EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0331

2011/331/UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas- 6 ta’ Ġunju 2011 dwar l-istabbiliment tal-kriterji ekoloġiċi għall-għoti tal-Ekotikketta tal-UE għal sorsi tad-dawl (notifikata bid-dokument numru C(2011) 3749) Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 148, 7.6.2011, p. 13–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2014: This act has been changed. Current consolidated version: 07/06/2014

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/331/oj

7.6.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 148/13


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-6 ta’ Ġunju 2011

dwar l-istabbiliment tal-kriterji ekoloġiċi għall-għoti tal-Ekotikketta tal-UE għal sorsi tad-dawl

(notifikata bid-dokument numru C(2011) 3749)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2011/331/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 66/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar skema ta’ Ekotikketta tal-UE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(2) tiegħu,

Wara li kkonsultat lill-Bord tal-Ekotikkettar tal-Unjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Skont ir-Regolament (KE) Nru 66/2010, l-Ekotikketta tal-UE tista’ tingħata lil dawk il-prodotti b’impatt ambjentali mnaqqas tul iċ-ċiklu kollu ta’ ħajjithom.

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 66/2010 jipprovdi li kriterji speċifiċi tal-Ekotikketta tal-UE għandhom ikunu stabbiliti skont il-gruppi tal-prodotti.

(3)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/747/KE (2) stabbiliet il-kriterji ekoloġiċi u r-rekwiżiti ta’ valutazzjoni u verifika relatati mal-bozoz tad-dawl. Dawn il-kriterji huma validi sal-31 ta’ Awwissu 2011.

(4)

Dawk il-kriterji ġew analizzati fid-dawl tal-iżviluppi teknoloġiċi. Fid-dawl tal-analiżi, huwa xieraq li d-definizzjoni tal-prodott tiġi mmodifikata u li l-isem tal-grupp tal-prodotti jinbidel. Dawk il-kriterji l-ġodda, kif ukoll ir-rekwiżiti ta’ valutazzjoni u verifika relatati, għandhom ikunu validi għal sentejn mid-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

(5)

Id-Deċiżjoni 2002/747/KE għandha tiġi ssostitwita għal raġunijiet ta’ ċarezza.

(6)

Għandu jingħata perjodu ta’ tranżizzjoni għall-produtturi li l-prodotti tagħhom ingħataw l-Ekotikketta għal bozoz tad-dawl abbażi tal-kriterji stabbiliti fid-Deċiżjoni 2002/747/KE, sabiex ikollhom żmien suffiċjenti biex jadattaw il-prodotti tagħhom biex jikkonformaw mal-kriterji u r-rekwiżiti riveduti. Il-produtturi għandhom ukoll ikunu jistgħu jippreżentaw applikazzjonijiet abbażi tal-kriterji stabbiliti fid-Deċiżjoni 2002/747/KE jew tal-kriterji stabbiliti f’din id-Deċiżjoni sakemm tiskadi l-validità ta’ dik id-Deċiżjoni.

(7)

Il-miżuri pprovduti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 66/2010,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-grupp tal-prodotti “sorsi tad-dawl” għandu jinkludi s-sorsi kollha tad-dawl ta’ fluss luminuż ≥ 60 u ≤ 12 000 lumens għal applikazzjonijiet ta’ tidwil ġenerali b’konnessjoni diretta jew indiretta mal-provvista tal-elettriku pubblika mgħammrin b’kappa tal-bozza (lamp cap) elenkata f’EN 60061 u magħmulin biex jipproduċu radjazzjoni viżibbli.

2.   It-tipi ta’ sorsi tad-dawl li ġejjin mhumiex inklużi fil-grupp tal-prodotti: bozoz direzzjonali, bozoz ta’ skariku ta’ intensità għolja, bozoz ikkuluriti, bozoz tal-projetturi, dwal fotografiċi, tubi tas-solarjums, sistemi li jaħdmu b’batterija u sorsi oħrajn tad-dawl li mhumiex intenzjonati għal applikazzjonijiet ġenerali ta’ tidwil. Is-sorsi tad-dawl li ġejjin mhumiex inklużi fil-grupp tal-prodotti jekk ma jkunux fornuti direttament mill-mejn: bozoz fluworoxxenti kumpatti integrali, bozoz bil-filament, bozoz LED.

