Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010R1236

    Regolament (UE) Nru 1236/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 15 ta' Diċembru 2010 li jistabbilixxi skema ta' kontroll u infurzar applikabbli fiż-żona koperta mill-Konvenzjoni dwar il-Koperazzjoni Multilaterali fil-Ġejjieni dwar is-Sajd fl-Atlantiku tal-Grigal u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2791/1999

    ĠU L 348, 31.12.2010, p. 17–33 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 05/02/2016

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/1236/oj

    31.12.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 348/17


    REGOLAMENT (UE) Nru 1236/2010 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tal-15 ta' Diċembru 2010

    li jistabbilixxi skema ta' kontroll u infurzar applikabbli fiż-żona koperta mill-Konvenzjoni dwar il-Koperazzjoni Multilaterali fil-Ġejjieni dwar is-Sajd fl-Atlantiku tal-Grigal u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2791/1999

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

    Billi:

    (1)

    Il-Konvenzjoni dwar il-Kooperazzjoni Multilaterali fil-Ġejjieni dwar is-Sajd fl-Atlantiku tal-Grigal (“il-Konvenzjoni”), kienet approvata mill-Kunsill fid-Deċiżjoni 81/608/KEE (3) u daħlet fis-seħħ fis-17 ta' Marzu 1982.

    (2)

    Il-Konvenzjoni tipprovdi qafas xieraq għall-kooperazzjoni multilaterali dwar il-konservazzjoni u l-ġestjoni razzjonali tar-riżorsi tas-sajd fiż-Żona definita mill-Konvenzjoni (“iż-Żona tal-Konvenzjoni”).

    (3)

    Il-Kummissjoni tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Grigal (“NEAFC”), fil-Laqgħa Annwali tagħha li saret fil-15 ta' Novembru 2006, adottat rakkomandazzjoni li tistabbilixxi skema ta' kontroll u infurzar (“l-Iskema”) applikabbli għall-bastimenti tas-sajd li joperaw fl-ilmijiet taż-Żona tal-Konvenzjoni li jinsabu lil hinn mill-ilmijiet taħt il-ġurisdizzjoni tas-sajd tal-Partijiet Kontraenti (“iż-Żona Regolatorja”). L-Iskema, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Mejju 2007, ġiet emendata minn diversi rakkomandazzjonijiet fil-Laqgħat Annwali f’Novembru 2007, 2008 u 2009.

    (4)

    Skont l-Artikoli 12 u 15 tal-Konvenzjoni, dawn ir-rakkomandazzjonijiet daħlu fis-seħħ fid-9 ta' Frar 2008, fis-6 u t-8 ta' Jannar 2009, u fis-6 ta' Frar 2010 rispettivament;

    (5)

    L-Iskema tipprovdi għal miżuri ta' kontroll u nfurzar li japplikaw għal bastimenti li jtajru l-bandiera tal-Partijiet Kontraenti u li jaħdmu fiż-Żona Regolatorja, u arranġamenti għal spezzjonijiet fuq il-baħar li jinkludu proċeduri ta' spezzjonar u sorveljanza u proċeduri kontra l-kontravenzjonijiet illi jridu jiġu implimentati mill-Partijiet Kontraenti.

    (6)

    L-Iskema tipprovdi għal sistema ġdida għall-Kontroll mill-Istat tal-Port, li effettivament tagħlaq il-portijiet Ewropej għall-ħatt l-art ta' ħut iffriżat li ma jkunx ġie vverfikat li huwa legali mill-Istat tal-bandiera tal-bastiment li jtajjar il-bandiera ta' Parti Kontraenti li ma tkunx l-Istat tal-Port.

    (7)

    Ċerti dispożizzjonijiet ta' kontroll li ġew adottati min-NEAFC ġew ukoll inkorporati fil-liġi tal-Unjoni permezz tar-Regolament annwali dwar it-TACs u l-kwoti, aktar reċentement bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 43/2009 tas-16 ta' Jannar 2009 li jistabbilixxi għall-2009 l-opportunitajiet tas-sajd u l-kundizzjonijiet assoċjati għal ċerti stokkijiet tal-ħut u gruppi ta' stokkijiet tal-ħut, applikabbli fl-ilmijiet Komunitarji, għal bastimenti Komunitarji, f’ilmijiet fejn huma meħtieġa limiti tal-qbid (4). Għall-finijiet taċ-ċertezza legali, tali dispożizzjonijiet li mhumiex ta' natura temporanja għandhom ikunu is-suġġett ta' regolament ġdid separat.

    (8)

    L-Iskema tinkludi wkoll dispożizzjonijiet għall-promozzjoni tal-konformità minn bastimenti li jtajjru l-bandiera ta' Parti mhux Kontraenti mal-miżuri ta' kontroll u ta' infurzar biex jiġi żgurat ir-rispett sħiħ tal-miżuri ta' konservazzjoni u ta' ġestjoni li ġew adottati min-NEAFC. In-NEAFC għamlet rakkomandazzjoni għat-tneħħija ta' għadd ta' bastimenti mill-lista ta' bastimenti li ġew ikkonfermati bħala involuti f’sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat. Għandha tiġi żgurata l-inklużjoni ta' dawk ir-rakkomandazzjonijiet fil-liġi tal-Unjoni.

    (9)

    L-Artikolu 5(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd (5) jipprovdi li l-Istati Membri jikkontrollaw l-aċċess għall-ilmijiet u r-riżorsi u jikkontrollaw attivitajiet barra l-ilmijiet tal-UE mwettqa minn bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom. Għalhekk għandu jsir provvediment sabiex l-Istati Membri li l-bastimenti tagħhom jistadu fiż-Żona Regolatorja jassenjaw spetturi għall-Iskema sabiex jieħdu ħsieb il-monitoraġġ u s-sorveljanza kif ukoll riżorsi adegwati għall-ispezzjonar.

    (10)

    Sabiex jiġi żgurat il-monitoraġġ tal-attivitajiet tas-sajd fiż-żona tal-Konvenzjoni, huwa meħtieġ illi l-Istati Membri jikkoperaw bejniethom u mal-Kummissjoni, kif ukoll mal-entità ddeżinjata minnha għall-implimentazzjoni tal-Iskema.

    (11)

    Hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri li jiżguraw illi l-ispetturi tagħhom jikkonformaw mal-proċeduri tal-ispezzjonar stabbiliti min-NEAFC.

    (12)

    Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati bi qbil mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) fir-rigward ta' regoli dettaljati dwar listi tar-riżorsi tas-sajd li għandhom jiġu notifikati, proċeduri għan-notifikazzjoni minn qabel tad-dħul fil-port u għall-kanċellazzjoni ta' dan kif ukoll awtorizzazzjoni biex il-bastimenti jħottu l-art jew jittrażbordaw. Il-Kummissjoni għandha wkoll tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’dak li għandu x’jaqsam mal-inklużjoni fil-liġi tal-Unjoni ta' emendi futuri ta' dawk il-miżuri tal-Iskema li jkunu s-suġġett ta' ċerti elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament definiti espressament u li jsiru jorbtu fuq l-Unjoni skont id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni. Huwa ta' importanza partikolari li l-Kummissjoni tagħmel konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol preparatorju tagħha, inkluż fil-livell ta' esperti.

    (13)

    Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni permezz ta' atti ta' implimentazzjoni skont l-Artikolu 291 tat-TFUE. Skont dak l-Artikolu, għandhom jiġu stabbiliti bil-quddiem regoli u prinċipji ġenerali li jikkonċernaw mekkaniżmi għall-kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju tal-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni permezz ta' regolament adottat skont il-proċedura leġislattiva ordinarja. Sakemm jiġi adottat dak ir-regolament il-ġdid, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (6) tibqa’ tapplika, bl-eċċezzjoni tal-proċedura regolatorja bi skrutinju, li ma tapplikax.

    (14)

    Peress li dan ir-Regolament se jistabbilixxi regoli ġodda li jikkonċernaw il-kontroll u l-infurzar fiż-Żona tal-Konvenzjoni, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2791/1999 tas-16 ta' Diċembru 1999 li jippreskrivi ċerti miżuri ta' kontroll applikabbli fiż-żona koperta mill-Konvenzjoni dwar il-Kooperazzjoni Multilaterali Futura dwar is-Sajd fl-Atlantiku tal-Grigal (7) għandu jiġi revokat,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    KAPITOLU I

    DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

    Artikolu 1

    Suġġett

    Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli u l-kundizzjonijiet ġenerali għall-applikazzjoni mill-Unjoni tal-Iskema adottata min-NEAFC.

    Artikolu 2

    Kamp ta' applikazzjoni

    Ħlief jekk jingħad mod ieħor, dan ir-Regolament għandu japplika għall-bastimenti tas-sajd tal-UE kollha li jintużaw jew hemm il-ħsieb li jintużaw f’attivitajiet ta' sajd li jitwettqu fi-rigward tar-riżorsi tas-sajd fiż-Żona Regolatorja.

    Artikolu 3

    Definizzjonijiet

    Għall-għanijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (1)

    “Konvenzjoni” tfisser il-Konvenzjoni dwar il-Koperazzjoni Multilaterali fil-Ġejjieni dwar is-Sajd fl-Atlantiku tal-Grigal, kif emendata;

    (2)

    “Żona tal-Konvenzjoni” tfisser iż-Żona tal-Konvenzjoni kif definita fl-Artikolu 1(1) tal-Konvenzjoni;

    (3)

    “Żona Regolatorja” tfisser l-ilmijiet taż-Żona tal-Konvenzjoni li jinsabu barra mill-ilmijiet taħt il-ġuriżdizzjoni tas-sajd tal-Partijiet Kontraenti;

    (4)

    “Partijiet Kontraenti” tfisser il-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni;

    (5)

    “NEAFC” tfisser il-Kummissjoni għas-Sajd fil-Grigal tal-Atlantiku;

    (6)

    “attivitajiet tas-sajd” tfisser sajd, inkluż operazzjonijiet konġunti tas-sajd, operazzjonijiet tal-ipproċessar tal-ħut, it-trażbord jew il-ħatt tal-ħut u ta' prodotti tal-ħut u kull attività kummerċjali oħra bi tħejjija għas-sajd jew li għandha x’taqsam miegħu;

    (7)

    “riżorsi tas-sajd” tfisser ir-riżorsi msemmija fl-Artikolu 1(2) tal-Konvenzjoni;

    (8)

    “riżorsi regolati” tfisser dawk ir-riżorsi tas-sajd li huma soġġetti għar-rakkomandazzjonijiet skont il-Konvenzjoni u huma elenkati fil-lista fl-Anness;

    (9)

    “bastiment tas-sajd” tfisser kwalunkwe bastiment użat jew maħsub għall-użu fl-isfruttar kummerċjali tar-riżorsi tas-sajd, inklużi bastimenti għall-ipproċessar tal-ħut u bastimenti involuti fit-trażbord;

    (10)

    “bastiment ta' Parti mhux Kontraenti” tfisser kwalunkwe bastiment tas-sajd mhux irreġistrat f’Parti Kontraenti, inklużi bastimenti li għalihom teżisti bażi raġjonevoli ta' suspetti li huma mingħajr nazzjonalità;

    (11)

    “operazzjoni konġunta tas-sajd” tfisser kwalunkwe operazzjoni bejn żewġ bastimenti jew aktar fejn il-qabda titneħħa mill-irkaptu tas-sajd ta' bastiment tas-sajd għal bastiment ieħor;

    (12)

    “operazzjoni ta' trażbord” tfisser il-ħatt ta' kwalunkwe prodott tas-sajd jew tal-prodotti kollha abbord bastiment għal fuq bastiment tas-sajd ieħor;

    (13)

    “port” tfisser kwalunkwe post li jintuża għall-ħatt l-art, inkella post qrib ix-xatt, iddeżinjat minn Parti Kontraenti għall-finijiet tat-trażbord tar-riżorsi tas-sajd.

