Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010R1105

    Regolament ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1105/2010 tad- 29 ta’ Novembru 2010 li jimponi dazju definittiv tal-antidumping u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet tal-ħjut tal-poliesteri ta’ tenaċità għolja li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u li jtemm il-proċediment li jikkonċerna l-importazzjonijiet tal-ħjut tal-poliesteri ta’ tenaċità għolja li joriġinaw fir-Repubblika tal-Korea u t-Tajwan

    ĠU L 315, 1.12.2010, p. 1–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 25/02/2022: This act has been changed. Current consolidated version: 11/08/2016

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2010/1105/oj

    1.12.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 315/1


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) Nru 1105/2010

    tad-29 ta’ Novembru 2010

    li jimponi dazju definittiv tal-antidumping u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet tal-ħjut tal-poliesteri ta’ tenaċità għolja li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u li jtemm il-proċediment li jikkonċerna l-importazzjonijiet tal-ħjut tal-poliesteri ta’ tenaċità għolja li joriġinaw fir-Repubblika tal-Korea u t-Tajwan

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ir-“Regolament bażiku”) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(4) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta sottomessa mill-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) wara li kkonsulta l-Kumitat Konsultattiv,

    Billi:

    1.   PROĊEDURA

    1.1.   Miżuri provviżorji

    (1)

    Il-Kummissjoni, permezz tar-Regolament (UE) Nru 478/2010 (2) (“ir-Regolament provviżorju”) imponiet dazju provviżorju tal-antidumping fuq l-importazzjonijiet tal-ħjut tal-poliesteri ta’ tenaċità għolja (“HTY”) li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“RPĊ”). Ma ġew imposti l-ebda miżuri provviżorji fuq l-importazzjonijiet tal-HTY li joriġinaw fir-Repubblika tal-Korea t’Isfel (“Korea”) u t-Tajwan.

    (2)

    Il-proċedura nbdiet b’riżultat ta’ ilment imressaq fis-27 ta’ Lulju 2009 miċ-CIRFS – Assoċjazzjoni Ewropea tal-Fibri Artifiċjali (“il-kwerelant”) f’isem il-produtturi ta’ HTY li jirrappreżentaw proporzjon kbir, f’dan il-każ iżjed minn 60 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni tal-HTY.

    (3)

    Kif stabbilit fil-premessa (15) tar-Regolament provviżorju, l-investigazzjoni tad-dumping u l-ħsara kopriet il-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2008 sat-30 ta’ Ġunju 2009 (“il-perjodu tal-investigazzjoni” jew “PI”). L-eżaminazzjoni tax-xejriet għall-valutazzjoni tal-ħsara kopriet il-perjodu minn Jannar 2005 sal-aħħar tal-perjodu tal-investigazzjoni (“il-perjodu kkunsidrat”).

    1.2.   Proċedura sussegwenti

    (4)

    Sussegwentement għall-iżvelar tal-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom ġie deċiż li jiġu imposti miżuri provviżorji tal-antidumping (“żvelar provviżorju”), ħafna partijiet interessati għamlu sottomissjonijiet bil-miktub sabiex jesprimu l-fehmiet tagħhom dwar is-sejbiet provviżorji. Il-partijiet li għamlu din it-talba ngħataw opportunità li jinstemgħu. Il-Kummissjoni kompliet tfittex u tivverifika l-informazzjoni kollha li kien jidhrilha li kienet meħtieġa għas-sejbiet definittivi tagħha. Il-kummenti orali u bil-miktub sottomessi mill-partijiet interessati ġew ikkunsidrati u, fejn kien xieraq, is-sejbiet provviżorji ġew mibdula skont il-każ.

    (5)

    Għal dak li jirrigwarda l-aspetti tal-interessi tal-Unjoni, saru żjarat addizzjonali ta’ verifika fil-kumpaniji li ġejjin:

    Utenti fl-Unjoni

    Continental AG,

    Oppermann Automotive Webbing GmbH,

    Katradis Marine Ropes Industry S.A.,

    Mehler Texnologies GmbH,

    E. Oppermann GmbH,

    Oppermann Industrial Webbing s.r.o.,

    Contitech Transportbandsysteme GmbH

    (6)

    Parti interessata partikolari talbet seduta u l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta. Din it-talba saret wara l-iżvelar provviżorju. Is-seduta fil-preżenza tal-Uffiċjal tas-Seduta ingħatat.

    (7)

    Il-partijiet kollha ġew mgħarrfa bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom ġie intiż li tiġi rrikmandata l-impożizzjoni ta’ dazju tal-antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-HTY li joriġinaw fir-RPĊ u l-ġbir definittiv tal-ammonti garantiti permezz tad-dazju provviżorju (“żvelar finali”). Il-parijiet ingħataw ukoll perjodu li fih setgħu jagħmlu rappreżentazzjonijiet wara għal dan l-iżvelar.

    2.   PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT SIMILI

    (8)

    Il-prodott ikkonċernat huwa HTY (minbarra l-ħajt tal-ħjata), li mhuwiex disponibbli għall-bejgħ bl-imnut, inkluż il-monofilament ta’ inqas minn 67 decitex li joriġina fir-RPĊ, il-Korea u t-Tajwan (“il-prodott ikkonċernat”) li attwalment jaqa’ taħt il-kodiċi NM 5402 20 00.

    (9)

    Wara l-iżvelar provviżorju, parti waħda sostniet li l-Kummissjoni ma kinitx indirizzat id-differenzi bejn il-ħjut użati fil-produzzjoni tat-tajers, l-hekk imsejħa ħjut “High Modulus Low Shrinkage” (“HMLS”), u tipi l-oħra ta’ ħjut, billi dan it-tip jirrikjedi testijiet tekniċi twal u għalja qabel ma jikseb l-approvazzjonijiet għall-ispeċifikazzjonijiet tal-HMLS imposti mix-xerrejja. Barra dan, din il-parti sostniet li ma kienx ċar liema fatturi kienu se jiġu involuti fid-determinazzjoni provviżorja tal-eżistenza ta’ prodott wieħed. Parti oħra sostniet li l-HMLS u tipi oħra ta’ ħjut għandhom strutturi ta’ kostijiet differenti.

    (10)

    B’risposta għal dawn il-klejms għandu l-ewwel jiġi nnotat li l-prodott ikkonċernat jintuża f’numru ta’ applikazzjonijiet differenti bħall-infurzar tat-tajers, it-tessuti wesgħin, iċ-ċinturini tas-sikurezza, l-airbags, il-ħbula, ix-xbieki u għadd ta’ applikazzjonijiet industrijali. Għalhekk hemm għadd kbir ta’ applikazzjonijiet differenti u konsegwentement jeżistu ħafna tipi u speċifikazzjonijiet differenti.

    (11)

    Fid-determinazzjoni li l-HMLS u tipi oħra ta’ ħjut jikkostitwixxu prodott wieħed uniku, il-kriterji ewlenin kienu l-karatteristiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi bażiċi. Tabilħaqq, kif spjegat fil-premessa (19) tar-Regolament provviżorju, l-investigazzjoni wriet li, minkejja li l-ħjut tal-HMLS għandhom ċertu karatteristiċi distintivi meta mqabbla ma’ tipi oħra ta’ HTY (pereżempju l-modulu, it-taqsir bix-xrib, is-saħħa tensili u r-reżistenza għar-reħja), huwa kkunsidrat li t-tipi kollha differenti tal-prodott ikkonċernat għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi u kimiċi. Għalhekk jiġi kkunsidrat li jikkostitwixxu prodott wieħed uniku.

    (12)

    Għal dak li jirrigwarda d-differenzi kklejmjati fl-istruttura tal-kost, għandu jiġi nnotat li dan fih innifsu ma jikkostitwix kriterju deċiżiv fid-determinazzjoni jekk l-HMLS jikkostitwix jew le prodott distint mit-tipi l-oħra ta’ HTY. Id-differenzi fil-kostijiet, il-prezzijiet u l-proċess tal-produzzjoni ma jiġġustifikawx per se li ċertu tip ta’ prodott bħall-HMLS għandu jiġi kkunsidrat bħala prodott differenti sakemm dan it-tip ikollu l-istess karatteristiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi bażiċi tat-tipi l-oħra ta’ prodott.

    (13)

    Għalhekk l-esklużjoni tal-HMLS mill-ambitu tal-investigazzjoni ma kinitx ikkunsidrata ġustifikata u konsegwentement il-klejms f’dan ir-rigward kellhom jiġu miċħuda.

    (14)

    Fl-assenza ta’ kwalunkwe kumment ieħor dwar il-prodott ikkonċernat u l-prodott simili, il-premessi (16) sa (20) tar-Regolament provviżorju qegħdin b’dan jiġu kkonfermati.

    3.   DUMPING

    3.1.   Tajwan

    3.1.1.   Valur normali

    (15)

    Produttur esportatur partikolari fit-Tajwan ipprovda evidenza li wriet li l-prezz tal-materjali naturali ewlenin, l-Aċidu Tereftaliku Ppurifikat (ATP) u l-Glikol Mono Etilene (MEG), li huwa xtara għall-produzzjoni tal-HTY beda jvarja waqt il-PI. B’mod partikolari nstab li l-prezzijiet tax-xiri waqgħu f’daqqa b’mod partikolari fl-aħħar tliet xhur tal-2008. Għalhekk ikklejmja li dan għandu jiġi kkunsidrat meta jiġu stabbiliti l-valuri normali tiegħu sabiex jiġi żgurat paragun ġust mal-prezzijiet tal-esportazzjoni.

    (16)

    Is-sejbiet fil-premessa (18) huma r-riżultat ta’ analiżi dettaljata ħafna tad-dejta sottomessa mill-esportatur u li ġiet verifikata waqt iż-żjara tal-verifika. Għalhekk, ġie kkunsidrat li f’dan il-każ kien ġustifikat li jiġu stabbiliti valuri normali għal ċertu perjodi tal-PI sabiex tiġi kkunsidrata l-varjazzjoni fil-prezzijiet tal-materja prima.

    (17)

    Ma kien hemm l-ebda kumment ieħor dwar il-metodu deskritt fir-Regolament provviżorju fil-premessi (86) u (87). Il-metodu użat sabiex jiġi stabbilit valur normali għall-produtturi esportaturi Tajwaniżi jista’ jiġi kkonfermat.

    3.1.2.   Prezz tal-esportazzjoni

    (18)

    L-investigazzjoni wriet li l-produttur Tajwaniż imsemmi fil-premessa (15) biegħ volumi ogħla tal-prodott ikkonċernat lis-suq tal-Unjoni fl-ewwel nofs tal-PI meta l-prezzijiet tal-materja prima kienu iżjed baxxi. Din is-sejba għandha wkoll tiġi kkunsidrata fid-dawl tal-kontenuti tal-premessa (16).

    (19)

    Fl-assenza ta’ kwalunkwe kumment li jikkonċerna l-prezz tal-esportazzjoni, il-premessa (88) tar-Regolament provviżorju qiegħda b’dan tiġi kkonfermata.