Artikolu 2

Sabiex jingħata l-Ekotikketta skont ir-Regolament (KE) Nru 66/2010, oġġett li huwa sors tad-dawl għandu jaqa’ fil-grupp tal-prodotti “sorsi tad-dawl” kif iddefinit fl-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni u għandu jikkonforma mal-kriterji ekoloġiċi kif ukoll mar-rekwiżiti ta’ valutazzjoni u verifika relatati stabbiliti fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Il-kriterji għall-grupp tal-prodotti “sorsi tad-dawl”, kif ukoll il-ħtiġijiet ta’ valutazzjoni u verifika relatati, għandhom ikunu validi għal sentejn mid-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 4

Għal finijiet amministrattivi, in-numru tal-kodiċi assenjat lill-grupp tal-prodotti “sorsi tad-dawl” għandu jkun “008”.

Artikolu 5

Id-Deċiżjoni 2002/747/KE hija rrevokata.

Artikolu 6

1.   B’deroga mill-Artikolu 5, l-applikazzjonijiet għall-Ekotikketta tal-UE għall-prodotti li jaqgħu fi ħdan il-grupp tal-prodotti “bozoz tad-dawl” ippreżentati qabel id-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni għandhom jiġu evalwati skont il-kundizzjonijiet stipulati fid-Deċiżjoni 2002/747/KE.

2.   L-applikazzjonijiet għall-Ekotikketta tal-UE għal prodotti li jaqgħu fil-grupp tal-prodotti “sorsi tad-dawl” ippreżentati mid-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni iżda sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Awwissu 2011, jistgħu jkunu bbażati jew fuq il-kriterji stabbiliti fid-Deċiżjoni 2002/747/KE jew fuq il-kriterji stabbiliti f’din id-Deċiżjoni.

3.   Dawk l-applikazzjonijiet għandhom jiġu evalwati skont il-kriterji li huma bbażati fuqhom.

4.   Fejn l-Ekotikketta tal-UE tingħata abbażi ta’ applikazzjoni evalwata skont il-kriterji stabbiliti fid-Deċiżjoni 2002/747/KE, dik l-Ekotikkketta tal-UE tista’ tintuża għal 12-il xahar mid-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 7

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Ġunju 2011.

Għall-Kummissjoni

Janez POTOČNIK

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 27, 30.1.2010, p. 1.

(2)  ĠU L 242, 10.9.2002, p. 44.


ANNESS

QAFAS

L-għanijiet tal-kriterji

Dawn il-kriterji jimmiraw b’mod partikolari li jippromwovu t-tnaqqis tal-ħsara ambjentali jew riskji relatati mal-użu tal-enerġija (tisħin globali, aċidifikazzjoni, tnaqqir tar-riżorsi mhux rinnovabbli) billi jnaqqsu l-konsum tal-enerġija, mal-użu ta’ riżorsi kemm fil-manifattura kif ukoll fit-trattament/rimi ta’ sors tad-dawl billi jżidu l-ħajja medja tiegħu u mal-użu tal-merkurju billi jnaqqsu l-emissjonijiet totali tal-merkurju tul il-ħajja ta’ sors tad-dawl.

Il-kriterji jinkoraġġixxu wkoll l-implimentazzjoni tal-aqwa prattika (l-aħjar użu ambjentali) u jżidu l-għarfien ambjentali tal-konsumaturi. Il-kriterji huma stabbiliti f’livelli li jippromwovu t-tikkettar ta’ sorsi tad-dawl li huma prodotti b’impatt ambjentali baxx.

KRITERJI

Huma stabbiliti kriterji għal kull wieħed minn dawn l-aspetti:

1.

Effiċjenza fl-użu tal-enerġija, Tul tal-ħajja, Manutenzjoni tal-lumen u Kontenut ta’ merkurju

2.

Ix-xegħil/tifi

3.

L-indiċi tal-apparenza tal-kulur

4.

Il-konsistenza tal-kulur

5.

Sustanzi u taħlitiet perikolużi

6.

Sustanzi elenkati skont l-Artikolu 59(1) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1)

7.

Il-partijiet tal-plastik

8.

L-imballaġġ

9.

L-istruzzjonijiet għall-utent

10.