    Artikolu 4

    Punti ta' kuntatt

    1.   L-Istati Membri għandhom jiddeżinjaw l-awtorità kompetenti li għandha taġixxi bħala l-punt ta' kuntatt li jirċievi r-rapporti ta' sorveljanza u spezzjoni skont l-Artikoli 12, 19, 20 u 27 u sabiex tirċievi n-notifiki u toħroġ l-awtorizzazzjonijiet skont l-Artikoli 24 u 25.

    2.   Il-punti ta' kuntatt li jirċievu n-notifiki u joħorġu l-awtorizzazzjonijiet skont l-Artikoli 24 u 25 għandhom ikunu disponibbli 24 siegħa kuljum.

    3.   L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni jew lill-entità nominata minnha u lis-Segretarju tan-NEAFC, in-numru tat-telefon, l-indirizz tal-e-Mail u n-numru tal-feks tal-punt ta' kuntatt iddeżinjat.

    4.   Kwalunkwe tibdil sussegwenti li ssir lill-informazzjoni dwar il-punti ta' kuntatt imsemmija fil-paragrafi 1 u 3 għandu jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni inkella lill-entità nominata minnha u lis-Segretarju tan-NEAFC, mhux aktar tard minn ħmistax-il jum qabel il-bidla tidħol fis-seħħ.

    5.   Il-format għat-trażmissjoni tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 3 għandu jkun stabbilit f’konformità mal-Artikolu 50(2).

    KAPITOLU II

    MIŻURI TA' MONITORAĠĠ

    Artikolu 5

    Parteċipazzjoni tal-Unjoni

    1.   L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni, f’forma li tinqara mill-kompjuter, lista tal-bastimenti kollha li jtajru l-bandiera tagħhom u reġistrati fl-Unjoni li huma awtorizzati li jistadu fiż-Żona Regolatorja, b’mod partikolari l-bastimenti awtorizzati li jistadu direttament għal waħda jew iktar mir-riżorsi regolati, flimkien ma' kwalunkwe emenda għal-lista. Din l-informazzjoni għandha tintbagħat mhux iktar tard mill-15 ta' Diċembru ta' kull sena jew mhux aktar tard minn 5 ijiem qabel ma l-bastiment jidħol fiż-Żona Regolatorja. Il-Kummissjoni għandha tibgħat din l-informazzjoni lis-Segretarju tan-NEAFC, mingħajr telf ta' żmien.

    2.   Il-format għat-trażmissjoni tal-lista msemmija fil-paragrafu 1 għandu jiġi determinat f’konformità mal-Artikolu 50(2).

    Artikolu 6

    Markar tal-irkaptu

    1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-irkaptu li jużaw il-bastiment tas-sajd tagħhom fiż-Żona Regolatorja huwa mmarkat skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 356/2005 tal-1 ta' Marzu 2005 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-immarikar u għall-identifikazzjoni ta' rkaptu tas-sajd passiv u tat-tkarkir bit-travu (8).

    2.   L-Istati Membri jistgħu ineħħu u jarmu rkaptu fiss li ma jkunx immarkat skont ir-Regolament (KE) Nru 356/2005 jew li bi kwalunkwe mod ieħor jikser ir-rakkomandazzjonijiet adottati min-NEAFC, kif ukoll kwalunkwe ħut li jinsab f’dak l-irkaptu.

    Artikolu 7

    Irkupru ta' rkaptu mitluf

    1.   L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-bandiera għandha tibgħat mingħajr dewmien lis-Segretarjat tan-NEAFC l-informazzjoni mogħtija lilha, skont l-Artikolu 48(3) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 kif ukoll il-kodiċi tal-bastiment li jkun tilef l-irkaptu.

    2.   L-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom biex jirkupraw, fuq bażi regolari, irkaptu mitluf ta' bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom.

    Artikolu 8

    Reġistrazzjoni tal-qabdiet

    1.   B’żieda mal-informazzjoni speċifikata fl-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2847/93 tat-12 ta' Ottubru 1993 li jistabbilixxi sistema ta' kontroll li tapplika għall-politika tas-sajd komuni (9), il-kaptani tal-bastimenti tas-sajd tal-UE għandhom jirreġistraw jew f’ġurnal ta' abbord dwar is-sajd, bil-paġni nnumerati u llegati jew b’mezz elettroniku, u fih iniżżlu dan li ġej:

    (a)

    kull dħul ġewwa, u ħruġ miż-Żona Regolatorja;

    (b)

    fuq bażi ta' kuljum u/jew għal kull refgħa, stima tal-qabdiet kumulattivi miżmuma abbord mill-aħħar dħul fiż-Żona Regolatorja;

    (c)

    fuq bażi ta' kuljum u/jew għal kull refgħa, l-ammont ta' ħut mormi;

    (d)

    minnufih wara kull komunikazzjoni skont l-Artikolu 9, id-data u l-ħin, skont il-Ħin Universali Kkordinat (“UTC”), tat-trasmissjoni ta' rapport u, fil-każ ta' trasmissjoni bir-radju, l-isem tal-istazzjon tar-radju li minnu jiġi trasmess ir-rapport;

    (e)

    il-fond tas-sajd, fejn ikun xieraq.

    2.   Il-kaptani ta' bastimenti tas-sajd tal-UE involuti f’attivitajiet ta' sajd imwettqa fir-rigward ta' riżorsi regolati u li jipproċessaw u/jew jiffriżaw il-qabda tagħhom għandhom:

    (a)

    jirreġistraw il-produzzjoni kumulattivi skont l-ispeċijiet u l-forma tal-prodott f’ġurnal ta' abbord tal-produzzjoni, u

    (b)

    jaħżnu fl-istiva il-qabdiet ipproċessati kollha b’tali mod li mill-pjan tal-istivi miżmum abbord il-bastiment tas-sajd, jista’ jiġi identifikat il-post fejn kull speċi tkun maħżuna.

    3.   B’deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jeżentaw mill-obbligu tar-reġistrazzjoni f’ġurnal ta' abbord dwar is-sajd jew elettronikament, bastiment li jkun involut f’operazzjonijiet ta' trażbord li jgħabbi kwantitajiet abbord.. Bastimenti li jgawdu minn din id-deroga għandhom jispeċifikaw fil-pjan tal-istivi, il-post fl-istivi fejn jinsab il-ħut iffriżat imsemmi fl-Artikolu 14(1) u jirreġistraw fil-ġurnal ta' abbord tal-produzzjoni:

    (a)

    id-data u l-ħin, skont l-UTC, tat-trażmissjoni tar-rapport imsemmi fl-Artikolu 9;

    (b)

    fil-każ ta' trażmissjoni bir-radju, l-isem tal-istazzjon tar-radju li permezz tiegħu twassal ir-rapport;

    (c)

    id-data u l-ħin, skont l-UTC, tal-operazzjoni tat-trażbord;

    (d)

    il-post (lonġitudni/latitudni) tal-operazzjoni tat-trażbord;

    (e)

    il-kwantitajiet ta' kull speċi mgħobbija;

    (f)

    l-isem u l-kodiċi internazzjonali tar-radju tal-bastiment tas-sajd li minnu tniżżlet il-qabda.

    4.   Għandhom jiġu ddeterminati regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' dan l-Artikolu f’konformità mal-Artikolu 50(2).

    Artikolu 9

    Rappurtar tal-qabdiet ta' riżorsi regolati

    1.   Il-kaptani ta' bastimenti tas-sajd tal-UE involuti f’attivitajiet ta' sajd imwettqa fir-rigward ta' riżorsi regolati, għandhom jikkomunikaw ir-rapporti dwar il-qabdiet permezz ta' mezzi elettroniċi liċ-Ċentru tagħhom tal-Monitoraġġ tas-Sajd, kif definit fil-punt 15 tal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009. Id-data li tinsab f’tali rapporti għandha tkun aċċessibbli għall-Kummissjoni meta titlobha. Ir-rapporti għandhom jinkudu dan li ġej:

    (a)

    rapporti dwar il-kwantitajiet ta' ħut miżmuma abbord mad-dħul fiż-Żona Regolatorja. Dawn ir-rapporti għandhom jiġu trażmessi mhux iktar kmieni minn 12-il siegħa u mhux iktar tard minn sagħtejn (2) qabel kull dħul fiż-Żona Regolatorja;

    (b)

    rapporti fuq il-qabdiet ta' kull ġimgħa. Dawn ir-rapporti għandhom jiġu trażmessi għall-ewwel darba sa mhux iktar tard mit-tmiem tas-seba’ jum wara d-dħul tal-bastiment fiż-Żona Regolatorja jew meta l-vjaġġi tas-sajd jieħdu iktar minn 7 ijiem, mhux aktar tard mit-Tnejn f’nofsinhar għal dawk il-qabdiet tal-ħut li jkunu ttellgħu miż-Żona Regolatorja matul il-ġimgħa ta' qabel li tagħlaq f’nofs il-lejl tal-jum tal-Ħadd. Dan ir-rapport għandu jinkludi l-għadd ta' jiem tas-sajd mill-bidu tal-attivitajiet tas-sajd, inkella mill-aħħar rapport dwar il-qabdiet;

    (c)

    rapporti dwar il-qabdiet miżmuma abbord mal-ħruġ miż-Żona Regolatorja. Dawn ir-rapporti għandhom jiġu trażmessi mhux iktar kmieni minn 8 sigħat u mhux iktar tard minn sagħtejn (2) qabel kull ħruġ miż-Żona Regolatorja. Fejn ikun xieraq, tali rapporti għandhom jinkludu l-għadd ta' jiem tas-sajd u l-qabdiet li saru fiż-Żona Regolatorja mill-bidu tas-sajda, jew mill-aħħar rapport dwar il-qabdiet;

    (d)

    rapporti dwar il-kwantitajiet ta' ħut mgħobbija u maħtuta għal kull trażbord tal-ħut fil-perjodu li fih il-bastiment kien preżenti fiż-Żona Regolatorja. Bastimenti donaturi għandhom jagħmlu dan ir-rapport mhux aktar tard minn 24 siegħa qabel it-trażbord, u l-bastimenti riċevituri għandhom jagħmluh mhux aktar tard minn siegħa wara t-trażbord. Ir-rapport għandu jinkludi d-data, il-ħin u l-pożizzjoni ġeografika tat-trażbord ippjanat u l-piż totali għal kull speċi li jkun se jiġi skarikat jew li jkun tgħabba f’kilogrammi u l-kodiċi tal-bastimenti donaturi u riċevituri. Mingħajr preġudizzju għall-Kapitolu IV, il-bastiment riċevitur għandu jirrapporta l-qabda totali abbord, il-piż totali li għandu jinħatt, l-isem tal-port u d-data u ħin stmati tal-ħatt l-art mhux inqas minn 24 siegħa qabel kwalunkwe ħatt l-art.

    2.   Ir-rapporti dwar il-qabdiet msemmija f’dan l-Artikolu għandhom jingħataw f’kilogrammi (miġjuba għall-eqreb 100 kg). Il-piż totali sħiħ għandu jiġi rrapurtat skont l-ispeċi, bl-użu tal-kodiċijiet tal-FAO. Il-kwantità totali ta' speċijiet li għalihom il-piż totali skont l-ispeċi huwa anqas minn tunnellata jista’ jiġi rreġistrat skont il-kodiċi 3-alpha MZZ (ħut tal-baħar mhux speċifikat).

