulta mill-konstatazzjonijiet hawn fuq imsemmija li l-RPI prevista ta’ [> 12 %] kienet raġonevoli fi żmien l-investiment u aċċettabbli fid-dawl tar-riskju li dan jippreżenta.

    Konklużjoni fir-rigward tal-kriterju tal-vantaġġ

    (113)

    Wara li ġie analizzat il-pjan ta’ ristrutturar ta’ Trèves, il-valur tagħha qabel l-investiment tal-FMEA, l-istruttura ta’ dan l-investiment, l-ipoteżijiet li fuqhom huwa bbażat RPI ta’ [> 12 %], in-natura xierqa tal-livell tal-RPI, speċjalment fir-rigward tal-ftehim previst bejn l-azzjonisti relattivament għall-qsim tal-qligħ kapitali, għandu jiġi kkonstatat li l-FMEA aġixxa f'kundizzjonijiet simili għal dak li jeżiġi investitur privat fejn l-investiment jippreżenta riskju marbut kemm mas-sitwazzjoni tas-settur awtomobilistiku fil-mument tal-investiment u kif ukoll ma’ dik tal-impriża, li ltaqgħet ma’ xi diffikultajiet finanzjarji. Fi kliem ieħor, l-investiment tal-FMEA għall-ammont ta’ EUR 55 miljun jirrispetta l-kriterji tal-investitur privat f'ekonomija tas-suq. Għalhekk ma jagħtix vantaġġ lill-impriża Trèves.

    V.1.2.   Il-pjan ta’ skedar tad-dejn fiskali u soċjali

    (114)

    Pjan ta’ skedar tad-dejn fiskali u soċjali kien ingħata lil Trèves mill-Amministrazzjoni Franċiża għal ammont ta’ EUR 18,4 miljun. Fid-dawl ta’ din il-miżura, il-Kummissjoni tixtieq l-ewwel teżamina l-kriterji tal-vantaġġ.

    Vantaġġ

    (115)

    Skont il-prattika deċiżjonali tal-Kummissjoni u l-ġurisprudenza, ftehim ta’ skedar tad-dejn minn kreditur pubbliku ma jikkostitwix għajnuna mill-Istat jekk l-aġir tiegħu jista' jitqabbel għal dak ta’ kreditur privat li “jipprova jirkupra l-ammonti dovuti lilu u li, għal dak il-għan, jilħaq ftehim mad-debitur, li bis-saħħa tagħhom id-djun akkumulati jiġu ppjanati mill-ġdid jew imħallsa bin-nifs sabiex jiġi ffaċilitat il-ħlas lura tagħhom (24).

    (116)

    Il-pjan ta’ skedar tad-dejn jirrappreżenta għall-kredituri pubbliċi ta’ Trèves soluzzjoni aqwa mill-irkupru nfurzat. Fil-fatt, f'każ ta’ rkupru nfurzat, il-kredituri pubbliċi, minħabba id-dejn ġenerali tal-impriża, kienu jirkupraw parti biss mill-kreditu tagħhom, mhux privileġġat. Bil-maqlub, fl-għoti tal-iskedar, ingħataw ipoteki tal-ewwel grad […] (Artikolu […] tal-Protokoll ta’ Konċiljazzjoni tal-25 ta’ Mejju 2009) sabiex jiggarantixxu d-dejn fiskali u soċjali. Dawn l-assi huma identifikati fl-Anness 7 tal-Protokoll. Sal-31 ta’ Diċembru 2008, l-eċċess tal-ammont miżmum tal-assi netti kien ta’ [EUR 25-35] miljun. L-ammont tal-garanziji koperti favur il-kredituri pubbliċi ikopri għalhekk aktar minn 140 % tal-ammont tad-dejn tagħhom, dan kien kostitwit minn prinċiparjament (EUR 18,4 miljun), penali u interessi minħabba ħlas tardiv (ara l-premessa 117).

    (117)

    Barra minn hekk, il-kredituri pubbliċi ta’ Trèves se jirċievu l-interessi. Fil-fatt l-ammont ta’ EUR 18,4 miljun kiber minħabba l-penali għal ħlas tardiv ta’ [1-2] miljun u interessi fuq ħlas tardiv ta’ [EUR 1-2] miljun, kollha jridu jiġu rimburżati “l quddiem bejn l-[…] u l-[…] fi ħlasijiet kull xhar ta’ [EUR …]. Iż-żieda tal-penali u tal-interessi minħabba ħlas tardiv se titla” għal [2-4] miljun, i.e. [10-20] % tal-ammont prinċipali, li tirrapreżenta fuq id-durata medja koperta mill-pjan tal-iskedar, interessi fis-sena ta’ madwar [0-10] %. Din ir-rata fil-bidu kienet aktar mir-rata permessa mill-istabbilimenti finanzjarji għas-self mogħti lil Trèves fil-qafas tal-Protokoll ta’ Konċiljazzjoni tal-25 ta’ Mejju 2009 kemm għall-kreditu l-ġdid u kif ukoll għas-self ikkonsolidat (25).