Ir-responsabbiltà soċjali

11.

L-informazzjoni li tidher fuq l-Ekotikketta tal-UE

Rekwiżiti ta’ valutazzjoni u verifika

Ir-rekwiżiti speċifiċi ta’ valutazzjoni u verifika huma indikati f’kull kriterju.

Fejn l-applikant huwa meħtieġ li jipprovdi dikjarazzjonijiet, dokumentazzjoni, analiżi tar-rapporti tat-test jew evidenza oħra li turi l-konformità mal-kriterji, huwa mifhum li dawn jistgħu joriġinaw mill-applikant u/jew il-fornitur(i) tiegħu u/jew il-fornitur(i) tagħhom, kif xieraq.

Fejn possibbli, l-ittestjar għandu jitwettaq minn laboratorji li jissodisfaw ir-rekwiżiti ġenerali ta’ EN ISO 17025 jew l-ekwivalenti.

Fejn ikun xieraq, jistgħu jintużaw metodi ta’ ttestjar oħra minbarra dawk indikati għall kull kriterju jekk il-korp kompetenti li jivvaluta l-applikazzjoni jaċċetta l-ekwivalenza tagħhom.

Fejn xieraq, il-korpi kompetenti jistgħu jitolbu dokumentazzjoni ta’ appoġġ u jistgħu jwettqu verifiki indipendenti.

KRITERJI TAL-EKOTIKKETTA TAL-UE

Kriterju 1 –   Effiċjenza fl-użu tal-enerġija, Tul tal-ħajja, Manutenzjoni tal-lumen u Kontenut ta’ merkurju

Is-sorsi tad-dawl għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

 

B’tarf wieħed

B’tarf doppju

Effiċjenza fl-użu tal-enerġija

10 % aħjar mill-valur ta’ lumen għal kull watt skont il-Klassi A

10 % aħjar mill-valur ta’ lumen għal kull watt skont il-Klassi A

Tul tal-ħajja (sigħat)

15 000

20 000

Manutenzjoni tal-Lumen

80 % f’9 000 siegħa

90 % f’16 000 siegħa

Merkurju (mg)

< 1,5

< 3,0

Nota:

L-effiċjenza fl-użu tal-enerġija hija ddefinita fl-Anness IV tad-Direttiva tal-Kummissjoni 98/11/KE (2).

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi rapport tat-test li jiddikjara li l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, it-tul tal-ħajja u l-manutenzjoni tal-lumen tas-sorsi tad-dawl għajr l-LEDs ġew stabbiliti bl-użu tal-proċeduri tat-test imsemmijin f’EN 50285.

Għall-effiċjenza, it-tul tal-ħajja u l-manutenzjoni tal-lumen tas-sorsi tad-dawl LED, u għall-kontenut ta’ merkurju ta’ sorsi tad-dawl fluworexxenti, l-applikant għandu jipprovdi rapporti tat-test li jużaw proċeduri tal-kejl affidabbli, preċiżi u riproduċibbli, li jqisu l-aħjar metodi ta’ kejl disponibbli dak il-ħin u rikonoxxuti b’mod ġenerali, inklużi l-metodi stabbiliti f’dokumenti li n-numri ta’ referenza tagħhom kienu ppubblikati għal dak il-għan f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Ir-rapport għandu jiddikjara l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, it-tul tal-ħajja, il-manutenzjoni tal-lumen u l-kontenut ta’ merkurju tas-sors tad-dawl. Jekk it-test xieraq għat-tul tal-ħajja ma jkunx tlesta, it-tul tal-ħajja operattiv kif iddikjarat fuq l-imballaġġ huwa aċċettabbli sakemm jinkiseb ir-riżultat tat-test. Madankollu, ir-riżultat tat-test għandu jiġi pprovdut fi żmien 12-il xahar mid-data tal-applikazzjoni għall-Ekotikketta tal-UE. Għat-test tat-tul tal-ħajja, 75 % mill-kampjun tat-test għandu jissodisfa r-rekwiżit.

Kriterju 2 –   Ix-xegħil/tifi

Għall-bozoz fluworexxenti kumpatti (CFLs) u LEDs, l-għadd ta’ ċikli ta’ xegħil/tifi li s-sors tad-dawl jiflaħ għalih qabel ma jieqaf prematurament għandu jkun akbar mit-tul tal-ħajja tal-bozza rrappreżentat f’sigħat.