    3.   L-Istati Membri għandhom jirreġistraw id-data misjuba fir-rapporti dwar il-qabdiet fid-database imsemmija fl-Artikolu 109(1) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.

    4.   Ir-regoli dettaljati sabiex jiġi implimentat dan l-Artikolu u b’mod partikolari l-format u l-ispeċifikazzjonijiet għat-trażmissjonijiet għandhom jiġu stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 50(2).

    Artikolu 10

    Rappurtaġġ globali tal-qabdiet tal-ħut u tal-isforz tas-sajd

    1.   L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni, permezz ta' trażmissjoni bil-kompjuter qabel il-ħmistax-il jum ta' kull xahar, bil-kwantitajiet tar-riżorsi tas-sajd maqbuda fiż-Żona Regolatorja minn bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom, illi jkunu nħattu l-art jew ġew trażbordati fix-xahar ta' qabel.

    2.   Bla ħsara għall-Artikolu 33(2) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, l-Istati Membri għandhom jgħarrfu wkoll lill-Kummissjoni, permezz ta' trażmissjoni bil-kompjuter qabel il-ħmistax-il jum ta' kull xahar, dwar il-kwantitajiet tar-riżorsi regolati maqbuda f’żoni taħt il-ġuriżdizzjoni nazzjonali dwar is-sajd ta' pajjiżi terzi u fl-ilmijiet tal-UE taż-Żona tal-Konvenzjoni minn bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom, illi jkunu nħattu l-art jew ġew trażbordati fix-xahar ta' qabel.

    3.   Il-format għat-trażmissjoni tad-data skont il-paragrafi 1 u 2 għandu jiġi ddeterminat f’konformità mal-Artikolu 50(2).

    Il-lista tar-riżorsi tas-sajd imsemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi adottata skont il-proċedura msemmija fl-Artikoli 46 sa 49.

    4.   Il-Kummissjoni għandha tikkompila d-data li tissemma fil-paragrafi 1 u 2 għall-Istati Membri kollha u għandha tibgħatha lis-Segretarju tan-NEAFC fi żmien 30 jum mit-tmiem tax-xahar kalendarju li fih il-qabdiet ikunu nħattu l-art jew ġew ittrażbordati.

    Artikolu 11

    Sistema ta' Monitoraġġ tal-Bastimenti

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw t-trażmissjoni awtomatika u elettronika lis-Segretarju tan-NEAFC tal-informazzjoni miksuba bis-sistema tal-monitoraġġ tal-bastimenti (VMS) rigward il-bastimenti li jtajru l-bandiera ta' dawn l-Istati u li jistadu jew biħsiebhom jistadu fiż-Żona Regolatorja. Il-format u l-ispeċifikazzjonijiet ta' dawn it-trażmissjonijiet għandhom jiġu ddeterminati f’konformità mal-Artikolu 50(2).

    Artikolu 12

    Komunikazzjoni tal-informazzjoni

    1.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni r-rapporti u l-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 9 u 11 mingħajr dewmien lis-Segretarjat tan-NEAFC. Madankollu, fil-każ ta' problema teknika, dawn ir-rapporti u l-informazzjoni għandhom jiġu trażmessi lis-Segretarju tan-NEAFC fi żmien 24 siegħa mill-wasla. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-rapporti u l-messaġġi kollha li jgħaddu jkunu nnumerati sekwenzjalment.

    2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-rapporti u l-informazzjoni trażmessa lis-Segretarju tan-NEAFC jkunu fi qbil mal-formati u l-protokolli għall-iskambju tad-data ddeterminati f’konformità mal-Artikolu 50(2).

    Artikolu 13

    Trażbordi u operazzjonijiet konġunti tas-sajd

    1.   Il-bastimenti tas-sajd tal-UE għandhom jidħlu biss għal attivitajiet ta' trażbordar fiż-Żona Regolatorja jekk ikunu rċevew awtorizzazzjoni minn qabel mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-bandiera tagħhom.

    2.   Il-bastimenti tas-sajd tal-UE jistgħu jidħlu għal operazzjonijiet tat-trażbord jew operazzjonijiet konġunti tas-sajd ma' bastimenti li jtajru l-bandiera ta' Parti Kontraenti u bastimenti ta' Parti Mhux Kontraenti li jkunu ngħataw l-istatus ta' Parti Mhux Kontraenti li tikkoopera, min-NEAFC.

    3.   Il-bastimenti tas-sajd tal-UE involuti f’operazzjonijiet tat-trażbord, li jgħabbu abbord kwantitajiet ta' qabdiet, m’għandhomx ikunu involuti f’attivitajiet oħra ta' sajd, fosthom operazzjonijiet konġunti ta' sajd, matul l-istess vjaġġ, bl-eċċezzjoni ta' operazzjonijiet ta' pproċessar tal-ħut u tal-ħatt l-art.

    Artikolu 14

    Stivar separat

    1.   Bastimenti tas-sajd tal-UE li jġorru abbord riżorsi ffriżati tas-sajd maqbuda fiż-żona tal-Konvenzjoni minn aktar minn bastiment tas-sajd wieħed, jistgħu jistivaw il-ħut minn kull wieħed minn dawk il-bastimenti f’aktar minn parti waħda mill-istiva, iżda għandhom iżommuhom separati b’mod ċar minn ħut maqbud minn bastimenti oħra, partikolarment permezz tal-użu tal-plastik, plywood jew xbieki.

    2.   Il-qabdiet kollha meħuda miż-Żona tal-Konvenzjoni għandhom jiġu stivati separatament mill-qabdiet kollha meħuda barra minn din iż-żona.

    Artikolu 15

    Ttikkettar tal-ħut iffriżat

    Meta jiġi ffriżat, il-ħut kollu maqbud fiż-żona tal-Konvenzjoni għandu jiġi identifikat b’tikketta jew timbru li jistgħu jinqraw b’mod ċar. It-tikketta jew it-timbru għandhom jitqiegħdu fuq kull kaxxa jew blokka ta' ħut iffriżat fil-ħin tal-istivar u, għandhom jindikaw l-ispeċi, id-data tal-produzzjoni, is-subżona u d-diviżjoni tal-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES) li fiha nqabad il-ħut, u l-bastiment li qabdu.

    KAPITOLU III

    SPEZZJONIJIET FUQ IL-BAĦAR

    Artikolu 16

    Spetturi tan-NEAFC

    1.   L-Istati Membri li l-bastimenti tas-sajd tagħhom huma awtorizzati li jistadu fiż-Żona Regolatorja għandhom jassenjaw spetturi għall-Iskema sabiex iwettqu sorveljanza u spezzjoni (“Spetturi tan-NEAFC”).

    2.   L-Istati Membri għandhom joħorġu dokument speċjali tal-identità lil kull spettur tan- NEAFC. L-għamla ta' dan id-dokument speċjali ta' identità għandha tkun stabbilita f’konformità mal-Artikolu 50(2).

    3.   Kull spettur tan-NEAFC għandu jġorr u juri dan id-dokument speċjali tal-identità meta jimbarka fuq bastiment tas-sajd.

    Artikolu 17

    Dispożizzjonijiet ġenerali għall-ispezzjoni u għas-sorveljanza

    1.   Il-Kummissjoni jew l-entità nnominata minnha għandha tikkoordina l-attivitajiet ta' sorveljanza u spezzjoni għall-Unjoni u kull sena għandha tħejji, flimkien mal-Istati Membri kkonċernati, pjan ta' mobilitazzjoni konġunta għall-parteċipazzjoni tal-Unjoni fl-Iskema matul is-sena ta' wara. Il-pjan ta' mobilitazzjoni għandu, inter alia, jiddetermina l-għadd ta' spezzjonijiet li għandhom isiru.

    Meta, fi kwalunkwe ħin, ikun hemm iktar minn għaxar bastimenti tas-sajd tal-UE involuti f’attivitajiet tas-sajd imwettqa fir-rigward ta' riżorsi regolati tal-ħut fiż-Żona Regolatorja, il-Kummissjoni jew l-entità nnominata minnha għandha tiżgura li bastiment ta' spezzjoni ta' Stat Membru jkun preżenti matul dak il-ħin fiż-Żona Regolatorja jew li jkun ġie konkluż ftehim ma' Parti Kontraenti oħra li jiżgura l-preżenza ta' bastiment ta' spezzjoni.

    2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ispezzjonijiet mill-ispetturi tan-NEAFC tagħhom isiru b’mod mhux diskriminatorju u f’konformità mal-Iskema. L-għadd ta' spezzjonijiet għandu jkun abbażi tad-daqs, b’konsiderazzjoni għall-ħin li l-bastimenti tas-sajd jqattgħu fiż-Żona Regolatorja.

    3.   Il-Kummissjoni jew l-entità nnominata minnha għandha tfittex li tiżgura, permezz ta' tqassim ekwu tal-ispezzjonijiet, trattament ugwali tal-Partijiet Kontraenti kollha mal-bastimenti li joperaw fiż-Żona Regolatorja permezz ta' tqassim ġust ta' spezzjonijiet.

    4.   L-Istati Membri għandhom jieħdu passi sabiex jiżguraw li l-ispetturi tan-NEAFC minn Partijiet Kontraenti oħrajn jitħallew iwettqu spezzjonijiet abbord bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom.

    5.   L-ispetturi tan-NEAFC għandhom jevitaw l-użu tal-forza, għajr fil-każ ta' difiża leġittima. Meta jkunu qegħdin iwettqu spezzjonijiet abbord bastimenti tas-sajd, l-ispetturi tan-NEAFC m’għandhomx iġorru armi tan-nar. Dan il-paragrafu għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet nazzjonali rigward il-projbizzjoni tal-użu tal-forza.

    6.   L-ispetturi tan-NEAFC għandhom jevitaw li joħolqu kwalunkwe inkonvenjenza lill-bastiment tas-sajd jew li jinterferixxu fl-attivitajiet tiegħu u l-qabda miżmuma abbord, ħlief meta u sal-punt meħtieġ biex iwettqu dmirijiethom.

    Artikolu 18

    Mezzi biex titwettaq spezzjoni

    1.   L-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli għall-ispetturi tan-NEAFC tagħhom il-mezzi adegwati biex ikunu jistgħu jwettqu l-kompiti ta' sorveljanza u ta' spezzjoni tagħhom. Għal dan l-iskop, huma għandhom jassenjaw bastimenti u inġenji tal-ajru għall-Iskema.

    2.   Il-Kummissjoni jew l-entità nnominata minnha għandha tibgħat lis-Segretarju tan-NEAFC qabel l-1 ta' Jannar kull sena, id-dettalji tal-pjan flimkien mal-ismijiet tal-ispetturi tan-NEAFC u tal-bastimenti speċjali ta' spezzjoni, kif ukoll it-tipi ta' inġenji tal-ajru u d-dettalji tal-identifikazzjoni tagħhom (in-numru ta' reġistrazzjoni, l-isem, is-sinjal tar-radju) li l-Istati Membri jassenjaw għall-Iskema matul dik is-sena. Fejn ikun xieraq, din l-informazzjoni għandha tittieħed mil-lista ta' spetturi msemmija fl-Artikolu 79(1) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009. L-Istati Membri għandhom jibagħtu t-tibdil għal din il-lista lill-Kummissjoni jew lill-entità nnominata minnha, li min-naħa tagħha għandha tgħaddihom lis-Segretarju tan-NEAFC u lill-Istati Membri l-oħra xahar qabel ma l-bidliet ikollhom jidħlu fis-seħħ.

