Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010R0806

    Regolament ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 806/2010 tat- 13 ta’ Settembru 2010 li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1292/2007 u (KE) Nru 367/2006 fir-rigward tal-għoti ta’ eżenzjoni mill-miżuri imposti taħt dawk ir-Regolamenti lil esportatur Iżraeljan wieħed ta’ film tat-tereftalat tal-polietilene (PET) li jorġina mill-Indja u li jtemm ir-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet mingħand dak l-esportatur

    ĠU L 242, 15.9.2010, p. 6–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 06/11/2012

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2010/806/oj

    15.9.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 242/6


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) Nru 806/2010

    tat-13 ta’ Settembru 2010

    li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1292/2007 u (KE) Nru 367/2006 fir-rigward tal-għoti ta’ eżenzjoni mill-miżuri imposti taħt dawk ir-Regolamenti lil esportatur Iżraeljan wieħed ta’ film tat-tereftalat tal-polietilene (PET) li jorġina mill-Indja u li jtemm ir-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet mingħand dak l-esportatur

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku tal-antidumping”) u b’mod partikolari l-Artikoli 11(4) u 13(4) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 tal-11 ta’ Ġunju 2009 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea (2) (“ir-Regolament bażiku ta’ kontra s-sussidji”) u b’mod partikolari l-Artikoli 20, 23(5) u (6) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv,

    Billi:

    A.   IL-MIŻURI FIS-SEĦĦ

    (1)

    Il-Kunsill, bir-Regolamenti (KE) Nru 1676/2001 (3) u Nru 2597/1999 (4) impona miżuri tal-antidumping u ta’ kontra s-sussidju rispettivament fuq il-film tal-PET li joriġina, fost oħrajn, mill-Indja (“il-miżuri oriġinali”). Bir-Regolamenti (KE) Nru 1975/2004 (5) u (KE) Nru 1976/2004 (6), il-Kunsill estenda dawn il-miżuri għall-film tal-PET mibgħuta mill-Iżrael u mill-Brażil (“il-miżuri estiżi”) ħlief għall-importazzjonijiet prodotti minn kumpanija Brażiljana waħda, Terphane Ltd, u kumpanija Iżraeljana waħda, Jolybar Ltd, imsemmija speċifikament f’kull wieħed min dawk ir-Regolamenti.

    (2)

    Permezz tar-Regolament (KE) Nru 101/2006 (7) il-Kunsill emenda r-Regolamenti (KE) Nru 1975/2004 u (KE) Nru 1976/2004 biex jeżenta kumpanija waħda oħra Iżraeljana, Hanita Coatings Rural Cooperative Association Ltd, mill-miżuri estiżi.

    (3)

    Wara reviżjoni dwar l-iskadenza tal-miżuri tal-antidumping, il-Kunsill, permezz tar-Regolament (KE) Nru 1292/2007 (8), impona dazju tal-antidumping fuq l-importazzjonijiet tal-film tat-tereftalat tal-polietilene (PET) li joriġina mill-Indja u żamm l-estenzjoni ta’ dak id-dazju fuq l-importazzjonijiet tal-istess prodott mibgħuta mill-Brażil u mill-Iżrael, sew jekk ikunx iddikjarat li oriġinaw mill-Brażil jew l-Iżrael u sew jekk ma jkunx, bl-eċċezzjoni ta’ ċerti produtturi speċifikati fl-Artikoli 2(4) ta’ dak ir-Regolament (“il-miżuri antidumping fis-seħħ”).

    (4)

    Wara reviżjoni dwar l-iskadenza tal-miżuri kompensatorji, il-Kunsill, permezz tar-Regolament (KE) Nru 367/2006 (9) impona dazju kompensatorju fuq importazzjonijiet tal-film tat-tereftalat tal-polietilene (PET) li joriġina mill-Indja u żamm l-estenzjoni ta’ dak id-dazju fuq l-importazzjonijiet tal-istess prodott mibgħuta mill-Brażil u mill-Iżrael, sew jekk ikunx iddikjarat li oriġinaw mill-Brażil jew l-Iżrael u sew jekk ma jkunx, bl-eċċezzjoni ta’ ċerti produtturi speċifikati fl-Artikolu 1(3) ta’ dak ir-Regolament (“il-miżuri kompensatorji fis-seħħ”). Il-miżuri tal-antidumping fis-seħħ u l-miżuri kompensatorji fis-seħħ minn hawn ’il quddiem ser jissemmew flimkien bħala “il-miżuri tal-antidumping u dawk kompensatorji fis-seħħ”.

    (5)

    Ir-Regolamenti (KE) Nru 1292/2007 u (KE) Nru 367/2006 ġew emendati l-aħħar permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 15/2009 (10).

