Wybierz funkcje eksperymentalne, które chcesz wypróbować

Ten dokument pochodzi ze strony internetowej EUR-Lex

Dokument 32011D0210

    Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/210/PESK tal- 1 ta’ April 2011 dwar operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea sabiex tappoġġa operazzjonijiet ta’ assistenza umanitarja bħala risposta għas-sitwazzjoni ta' kriżi fil-Libja (EUFOR Libya)

    ĠU L 89, 5.4.2011, str. 17—20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Status prawny dokumentu Już nie obowiązuje, Data zakończenia ważności: 10/11/2011; Imħassar b' 32011D0764

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/210/oj

    5.4.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 89/17


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2011/210/PESK

    tal-1 ta’ April 2011

    dwar operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea sabiex tappoġġa operazzjonijiet ta’ assistenza umanitarja bħala risposta għas-sitwazzjoni ta' kriżi fil-Libja (EUFOR Libya)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 28 u 43(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    Fir-Riżoluzzjoni tiegħu dwar il-Paċi u s-Sigurtà fl-Afrika, adottata fis-26 ta' Frar 2011 (UNSCR 1970 (2011)), il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (Kunsill tas-Sigurtà) esprima tħassib serju dwar is-sitwazzjoni fil-Libja u kkundanna l-vjolenza u l-użu tal-forza kontra l-popolazzjoni ċivili. Barra minn hekk, il-Kunsill tas-Sigurtà appella lill-Istati Membri tan-Nazzjonijiet Uniti biex jagħmlu disponibbli assistenza umanitarja u assistenza relatata fil-Libja.

    (2)

    Fir-Riżoluzzjoni tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Libja, adottata fis-17 ta' Marzu 2011 (UNSCR 1973 (2011)), il-Kunsill tas-Sigurtà fakkar il-UNSCR 1970 (2011) u esprima d-determinazzjoni tiegħu li jiżgura l-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili u ż-żoni b'popolazzjoni ċivili u t-transitu rapidu u bla xkiel tal-assistenza umanitarja u s-sigurtà tal-persunal umanitarju. Huwa laqa' wkoll ir-risposta tal-Istati ġirien, b'mod partikolari t-Tuneżija u l-Eġittu, biex jiġu indirizzati l-bżonnijiet tar-refuġjati u l-ħaddiema barranin u appella lill-komunità internazzjonali biex tappoġġa dawn l-isforzi.

    (3)

    Barra minn hekk, il-Kunsill tas-Sigurtà awtorizza lill-Istati Membri li jkunu nnotifikaw lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, li jkunu qed jaġixxu nazzjonalment jew permezz ta' organizzazzjonijiet jew arranġamenti reġjonali u b'kooperazzjoni miegħu u mal-Istati Membri tal-Lega tal-Istati Għarab, biex jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jipproteġu lill-popolazzjoni ċivili u liż-żoni b'popolazzjoni ċivili taħt theddida ta' attakk fil-Libja, filwaqt li tiġi eskluża forza ta' okkupazzjoni barranija ta' kwalunkwe forma fuq kwalunkwe parti mit-territorju Libjan.

    (4)

    Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-21 ta' Marzu 2011, il-Kunsill esprima t-tħassib tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Libja u kkundanna l-ksur gravi u sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem, il-vjolenza u r-repressjoni brutali mwettqa mir-reġim kontra l-poplu Libjan. Huwa esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-adozzjoni tal-UNSCR 1973 (2011) u ssottolinja d-determinazzjoni tal-Unjoni li tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tagħha u li taġixxi b'mod kollettiv u riżolut, mal-imsieħba internazzjonali kollha, b'mod partikolari mal-Lega ta’ Stati Għarab u partijiet interessati reġjonali oħra, għal dak il-għan. Huwa kkonferma wkoll li l-għan ewlieni tal-Unjoni huwa l-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili u l-appoġġ għall-poplu Libjan biex jilħaq l-aspirazzjonijiet tiegħu għal soċjetà demokratika.

    Il-Kunsill esprima wkoll ir-rieda tal-Unjoni biex tipprovdi appoġġ ta' Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni għall-assistenza umanitarja bħala risposta għal talba tal-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji (OCHA) u taħt ir-rwol ta' koordinazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti.

    (5)

    Fl-24 ta' Marzu 2011 il-Kunsill approva Kunċett ta' Maniġġar tal-Kriżi bħala risposta għall-kriżi fil-Libja. Aktar ippjanar għandu jiffoka fuq appoġġ għall-assistenza umanitarja. Partikolarment, l-operazzjoni m’għandhiex tinċidi fuq in-newtralità jew l-imparzjalità tal-atturi umanitarji. Kwalunkwe deċiżjoni ta’ varar tal-operazzjoni għandha tiġi ppreċeduta minn talba mill-OCHA u għandha tittieħed fid-dawl ta’ stima ta’ riskji u theddid kurrenti.