    3.   Kwalunkwe bastiment assenjat għall-Iskema u li jġorr spetturi tan-NEAFC, kif ukoll l-inġenju għat-tlugħ abbord, mobilizzat minn dak il-bastiment, għandu juri s-sinjal speċjali ta' spezzjoni tan-NEAFC, sabiex jindika li l-ispetturi tan-NEAFC abbord jistgħu iwettqu dmirijiet ta' spezzjoni f’konformità mal-Iskema. Inġenji tal-ajru assenjati mal-Iskema juru b’mod ċar il-kodiċi tagħhom tar-radju. Il-forma tal-kodiċi speċjali għandha tiġi ddeterminata f’konformità mal-Artikolu 50(2).

    4.   Għal kull bastimenti u jew inġenji tal-ajru ta' spezzjoni tal-Unjoni assenjat għall-Iskema, il-Kummissjoni jew l-entità nnominata minnha għandha żżomm reġistru tad-data u l-ħin tal-bidu u tat-tmiem tad-dmirijiet tagħhom taħt l-Iskema kif stipulat fil-forma ddeterminata f’konformità mal-Artikolu 50(2).

    Artikolu 19

    Proċedura ta' sorveljanza

    1.   Is-sorveljanza għandha tkun ibbażata fuq avvistamenti tal-bastimenti tas-sajd mill-ispetturi tan-NEAFC minn bastiment jew minn inġenji tal-ajru assenjati għall-Iskema. L-ispetturi tan-NEAFC għandhom iressqu kopja ta' kull rapport ta' avvistament għal kull bastiment mingħajr dewmien permezz ta' trażmissjoni elettronika, fil-forma stabbilita f’konformità mal-Artikolu 50(2) lill-Istat tal-bandiera tal-bastiment ikkonċernat, lill-Kummissjoni jew lill-entità nnominata minnha u lis-Segretarju tan-NEAFC. Kopja fiżika ta' kull rapport ta' avvistament u kwalunkwe ritratt għandhom jitressqu, fuq talba lill-Istat tal-bandiera tal-bastiment ikkonċernat.

    2.   L-ispetturi tan-NEAFC għandhom jirreġistraw l-avvistamenti f’rapport ta' sorveljanza permezz ta' formola stabbilita f’konformità mal-Artikolu 50(2).

    Artikolu 20

    Proċedura ta' spezzjoni

    1.   L-ispetturi tan-NEAFC m’għandhom jimbarkaw ebda bastiment tas-sajd mingħajr ma jkun ġie trażmess avviż minn qabel bir-radju lil dak il-bastiment jew mingħajr ma dak il-bastiment ikun ingħata s-sinjal xieraq permezz tas-Sinjal tal-Kodiċi Internazzjonali, inkluż l-identità tal-pjattaforma ta' spezzjoni; madankollu, m’għandux ikun meħtieġ li jkun hemm għarfien tal-wasla ta' tali avviż.

    2.   L-ispetturi tan-NEAFC għandhom ikunu awtorizzati illi jeżaminaw iż-żoni, il-gverti u l-kmamar kollha rilevanti tal-bastiment tas-sajd, il-qabdiet (sewwa jekk ipproċessati u sewwa jekk le), ix-xbieki u rkaptu ieħor, it-tagħmir u d-dokumenti kollha rilevanti meħtieġa sabiex tiġi vverifikata l-osservanza mal-miżuri ta' konservazzjoni u ta' mmaniġġar adottati min-NEAFC u li jagħmlu mistoqsijiet lill-kaptan jew lill-persuna ddeżinjata minnu.

    3.   Il-bastiment tas-sajd li jkun se jiġi imbarkat ma għandux ikollu għalfejn jieqaf jew jimmanuvra jekk ikun qiegħed jistad, ikala jew jerfa’ l-qabda. L-ispetturi tan-NEAFC jistgħu jordnaw l-interruzzjoni jew l-ittardjar fl-irfih tal-irkaptu tas-sajd sakemm ikunu imbarkaw il-bastiment iżda fi kwalunkwe każ ma jistgħux jagħmlu dan iktar minn 30 minuta wara li l-bastiment tas-sajd ikun irċieva s-sinjal imsemmi fil-paragrafu 1.

    4.   L-kaptani tal-pjattaformi ta' spezzjoni għandhom jiżguraw li jimmanuvraw f’distanza sikura mill-bastimenti tas-sajd skont prinċipji tajba tat-tbaħħir.

    5.   L-ispetturi tan-NEAFC jistgħu jagħtu struzzjonijiet lil bastiment tas-sajd biex jittardja d-dħul tiegħu fiż-Żona Regolatorja, jew il-ħruġ minnha għal massimu ta' sitt sigħat mill-ħin tat-trażmissjoni mill-bastiment tas-sajd tar-rapporti msemmija fl-Artikolu 9(1)(a) u (c).

    6.   L-ispezzjoni m’għandhiex tieħu aktar minn 4 sigħat, jew il-ħin meħtieġ biextintrefa’ x-xibka u jiġu spezzjonati x-xibka u l-qabda, skont liema ddum l-aktar. Fil-każ li jinsab xi ksur, l-ispetturi tan-NEAFC jistgħu jibqgħu abbord għall-perjodu taż-żmien meħtieġ sabiex jitlestew il-miżuri pprovduti fl-Artikolu 29(1)(b).

    7.   Iżda, f’ċirkostanzi speċjali, marbuta mad-daqs tal-bastiment tas-sajd u l-kwantitajiet ta' ħut miżmuma abbord, it-tul taż-żmien ta' spezzjonati jista’ jaqbeż il-perjodi taż-żmien stipulati fil-paragrafu 6. F’sitwazzjoni bħal din, l-ispetturi tan-NEAFC ma għandhom fl-ebda cirkustanza jibqgħu abbord il-bastiment tas-sajd aktar mill-ħin meħtieġ biex itemmu l-ispezzjoni tagħhom. Ir-raġunijiet għall-qbiż tal-limitu ta' żmien stabbilit fil-paragrafu 6 għandhom ikunu rreġistrati fir-rapport ta' spezzjoni msemmi fil-paragrafu 9.

    8.   M’għandhomx jitilgħu aktar minn żewġ spetturi tan-NEAFC assenjati minn xi Stati Membru abbord bastiment tas-sajd ta' Parti Kontraenti oħra. Huma u jwettqu l-ispezzjoni tagħhom, l-ispetturi tan-NEAFC jistgħu jitolbu lill-kaptan għal kwalunkwe għajnuna li jistgħu jeħtieġu. L-ispetturi tan-NEAFC m’għandhomx jindaħlu mal-kapaċità tal-kaptan li jikkomunika mal-awtoritajiet tal-Istat tal-bandiera matul it-tlugħ abbord u l-ispezzjoni.

    9.   Kull spezzjoni għandha tkun iddokumentata permezz tal-ikkompletar ta' rapport ta' spezzjoni fil-format stabbilit f’konformità mal-Artikolu 50(2). Il-kaptan jista’ jżid il-kummenti tiegħu fuq ir-rapport ta' spezzjoni li għandu jiġi ffirmat mill-ispetturi fi tmiem l-ispezzjoni. Għandha tingħata kopja tar-rapport ta' spezzjoni lill-kaptan tal-bastiment tas-sajd. Kopja ta' kull rapport ta' spezzjoni għandha tiġi trażmessa mingħajr dewmien lill-Istat tal-bandiera tal-bastiment spezzjonat u lill-Kummissjoni, jew lill-entità nnominata minnha. Il-Kummissjoni jew l-entità nnominata minnha għandha tibagħt il-kopja minnufih lis-Segretarju tan-NEAFC. L-oriġinal jew kopja ċċertifikata ta' kull rapport ta' spezzjoni għandu jintbagħat fuq talba lill-Istat tal-bandiera tal-bastiment spezzjonat.

    Artikolu 21

    Obbligu tal-kaptan tal-bastimenti matul il-proċedura ta' spezzjoni

    Il-kaptan ta' basiment tas-sajd għandu:

    (a)

    jiffaċilita l-imbark u l-iżbark, minnufih u b’mod sikur, skont l-ispeċifikazzjonijiet adottati f’konformità mal-Artikolu 50(2);

    (b)

    jikkoopera ma' u jgħin fl-ispezzjoni tal-bastiment tas-sajd magħmul skont dan ir-Regolament, u ma għandux ifixkel, jintimida jew jindaħal fix-xogħol tal-ispetturi tan-NEAFC fit-twettiq ta' dmirijiethom u għandu jiżgura s-sikurezza tagħhom;

    (c)

    jippermetti li l-ispetturi tan-NEAFC jikkomunikaw mal-awtoritajiet tal-Istat tal-bandiera u mal-Istat tal-ispezzjoni;

    (d)

    jipprovdi aċċess għal kwalunkwe żona, gverta u kamra tal-bastiment, qabda (ipproċessata jew le), xibka u rkaptu ieħor, tagħmir, u għal kwalunkwe tagħrif jew dokumenti li l-ispetturi tan-NEAFC iqisu li jkunu meħtieġa skont l-Artikolu 20(2);

    (e)

    jipprovdi kopji tad-dokumenti kif meħtieġ mill-ispetturi tan-NEAFC; and

    (f)

    jipprovdi lill-ispetturi tan-NEAFC b’faċilitajiet raġjonevoli, inklużi, fejn xieraq, ikel u akkommodazzjoni meta jibqgħu abbord il-bastiment skont l-Artikolu 32(3).

    KAPITOLU IV

    KONTROLL MILL-ISTAT TAL-PORT TA' BASTIMENTI TAS-SAJD LI JTAJRU L-BANDIERA TA' PARTI KONTRAENTI OĦRA

    Artikolu 22

    Kamp ta' applikazzjoni

    Bla ħsara għar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (10), id-dispożizzjonijiet stipulati f’dan il-Kapitolu għandhom japplikaw għall-ħatt l-art jew it-trażbord fil-portijiet tal-Istati Membri fir-rigward ta' riżorsi tal-ħut iffriżat wara li jkunu nqabdu fiż-żona tal-Konvenzjoni NEAFC minn bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera ta' Parti Kontraenti oħra.

    Artikolu 23

    Portijiet deżinjati

    L-Istati Membri għandhom jagħżlu u jinnotifikaw lill-Kummissjoni portijiet fejn il-ħatt l-art jew it-trażbord ta' riżorsi tal-ħut iffriżati wara li jkunu nqabdu fiż-Zona tal-Konvenzjoni minn bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera ta' Parti Kontraenti oħra jkunu permessi. Il-Kummissjoni għandha tgħarraf lis-Segretarju tan-NEAFC dwar dawn il-portijiet u bi kwalunkwe tibdil li jsir fil-lista ta' portijiet deżinjati għallinqas ħmistax-il jum qabel ma jidħol fis-seħħ it-tibdil.

    Il-ħatt l-art u t-trażbord ta' ħut iffriżat wara li jkun inqabad fiż-żona tal-Konvenzjoni minn bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera ta' Parti Kontraenti oħra għandhom jitħallew jidħlu biss f’portijiet iddeżinjati.

    Artikolu 24

    Notifika minn qabel dwar id-dħul fil-port

    1.   F’konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008, meta l-kaptan ta' bastiment tas-sajd li jkun qed iġorr ħut imsemmi fl-Artikolu 22 ta' dan ir-Regolament, ikun biħsiebu jidħol f’port biex iħott jew jittrażborda l-ħut, il-kaptan tal-bastiment, jew ir-rappreżentant tiegħu, għandu jinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-port li jixtieq juża mhux aktar tard minn tlett ijiem ta' xogħol qabel il-ħin stmat tal-wasla.

    Madankollu, Stat Membru jista’ jipprovdi għal perjodu ieħor ta' notifika, filwaqt li jqis, b’mod partikolari, id-distanza bejn iż-żoni tas-sajd u l-portijiet tiegħu. F’każ bħal dan, l-Istat Membru għandu, mingħajr dewmien, jinforma b’dan lill-Kummissjoni jew lill-entità nnominata minnha u lis-Segretarju tan-NEAFC.