Għall-bozoz li jgħidu li jifilħu xegħil u tifi frekwenti, dan l-għadd għandu jkun ogħla minn 60 000 ċiklu ta’ xegħil/tifi.

Valutazzjoni u verifika: għas-CFLs l-applikant għandu jipprovdi rapport tat-test li jiddikjara li l-għadd ta’ ċikli ta’ xegħil/tifi għas-CFL ġie ddeterminat bl-użu ta’ test ta’ ċiklu rapidu (minuta (1) mixgħula, tliet (3) minuti mitfija) u l-proċeduri tat-test għat-tul tal-ħajja msemmijin f’EN 50285.

Għal-LEDs, l-applikant għandu jipprovdi rapport tat-test li juża proċeduri tal-kejl affidabbli, preċiżi u riproduċibbli, li jqisu l-aħjar metodi ta’ kejl disponibbli dak il-ħin u rikonoxxuti b’mod ġenerali, inklużi l-metodi stabbiliti f’dokumenti li n-numri ta’ referenza tagħhom ġew ippubblikati għal dak il-għan f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Ir-rapport għandu jiddikjara l-għadd ta’ ċikli ta’ xegħil/tifi milħuq meta 50 % tas-CFLs jew LEDs ittestjati jissodisfaw ir-rekwiżiti għat-tul tal-ħajja ta’ bozza msemmija fl-istandards rispettivi.

Kriterju 3 –   L-indiċi tal-apparenza tal-kulur

L-indiċi tal-apparenza tal-kulur (Ra) tas-sors tad-dawl għandu jkun akbar minn 85.

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi rapport tat-test li jiddikjara li l-indiċi tal-apparenza tal-kulur tas-sors tad-dawl ġie ddeterminat bl-użu tal-proċedura tat-test imsemmija fid-dokument-CIE 13.3. Ir-rapport għandu jagħti l-indiċi tal-apparenza tal-kulur tas-sors tad-dawl.

Kriterju 4 –   Il-konsistenza tal-kulur

Is-sors tad-dawl għandu jkollu Temperatura tal-Kulur Ikkorrelatata (CCT) mifruxa fuq ellissi ta’ McAdam bi tliet fażijiet jew aħjar.

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi rapport tat-test li jiddikjara li l-firxa tat-temperatura tal-kulur ikkorrelatata (CCT) hija f’ellissi ta’ McAdam bi tliet fażijiet jew aħjar bl-użu ta’ proċeduri affidabbli, preċiżi u riproduċibbli, li jqisu l-aħjar metodi ta’ kejl disponibbli dak il-ħin u rikonoxxuti b’mod ġenerali, inklużi l-metodi stabbiliti f’dokumenti li n-numri ta’ referenza tagħhom ġew ippubblikati għal dak il-għan f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Kriterju 5 –   Sustanzi u taħlitiet perikolużi

Skont l-Artikolu 6(6) tar-Regolament (KE) Nru 66/2010, il-prodott jew kwalunkwe parti minnu ma għandux/għandhomx jinkludi/u sustanzi msemmijin fl-Artikolu 57 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 u lanqas sustanzi jew taħlitiet li jistgħu jiġu jew li ġew assenjati d-dikjarazzjonijiet ta’ periklu jew il-frażijiet ta’ riskju li ġejjin.

Lista ta’ dikjarazzjonijiet ta’ periklu u frażijiet ta’ riskju:

Dikjarazzjoni ta’ Periklu (3)

Frażi ta’ Riskju (4)

H300 Fatali jekk jinbela’

R28

H301 Tossiku jekk jinbela’

R25

H304 Jista’ jkun fatali jekk jinbela’ u jidħol fil-pajpijiet tan-nifs

R65

H310 Fatali jekk jiġi f’kuntatt mal-ġilda

R27

H311 Tossiku jekk jiġi f’kuntatt mal-ġilda

R24

H330 Fatali jekk jiġi inalat

R23/26

H331 Tossiku jekk jiġi inalat

R23

H340 Jista’ jikkawża difetti ġenetiċi

R46

H341 Suspettat li jikkawża difetti ġenetiċi

R68

H350 Jista’ jikkawża l-kanċer

R45

H350i Jista’ jikkawża l-kanċer meta jiġi inalat

R49

H351 Suspettat li jikkawża l-kanċer

R40

H360F Jista’ jagħmel ħsara lill-fertilità

R60

H360D Jista’ jagħmel ħsara lit-tarbija li għadha ma twelditx

R61

H360FD Jista’ jagħmel ħsara lill-fertilità. Jista’ jagħmel ħsara lit-tarbija li għadha ma twelditx

