Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010R0855

    Regolament implimentattiv tal-Kunsill (UE) Nru 855/2010 tas- 27 ta’ Settembru 2010 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1631/2005 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjoni ta’ aċidu trichloroisocyanuric li joriġina, inter alia , mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

    ĠU L 254, 29.9.2010, p. 1–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 08/10/2010

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2010/855/oj

    29.9.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 254/1


    REGOLAMENT IMPLIMENTATTIV TAL-KUNSILL (UE) Nru 855/2010

    tas-27 ta’ Settembru 2010

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1631/2005 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjoni ta’ aċidu trichloroisocyanuric li joriġina, inter alia, mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(4), u l-Artikolu 11(3), (5) u (6) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni Ewropea wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv,

    Billi:

    A.   PROĊEDURA

    1.   Miżuri fis-seħħ

    (1)

    F’Ottubru 2005, il-Kunsill, permezz tar-Regolament (KE) Nru 1631/2005 (2), (“ir-Regolament oriġinali”) impona miżuri antidumping definittivi fuq importazzjonijiet ta’ aċidu trichloroisocyanuric (“TCCA”) li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ir-“RPĊ”). Id-dazji jvarjaw minn 7,3 % sa 42,6 %.

    2.   Talba għal reviżjoni

    (2)

    Fl-2009, il-Kummissjoni rċeviet talba għal reviżjoni interim parzjali skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku. It-talba, li kienet limitata fl-ambitu għall-eżami ta’ dumping, tressqet minn produttur esportatur Ċiniż Heze Huayi Chemical Co., Ltd (“Heze” jew “l-applikant”). Ir-rata tad-dazju antidumping definittiv applikabbli għall-applikant hija ta’ 14,1 %.

    (3)

    Fit-talba tiegħu, l-applikant qal li ċ-ċirkostanzi li abbażi tagħhom il-miżuri eżistenti kienu ġew imposti inbidlu u li dawn il-bidliet huma ta’ natura dejjiema. L-applikant ipprovda evidenza prima facie li l-impożizzjoni kontinwa tal-miżura fil-livell attwali tagħha ma għadhiex meħtieġa biex tpaċi d-dumping.

    (4)

    B’mod partikolari, it-talba kienet ibbażata fuq l-istqarrija li l-unità tal-ispiża tal-applikant tat-TCCA naqset b’mod sinifikanti mill-investigazzjoni oriġinali billi:

    l-applikant jipproduċi l-materja prima ewlenija meħtieġa biex jipproduċi l-prodott taħt investigazzjoni; u

    l-applikant żied il-kapaċità ta’ produzzjoni tagħha.

    3.   Bidu ta’ reviżjoni.

    (5)

    Wara li ddeterminat, b’konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li kienet teżisti biżżejjed evidenza biex tiġġustifika l-bidu ta’ reviżjoni, il-Kummissjoni, fit-2 ta’ Lulju 2009, bdiet investigazzjoni (3) skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, limitat fl-ambitu għall-eżami ta’ dumping fir-rigward tal-applikant.

    4.   Il-prodott ikkonċernat u l-prodott simili

    (6)

    Il-prodott ikkonċernat mir-reviżjoni attwali huwa l-istess bħal dak deskritt fir-Regolament oriġinali, l-aċidu trichloroisocyanuric u preparazzjonijiet tiegħu, li wkoll issir referenza għalih bħala “symclosene” taħt l-isem internazzjonali mhux proprjetarju (INN), li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“il-prodott ikkonċernat”), li bħalissa jaqa’ taħt il-kodiċi NM ex 2933 69 80 u ex 3808 94 20.

    (7)

    Il-prodott li huwa prodott u mibjugħ fis-suq domestiku Ċiniż u dak esportat lejn l-Unjoni għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi bażiċi u l-istess użi u għalhekk huma meqjusa li huma simili skont it-tifsira tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

    5.   Partijiet ikkonċernati

    (8)

    Il-Kummissjoni għarrfet b’mod uffiċjali lill-applikant, lill-industrija tal-Unjoni, kif ukoll lir-rappreżentanti tal-gvern tal-pajjiż esportatur, bil-bidu tar-reviżjoni.

    (9)

    Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jgħarrfu l-ħsibijiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu smigħ fil-limitu taż-żmien imniżżel fl-Avviż ta’ Bidu.

    (10)

    Sabiex tikseb it-tagħrif li qieset meħtieġ għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni bagħtet formola ta’ talba għal trattament ta’ ekonomija tas-suq (MET) u kwestjonarju lill-applikant u rċeviet tweġibiet skont il-limiti ta’ żmien stipulati għal dan il-għan. Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha li dehrilha neċessarja biex tiddetermina d-dumping, filwaqt li wettqet żjara ta’ verifika fil-kwartieri tal-applikant.