    2.   Il-kaptani jew ir-rappreżentanti tagħhom jistgħu jħassru notifika minn qabel billi jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-port li jixtiequ jużaw għallinqas 24 siegħa qabel il-ħin stmat tal-wasla f’dak il-port. In-notifika għandha jkollha magħha kopja tal-formola tan-notifika oriġinali bil-kelma “IMĦASSRA” miktuba minn naħa sa oħra tagħha.

    Madankollu, Stat Membru jista’ jipprovdi għal perjodu ta' notifika ieħor għat-tħassir. F’każ bħal dan, l-Istat Membru għandu, mingħajr dewmien, jinforma b’dan lill-Kummissjoni jew lill-entità nnominata minnha u lis-Segretarju tan-NEAFC.

    3.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-port għandu jibgħat kopja tan-notifika msemmija fil-paragrafi 1 u 2 mingħajr dewmien lill-Istat tal-bandiera tal-bastiment tas-sajd, u lill-Istat(i) tal-bandiera tal-bastimenti donaturi meta l-bastiment tas-sajd kien involut f’operazzjonijiet ta' trażbord. Kopja tan-notifika msemmija fil-paragrafu 2 għandha tintbagħat ukoll mingħajr dewmien lis-Segretarju tan-NEAFC.

    4.   Il-format u l-ispeċifikazzjonijiet tan-notifiki għandhom jiġu stabbiliti f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 50(2).

    Safejn meħtieġ, regoli dettaljati ulterjuri dwar il-proċeduri ta' notifika u ta' kanċellazzjoni fil-qafas ta' dan l-Artikolu, inklużi perjodi, għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikoli 46 sa 49.

    Artikolu 25

    Awtorizzazzjoni għall-ħatt l-art u t-trażbord

    1.   L-Istat tal-bandiera tal-bastiment tas-sajd li jkun beħsiebu jħott l-art jew jittrażborda, jew fejn il-bastiment tas-sajd kien involut f’operazzjonijiet tat-trażbord barra l-ilmijiet tal-UE, l-Istat tal-bandiera jew l-Istati tal-bastimenti donaturi, għandhom, billi jirritornaw kopja tan-notifika minn qabel imsemmija fl-Artikolu 24 lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-port, jikkonfermaw li:

    (a)

    il-bastiment tas-sajd li ddikjara li qabad il-ħut kellu kwota suffiċjenti għall-ispeċijiet iddikjarati;

    (b)

    il-kwantitajiet ta' ħut abbord ġew rappurtati u tqiesu kif suppost għall-kalkolu ta' kwalunkwe limitazzjoni tal-qbid jew tal-isforz li jista’ jkun applikabbli;

    (c)

    il-bastiment tas-sajd li ddikjara li qabad il-ħut kellu l-awtorizzazzjoni li jistad fiż-żoni ddikjarati;

    (d)

    il-preżenza tal-bastiment tas-sajd fiż-żona tal-qabda ddikjarata ġiet ivverifikata skont id-data VMS.

    2.   L-operazzjonijiet ta' ħatt l-art jew trażbord jistgħu jibdew biss wara li tkun ingħatat l-awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-port. Tali awtorizzazzjoni għandha tingħata biss jekk tkun waslet il-konferma mill-Istat tal-bandiera, kif jissemma fil-paragrafu 1.

    3.   B’deroga mill-paragrafu 2, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-port jistgħu jawtorizzaw l-ħatt l-art kollu jew parti minnu fl-assenza tal-konferma msemmija fil-paragrafu 1 iżda f’każijiet bħal dawn iżommu l-ħut ikkonċernat maħżun taħt il-kontroll tagħhom. Il-ħut jista’ jiġi biss irrilaxxat għall-bejgħ, għall-għoti jew għat-trasport ladarba tkun waslet il-konferma msemmija fil-paragrafu 1. Jekk il-konferma ma tasalx fi żmien 14-il jum wara l-ħatt l-art, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-port jistgħu jikkonfiskaw u jiddisponu mill-ħut skont ir-regoli nazzjonali.

    4.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-port għandhom jinnotifikaw mingħajr dewmien lill-kaptan dwar id-deċiżjoni tagħhom li jawtorizzaw jew le il-ħatt l-art jew it-trażbord u għandhom jinfurmaw b’dan lis-Segretarju tan-NEAFC.

    5.   Regoli dettaljati dwar l-awtorizzazzjoni għall-ħatt l-art jew it-trażbord skont dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati skont il-proċedura stipulata fl-Artikoli 46 sa 49.

    Artikolu 26

    Spezzjonijiet tal-Port

    1.   Kull Stat Membru għandu jwettaq spezzjonijiet fuq mhux inqas minn 15 % tal-kwantitajiet li jinħattu jew li jiġu ttrażbordati fil-portijiet tiegħu matul kull sena ta' rappurtar.

    2.   L-ispezzjonijiet għandhom jinvolvu l-monitoraġġ tal-iskariku kollu jew tat-trażbord u għandhom jinkludu kontroverifiki bejn il-kwantitajiet irreġistrati skont l-ispeċi fin-notifika preċedenti tal-ħatt l-art u l-kwantitajiet li jinħattu l-art jew li jiġu ttrażbordati, skont l-ispeċi. Meta l-ħatt jew it-trażbord ikun tlesta, l-ispettur għandu jivverifika u jinnota l-kwantitajiet ta' ħut, skont l-ispeċi, li jibqgħu abbord.

    3.   L-ispetturi nazzjonali għandhom jagħmlu l-isforzi kollha possibbli sabiex jevitaw illi bastiment idewmuh iżżejjed u jiżguraw li l-bastiment ibati l-minimu ta' interferenza u inkonvenjenza u li tiġi evitata d-degradazzjoni tal-kwalità tal-ħut.

    4.   L-Istat Membru tal-port jista’ jistieden spetturi minn Partijiet Kontraenti oħra sabiex jakkumpanjaw l-ispetturi tagħhom u josservaw l-ispezzjoni tal-operazzjonijiet tal-ħatt jew tat-trażbord tar-riżorsi tas-sajd maqbuda minn bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera ta' Parti Kontraenti oħra.

    Artikolu 27

    Rapporti tal-ispezzjoni

    1.   Kull spezzjoni għandha tkun iddokumentata permezz tal-ikkompletar ta' rapport ta' spezzjoni permezz tal-formola stabbilita f’konformità mal-Artikolu 50(2).

    2.   Il-kaptan jista’ jżid il-kummenti tiegħu mar-rapport ta' spezzjoni li għandu jiġi ffirmat mill-ispettur u mill-kaptan fi tmiem l-ispezzjoni. Għandha tingħata kopja tar-rapport ta' spezzjoni lill-kaptan tal-bastiment tas-sajd.

    3.   Kopja ta' kull rapport ta' spezzjoni għandha tintbagħat mingħajr dewmien lill-Istat tal-bandiera tal-bastiment tas-sajd spezzjonat, lill-Istat(i) tal-bandiera tal-bastimenti donaturi fejn il-bastiment kien involut f’operazzjonijiet ta' trażbord, lill-Kummissjoni jew lill-entità nnominata minnha u lis-Segretarju tan-NEAFC. L-oriġinal jew kopja ċċertifikata ta' kull rapport ta' spezzjoni għandu jintbagħat fuq talba lill-Istat tal-Bandiera tal-bastiment spezzjonat.

    KAPITOLU V

    KSUR

    Artikolu 28

    Kamp ta' applikazzjoni

    Bla ħsara għar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 u għar-Regolament (KE) Nru 1005/2008, id-dispożizzjonijiet stipulati f’dan il-Kapitolu għandhom japplikaw għal bastimenti tas-sajd tal-UE u għal bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera ta' Parti Kontraenti oħra użati, jew li hemm ħsieb li jintużaw f’attivitajiet ta' sajd imwettqa fir-rigward ta' riżorsi tas-sajd fiż-Żona Regolatorja.

    Artikolu 29

    Proċeduri ta' ksur

    1.   Meta l-ispetturi jsibu li hemm bażijiet ċari sabiex jemmnu illi bastiment tas-sajd inqabad f’attività kuntrarja għall-miżuri ta' konservazzjoni u ta' mmaniġġar adottati min-NEAFC, huma għandhom:

    (a)

    jirrekordjaw il-ksur fir-rapport imsemmi fl-Artikoli 19(2), 20(9) jew 27;

    (b)

    jieħdu l-miżuri kolha meħtieġa sabiex jiżguraw is-sigurtà u l-kontinwità tal-evidenza. Għandha tiġi mwaħħla fis-sod marka ta' identifikazzjoni ma' kull parti tal-irkaptu tas-sajd illi tidher waqt l-ispezzjoni li tmur jew li marret kontra l-miżuri applikabbli;

    (c)

    jippruvaw immedjatament jikkomunikaw ma' spettur jew mal-awtorità ddeżinjata tal-Istat tal-bandiera tal-bastiment tas-sajd spezzjonat;

    (d)

    jittrażmettu r-rapport ta' spezzjoni minnufih lill-Kummissjoni jew lill-entità nnominata minnha.

    2.   L-Istat Membru li jwettaq l-ispezzjoni għandu jikkomunika bil-miktub id-dettalji tal-ksur lill-awtorità nnominata tal-Istat tal-bandiera tal-bastiment spezzjonat u lill-Kummissjoni jew lill-entità nnominata minnha u, kull meta jkun possibbli, għandu jagħmel dan matul l-ewwel jum tax-xogħol wara l-bidu tal-ispezzjoni.

    3.   L-Istat Membru li jwettaq l-ispezzjoni għandu jibgħat mingħajr dewmien l-oriġinali tar-rapport ta' sorveljanza jew ta' spezzjoni flimkien mad-dokumenti ta' appoġġ lill-awtoritajiet kompetenti fl-Istat tal-bandiera tal-bastiment spezzjonat, kif ukoll kopja lill-Kummissjoni jew lill-entità nnominata minnha, li mbagħad tgħaddi kopja lis-Segretarju tan-NEAFC.

    Artikolu 30

    Azzjoni ta' segwitu fil-każ ta' ksur

    1.   Meta Stat Membru jiġi mgħarraf minn Parti Kontraenti oħra jew minn Stat Membru ieħor dwar ksur minn bastiment li jtajjar il-bandiera tiegħu, dan l-Istat għandu jieħu azzjoni fil-pront skont il-liġijiet nazzjonali tiegħu billi jikseb u jeżamina l-evidenza u jissokta bl-investigazzjonijiet l-oħra kollha meħtieġa sabiex tittieħed azzjoni ta' segwitu għall-ksur u, kulfejn possibbli, jispezzjona l-bastiment tas-sajd ikkonċernat.

    2.   L-Istati Membri għandhom jinnominaw lill-awtoritajiet kompetenti li għandhom jirċievu l-evidenza dwar il-ksur u għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni jew lill-entità nnominata minnha dwar l-indirizz ta' dawk l-awtoritajiet u bi kwalunkwe bidla f’din l-informazzjoni. Il-Kummissjoni jew l-entità nnominata minnha sussegwentament għandha tgħaddi l-informazzjoni lis-Segretarju tan-NEAFC.