    (118)

    F'dan ir-rigward, għandu jiġi sottolinjat ukoll illi l-impenn tal-kredituri pubbliċi sar flimkien mal-impenn importanti tal-banek (self ta’ konsolidazzjoni ta’ [30-60] miljun u kreditu ġdid ta’ [10-30] miljun). Barra minn hekk, il-Protokoll ta’ Konċiljazzjoni jindika b'mod ċar li l-garanziji mogħtija lill-banek huma tat-tieni grad […], li jfisser li dawn il-kredituri ma jistgħu jeżerċitaw l-ebda garanzija sakemm il-kredituri pubbliċi tal-ewwel grad ma jkunux ġew rimborsati kollha u totalment.

    (119)

    Barra minn hekk, l-ebda tnaqqis tad-dejn fiskali jew soċjali ma ngħata lill-Grupp Trèves.

    (120)

    Fl-aħħarnett, l-awtoritajiet Franċiżi kkonfermaw li l-pjan tal-iskedar attwali ma kienx jammonta għal estensjoni jew għal emenda ta’ pjan preċedenti.

    (121)

    Konsegwentement, jirriżulta minn dak li ntqal qabel illi l-pjan ta’ skedar tad-dejn fiskali u soċjali mogħti lil Trèves kien sar mill-Amministrazzjoni Franċiża fuq il-bażi tal-ipoteżi, meqjusa bħala kredibbli, li tenfasizza l-pjan ta’ ristrutturar (ara t-Taqsima V) u skont it-termini aċċettabbli għall-kreditur privat f'ekonomija tas-suq li jkun fl-istess kundizzjonijiet.

    V.2.   Konklużjoni fir-rigward tal-eżami ta’ għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE

    (122)

    Fid-dawl tal-elementi analizzati fit-Taqsima V.1., jidher li la l-investiment tal-FMEA għall-ammont ta’ EUR 55 miljun u lanqas il-pjan ta’ skedar tad-dejn fiskali u soċjali għall-ammont ta’ EUR 18,4 miljun ma jagħtu vantaġġ lill-Grupp Trèves. Konsegwentement, dawn il-miżuri ma jikkostitwux għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

    VI.   KONKLUZJONI GENERALI

    (123)

    Wara li eżaminat fil-fond il-miżuri inkwistjoni, il-Kummissjoni ssib li dawn il-miżuri ma jikkostitwux għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Iż-żewġ miżuri meħudin fil-konfront tal-impriża Trèves li jikkonsistu f'investiment mill-Fond ta’ Modernizzazzjoni tal-Fornituri tal-Komponenti tal-Karozzi (FMEA) għall-ammont ta’ EUR 55 miljun kif ukoll pjan ta’ ristrutturar tad-dejn fiskali u soċjali għall-ammont ta’ EUR 18,4 miljun mogħti mir-Repubblika Franċiża ma jikkostitwux għajnuna skont l-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Franċiża.

    Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ April 2011.

    Għall-Kummissjoni

    Joaquín ALMUNIA

    Viċi President


    (1)  ĠU C 133 22.5.2010, p. 12.

    (2)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 1.

    (3)  Il-kummenti tal-partijiet interessati huma miġbura fil-qosor fit-Taqsima III.

    (4)  Artikolu L518-2 tal-Kodiċi monetarju u finanzjarju Franċiż.

    (5)  Kabina u Akustika, Tapit u Soundproofing (KATS).

    (6)  Il-proċedura ta’ konċiljazzjoni għandha bħala għan aħħari l-konklużjoni ta’ ftehim bonarju bejn il-kap ta’ impriża u l-kredituri (pubbliċi u privati) bil-għan li jiġu ffissati t-termini ta’ żmien għall-ħlas u/jew ikrupru ta’ dejn (Artikolu 611-7 tal-Kodiċi tal-Kummerċ Franċiż).

    (*)  Kopert mis-sigriet tan-negozju.

