Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010R1255

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1255/2010 tat- 22 ta’ Diċembru 2010 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-kwoti tariffarji tal-importazzjoni għall-prodotti “baby beef” li joriġinaw fil-Bosnja-Ħerżegovina, fil-Kroazja, f'dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, fil-Montenegro u fis-Serbja

    ĠU L 342, 28.12.2010, p. 1–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2020; Imħassar b' 32020R0760

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/1255/oj

    28.12.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 342/1


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1255/2010

    tat-22 ta’ Diċembru 2010

    li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-kwoti tariffarji tal-importazzjoni għall-prodotti “baby beef” li joriġinaw fil-Bosnja-Ħerżegovina, fil-Kroazja, f'dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, fil-Montenegro u fis-Serbja

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (ir-Regolament dwar l-OKS Waħdieni) (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 144(1) u l-Artikolu 148, flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Il-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Kroazja, min-naħa l-oħra, approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni 2005/40/KE, Euratom (2), il-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, min-naħa l-oħra, approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni 2004/239/KE, Euratom (3), il-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Montenegro min-naħa l-oħra approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni 2010/224/UE, Euratom (4), il-Ftehim Provviżorju [Interim] mal-Bosnja-Ħerżegovina, approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/474/KE tas-16 ta' Ġunju 2008 li tikkonċerna l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim Temporanju [Interim] dwar il-kummerċ u materji relatati mal-kummerċ bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa (5), u l-Bosnja-Ħerżegovina, min-naħa l-oħra, u l-Ftehim Provviżorju [Interim] mar-Repubblika tas-Serbja, approvat permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/36/KE tad-29 ta' April 2008 dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim Provviżorju [Interim] dwar il-kummerċ u materji relatati mal-kummerċ bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa waħda, u s-Serbja, min-naħa l-oħra (6), jistabbilixxu kwoti tariffarji annwali preferenzjali ta' 9 400 tunnellata, 1 650 tunnellata, 800 tunnellata, 1 500 tunnellata u 8 700 tunnellata rispettivament għal “baby beef”.

    (2)

    L-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2248/2001 tad-19 ta' Novembru 2001 dwar ċerti proċeduri għall-applikazzjoni tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjonu u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, għall-parti waħda, u r-Repubblika tal-Kroazja, għall-parti l-oħra, u għall-applikazzjoni tal-Ftehim Temporanju [Interim] bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Kroazja (7) u l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 153/2002 tal-21 ta' Jannar 2002 fuq ċerti proċeduri għall-applikazzjoni tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri, fuq naħa, u dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, fuq l-oħra, u għall-applikazzjoni tal-Ftehim Provviżorju [Interim] bejn il-Komunità Ewropea u dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (8) jistipulaw li għandhom ikunu stabbiliti regoli dettaljati għall-implementazzjoni ta' konċessjonijiet tal-“baby beef”.

    (3)

    Sabiex tkun ivverifikata l-konformità mal-kondizzjonijiet tal-kwoti, l-importazzjonjiet taħt il-kwoti għall-“baby beef” għandhom ikunu soġġetti għall-preżentazzjoni ta' ċertifikat ta' awtentiċità li jixhed li l-oġġetti joriġinaw mill-pajjiż tal-ħruġ u li jikkorrispondu eżattament mad-definizzjoni stabbilita fil-ftehim rispettiv. Għandu wkoll jiġi stabbilit mudell għaċ-ċertifikati tal-awtentiċità u għandhom jiġu stipulati regoli dettaljati għall-użu tagħhom.

    (4)

    Il-kwoti konċernati għandhom jiġu ġestiti permezz tal-użu ta' liċenzji tal-importazzjoni. Għal dan il-għan, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 376/2008 tat-23 ta' April 2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati komuni għall-applikazzjoni tas-sistema tal-liċenzji tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni u ta' ċertifikati ta' ffissar bil-quddiem għal prodotti agrikoli (9), u tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 382/2008 tal-21 ta' April 2008 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni għal-liċenzji tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni fis-settur tal-laħam taċ-ċanga u l-vitella (10) għandhom ikunu applikabbli, soġġetti għal dan ir-Regolament.