R60/61/60-61

H360Fd Jista’ jagħmel ħsara lill-fertilità. Suspettat li jagħmel ħsara lit-tarbija li għadha ma twelditx

R60/63

H360Df Jista’ jagħmel ħsara lit-tarbija li għadha ma twelditx. Suspettat li jagħmel ħsara lill-fertilità

R61/62

H361f Suspettat li jagħmel ħsara lill-fertilità

R62

H361d Suspettat li jagħmel ħsara lit-tarbija li għadha ma twelditx

R63

H361fd. Suspettat li jagħmel ħsara lill-fertilità. Suspettat li jagħmel ħsara lit-tarbija li għadha ma twelditx.

R62-63

H362 Jista’ jikkawża ħsara lil tfal imreddgħa

R64

H370 Jikkawża ħsara lill-organi

R39/23/24/25/26/27/28

H371 Jista’ jikkawża ħsara lill-organi

R68/20/21/22

H372 Jikkawża ħsara lill-organi f’każ ta’ esponiment ripetut jew fuq perjodu twil ta’ żmien

R48/25/24/23

H373 Jista’ jikkawża ħsara lill-organi f’każ ta’ esponiment ripetut jew fuq perjodu twil ta’ żmien

R48/20/21/22

H400 Tossiku ħafna għall-organiżmi akkwatiċi

R50

H410 Tossiku ħafna għall-organiżmi akkwatiċi b’mod li jħalli effetti għat-tul

R50-53

H411 Tossiku għall-organiżmi akkwatiċi b’mod li jħalli effetti għat-tul

R51-53

H412 Jagħmel ħsara lill-organiżmi akkwatiċi b’mod li jħalli effetti għat-tul

R52-53

H413 Jista’ jikkawża effetti għat-tul lill-organiżmi akkwatiċi

R53

EUH059 Perikoluż għas-saff tal-ożonu

R59

EUH029 Meta jiġi f’kuntatt mal-ilma jillibera gass tossiku

R29

EUH031 Meta jiġi f’kuntatt mal-aċidi jillibera gass tossiku

R31

EUH032 Meta jiġi f’kuntatt mal-aċidi jillibera gass tossiku ħafna

R32

EUH070 Tossiku meta jiġi f’kuntatt mal-għajnejn

R39-41

L-użu ta’ sustanzi jew taħlitiet li mal-ipproċessar jibdlu l-proprjetajiet tagħhom (eż. ma jibqgħux aktar bijodisponibbli, jgħaddu minn modifika kimika) b’mod li l-periklu identifikat ma japplikax aktar, huma eżentati mir-rekwiżit ta’ hawn fuq.

Il-limiti ta’ konċentrazzjoni għal sustanzi jew taħlitiet li jissodisfaw il-kriterji ta’ klassifikazzjoni bil-klassijiet jew kategoriji ta’ periklu msemmijin hawn fuq, u għal sustanzi li jissodisfaw il-kriterji fl-Artikolu 57(a), (b) jew (c) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, ma għandhomx jaqbżu l-limiti ta’ konċentrazzjoni ġeneriċi jew speċifiċi ddeterminati skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008. Jekk il-limiti ta’ konċentrazzjoni speċifiċi jkunu ġew iddeterminati, huma għandhom jieħdu preċedenza fuq dawk ġeneriċi.

Il-limiti ta’ konċentrazzjoni għal sustanzi li jissodisfaw il-kriterji tal-Artikolu 57(d), (e) jew (f) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 ma għandhomx jaqbżu 0,1 % piż skont il-piż.