    Artikolu 31

    Ksur serju

    Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, it-tipi ta' ksur li ġejjin għandhom jitqiesu bħala serji:

    (a)

    sajd mingħajr awtorizzazzjoni valida maħruġa mill-Istat tal-bandiera;

    (b)

    sajd mingħajr kwota jew wara li din tkun ġiet eżawrita;

    (c)

    l-użu ta' rkaptu pprojbit tas-sajd;

    (d)

    nuqqasijiet serji fir-reġistrazzjoni tal-qabdiet tal-ħut;

    (e)

    nuqqasijiet ripetuti ta' konformità mal-Artikoli 9 jew 11;

    (f)

    ħatt l-art jew trażbord f’port mhux iddeżinjat f’konformità mal-Artikolu 23;

    (g)

    nuqqas ta' konformità mal-Artikolu 24;

    (h)

    ħatt jew trażbord mingħajr awtorizzazzjoni tal-Istat tal-port kif imsemmi fl-Artikolu 25;

    (i)

    żamma ta' spettur mit-twettiq tad-dmirijiet tiegħu;

    (j)

    sajd dirett għal stokk li huwa suġġett għal moratorju jew li s-sajd tiegħu huwa pprojbit;

    (k)

    falsifikazzjoni jew ħabi tal-marki, tal-identità jew tar-reġistrazzjoni ta' bastiment tas-sajd;

    (l)

    il-ħabi, tbagħbis jew twarrib ta' evidenza li jkollha x’taqsam ma' investigazzjoni;

    (m)

    vjolazzjonijiet multipli li flimkien jikkostitwixxu indifferenza serja tal-miżuri ta' konservazzjoni u ġestjoni;

    (n)

    involviment f’operazzjonijiet ta' trażbord jew ta' sajd konġunt ma' bastimenti ta' Partijiet mhux Kontraenti li ma jkunux ingħataw l-istatus ta' Parti Mhux Kontraenti li tikkoopera min-NEAFC;

    (o)

    ifornu provvisti, karburant jew servizzi oħra lil bastimenti li jkunu tqiegħdu fuq il-listi msemmija fl-Artikolu 44.

    Artikolu 32

    Azzjoni ta' segwitu f’każijiet ta' ksur serju

    1.   Jekk spettur iqis li jeżistu raġunijiet ċari biex wieħed jemmen li bastiment tas-sajd wettaq ksur serja skont l-Artikolu 31, dak l-ispettur għandu jinnotifika minnufih dik l-ksur lill-Kummissjoni, inkella lill-entità nnominata minnha, lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat tal-bandiera tal-bastiment tas-sajd spezzjonat u lill-Istat(i) tal-bandiera ta' bastimenti donaturi fejn il-bastiment spezzjonat kien involut f’operazzjonijiet ta' trażbord, skont l-Artikolu 29(3), u għandu wkoll jittrażmetti kopja lis-Segretarju tan-NEAFC.

    2.   Sabiex ma titħassarx l-evidenza, l-ispetturi għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżgura s-sigurtà u l-kontinwità tagħha filwaqt li jimminimizza l-inkonvenzjenza lill-bastiment u l-interferenza fix-xogħol tiegħu.

    3.   L-ispettur għandu jkun intitolat jibqa’ abbord il-bastiment tas-sajd għall-perjodu meħtieġ sabiex jipprovdi inforamzzjoni dwar il-ksur lill-ispettur awtorizzat kif xieraq, imsemmi fl-Artikolu 33, jew sakemm jirċievi tweġiba mill-Istat tal-bandiera tal-bastiment li jitlob lill-ispettur biex jitlaq minn fuq il-bastiment tas-sajd.

    Artikolu 33

    Azzjoni ta' segwitu f’każijiet ta' ksur serju minn bastiment tas-sajd tal-UE

    1.   L-Istati Membri tal-Bandiera għandhom jirrispondu għan-notifika msemmija fl-Artikolu 32(1) mingħajr dewmien u għandhom jiżguraw li l-bastiment tas-sajd ikkonċernat jiġi spezzjonat fi żmien 72 siegħa minn spettur awtorizzat kif jixraq f’dak li jirrigwarda l-ksur. L-ispettur awtorizzat kif xieraq għandu jitla’ abbord il-bastiment involut u jeżamina l-evidenza tal-ksur suspettat, stabbilita minn spettur, u jibgħat mill-aktar fis ir-riżultati tal-eżami lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru u lill-Kummissjoni jew lill-entità nnominata minnha.

    2.   Wara n-notifika tar-riżultati tal-eżami msemmi fil-paragrafu 1, l-Istati Membri tal-bandiera għandhom, jekk l-evidenza titlob hekk, jesiġu li l-bastiment tas-sajd jipproċedi immedjatament, u fi kwalunkwe każ fi żmien 24 siegħa, f’port iddeżinjat minn dak l-Istat Membru tal-bandiera, għal spezzjoni bir-reqqa taħt l-awtorità tagħha.

    3.   L-Istat Membru tal-bandiera jista’ jawtorizza lill-Istat Membru li jispezzjona sabiex idaħħal il-bastiment tas-sajd mingħajr dewmien f’port magħżul mill-Istat Membru tal-bandiera.

    4.   Jekk il-bastiment tas-sajd ma jissejjaħx biex jidħol fil-port, l-Istati Membri tal-bandiera għandhom jipprovdu ġustifikazzjoni xierqa mingħajr dewmien żejjed lill-Kummissjoni jew lill-entità nnominata minnha u lill-Istat li jispezzjona. Il-Kummissjoni jew l-entità nnominata minnha għandha tgħaddi din il-ġustifikazzjoni lis-Segretarju tan-NEAFC.

    5.   Meta bastiment huwa meħtieġ li jipproċedi f’port għal spezzjoni bir-reqqa skont il-paragrafi 2 jew 3, spettur tan-NEAFC minn Parti Kontraenti oħra jista’, bil-kunsens tal-Istat Membru tal-bandiera tal-bastiment tas-sajd, jimbarka u jibqa’ abbord il-bastiment tas-sajd hekk kif ikun qed jipproċedi lejn port, u jista’ jkun preżenti waqt l-ispezzjoni tal-bastiment tas-sajd fil-port.

    6.   L-Istati Membri tal-bandiera għandhom jgħarrfu minnufih lill-Kummissjoni jew lill-entità nnominata minnha dwar ir-riżultat tal-ispezzjoni bir-reqqa u l-miżuri li jkunu ħadu bħala riżultat tal-ksur.

    7.   Ir-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' dan l-Artikolu għandhom jiġu stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 50(2).

    Artikolu 34

    Rappurtar u azzjoni ta' segwitu għall-każijiet ta' ksur

    1.   Sal-15 ta' Frar kull sena, l-Istati Membri għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni jew lill-entità nnominata minnha dwar l-istatus tal-proċedimenti rigward każijiet ta' ksur tal-miżuri ta' konservazzjoni u ta' mmaniġġar adottati min-NEAFC li seħħew matul is-sena kalendarja preċedenti. Il-każijiet ta' ksur għandhom jibqgħu jiġu elenkati fuq kull rapport sussegwenti sakemm il-proċediment jiġi konkluż f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġijiet nazzjonali. Il-Kummissjoni jew l-entità nnominata minnha għandha tgħaddi dawn ir-rapporti lis-Segretarju tan-NEAFC qabel l-1 ta' Marzu tal-istess sena.

    2.   Ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jindika l-istatus attwali tal-proċedimenti u b’mod partikolari jekk il-każ hux pendenti, qed jiġi appellat jew għadu qed jiġi investigat. Ir-rapport għandu jiddeskrivi kwalunkwe sanzjoni imposta f’termini speċifiċi, u jispeċifika b’mod partikolari il-livell tal-multi, il-valur tal-ħut u/jew tal-irkaptu kkonfiskat u kwalunkwe twissija bil-miktub li ngħatat u, jekk ma tkun ittieħdet l-ebda azzjoni, huwa għandu jiddikjara r-raġunijiet ta' dan.

    Artikolu 35

    Trattament tar-rapporti ta' spezzjoni

    Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 77 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, l-Istati Membri għandhom jikkollaboraw flimkien u ma' Partijiet Kontraenti oħrajn sabiex jiffaċilitaw il-proċeduri ġudizzjarji jew oħrajn, li joħorġu minn rapport ippreżentat minn spettur taħt l-Iskema, soġġett għar-regoli li jirregolaw l-ammissibbiltà tal-provi fis-sistemi nazzjonali, ġudizzjarji jew oħrajn.

    Artikolu 36

    Rapporti dwar l-attivitajiet ta' sorveljanza u spezzjoni

    1.   Kull Stat Membru għandu jirrappurta lill-Kummissjoni jew lill-entità nnominata minnha, sal-15 ta' Frar kull sena għas-sena kalendarja ta' qabel dwar:

    (a)

    l-għadd ta' spezzjonijiet imwettqa minnu skont l-Artikoli 19, 20 u 26 fejn jiġi speċifikat l-għadd ta' spezzjonijiet fuq il-bastimenti ta' kull Parti Kontraenti u, fejn tkun saret kontravvenzjoni, id-data u l-pożizzjoni tal-ispezzjoni tal-bastiment involut u n-natura tal-ksur;

    (b)

    l-għadd ta' sigħat fl-ajru u l-għadd ta' jiem fuq il-baħar minn operazzjonijiet tal-għassa tan-NEAFC, l-għadd ta' avvistamenti kemm ta' bastimenti ta' Partijiet Kontraenti kif ukoll ta' bastimenti ta' Partijiet mhux Kontraenti, u lista ta' bastimenti individwali li għalihom ġie kkompletat rapport ta' sorveljanza.

    2.   Il-Kummissjoni jew l-entità nnominata minnha għandha tiġbor rapport tal-Unjoni abbażi tar-rapporti tal-Istati Membri. Gћandha tibgћat ir-rapport Komunitarju lis-Segretarju tan-NEAFC sal-1 ta' Marzu kull sena.

    KAPITOLU VI

    MIŻURI GĦALL-PROMOZZJONI TAL-KONFORMITÀ MINN BASTIMENTI TAS-SAJD TA' PARTIJIET MHUX KONTRAENTI

    Artikolu 37

    Kamp ta' applikazzjoni

    1.   Dan il-Kapitolu għandu japplika għall-bastimenti tas-sajd ta' Partijiet mhux Kontraenti, użati jew li hemm ħsieb li jintużaw f’attivitajiet ta' sajd imwettqa fir-rigward ta' riżorsi tas-sajd fiż-Żona tal-Konvenzjoni.

    2.   Dan il-Kapitolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 u r-Regolament (KE) Nru 1005/2008.

    Artikolu 38

    Avvistamenti u identifikazzjonijiet ta' bastimenti ta' Partijiet mhux Kontraenti

    1.   L-Istati Membri għandhom jittrażmettu mingħajr dewmien lill-Kummissjoni jew lill-entità nnominata minnha, kwalunkwe informazzjoni rigward bastimenti ta' Partijiet Mhux Kontraenti avvistati jew identifikati bi kwalunkwe mezz ieħor bħala involuti f’attivitajiet tas-sajd fiż-Żona tal-Konvenzjoni. Il-Kummissjoni jew l-entità nnominata minnha għandha tinforma minnufih lis-Segretarju tan-NEAFC u lill-Istati Membri l-oħra kollha dwar kull rapport ta' avvistament li tirċievi.

    2.   L-Istat Membru li jkun avvista l-bastiment ta' Parti mhux Kontraenti għandu jipprova jinforma minnufih lil dan il-bastiment dwar l-avvistament jew l-identifikazzjoni b’xi mezz ieħor tal-involviment tiegħu f’attivitajiet ta' sajd fiż-Żona tal-Konvenzjoni u b’konsegwenza jitqies, ħlief jekk l-Istat tal-bandiera tiegħu ma jkunx ingħata l-istatus ta' Parti mhux Kontraenti li tikkoopera min-NEAFC, li qiegħed jimmina l-miżuri ta' konservazzjoni u mmaniġġar tan-NEAFC.