    (5)

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1301/2006 tal-31 ta' Awwissu 2006 li jistabbilixxi regoli komuni għall-amministrazzjoni ta' kwoti tariffarji tal-importazzjoni għal prodotti agrikoli ġestiti b'sistema ta' liċenzji tal-importazzjoni (11), jistipula b'mod partikolari dispożizzjonijiet dettaljati dwar l-applikazzjonijiet għal liċenzji tal-importazzjoni, l-istatus tal-applikanti, il-ħruġ tal-liċenzji u n-notifiki mill-Istati Membri lill-Kummissjoni. Dak ir-Regolament jillimita l-perjodu ta' validità tal-liċenziji sal-aħħar ġurnata tal-perjodu tal-kwota tariffarja tal-importazzjoni. Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1301/2006 għandhom japplikaw għal liċenzji tal-importazzjoni maħruġa skont dan ir-Regolament, bla ħsara għall-kundizzjonijiet addizzjonali jew id-derogi stipulati f'dan ir-Regolament.

    (6)

    Sabiex tkun żgurata l-ġestjoni tajba tal-importazzjoni tal-prodotti konċernati, il-liċenzji tal-importazzjoni għandhom jinħarġu soġġetti għal verifikazzjoni, partikolarment l-annotazzjonijiet fiċ-ċertifikati tal-awtentiċità.

    (7)

    Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat ta' Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    1.   Il-kwoti tariffarji li ġejjin b'dan huma miftuħa annwalment għall-perjodu mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Diċembru:

    (a)

    9 400 tunnellata “baby beef”, espressi bħala l-piż tal-karkassi, li joriġinaw fil-Kroazja;

    (b)

    1 500 tunnellata “baby beef”, espressi bħala l-piż tal-karkassi, li joriġinaw fil-Bosnja-Ħerżegovina;

    (c)

    1 650 tunnellata “baby beef”, espressi bħala l-piż tal-karkassi, li joriġinaw f'dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja;

    (d)

    8 700 tunnellata “baby beef”, espressi bħala l-piż tal-karkassi, li joriġinaw fis-Serbja;

    (e)

    800 tunnellata “baby beef”, espressi bħala l-piż tal-karkassi, li joriġinaw fil-Montenegro.

    Il-kwoti msemmija fl-ewwel subparagrafu għandu jkollhom in-numri tas-serje 09.4503, 09.4504, 09.4505, 09.4198 u 09.4199 rispettivament.

    Għall-finijiet tal-allokazzjoni ta' dawk il-kwoti, 100 kilogramma ta' piż ħaj għandhom ikunu ekwivalenti għal 50 kilogramma tal-piż tal-karkassi.

    2.   Id-dazju doganali applikabbli skont il-kwoti msemmija fil-paragrafu 1 għandu jkun 20 % tad-dazju ad valorem u 20 % tad-dazju speċifiku kif stabbilit fit-Tariffa Doganali Komuni.

    3.   L-importazzjoni permezz tal-kwoti msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun irriservata għal ċerti annimali ħajjin u ċertu laħam li jaqa' fi ħdan il-kodiċijiet tan-NM li ġejjin, imsemmija fl-Anness III għall-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni konkluż mal-Kroazja, fl-Anness III għall-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni konkluż ma' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, fl-Anness II għall-Ftehim Interim mal-Bosnja-Ħerżegovina u fl-Anness II għall-Ftehim Interim mas-Serbja:

    ex 0102 90 51, ex 0102 90 59, ex 0102 90 71 u ex 0102 90 79,

    ex 0201 10 00 u ex 0201 20 20,

    ex 0201 20 30,

    ex 0201 20 50.