    3.1.3.   Paragun

    (20)

    Il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni ġew stabbiliti kif spjegat hawn fuq. Il-valur normali li b’hekk ġie stabbilit għall-produttur imsemmi u l-prezz tal-esportazzjoni tiegħu ġew imqabbla f’perjodi li kienu viċin xulxin kemm jista’ jkun ħalli jiġu kkunsidrati d-differenzi li jaffettwaw il-komparabilità tal-prezzijiet. Dan huwa konformi mal-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku.

    (21)

    Ma wasal l-ebda kumment ieħor li jikkonċerna l-paragun tal-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni tal-produtturi esportaturi Tajwaniżi. Għalhekk, il-kontenuti tal-premessa (89) tar-Regolament provviżorju jistgħu jiġu kkonfermati.

    3.1.4.   Marġnijiet tad-dumping

    (22)

    Qed jiġi mfakkar li fil-premessa (92) tar-Regolament provviżorju ġie konkluż li l-marġni ta’ dumping għall-pajjiż kollu għat-Tajwan kien de minimis. Il-marġni ta’ dumping definittiv stabbilit għall-produttur Tajwaniż imsemmi fil-premessa (15) issa huwa taħt il-livell de minimis. Għalhekk qed jiġi kkonfermat li l-marġni definittiv tad-dumping għall-pajjiż kollu għat-Tajwan huwa de minimis.

    3.2.   Ir-RPĊ

    3.2.1.   Trattament tal-Ekonomija tas-Suq (TES)

    (23)

    Qed jiġi mfakkar li 11-il produttur esportatur fir-RPĊ ħabbru lilhom infushom. Dawn il-kumpaniji kienu jirrappreżentaw 100 % tal-esportazzjonijiet totali tal-prodott ikkonċernat lis-suq tal-Unjoni waqt il-PI. Intgħażel kampjun ta’ tliet produtturi esportaturi jew gruppi ta’ kumpaniji relatati abbażi tal-iktar volum għoli ta’ esportazzjoni għall-għan li jiġi stabbilit id-dumping għar-RPĊ. It-tliet produtturi esportaturi magħżula bħala kampjun talbu t-TES, iżda nstab li wieħed biss minnhom kien jistħoqqlu li jieħdu.

    (24)

    Wara l-iżvelar tas-sejbiet li jikkonċernaw it-TES, iż-żewġ produtturi esportaturi li ma ngħatawx TES issottomettew kummenti li huma mqassra hawn taħt.

    (25)

    L-ewwel produttur esportatur għamel kummenti li jikkonċernaw klawżola restrittiva fl-attivitajiet tan-negozju tiegħu, il-problemi li ltaqa’ magħhom fil-kontabbiltà tiegħu u l-ħlas ta’ ċertu assi bħalma huma d-drittijiet tal-użu tal-art.

    (26)

    Dan l-esportatur ammetta li teżisti klawżola restrittiva fl-Artikoli tal-Assoċjazzjoni tiegħu (AoA). Huwa stqarr, iżda ma weriex, illi tali klawsola kienet waqfet tipproduċi effetti legali fuq l-attivitajiet tiegħu. B’mod simili, għal dak li jirrigwarda l-problemi tal-kontabbiltà, il-kumpanijia ammettiet l-eżistenza ta’ diskrepanzi bejn ir-rekords tal-kontabbiltà u d-dikjarazzjonijiet finanzjarji verifikati, iżda sostniet li dawn id-diskrepanzi kienu żgħar u li ġew spjegati waqt l-investigazzjoni. Għandu jiġi ċċarat li l-problemi li nstabu fil-kontabilità ta’ dik il-kumpanija li wasslu għaċ-ċaħda tat-TES ma kinux żgħar iżda sostanzjali, b’mod partikolari dawk li jikkonċernaw il-booking ta’ ċertu assi u d-diskrepanzi li nstabu bejn ċertu reġistri u dokumenti pprovduti waqt iż-żjara fuq il-post.

    (27)

    It-tieni produttur esportatur ikkummenta b’mod partikolari dwar is-sejbiet li jirrigwardaw il-kontribut kapitali, klawżola restrittiva fl-attivitajiet tan-negozju tiegħu, u l-akkwist tad-drittijiet tal-użu tal-art.

    (28)

    Fir-rigward tal-kontribut kapitali, l-esportatur sostna l-istess argumenti bħal dawk magħmula fl-istadju provviżorju, prinċipalment li l-kontribut tal-kapital kien sar kif dovut. Huwa sostna li l-kompetenza teknika hija kategorija speċjali ta’ għarfien li ma tirrikjedix li tiġi bbrevettata jew irreġistrata, u għalhekk, il-kontribut kapitali, għalkemm in natura, kien sar kif dovut. Fir-rigward tal-kwistjonijiet tal-aħħar, huwa sostna li l-klawżola restrittiva mhijiex mandatorja għall-kumpanija u li r-rekwiżiti tal-investiment konnessi mal-akkwist tal-art mhumiex distorsjonijiet iżda huma relatati mal-politika tal-iżvilupp tal-art tal-awtoritajiet.

    (29)

    Madankollu, dawn l-argumenti kienu diġà tqajmu u ġew miċħuda fl-istadju provviżorju. Anke jekk ir-rekwiżiti tal-investiment ikunu relatati mal-politika tal-iżvilupp tal-art tal-awtoritajiet, ma jiġux ikkunsidrati kompatibbli mat-TES. Ma ingħatat l-ebda evidenza li tista’ tibdel il-konklużjonijiet provviżorji li jidhru fil-valutazzjoni tat-TES fil-premessi 50 u 51 tar-Regolament provviżorju.

    (30)

    Fuq il-bażi ta’ dan ta’ hawn fuq, is-sejbiet provviżorji magħmula fil-premessi (46) sa (52) tar-Regolament provviżorju qegħdin jiġu kkonfermati.

    3.2.2.   Eżaminazzjoni individwali

    (31)

    Kif imsemmi fil-premessa (28) tar-Regolament provviżorju żewġ produtturi esportaturi li ma kinux inklużi fil-kampjun talbu li jiġi stabbilit marġni individwali tad-dumping skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku. Madankollu, it-talbiet għal eżaminazzjoni individwali setgħu jiġu eżaminati biss wara l-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji.

    (32)

    Dawn il-kumpaniji wieġbu għall-formola tal-klejm tat-TES fil-perjodu ta’ qabel l-iskadenzi mogħtija. Wara l-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji, il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni mogħtija fil-formoli tal-klejms u l-informazzjoni l-oħra kollha li kien jidhrilha li kienet meħtieġa fil-post tal-kumpaniji inkwistjoni:

    Oriental Industries Co., Ltd.

    Hangzhou Huachun Chemical Fibers Co., Ltd.

    (33)

    Fil-qosor, u sabiex tiġi faċilitata r-referenza biss, il-kriterji tat-TES qegħdin jiġu stabbiliti f’forma mqassra hawn taħt.

    1.

    Id-deċiżjonijiet u l-kostijiet tan-negozju qegħdin isiru b’rispons għall-kundizzjonijiet tas-suq, u mingħajr interferenza sinifikanti mill-Istat; il-kostijiet tal-investimenti l-kbar jirriflettu b’mod sostanzjali l-valuri tas-suq;

    2.

    L-impriżi għandhom sett uniku ċar ta’ rekords bażiċi tal-kontabbiltà li jiġu awditjati b’mod indipendenti b’konformità mal-Istandards tal-Kontabbiltà Internazzjonali (SIK) u huma applikati għall-għanijiet kollha;

    3.

    Ma hemm l-ebda distorsjonijiet sinifikanti li ġew mgħoddija mis-sistema ta’ qabel tal-ekonomija mhux tas-suq;

    4.

    Il-liġijiet dwar il-falliment u l-proprjetà jiggarantixxu ċertezza u stabbiltà legali;

    5.

    Il-konverżjonijiet tar-rata tal-kambju jsiru skont ir-rata tas-suq.

    (34)

    Iż-żewġ kumpaniji kellhom klawżola restrittiva li tikkonċerna r-ripartizzjoni tal-bejgħ bejn is-suq tal-esportazzjoni u dak domestiku fid-dokumenti tar-reġistrazzjoni tagħhom. Għal esportatur partikolari, instab numru ta’ inkonsistenzi u nuqqasijiet fis-sistema tal-kontabbiltà tal-applikant li wassal għall-konklużjoni li l-kontijiet ma kinux ċari, u ma kinux imħejjija u lanqas awditjati skont l-istandards internazzjonali tal-kontabbiltà. Finalment, instabu ċertu distorsjonijiet li ġew mgħoddija mis-sistema tal-ekonomija mhux tas-suq b’mod partikolari fir-rigward tax-xiri tad-drittijiet tal-użu tal-art tal-kumpanija.

    (35)

    Fuq din il-bażi, ġie konkluż li l-ebda waħda miż-żewġ kumpaniji ma wriet li ssodisfat il-kriterji kollha tal-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku u ma setgħux jingħataw it-TES.

    3.2.3.   Trattament Individwali (TI)

    (36)

    Skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, dazju għall-pajjiż kollu, jekk ikun hemm, għandu jiġi stabbilit għall-pajjiżi li jaqgħu taħt dak l-Artikolu, minbarra f’dawk il-każiijiet fejn il-kumpaniji jkunu kapaċi li juru li jissodisfaw il-kriterji kollha stabbiliti fl-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku sabiex jingħataw it-TI.

    (37)

    Iż-żewġ produtturi esportaturi li talbu eżaminazzjoni individwali ma ssodisfawx il-kriterji tat-TES iżda talbu t-TI fl-eventwalità li ma jingħatawx it-TES.

    (38)

    Fil-qosor, u sabiex tiġi faċilitata r-referenza biss, il-kriterji tat-TI qegħdin jiġu stabbiliti hawn taħt:

    1.

    Fil-każ ta’ impriżi ta’ proprjetà barranija totali jew parzjali jew impriżi konġunti, l-esportaturi huma ħielsa li jdaħħlu lura f’pajjiżhom il-kapital u l-profitti;

    2.

    Il-prezzijiet u l-kwantitajiet tal-esportazzjoni, u l-kundizzjonijiet u t-termini tal-bejgħ jiġu determinati b’mod ħieles;

    3.

    Il-parti l-kbira tal-ishma jappartjenu lill-persuni privati. L-uffiċjali tal-Istat li jidhru fuq il-bord tad-diretturi jew li jkollhom pożizzjonijiet manaġerjali prinċipali għandhom jew ikunu fil-minoranza jew għandu jintwera li l-kumpanija hija madankollu indipendenti biżżejjed mill-interferenza tal-Istat;

    4.

    Il-konverżjonijiet tar-rata tal-kambju jsiru skont ir-rata tas-suq; u

    5.

    L-interferenza tal-Istat mhijiex tali li tippermetti ċ-ċirkumvenzjoni tal-miżuri jekk l-esportaturi individwali jingħataw rati tad-dazju differenti.