    3.   Fil-każ ta' bastiment ta' Parti mhux Kontraenti avvistat jew identifikat b’xi mezz ieħor bħala involut f’attivitajiet ta' trażbord, il-preżunzjoni li qed jimmina l-miżuri ta' konservazzjoni u mmaniġġar tan-NEAFC għandha tapplika għal kwalunkwe bastiment ieħor ta' Parti Mhux Kontraenti li jkun ġie identifikat bħala involut f’attivitajiet tali ma' dak il-bastiment.

    Artikolu 39

    Spezzjonijiet fuq il-baħar

    1.   L-ispetturi tan-NEAFC għandhom jitolbu permess biex jitilgħu abbord u jispezzjonaw bastimenti ta' Partijiet mhux Kontraenti avvistati jew identifikati bi kwalunkwe mezz ieħor bħala involuti f’attivitajiet tas-sajd fiż-Żona tal-Konvenzjoni. Jekk il-kaptan jagħtihom kunsens biex jitilgħu abbord u jispezzjonaw il-bastiment, l-ispezzjoni għandha tiġi ddokumentata billi jiġi kkompletat rapport ta' spezzjoni kif jissemma fl-Artikolu 20(9).

    2.   L-ispetturi tan-NEAFC għandhom jittrażmettu kopja tar-rapport ta' spezzjoni mingħajr dewmien lill-Kummissjoni jew lill-entità nnominata minnha, lis-Segretarju tan-NEAFC u lill-kaptan tal-bastiment ta' Parti mhux Kontraenti. Fejn l-evidenza f’dak ir-rapport hekk titlob, l-Istat Membru jista’ jieħu tali azzjoni kif xieraq skont il-liġi internazzjonali. L-Istati Membri huma mħeġġa jeżaminaw kemm ikunu xierqa l-miżuri domestiċi biex jeżerċitaw il-ġuridisdizzjoni fuq bastimenti bħal dawn.

    3.   Jekk il-kaptan ma jippermettix it-tlugħ abbord u l-ispezzjoni tal-bastiment tiegħu jew ma jissodisfax xi wieħed mill-obbligi stipulati fl-Artikolu 21(a) sa (d), dan il-bastiment jitqies li kien involut f’attivitajiet ta' sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat (“attivitajiet IUU”). L-ispettur tan-NEAFC għandu jinforma lill-Kummissjoni jew lill-entità nnominata minnha dwar dan mingħajr dewmien. Il-Kummissjoni jew l-entità nnominata minnha għandha imbghad tinforma b’dan minnufih lis-Segretarju tan-NEAFC.

    Artikolu 40

    Dħul fil-port

    1.   Il-kaptan ta' bastiment tas-sajd ta' Parti mhux Kontraenti jista’ jidħol biss f’port iddeżinjat skont l-Artikolu 23. Il-kaptan li jkun beħsiebu jidħol f’port ta' Stat Membru għandu jinnotifika lill-awtoritajiet tal-Istat Membru tal-port skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 24. L-Istat Membru tal-port ikkonċernat għandu jibgħat din l-informazzjoni mingħajr dewmien lill-Istat tal-bandiera tal-bastiment u lill-Kummissjoni jew lill-entità nnominata minnha. Min-naħa tagħhom, il-Kummissjoni jew l-entità nnominata minnha, għandha tibgħat din l-informazzjoni lis-Segretarju tan-NEAFC.

    2.   L-Istat Membru tal-port għandu jipprojbixxi d-dħul fil-portijiet tiegħu lil bastimenti li ma jkunux taw in-notifika minn qabel tad-dħul ġewwa port kif jissemma fl-Artikolu 24.

    Artikolu 41

    Spezzjonijiet fil-port

    1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-bastimenti kollha ta' Partijiet mhux Kontraenti li jidħlu f’wieħed mill-portijiet tagħhom jiġu spezzjonati. Il-bastiment ma għandux jitħalla jħott jew jittrażborda ħut sakemm titlesta l-ispezzjoni. Kull spezzjoni għandha tiġi ddokumentata billi jimtela rapport tal-ispezzjoni kif stipulat fl-Artikolu 27. Fejn il-kaptan tal-bastiment ikun naqas milli jissodisfa kwalunkwe wieħed mill-obbligi stipulati fl-Artikolu 21 (a) sa (d), il-bastiment jiġi preżunt li kien involut f’attivitajiet IUU.

    2.   Informazzjoni dwar ir-riżultati tal-ispezzjonijiet kollha ta' bastimenti ta' Partijiet mhux Kontraenti mwettqa fil-portijiet tal-Istati Membri, u dwar l-azzjoni sussegwenti, għandha tiġi trażmessa minnufih lill-Kummissjoni, jew lill-entità nnominataminnha, li għandha tgħaddi din l-informazzjoni lis-Segretarju tan-NEAFC.

    Artikolu 42

    Ħatt l-art u trażbord

    1.   L-operazzjonijiet ta' ħatt l-art jew trażbord jistgħu jibdew biss wara li tkun ingħatat l-awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat tal-port.

    2.   Il-ħatt l-art u t-trażbord minn bastiment ta' Parti mhux Kontraenti, li jkun ġie spezzjonat skont l-Artikolu 41, għandu jiġi pprojbit fil-portijiet u fl-ilmijiet tal-Istati Membri kollha jekk spezzjoni bħal din turi li l-bastiment għandu speċijiet abbord li huma soġġetti għal rakkomandazzjonijiet stabbiliti taħt il-Konvenzjoni, sakemm il-kaptan tal-bastiment ma jipprovdix evidenza sodisfaċenti għall-awtoritajiet kompetenti li biha jipprova li l-ħut inqabad barra ż-Żona Regolatorja jew f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet rilevanti kollha stabbiliti taħt il-Konvenzjoni.

    3.   Il-bastiment tas-sajd m’għandux jitħalla jħott jew ikun involut f’operazzjoni tat-trażbord jekk l-Istat tal-bandiera tal-bastiment, jew l-Istat(i) tal-bandiera tal-bastimenti donaturi, fejn il-bastiment kien involut f’operazzjonijiet tat-trażbord ma jipprovdix il-konferma msemmija fl-Artikolu 25.

    4.   Barra minn hekk, il-ħatt u t-trażbord għandu jkun ipprojbit jekk il-kaptan tal-bastiment ikun naqas milli jonora kwalunkwe wieħed mill-obbligi stipulati fl-Artikolu 21 (a) sa (d).

    Artikolu 43

    Rapporti dwar attivitajiet ta' Partjiet Mhux Kontraenti

    1.   Kull Stat Membru għandu jirrappurta lill-Kummissjoni jew lill-entità nnominata minnha, sal-15 ta' Frar kull sena għas-sena kalendarja ta' qabel dwar:

    (a)

    L-għadd ta' spezzjonijiet ta' bastimenti ta' Partijiet mhux Kontraenti li jwettqu taħt din l-Iskema, fuq il-baħar jew fil-portijiet tagħhom, l-ismijiet tal-bastimenti spezzjonati u l-istati tal-bandiera rispettivi tagħhom, id-dati tal-ispezzjonijiet u l-ismijiet tal-portijiet fejn twettqu l-ispezzjonijiet, u r-riżultati ta' dawn l-ispezzjonijiet; u

    (b)

    meta l-ħut jinħatt jew jiġi ttrażbordat wara spezzjoni f’konformità ma' din l-Iskema, l-evidenza pprovduta skont l-Artikolu 42.

    2.   Minbarra r-rapport ta' sorveljanza u l-informazzjoni dwar l-ispezzjonijiet, l-Istati Membri jistgħu fi kwalunkwe ħin iressqu quddiem il-Kummissjoni jew l-entità nnominata minnha, kwalunkwe informazzjoni addizzjonali li tista’ tkun rilevanti għall-identifikazzjoni ta' bastimenti ta' Parti Mhux Kontraenti li jistgħu jkunu qed iwettqu attivitajiet IUU fiż-Żona tal-Konvenzjoni.

    3.   Fuq il-bażi ta' din l-informazzjoni, il-Kummissjoni jew l-entità nnominataminnha għandha tibgħat rapport globali dwar l-attivitajiet tal-Partijiet Mhux Kontraenti lis-Segretarju tan-NEAFC sal-1 ta' Marzu kull sena.

    Artikolu 44

    Bastimenti involuti f’attivitajiet IUU

    1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li bastimenti li jidhru fil-lista provviżorja ta' bastimenti involuti f’attivitajiet IUU stabbilita min-NEAFC (il-lista “A”):

    (a)

    jiġu spezzjonati skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 41 meta jidħlu fil-portijiet tagħhom;

    (b)

    mhumiex awtorizzati jħottu jew jittrażbordaw fil-portijiet tagħhom jew fl-ilmijiet taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom;

    (c)

    ma jingħatawx għajnuna minn bastimenti tas-sajd, bastimenti ta' appoġġ, bastimenti li jfornu l-fjuwil, bastimenti omm u bastimenti tal-merkanzija li jtajru l-bandiera tagħhom, jew jitħallew jipparteċipaw f’xi operazzjoni ta' trażbord jew operazzjonijiet konġunti ta' sajd ma' dawn il-bastimenti;

    (d)

    ma jiġux fornuti bi provvisti, karburant jew servizzi oħra.

    2.   Id-dispożizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 1(b) u (d) m’għandhom jiġu applikati għall-ebda bastiment li jidher fil-lista “A” meta jkun ġie rrakkomandat lin-NEAFC li l-bastimenti ikkonċernat għandu jitneħħa mil-lista “A”.

    CHAPTER VII

    DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

    Artikolu 45

    Kunfidenzjalità

    1.   Minbarra l-obbligi stipulati fl-Artikoli 112 u 113 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, l-Istati Membri għandhom jiżguraw it-trattament konfidenzjali ta' rapporti u messaġġi elettroniċi trażmessi lejn u riċevuti mingħand is-Segretarjat tan-NEAFC skont l-Artikoli 11, 12 u 19(1).

    2.   Ir-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' dan l-Artikolu għandhom jiġu determinati f’konformità mal-Artikolu 50(2).

    Artikolu 46

    Delega ta' setgħat

    1.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta, permezz ta' atti ddelegati f’konformita mal-Artikolu 47 u soġġett għall-kundizzjonijiet tal-Artikoli 48 u 49 ir-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 25, kif ukoll il-lista ta' riżorsi tas-sajd imsemmija fl-Artikolu 10(1) u regoli dettaljati dwar il-proċeduri ta' notifika u ta' kanċellazzjoni, inklużi perjodi, kif imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(4).

    2.   Meta tadotta atti ddelegati bħal dawn, il-Kummissjoni għandha taġixxi f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 47

    Eżerċizzju tad-delega

    1.   Is-setgħat li tadotta atti ddelegati msemmija fl-Artikolu 46 għandhom ikunu konferiti fuq il-Kummissjoni għal perjodu ta' tliet snin mill-1 ta' Jannar 2011. Il-Kummissjoni għandha tagħmel rapport fir-rigward tas-setgħat iddelegati mhux aktar tard minn sitt xhur qabel tmiem il-perjodu ta' tliet snin. Id-delega tas-setgħat għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta' tul identiku, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jirrevokawhiex f’konformita mal-Artikolu 48.

    2.   Hekk kif tadotta att iddelegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah fl-istess waqt lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    3.   Is-setgħat li tadotta atti ddelegati huma konferiti fuq il-Kummissjoni soġġett għall-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 48 u 49.

    Artikolu 48

    Revoka tad-delega

    1.   Id-delega tas-setgħat imsemmija fl-Artikolu 46 tista’ tiġi rrevokata fi kwalunkwe waqt mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill.