    Artikolu 2

    Għandhom japplikaw il-Kapitolu III tar-Regolament (KE) Nru 1301/2006 u r-Regolamenti (KE) Nru 376/2008 u (KE) Nru 382/2008, sakemm mhux stipulat mod ieħor f'dan ir-Regolament.

    Artikolu 3

    1.   It-taqsima 8 tal-applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-importazzjoni u tal-liċenzji tal-importazzjoni għandhom juru l-pajjiż tal-oriġini, u l-kelma “iva” għandha tkun ingassata b'salib. Il-liċenzji għandhom ikunu soġġetti għall-obbligu li l-importazzjoni ssir mill-pajjiż indikat.

    It-Taqsima 20 tal-applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-importazzjoni u tal-liċenzji għandhom juru waħda mill-annotazzjonijiet elenkati fl-Anness I.

    2.   L-oriġinal taċ-ċertifikat tal-awtentiċità, imħejji f'konformità mal-Artikolu 4, flimkien ma' kopja tiegħu, għandhom ikunu ppreżentati lill-awtorità kompetenti flimkien mal-applikazzjoni għall-ewwel liċenzja tal-importazzjoni li tirrigwarda ċ-ċertifikat tal-awtentiċità.

    Iċ-ċertifikati tal-awtentiċità jistgħu jintużaw għall-ħruġ ta' aktar minn liċenzja waħda tal-importazzjoni għal kwantitajiet li ma jaqbżux dawk murija fiċ-ċertifikat. Fejn tinħareġ aktar minn liċenzja waħda fir-rigward ta' ċertifikat, l-awtorità kompetenti għandha:

    (a)

    tapprova ċ-ċertifikat tal-awtentiċità biex turi l-kwantità allokata;

    (b)

    tiżgura li l-liċenzji tal-importazzjoni maħruġa fir-rigward ta' dak iċ-ċertifikat jinħarġu fl-istess jum.

    3.   L-awtoritajiet kompetenti jistgħu joħorġu l-liċenzji tal-importazzjoni biss wara li jkunu sodisfatti li l-informazzjoni kollha fiċ-ċertifikat tal-awtentiċità tkun tikkorrispondi ma' dik li tasal ta' kull ġimgħa mill-Kummissjoni għall-importazzjonijiet konċernati. ll-liċenzji għandhom jinħarġu immedjatament wara dan.

    Artikolu 4

    1.   L-applikazzjonijiet kollha għal-liċenzji tal-importazzjoni skont il-kwoti msemmija fl-Artikolu 1 għandhom ikunu akkumpanjati b'ċertifikat tal-awtentiċità maħruġ mill-awtoritajiet tal-pajjiż tal-esportazzjoni elenkat fl-Anness II għal dan ir-Regolament li jixhed li l-oġġetti joriġinaw f'dak il-pajjiż u li jikkorrispondu mad-definizzjoni mogħtija, skont il-każ, fl-Anness III għall-Ftehimiet ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni mal-Kroazja, l-Anness III għall-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni ma' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, l-Anness II għall-Ftehim Interim mal-Montenegro, l-Anness II għall-Ftehim Interim mal-Bosnja-Ħerżegovina jew l-Anness II għall-Ftehim Interim mas-Serbja.

    2.   Iċ-ċertifikati tal-awtentiċità għandhom jinħarġu f'oriġinal wieħed u żewġ kopji, li għandhom ikunu stampati u mimlija b'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni, f'konformità mal-mudell rilevanti fl-Annessi III sa VII għall-pajjiżi tal-esportazzjoni konċernati. Jistgħu wkoll ikunu stampati u mimlija fil-lingwa uffiċjali jew waħda mil-lingwi uffiċjali tal-pajjiż li qed jesporta.

    L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn titressaq l-applikazzjoni għal-liċenzja tal-importazzjoni jistgħu jesiġu li tkun ipprovduta traduzzjoni taċ-ċertifikat.