    B.   L-INVESTIGAZZJONI ATTWALI

    1.   Talba għal reviżjoni

    (6)

    Il-Kummissjoni sussegwentement rċeviet talba għal eżenzjoni mill-miżuri estiżi skont l-Artikoli 11(4) u 13(4) tar-Regolament bażiku tal-antidumping u l-Artikoli 20, 23(5) u 23(6) tar-Regolament bażiku ta’ kontra s-sussidji. L-applikazzjoni ġiet ippreżentata minn S.Z.P. Plastic Packaging Products Ltd (“SZP”), produttur fl-Iżrael (“il-pajjiż ikkonċernat”).

    2.   Il-bidu tar-reviżjoni

    (7)

    Il-Kummissjoni eżaminat l-evidenza ppreżentata minn SZP u kkunsidratha biżżejjed biex tiġġustifika l-bidu ta’ investigazzjoni skont l-Artikoli 11(4) u 13(4) tar-Regolament bażiku tal-antidumping u l-Artikoli 20, 23(5) u 23(6) tar-Regolament bażiku ta’ kontra s-sussidji bil-għan li tiddetermina l-possibbiltà li teżenta lil SZP mill-miżuri estiżi. Wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, u wara li l-industrija tal-Unjoni kkonċernata ngħatat l-opportunità li tikkummenta, il-Kummissjoni, permezz tar-Regolament (UE) Nru 6/2010 (11) (“ir-Regolament ta’ bidu”), bdiet revizjoni tar-Regolamenti (KE) Nru 1292/2007 u (KE) Nru 367/2006 fir-rigward ta’ SZP.

    (8)

    Ir-Regolament li ta bidu għar-reviżjoni ħassar id-dazju antidumping impost bir-Regolament (KE) Nru 1292/2007 fir-rigward tal-importazjonijiet tal-prodott taħt l-investigazzjoni mibgħut mill-Iżrael minn SZP. Fl-istess ħin, skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku tal-antidumping, l-awtoritajiet doganali kienu ordnati jieħdu l-passi xierqa biex jirreġistraw dawn l-importazzjonijiet.

    3.   Il-prodott ikkonċernat

    (9)

    Il-prodott ikkonċernat huwa l-istess bħal dak definit fir-regolamenti li imponew il-miżuri oriġinali, il-film tat-tereftalat tal-polietilene (PET) li joriġina mill-Indja, li attwalment jaqa’ taħt il-kodiċi NM ex 3920 62 19 u ex 3920 62 90 (“il-prodott ikkonċernat”).

    (10)

    Huwa kkunsidrat li l-film tal-PET mibgħuta mill-Iżrael għall-Unjoni taħt il-kodiċi NM ex 3920 62 19 u ex 3920 62 90 (“il-prodott taħt reviżjoni”) għandu l-istess karatteristiċi tekniċi, fiżiċi u kimiċi bażiċi u l-istess użu bħall-prodott ikkonċernat. Għalhekk, huwa meqjus bħala prodott simili fit-tifsira tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku tal-antidumping u l-Artikolu 2(c) tar-Regolament bażiku ta’ kontra s-sussidji.

    4.   L-investigazzjoni

    (11)

    Il-Kummissjoni infurmat uffiċjalment lill-SZP u lir-rappreżentanti tal-pajiż ikkonċernat bil-bidu tar-reviżjoni. Partijiet interessati ġew mistiedna jesprimu l-fehmiet tagħhom u kienu mgħarrfa bil-possibbiltà li jitolbu smigħ. Madankollu, din it-talba ma saritx.

    (12)

    Il-Kummissjoni bagħtet ukoll kwestjonarju lil SZP u rċeviet tweġiba fil-limitu taż-żmien stipulat. Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha meqjusa bħala meħtieġa għall-iskop tar-reviżjoni. Saret żjara ta’ verifika fil-bini ta’ SZP.

    5.   Il-perijodu ta’ investigazzjoni

    (13)

    L-investigazzjoni kopriet il-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2009 sal-31 ta’ Diċembru 2009 (‘il-PI’). Id-data nġabret mill-2006 sal-aħħar tal-PI biex tkun investigata kull bidla fix-xejra tal-kummerċ.

    C.   IR-RIŻULTATI TAL-INVESTIGAZZJONI

    (14)

    L-investigazzjoni kkonfermat li SZP ma kinitx esportat il-prodott taħt reviżjoni lill-Unjoni Ewropea matul il-perijodu tal-investigazzjoni li wassal għall-miżuri estiżi, jiġifieri l-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru 2003. L-ewwel esportazzjoni tal-prodott taħt ir-reviżjoni minn SZP saret wara l-estensjoni tal-miżuri għal, fost oħrajn, l-Iżrael.