    6.   Perijodu ta’ investigazzjoni

    (11)

    L-investigazzjoni għad-dumping kopriet il-perijodu mill-1 ta’ Lulju 2008 sat-30 ta’ Ġunju 2009 (il-“PI”).

    B.   RIŻULTATI TAL-INVESTIGAZZJONI

    1.   Trattament ta’ ekonomija tas-suq (“MET”)

    (12)

    Skont l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku, f’investigazzjonijiet tal-antidumping li jikkonċernaw importazzjonijiet li joriġinaw mir-RPĊ, il-valur normali għandu jiġi ddeterminat skont il-paragrafi 1 sa 6 tal-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku għal dawk il-produtturi li jesportaw li jkunu nstabu li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku, jiġifieri fejn jintwera li l-manufattura u l-bejgħ tal-prodott simili jsiru fil-kondizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq. Dawn il-kriterji huma ppreżentati fil-qosor hawn taħt:

    id-deċiżjonijiet kummerċjali jsiru b’reazzjoni għas-sinjali tas-suq, mingħajr indħil sinifikanti mill-Istat, u l-ispejjeż jirriflettu l-valuri fis-suq;

    id-ditti kummerċjali għandhom sett wieħed ċar ta’ kotba tal-kontijiet li huma vverifikati indipendentement skont standards ta’ kontabilità internazzjonali (IAS) u huma applikati għall-għanijiet kollha;

    ma hemm l-ebda tfixkil sinifikanti li għadu nieżel minn sistema preċedenti ta’ ekonomija mhux tas-suq;

    il-liġijiet dwar il-falliment u l-proprjetà jiggarantixxu stabbiltà u ċertezza ġuridika;

    l-iskambji ta’ valuta jsiru bir-rata tas-suq.

    (13)

    L-investigazzjoni żvelat li l-applikant issodisfa l-ħames kriterji kollha tal-MET. Instab li matul il-PI, Heze ħadet id-deċiżjonijiet kummerċjali tagħha mingħajr ebda interferenza jew tfixkil mill-Istat marbuta ma’ kondizzjonijiet ekonomiċi mhux tas-suq. Heze hija suġġetta għal-liġijiet Ċiniżi dwar il-falliment u l-proprjetà bla ebda deroga. Il-kumpanija għandha ġabra waħda ta’ kotba tal-kontabilità vverifikata minn awdituri indipendenti u sistema waħda ta’ verifika u l-prattika tagħha nstabet li kienet kompatibbli mal-prinċipji ġenerali tal-kontabilità aċċettati internazzjonalment u mal-IAS. Instab li l-ispejjeż u l-prezzijiet jirriflettu l-valuri tas-suq u li konverżjonijiet tar-rati tal-kambju jsiru bir-rati tas-suq.

    (14)

    Abbażi tal-fatti u l-kunsiderazzjonijiet imsemmija hawn fuq, l-applikant jista’ jingħata MET.

    2.   Valur normali

    (15)

    Għall-fini tad-determinazzjoni tal-valur normali l-ewwel ġie stabbilit jekk il-volum totali tal-bejgħ domestiku ta’ Heze tal-prodott simili kienx rappreżentattiv meta mqabbel mal-volum tal-bejgħ totali tal-esportazzjoni lejn l-Unjoni. Skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku, il-bejgħ domestiku hu kkunsidrat rappreżentattiv meta l-volum totali tal-bejgħ domestiku jkun mill-anqas 5 % tal-volum totali tagħha tal-bejgħ rispettiv tal-esportazzjoni lejn l-Unjoni. Il-Kummissjoni stabbilixxiet li t-TCCA kien inbiegħ domestikament mill-applikant f’volumi ġeneralment rappreżentattivi.

    (16)

    Sussegwentement, dawk it-tipi tal-prodott simili mibjugħa fis-suq domestiku mill-aplikant li kienu identiċi jew li jitqabblu b’mod dirett mat-tipi mibjugħa għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni, ġew identifikati.

    (17)

    Għal kull tip mibjugħ minn Heze fis-suq domestiku u li nstab li jitqabbel b’mod dirett mat-tip mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni, ġie stabbilit jekk il-bejgħ domestiku sarx f’volum rappreżentattiv għall-għanijiet tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku. Il-bejgћ domestiku ta’ tip partikolari tqies bћala rappreżentattiv biżżejjed meta l-volum tal-bejgћ domestiku totali ta’ dak it-tip matul il-PI rrappreżenta 5 % jew iktar tal-volum totali ta’ bejgћ tat-tip komparabbli esportat lejn l-Unjoni.