    3.   L-oriġinal u l-kopji taċ-ċertifikat tal-awtentiċità jistgħu jkunu ttajpjati jew miktuba bl-id. Fil-każ tal-aħħar, għandhom jinkitbu b'linka sewda u b'ittri kbar.

    Il-forom taċ-ċertifikati għandu jkollhom qisien ta' 210 x 297 mm. Il-karta li tintuża ma għandhiex tiżen anqas minn 40 g/m2. L-oriġinal għandu jkun abjad, l-ewwel kopja roża u t-tieni kopja safra.

    4.   Kull ċertifikat għandu jkollu numru tas-serje tiegħu individwali segwit bl-isem tal-pajjiż li qed joħorġu.

    Il-kopji għandu jkollhom l-istess numru tas-serje u l-istess isem bħall-oriġinal.

    5.   Iċ-ċertifikati għandhom ikunu validi biss jekk ikunu approvati minn awtorità tal-ħruġ elenkata fl-Anness II.

    6.   Iċ-ċertifikati għandhom jitqiesu bħala approvati jekk ikun hemm fuqhom id-data u l-post tal-ħruġ u jekk ikollhom it-timbru tal-awtorità tal-ħruġ u l-firma tal-persuna jew tal-persuni li għandhom is-setgħa li jiffirmawhom.

    Artikolu 5

    1.   L-awtoritajiet tal-ħruġ elenkati fl-Anness II għandhom:

    (a)

    ikunu rikonoxxuti bħala tali mill-pajjiż tal-esportazzjoni konċernat;

    (b)

    jintrabtu li jivverifikaw il-partikolaritajiet li jidhru fuq iċ-ċertifikati;

    (c)

    jintrabtu li jgħaddu lill-Kummissjoni tal-anqas darba kull ġimgħa kwalunkwe informazzjoni li permezz tagħha l-annotazzjonijiet fuq iċ-ċertifikati tal-awtentiċità jistgħu jkunu vverifikati, partikolarment f'dak li jirigwardja n-numru taċ-ċertifikat, l-esportatur, id-destinatarju, il-pajjiż tad-destinazzjoni, il-prodott (annimali ħajjin/laħam), il-piż nett u d-data tal-firma.

    2.   Il-lista fl-Anness II għandha tkun eżaminata mill-Kummissjoni meta ma jibqax jintlaħaq ir-rekwiżit imsemmi fil-paragrafu 1(a), meta awtorità tal-ħruġ tonqos milli tissodisfa wieħed jew aktar mill-obbligi imposti fuqha jew meta tinħatar awtorità ġdida tal-ħruġ.

    Artikolu 6

    Iċ-ċertifikati tal-awtentiċità u l-liċenzji tal-importazzjoni għandhom ikunu validi għal tliet xhur mid-dati tal-ħruġ rispettivi tagħhom.

    Artikolu 7

    Il-pajjiż tal-esportazzjoni konċernat għandu jipprovdi lill-Kummissjoni kampjuni tat-timbri wżati mill-awtoritajiet tal-ħruġ tagħhom u l-ismijiet u l-firem tal-persuni awtorizzati li jiffirmaw iċ-ċertifikati tal-awtentiċità. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika din l-informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri.

    Artikolu 8

    1.   B'deroga mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament (KE) Nru 1301/2006, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni:

    (a)

    sa mhux aktar tard mit-28 ta' Frar tas-sena ta' wara, il-kwantitajiet ta' prodotti, inklużi dikjarazzjonijiet nulli, li għalihom ikunu nħarġu liċenzji tal-importazzjoni fil-perjodu preċedenti tal-kwota tariffarja;

    (b)

    sa mhux aktar tard mit-30 ta' April tas-sena ta' wara, il-kwantitajiet ta' prodotti, inklużi dikjarazzjonijiet nulli, koperti b'liċenzji tal-importazzjoni li ma ntużawx jew li ntużaw parzjalment u li jikkorrispondu għad-differenza bejn il-kwantitajiet imniżżla fuq in-naħa ta' wara tal-liċenzji tal-importazzjoni u l-kwantitajiet li għalihom ikunu nħarġu.