    (39)

    Fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli, ġie stabbilit li dawn iż-żewġ produtturi esportaturi fir-RPĊ, li mhumiex inklużi fil-kampjun, li kienu jeħtieġu eżaminazzjoni individwali, laħqu r-rekwiżiti kollha ta’ hawn fuq sabiex jingħataw it-TI kif stabbilit fl-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku.

    3.2.4.   Pajjiż analogu

    (40)

    Kif imsemmi fil-premessi (57) sa (62) tar-Regolament provviżorju, ġie kkunsidrat li l-Istati Uniti tal-Amerika ma kienx pajjiż analogu xieraq għall-għan li jiġi stabbilit valur normali għar-RPĊ. Minflok intgħażel it-Tajwan bħala l-pajjiż analogu xieraq sabiex jiġi stabbilit valur normali għar-RPĊ skont l-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku.

    (41)

    Wara l-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji ċerti partijiet issuġġerew minflok l-użu tal-Korea bħala pajjiż analogu. Huma sostnew li l-Korea kienet iżjed approprjata mit-Tajwan minħabba li l-produtturi esportaturi Koreani jużaw ukoll it-teknoloġija tal-produzzjoni reċenti ta’ pass wieħed, huma għandhom volum għoli ta’ komparabilità fil-prodotti finali mar-RPĊ, is-suq domestiku Korean huwa kbir u komparabbli ma’ dak tar-RPĊ u l-ebda kumpanija fil-Korea ma nstabet li qed twettaq id-dumping.

    (42)

    Fir-rigward l-għażla ta’ pajjiż analogu, ġew eżaminati l-kriterji li ġejjin: il-komparabilità tal-volum tal-produzzjoni ta’ prodotti finali fil-pajjiż b’ekonomija mhux tas-suq u fil-pajjiż potenzjalment analogu, ir-rappreżentattività tal-bejgħ domestiku (tranżazzjonijiet) lil klijenti mhux relatati meta mqabbla mal-esportazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġina fil-pajjiż b’ekonomija mhux tas-suq, il-livell ta’ kompetizzjoni fis-suq domestiku tal-pajjiż analogu, il-komparabilità tal-aċċess għall-materja prima u l-enerġija, kemm l-esportaturi fil-pajjiż potenzjalment analogu jkunu lesti li jikkooperaw fl-investigazzjoni.

    (43)

    Analiżi oħra li saret wara l-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji twettqet fuq bażi tal-informazzjoni kollha disponibbli sabiex jiġu analizzati l-kriterji rilevanti. Din l-analiżi wriet li hemm tabilħaqq similaritajiet bejn il-Korea u t-Tajwan fit-termini ta’ ċerti kriterji. Madankollu, meta ġew imqabbla deher li t-Tajwan kien il-pajjiż analogu l-iżjed adatt.

    (44)

    L-analiżi wriet li l-Korea u t-Tajwan għandhom livell għoli ta’ komparabilità fil-volum tal-prodotti finali manifatturati mal-produtturi fir-RPĊ u volum kbir ta’ prodotti mibjugħa domestikament fiż-żewġ pajjiżi jista’ jiġi mqabbel ma’ esportazzjonijiet magħmula mir-RPĊ. Dan il-kriterju wera livell kemm kemm iżjed għoli ta’ komparabilità tal-volum għall-Korea billi l-volum tal-produzzjoni tagħha huwa ikbar minn dak tat-Tajwan.

    (45)

    Madankollu, l-importanza ta’ dan il-kriterju ma għandux jiġi sopravvalutat fuq kriterji oħra bħar-rappreżentattività tat-tranżazzjonijiet tal-bejgħ domestiku meta mqabbla mal-esportazzjonijiet, l-aċċess għal materja prima u l-livell ta’ kompetizzjoni fil-pajjiż analogu.

    (46)

    Instab li kemm il-Korea kif ukoll it-Tajwan kellhom numru għoli ta’ bejgħ domestiku rappreżentattiv li għalih il-valur normali ma kellux jiġi kostruwit, meta mqabbel mal-esportazzjonijiet mir-RPĊ. Madankollu, instab li b’mod ġenerali t-tranżazzjonijiet magħmula mill-esportaturi Tajwaniżi kienu iżjed rappreżentattivi minn dawk tal-esportaturi Koreani. Il-valur normali għal volum ogħla u għal iżjed tipi tal-prodott ikkonċernat kien ikollu jiġi kostruwit kieku l-Korea ntgħażlet bħala pajjiż analogu.

    (47)

    Rigward il-livell ta’ kompetizzjoni, parti waħda allegat li produttur esportatur Tajwaniż partikolari kellu pożizzjoni dominanti fis-suq domestiku tagħha u li dan għandu wkoll jipprekludi l-użu tat-Tajwan bħala pajjiż analogu.

    (48)

    Numru għoli ta’ produtturi jista’ jkun indikazzjoni ta’ kompetizzjoni fil-pajjiż. Iżda dak li għandu jiġi eżaminat ukoll huwa jekk il-produtturi fil-pajjiż analogu humiex soġġetti jew le għal kompetizzjoni li tippermetti profitt biżżejjed iżda mhux eċċessiv.

    (49)

    Instab li hemm erba’ produtturi domestiċi fil-Korea u li l-importazzjonijiet tal-HTY jikkomplimentaw is-suq domestiku. Fir-rigward tat-Tajwan, hemm żewġ produtturi u s-suq domestiku jiġi servit ukoll minn sorsi minn barra. Madankollu, l-investigazzjoni wriet li, minkejja l-ispejjeż iżjed baxxi fil-Korea, il-livell ta’ prezzijiet domestiċi ma kienx iżjed baxx milli fit-Tajwan. Il-profitti magħmula fis-suq Korean kienu f’medja ta’ 18 % waqt li l-produtturi Koreani tal-HTY kienu qegħdin jiksbu profitti ‘l fuq minn 20 % fuq il-fatturat għall-prodott ikkonċernat. Dan huwa ħafna ogħla mit-Tajwan fejn il-profitti jvarjaw bejn 5 % u 9 %.

    (50)

    Għalhekk huwa kkunsidrat li hemm livell għoli ta’ kompetizzjoni fit-Tajwan u li l-profitti mhumiex eċċessivi.

    (51)

    Rigward l-aċċess għall-materja prima, il-Korea hija bla dubju waħda mill-ikbar produtturi u esportaturi tal-ATP mad-dinja kollha wara t-Tajlandja. Dan il-vantaġġ kompetittiv tal-produtturi Koreani jista’ jispjega, sa ċertu punt, għalfejn il-prezz tal-materja prima fil-Korea kien medjament iżjed baxx milli fit-Tajwan u fir-RPĊ. L-investigazzjoni wriet li ħafna mill-kumpaniji Koreani verifikati kisbu l-materjali naturali tagħhom minn kumpaniji relatati jew setgħu jipproduċuhom huma stess. Għall-kuntrarju, fit-Tajwan l-ebda waħda mill-kumpaniji investigati ma kienet tipproduċi l-materja prima tagħha u kienet priċipalment qiegħda tiksbu mingħand partijiet relatati u mhux relatati, kif inhuwa l-każ fir-RPĊ.

    (52)

    L-informazzjoni disponibbli u l-fatt li l-produtturi esportaturi Tajwaniżi għandhom produtturi relatati ta’ HTY fir-RPĊ jissuġġerixxu li qed jintużaw l-istess sorsi ta’ provvista tal-materja prima fil-gruppi sabiex jiġu realizzati ekonomiji ta’ skala u jinkisbu prezzijiet aħjar. Għalhekk ġie kkunsidrat li l-kundizzjonijiet tal-aċcess għall-materja prima fir-RPĊ huma simili ħafna għal dawk fit-Tajwan.

    (53)

    Fuq dik il-bażi, huwa kkunsidrat li l-għażla tat-Tajwan kienet raġonevoli u iżjed approprjata f’dan il-każ. Għalhekk it-Tajwan qed jiġi kkonfermat bħala l-pajjiż analogu.

    3.2.5.   Valur normali

    3.2.5.1.   Produttur esportatur magħżul bħala kampjun mogħti t-TES.

    (54)

    Fl-assenza ta’ kummenti dwar il-valuri normali stabbiliti għall-kumpanija mogħtija t-TES qegħdin jiġu kkonfermati l-premessi (64) u (65) tar-Regolament provviżorju.

    3.2.5.2.   Produtturi esportaturi li ma ġewx mogħtija t-TES

    (55)

    Kif imsemmi fil-premessa (15), esportatur partikolari fit-Tajwan wera li l-prezz tax-xiri tiegħu tal-materja prima ewlenija użata għall-produzzjoni tal-HTY kien ivarja waqt il-PI u sostna li dan kellu jiġi kkunsidrat meta jkun qed jiġi stabbilit il-valur normali. Din il-klejm ġiet ikkunsidrata bħala ġustifikata u l-valuri normali stabbiliti għat-Tajwan, il-pajjiż analogu f’dan il-każ, ġew riveduti għal dan il-għan.

    3.2.6.   Prezz tal-esportazzjoni

    (56)

    Kif spjegat fil-premessa (68) tar-Regolament provviżorju, il-bejgħ kollu tal-prodott ikkonċernat magħmul mill-produtturi esportaturi magħżula bħala kampjun fis-suq tal-Unjoni sar direttament lil klijenti indipendenti fl-Unjoni. Konsegwentement, il-prezz tal-esportazzjoni ġie stabbilit skont l-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku, fuq il-bażi ta’ prezzijiet effettivament imħallsa jew pagabbli. Il-prezzijiet tal-esportazzjoni tal-kumpaniji eżaminati b’mod individwali saru wkoll direttament lil klijenti mhux relatati u għalhekk il-metodu deskritt fil-premessa (68) tar-Regolament provviżorju intuża wkoll sabiex jiġi stabbilit il-prezz tal-esportazzjoni għal dawn il-kumpaniji.

    (57)

    Fl-assenza ta’ kwalunkwe kumment li jikkonċerna l-prezz tal-esportazzjoni, il-premessa (68) tar-Regolament provviżorju qiegħda b’dan tiġi kkonfermata.

    3.2.7.   Paragun

    (58)

    Il-valuri normali riveduti stabbiliti għall-pajjiż analogu tqabblu mal-prezz tal-esportazzjoni tal-produtturi esportaturi li qegħdin jikkooperaw fir-RPĊ. Kif muri fil-premessa (63) hawn taħt dan wassal għal marġnijiet definittivi ta’ dumping imnaqqsa għat-tliet produtturi esportaturi magħżula bħala kampjun fir-RPĊ.

    (59)

    Qed jiġi nnotat li l-aġġustament tat-taxxa indiretta msemmi fil-premessa (69) tar-Regolament provviżorju jirrappreżenta d-differenza bejn it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) pagabbli fuq il-bejgħ domestiku u dik pagabbli fuq it-tranżazzjonijiet tal-bejgħ tal-esportazzjoni bil-kunsiderazzjoni dovuta tar-rata tar-rimborż tal-VAT fuq il-bejgħ tal-esportazzjoni. Il-produtturi esportaturi li qegħdin jikkooperaw ikkuntestaw il-mod kif l-aġġustament ġie kkalkulat u sostnew li r-reġim tal-VAT applikabbli għal operazzjonijiet speċifiċi tal-ipproċessar u l-bejgħ għandu jiġi kkunsidrat waqt il-valutazzjoni tal-ammont ta’ VAT mhux rimborsata.

