Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0358

2011/358/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tas- 17 ta’ Ġunju 2011 li temenda d-Deċiżjoni 2009/719/KE li tawtorizza ċerti Stati Membri jirrevedu l-programm ta’ monitoraġġ annwali tagħhom tal-BSE (notifikata bid-dokument numru C(2011) 4194) Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 161, 21.6.2011, p. 29–33 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2011/358/oj

21.6.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 161/29


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-17 ta’ Ġunju 2011

li temenda d-Deċiżjoni 2009/719/KE li tawtorizza ċerti Stati Membri jirrevedu l-programm ta’ monitoraġġ annwali tagħhom tal-BSE

(notifikata bid-dokument numru C(2011) 4194)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2011/358/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 li jistabbilixxi regoli għall-prevenzjoni, kontroll u eradikazzjoni ta’ ċertu enċefalopatija sponġiformi li tinxtered (1), u b’mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1b) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 jistabblixxi regoli għall-prevenzjoni, il-kontroll u l-eradikazzjoni ta’ ċertu enċefalopatija sponġiformi li tinxtered (TSEs) fl-annimali. Dan jirrikjedi li kull Stat Membru jwettaq programm annwali ta’ monitoraġġ għat-TSEs skont l-Anness III għal dak ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 jistipula li l-programmi annwali ta’ monitoraġġ għandhom ikopru bħala minimu ċerti subpopolazzjonijiet ta’ annimali bovini msemmijin fl-Artikolu 6 tiegħu. Dawk is-subpopolazzjonijiet għandhom jinkludu l-annimali bovini kollha li għandhom aktar minn 24 jew 30 xahar; bl-età massima tiddependi mill-kategoriji elenkati fil-punti 2.1, 2.2 u 3.1 tal-Parti I tal-Kapitolu A tal-Anness III ta’ dak ir-Regolament.

(3)

L-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/719/KE tat-28 ta’ Settembru 2009 li tawtorizza ċerti Stati Membri jirrevedu l-programm ta’ monitoraġġ annwali tagħhom tal-BSE (2), jelenka 17-il Stat Membru li huma awtorizzati jirrevedu l-programm ta’ monitoraġġ annwali tagħhom skont ir-Regolament (KE) Nru 999/2001. Dik il-lista tinkludi l-Istati Membri kollha li kienu Membri tal-Unjoni qabel l-1 ta’ Mejju 2004, kif ukoll is-Slovenja u Ċipru.

(4)

Fid-9 ta’ Diċembru 2010, il-Bord dwar il-Perikli Bijoloġiċi (BIOHAZ) tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) adotta opinjoni xjentifika dwar aġġornament ieħor, it-tieni wieħed, fuq ir-riskju għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali relatat mar-reviżjoni tal-iskema tal-Monitoraġġ tal-BSE f’xi Stati Membri (3) (l-opinjoni tal-EFSA tad-9 ta’ Diċembru 2010). Għall-opinjoni tal-EFSA tad-9 ta’ Diċembru 2010, il-BIOHAZ intalab janalizza d-dejta disponibbli għas-17-il Stat Membru elenkati fid-Deċiżjoni 2009/719/KE u tmien Stati Membri oħra. Il-BIOHAZ assuma li l-25 Stat Membru kollha kienu implimentaw għal mill-inqas sitt snin sistema ta’ sorveljanza u miżuri ta’ kontroll għall-BSE, kif stipulat fir-Regolament (KE) Nru 999/2001. L-opinjoni tal-EFSA tad-9 ta’ Diċembru 2010 tikkonferma li l-epidemija tal-BSE kienet qed tonqos fis-17-il Stat Membru elenkati fid-Deċiżjoni 2009/719/KE.

