This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32011D0279
2011/279/EU: Commission Decision of 13 May 2011 accepting an undertaking offered in connection with the anti-dumping proceeding concerning imports of zeolite A powder originating in Bosnia and Herzegovina
2011/279/UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 13 ta’ Mejju 2011 li taċċetta impenn offrut b’rabta mal-proċediment tal-anti-dumping fir-rigward tal-importazzjonijiet tat-trab żeolit A li joriġina fil-Bosnja-Ħerzegovina
2011/279/UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 13 ta’ Mejju 2011 li taċċetta impenn offrut b’rabta mal-proċediment tal-anti-dumping fir-rigward tal-importazzjonijiet tat-trab żeolit A li joriġina fil-Bosnja-Ħerzegovina
ĠU L 125, 14.5.2011, p. 26–28
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(HR)
In force
14.5.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 125/26 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tat-13 ta’ Mejju 2011
li taċċetta impenn offrut b’rabta mal-proċediment tal-anti-dumping fir-rigward tal-importazzjonijiet tat-trab żeolit A li joriġina fil-Bosnja-Ħerzegovina
(2011/279/UE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (ir-“Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikoli 8 u 9 tiegħu,
Wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv,
Billi:
A. PROĊEDURA
(1) |
Permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1036/2010 (2), il-Kummissjoni imponiet dazju ta’ antidumping fuq l-importazzjonijiet fl-Unjoni tat-trab żeolit A li joriġina mill-Bosnja-Ħerzegovina. |
(2) |
Wara l-adozzjoni tal-miżuri antidumping provviżorji, il-Kummissjoni kompliet l-investigazzjoni dwar id-dumping, id-dannu, u l-interess tal-Unjoni. L-investigazzjoni kkonfermat is-sejbiet provviżorji ta’ dumping dannuż relatat ma’ dawn l-importazzjonijiet. |
(3) |
Is-sejbiet definittivi u l-konklużjonijiet tal-investigazzjoni huma stipulati fir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 464 tal-11 ta’ Mejju 2011 li jimponi dazju antidumping definittiv u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet tat-trab żeolit A li joriġina mill-Bosnja-Ħerzegovina (3) (“il-prodott ikkonċernat”). |
B. IMPENN
(4) |
Wara l-adozzjoni tal-miżuri antidumping provviżorji, il-produttur esportatur fil-Bosnja-Ħerzegovina li kkoopera, Alumina d.o.o. Zvornik, flimkien mal-kumpanija assoċjata miegħu fl-Unjoni, AB Kauno Tiekimas filialas “Kauno Tiekimas”, li tinsab f’Kaunas, il-Litwanja, offrew impenn għall-prezzijiet skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament bażiku. F’din l-offerta tal-impenn, iż-żewġ kumpaniji offrew li jbiegħu l-prodott ikkonċernat fil-livelli jew ogħla mil-livelli ta’ prezzijiet li jeliminaw l-effetti dannużi ta’ dumping misjuba matul l-investigazzjoni. |
(5) |
L-offerta tal-prezz minimu ta’ importazzjoni mill-kumpaniji kienet ibbażata fuq il-valur normali kkalkulat għall-perjodu tal-investigazzjoni. |
(6) |
L-offerta ta’ impenn kienet tinkludi wkoll id-dispożizzjoni li l-bejgħ tal-prodott ikkonċernat ikun mibgħut direttament minn Alumina d.o.o. Zvornik lill-ewwel konsumatur indipendenti fl-Unjoni u fatturat jew minn Alumina d.o.o. Zvornik lill-ewwel konsumatur indipendenti fl-Unjoni jew fatturat direttament minn Kauno. Barra minn hekk, il-kumpaniji offrew li jwaqqfu kollegament bejn il-fatturi ta’ trasferiment li jikkonċernaw il-prodott ikkonċernat maħruġin minn Alumina d.o.o Zvornik għal Kauno Tiekimas u l-fatturi tal-bejgħ mill-ġdid lill-ewwel konsumatur indipendenti fl-Unjoni minn Kauno Tiekimas. |