    (6)

    Qegħdin isiru koordinazzjoni u konsultazzjonijiet mill-qrib mal-Gvernijiet tal-Eġittu u tat-Tuneżija sabiex tkun żgurata l-awtorizzazzjoni tagħhom għal preżenza militari possibbli tal-Unjoni fil-pajjiżi rispettivi tagħhom.

    (7)

    Il-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) għandu jeżerċita, taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sguirtà (ir-Rappreżentant Għoli), kontroll politiku fuq l-operazzjoni militari tal-Unjoni, jagħtiha direzzjoni strateġika, u jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti f’konformità mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 38 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE).

    (8)

    Huwa meħtieġ li jiġu negozjati u konklużi ftehimiet internazzjonali relatati mal-parteċipazzjoni ta’ Stati terzi f’operazzjonijiet tal-Unjoni u relatati mal-istatus tal-forzi u l-persunal tal-Unjoni.

    (9)

    In-nefqa operattiva li tirriżulta minn din id-Deċiżjoni, li jkollha implikazzjonijiet militari jew ta’ difiża, għandha titħallas mill-Istati Membri skont l-Artikolu 41(2) TUE u f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/975/PESK tat- 18 ta’ Diċembru 2008 li tistabbilixxi mekkaniżmu sabiex jiġi amministrat il-finanzjament tal-ispejjeż komuni tal-operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea li jkollhom implikazzjonijiet militari jew ta’ difiża (“ATHENA”) (1).

    (10)

    L-Artikolu 28(1) TUE jagħti s-setgħa lill-Kunsill biex jadotta deċiżjonijiet li jistabbilixxu l-mezzi li għandhom ikunu magħmula disponibbli għall-Unjoni. L-ammont ta’ referenza finanzjarja, għal perijodu inizjali ta' erba' xhur, għall-ispejjeż komuni tal-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea jikkostitwixxi l-aħjar stima attwali u huwa mingħajr preġudizzju għall-figuri finali li għandhom jiġu inklużi f’baġit li għandu jiġi approvat skont ir-regoli stabbiliti f’ATHENA.

    (11)

    Skont l-Artikolu 5 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness għat-TUE u għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), id-Danimarka ma tipparteċipax fl-elaborazzjoni u fl-implimentazzjoni ta’ deċiżjonijiet u azzjonijiet tal-Unjoni li jkollhom implikazzjonijiet ta’ difiża. Id-Danimarka, għalhekk, ma tipparteċipax fil-finanzjament ta’ din l-operazzjoni,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Missjoni

    1.   Bil-ħsieb li jissejsu l-mandati tar-Riżoluzzjonijiet 1970 u 1973 (2011) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, l-Unjoni għandha, jekk tiġi mitluba mill-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji (OCHA), tmexxi operazzjoni militari fil-qafas tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni, minn hawn 'il quddiem imsejħa “EUFOR Libya”, sabiex tappoġġa l-assistenza umanitarja fir-reġjun. L-operazzjoni għandha tirrispetta bis-sħiħ il-Linji Gwida dwar l-użu ta' Assi Militari u ta' Difiża Ċivili għall-appoġġ ta’attivitajiet umanitarji tan-Nazzjonijiet Uniti f’emerġenzi kumplessi u l-Gwida dwar l-użu ta' Assi Militari ta’ Pajjiżi Barranin għall-Appoġġ ta’ Operazzjonijiet Umanitarji fil-Kuntest tal-Kriżi Kurrenti fit-Tramuntana tal-Afrika.

    2.   B'appoġġ għal dan l-objettiv politiku, l-operazzjoni EUFOR Libya, jekk tintalab mill-OCHA, għandha, filwaqt li tirrispetta bis-sħiħ il-Linji Gwida u l-Gwida msemmija fil-paragrafu 1:

    tikkontribwixxi għall-moviment u l-evakwazzjoni siguri ta' persuni spostati,

    tappoġġa, b'kapaċitajiet speċifiċi, l-aġenziji umanitarji fl-attivatjiet tagħhom.

    Artikolu 2

    Ħatra ta' Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE

    Ir-Rear Admiral Claudio GAUDIOSI huwa b’dan maħtur Kmandant tal-Operazzjoni tal-Unjoni Ewropea ta' EUFOR Libya.

    Artikolu 3

    Għażla tal-Kwartieri Ġenerali Operattivi tal-UE

    Il-Kwartieri Ġenerali Operattivi tal-operazzjoni EUFOR Libya għandhom ikunu f'Ruma.

    Artikolu 4

    Ippjanar u tnedija tal-operazzjoni

    Id-Deċiżjoni ta’ varar tal-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi adottata mill-Kunsill, fid-dawl ta’ stima ta’ riskji u theddid kurrenti, wara l-approvazzjoni tal-Pjan tal-Operazzjoni u tar-Regoli tal-Ingaġġ.