    (7)  Fil-fatt, skont ġurisprudenza konstanti (ara f'dan ir-rigward is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Marzu 1991, L-Italja vs Il-Kummissjoni (C-305/89, Ġabra p. I-1603, punt 13), m'hemmx mod li wieħed jiddistingwi bejn il-każ fejn l-għajnuna tingħata direttament mill-Istat u dak fejn tingħata minn organizzazzjonijiet pubbliċi jew privati li l-Istat jistabbilixxi jew jaħtar sabiex jamministraw l-għajnuna. Fil-fatt, id-dritt Ewropew ma jistax jippermetti li s-sempliċi fatt li jinħolqu istituzzjonijiet awtonomi inkarigati mit-tqassim tal-għajnuna jagħti lok biex jiġu evitati r-regoli dwar il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat. Madankollu, kif issosstni l-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tas-16 ta’ Mejju 2002 (Franza vs Il-Kummissjoni, magħrufa bħala “Stardust Marine” (C-482/99, Ġabra p. I-4397) sabiex miżuri jkunu jistgħu jikkwalifikaw bħala għajnuna skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE, din trid min-naħa waħda, tkun mogħtija direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi ta’ Stat u min-naħa l-oħra, tkun imputabbli lill-Istat.

    (8)  Id-diffikultajiet finanzjarji ta’ Trèves fl-aħħar tal-2008 kienu jikkonsistu primarjament fi tnaqqis tal-fatturat ([EUR 650-700] miljun, jiġifieri [20-25 %] meta mqabbel mal-2007) u telf ta’ [EUR 40-50] miljun fl-aħħar tas-sena finanzjarja.

    (9)  Fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura, l-RRI imsemmi huwa ta’ [> 15 %]. Dan huwa spjegat b'dan il-mod: l-RRI mistenni mill-investiment tal-FMEA huwa ta’ [> 15 %]. Għaldaqstant bħala miżura ta’ sigurtà, l-FMEA applika tnaqqis ta’ […] % għall-EBITDA (ara n-noti ta’ qiegħ il-paġna 11) mis-sena finanzjarja 2011. Wara t-tnaqqis, l-RRI huwa ta’ [> 12 %] u hija din ir-rata li titqies bħala r-rata ta’ profitabbiltà ta’ referenza f'din id-deċiżjoni. L-RRI ta’ [> 15 %] imsemmija fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura kienet rata medja: bejn ir-rata ta’ [> 15 %] mingħajr tnaqqis u r-rata ta’ [> 12 %] bi tnaqqis.

    (10)  ĠU C 244, 1.10.2004, p. 2.

    (11)  Taqsira għal “Earnings before interest, taxes, depreciation, and amortization”: introjtu qabel l-interessi, taxxi, id-diprezzament u l-amortizzament.

    (12)  Għandna niftakru hawnhekk illi l-FMEA nħoloq biss fil-25 ta’ Marzu 2009, id-data tal-iffirmar tar-regolamenti tal-Fond mis-sottoskritturi u d-data tas-sottoskrizzjoni tal-ewwel sehem minn dawn l-investituri. Għaldaqstant, il-Fond fil-fażi ta’ ħolqien beda jopera fl-aħħar ta’ Jannar.

    (13)  Għadna niftakru hawnhekk li fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura l-Kummissjoni llimitat ruħha biss li tesprimi dubji.

    (14)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Mejju 2002, Ir-Repubblika Franċiża vs Il-Kummissjoni, C-482-99, Ġabra, p. I-4397.

    (15)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Ġunju 2006, Air Liquide Industries Belgium, C-393/04 u C-41/05, Ġabra., p. I-5293, punt 28.

    (16)  Għalhekk, skont il-Qorti Ġenerali, “għandu jiġi evalwat jekk, f'ċirkustanzi simili, investitur privat ta’ daqs li jista' jiġi pparagunat ma’ dak ta’ korpi li jirregolaw is-settur pubbliku kienx jasal li jagħti kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-istess ammont, fid-dawl b'mod partikolari tal-informazzjoni disponibbli u tal-evoluzzjonijiet prevedibbli meta saru l-imsemmija kontribuzzjonijiet (sentenza L-Italja u SIM 2 Multimedia vs Il-Kummissjoni, punt 213 iktar 'il fuq, punti 37 u 38). Barra minn hekk, għalkemm l-aġir tal-investitur privat, li miegħu għandu jitqabbel l-intervent tal-investitur pubbliku li jsegwi għanijiet ta’ politika ekonomika, ma huwiex neċessarjament dak tal-investitur ordinarju li jinvesti kapital sabiex jagħmel profitt minnu f'bejn wieħed u ieħor żmien qasir, dan għandu jkun, għall-inqas, dak ta’ holding privata jew ta’ grupp privat ta’ impriżi li jsegwu politika strutturali, globali jew settorjali u jkun iggwidat minn perspettivi ta’ profitt fi żmien itwal,” sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Mejju 2010, Franza et vs Il-Kummissjoni, T-425/04, T-444/04, T-450/04 u T-456/04, punt 216. Ara wkoll il-Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni li ġejjin: Applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE għall-awtoritajiet pubbliċi, Bulletin KE 9-1984; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Istati Membri. Applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE u tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 80/723/KEE tal-Kummissjoni għall-Impriżi Pubbliċi tas-Settur tal-Manifattura (ĠU C 307/3, 13.11.1993].