(5)

L-opinjoni tal-EFSA tad-9 ta’ Diċembru 2010 tikkonkludi wkoll li jekk il-limitu ta’ età għall-ittestjar tal-BSE jiżdied għal 72 xahar fil-baqar maqtula b’saħħithom, huwa mistenni li inqas minn każ klassiku wieħed tal-BSE jgħaddi mingħajr ma wieħed jinduna bih fl-2011. Barra minn hekk, l-opinjoni tikkonkludi li jekk l-ittestjar tal-BSE għall-baqar maqtula b’saħħithom jieqaf mill-1 ta’ Jannar 2013, inqas minn każ klassiku wieħed tal-BSE jgħaddi mingħajr ma wieħed jinduna bih f’kull sena kalendarja mill-2013 ‘il quddiem. Wieħed jista’ jikkonkludi minn din is-sejba li r-riskju għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali jkun negliġibbli jekk l-ittestjar tal-BSE attwali jiġi adattat kif xieraq.

(6)

Meta jitqiesu l-konklużjonijiet tal-opinjoni tal-EFSA tad-9 ta’ Diċembru 2010, l-etajiet tal-kategoriji tal-annimali bovini għandhom jiżdiedu għall-annimali li huma koperti mill-programmi annwali ta’ monitoraġġ riveduti tal-Istati Membri elenkati fl-Anness tad-Deċiżjoni 2009/719/KE. Għalhekk, l-Istati Membri li ġew awtorizzati li jirrevedu l-programmi annwali ta’ monitoraġġ tagħhom għandhom jingħataw l-għażla li japplikaw pjanijiet ta’ teħid ta’ kampjuni alternattivi iżda effettivi indaqs filwaqt li jadattaw irwieħhom għas-sitwazzjoni epidemjoloġika mill-1 ta’ Jannar 2013 ‘il quddiem.

(7)

Fir-rigward tat-tmien Stati Membri li mhumiex elenkati fid-Deċiżjoni 2009/719/KE, l-opinjoni tal-EFSA tad-9 ta’ Diċembru 2010 tikkonkludi li s-sitwazzjoni epidemjoloġika tal-BSE klassika hija differenti għal grupp ta’ ħames Stati Membri li huma l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija u Malta u grupp ieħor li huwa magħmul minn tliet Stati Membri, li huma r-Repubblika Ċeka, il-Polonja u s-Slovakkja.

(8)

Fil-grupp ta’ ħames Stati Membri, l-ebda każ ta’ BSE ma ġie skopert mill-implimentazzjoni sħiħa tas-sistema ta’ sorveljanza tal-Unjoni fl-1 ta’ Mejju 2004, u s-sitwazzjoni epidemjoloġika tal-BSE klassika għandha titqies bħala “mill-inqas ekwivalenti” għal dik tas-17-il Stat Membru elenkati fid-Deċiżjoni 2009/719/KE. Għalhekk, għal dak il-grupp ta’ 22 Stat Membru għandha tiġi applikata skema ta’ ttestjar simili billi s-sitwazzjoni epidemjoloġika hija simili bejniethom kollha.

(9)

Barra minn hekk, l-opinjoni tal-EFSA tad-9 ta’ Diċembru 2010 tikkonkludi li x-xejra tal-epidemija tal-BSE klassika fir-Repubblika Ċeka, il-Polonja u s-Slovakkja turi żewġ żidiet f’daqqa fl-inċidenza tal-BSE klassika għal kull koorti tat-twelid u fl-età medja tal-każijiet klassiċi tal-BSE skoperti. Din it-tieni tendenza ta’ żieda f’daqqa tikkomprometti l-istabbiliment ta’ xebħ ċar bejn ix-xejra tal-epidemija tal-BSE klassika fis-17-il Stat Membru diġà elenkati fid-Deċiżjoni 2009/719/KE u dan il-grupp ta’ tliet Stati Membri. Għal dawn it-tliet Stati Membri, l-opinjoni tikkonkludi li bħalissa ma jkunx informattiv li wieħed jagħmel stima tal-għadd ta’ każijiet tal-BSE klassika mhux skoperti jekk l-età tal-ittestjar tinbidel f’dan il-grupp.