    (60)

    Rigward din il-klejm qed jiġi nnotat li l-aġġustament kien ibbażat fuq id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(10)(b) tar-Regolament bażiku li jipprevedi aġġustament sabiex jintlaħaq il-valur normali għat-taxxi fuq l-importazzjoni u t-taxxi indiretti – kategorija li tinkludi l-VAT. Fuq din il-bażi il-klejm ġiet miċħuda.

    (61)

    Fl-assenza ta’ kwalunkwe kumment ieħor dwar it-tqabbil, li jista’ jibdel is-sejbiet provviżorji, il-premessa (69) tar-Regolament bażiku qiegħda b’dan tiġi kkonfermata.

    3.2.8.   Marġnijiet tad-dumping

    (62)

    Il-valuri normali medji riveduti stabbiliti għat-Tajwan, il-pajjiż analogu, u t-tqabbil mal-prezz tal-esportazzjoni tal-produtturi esportaturi Ċiniżi wasslu għal marġnijiet definittivi ta’ dumping iżjed baxxi.

    (63)

    Dawn il-marġnijiet definittivi ta’ dumping għall-produtturi esportaturi Ċiniżi huma dawn li ġejjin:

    5,1 % għal Zhejiang Guxiandao Industrial Fibre Co., Ltd,

    0 % għal Zhejiang Hailide New Material Co., Ltd

    5,5 % għal Zhejiang Unifull Industrial Fibre Co., Ltd,

    5,3 % għall-kumpaniji li qegħdin jikkooperaw mhux inklużi fil-kampjun.

    (64)

    Għall-kumpaniji li talbu eżaminazzjoni individwali l-marġnijiet definittivi tad-dumping huma dawn li ġejjin:

    9,8 % għal Oriental Industries (Suzhou) Ltd.

    0 % għal Hangzhou Huachun Chemical Fiber Co., Ltd.

    3.3.   Ir-Repubblika tal-Korea t’Isfel

    3.3.1.   Valur normali

    (65)

    Fl-assenza ta’ kwalunkwe kumment ieħor dwar il-valur normali, spjegat fil-premessi (75) sa (76) tar-Regolament provviżorju, dawn is-sejbiet qegħdin b’dan jiġu kkonfermati.

    3.3.2.   Prezz tal-esportazzjoni

    (66)

    Fl-assenza ta’ kwalunkwe kumment dwar il-prezz tal-esportazzjoni, il-premessi (77) sa (78) tar-Regolament provviżorju, qegħdin b’dan jiġu kkonfermati.

    3.3.3.   Paragun

    (67)

    Fl-assenza ta’ kwalunkwe kumment ieħor dwar it-tqabbil, li jista’ jibdel is-sejbiet provviżorji, il-premessi (79) sa (81) tar-Regolament provviżorju qegħdin b’dan jiġu kkonfermati.

    3.3.4.   Marġni tad-dumping

    (68)

    Fl-assenza ta’ kwalunkwe kumment ieħor dwar il-marġnijiet tad-dumping, li jista’ jibdel is-sejbiet provviżorji dwar il-Korea, il-premessi (82) sa (85) tar-Regolament provviżorju qegħdin b’dan jiġu kkonfermati.

    4.   ĦSARA

    4.1.   Produzzjoni tal-Unjoni

    (69)

    Fl-assenza ta’ kwalunkwe kumment ieħor dwar il-produzzjoni tal-Unjoni, il-premessi (94) sa (96) tar-Regolament provviżorju qegħdin b’dan jiġu kkonfermati.

    4.2.   Definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni

    (70)

    Fl-assenza ta’ kwalunkwe kumment dwar id-definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni, il-premessa (97) tar-Regolament provviżorju qiegħda b’dan tiġi kkonfermata.

    4.3.   Konsum tal-Unjoni

    (71)

    Qed jiġi mfakkar li l-konsum tal-Unjoni ġie stabbilit fuq il-bażi tal-importazzjonijiet totali, meħuda mill-Eurostat, il-bejgħ totali fis-suq tal-Unjoni u tal-industrija tal-Unjoni, inkluża stima bbażata fuq dejta fl-ilment tal-bejgħ tal-produtturi siekta.

    Tabella 1

    Konsum tal-Unjoni

    2005

    2006

    2007

    2008

    PI

    Tunnellati

    221 277

    233 969

    265 826

    241 258

    205 912

    Indiċi 2005 = 100

    100

    106

    120

    109

    93

    Sors: Eurostat, dejta fl-ilmenti u tweġibiet għall-kwestjonarju.

    (72)

    Il-konsum ġenerali tal-Unjoni naqas b’7 % waqt il-perjodu kkunsidrat. Żdied b’20 % bejn l-2005 u l-2007, u wara naqas b’27 % bejn l-2007 u l-PI. It-tnaqqis fir-ritmu tal-konsum fl-2008 u l-PI kien ir-riżultat ta’ domanda iżjed baxxa, b’mod speċjali fit-tieni nofs tal-2008 minħabba l-kriżi ekonomika.

    (73)

    Fl-assenza ta’ kwalunkwe kumment dwar il-konsum tal-Unjoni, il-premessi (98) sa (100) tar-Regolament provviżorju qegħdin b’dan jiġu kkonfermati.

    4.4.   Importazzjonijiet fl-Unjoni Ewropea mir-RPĊ, ir-Repubblika tal-Korea t’Isfel u t-Tajwan

    4.4.1.   Valutazzjoni kumulattiva tal-effetti tal-importazzjonijiet

    (74)

    Qed jiġi mfakkar li l-importazzjonijiet mill-Korea u t-Tajwan ma kinux ġew akkumulati mal-importazzjonijiet dumped mir-RPĊ minħabba li kemm l-importazzjonijiet Koreani kif ukoll dawk Tajwaniżi ma sarux bi prezzijiet dumped waqt il-PI, kif imsemmi fil-premessi (102) u (103) tar-Regolament provviżorju.

    (75)

    Qed jiġi nnotat li sabiex issir valutazzjoni dwar jekk l-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati għandhomx jiġu valutati b’mod kumulattiv fl-investigazzjoni attwali, l-importazzjonijiet minn kull pajjiż ġew eżaminati b’mod individwali fid-dawl tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(4) tar-Regolament bażiku. Billi l-marġni tad-dumping fir-rigward tal-importazzjonijiet mill-Korea u t-Tajwan kien taħt de minimis, ġie konkluż li l-importazzjonijiet mill-Korea u t-Tajwan ma għandhomx jiġu kumulati mal-importazzjonijiet dumped mir-RPĊ. Wara din il-konklużjoni, dawn l-importazzjonijiet ġew analizzati b’mod separat fil-premessi (147) sa (152) tar-Regolament provviżorju skont l-Artikolu 3(7) tar-Regolament bażiku.

    4.4.2.   Importazzjonijiet dumped mir-RPĊ

    (76)

    Qed jiġi mfakkar li b’mod provviżorju kien instab li produttur esportatur partikolari fir-RPĊ ma kienx qed iwettaq dumping tal-prodotti tiegħu fis-suq tal-Unjoni. Kif dovut, dawn l-esportazzjonijiet ġew esklużi mill-analiżi tal-iżvilupp tal-importazzjonijiet dumped mir-RPĊ fis-suq tal-Unjoni. Wara l-eżaminazzjonijiet individwali li saru wara l-impożizzjoni ta’ miżuri provviżorji, instab li l-esportazzjonijiet min-naħa ta’ produttur esportatur addizzjonali fir-RPĊ ma kinux oġġett ta’ dumping, kif imsemmi fil-premessa (64) ta’ hawn fuq. Għalhekk, dawn l-esportazzjonijiet ġew esklużi wkoll mill-analiżi li tikkonċerna l-iżvilupp tal-importazzjonijiet dumped mir-RPĊ fis-suq tal-Unjoni u l-impatt fuq l-industrija tal-Unjoni. Kif inhu dovut, id-dejta dwar l-importazzjonijiet dumped mir-RPĊ ġiet riveduta.

    Tabella 2

    Importazzjonijiet dumped mir-RPĊ

    2005

    2006

    2007

    2008

    PI

    Importazzjonijiet (tunnellati)

    4 350

    11 926

    31 223

    39 072

    38 404

    Indiċi

    100

    274

    718

    898

    883

    Sehem tas-suq

    2,4  %

    5,6  %

    11,9  %

    16,3  %

    18,8  %

    Prezz medju f’EUR/tunnellata

    2 783

    1 705

    1 524

    1 574

    1 532

    Indiċi

    100

    61

    55

    57

    55

    Sors: Eurostat, dejta fl-ilmenti u tweġibiet għall-kwestjonarju.

    (77)

    Wara r-reviżjoni tad-dejta li tikkonċerna l-importazzjonijiet dumped mir-RPĊ, instab li l-volum tagħhom żdied b’mod drammatiku b’iżjed minn tmien darbiet fil-perjodu kkunsidrat, waqt li fl-istess ħin il-prezzijiet medji tal-importazzjonijiet naqsu drastikament b’45 %.

    4.4.3.   Twaqqigħ tal-prezzijiet

    (78)

    Fl-assenza ta’ kwalunkwe kumment li jikkonċerna t-twaqqigħ tal-prezzijiet, il-metodoloġija deskritta fil-premessi (110) u (111) tar-Regolament provviżorju sabiex jiġi stabbilit it-twaqqigħ tal-prezzijiet qiegħda tiġi kkonfermata. Madankollu, wara l-eżaminazzjonijiet individwali mogħtija wara l-impożizzjoni ta’ miżuri provviżorji, kif imsemmi fil-premessa (31), it-tqabbil tal-prezz ta’ tipi ta’ prodott simili reġa’ gie valutat. Din ir-rivalutazzjoni kkonfermat li l-importazzjonijiet dumped mir-RPĊ kienu qegħdin iwaqqgħu il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni b’24,1 % waqt il-PI.

    4.5.   Sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni

    (79)

    Qed jiġi mfakkar li minħabba li nstab li l-importazzjonijiet mill-Korea, it-Tajwan u żewġ kumpaniji Ċiniżi ma kinux dumped, m’għandhomx jiġu kumulati mal-importazzjonijiet dumped mir-RPĊ. Għalhekk ġew esklużi mill-analiżi tal-impatt tal-importazzjonijiet dumped fl-industrija tal-Unjoni u ġew valutati b’mod separat.

    (80)

    Kif imsemmi fil-premessa (113) tar-Regolament provviżorju, l-eżaminazzjoni tal-impatt tal-importazzjonijiet dumped fuq l-industrija tal-Unjoni kienet tinkludi evalwazzjoni tal-indikaturi ekonomiċi kollha għal valutazzjoni tal-istat tal-industrija tal-Unjoni mill-2005 sal-aħħar tal-PI.