    (17)  Fil-fatt, wara tnaqqis ta’ [6-8] % bejn l-2005 ([EUR 900-950] miljun) u l-2006 ([EUR 800-850] miljun), il-fatturat ta’ Trèves tela' għal [4-7] % sa mill-2007 ([EUR 850-900] miljun). Il-profitabbiltà tagħha wkoll rkuprat b'mod sostanzjali peress illi l-EBITDA tagħha għaddiet għal [EUR 50-60] miljun fl-2007, jew żieda ta’ […] % f'relazzjoni mal-2006 ([EUR 30-40] miljun) u żieda ta […] % f'relazzjoni mal-EBITDA tal-2005 ([40-50] miljun).

    (18)  […].

    (19)  Bħala definizzjoni, il-valur tal-fondi proprji ta’ impriża huwa ekwivalenti għall-valur ta’ impriża wara li jitnaqqas id-dejn nett.

    (20)  Iċ-ċessjoni potenzjali mill-FMEA tal-parteċipazzjoni tiegħu fl-2012 hija operattiva sabiex jiġi evalwat ir-redditu fuq l-investiment bħal dak li se jkun hemm fl-2012, fuq il-bażi tar-riżulatati fl-2011. Skont il-ftehim tal-azzjonisti, l-FMEA huwa totalment ħieles illi jżomm jew ma jżommx il-parteċipazzjoni fil-[…] fl-ewwel snin tal-investiment tiegħu. […] Barra minn hekk, jiġri f'jiġri, il-qsim tal-qligħ kapitali fuq ċessjoni eventwali tal-kumpannija huwa favorevoli għall-FMEA (ara l-punti 110 u 111 tad-deċiżjoni).

    (21)  Din il-miżura topera minn indiċi sinifikattiva fil-kwotazzjoni tal-boroż prinċipali tal-manifatturi tat-tagħmir tal-karozzi. Jekk wieħed jinkludi l-kriżi, l-RPI medja għall-ħames snin lil jippreċedu l-1 ta’ Diċembru 2009 taqa' għal 4,7 %.

    (22)  Mudell ta’ evalwazzjoni għall-assi finanzjarji.

    (23)  Il-WACC ikkalkulat huwa bbażat fuq tnaqqis tad-dejn ta’ [0-10] % u tnaqqis ta’ fondi ta’ [10-20] %. Minħabba l-istruttura komposta tal-investiment tal-FMEA (kontribuzzjoni ta’ kapital u kontribuzjoni f'obbligazzjonijiet konvertibbli) huwa inadegwat li jiġi evalwat dan l-investiment bil-privileġġjar tat-tnaqqis tad-dejn tal-fondi. Wieħed josserva pereżempju li l-ħolqien tal-FMEA fid-dawl ta’ ORAPA huwa privileġġjat (privileġġ ta’ “new money”). Barra minn hekk, għal dak li għandu x'jaqsam mal-kreditu l-ġdid ta’ [EUR 10-30] miljun mogħti mill-banek, l-FMEA nnegozja f'isem ORAPA pożizzjonament “pari passu” għal parti sinifikattiva ta’ din, i.e. jkopri porzjon ta’ [10-20] miljun. Il-livell tal-WACC jidher għalhekk l-aqwa indikatur. Ikun xi jkun, jaqbel li nosservaw li t-tnaqqis mill-fondi minn [10-20] %, li minn kull naħa ma jistax jitqies bħala tali minħabba r-raġunijiet imsemmija hawn fuq, huwa inferjuri għall-RRI ta’ [> 15 %] mistenni fix-xenarju bażi u li jikkostitwixxi l-qligħ mitlub mill-FMEA.

    (24)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ April 1999, Spanja vs Il-Kummissjoni magħrufa bħala “Tubacex”, C-342/96, Ġabra, p. I-2459.

    (25)  Għaldaqstant, dawn ir-rati huma ffissati b'żieda ta’ marġini fuq il-bażi tar-rati EUROBOR li huma rati varjabbli. Għalhekk, it-tqabbil mar-rata fissa ta’ [0-10] % mhijiex totalment pertinenti anki jekk mill-25 ta’ Mejju 2009, ir-rati mogħtija mill-banek qatt ma qabżu [0-10] %.


    Top