    2.   Sa mhux aktar tard mit-30 ta' April tas-sena ta' wara, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni l-kwantitajiet ta' prodotti, li effettivament ikunu ġew rilaxxati għal ċirkolazzjoni ħiesla matul il-perjodu preċedenti tal-kwota tariffarja.

    3.   In-notifiki msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu għandhom isiru kif indikat fl-Annessi VIII, IX u X għal dan ir-Regolament, u għandhom jintużaw il-kategoriji ta' prodotti indikati fl-Anness V għar-Regolament (KE) Nru 382/2008.

    Artikolu 9

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2011.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Diċembru 2010.

    Għall-Kummissjoni, f'isem il-President,

    Dacian CIOLOŞ

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

    (2)  ĠU L 26, 28.1.2005, p. 1.

    (3)  ĠU L 84, 20.3.2004, p. 1.

    (4)  ĠU L 108, 29.4.2010, p. 1.

    (5)  ĠU L 169, 30.6.2008, p. 10.

    (6)  ĠU L 28, 30.1.2010, p. 1.

    (7)  ĠU L 304, 21.11.2001, p. 1.

    (8)  ĠU L 25, 29.1.2002, p. 16.

    (9)  ĠU L 114, 26.4.2008, p. 3.

    (10)  ĠU L 115, 29.4.2008, p. 10.

    (11)  ĠU L 238, 1.9.2006, p. 13.


    ANNESS I

    L-annotazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3(1)

    :

    bil-Bulgaru

    :

    “Baby beef” (Регламент (ЕC) № 1255/2010)

    :

    bl-Ispanjol

    :

    “Baby beef” (Reglamento (UE) no 1255/2010)

    :

    biċ-Ċek

    :

    “Baby beef” (Nařízení (EU) č. 1255/2010)

    :

    bid-Daniż

    :

    “Baby beef” (Forordning (EU) nr. 1255/2010)

    :

    bil-Ġermaniż

    :

    “Baby beef” (Verordnung (EU) Nr. 1255/2010)

    :

    bl-Estonjan

    :

    “Baby beef” (Määrus (EL) nr 1255/2010)

    :

    bil-Grieg

    :

    “Baby beef” (Κανονισμός (ΕΕ) αριθ 1255/2010)

    :

    bl-Ingliż

    :

    “Baby beef” (Regulation (EU) No 1255/2010)

    :

    bil-Franċiż

    :

    “Baby beef” (Règlement (UE) no 1255/2010)

    :

    bit-Taljan

    :

    “Baby beef” (Regolamento (UE) n. 1255/2010)

    :

    bil-Latvjan

    :

    “Baby beef” (Regula (ES) Nr. 1255/2010)

    :

    bil-Litwan

    :

    “Baby beef” (Reglamentas (ES) Nr. 1255/2010)

    :

    bl-Ungeriż

    :

    “Baby beef” (1255/2010/EU rendelet)

    :

    bil-Malti

    :

    “Baby beef” (Regolament (UE) Nru 1255/2010)

    :

    bl-Olandiż

    :

    “Baby beef” (Verordening (EU) nr 1255/2010)

    :

    bil-Pollakk

    :

    “Baby beef” (Rozporządzenie (UE) nr 1255/2010)

    :

    bil-Portugiż

    :

    “Baby beef” (Regulamento (UE) no 1255/2010)

    :

    bir-Rumen

    :

    “Baby beef” (Regulamentul (UE) nr. 1255/2010)

    :

    bis-Slovakk

    :

    “Baby beef” (Nariadenie (EU) č. 1255/2010)

    :

    bis-Sloven

    :

    “Baby beef” (Uredba (EU) št. 1255/2010)

    :

    bil-Finlandiż

    :

    “Baby beef” (Asetus (EU) N:o 1255/2010)

    :

    bl-Isvediż

    :

    “Baby beef” (Förordning (EU) nr 1255/2010)


    ANNESS II

    Awtorità tal-ħruġ:

    Ir-Repubblika tal-Kroazja: Croatian Agricultural Agency, Poljana Križevačka 185, 48260 Križevci, Croatia.