    Artikolu 5

    Kontroll politiku u direzzjoni strateġika

    1.   Taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill u tar-Rappreżentant Għoli, il-KPS għandu jeżerċita l-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-operazzjoni EUFOR Libya. Il-Kunsill b’dan jawtorizza lill-KPS sabiex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti f’konformità mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 38 TUE. Din l-awtorizzazzjoni għandha tinkludi s-setgħat biex jiġu emendati d-dokumenti tal-ippjanar, inkluż il-Pjan tal-Operazzjoni, il-Linja tal-Kmand u r-Regoli tal-Ingaġġ. Hija għandha tinkludi wkoll is-setgħat biex jittieħdu deċiżjonijiet dwar il-ħatra tal-Kmandant tal-Operazzjoni tal-Unjoni Ewropea u l-Kmandant tal-Forza tal-Unjoni Ewropea. Is-setgħat ta’ deċiżjoni rigward l-objettivi u t-tmiem tal-operazzjoni EUFOR Libya għandhom jibqgħu f’idejn il-Kunsill.

    2.   Il-KPS għandu jirrapporta lill-Kunsill f’intervalli regolari.

    3.   Il-KPS għandu jirċievi, f’intervalli regolari, rapporti mill-President tal-Kumitat Militari tal-Unjoni Ewropea (EUMC) rigward it-twettiq tal-operazzjoni EUFOR Libya. Il-KPS jista’ jistieden lill-Kmandant tal-Operazzjoni tal-Unjoni Ewropea jew lill-Kmandant tal-Forza għal-laqgħat tiegħu, skont kif ikun meħtieġ.

    Artikolu 6

    Direzzjoni militari

    1.   L-EUMC għandu jissorvelja l-eżekuzzjoni korretta tal-operazzjoni EUFOR Libya mwettqa taħt ir-responsabbiltà tal-Kmandant tal-Operazzjoni tal-Unjoni Ewropea.

    2.   L-EUMC għandu jirċievi, f’intervalli regolari, rapporti mill-Kmandant tal-Operazzjoni tal-Unjoni Ewropea. Huwa jista’ jistieden lilu jew lill-Kmandant tal-Forza għal-laqgħat tiegħu, skont kif ikun meħtieġ.

    3.   Il-President tal-EUMC għandu jaġixxi bħala l-punt ewlieni ta’ kuntatt mal-Kmandant tal-Operazzjoni tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 7

    Implimentazzjoni u konsistenza tar-risposta tal-Unjoni

    1.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jiżgura l-implimetazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u l-konsistenza tagħha mal-azzjoni esterna fl-intier tagħha tal-Unjoni, inklużi l-attivitajiet tal-Unjoni għall-għajnuna umanitarja.

    2.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni tal-Unjoni Ewropea għandu jassisti lir-Rappreżentant Għoli fl-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 8

    Kooperazzjoni ma' atturi oħrajn

    1   L-ippjanar u t-tmexxija tal-operazzjoni għandhom isiru f’kooperazzjoni mill-qrib u b’komplementarità mal-OCHA, li qiegħed jikkoordina r-risposta umanitarja ġenerali, mal-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana u ma’ atturi oħrajn.

    2.   L-operazzjoni EUFOR Libya għandha tikkoopera mill-qrib mal-koordinatur(i) magħżul(a) tan-Nazzjonijiet Uniti, kif ukoll mal-koordinatur jew koordinaturi magħżula tal-Lega tal-Istati Għarab u mal-Istati Membri tagħha.

    3.   Għandhom isiru konsultazzjoni mal-Unjoni Afrikana skont kif ikun meħtieġ.

    Artikolu 9

    Parteċipazzjoni ta’ Stati terzi

    1.   Mingħajr preġudizzju għall-awtonomija tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Unjoni jew għall-qafas istituzzjonali uniku, u skont il-linji gwida rilevanti tal-Kunsill Ewropew, Stati terzi, b'mod partikolari l-Istati Membri tal-Lega tal-Istati Għarab, jistgħu jiġu mistiedna jipparteċipaw fl-operazzjoni.

    2.   Il-Kunsill b’dan jawtorizza lill-KPS biex jistieden lil Stati terzi biex joffru kontributi u biex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti dwar l-aċċettazzjoni tal-kontributi proposti, fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kmandant tal-Operazzjoni tal-Unjoni Ewropea u l-EUMC.