(10)

Fis-26 ta’ Marzu 2010, il-Latvja ppreżentat applikazzjoni lill-Kummissjoni biex jiġi rivedut il-programm annwali tagħha ta’ monitoraġġ tal-BSE.

(11)

Fis-16 ta’ Ġunju 2010, l-Estonja ppreżentat applikazzjoni lill-Kummissjoni biex jiġi rivedut il-programm annwali tagħha ta’ monitoraġġ tal-BSE.

(12)

Fis-7 ta’ Ottubru 2010, il-Litwanja ppreżentat applikazzjoni lill-Kummissjoni biex jiġi rivedut il-programm annwali tagħha ta’ monitoraġġ tal-BSE.

(13)

Fil-21 ta’ Ottubru 2010, il-Lussemburgu ppreżenta applikazzjoni lill-Kummissjoni biex jiġi rivedut il-programm annwali tiegħu ta’ monitoraġġ tal-BSE.

(14)

Fis-27 ta’ Ottubru 2010, il-Ġermanja ppreżentat applikazzjoni lill-Kummissjoni biex jiġi rivedut il-programm annwali tagħha ta’ monitoraġġ tal-BSE.

(15)

Fl-24 ta’ Novembru 2010, il-Greċja ppreżentat applikazzjoni lill-Kummissjoni biex jiġi rivedut il-programm annwali tagħha ta’ monitoraġġ tal-BSE.

(16)

Fis-26 ta’ Novembru 2010, is-Slovenja ppreżentat applikazzjoni lill-Kummissjoni biex jiġi rivedut il-programm annwali tagħha ta’ monitoraġġ tal-BSE.

(17)

Fit-30 ta’ Novembru 2010, l-Isvezja ppreżentat applikazzjoni lill-Kummissjoni biex jiġi rivedut il-programm annwali tagħha ta’ monitoraġġ tal-BSE.

(18)

Fit-13 ta’ Diċembru 2010, Spanja ppreżentat applikazzjoni lill-Kummissjoni biex jiġi rivedut il-programm annwali tagħha ta’ monitoraġġ tal-BSE.

(19)

Fit-13 ta’ Diċembru 2010, il-Belġju ppreżenta applikazzjoni lill-Kummissjoni biex jiġi rivedut il-programm annwali tiegħu ta’ monitoraġġ tal-BSE.

(20)

Fit-13 ta’ Diċembru 2010, il-Finlandja ppreżentat applikazzjoni lill-Kummissjoni biex jiġi rivedut il-programm annwali tagħha ta’ monitoraġġ tal-BSE.

(21)

Fl-14 ta’ Diċembru 2010, id-Danimarka ppreżentat applikazzjoni lill-Kummissjoni biex jiġi rivedut il-programm annwali tagħha ta’ monitoraġġ tal-BSE.

(22)

Fil-15 ta’ Diċembru 2010, ir-Renju Unit ippreżenta applikazzjoni lill-Kummissjoni biex jiġi rivedut il-programm annwali tiegħu ta’ monitoraġġ tal-BSE.

(23)

Fil-15 ta’ Diċembru 2010, l-Awstrija ppreżentat applikazzjoni lill-Kummissjoni biex jiġi rivedut il-programm annwali tagħha ta’ monitoraġġ tal-BSE.

(24)

Fl-20 ta’ Diċembru 2010, l-Irlanda ppreżentat applikazzjoni lill-Kummissjoni biex jiġi rivedut il-programm annwali tagħha ta’ monitoraġġ tal-BSE.

(25)

Fit-23 ta’ Diċembru 2010, il-Portugall ippreżenta applikazzjoni lill-Kummissjoni biex jiġi rivedut il-programm annwali tiegħu ta’ monitoraġġ tal-BSE.