    (18)

    Ġie eżaminat ukoll jekk il-bejgħ domestiku ta’ kull tip setax ikun ikkunsidrat bħala magħmul fl-andament normali tal-kummerċ, skont l-Artikolu 2(4) tar-Regolament bażiku. Dan sar billi ġie stabbilit il-proporzjon tal-bejgћ profittabbli lill-konsumaturi indipendenti fis-suq domestiku ta’ kull tip tal-prodott ikkonċernat esportat matul il-PI.

    (19)

    Fejn il-volum tal-bejgħ ta’ tip ta’ prodott, mibjugħ bi prezz tal-bejgħ nett daqs jew iktar mill-ispiża kkalkulata tal-produzzjoni, irrappreżenta aktar minn 80 % tal-volum tal-bejgħ totali ta’ dak it-tip, u fejn il-prezz medju peżat ta’ dak it-tip kien daqs jew iktar mill-ispiża unitarja tal-produzzjoni, il-valur normali kien ibbażat fuq il-prezz domestiku effettiv. Dan il-prezz ġie kkalkulat bħala l-medja peżata tal-prezzijiet tal-bejgħ domestiku kollu ta’ dan it-tip matul il-PI, sew jekk dan il-bejgħ kien bi qligħ kif ukoll jekk le.

    (20)

    Meta l-volum ta’ bejgħ bi qligħ ta’ tip ta’ prodott kien jirrappreżenta 80 % jew inqas tal-volum ta’ bejgħ totali ta’ dak it-tip, jew meta l-prezz medju peżat ta’ dak it-tip kien inqas mill-ispiża unitarja tal-produzzjoni, il-valur normali kien ibbażat fuq il-prezz domestiku attwali, li ġie kkalkulat bħala l-prezz medju differenzjat tal-bejgħ domestiku profittabbli biss tat-tip inkwistjoni magħmul matul il-PI.

    (21)

    Kull fejn il-prezzijiet domestiċi ta’ tip ta’ prodott partikolari mibjugħ minn Heze ma setgħux jintużaw sabiex jiġi stabbilit il-valur normali, kellu jiġi applikat metodu ieħor. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni użat il-valur normali maħdum. Skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku, il-valur normali kien kalkolat billi mal-ispejjeż tal-manifattura tat-tipi esportati ġew miżjuda, ammont raġonevoli għall-ispejjeż tal-bejgħ, u l-ispejjeż ġenerali u amministrattivi (“SG&A”) u marġni raġonevoli ta’ profitt. Skont l-Artikolu 2(6) tar-Regolament bażiku, l-ammonti għall-SG&A u l-marġni ta’ profitt kienu bbażati fuq il-medja tal-SG&A u l-marġni ta’ profitt tal-bejgħ tal-Heze fl-andament normali tal-kummerċ tal-prodott simili.

    (22)

    B’mod konformi mal-metodoloġija użata fl-investigazzjoni oriġinali, l-ispiża tal-manifattura kienet ikkalkolata għal żewġ tipi ta’ prodotti. Meta titqies l-informazzjoni provduta mill-applikant, ġiet ikkalkolata spiża waħda tal-manifattura għall-granuli u l-pilloli u oħra għat-trab.

    3.   Prezz ta’ esportazzjoni

    (23)

    Billi l-prodott ikkonċernat ġie esportat direttament lil klijenti indipendenti fl-Unjoni, il-prezz ta’ esportazzjoni ġie stabbilit skont l-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku, jiġifieri fuq il-bażi tal-prezz ta’ esportazzjoni effettivament imħallas jew dovut għall-prodott meta mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni.

    4.   Tqabbil

    (24)

    Il-valur normali medju tqabbel mal-prezz medju tal-esportazzjoni għal kull tip ta’ prodott ikkonċernat, fuq bażi ex-works u fuq l-istess livell ta’ kummerċ. Sabiex jiġi żgurat paragun imparzjali bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni, skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku, tqiesu d-differenzi fil-fatturi li kienu affermati u ppruvati li jaffettwaw il-prezzijiet u l-komparabilità tal-prezzijiet. Għal dan il-għan, l-aġġustamenti għall-ispejjeż ta’ trasport, l-ispejjeż ta’ trasport ta’ merkanzija bil-baħar u ta’ assigurazzjoni, ta’ tqandil, spejjeż ta’ kreditu, u spejjeż bankarji saru fejn kienu applikabbli u ġustifikati. Barra minn hekk, instab li l-VAT kienet parzjalment imħallsa lura meta l-prodott ikkonċernat kien mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni. Konsegwentement, il-VAT dovuta fuq il-bejgħ domestiku kien għalhekk aġġustat skont l-Artikolu 2(10)(b) tar-Regolament bażiku.