    (81)

    Qed jiġi mfakkar li l-istampa tal-ħsara kienet ċara fl-istadju provviżorju billi ħafna mill-indikaturi tadtal-ħsara kienu qegħdin juru tendenza għal tnaqqis waqt il-perjodu kkunsidrat: volum tal-produzzjoni (– 36 %), volum tal-bejgħ (– 29 %), prezzijiet tal-bejgħ (– 9 %) u sehem mis-suq (– 23 %). Barra dan, l-indikaturi tal-ħsara relatati mal-prestazzjoni finanzjarja tal-industrija tal-Unjoni, bħall-profittabbiltà (– 16,3 punti perċentwal) u l-fluss tal-likwidità (– 141 %) ukoll iddeterjoraw b’mod drammatiku, waqt li l-investimenti naqsu b’mod sinifikanti (– 89 %).

    (82)

    Fl-assenza ta’ kwalunkwe kumment fir-rigward tal-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni u l-kapaċità tal-użu, il-volum tal-bejgħ u s-sehem tas-suq, il-prezzijiet, l-istokks, l-impjieg, il-pagi u l-produttività, u l-indikaturi tal-prestazzjoni finanzjarja tal-industrija tal-Unjoni, is-sejbiet provviżorji magħmula fil-premessi (114) sa (126) tar-Regolament provviżorju qegħdin b’dan jiġu kkonfermati.

    (83)

    Fl-assenza ta’ kwalunkwe kumment ieħor fir-rigward tas-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni, il-konklużjoni li l-industrija tal-Unjoni sofriet ħsara materjali, kif stabbilit fil-premessi (127) sa (130) tar-Regolament provviżorju, hija kkonfermata.

    5.   KAWŻALITÀ

    5.1.   Kumment preliminari

    (84)

    Skont l-Artikoli 3(6) u 3(7) tar-Ragolament bażiku, ġie eżaminat jekk l-importazzjonijiet dumped tal-prodott ikkonċernat li joriġina fir-RPĊ ikkawżawx ħsara lill-industrija tal-Unjoni sa livell li jista’ jiġi kkunsidrat bħala materjali. Il-fatturi magħrufa minbarra l-importazzjonijiet dumped, li fl-istess ħin jistgħu jkunu qegħdin jikkawżaw ħsara lill-industrija tal-Unjoni, ġew eżaminati ukoll sabiex jiġi żgurat li l-ħsara possibbli kkawżata minn dawn il-fatturi l-oħra ma jkunx ġie attribwit lill-importazzjonijiet dumped.

    5.2.   Effett tal-importazzjonijiet dumped

    (85)

    L-importazzjonijiet dumped mir-RPĊ żdiedu b’mod drammatiku matul il-perjodu kkunsidrat. Wara r-reviżjoni tad-dejta li tikkonċerna l-importazzjonijiet dumped li joriġinaw fir-RPĊ, kif deskritt fil-premessa (76) ta’ hawn fuq, il-volum tal-importazzjonijiet dumped mir-RPĊ żdied iżjed minn tmien darbiet bejn l-2005 u l-PI, biż-żieda fis-sehem tas-suq tagħhom b’madwar 16-il punt perċentwal. Waqt l-istess perjodu l-konsum tal-Unjoni naqas b’7 %.

    (86)

    Waqt il-perjodu kkunsidrat, l-industrija tal-Unjoni kellha tiffaċċja telf sinifikanti ta’ 29 % fil-volum tal-bejgħ tagħha u konsegwentement is-sehem tagħha mis-suq waqa’ minn 51,1 % għal 39,2 %, kważi 12-il punt perċentwal. Fil-perjodu bejn l-2008 u l-PI, is-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni waqa’ b’żewġ punti perċentwali waqt li dak tal-importazzjonijiet dumped żdied, minkejja t-tnaqqis fid-domanda fis-suq tal-Unjoni.

    (87)

    Fir-rigward tal-prezzijiet tal-importazzjonijiet dumped, wara r-reviżjoni tad-dejta kif deskritt fil-premessa (76) dawn naqsu b’45 % waqt il-perjodu kkunsidrat u kienu orħos ferm mill-prezzijiet iċċarġjati mill-industrija tal-Unjoni fuq is-suq tal-Unjoni. Konsegwentement, l-industrija tal-Unjoni ġiet impedita milli żżid il-prezzijiet tagħha sabiex tkopri ż-żieda fil-prezzijiet tal-materja prima. B’riżultat ta’ dan, il-profitabbiltà tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni naqset, kif spjegat fil-premessa (81) tar-Regolament provviżorju, minn profitt ta’ 3 % fl-2005 għal telf ta’ 13,3 % fil-PI.

    (88)

    L-investigazzjoni wriet ukoll li l-volumi li qegħdin jikbru ta’ importazzjonijiet dumped bi prezz baxx mir-RPĊ kellhom impatt negattiv fuq is-suq b’mod ġenerali billi naqqsu l-prezzijiet. Il-pressjoni kontinwa eżerċitata fuq is-suq tal-Unjoni ma ppermettietx lill-industrija tal-Unjoni li tadatta l-prezzijiet tal-bejgħ tagħha għall-kostijiet ogħla tal-materja prima, b’mod partikolari fl-2008, meta l-prezzijiet tal-materja prima laħqu livell massimu. Dan spjega t-telf mis-sehem tas-suq u t-telf fil-profitabbiltà tal-industrija tal-Unjoni.

    (89)

    B’kunsiderazzjoni ta’ dan ta’ hawn fuq, u fl-assenza ta’ kwalunkwe kumment dwar l-impatt tal-importazzjonijiet dumped, jista’ jiġi kkonfermat li ż-żieda f’daqqa tal-importazzjonijiet dumped bi prezz baxx mir-RPĊ kellha impatt negattiv konsiderevoli fuq is-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni.

    5.3.   Effett ta’ fatturi oħra

    5.3.1.   Importazzjonijiet mhux dumped

    (90)

    Fir-rigward tal-effett tal-importazzjonijiet mhux dumped mir-RPĊ qed jiġi mfakkar li żewġ produtturi esportaturi Ċiniżi nstabu li ma kinux qegħdin jagħmlu dumping ta’ HTY fis-suq tal-Unjoni. Waqt li ma jistax jiġi eskluż li dawn l-importazzjonijiet setgħu kienu sa ċertu punt ta’ kontribut għall-ħsara tal-industrija tal-Unjoni, qed jiġi kkunsidrat li fid-dawl tal-volum u b’mod partikolari l-prezzijiet li medjament kienu ogħla mill-prezzijiet tal-importazzjonijiet dumped, l-impatt ta’ dawn l-importazzjonijiet mhux dumped mhuwiex tali li jista’ jikser il-konnessjoni kawżali stabbilita bejn l-importazzjonijiet dumped mir-RPĊ u l-ħsara li saret lill-industrija tal-Unjoni.

    5.3.2.   Fatturi oħra

    (91)

    Qed jiġi mfakkar li ġew eżaminati wkoll fatturi oħra fl-analiżi tal-kawżalità, prinċipalment l-iżvilupp tad-domanda fis-suq tal-Unjoni, l-evoluzzjoni tal-prezzijiet tal-materja prima, il-produzzjoni captive tal-industrija tal-Unjoni, il-prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni, l-importazzjonijiet minn pajjiżi oħra, inklużi l-importazzjonijiet mill-Korea u t-Tajwan, u l-prestazzjoni ta’ produtturi oħra fl-Unjoni.

    (92)

    Parti waħda sostniet li l-analiżi tal-kawżalità naqset milli tipprova li d-dannu kkawżat minn fatturi li mhumiex l-importazzjonijiet dumped ma kienx attribwit lill-importazzjonijiet Ċiniżi. B’mod partikolari, sostniet li fatturi bħall-iżvilupp fid-domanda u ż-żieda fil-prezzijiet tal-materja prima taw kontribut għad-dannu li sar lill-industrija tal-Unjoni u ma ġewx ikkunsidrati fl-analiżi tal-kawżalità.

    (93)

    Fir-rigward tal-iżvilupp fid-domanda, qed jiġi mfakkar li fil-kuntest ta’ konsum li dejjem qed jonqos l-importazzjonijiet mir-RPĊ xorta rnexxielhom iżidu s-sehem mis-suq tagħhom. Rigward iż-żieda fil-prezzijiet tal-materja prima, huwa rikonoxxut li l-prezzijiet tal-materja prima żdiedu fl-ewwel nofs tal-PI kif imsemmi fil-premessa (139) tar-Regolament provviżorju. Madankollu, il-prezzijiet naqsu fit-tieni nofs tal-PI. Dawn il-fluttwazzjonijiet fil-prezzijiet tal-materja prima affettwaw lill-operaturi ekonomiċi kollha. Barra dan, fl-assenza tal-pressjoni fuq il-prezzijiet eżerċitata mill-importazzjonijiet dumped bi prezz baxx mir-RPĊ, seta’ kien mistenni li l-industrija tal-Unjoni kienet tkun f’pożizzjoni li tadatta l-prezzijiet tal-bejgħ tagħha, b’konformità mal-iżvilupp tal-prezzijiet tal-materja prima. Għalhekk, il-premessi (138) sa (140) tar-Regolament provviżorju qegħdin jiġu kkonfermati u konsegwentement din il-klejm qiegħda tiġi miċħuda.

    (94)

    Fl-assenza ta’ kwalunkwe kumment dwar il-produzzjoni captive jew il-prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni, il-premessi (141) sa (143) tar-Regolament provviżorju qegħdin b’dan jiġu kkonfermati.

    (95)

    Ċertu partijiet sostnew ukoll li l-produtturi tal-Unjoni ma kinux ikunu kapaċi li jżidu l-prezzijiet tagħhom sabiex jirriflettu l-bdil fil-kostijiet tal-materja prima fid-dawl tal-importazzjonijiet bi prezz baxx mill-Korea u t-Tajwan.

    (96)

    F’dan ir-rigward l-ewwel nett qed jiġi nnotat li l-prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-Korea u t-Tajwan baqgħu ogħla mill-prezzijiet medji tal-importazzjonijiet mir-RPĊ matul il-perjodu kkunsidrat. It-tieni, il-volumi tal-importazzjonijiet naqsu b’mod sostanzjali bejn l-2007 u t-tmiem tal-PI. Għalhekk qed jiġi kkunsidrat li l-volum u l-prezzijiet ta’ dawn l-importazzjonijiet ma setgħux kienu l-kawża prinċipali tal-ħsara materjali lill-industrija tal-Unjoni u għalhekk ma jistgħux jiksru l-konnessjoni każwali bejn il-ħsara li saret lill-industrija tal-Unjoni u l-importazzjonijiet dumped mir-RPĊ. Għalhekk, din il-klejm ġiet miċħuda.

    (97)

    Fl-assenza ta’ kwalunkwe kumment ieħor dwar l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, inklużi l-Korea u t-Tajwan, il-premessi (144) sa (152) tar-Regolament provviżorju qegħdin b’dan jiġu kkonfermati.