Is-sustanzi/użijiet li ġejjin tas-sustanzi huma dderogati speċifikament minn dan ir-rekwiżit:

Partijiet omoġenji b’piż taħt 5 g

Id-dikjarazzjonijiet ta’ periklu u l-frażijiet ta’ riskju kollha elenkati hawn fuq

Valutazzjoni u verifika: għal kull parti ta’ aktar minn 5 gm l-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta’ konformità ma’ dan il-kriterju, flimkien mad-dokumentazzjoni relatata, bħal dikjarazzjonijiet ta’ konformità ffirmati mill-fornituri tas-sustanzi u kopji rilevanti tal-Iskedi tad-Dejta dwar is-Sikurezza skont l-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 għas-sustanzi jew it-taħlitiet. Il-limiti ta’ konċentrazzjoni għandhom ikunu speċifikati fl-Iskedi tad-Dejta dwar is-Sikurezza skont l-Artikolu 31 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 għas-sustanzi u t-taħlitiet.

Kriterju 6 –   Is-sustanzi elenkati skont l-Artikolu 59(1) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006

Ma għandha tingħata l-ebda deroga mill-esklużjoni fl-Artikolu 6(6) rigward sustanzi identifikati bħala ta’ tħassib serju ħafna u inklużi fil-lista stabbilita fl-Artikolu 59 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, preżenti f’taħlitiet, f’oġġett jew fi kwalunkwe parti omoġenja ta’ oġġett kumpless f’konċentrazzjonijiet ogħla minn 0,1 %. Il-limiti ta’ konċentrazzjoni speċifiċi stabbiliti skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 għandhom japplikaw fil-każ li l-konċentrazzjoni tkun aktar baxxa minn 0,1 %.

Valutazzjoni u verifika: il-lista ta’ sustanzi identifikati bħala sustanzi ta’ tħassib serju ħafna u inklużi fil-lista tal-kandidati skont l-Artikolu 59 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tista’ tinstab fuq is-sit elettroniku:

http://echa.europa.eu/chem_data/authorisation_process/candidate_list_table_en.asp

Fid-data tal-applikazzjoni għandha ssir referenza għal din il-lista.

L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta’ konformità ma’ dan il-kriterju, flimkien mad-dokumentazzjoni relatata, bħad-dikjarazzjonijiet ta’ konformità ffirmati mill-fornituri tas-sustanzi jew kopji tal-Iskedi tad-Dejta dwar is-Sikurezza rilevanti skont l-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 għas-sustanzi jew it-taħlitiet. Il-limiti ta’ konċentrazzjoni għandhom ikunu speċifikati fl-Iskedi tad-Dejta dwar is-Sikurezza skont l-Artikolu 31 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 għas-sustanzi u t-taħlitiet.

Kriterju 7 –   Il-partijiet tal-plastik

(a)

Jekk fil-proċess tal-manifattura tkun applikata kwalunkwe sustanza plastifikanti, din għandha tikkonforma mar-rekwiżiti dwar is-sustanzi perikolużi stabbiliti fil-Kriterji 5 u 6.

Barra dan, id-DNOP (il-ftalat tad-di-n-ottil), id-DINP (il-ftalat tad-di-isononil) u d-DIDP (il-ftalat tad-di-isodeċil) ma għandhomx jiżdiedu intenzjonalment mal-prodott.

(b)

Il-partijiet tal-plastik ma għandhomx jinkludu kontenut ta’ klorur akbar minn 50 % skont il-piż.

Valutazzjoni u verifika: ċertifikat iffirmat mill-manifattur li jiddikjara l-konformità ma’ dawn ir-rekwiżiti għandu jiġi ppreżentat lill-korp kompetenti tal-għoti. Għandha tiġi pprovduta wkoll dikjarazzjoni ta’ konformità ffirmata mill-fornituri tal-plastik u kopji tal-Iskedi tad-Dejta dwar is-Sikurezza rilevanti dwar materjali u sustanzi lill-korp kompetenti tal-għoti.

Kriterju 8 –   Imballaġġ

Ma għandhomx jintużaw il-laminati u l-plastiks kompożiti.

Fejn jintużaw kaxxi tal-kartun, dawn għandhom ikunu magħmulin minn 80 % ta’ materjal postkonsumatur irriċiklat.

Fejn jintużaw materjali tal-plastik, dawn għandhom ikunu magħmulin tal-inqas minn 50 % ta’ materjal postkonsumatur irriċiklat.