    (25)

    Fir-rigward tal-allowance tal-ispiża tal-ippakkjar, l-applikant għamel talba għal allowance fir-rigward tal-ispejjeż tal-ippakkjar għall-bejgħ kemm fis-swieq Ċiniżi kif ukoll f’dawk tal-Unjoni. Il-verifika wriet li dawn l-ispejjeż kienu ugwalment inklużi fl-ispiża tal-produzzjoni tal-prodott irrispettivament minn jekk kellux jinbiegħ domestikament jew għall-esportazzjoni. Għalhekk, il-konċessjoni mitluba ma ġietx aċċettata la fis-suq dometiku u lanqas f’dak tal-esportazzjoni.

    5.   Marġni ta’ Dumping

    (26)

    Kif previst fl-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku, il-valur medju normali peżat skont it-tip ġie mqabbel mal-prezz medju peżat tal-esportazzjonijiet tat-tip korrispondenti tal-prodott ikkonċernat. Dan it-tqabbil wera l-eżistenza ta’ dumping.

    (27)

    Il-marġni tad-dumping għal Heze espress bħala perċentwali tal-prezz nett, ħieles fuq il-fruntiera tal-Unjoni, instab li kien 3,2 %.

    C.   NATURA DEJJIEMA TAĊ-ĊIRKUSTANZI MIBDULA

    (28)

    Skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, ġie eżaminat ukoll jekk jistax jitqies b’mod raġonevoli li ċ-ċirkostanzi mibdula li nstabu li jeżistu huma ta’ natura dejjiema.

    (29)

    L-applikant ipprovda kooperazzjoni sħiħa f’din ir-reviżjoni interim u d-data miġbura u vverifikata ppermettiet l-istabbiliment ta’ marġni tad-dumping ibbażat fuq il-prezzijiet individwali tal-esportazzjoni lejn l-Unjoni. Ir-riżultat ta’ dan il-kalkolu jindika li l-issuktar tal-applikazzjoni tal-miżura fil-livell attwali tagħha ma kienx għadu ġustifikat.

    (30)

    L-evidenza miksuba u vverifikata matul l-investigazzjoni wriet tnaqqis fil-livell ta’ dumping spjegat mit-tnaqqis tal-istruttura tal-ispiża tal-kumpanija. Il-fatturi prinċipali li wasslu għat-tnaqqis fl-istruttura tal-ispejjeż tal-applikant huma l-produzzjoni interna tal-materja prima ewlenija u l-espansjoni fil-kapaċità produttiva tal-applikant.

    (31)

    Instab ukoll li minn meta kienet saret l-investigazzjoni oriġinali, żdiedu l-prezzijiet ta’ esportazzjoni ta’ Heze lejn is-swieq kollha. B’mod partikolari, il-prezzijiet għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni huma konformi mal-prezzijiet ta’ esportazzjoni tal-kumpanija lejn pajjiżi terzi oħra. Provi miġbura fuq il-post urew li l-kumpanija għandha ħafna klijenti fl-Unjoni b’livelli ta’ prezzijiet simili. L-imġiba koerenti tas-suq tal-applikant turi li l-bidliet fiċ-ċirkustanzi huma ta’ natura dejjiema.

    (32)

    Għalhekk, fid-dawl ta’ kulma ntqal hawn fuq, qed jitqies li ċ-ċirkostanzi li wasslu għat-tnedija ta’ din ir-reviżjoni aktarx li mhumiex ser jinbidlu fil-futur qrib b’mod li jaffettwaw is-sejbiet tar-reviżjoni attwali. Għalhekk ġie konkluż li l-bidliet huma kkunsidrati bħala ta’ natura dejjiema u li l-applikazzjoni tal-miżura fil-livell attwali tagħha ma tkunx aktar ġustifikata.

    D.   MIŻURI ANTIDUMPING

    (33)

    Fid-dawl tar-riżultati ta’ din l-investigazzjoni ta’ reviżjoni, jitqies xieraq li d-dazju antidumping applikabbli fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat minn Heze jiġi emendat għal 3,2 %,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-entrata dwar Heze Huayi Chemical Co. Limited, fit-tabella fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 1631/2005, għandha tiġi sostitwita b’dan li ġej:

    “RPĊ

    Heze Huayi Chemical Co. Limited

    3,2  %

    A629 ”

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, 27 ta’ Settembru 2010.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    K. PEETERS


    (1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

    (2)  ĠU L 261, 7.10.2005, p. 1.

    (3)  ĠU C 150, 2.7.2009, p. 14 (“Avviż ta’ Bidu”).


    Top