(7) |
Iż-żewġ kumpaniji qablu ukoll li jimpenjaw ruħhom li lill-Kummissjoni jipprovduha b’informazzjoni regolari u dettaljata dwar il-bejgħ tagħhom lill-Unjoni, li tħalli li l-impenn jiġi sorveljat b’mod effettiv mill-Kummissjoni. |
C. KUMMENTI TAL-PARTIJIET U L-AĊĊETTAZZJONI TAL-IMPENN
(8) |
L-industrija tal-Unjoni indikat li hija ma taqbilx mal-aċċettazzjoni tal-offerta ta’ impenn, b’mod partikolari ma’ prezz minimu ta’ importazzjoni fiss. Ġie argumentat li l-prezzijiet tat-trab żeolit A jiddependu fuq l-ispejjeż tal-materja prima, speċjalment is-soda kawstika, u l-enerġija, u li l-prezzijiet fis-suq huma mistennija li jogħlew. F’dan ir-rigward ta’ min jinnota li l-informazzjoni disponibbli li tikkonċerna l-proċess ta’ żvilupp tal-ispejjeż tal-produzzjoni (li jinkludu l-ispejjeż tal-materja prima u tal-enerġija) tikkonferma li l-proċess ta’ żvilupp kien lineari. L-informazzjoni miġbura waqt l-investigazzjoni tissuġġerixxi li l-prezzijiet tal-materja prima l-iktar importanti ma nbidlux b’mod eżaġerat, bl-eċċezzjoni tas-soda kawstika f’nofs l-2009. Madankollu din it-tendenza nqalbet lejn l-aħħar tal-2009 u l-prezzijiet reġgħu lura għall-medja ta’ żmien twil. Barra minn hekk, l-enerġija mhijiex dħul tal-materja prima u ma tistax tkun kollegata ma’ prezz minimu ta’ importazzjoni. L-industrija tal-Unjoni argumentat jekk il-produttur esportatur tal-Bosnja u l-kumpanija assoċjata miegħu fl-Unjoni hux ta’ min jafdahom meta wieħed jikkunsidra s-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom. Madankollu, sabiex tikkonferma din l-affermazzjoni, ma ngħatat l-ebda informazzjoni konkreta u li tista’ tkun ivverifikata. L-affidabilità tal-partijiet imsemmija ġiet ukoll iddubitata minħabba li ġie argumentat li huma ddikjaraw l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat taħt diversi kodiċi NM. F’dan ir-rigward, ta’ min jinnota li l-prodott ikkonċernat bħalissa jaqa’ taħt il-kodiċi NM ex 2842 10 00 u li mhijiex issir dikjarazzjoni tad-dwana mill-kumpaniji li qed joffru l-impenn. Ġie ukoll argumentat li l-produttur esportatur tal-Bosnja jista’ jbigħ prodotti oħra fl-Unjoni, għalhekk jiżdied il-periklu ta’ kumpens trasversali, u li waqt li tkun qed tbiegħ il-prodott taħt il-prezz minimu ta’ importazzjoni, il-kumpanija assoċjata fl-Unjoni tista’ tipprovdi kumpens lill-klijenti tagħha tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, ta’ min jinnota li l-Kummissjoni ma waqqfet l-ebda periklu sistemiku tal-kumpens trasversali, b’mod partikolari minħabba li s-suq u l-klijenti tat-trab żeolit A huma spjegati tajjeb. Huwa minnu li l-klijenti li jixtru t-trab żeolit A ma jixtrux prodotti oħra magħmula minn Alumina d.o.o. Zvornik minħabba li huma joperaw fi swieq kompletament differenti mill-konsumaturi tal-prodotti l-oħra. F’dan ir-rigward, qed issir enfasi biex il-partijiet suġġetti għal din l-offerta ta’ impenn jiġu sorveljati mill-qrib. L-industrija tal-Unjoni affermat ukoll li l-offerta ta’ impenn ma ġietx ippreżentata fil-perjodu taż-żmien previst taħt ir-Regolament bażiku. F’dan ir-rigward, ta’ min jinnota li l-offerta ġiet ippreżentata