    (98)

    Fl-assenza ta’ kwalunkwe kumment dwar il-produtturi l-oħra fl-Unjoni, il-premessi (153) sa (154) tar-Regolament provviżorju qegħdin b’dan jiġu kkonfermati.

    (99)

    Wara l-iżvelar provviżorju, parti waħda sostniet li l-profitabbiltà iżjed baxxa tal-industrija tal-Unjoni għandha tiġi attribwita lill-proporzjon għoli li l-hekk imsejjaħ proċess tal-produzzjoni taż-żewġ passi kien jirrappreżenta fil-kapaċità ta’ produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni u lid-dewmien allegat min-naħa tal-industrija tal-Unjoni sabiex timplimenta l-hekk imsejjaħ proċess ta’ produzzjoni ta’ pass wieħed modern.

    (100)

    Għandu jiġi nnotat li l-parti l-kbira tal-medda ta’ tipi ta’ prodott prodotti u mibjugħa mill-produtturi esportaturi fir-RPĊ u l-industrija tal-Unjoni hija komuni. L-industrija tal-Unjoni tuża l-hekk imsejjaħ proċess ta’ produzzjoni taż-żewġ passi billi qiegħda tippermetti l-produzzjoni ta’ tipi speċifiċi ta’ prodott li normalment jinbiegħu bi prezz ogħla fis-suq. Kif inhu spjegat fil-premessi (85) sa (89), il-preżenza ta’ importazzjonijiet dumped ta’ HTY bi prezz baxx mir-RPĊ affettwat b’mod ġenerali s-suq tal-UE prinċipalment billi eżerċitat pressjoni għat-tnaqqis tal-prezzijiet.

    (101)

    Għalhekk huwa kkunsidrat li l-eżistenza ta’ żewġ proċessi ta’ produzzjoni differenti ma setgħetx per se kellha impatt materjali fuq il-marġnijiet tal-profitt, b’mod partikolari fid-dawl tal-pressjoni tal-prezzijiet eżerċitata mill-importazzjonijiet dumped mir-RPĊ. Barra dan, ma ġiet sottomessal-ebda evidenza sostanzjali sabiex tappoġġja l-klejm li l-industrija tal-Unjoni saritilha ħsara materjali minħabba n-nuqqas ta’ teknoloġija iżjed reċenti. Għalhekk din il-klejm ġiet miċħuda.

    (102)

    Fid-dawl ta’ dan ta’ qabel u fl-assenza ta’ kwalunkwe kumment ieħor, qed jiġi konkluż li l-importazzjonijiet dumped mir-RPĊ kkawżaw dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni fit-tifsira tal-Artikolu 3(6) tar-Regolament bażiku u l-premessi (155) sa (158) tar-Regolament provviżorju qegħdin jiġu kkonfermati.

    6.   INTERESS TAL-UNJONI

    6.1.   Kumment preliminari

    (103)

    L-analiżi tal-interess tal-Unjoni ġiet adattata sabiex tikkunsidra r-reviżjonijiet tal-marġnijiet tad-dumping wara kummenti dwar l-iżvelar provviżorju u l-eżaminazzjonijiet individwali mwettqa wara l-impożizzjoni ta’ miżuri provviżorji. Kif inhuwa dovut, fid-dawl tal-livell għoli ta’ kooperazzjoni, il-parti l-kbira tal-importazzjonijiet mir-RPĊ għandha tkun soġġetta għal livell ta’ dazju ta’ madwar 5 % kif imsemmi fil-premessa (63).

    6.2.   Industrija tal-Unjoni

    (104)

    Qed jiġi mfakkar li l-industrija tal-Unjoni hija magħmula minn erba’ produtturi li jinsabu fi Stati Membri differenti, li qegħdin jimpjegaw direttament ‘il fuq minn 1 300 persuna f’attivitajiet relatati mal-HTY. L-indikaturi kollha tal-ħsara, b’mod partikolari dawk relatati mal-prestazzjoni finanzjarja tal-industrija tal-Unjoni, urew tendenza negattiva waqt il-perjodu kkunsidrat. L-impjieg ukoll naqas b’mod sinifikanti bi 23 %, li jikkorrispondi għal tnaqqis ta’ madwar 400 ekwivalenti għall-full time waqt il-perjodu kkunsidrat.

    (105)

    Wara l-impożizzjoni ta’ miżuri provviżorji, l-industrija tal-Unjoni ssottomettiet li l-fabbriki li ma kinux qegħdin joperaw minħabba l-importazzjonijiet dumped reċentement infetħu mill-ġdid. Dan juri li l-miżuri provviżorji diġà kellhom impatt pożittiv fuq l-industrija tal-Unjoni.

    (106)

    Huwa mistenni li l-impożizzjoni ta’ dazji definittivi tal-antidumping kontra l-importazzjonijiet li joriġinaw fir-RPĊ għandu jkollha impatt pożittiv ieħor fuq is-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni u għandha tippermettilha li tikseb mill-ġdid mill-inqas parti mis-sehem tagħha tas-suq li tilfet.

    (107)

    Fl-assenza ta’ kwalunkwe kumment ieħor fir-rigward tal-interess tal-industrija tal-Unjoni, il-premessi (160) sa (163) tar-Regolament provviżorju qegħdin b’dan jiġu kkonfermati.

    6.3.   Importaturi

    (108)

    Ċerti partijiet sostnew li l-analiżi tal-impatt tal-miżuri fuq l-importaturi ma indirizzatx id-diffikultà tal-bdil ta’ malajr tal-fornituri tal-HTY. F’dan ir-rigward, huwa rikonoxxut li l-bdil tas-sorsi tal-provvista jista’ jieħu ż-żmien skont l-applikazzjoni finali. Madankollu, għandu jkun hemm sorsi oħra disponibbli, inkluż l-importazzjonijiet mill-Korea u t-Tajwan kif ukoll l-importazzjonijiet miż-żewġ produtturi esportaturi Ċiniżi msemmija fil-premessi (63) u (64), li m’għandhomx ikunu soġġetti għad-dazju tal-antidumping. Għalhekk, din il-klejm ġiet miċħuda u l-konklużjoni provviżorja li l-miżuri m’għandux ikollhom impatt negattiv sinifikanti fuq l-importaturi qiegħda tiġi kkonfermata.

    (109)

    Fl-assenza ta’ kwalunkwe kumment ieħor, il-premessi (164) u (165) tar-Regolament provviżorju qegħdin b’dan jiġu kkonfermati.

    6.4.   Utenti

    (110)

    L-utenti tal-HTY urew interess qawwi f’dan il-każ. Minn 68 utent ikkuntattjat, 33 ikkooperaw fl-investigazzjoni. L-investigazzjoni uriet li 24 mit-33 utent li qegħdin jikkooperaw xtraw HTY fir-RPĊ. 12 % minn dawn l-importazzjonijiet kienu minn kumpaniji li nstab li ma kinux responsabbli mid-dumping.

    (111)

    Fl-istadju provviżorju l-analiżi dwar l-impatt ta’ miżuri fuq l-utenti saret billi l-utenti nġabru fi gruppi f’erba’ setturi industrijali separati (tajers, karozzi, ħbula u applikazzjonijiet industrijali). Qabel l-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji, erba’ utenti ġew ivverifikati (tnejn fis-settur tat-tajers, wieħed fis-settur tal-karozzi u wieħed fis-settur tal-applikazzjonijiet industrijali). Wara l-impożizzjonijiet tal-miżuri provviżorji, ġie investigat ukoll sa liema punt kull settur seta’ jiġi affettwat bil-miżuri. Għal dan il-fini, saru żjarat addizzjonali ta’ verifika fuq il-post ta’ seba’ utenti kif imsemmi fil-premessa (5). Mit-total ta’ 11-il utent ivverifikat, ħamsa kienu intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs). Fuq bażi tad-dejta vverifikata, l-impatt stmat tal-miżuri fuq il-marġnijiet tal-profitt tal-utenti ġie rivedut, billi ġie kkunsidrat ukoll il-livell rivedut tad-dazji u l-fatt li produttur esportatur addizzjonali Ċiniż instab li ma kienx responsabbli ta’ dumping.

    (112)

    Fir-rigward tal-utenti fis-settur tat-tajers, fit-total ġew irċevuti erba’ tweġibiet għall-kwestjonarju minn manifatturi tat-tajers. Minn dawn, tnejn ġew verifikati qabel l-impożizzjoni ta’ miżuri provviżorji u wieħed wara l-impożizzjoni ta’ miżuri provviżorji. Skont id-dejta disponibbli għal dan is-settur, is-sehem ta’ HTY relatat mal-kost tal-produzzjoni tagħhom huwa relativament limitat, taħt il-1 % bħala medja. Wieħed biss mill-utenti li qegħdin jikkooperaw instab li kien qed jimporta l-prodott ikkonċernat mir-RPĊ. Madankollu, dawn l-importazzjonijiet kollha kienu minn kumpanija fir-RPĊ li ma nstabx li kienet responsabbli ta’ dumping. Għalhekk qed jiġi konkluż li fuq il-bażi tad-dejta disponibbli, is-settur tat-tajers m’għandux jiġi affettwat mill-miżuri proposti.

    (113)

    Fir-rigward tal-utenti fis-settur tal-karozzi (li prinċipalment jipproduċu ċinturini tas-sikurezza u airbags), li jirrappreżentaw 5 % tal-importazzjonijiet totali ta’ HTY mir-RPĊ fil-PI, fit-total waslu sitt tweġibiet għall-kwestjonarju. Żewġ kumpaniji ġew verifikati, waħda qabel u waħda wara l-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji. Wara ż-żjarat tal-verifika, is-sehem tal-HTY Ċiniż użat mis-settur tal-karozzi ġie rivedut għal 15 %. Iż-żjarat tal-verifika wrew ukoll li ġeneralment, in-negozju li juża l-HTY jirrappreżenta iżjed minn 30 % tal-qligħ totali tal-kumpaniji li qegħdin jikkooperaw, minflok 4 % kif stabbilit fl-istadju provviżorju. Il-profitt medju milħuq f’dan is-settur fuq prodotti li jużaw l-HTY huwa kkonfermat li huwa ta’ madwar 3 %. Fuq bażi ta’ dan ta’ hawn fuq, qed jiġi konkluż li, jekk jiġu imposti miżuri, is-settur tal-karozzi probabbilment mhuwiex se jiġi affettwat b’mod serju fuq livell ġenerali billi xorta jkun għadu vantaġġuż u barra dan, ir-RPĊ mhijiex is-sors ewlieni tal-provvista.

