EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0537

Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/537/PESK tat- 12 ta’ Settembru 2011 li temenda u testendi d-Deċiżjoni 2010/576/PESK dwar il-missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tar-riforma tas-settur tas-sigurtà (RSS) u r-relazzjoni tagħha mal-ġustizzja fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (EUPOL RD Congo)

ĠU L 236, 13.9.2011, p. 8–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/09/2014

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/537/oj

13.9.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 236/8


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2011/537/PESK

tat-12 ta’ Settembru 2011

li temenda u testendi d-Deċiżjoni 2010/576/PESK dwar il-missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tar-riforma tas-settur tas-sigurtà (RSS) u r-relazzjoni tagħha mal-ġustizzja fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (EUPOL RD Congo)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 28 u 43(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Fit-23 ta’ Settembru 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/576/PESK dwar il-missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tar-riforma tas-settur tas-sigurtà (RSS) u r-relazzjoni tagħha mal-ġustizzja fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (EUPOL RD Congo) (1).

(2)

Fit-28 ta’ Ġunju 2011 il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) approva r-rakkomandazzjoni li l-EUPOL RD Congo għandha tiġi estiża għal sena oħra.

(3)

Konsegwentement il-EUPOL RD Congo għandha tiġi estiża sat-30 ta’ Settembru 2012.

(4)

Huwa meħtieġ ukoll li jiġi stabbilit l-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata ma’ EUPOL RD Congo għall-perijodu mill-1 ta’ Ottubru 2011 sat-30 ta’ Settembru 2012.

(5)

Il-Missjoni ser titmexxa fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li tista’ tiddeterjora u li tista’ xxekkel il-kisba tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif imniżżel fl-Artikolu 21 tat-Trattat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/576/PESK hija emendata kif ġej:

(1)

l-Artikolu 1(1) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 1

Il-Missjoni

Il-missjoni tal-pulizija tal-Unjoni Ewropea mwettqa fil-qasam tar-riforma tas-settur tas-sigurtà (RSS) u r-relazzjoni tagħha mas-sistema tal-ġustizzja fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (minn hawn ‘il-quddiem imsejħa “EUPOL RD Congo” jew “il-Missjoni”), stabbilita bl-Azzjoni Konġunta 2007/405/PESK, għandha tiġi estiża għall-perijodu mill-1 ta’ Ottubru 2010 sat-30 ta’ Settembru 2012.”.

(2)

l-Artikolu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 2

Dikjarazzjoni tal-Missjoni

1.   Sabiex jitjiebu l-maturità u s-sostenibbiltà tal-proċess ta’ riforma tal-Pulizija Nazzjonali Kongoliża (PNK), l-EUPOL RD Congo għandha tassisti lill-awtoritajiet Kongoliżi fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pulizija, billi tkopri l-prijoritajiet tal-Proċess ta’ Riforma tal-Pulizija għall-perijodu 2010-2012, u billi tibni fuq il-linji gwida tal-Qafas Strateġiku. Il-missjoni ser tikkontribwixxi għall-isforzi lokali u internazzjonali għar-rinfurzar tal-kapaċitajiet tal-PNK, li huma meħtieġa wkoll bil-ħsieb tas-sigurtà tal-elezzjonijiet li ser isiru. EUPOL RD Congo għandha tiffoka fuq attivitajiet u proġetti konkreti biex tiġi sostnuta l-azzjoni tagħha fil-livell strateġiku tal-proċess ta’ riforma, fuq il-bini ta’ kapaċità u fuq it-tisħiħ tal-interazzjoni bejn il-PNK u s-sistema usa’ tal-ġustizzja kriminali bil-għan ta’ appoġġ aħjar għall-ġlieda kontra l-vjolenza sesswali u l-impunità. L-EUPOL RD Congo għandha taħdem b’koordinazzjoni u kooperazzjoni mill-qrib ma’ donaturi oħra tal-Unjoni, internazzjonali u bilaterali, bil-għan li tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-isforzi.

2.   L-objettivi partikolari tal-Missjoni għandhom ikunu:

(a)

l-appoġġ għall-PNK u l-Ministeru tal-Intern u s-Sigurtà (MIS) fl-iffinalizzar tal-kunċetti tar-Riforma tal-Pulizija u l-implimentazzjoni tagħha, permezz ta’ parir operattiv, bħala pilastru bażiku tal-mandat tal-Missjoni;

(b)

it-titjib tal-kapaċità operattiva tal-Pulizija Nazzjonali Kongoliża permezz ta’ għoti ta’ gwida, monitoraġġ u konsulenza kif ukoll attivitajiet ta’ taħriġ, bħala pilastru bażiku tal-mandat tal-Missjoni;

(c)

l-appoġġ għall-ġlieda kontra l-impunità fl-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem u l-vjolenza sesswali, u r-rinforz tal-interazzjoni bejn il-pulizija u l-ġudikatura, bħala komponent orizzontali trasversali tal-mandat, li jinfluwenza l-attivitajiet kollha tal-Missjoni.

3.   Il-Missjoni għandu jkollha Ċellula ta’ Riċerka għall-identifikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-proġetti. Il-Missjoni għandha tagħti konsulenza lill-Istati Membri u lil Stati terzi u għandha tikkoordina u tiffaċilita, taħt ir-responsabbiltà tagħhom, l-implimentazzjoni tal-proġetti tagħhom fl-oqsma li huma ta’ interess għall-Missjoni u fit-twettiq tal-objettivi tagħha.”.

(3)

l-Artikolu 3 huwa mtħassar.

(4)

l-Artikolu 5(6) huwa mħassar.

(5)

l-Artikolu 6(7) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“7.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jikkoordina, kif adatt, l-azzjonijiet tal-EUPOL RD Congo ma’ atturi oħrajn tal-Unjoni fuq il-post.”.

(6)

l-Artikolu 12(1) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili, f’koordinazzjoni mal-Uffiċċju ta’ Sigurtà tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, għandu jidderieġi l-ippjanar tal-miżuri ta’ sigurtà tal-Kap tal-Missjoni u jiżgura l-implimentazzjoni korretta u effettiva tagħhom għall-EUPOL RD Congo skont l-Artikoli 5 u 9.”.

(7)

fl-Artikolu 14(1) it-tieni subparagrafu huwa miżjud kif ġej:

“L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-Missjoni għall-perijodu mill-1 ta’ Ottubru 2011 sat-30 ta’ Settembru 2012 għandu jkun ta’ EUR 7 150 000.”.

(8)

fl-Artikolu 18, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Għandha tapplika mill-1 ta’ Ottubru 2010 sat-30 ta’ Settembru 2012.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Settembru 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

M. DOWGIELEWICZ


(1)  ĠU L 254, 29.9.2010, p. 33.


Top