ċertament fil-perjodu ta’ żmien previst taħt l-Artikolu 8(2) tar-Regolament bażiku. L-industrija tal-Unjoni ppreżentat xi kummenti oħra li jikkonċernaw il-metodu ta’ kalkulazzjoni tal-prezz minimu ta’ importazzjoni u s-sorveljanza ta’ offerta ta’ din ix-xorta, li madankollu ma kinux ikkunsidrati bħala rilevanti jew ġustifikati minħabba li l-Kummissjoni żgurat li l-prezz minimu ta’ importazzjoni propost huwa konformi mal-prattiċi amministrattivi tagħha li huma segwiti fir-rigward tal-offerti ta’ impenn. |
(9) |
Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, l-impenn offrut miż-żewġ kumpaniji huwa aċċettabbli. |
(10) |
Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tissorvelja b’mod effettiv il-konformità tal-kumpaniji mal-impenn, meta t-talba għar-rilaxx għal ċirkolazzjoni ħielsa titressaq quddiem l-awtorità rilevanti tad-dwana, l-eżenzjoni mid-dazju antidumping se tkun tiddependi fuq (i) il-preżentazzjoni ta’ fattura ta’ impenn li jkun fiha mill-inqas l-elementi elenkati fl-Anness għar-Regolament (UE) Nru 464; (ii) il-fatt li l-oġġetti importati huma manifatturati minn Alumina d.o.o. Zvornik u mibgħuta direttament minnha lill-ewwel konsumatur indipendenti fl-Unjoni u fatturati lill-ewwel konsumatur indipendenti fl-Unjoni jew direttament minn Alumina d.o.o. Zvornik jew Kauno Tiekimas u (iii) il-fatt li l-oġġetti ddikjarati u ppreżentati lid-dwana jaqblu preċiżament mad-deskrizzjoni tal-fattura ta’ impenn. Meta ma titressaq l-ebda fattura bħal din, jew meta din ma tikkorrispondix mal-prodott ippreżentat lid-dwana, għandha minflok titħallas ir-rata xierqa ta’ dazju tal-antidumping. |
(11) |
Biex jiġi żgurat li l-impenn ikun rispettat, l-importaturi ġew mgħarrfa mir-Regolament tal-Kunsill imsemmi hawn fuq fi premessa (3), li jekk ma jintlaħqux il-kundizzjonijiet stabbiliti minn dak ir-Regolament, jew il-Kummissjoni tirtira l-aċċettazzjoni tal-impenn, dan jista’ jwassal biex jinħoloq dejn tad-dwana għat-tranżazzjonijiet rilevanti. |
(12) |
Fil-każ ta’ ksur jew irtirar tal-impenn, jew fil-każ ta’ rtirar tal-aċċettazzjoni tal-impenn mill-Kummissjoni, id-dazju tal-antidumping impost skont l-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku għandu japplika awtomatikament skont l-Artikolu 8(9) tar-Regolament bażiku, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-impenn offrut mill-produttur esportatur flimkien mal-importatur assoċjat fl-Unjoni imsemmi hawn taħt dwar il-proċediment tal-antidumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet tat-trab żeolit A li joriġina fil-Bosnja-Ħerzegovina, huwa b’dan aċċettat.
Pajjiż |
Kumpanija |
Kodiċi Addizzjonali Taric |
Il-Bosnja-Ħerzegovina |
Manifatturat, mibgħut u fatturat direttament minn Alumina d.o.o., Zvornik, il-Bosnja-Ħerzegovina lill-ewwel konsumatur indipendenti fl-Unjoni |
B115 |
Il-Bosnja-Ħerzegovina |
Manifatturat, mibgħut u fatturat direttament minn Alumina d.o.o., Zvornik, il-Bosnja-Ħerzegovina lill-ewwel konsumatur indipendenti fl-Unjoni u fatturat direttament minn AB Kauno Tiekimas filialas, Kaunas, il-Litwanja, lill-ewwel konsumatur indipendenti fl-Unjoni |
B116 |
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Mejju 2011.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.
(2) ĠU L 298, 16.11.2010, p. 27.
(3) Ara paġna 1 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.