(26)

Fil-5 ta’ Jannar 2011, Ċipru ppreżenta applikazzjoni lill-Kummissjoni biex jiġi rivedut il-programm annwali tiegħu ta’ monitoraġġ tal-BSE.

(27)

Fit-13 ta’ Jannar 2011, l-Italja ppreżentat applikazzjoni lill-Kummissjoni biex jiġi rivedut il-programm annwali tagħha ta’ monitoraġġ tal-BSE.

(28)

Fit-18 ta’ Jannar 2011, il-Pajjiżi l-Baxxi ppreżentaw applikazzjoni lill-Kummissjoni biex jiġi rivedut il-programm annwali tagħhom ta’ monitoraġġ tal-BSE.

(29)

Fid-19 ta’ Jannar 2011, Franza ppreżentat applikazzjoni lill-Kummissjoni biex jiġi rivedut il-programm annwali tagħha ta’ monitoraġġ tal-BSE.

(30)

Fil-11 ta’ Frar 2011, l-Ungerija ppreżentat applikazzjoni lill-Kummissjoni biex jiġi rivedut il-programm annwali tagħha ta’ monitoraġġ tal-BSE.

(31)

Fl-14 ta’ Frar 2011, Malta ppreżentat applikazzjoni lill-Kummissjoni biex jiġi rivedut il-programm annwali tagħha ta’ monitoraġġ tal-BSE.

(32)

L-applikazzjonijiet ippreżentati minn dawk it-22 Stat Membru nstabu li kienu jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha għar-reviżjoni tal-programmi annwali ta’ monitoraġġ stabbiliti fl-Artikolu 6(1b) tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 u stipulati fil-punt 7 tal-Parti I tal-Kapitolu A tal-Anness III tiegħu. Għalhekk, dawn għandhom jiġu awtorizzati jirrevedu l-programmi annwali tagħhom ta’ monitoraġġ tal-BSE.

(33)

L-Artikolu 3 tar-Regolament (KEE) Nru 706/73 tal-Kunsill tat-12 ta’ Marzu 1973 li jikkonċerna l-arranġamenti tal-Komunità applikabbli għaċ-Channel Islands u l-Isle of Man għal kummerċ fi prodotti agrikoli (4) jistipula li għandhom japplikaw il-leġiżlazzjoni veterinarja u dik dwar l-ikel tal-Unjoni, taħt kundizzjonijiet fiċ-Channel Islands u l-Isle of Man li huma l-istess bħall-kundizzjonijiet tar-Renju Unit, għall-prodotti agrikoli importati f’dawk il-gżejjer jew esportati minnhom lejn l-Unjoni. Madankollu, id-Deċiżjoni 2009/719/KE attwalment ma tapplikax għall-gżejjer minħabba li r-Renju Unit ma pprovdiex id-dejta rilevanti meta din id-Deċiżjoni ġiet adottata.

(34)

Ir-Renju Unit issa pprovda d-dejta rilevanti li tikkonċerna s-sitwazzjoni epidemjoloġika u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fir-rigward tal-BSE fiċ-Channel Islands u l-Isle of Man. Dik id-dejta turi li s-sitwazzjoni epidemjoloġika tal-BSE f’dawk il-gżejjer hija simili għal dik tar-Renju Unit u li r-rekwiżiti kollha rilevanti stabbiliti fl-Artikolu 6(1b) u stipulati fil-punt 7 tal-Parti I tal-Kapitolu A tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 huma ssodisfati. Għaldaqstant, id-Deċiżjoni 2009/719/KE għandha tapplika għal dawk il-gżejjer.

(35)

Sussegwentement, fil-15 ta’ Frar 2011, il-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali ppreżenta opinjoni pożittiva dwar abbozz ta’ Deċiżjoni li temenda d-Deċiżjoni 2009/719/KE li tawtorizza ċerti Stati Membri jirrevedu l-programmi ta’ monitoraġġ annwali tagħhom tal-BSE. Dak l-abbozz ta’ Deċiżjoni li, madankollu, għadu ma ġiex adottat mill-Kummissjoni, jawtorizza lit-22 Stat Membru japplikaw skema ta’ ttestjar tal-BSE riveduta u armonizzta mill-1 ta’ Lulju 2011.