    Il-Bosnja-Ħerżegovina:

    Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja: Univerzitet Sv. Kiril I Metodij, Institut za hrana, Fakultet za veterinarna medicina, “Lazar Pop-Trajkov 5-7”, 1000 Skopje

    Is-Serbja: “YU Institute for Meat Hygiene and Technology, Kacanskog 13, Belgrade, Serbja.”

    Il-Montenegro: Veterinary Directorate, Bulevar Svetog Petra Cetinjskog br.9, 81000 Podgorica, Montenegro.


    ANNESS III

    Image

    Test ta 'immaġni

    ANNESS IV

    Image

    Test ta 'immaġni

    ANNESS V

    Image

    Test ta 'immaġni

    ANNESS VI

    Image

    Test ta 'immaġni

    ANNESS VII

    Image

    Test ta 'immaġni

    ANNESS VIII

    Notifika dwar il-liċenzji tal-importazzjoni (maħruġa) – Ir-Regolament (UE) Nru 1255/2010

    Stat Membru: …

    Applikazzjoni tal-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 1255/2010

    Il-kwantitajiet tal-prodotti li għalihom ikunu nħarġu liċenzji tal-importazzjoni

    Jibda minn: … sa: …


    Nru tal-Ordni

    Kategorija jew kategoriji ta' prodotti (1)

    Kwantità

    (kilogrammi ta' piż tal-prodotti jew irjus)

    09.4503

     

     

    09.4504

     

     

    09.4505

     

     

    09.4198

     

     

    09.4199

     

     


    (1)  Kategorija jew kategoriji tal-prodott kif indikat fl-Anness V għar-Regolament (KE) Nru 382/2008.


    ANNESS IX

    Notifika dwar il-liċenzji tal-importazzjoni (kwantitajiet li ġewx utlizzati) – Ir-Regolament (UE) Nru 1255/2010

    Stat Membru: …

    Applikazzjoni tal-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 1255/2010

    Il-kwantitajiet tal-prodotti li għalihom il-liċenzji tal-importazzjoni ma jkunux ġew utilizzati

    Jibda minn: … sa: …


    Nru tal-Ordni

    Kategorija jew kategoriji ta’ prodotti (1)

    Il-kwantità mhux utilizzata

    (kilogrammi ta’ piż tal-prodotti jew irjus)

    09.4503

     

     

    09.4504

     

     

    09.4505

     

     

    09.4198

     

     

    09.4199

     

     


    (1)  Kategorija jew kategoriji tal-prodott kif indikat fl-Anness V għar-Regolament (KE) Nru 382/2008.


    ANNESS X

    Notifika dwar il-kwantitajiet li tqiegħdu f'ċirkolazzjoni ħielsa – Ir-Regolament (UE) Nru 1255/2010

    Stat Membru: …

    Applikazzjoni tal-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 1255/2010

    Kwantitajiet ta’ prodotti mqiegħda f'ċirkolazzjoni ħielsa:

    Jibda minn: … sa: … (perjodu tal-kwota tariffarja tal-importazzjoni).


    Nru tal-Ordni

    Kategorija jew kategoriji ta' prodotti (1)

    Il-kwantitajiet ta' prodotti li tqiegħdu f'ċirkolazzjoni ħielsa:

    (kilogrammi ta’ piż tal-prodotti jew irjus)

    09.4503

     

     

    09.4504

     

     

    09.4505

     

     

    09.4198

     

     

    09.4199

     

     


    (1)  Kategorija jew kategoriji tal-prodott kif indikat fl-Anness V għar-Regolament (KE) Nru 382/2008.


    Top