    (114)

    Rigward l-utenti fis-settur tal-ħbula, fit-total ġew irċevuti tliet tweġibiet għall-kwestjonarju u kumpanija waħda ġiet verifikata wara l-impożizzjoni ta’ miżuri provviżorji. Il-kumpaniji kollha li qegħdin jikkooperaw f’dan is-settur huma SMEs u kienu jirrappreżentaw inqas minn 1 % mit-total tal-importazzjonijiet mir-RPĊ fil-PI. Huwa kkonfermat li s-sehem tan-negozju tal-HTY huwa ta’ madwar 18 % tan-negozju totali tagħhom. Il-marġni tal-profitt medju milħuq fis-settur li juża l-HTY ġie stabbilit b’mod provviżorju għal madwar 8 %. Madankollu, wara ż-żjara tal-verifika u l-korrezzjoni sussegwenti tad-dejta sottomessa fit-tweġibiet għall-kwestjonarju, il-marġni tal-profitt milħuq f’dan is-settur ġie rivedut għal – 0,4 %. L-investigazzjoni wriet li l-parti l-kbira tal-importazzjonijiet (71 %) kienu mir-RPĊ waqt il-PI waqt li 22 % kienu mill-Korea. Madankollu, fid-dawl tal-livell rivedut tad-dazju, l-impatt fuq il-kumpaniji f’dan is-settur, jekk ikomplu jiksbu l-HTY mir-RPĊ, għandu jkun limitat. Barra dan, jeżisti numru ta’ sorsi alternattivi ta’ provvista.

    (115)

    Finalment, rigward l-utenti fis-settur tal-applikazzjonijiet industrijali, fit-total ġew irċevuti 20 tweġiba għall-kwestjonarju minn utenti li jirrappreżentaw 21 % tal-importazzjonijiet totali mir-RPĊ. Ħames kumpaniji ġew verifikati, waħda qabel l-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji u erba’ wara l-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji. Fuq bażi tal-informazzjoni disponibbli għal dan is-settur wara ż-żjarat tal-verifika, is-sehem tan-negozju relatat mal-HTY ġie rivedut għal 54 % tan-negozju totali. L-investigazzjoni wriet li dawn l-utenti prinċipalment xtraw HTY mir-RPĊ (42 %) u mill-Korea (24 %), waqt li 29 % inkisbu minn fornituri fl-Unjoni u f’pajjiżi terzi. Id-dejta miġbura waqt iż-żjarat tal-verifika li saru wara l-impożizzjoni ta’ miżuri provviżorji wasslu għal aġġustament tal-marġni medju tal-profitt milħuq f’dan is-settur, li huwa stabbilit fil-livell ta 17 %. Madankollu, id-dejta miġbura turi li l-marġni medju tal-profitt identifikat għas-settur kollu mhuwiex rappreżentattiv tas-sitwazzjoni tal-SMEs, li kellhom bħala medja marġni ta’ profitt negattiv ta’ – 1,9 % waqt il-PI. Fl-agħar xenarju possibbli, jiġifieri jekk dawn l-SMEs jixtru minn produtturi esportaturi Ċiniżi soġġetti għal miżuri u ma jibdlux is-sors tal-provvista tagħhom, il-profitabbiltà tagħhom għandha tonqos minn – 1,9 % għal – 3,3 % bl-impożizzjoni ta’ miżuri definittivi. Dan ikun minħabba l-fatt li jiksbu l-HTY mir-RPĊ fi proporzjon ikbar meta mqabbla mal-kumpaniji l-kbar, li jibqgħu ta’ profitabbiltà għolja. Madankollu, huwa mistenni li dawn l-SMEs jistgħu jispostaw mill-inqas parti mix-xiri tagħhom għal fornituri mhux soġġetti għal miżuri.

    (116)

    Ċerti utenti jsostnu li l-impatt negattiv tal-miżuri antidumping fuq il-profitabbiltà tagħhom kien ġie sottovalutat fl-analiżi provviżorja dwar l-interessi tal-Unjoni. Huma sostnew ukoll li kien se jkun diffiċli għalihom li jgħaddu ż-żieda tal-kost lill-klijenti tagħhom u esprimew dubji dwar il-possibbiltà li jinstabu sorsi alternattivi ta’ provvista. Ċerti partijiet esprimew dubju wkoll dwar il-kapaċità tal-produtturi tal-Unjoni li jipprovdu l-prodotti meħtieġa. Finalment, tqajmet il-kwistjoni tal-effett negattiv tal-miżuri fuq l-industrija downstream u konsegwentement fuq l-impjieg fl-Unjoni.

    (117)

    Fir-rigward tal-klejm dwar il-profitabbiltà, l-analiżi bbażata fuq id-dejta riveduta wara ż-żjarat tal-verifika wara l-impożizzjoni ta’ miżuri provviżorji tabilħaqq uriet li parti mis-setturi tal-ħbula u l-applikazzjonijiet industrijali għandhom isofru impatt negattiv mill-miżuri jekk dawk l-utenti li jixtru mill-produtturi esportaturi Ċiniżi soġgetti għal miżuri jkomplu jagħmlu dan u ma jibdlux is-sors tal-provvista tagħhom. Madankollu, dan l-impatt probabbilment għandu jkun limitat fid-dawl tal-livell ridott tad-dazju u l-eżistenza ta’ sorsi ta’ provvista alternattivi.

    (118)

    Fir-rigward tal-klejm li ma għandux ikun possibbli għall-utenti li jgħaddu ż-żieda fil-kost lill-klijenti tagħhom, l-investigazzjoni wriet li f’ċerti setturi jista’ tabilħaqq ikun diffiċli li jiżdiedu l-prezzijiet. Madankollu, qed jiġi mfakkar li fid-dawl tal-livell għoli ta’ kooperazzjoni min-naħa tal-produtturi esportaturi Ċiniżi, il-parti l-kbira tal-importazzjonijiet mir-RPĊ għandha tkun soġġetta għal dazju ta’ madwar 5 % kif iddikjarat fil-premessa (103) ta’ hawn fuq. Għalhekk, huwa mistenni li l-utenti jistgħu jgħaddu mill-inqas ftit miż-żieda fil-kost lill-klijenti tagħhom, u fi kwalunkwe eventwalità, ukoll mingħajr żidiet fil-prezz, huwa stimat li l-impatt fuq il-profitabbiltà tagħhom huwa pjuttost limitat.

    (119)

    Rigward il-klejm li l-industrija tal-Unjoni mhux se tkun kapaċi tipprovdi l-prodotti meħtieġa f’każ ta’ impożizzjoni ta’ miżuri antidumping, l-investigazzjoni wriet li okkażjonalment saru ċerti irregolaritajiet fil-provvisti provduti fil-passat mill-produtturi tal-Unjoni lil ċertu utenti. Madankollu, l-investigazzjoni ma evidenzjat l-ebda prova li dawn l-irregolaritajiet kienu qegħdin isiru fuq bażi kontinwa. Fir-rigward tad-diffikultà rrapurtata fil-bdil tas-sorsi tal-provvista, żjarat tal-verifika tabilħaqq urew li qabel ma HTY ġdid ikun jista’ jintuża fi produzzjoni fuq skala kbira, għandu jgħaddi minn numru ta’ testijiet bl-għan li jivverifikaw kemm il-kompatibilità tal-materja prima ġdida mal-makkinarju kif ukoll l-istandards tal-kwalità meħtieġa tal-prodotti finali. Id-dewmien tal-proċess tal-ittestjar ivarja skont l-applikazzjoni tal-prodott finali. Huwa għalhekk rikonoxxut li l-bdil tal-fornituri jista’ jkun proċess twil u ta’ spiża għal ċertu utenti, għalkemm b’miżuri differenti skont il-prodotti manifatturati. Madankollu, iż-żjarat ta’ verifika wrew li ċertu kumpaniji kienu qegħdin ifittxu li jwaqqfu strateġija ta’ espansjoni tal-fornituri tagħhom sabiex jevitaw li jiddependu biss minn sors wieħed.

    (120)

    Ċertu partijiet issottolinejaw ukoll is-sitwazzjoni tal-SMEs, billi sostnew li l-SMEs għandhom diffikultajiet sabiex jiksbu l-materja prima tagħhom minħabba li ma jilħqux il-kwantità minima ta’ ordnijiet meħtieġa mill-produtturi. F’dan ir-rigward, qed jiġi nnotat li d-diffikultajiet dwar il-kwantitajiet minimi ta’ ordnijiet jidhru li huma tendenza eżistenti tan-negozju irrispettivament mill-impożizzjoni jew le ta’ miżuri. Għalhekk huwa kkunsidrat li l-impożizzjoni tad-dazji m’għandhiex per se taffettwa t-tendenzi diġà stabbiliti fost l-operaturi ekonomiċi. Għalhekk, dawn il-klejms ma kinux ikkunsidrati meħtieġa.

    (121)

    Finalment, ċertu partijiet interessati sostnew li l-industrija tal-Unjoni ma tirrappreżentax sors affidabbli minħabba n-nuqqas ta’ kompletezza tal-medda tal-prodotti tagħha, il-kwalità iżjed baxxa u l-prezzijiet iżjed għolja tal-prodotti. F’dan ir-rigward qed jiġi nnotat li wkoll jekk il-produtturi tal-Unjoni ma jkunux kapaċi li jipprovdu l-medda sħiħa ta’ prodotti meħtieġa, jeżistu sorsi ta’ provvisti alternattivi li għandhom jippermettu li l-meded tal-prodotti jkunu kompluti. Barra dan, il-livell ta’ dazju relativament baxx m’għandux jimpedixxi lill-utenti milli jikkompletaw il-medda tal-prodotti tagħhom billi jkomplu jagħmlu importazzjonijiet mir-RPĊ ukoll. Barra dan, il-ftuħ mill-ġdid ta’ fabbriki, kif imsemmi hawn fuq, għandu jikkontribwixxi sabiex tiġi indirizzata din il-problema billi jippermetti l-allokazzjoni ta’ kapaċità ikbar għall-manifattura ta’ medda iżjed wiesa’ ta’ prodotti. Għalhekk din il-klejm ġiet miċħuda.

    (122)

    Fir-rigward tal-klejm dwar l-effett tal-miżuri fuq l-industrija downstream, u konsegwentement fuq l-impjieg fl-Unjoni, huwa kkunsidrat li fid-dawl ta’ dak ta’ hawn fuq, l-impatt għandu jkun negliġibbli.

    6.5.   Konklużjoni dwar l-interess tal-Unjoni

    (123)

    Fuq il-bażi ta’ dak ta’ hawn fuq, ġie konkluż li ma hemm l-ebda raġuni valida kontra l-impożizzjoni ta’ dazji definittivi tal-antidumping kontra l-importazzjonijiet ta’ HTY li joriġina fir-RPĊ.

    7.   MIŻURI TAL-ANTIDUMPING DEFINITTIVI

    7.1.   Livell tal-eliminazzjoni tal-ħsara

    (124)

    Fl-assenza ta’ kwalunkwe kumment sostanzjali li jista’ jibdel il-konklużjoni dwar il-livell tal-eliminazzjoni tal-ħsara, il-premessi (179) sa (183) tar-Regolament provviżorju qegħdin b’dan jiġu kkonfermati.

    7.2.   Miżuri definittivi

    (125)

    Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, huwa kkunsidrat li, skont l-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, għandhom jiġu imposti miżuri tal-antidumping definittivi fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ HTY li joriġina fir-RPĊ fil-livell il-baxx tad-dumping u l-marġnijiet tal-ħsara, skont ir-regola dwar id-dazju iżjed baxx. B’konformità ma’ dan, ir-rati kollha tad-dazju għandhom jiġu stabbiliti fil-livell tal-marġnijiet ta’ dumping li nstabu.