(36)

Fit-13 ta’ April 2011, l-EFSA adottat opinjoni xjentifika fuq ir-reviżjoni dwar ir-riskju għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali marbuta mar-reviżjoni tal-iskema ta’ monitoraġġ tal-BSE fi tliet Stati Membri tal-UE (5). Dik l-opinjoni tikkonkludi li bid-dejta addizzjonali ta’ sena oħra ta’ riżultati ta’ monitoraġġ, jiġifieri d-dejta għall-2010, il-mudell użat juri li l-fiduċja fil-previżjonijiet tal-għadd ta’ każijiet għall-koorti mill-2000 għar-Repubblika Ċeka, il-Polonja u s-Slovakkja żdiedet b’mod sostanzjali. Minħabba dan u abbażi tar-riżultati tal-analiżi mwettqa, l-EFSA kkonkludiet li t-tnaqqis fl-epidemija tal-BSE issa huwa konsiderevoli f’dawn it-tliet Stati Membri.

(37)

L-opinjoni tal-EFSA tat-13 ta’ April 2011 tikkonkludi wkoll li jekk il-limitu ta’ età għall-ittestjar tal-BSE jiżdied għal 72 xahar fil-baqar maqtula b’saħħithom, huwa mistenni li inqas minn każ klassiku wieħed tal-BSE jgħaddi mingħajr ma wieħed jinduna bih fl-2012. Wieħed jista’ jikkonkludi minn din is-sejba li r-riskju għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali jkun negliġibbli jekk l-ittestjar tal-BSE attwali jiġi adattat kif xieraq.

(38)

Fl-10 ta’ Frar 2011, ir-Repubblika Ċeka ppreżentat applikazzjoni lill-Kummissjoni biex jiġi rivedut il-programm annwali tagħha ta’ monitoraġġ tal-BSE.

(39)

Fil-15 ta’ Frar 2011, is-Slovakkja ppreżentat applikazzjoni lill-Kummissjoni biex jiġi rivedut il-programm annwali tagħha ta’ monitoraġġ tal-BSE.

(40)

Fis-26 ta’ April 2011, il-Polonja ppreżentat applikazzjoni lill-Kummissjoni biex jiġi rivedut il-programm annwali tagħha ta’ monitoraġġ tal-BSE.

(41)

L-applikazzjonijiet ippreżentati minn dawk it-tliet Stati Membri nstabu li kienu jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha għar-reviżjoni tal-programmi annwali ta’ monitoraġġ stabbiliti fl-Artikolu 6(1b) tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 u stipulati fil-punt 7 tal-Parti I tal-Kapitolu A tal-Anness III tiegħu. Għaldaqstant, dawn għandhom jiġu awtorizzati jirrevedu l-programmi tagħhom ta’ monitoraġġ annwali tal-BSE u l-iskema ta’ ttestjar tal-BSE f’dawn it-tliet Stati Membri għandha tiġi armonizzata ma’ dik li kisbet opinjoni pożittiva mill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali fil-15 ta’ Frar 2011.

(42)

Fid-dawl taċ-ċirkustanzi ġodda li rriżultaw wara l-vot, l-abbozz ta’ Deċiżjoni li fil-15 ta’ Frar 2011 kiseb l-opinjoni pożittiva tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali, ma għandux jiġi adottat u għandu jiġi ppreżentat abbozz ġdid ta’ Deċiżjoni li testendi d-dispożizzjonijiet li diġà ġew ivvotati għar-Repubblika Ċeka, il-Polonja u l-Islovakkja, għall-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali.

(43)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/719/KE għalhekk għandha tiġi emendata skont dan.