    (15)

    Barra dan, skont l-evidenza dokumentata ppreżentata, SZP kienet kapaċi turi b’mod sodisfaċenti li hija ma kellha l-ebda rabta diretta jew indiretta ma’ xi wieħed mill-produtturi esportaturi Indjani jew ma’ kumpaniji Iżraeljani soġġetti għall-miżuri tal-antidumping u dawk kumpensatorji li hemm fis-seħħ.

    (16)

    Kif issemma diġà fil-premessa 14, SZP ma esportatx il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni sa wara li ntemm il-perijodu ta’ investigazzjoni li wassal għall-miżuri estiżi. SZP timmanifattura l-film PET u tbiegħha jew tużaha biex tipproduċi sensiela ta’ prodotti tal-imballaġġ.

    (17)

    Il-materja prima ta’ oriġini Indjana tintuża, fost oħrajn, minn SZP biex timmanifattura l-film tal-PET esportata lejn l-Unjoni, iżda dan ma kienx meqjus bħala proċess li jinvolvi l-evażjoni tal-liġi. Il-materja prima Indjana kienet biss parti żgħira tal-materja prima mixtrija bil-prezz tas-suq minn SZP u kienet imħallta ma’ materja prima oħra li kienu fil-biċċa l-kbira tagħhom mixtrijin internament. Il-produttur Indjan tal-materja prima hija kumpanija li ilha żmien twil tissupplixxi lil SZP.

    (18)

    Barra minn hekk, ma nstabet ebda prova li SZP kienet qiegħda tixtri l-flim PET lest mill-Indja biex terġa’ tbiegħu jew tittrasbordah għall-Unjoni Ewropea.

    D.   EMENDA GĦALL-MIŻURI TAĦT REVIŻJONI

    (19)

    B’konformità mas-sejbiet imsemmija hawn fuq, li SZP ma kenitx qed tipprattika l-evażjoni, il-kumpanija għandha tiġi eżentata mill-miżuri tal-antidumping u dawk kumpensatorji fis-seħħ.

    (20)

    Ir-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet tal-film tal-PET mibgħut mill-Iżrael min-naħa ta’ SZP, kif impost mir-Regolament tal-bidu, għandha tintemm. Skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku tal-antidumping, li jipprevedi li għandhom ikunu applikati miżuri kontra l-importazzjoni rreġistrata mid-data tar-reġistrazzjoni, u minħabba l-eżenzjoni tal-kumpanija mill-miżuri, m’għandu jinġabar ebda dazju tal-antidumping fuq importazzjonijiet tal-flim tal-PET mibgħuta mill-Iżrael min-naħa ta’ SZP li daħal fl-Unjoni taħt ir-reġistrazzjoni imposta mir-Regolament tal-bidu.

    (21)

    Fir-rigward tal-miżuri kompensatorji, billi SZP instabet li ma kenitx qed tevita l-miżuri fis-seħħ, l-eżenzjoni għandha tibda tgħodd mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) Nru 6/2010 skont l-Artikolu 23(6) tar-Regolament bażiku ta’ kontra s-sussidji. Ir-rimborż jew l-eżenzjoni jridu jintalbu mingħand l-awtoritajiet doganali nazzjonali skont il-leġislazzjoni doganali applikabbli.

    (22)

    L-eżenzjoni mill-miżuri estiżi mogħtija lill-film tal-PET maħdum minn SZP għandha, skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku tal-antidumping u l-Artikolu 23(6) tar-Regolament bażiku ta’ kontra s-sussidji, tibqa’ valida bil-kundizzjoni li l-fatti kif finalment aċċertati jiġġustifikaw l-eżenzjoni u li ma jkunx stabbilit, pereżempju, li l-eżenzjoni kienet ingħatat abbażi ta’ informazzjoni falza jew qarrieqa ppreżentata mill-kumpanija kkonċernata. Jekk l-evidenza prima facie turi mod ieħor, jista’ jingħata bidu għal investigazzjoni mill-Kummissjoni biex jiġi stabbilit jekk ikunx iġġustifikat li l-eżenzjoni tiġi rtirata.