    (126)

    Billi l-marġnijiet tad-dumping stabbiliti għall-Korea u t-Tajwan kienu taħt il-livell de minimis, l-ebda dazju definittiv tal-antidumping ma għandu jiġi impost fuq l-importazzjonijiet li joriġinaw fil-Korea u t-Tajwan.

    (127)

    Id-dazji tal-antidumping proposti huma dawn li ġejjin:

    Kumpanija

    Marġni tal-eliminazzjoni tad-dannu

    Marġni tad-dumping

    Rata tad-dazju tal-antidumping

    Zhejiang Guxiandao Industrial Fibre Co., Ltd

    57,1  %

    5,1  %

    5,1  %

    Zhejiang Hailide New Material Co., Ltd.

    M/A

    0

    0  %

    Zhejiang Unifull Industrial Fibre Co., Ltd

    57,6  %

    5,5  %

    5,5  %

    Kumpaniji li qegħdin jikkooperaw mhux inklużi fil-kampjun

    57,3  %

    5,3  %

    5,3  %

    Hangzhou Huachun Chemical Fiber Co., Ltd

    M/A

    0

    0  %

    Oriental Industries (Suzhou) Ltd

    53,2  %

    9,8  %

    9,8  %

    Il-kumpaniji l-oħra kollha fir-RPĊ.

    57,6  %

    9,8  %

    9,8  %

    (128)

    Ir-rati tad-dazju tal-antidumping tal-kumpaniji individwali speċifikati f’dan ir-Regolament ġew stabbiliti fuq il-bażi tas-sejbiet tal-investigazzjoni preżenti. Għalhekk, huma jirriflettu s-sitwazzjoni misjuba waqt l-investigazzjoni fir-rigward ta’ dawn il-kumpaniji. Dawn ir-rati tad-dazju (għall-kuntrarju tad-dazju għall-pajjiż kollu applikabbli għall-“kumpaniji l-oħra kollha”) huma għalhekk applikabbli esklużivament għall-importazzjonijiet ta’ prodotti li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u li jiġu prodotti mill-kumpaniji u għalhekk mill-entitajiet legali speċifiċi msemmija. Il-prodotti impurtati prodotti minn kwalunkwe kumpanija oħra mhux imsemmija b’mod speċifiku fil-parti operattiva ta’ dan ir-Regolament b’isimha u l-indirizz tagħha, inklużi l-entitajiet relatati ma’ dawk imsemmija b’mod speċifiku, ma jistgħux jibbenefikaw minn dawn ir-rati u għandhom ikunu soġġetti għar-rata tad-dazju applikabbli għall-“kumpaniji l-oħra kollha”.

    (129)

    Kwalunkwe klejm li titlob l-applikazzjoni tar-rata tad-dazju tal-antidumping ta’ kumpanija individwali (pereżempju bdil fl-isem tal-entità jew wara l-istabbiliment ta’ entitajiet ġodda ta’ produzzjoni jew bejgħ) għandha tiġi indirizzata lill-Kummissjoni (3) minnufih bl-informazzjoni kollha rilevanti, b’mod partikolari kwalunkwe modifika fl-attivitajiet tal-kumpanija konnessi mal-produzzjoni, il-bejgħ domestiku jew tal-esportazzjoni assoċjat ma’, pereżempju, dak il-bdil fl-isem jew dak il-bdil fl-entitajiet tal-produzzjoni jew il-bejgħ. Jekk ikun xieraq, ir-Regolament għandu wara jiġi emendat kif dovut bl-aġġornament tal-lista ta’ kumpaniji li jkunu qegħdin jibbenefikaw minn rati tad-dazju individwali.

    (130)

    Il-partijiet kollha ġew mgħarrfa bil-fatti essenzjali u l-kunsiderazzjonijiet li fuq il-bażi tagħhom kien intiż li tiġi rrikmandata l-impożizzjoni ta’ dazji definittivi tal-antidumping. Ingħataw ukoll perjodu li fih setgħu jagħmlu rappreżentazzjonijiet wara għal dan l-iżvelar. Il-kummenti sottomessi mill-partijiet ġew ikkunsidrati kif dovut, u, fejn kien xieraq, is-sejbiet ġew modifikati skont il-każ.

    (131)

    Sabiex jiġi żgurat l-istess trattament bejn kwalunkwe esportatur ġdid u l-kumpaniji li jkunu qegħdin jikkooperaw mhux inklużi fil-kampjun, imsemmija fl-Anness ta’ dan ir-Regolament, id-dazju medju differenzjat impost fuq dawn il-kumpaniji tal-aħħar għandu jiġi previst sabiex jiġi applikat għal kwalunkwe esportatur ġdid li nkella jkollu dritt għal reviżjoni skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku billi l-Artikolu 11(4) ma japplikax fejn ikun sar it-teħid tal-kampjuni.

    7.3.   Ġbir definittiv tad-dazji provviżorji

    (132)

    Fid-dawl tal-kobor tal-marġnijiet tad-dumping misjuba u fid-dawl tal-livell tal-ħsara kkawżata fl-industrija tal-Unjoni, huwa kkunsidrat neċessarju li l-ammonti garantiti permezz tad-dazju provviżorju tal-antidumping, imposti bir-Regolament provviżorju, jinġabru b’mod definittiv sakemm jintlaħaq l-ammont tad-dazji imposti. Fejn id-dazji definittivi jkunu iżjed baxxi mid-dazji provviżorji, għandhom jiġu rilaxxati ammonti garantiti b’mod provviżorju li jkunu iktar mir-rata definittiva tad-dazji tal-antidumping. Fejn id-dazji definittivi jkunu ogħla mid-dazji provviżorji, l-ammonti garantiti fil-livell tad-dazji provviżorji biss għandhom jinġabru b’mod definittiv.

    8.   TMIEM TAL-PROĊEDURA

    (133)

    Fid-dawl tas-sejbiet dwar l-importazzjoniiet li joriġinaw fil-Korea u t-Tajwan, il-proċedura fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ pajjiżi għandha tintemm.

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    1.   Dazju definittiv tal-antidumping qiegħed b’dan jiġi impost fuq l-importazzjonijiet tal-ħjut tal-poliesteri ta’ tenaċità għolja (minbarra l-ħajt tal-ħjata), li ma jkunx għall-bejgħ bl-imnut, inkluż il-monofilament ta’ inqas minn 67 decitex, li attwalment jaqa’ taħt il-kodiċi CN 5402 20 00 u li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina.

    2.   Ir-rata tad-dazju definittiv tal-antidumping applikabbli għall-prezz nett, ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, tal-prodott deskritt fil-Paragrafu 1 u prodott mill-kumpaniji ta’ hawn taħt għandha tkun din li ġejja:

    Kumpanija

    Dazju (%)

    Kodiċi addizzjonali TARIC

    Zhejiang Guxiandao Industrial Fibre Co., Ltd.

    5,1

    A974

    Zhejiang Hailide New Material Co., Ltd.

    0

    A976

    Zhejiang Unifull Industrial Fibre Co., Ltd.

    5,5

    A975

    Companies listed in the Annex

    5,3

    A977

    Hangzhou Huachun Chemical Fiber Co., Ltd.

    0

    A989

    Oriental Industries (Suzhou) Ltd.

    9,8

    A990

    Il-kumpaniji l-oħra kollha

    9,8

    A999

    3.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ li jikkonċernaw id-dazji doganali.

    Artikolu 2

    Il-proċedura antidumping li tikkonċerna l-importazzjonijiet tal-ħjut tal-poliesteri ta’ tenaċità għolja li joriġina fir-Repubblika tal-Korea t’Isfel u t-Tajwan qiegħda b’dan tintemm.

    Artikolu 3

    L-ammonti garantiti permezz tad-dazju provviżorju tal-antidumping skont ir-Regolament (UE) Nru 478/2010 dwar l-importazzjonijiet ta’ ħjut tal-polijesteri ta’ tenaċità għolja (minbarra l-ħajt tal-ħjata), li ma jkunx għall-bejgħ bl-imnut, inkluż il-monofilament ta’ inqas minn 67 decitex li attwalment jaqa’ taħt il-kodiċi NM 5402 20 00 u li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għandhom jinġabru b’mod definittiv bir-rata tad-dazju definittiv impost skont l-Artikolu 1. L-ammonti garantiti ogħla mir-rati definittivi tad-dazju tal-antidumping għandhom jiġu rilaxxati.

    Artikolu 4

    Fejn kwalunkwe produttur esportatur ġdid fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina jipprovdi evidenza biżżejjed lill-Kummissjoni li:

    ma jkunx esporta fl-Unjoni l-prodott deskritt fl-Artikolu 1(1) waqt il-perjodu tal-investigazzjoni (l-1 ta’ Lulju 2008 sat-30 ta’ Ġunju 2009),

    ma jkun relatat ma l-ebda wieħed mill-esportaturi jew produtturi fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina li huma soġġetti għall-miżuri imposti minn dan ir-Regolament,

    li effettivament esporta fl-Unjoni l-prodott ikkonċernat wara l-perjodu tal-investigazzjoni li fuqu huma bbażati l-miżuri, jew li jkun daħal f’obbligu kuntrattwali irrevokabbli sabiex jesporta kwantità sinifikanti fl-Unjoni,

    il-Kunsill, waqt li jaġixxi b’maġġoranza sempliċi dwar proposta sottomessa mill-Kummissjoni wara li jkun ikkonsulta l-Kumitat Konsultattiv, jista’ jemenda l-Artikolu 1(2) billi jżid il-produttur esportatur ġdid mal-kumpaniji li jkunu qegħdin jikkooperaw mhux inklużi fil-kampjun u għalhekk soġġetti għar-rata tad-dazju medja differenzjata ta’ 5,3 %.

    Artikolu 5

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak li fih jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u għandu jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Novembru 2010.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    K. PEETERS


    (1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

    (2)  ĠU L 135, 2.6.2010, p. 3

    (3)  European Commission, Directorate-General for Trade, Directorate H, Office N105 04/090, 1049 Brussels, Belgium.


    ANNESS

    PRODUTTURI ESPORTATURI ĊINIŻI LI QEGĦDIN JIKKOOPERAW MHUX MAGĦŻULA BĦALA KAMPJUN

    Kodiċi addizzjonali TARIC A977

    Isem il-kumpanija

    Belt

    Heilongjiang Longdi Co., Ltd.

    Harbin

    Hyosung Chemical Fiber (Jiaxing) Co., Ltd.

    Jiaxing

    Shanghai Wenlong Chemical Fiber Co., Ltd.

    Shanghai

    Shaoxing Haifu Chemistry Fibre Co., Ltd.

    Shaoxing

    Sinopec Shanghai Petrochemical Company

    Shanghai

    Wuxi Taiji Industry Co., Ltd.

    Wuxi


    Top