(44)

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Lulju 2011 sabiex jingħata biżżejjed żmien lill-Istati Membri biex jallinjaw il-proċeduri ta’ monitoraġġ tal-BSE tagħhom mal-emendi magħmula fid-Deċiżjoni 2009/719/KE permezz ta’ din id-Deċiżjoni.

(45)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2009/719/KE għandha tiġi emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 2 jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 2

1.   Il-programmi annwali ta’ monitoraġġ riveduti għandhom japplikaw biss għall-annimali bovini li jitwieldu fl-Istati Membri elenkati fl-Anness u għandhom ikopru mill-inqas il-kategoriji li ġejjin:

(a)

l-annimali bovini kollha ta’ aktar minn 72 xahar soġġetti għal qtil normali għall-konsum mill-bniedem, jew maqtula fil-kuntest ta’ kampanja għall-qerda ta’ marda iżda li ma juru l-ebda sinjal kliniku ta’ mard, kif imsemmi fil-punt 2.2 tal-Parti I tal-Kapitolu A tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 999/2001;

(b)

l-annimali bovini kollha ta’ aktar minn 48 xahar soġġetti għal qtil ta’ emerġenza jew b’osservazzjonijiet fi spezzjoni ante mortem kif imsemmi fil-punt 2.1 tal-Parti I tal-Kapitolu A tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 999/2001;

(c)

l-annimali bovini kollha ta’ aktar minn 48 xahar, kif imsemmi fil-punt 3.1 tal-Parti I tal-Kapitolu A tal-Anness III ta’ dak ir-Regolament, li mietu jew inqatlu iżda li ma kinux:

(i)

maqtula biex jinqerdu skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 716/96 (*),

(ii)

maqtula fil-kuntest ta’ epidemija, bħal dik tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer;

(iii)

maqtula għall-konsum mill-bniedem.

2.   Meta annimali bovini li jagħmlu parti mill-kategoriji msemmija fil-paragrafu 1 u li twieldu f’wieħed mill-Istati Membri elenkati fl-Anness jiġu ttestjati għall-BSE fi Stat Membru ieħor, għandhom japplikaw il-limiti ta’ età għall-ittestjar li jkunu fis-seħħ fl-Istat Membru fejn isiru t-testijiet.

3.   B’deroga mill-punt (a) tal-paragrafu 1, mill-1 ta’ Jannar 2013, l-Istati Membri elenkati fl-Anness jistgħu jiddeċiedu li jittestjaw kampjun annwali minimu biss tas-subpopolazzjonijiet imsemmija f’dak il-punt.

(*)  ĠU L 99, 20.4.1996, p. 14.”"

(2)

L-Anness għandu jinbidel bit-test fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Lulju 2011.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Ġunju 2011.

Għall-Kummissjoni

John DALLI

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 147, 31.5.2001, p. 1.

(2)  ĠU L 256, 29.9.2009, p. 35.

(3)  The EFSA Journal 2010; 8(12):1946.

(4)  ĠU L 68, 15.3.1973, p. 1.

(5)  The EFSA Journal 2011; 9(4):2142.


ANNESS

“ANNESS

Lista ta’ Stati Membri u territorji awtorizzati jirrevedu l-programmi ta’ monitoraġġ annwali tagħhom tal-BSE

Il-Belġju

Ir-Repubblika Ċeka

Id-Danimarka

Il-Ġermanja

L-Estonja

L-Irlanda

Il-Greċja

Spanja

Franza

L-Italja

Ċipru

Il-Latvja

Il-Litwanja

Il-Lussemburgu

L-Ungerija

Malta

Il-Pajjiżi l-Baxxi

L-Awstrija

Il-Polonja

Il-Portugall

Is-Slovakkja

Is-Slovenja

Il-Finlandja

L-Isvezja

Ir-Renju Unit u ċ-Channel Islands u l-Isle of Man”.


Top