Valutazzjoni u verifika: għandu jiġi pprovdut kampjun tal-imballaġġ tal-prodott mal-applikazzjoni, flimkien mad-dikjarazzjoni korrispondenti ta’ konformità ma’ dan il-kriterju. L-imballaġġ primarju biss, kif iddefinit fid-Direttiva 94/62/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), huwa soġġett għal dan il-kriterju.

Kriterju 9 –   L-istruzzjonijiet għall-utent

Il-prodott għandu jinbiegħ bl-informazzjoni rilevanti għall-utent jew fuq l-imballaġġ jew f’fuljett separat mibjugħ mal-prodott, li jipprovdi parir dwar l-użu ambjentali xieraq tiegħu. B’mod partikolari:

(a)

Għal bozoz li għandhom kappa (cap) E27, E14, B22 jew B15, id-daqs jew l-għamla relattiv(a) tas-sors tad-dawl meta mqabbel ma’ bozza inkandexxenti konvenzjonali għandu/għandha jkun/tkun indikat(a) fuq l-imballaġġ.

(b)

Għal sorsi tad-dawl b’tarf doppju: l-informazzjoni fuq l-imballaġġ għandha tindika li l-prestazzjoni ambjentali tas-sors tad-dawl titjieb meta jintuża ma’ tagħmir b’kontroll elettroniku ta’ frekwenza għolja.

(ċ)

Linji gwida għat-tindif għal sorsi tad-dawl fluworexxenti mkissrin elenkati fuq l-imballaġġ.

(d)

Il-manutenzjoni xierqa ta’ bozoz, bħal tindif, biex jinżamm l-output tal-lumen.

(e)

It-tifi tad-dwal jiffranka l-enerġija u l-flus.

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jiddikjara l-konformità tal-prodott ma’ dawn ir-rekwiżiti, u għandu jipprovdi kopja tal-imballaġġ jew tal-fuljett lill-korp kompetenti li jivvaluta l-applikazzjoni.

Kriterju 10 –   Ir-responsabbiltà soċjali

Il-prinċipji u d-drittijiet fundamentali rigward il-kundizzjonijiet tax-xogħol għandhom jiġu ssodisfati waqt il-produzzjoni tas-sors tad-dawl bl-Ekotikketta.

Il-liċenzjatarju għandu jiżgura li l-produzzjoni tas-sors tad-dawl issegwi l-konvenzjonijiet tal-ILO (6) rigward xogħol mit-tfal, xogħol sfurzat, saħħa u sikurezza, diskriminazzjoni, dixxiplina, sigħat tax-xogħol, pagi, libertà ta’ assoċjazzjoni u negozjar kollettiv.

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jiddikjara konformità ma’ dan ir-rekwiżit u għandu jipprovdi speċifikazzjoni ta’ kuntratti lill-awtoritajiet ta’ spezzjoni u jew kodiċi ta’ kondotta rigward il-konvenzjonijiet tal-ILO inkella ċertifikazzjoni SA8000.

Kriterju 11 –   L-informazzjoni li tidher fuq l-Ekotikketta tal-UE

It-tikketta fakultattiva b’kaxxa tat-test għandha tinkludi t-test li ġej:

“—

Effiċjenza għolja fl-użu tal-enerġija – tiffranka l-flus

Tul ta’ ħajja twil

Prestazzjoni ttestjata”.

Jekk is-sors tad-dawl ma fihx merkurju, it-tikketta fakultattiva tista’ tiddikjara li s-sors tad-dawl ma fihx merkurju.

Il-linji gwida għall-użu tat-tikketta fakultattiva bil-kaxxa tat-test jistgħu jinstabu fil-“Linji gwida għall-użu tal-logo tal-Ekotikketta” fuq is-sit elettroniku: http://ec.europa.eu/environment/ecolabel/promo/logos_en.htm

Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi kampjun tat-tikketta, flimkien ma’ dikjarazzjoni ta’ konformità ma’ dan il-kriterju.


(1)  ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.

(2)  ĠU L 71, 10.3.1998, p. 1.

(3)  Kif ipprovdut fir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1)

(4)  Kif ipprovdut fid-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE (ĠU L 196, 16.8.1967, p. 1)

(5)  ĠU L 365, 31.12.1994, p. 10.

(6)  http://www.ilo.org/


Top