    (23)

    L-eżenzjoni mill-miżuri estiżi fuq l-importazzjonijiet tal-flim tal-PET mingħand SZP ġiet stabbilita abbażi tas-sejbiet tar-reviżjoni attwali. Din l-eżenzjoni għalhekk tapplika esklussivament għall-importazzjonijiet tal-film tal-PET mibgħut mill-Iżrael u maħdum minn dik l-entità ġuridika speċifika. Il-flim tal-PET importat li nħadem jew intbagħat minn kwalunkwe kumpanija mhux imsemmija b’mod speċifiku fl-Artikolu 2(4) tar-Regolament (KE) Nru 1292/2007 u l-Artikolu 1(3) tar-Regolament (KE) Nru 367/2006 b’isimha u bl-indirizz tagħha, inklużi l-entitajiet konnessi ma’ dawk imsemmija b’mod speċifiku, ma jistgħux jibbenefikaw mill-eżenzjoni u għandhom ikunu suġġetti għar-rata tad-dazju residwali kif imposta minn dawk ir-Regolamenti.

    E.   IL-PROĊEDURA

    (24)

    SZP u l-partijiet interessati l-oħrajn kollha ġew mgħarrfin bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet li fuq il-bażi tagħhom kien maħsub li tingħata eżenzjoni lil SZP mill-miżuri estiżi. Ma ntbagħat ebda kumment,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    1.   Ir-Regolament (KE) Nru 1292/2007 huwa b’dan emendat kif ġej:

    Fl-Artikolu 2(4), il-kumpanija li ġejja hija miżjuda mal-lista ta’ kumpaniji li jipproduċu l-film tat-tereftalat tal-polietilene fil-Brażil u fl-Iżrael u li l-importazzjonijiet tagħhom tal-film tat-tereftalat tal-polietilene huma eżentati mill-applikazzjoni tad-dazju residwali definittiv tal-antidumping estiż:

    “S.Z.P. Plastic Packaging Products Ltd, PO Box 53, Shavei Zion, 22086 Israel (Kodiċi addizzjonali TARIC A964)”.

    2.   Ir-Regolament (KE) Nru 367/2006 huwa b’dan emendat kif ġej:

    Fl-Artikolu 1(3), il-kumpanija li ġejja hija miżjuda mal-lista ta’ kumpaniji li jipproduċu l-film tat-tereftalat tal-polietilene fil-Brażil u fl-Iżrael u li l-importazzjonijiet tagħhom tal-film tat-tereftalat tal-polietilene huma eżentati mill-applikazzjoni tad-dazju definittiv kompensatorju estiż:

    “S.Z.P. Plastic Packaging Products Ltd, PO Box 53, Shavei Zion, 22086 Israel (Kodiċi addizzjonali TARIC A964)”.

    Artikolu 2

    Id-dazji kompensatorji li jkunu nġabru wara s-7 ta’ Jannar 2010 taħt l-Artikolu 1(1) tar-Regolament (KE) Nru 367/2006 fuq l-importazzjonijiet minn S.Z.P. Plastic Packaging Products Ltd għandhom jintraddu lill-importatur jew l-importaturi kkonċernati. Għandhom jintalbu mingħand l-awtoritajiet doganali nazzjonali r-rimborż jew l-eżenzjoni skont il-leġislazzjoni doganali applikabbli.

    Artikolu 3

    L-awtoritajiet doganali b’dan huma mitluba jwaqqfu r-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet imwettqa skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 6/2010. M’għandu jinġabar ebda dazju tal-antidumping fuq l-importazzjonijiet irreġistrati b’dan il-mod.

    Artikolu 4

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    L-Artikolu 1(2) għandu japplika mis-7 ta’ Jannar 2010.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Settembru 2010.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    S. VANACKERE


    (1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

    (2)  ĠU L 188, 18.7.2009, p. 93.

    (3)  ĠU L 227, 23.8.2001, p. 1.

    (4)  ĠU L 316, 10.12.1999, p. 1.

    (5)  ĠU L 342, 18.11.2004, p. 1.

    (6)  ĠU L 342, 18.11.2004, p. 8.

    (7)  ĠU L 17, 21.1.2006, p. 1.

    (8)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1292/2007 tat-30 ta’ Ottubru 2007 li jimponi dazju defenittiv ta’ antidumping fuq importazzjonijiet ta’ tertuqa tat-tereftalat tal-polietilene(PET) li joriġinaw fl-Indja, wara reviżjoni tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, u li jtemm ir-reviżjoni parzjali interim skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 384/96 (ĠU L 288, 6.11.2007, p. 1).

    (9)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 367/2006 tas-27 ta’ Frar 2006 li jimponi dazju kumpensatorju definittiv fuq l-importazzjoni ta’ film tal-polyethylene terephthalate (PET) li joriġina fl-Indja wara reviżjoni ta’ għeluq iż-żmien skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 2026/97 (ĠU L 68, 8.3.2006, p. 15).

    (10)  ĠU L 6, 10.1.2009, p. 1.

    (11)  ĠU L 2, 6.1.2010, p. 5.


    Top