    3.   Arranġamenti dettaljati għall-parteċipazzjoni ta’ Stati terzi għandhom ikunu s-suġġett ta’ ftehimiet konklużi skont l-Artikolu 37 TUE u f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 218 TFUE. Meta l-Unjoni u Stat terz ikunu kkonkludew ftehim li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni ta’ dan tal-aħħar f'operazzjonijiet tal-Unjoni ta’ maniġġar ta’ kriżijiet, id-dispożizzjonijiet ta’ tali ftehim għandhom japplikaw fil-kuntest ta’ din l-operazzjoni.

    4.   L-Istati terzi li jagħmlu kontributi militari sinifikanti għall-operazzjoni EUFOR Libya għandhom ikollhom l-istess drittijiet u obbligi fir-rigward tat-tmexxija ta’ kuljum tal-operazzjoni bħall-Istati Membri li jieħdu sehem fl-operazzjoni.

    5.   Il-Kunsill b’dan jawtorizza lill-KPS biex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti rigward l-istabbiliment ta’ Kumitat ta’ Kontributuri, fil-każ li xi Stati terzi jipprovdu kontributi militari sinifikanti.

    Artikolu 10

    Status tal-forzi u l-persunal immexxija mill-Unjoni

    L-istatus tal-forzi u l-persunal tagħhom immexxija mill-Unjoni, inklużi l-privileġġi, l-immunitajiet u l-garanziji ulterjuri meħtieġa għat-twettiq u l-funzjonament bla xkiel tal-operazzjoni tagħhom, jista’ jkun is-suġġett ta’ ftehimiet konklużi skont l-Artikolu 37 TUE u f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 218(3) TFUE.

    Artikolu 11

    Arranġamenti finanzjarji

    1.   L-ispejjeż komuni tal-operazzjoni EUFOR Libya għandhom jiġu amministrati skont id-Deċiżjoni 2008/975/PESK.

    2.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja għall-ispejjeż komuni tal-operazzjoni EUFOR Libya għandu jkun ta’ EUR 7 900 000. Il-persentaġġ tal-ammont ta’ referenza msemmi fl-Artikolu 25(1) tad-Deċiżjoni 2008/975/PESK għandu jkun ta’ 30 %.

    Artikolu 12

    Rilaxx ta’ informazzjoni lil partijiet terzi

    1.   Ir-Rappreżentant Għoli huwa b’dan awtorizzat jirrilaxxa lill-Eġittu, lil-Lega ta' Stati Għarab, lin-Nazzjonijiet Uniti, lit-Tuneżija u lill-Unjoni Afrikana, kif ukoll lil partijiet terzi oħrajn assoċjati ma’ din id-Deċiżjoni, informazzjoni u dokumenti klassifikati tal-Unjoni ġġenerati għall-finijiet tal-operazzjoni EUFOR Libya sal-livell ta’ klassifikazzjoni adatt għal kull wieħed minnhom u f’konformità mar-regolamenti tas-sigurtà tal-Kunsill (2).

    2.   Ir-Rappreżentant Għoli huwa b’dan awtorizzat jirrilaxxa lill-Eġittu, lil-Lega ta' Stati Għarab, lin-Nazzjonijiet Uniti, lit-Tuneżija u lill-Unjoni Afrikana kif ukoll lil partijiet terzi oħrajn assoċjati ma’ din id-Deċiżjoni, dokumenti mhux klassifikati tal-Unjoni relatati mad-deliberazzjonijiet tal-Kunsill dwar l-Operazzjoni EUFOR Libya li huma koperti bl-obbligu tas-segretezza professjonali skont l-Artikolu 6(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill (3).

    Artikolu 13

    Dħul fis-seħħ u terminazzjoni

    1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

    2.   L-operazzjoni EUFOR Libya għandha, sakemm il-Kunsill ma jiddeċidix mod ieħor, tintemm mhux aktar tard minn erba’ xhur wara li tinkiseb Kapaċità Operattiva Inizjali.

    3.   Din id-Deċiżjoni għandha titħassar mid-data tal-għeluq tal-Kwartieri Ġenerali Operattiv tal-UE jew tal-Kwartieri Ġenerali tal-Forza skont liema tiġi l-aħħar, f’konformità mal-pjani approvati għat-terminazzjoni tal-operazzjoni EUFOR Libya, u mingħajr preġudizzju għall-proċeduri rilevanti li jirrigwardaw il-verifika u l-preżentazzjoni tal-kontijiet tagħha kif stabbilit fid-Deċiżjoni 2008/975/PESK.

    Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ April 2011.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    MARTONYI J.


    (1)  ĠU L 345, 23.12.2008, p. 96.

    (2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/264/KE tad- 19 ta’ Marzu 2001 li tadotta r-regolamenti tal-Kunsill rigward is-sigurtà (ĠU L 101, 11.4.2001, p. 1).

    (3)  Id-Deċizjoni tal-Kunsill 2009/937/UE tal- 1 ta’ Diċembru 2009 li tadotta r-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill (ĠU L 325, 11.12.2009, p. 35).


    Góra