    2.   L-istituzzjoni li tkun bdiet proċedura interna biex tiddeċiedi jekk tirrevokax id-delega ta' setgħat għandha tagħmel ħiltha biex tinforma lill-istituzzjoni l-oħra u lill-Kummissjoni fi żmien raġonevoli qabel ma tittieħed id-deċiżjoni finali, filwaqt li tindika s-setgħat iddelegati li jistgħu jkunu soġġetti għal revoka u raġunijiet possibbli għal revoka.

    3.   Id-deċiżjoni ta' revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħat speċifikati f’dik id-deċiżjoni. Għandha tieħu effett immedjatament jew f’data sussegwenti speċifikata fiha. M’għandhiex taffettwa l-validità ta' atti ddelegati li diġà huma fis-seħħ. Għandha tkun ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 49

    Oġġezzjonijiet għal atti ddelegati

    1.   Il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jistgħu joġġezzjonaw għal att iddelegat fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika.

    Fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill, dan il-perjodu jista’ jiġi estiż b’xahrejn.

    2.   Jekk, malli jiskadi dak il-perjodu, la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma jkun oġġezzjona għall-att iddelegat, dan għandu jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għandu jidħol fis-seħħ fid-data stipulata fih.

    L-att iddelegat jista’ jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jidħol fis-seħħ qabel ma jiskadi dak il-perjodu jekk il-Parlament Ewropew u l-Kunsill it-tnejn li huma jkunu għarrfu lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħhom li ma jqajmux oġġezzjonijiet.

    3.   Jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjona għal att iddelegat, dan m’għandux jidħol fis-seħħ. L-istituzzjoni li toġġezzjona għandha tistqarr ir-raġunijiet għall-oġġezzjoni għall-att iddelegat.

    Artikolu 50

    Implimentazzjoni

    1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna minn Kumitat ta' Ġestjoni tas-Sajd u l-Akwakultura.

    2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw. Il-perjodu msemmi fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jiġi stabbilit għal tliet xhur.

    Artikolu 51

    Proċeduri għall-emendi

    Sa fejn huwa meħtieġ, sabiex emendi għad-dispożizzjonijiet eżistenti tal-Iskema li jsiru obbligatorji għall-Unjoni jiġu inkorporati fil-liġi tal-Unjoni, il-Kummissjoni tista’ temenda d-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament permezz ta' atti ddelegati f’konformità mal-Artikolu 47 u soġġett għall-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 48 u 49, dwar:

    (a)

    il-parteċipazzjoni tal-Partijiet Kontraenti fis-sajd fiż-Żona Regolatorja kif imsemmi fl-Artikolu 5;

    (b)

    it-tneħħija u d-disponiment tal-ikraptu fiss u l-irkupru ta' rkaptu mitluf kif imsemmi fl-Artikolu 6 u 7;

    (c)

    l-użu tal-VMS kif imsemmi fl-Artikolu 11;

    (d)

    il-kooperazzjoni u l-komunikazzjoni ta' informazzjoni lis-Segretarju tan-NEAFC kif jingħad fl-Artikolu 12;

    (e)

    rekwiżiti għall-ħżin separat u t-tikkettar tar-riżorsi tas-sajd iffriżati kif imsemmi fl-Artikoli 14 u 15;

    (f)

    l-assenjazzjoni tal-ispetturi tan-NEAFC kif imsemmi fl-Artikolu 16;

    (g)

    miżuri għall-promozzjoni tal-konformità mal-Iskema minn bastimenti tas-sajd ta' Partijiet mhux Kontraenti taħt l-Kapitolu VI;

    (h)

    il-lista ta' riżorsi regolati stipulata fl-Anness.

    Meta tadotta atti ddelegati bħal dawn, il-Kummissjoni għandha taġixxi f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 52

    Revoka

    Ir-Regolament (KE) Nru 2791/1999 huwa b’dan irrevokat.

    Artikolu 53

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Strasburgu, il-15 ta’ Diċembru 2010.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    J. BUZEK

    Għall-Kunsill

    Il-President

    O. CHASTEL


    (1)  Opinjoni tas-17 ta' Marzu 2010 (għadha mhijiex ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali).

    (2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Ottubru 2010 (għadha mhijiex ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-29 ta' Novembru 2010.

    (3)  ĠU L 227, 12.8.1981, p. 21.

    (4)  ĠU L 22, 26.1.2009, p. 1.

    (5)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1.

    (6)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

    (7)  ĠU L 337, 30.12.1999, p. 1.

    (8)  ĠU L 56, 2.3.2005, p. 8.

    (9)  ĠU L 261, 20.10.1993, p. 1.

    (10)  ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1.


    ANNESS

    RIŻORSI REGOLATI

    A)   Speċijiet Pelaġiċi u Oċeaniċi

    Stokk (isem komuni)

    Kodiċi FAO

    Isem Xjentifiku

    Subżoni u diviżjonijiet tal-ICES

    Redfish

    REB

    Sebastes mentella

    I, II, V, XII, XIV

    Aringi tan-Norveġja li Jorqoq fir-Rebbiegħa (Atlanto Scandian)

    HER

    Clupea harengus

    I, II

    Stokkafixx

    WHB

    Micromesistius poutassou

    IIa, IVa, Vb, VI, VII, XII, XIV

    Kavalli

    MAC

    Scomber scombrus

    IIa, IV, V, VI, VII, XII

    Haddock

    HAD

    Melanogrammus aeglefinus

    VIb


    B)   Speċijiet tal-baħar fond

    Stokk (isem komuni)

    Kodiċi FAO

    Isem Xjentifiku

    Subżoni tal-ICES

    Baird’s smoothhead

    BDM

    Alepocephalus bairdii

    I sa XIV

    Risso’s smoothhead

    PHO

    Alepocephalus rostratus

    I sa XIV

    Antimora blu (Marlozz blu)

    ANT

    Antimora rostrata

    I sa XIV

    Ċinturin iswed

    BSF

    Aphanopus carbo

    I sa XIV

    Iceland catshark

    API

    Apristurus spp.

    I sa XIV

    Arġentina

    ARG

    Argentina silus

    I sa XIV

    Alfonsinos

    ALF

    Beryx spp.

    I sa XIV

    Tusk

    USK

    Brosme brosme

    I sa XIV

    Żagħrun

    GUP

    Centrophorus granulosus

    I sa XIV

    Leafscale gulper shark

    GUQ

    Centrophorus squamosus

    I sa XIV

    Mazzola sewda

    CFB

    Centroscyllium fabricii

    I sa XIV

    Mazzola Portugiża

    CYO

    Centroscymnus coelolepis

    I sa XIV

    Longnose velvet dogfish

    CYP

    Centroscymnus crepidater

    I sa XIV

    Granċ aħmar tal-fond

    KEF

    Chaceon (Geryon) affinis

    I sa XIV

    Fenek tal-Baħar

    CMO

    Chimaera monstrosa

    I sa XIV

    Frilled shark

    HXC

    Chlamydoselachus anguineus

    I sa XIV

    Gringu

    COE

    Conger conger

    I sa XIV

    Roundnose grenadier

    RNG

    Coryphaenoides rupestris

    I sa XIV

    Murruna Sewda

    SCK

    Dalatias licha

    I sa XIV

    Mazzola (Birdbeak dogfish)

    DCA

    Deania calceus

    I sa XIV

    Black cardinal fish (tal-fond)

    EPI

    Epigonus telescopus

    I sa XIV

    Mazzola kbira tal-fanal

    SHL

    Etmopterus princeps

    I sa XIV

    Mazzola tal-Fanal

    SHL

    Etmopterus spinax

    I sa XIV

    Gattarell ħalqu iswed

    SHO

    Galeus melastomus

    I sa XIV

    Mouse catshark

    GAM

    Galeus murinus

    I sa XIV

    Ċippullazza tal-għajn

    BRF

    Helicolenus dactylopterus

    I sa XIV

    Murruna b’sitt garġi

    SBL

    Hexanchus griseus

    I sa XIV

    Orange roughy

    ORY

    Hoplostethus atlanticus

    I sa XIV

    Ġurdien tal-warda

    HPR

    Hoplostethus mediterraneus

    I sa XIV

    Large-eyed rabbit fish (Ratfish)

    CYH

    Hydrolagus mirabilis

    I sa XIV

    Xabla

    SFS

    Trichiuridae

    I sa XIV

    Eelpout

    ELP

    Lycodes esmarkii

    I sa XIV

    Roughhead Grenadier

    RHG

    Macrourus berglax

    I sa XIV

    Linarda

    BLI

    Molva dypterygia

    I sa XIV

    Lipp

    LIN

    Molva molva

    I sa XIV

    Marlozz tal-fond

    RIB

    Mora moro

    I sa XIV

    Sailfin roughshark (Sharpback shark)

    OXN

    Oxynotus paradoxus

    I sa XIV

    Bażuga

    SBR

    Pagellus bogaraveo

    I sa XIV

    Lipp tal-qawwi

    GFB

    Phycis spp.

    I sa XIV

    Ħanżir tal-fond

    WRF

    Polyprion americanus

    I sa XIV

    Rebekkin tond

    RJY

    Raja fyllae

    I sa XIV

    Rebekkin tal-Artiku

    RJG

    Raja hyperborea

    I sa XIV

    Rebekkin tan-Norveġja

    JAD

    Raja nidarosiensis

    I sa XIV

    Ħalibatt ta’ Greenland

    GHL

    Rheinhardtius hippoglossoides

    I sa XIV

    Straightnose rabbitfish

    RCT

    Rhinochimaera atlantica

    I sa XIV

    Knifetooth dogfish

    SYR

    Scymnodon ringens

    I sa XIV

    Small redfish (Norway haddock)

    SFV

    Sebastes viviparus

    I sa XIV

    Greenland shark

    GSK

    Somniosus microcephalus

    I sa XIV

    Spiny (Deep-sea) Scorpionfish

    TJX

    Trachyscorpia cristulata

    I sa XIV

    Appendiċi

    Stqarrijiet dwar l-Artikolu 51

    “Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jinnotaw li kwalunkwe dispożizzjoni ta’ karattru mhux essenzjali tal-att leġislattiv bażiku, li issa huma elenkati fl-Artikolu 51 tar-Regolament (delega ta’ setgħat), tista’ fi kwalunkwe waqt fil-ġejjieni ssir element sinifikanti tal-iskema ta’ kontroll eżistenti tan-NEAFC minn perspettiva politika, f’liema każ il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jfakkru li kwalunkwe wieħed miż-żewġ leġiżlaturi, il-Kunsill jew il-Parlament Ewropew, jista’ minnufih jeżerċita jew id-dritt ta’ oġġezzjoni għal abbozz ta’ att iddelegat tal-Kummissjoni jew id-dritt ta’ revoka tas-setgħat iddelegati kif stipulat fl-Artikolu 48 u l-Artikolu 49 tar-Regolament rispettivament.”

    “Il-Kunsill u l-Parlament jaqblu li l-inklużjoni ta’ kwalunkwe dispożizzjoni tal-iskema ta’ kontroll tan-NEAFC f’dan ir-Regolament bħala element mhux essenzjali, issa elenkata taħt l-Artikolu 51, ma timplikax per se li t-tali dispożizzjoni awtomatikament se titqies bħala ta’ natura mhux essenzjali mil-leġiżlaturi fi kwalunkwe Regolament tal-ġejjieni.”

    “Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jiddikjaraw li d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom ikunu bla ħsara għal kwalunkwe pożizzjoni futura tal-istituzzjonijiet rigward l-implimentazzjoni tal-Artikolu 290 TFUE jew għal atti leġislattivi individwali li jkun fihom tali dispożizzjonijiet.”


    Top